IT-TIENI RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

3.10.2024 - (2023/2131(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Jonas Sjöstedt

Proċedura : 2023/2131(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A10-0003/2024
Testi mressqa :
A10-0003/2024
Dibattiti :
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2023/2131(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022[1],

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 (COM(2023)0391 – C9‑0250/2023)[2],

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2022,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2022, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2022 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2024[5] li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2022, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[6], u b’mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 102 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A10-0003/2024),

1. Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2022;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex tiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


 

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2023/2131(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 102 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A10-0003/2024),

A. billi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta’ titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B. billi, skont l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Parlament huwa l-unika istituzzjoni responsabbli mill-għoti tal-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, u billi l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill huwa taqsima tal-baġit tal-Unjoni;

C. billi, skont l-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew ma għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi;

D. billi, skont l-Artikolu 317 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit tal-Unjoni fuq ir-responsabbiltà tagħha stess, wara li tqis il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u billi, skont il-qafas fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni s-setgħat meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit relatati magħhom;

E. billi, skont l-Artikoli 235(4) u 240(2) tat-TFUE, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (il-“Kunsill”) huma megħjuna mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u billi s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill huwa kompletament responsabbli mill-ġestjoni tajba tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-Taqsima II tal-baġit tal-Unjoni;

F. billi l-Parlament ilu kważi għoxrin sena jimplimenta l-prattika konsolidata u rispettata tal-għoti tal-kwittanza lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni, u billi l-Kummissjoni taqbel li l-prattika li tingħata l-kwittanza lil kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija tal-Unjoni għan-nefqa amministrattiva tagħhom għandha tkompli tiġi segwita;

G. billi, skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni s-setgħat meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit li huma relatati magħhom;

H. billi, mill-2009 ’l hawn, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Kunsill fil-proċedura ta’ kwittanza rriżulta fir-rifjut tal-Parlament li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill;

I. billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni u riċevituri tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, għandhom ikunu trasparenti u responsabbli b’mod demokratiku lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u soġġetti għal skrutinju demokratiku tal-infiq tal-fondi pubbliċi;

J. billi r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew (l-“Ombudsman”) fl-inkjesta strateġika OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill indikat li l-prattika tal-Kunsill fir-rigward tat-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv ikkostitwiet amministrazzjoni ħażina u għandha tiġi indirizzata sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni;

K. billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkonferma d-dritt tal-kontribwenti u tal-pubbliku li jinżammu infurmati dwar l-użu tad-dħul pubbliku, u billi l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Jannar 2023 fil-Kawża T-163/21[7], De Capitani vs Il-Kunsill, iddikjarat, dwar it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni, li d-dokumenti prodotti mill-Kunsill fil-gruppi ta’ ħidma tiegħu mhumiex ta’ natura teknika iżda huma ta’ natura leġiżlattiva u għalhekk huma soġġetti għal talbiet ta’ aċċess għal dokumenti;

1. Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li mill-2009 u għal darb’oħra għas-sena finanzjarja 2022, il-Kunsill kompla jirrifjuta li jikkoopera mal-Parlament dwar il-proċedura ta’ kwittanza, u għaldaqstant il-Parlament ma setgħax jieħu deċiżjoni infurmata bbażata fuq skrutinju serju u bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill u kellu jirrifjuta li jagħti l-kwittanza;

2. Jinnota li fit-28 ta’ Settembru 2023 is-servizzi rilevanti tal-Parlament, f’isem ir-rapporteur għall-proċedura ta’ kwittanza, bagħtu kwestjonarju lis-Segretarjat tal-Kunsill b’74 mistoqsija importanti mill-Parlament sabiex jingħata lok għal skrutinju bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill u tal-ġestjoni tal-Kunsill; jinnota wkoll li ntbagħtu kwestjonarji simili lill-istituzzjonijiet l-oħra kollha, li kollha kemm huma taw lill-Parlament tweġibiet dettaljati għall-mistoqsijiet kollha;

3. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, fit-12 ta’ Ottubru 2023, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informa lill-Parlament għal darb’oħra li ma kienx se jwieġeb għall-kwestjonarju tal-Parlament u li l-Kunsill ma kienx se jipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ li kienet ippjanata li ssir fil-25 ta’ Ottubru 2023 bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza, u li fiha pparteċipaw l-istituzzjonijiet mistiedna l-oħra kollha;

4. Jenfasizza l-prerogattivi tal-Parlament li jagħti kwittanza skont l-Artikolu 319 tat-TFUE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, f’konformità mal-interpretazzjoni u l-prattika attwali, jiġifieri, is-setgħa li jagħti l-kwittanza sabiex tinżamm it-trasparenza u tiġi żgurata r-responsabbiltà demokratika fil-konfront tal-kontribwenti tal-Unjoni;

5. Jissottolinja li l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Finanzjarju jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tagħti s-setgħat meħtieġa lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit li huma relatati magħhom u, għalhekk, isibha inkomprensibbli li l-Kunsill jemmen li huwa xieraq li għandha tingħata kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill;

6. Jisħaq fuq il-prattika stabbilita sew u rispettata segwita mill-Parlament matul kważi għoxrin sena mill-għoti ta’ kwittanza lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni; itenni li l-Kummissjoni ddikjarat in-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; jisħaq fuq il-fehma mtennija tal-Kummissjoni li l-prattika li tingħata kwittanza lil kull istituzzjoni tal-Unjoni għan-nefqa amministrattiva tagħha għandha tkompli tiġi segwita mill-Parlament;

7. Jisħaq li s-sitwazzjoni attwali timplika li l-Parlament jista’ biss jivverifika r-rapporti tal-Qorti u tal-Ombudsman kif ukoll l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kunsill, għax il-Kunsill qed ikompli bil-prattika ħażina tiegħu li ma jikkooperax mal-Parlament, u dan jagħmilha impossibbli li l-Parlament iwettaq dmirijietu b’mod xieraq u jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

8. Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill, għal aktar minn għaxar snin, wera li ma għandu l-ebda rieda politika li jikkollabora mal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura annwali ta’ kwittanza; jissottolinja li din l-attitudni kellha effett negattiv dejjiemi fuq iż-żewġ istituzzjonijiet, skreditat il-ġestjoni u l-iskrutinju demokratiku tal-baġit tal-Unjoni u kienet ta’ dannu għall-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni bħala entità trasparenti;

9. Jafferma mill-ġdid il-frustrazzjoni profonda tiegħu fir-rigward tal-attitudni tal-Kunsill lejn il-proċedura ta’ kwittanza, li qed twassal messaġġ mhux xieraq liċ-ċittadini tal-Unjoni fi żmien meta huwa essenzjali li jkun hemm trasparenza akbar; jissottolinja li l-Kunsill jeħtieġlu jaderixxi mal-istess standards ta’ responsabbiltà li jistenna minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;

10. Jenfasizza li l-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-Unjoni jirrikonoxxu u jifhmu l-prinċipju li, minħabba d-delega tas-setgħa li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-baġit, il-Parlament għandu kemm id-dritt kif ukoll l-obbligu li jiskrutinizza l-baġits tagħhom u l-eżekuzzjoni tagħhom bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza; fid-dawl ta’ dan, jesprimi d-diżapprovazzjoni qawwija tiegħu li l-Kunsill jippersisti fir-rifjut tiegħu li jikkoopera mal-Parlament f’dan ir-rigward;

11. Itenni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tappoġġja d-dritt tal-kontribwenti u li l-pubbliku jinżamm infurmat dwar l-użu tad-dħul pubbliku; jappella, għalhekk, għal rispett sħiħ għall-prerogattiva u r-rwol tal-Parlament bħala garanti tal-prinċipju tar-responsabbiltà demokratika; jistieden lill-Kunsill isegwi kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza;

12. Jisħaq li reviżjoni tat-Trattati tista’ tagħmel il-proċedura ta’ kwittanza aktar ċara u trasparenti billi tagħti lill-Parlament il-kompetenza espliċita li jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni fuq bażi individwali; jissottolinja, madankollu, li sakemm issir reviżjoni bħal din, is-sitwazzjoni attwali trid tittejjeb permezz ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar fi ħdan il-qafas attwali tat-Trattati u jħeġġeġ lill-Kunsill jimpenja ruħu b’mod attiv mal-Parlament biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali;

13. Jistieden lill-Kunsill ikompli kemm jista’ jkun malajr in-negozjati mal-Parlament fl-ogħla livell, bl-involviment tas-Segretarji Ġenerali u l-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet, sabiex jintemm l-impass u tinstab soluzzjoni filwaqt li jiġu rispettati r-rwoli rispettivi tal-Parlament u tal-Kunsill fil-proċedura ta’ kwittanza u jiġu żgurati t-trasparenza u l-kontroll demokratiku xieraq tal-implimentazzjoni tal-baġit;

14. Jiddispjaċih li l-Kunsill ma ħejjiex biex jevita Presidenza tal-Kunsill immexxija minn Stat Membru soġġett għal proċedura tal-Artikolu 7, u b’konsegwenza ta’ dan il-Presidenza tal-Kunsill qed tiġi abbużata mill-gvern Ungeriż filwaqt li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera qed jiġi miksur;

15. Jisħaq li l-osservazzjonijiet tal-Parlament rigward il-prijoritajiet politiċi – inkluż in-nuqqas ta’ linji gwida vinkolanti rigward l-isponsorizzar korporattiv tal-presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill –, il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, il-ġestjoni interna, il-prestazzjoni u l-kontroll intern, ir-riżorsi umani, l-ugwaljanza – bħall-iżbilanċ bejn il-ġeneri – u l-benesseri tal-persunal, il-qafas etiku u t-trasparenza, id-diġitalizzazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data, il-bini, l-ambjent u s-sostenibbiltà, u l-kooperazzjoni interistituzzjonali, u l-komunikazzjoni mir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu tat-23 ta’ April 2024, għadhom validi;

16. Itenni li l-użu tal-proċedura ta’ votazzjoni b’unanimità fil-Kunsill dwar ċerti oqsma ta’ politika qed jipparalizza l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u għalhekk jagħmilha suxxettibbli għar-rikatt mill-Istati Membri, speċjalment dawk li jonqsu milli jirrispettaw l-istat tad-dritt.

 


 

 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Ir-rapporteurvjiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu li ma rċieva l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f'dan l-Anness f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta' Proċedura.

 

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

30.9.2024

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

1

22

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Aftias, Damian Boeselager, José Cepeda, Caterina Chinnici, Tamás Deutsch, Dick Erixon, Daniel Freund, Gerben-Jan Gerbrandy, Esteban González Pons, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Virginie Joron, Ondřej Knotek, Kinga Kollár, Giuseppe Lupo, Csaba Molnár, Jacek Protas, Julien Sanchez, Jonas Sjöstedt, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Arno Bausemer, Rudi Kennes, Bert-Jan Ruissen

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sérgio Gonçalves

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

1

+

ESN

Arno Bausemer

 

22

-

ECR

Bert-Jan Ruissen

PPE

Georgios Aftias, Caterina Chinnici, Esteban González Pons, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Kinga Kollár, Jacek Protas, Tomáš Zdechovský

PfE

Tamás Deutsch, Virginie Joron, Ondřej Knotek, Julien Sanchez

Renew

Gerben-Jan Gerbrandy

S&D

José Cepeda, Sérgio Gonçalves, Giuseppe Lupo, Csaba Molnár

The Left

Rudi Kennes, Jonas Sjöstedt

Verts/ALE

Damian Boeselager, Daniel Freund

 

1

0

ECR

Dick Erixon

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Ottubru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza