RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2024/001 BE/Match-Smatch)

15.10.2024 - (COM(2024)0275 – C10‑0101/2024 – 2024/0226(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Michalis Hadjipantela


Proċedura : 2024/0226(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A10-0009/2024
Testi mressqa :
A10-0009/2024
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2024/001 BE/Match-Smatch)

(COM(2024)0275 – C10‑0101/2024 – 2024/0226(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2024)0275 – C10‑0101/2024),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013[1](“ir-Regolament dwar il-FEG”),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027[2] kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2024/765[3], u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda[4], u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A10-0009/2024),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta’ appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom ikunu ħadmu;

B. billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2024/001 BE/Match-Smatch għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara għadd totali ta’ 513-il sensja[5] fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-diviżjoni 47 tan-NACE Reviżjoni 2 (Kummerċ bl-imnut, ħlief ta’ vetturi bil-mutur u muturi) fil-provinċji ta’ Hainaut (BE32), Liège (BE33), u Namur (BE35) b’444 sensja f’perjodu ta’ referenza għall-applikazzjoni mill-11 ta’ Diċembru 2023 sal-11 ta’ April 2024, u 69 sensja qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza;

C. billi l-applikazzjoni tirrigwarda 444 sensja fil-perjodu ta’ referenza għall-applikazzjoni li l-attività tagħhom waqfet f’Match-Smatch;

D. billi l-applikazzjoni tirrigwarda 69 sensja li l-attività tagħhom waqfet qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur, li matulu tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza kif meħtieġ mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-FEG;

E. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedu l-waqfien tal-attività ta’ mill-inqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati f’fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet;

F. billi s-settur Belġjan tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel irreġistra tnaqqis sinifikanti fil-volumi mibjugħa fl-2023, minħabba l-kriżi tal-enerġija u tal-inflazzjoni, u żieda fix-xiri transfruntier u fil-kummerċ elettroniku;

G. billi l-Match-Smatch iffaċċja sitwazzjoni ekonomika diffiċli għal diversi snin u eventwalment irrapporta telf totali ta’ EUR 36,5 miljun fl-20222a, u sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni ulterjuri ta’ telf, Match-Smatch aċċetta l-offerta tal-Grupp Colruyt li jakkwista 57 mill-84 ħanut f’Settembru 2023, u li jimpjega wkoll lill-persunal tal-ħwienet (1 069 persuna); billi tmien ħwienet oħra ħaduhom Carrefour, Delhaize, Intermarché u Delfood;

H. billi b’riżultat ta’ dan, total ta’ 513-il impjegat kienu soġġetti għal proċedura ta’ sensji kollettivi; 339 impjegat tad-19-il ħanut li għalihom ma seta’ jinstab l-ebda akkwirent, kif ukoll 174 impjegat tal-kwartieri ġenerali ta’ Match-Smatch;

I. billi kien hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u f’dik tal-UE rigward is-sensji kollettivi;

J. billi l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat id-domanda għal ħaddiema aktar kwalifikati fis-suq tax-xogħol Belġjan, u dan għamilha aktar diffiċli għall-eks ħaddiema ta’ Match-Smatch biex jintegraw mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol;

K. billi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandhom ikunu diretti prinċipalment lejn miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol u servizzi personalizzati li jkollhom l-għan li jintegraw mill-ġdid u malajr lill-benefiċjarji f’impjieg deċenti u sostenibbli fi ħdan is-settur ta’ attività inizjali tagħhom jew barra minnu, filwaqt li jħejjuhom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali;

L. billi r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tnaqqas l-ammont annwali massimu tal-FEG minn EUR 186 miljun għal EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2024/765; billi l-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-FEG u l-istituzzjonijiet kollha għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, minkejja dan it-tnaqqis, il-ħaddiema ssensjati jkunu jistgħu jiddependu mis-solidarjetà tal-UE permezz tal-appoġġ tal-FEG;

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 2 661 564 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-ispiża totali ta’ EUR 3 131 252, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 3 009 752 u n-nefqa għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta’ EUR 121 500;

2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni fit-3 ta’ Ġunju 2024, u li, wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-16 ta’ Settembru 2024 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum;

3. Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda 513-il ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet f’Match-Smatch; jinnota wkoll li total ta’ 365 ħaddiem issensjat se jkunu benefiċjarji fil-mira u huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

4.  Jinnota li l-Belġju applika għal kofinanzjament mill-FEG biss biex jappoġġja lill-eks ħaddiema ta’ Match-Smatch li jgħixu fir-reġjun ta’ Wallonia minħabba s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol reġjonali (rata tal-qgħad tal-2023 ta’ 8,2 %) u minħabba li aktar minn 70 % tas-sensji huma kkonċentrati fir-reġjun ta’ Wallonia;

5.  Jinnota li nofs il-ħaddiema ta’ Match-Smatch li ngħataw is-sensja (46 %) għandhom ħamsin sena jew aktar, grupp ta’ età li jiffaċċja aktar ostakli għall-impjieg u li, fl-aħħar kwart tal-2023, kien hemm differenza ta’ 18,3 punti perċentwali bejn ir-rata ta’ impjieg għall-grupp ta’ età ta’ bejn l-20 u l-54 sena (76,8 %) u r-rata ta’ impjieg għall-grupp ta’ età ta’ aktar minn 55 sena (58,5 %) fil-livell nazzjonali[6]; jisħaq li t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema f’konformità mad-domanda tas-suq tax-xogħol għall-impjiegi kwalifikati se jkunu ta’ sfida, l-aktar meta jitqies l-għadd kbir ta’ persuni ssensjati fl-istess ħin;

6. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal mill-Belġju b’konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, ir-rappreżentanti tagħhom u s-sħab soċjali biex iż-żoni affettwati, u s-suq tax-xogħol ġenerali, isiru aktar sostenibbli u reżiljenti fil-futur;

7. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, appoġġ u kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju, kif ukoll inċentivi u benefiċċji;

8. Ifakkar li l-awtoritajiet Belġjani għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru jkunu parti integrali tal-implimentazzjoni u jiġu promossi matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni;

9. Ifakkar li l-awtoritajiet Belġjani għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni u jenfasizzaw il-valur miżjud tal-UE tal-intervent billi jipprovdu informazzjoni koerenti, effettiva u mmirata lil diversi udjenzi, inkluża informazzjoni mmirata lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, il-media u l-pubbliku;

10. Jilqa’ l-fatt li sabiex jitħejja pakkett sod ta’ miżuri mfassla apposta sabiex jappoġġja l-isforzi tal-ħaddiema ta’ Match-Smatch biex jirritornaw għax-xogħol, is-Servizz Pubbliku Reġjonali għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali ta’ Wallonia (Le Forem), it-trade unions (FGTB u CSC) u sħab oħra ltaqgħu f’diversi okkażjonijiet fl-2024 biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, li l-konsulenti soċjali li akkumpanjaw lill-ħaddiema wara s-sensja tagħhom ġew ikkonsultati wkoll, u li dawn il-laqgħat irriżultaw f’pakkett ikkoordinat ta’ miżuri tal-FEG li jikkonforma mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG;

11.  Jilqa’ l-inklużjoni ta’ modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi li ġie żviluppat għall-eks ħaddiema ta’ Swissport (EGF/2020/005 BE/Swissport), bħala parti mill-offerta standard ta’ taħriġ tas-Servizz Pubbliku Reġjonali għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali (Forem), li se jiġi kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+); itenni, f’dan il-kuntest, ir-rwol importanti li l-Unjoni għandu jkollha biex tipprovdi l-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni doppja; jappoġġja bil-qawwa l-fatt li, matul il-perjodu tal-QFP 2021-2027, il-FEG se jkompli juri solidarjetà mal-persuni affettwati u jżomm l-enfasi fuq l-impatt tar-ristrutturar fuq il-ħaddiema; jappella biex l-applikazzjonijiet futuri jimmassimizzaw il-koerenza tal-politika;

12.  Iqis li hija responsabbiltà soċjali tal-Unjoni li tipprovdi lil dawn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja bil-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tal-industrija u l-ekonomija tal-Unjoni, li se jkollhom ukoll effett fuq is-suq tax-xogħol; jappella, għalhekk, li tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni kwalifikata u rilevanti, inkluż it-taħriġ vokazzjonali;

13. Jinnota li l-Belġju beda joffri s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Jannar 2024 u li n-nefqa fuq il-miżuri, għaldaqstant, se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2024 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ finanzjament;

14. Jinnota li l-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG fit-22 ta’ Settembru 2023 u li għaldaqstant, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-22 ta’ Settembru 2023 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ finanzjament;

15. Jisħaq li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li l-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;

16. Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta’ kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe benefiċċju jew dritt tal-ħaddiema ssensjati, biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni; ifakkar li l-Istati Membri li japplikaw għal appoġġ finanzjarju mill-FEG jeħtiġilhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar is-sensji kollettivi u li l-kumpanija kkonċernata tkun ipprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq;

17. Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex tiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2024/001 BE/Match-Smatch

 

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013[7], u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar ir-riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda[8], u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti kbar ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal xogħol deċenti u impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093[9], emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765[10], u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.

(3) Fit-3 ta’ Ġunju 2024, il-Belġju ssottometta applikazzjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema f’Match-Smatch (Match SA. u Profi SA.) fil-Belġju. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni hija meqjusa konformi mar-rekwiżiti għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11].

 

(4) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 2 661 564 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.

(5) Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2024, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’
EUR 2 661 564 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika mill-... [data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni][⁕].

Magħmula fi,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President  Il-President
 

 


 

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) inħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

F’konformità mal-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020[12], il-Kummissjoni hija meħtieġa, wara l-valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, tressaq proposta sabiex timmobilizza l-Fond lill-awtorità baġitarja u tikkomplementaha b’talba korrispondenti għal trasferiment lil-linji baġitarji rilevanti.

II. L-applikazzjoni tal-Belġju u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-3 ta’ Ġunju 2024, il-Belġju ssottometta applikazzjoni EGF/2024/001 BE/Match-Smatch għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 513-il sensja[13] fil-kumpanija Match-Smatch (Match SA. u Profi SA.). Din hija l-ewwel applikazzjoni tal-2024 u l-ewwel waħda li ser tiġi eżaminata fil-qafas tal-baġit 2024.

Wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.

Fis-16 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju għal miżuri mfassla apposta sabiex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta’ 365 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri l-ħaddiema tal-Match-Smatch li ngħataw is-sensja. B’kollox, se jiġu mmobilizzati EUR 2 661 564 mill-FEG għall-Belġju, ammont li jirrappreżenta 85 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti.

Il-Kummissjoni qieset l-applikazzjoni tal-Belġju ammissibbli skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 200 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew minn persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

Il-kofinanzjament tal-FEG intalab għall-ħames tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati:

(a) Servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament: Dan is-sett ta’ servizzi jespandi l-attivitajiet standard b’appoġġ għall-eks ħaddiema ta’ Match-Smatch imwettqa mill-unità tal-impjieg ta’ Le Forem f’isem l-intrapriża li tat is-sensji. L-offerta standard se tiġi estiża lil hinn mill-perjodu obbligatorju u se jiġu proposti servizzi speċifiċi addizzjonali bħal taħriġ individwali, tiftix attiv ta’ impjiegi u tqabbil tal-impjiegi.

(b) Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali: Il-ħaddiema se jkollhom aċċess għall-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Le Forem u tas-sħab tiegħu. Barra minn hekk, wara li jitfasslu l-profili u jitqabblu l-proġetti individwali mal-konsulent vokazzjonali, se jiġi offrut taħriġ speċifiku kofinanzjat mill-FEG biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati tal-ħaddiema.

(c) Appoġġ lejn il-ħolqien ta’ negozju: Il-miżura hija mmirata lejn ħaddiema li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom. Din se tinkludi fażi ta’ dijanjożi u gwida, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-intraprenditorija, sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-potenzjal għall-ħolqien ta’ negozju permezz ta’ dijanjożi ekonomika territorjali u ta’ networking ma’ intraprendituri rilevanti u ma’ kowċis iċċertifikati fil-ħolqien ta’ negozju.

(d) Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju: Il-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 15 000. Il-kontribuzzjoni se titħallas f’żewġ pagamenti, abbażi ta’ evidenza tal-bidu u tal-iżvilupp tal-attività tan-negozju (dokumenti ta’ sostenn).

(e) Inċentivi u benefiċċji: (1) Benefiċċji għat-tiftix ta’ impjieg u għat-taħriġ. Il-ħaddiema se jirċievu EUR 2 għal kull siegħa ta’ parteċipazzjoni effettiva f’attivitajiet ta’ taħriġ jew ta’ tiftix ta’ impjieg. Bonus għat-titjib tal-ħiliet tal-IT. Il-ħaddiema li jsegwu kemm il-modulu għall-aċċess għall-awtonomija diġitali kif ukoll il-modulu komplementari tiegħu se jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 700 bil-kundizzjoni li jipparteċipaw b’mod attiv fit-taħriġ u jlestuh. Il-bonus għandu l-għan li jnaqqas l-illitteriżmu diġitali billi jħeġġeġ lill-ħaddiema jtejbu l-ħiliet tal-IT tagħhom. (3) Bonus għat-titjib tal-ħiliet lingwistiċi. Il-ħaddiema li jsegwu taħriġ lingwistiku biex itejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom fl-Olandiż, fl-Ingliż jew fil-Ġermaniż bħala parti minn tiftix speċifiku ta’ impjieg, li jippermettilhom jilħqu livell ogħla tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, se jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 700. L-istess japplika għall-ħaddiema li l-lingwa nattiva tagħhom mhijiex il-Franċiż u li jtejbu l-ħiliet tal-Franċiż tagħhom għal livell ogħla. L-objettiv ta’ dan il-bonus huwa li jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ħiliet lingwistiċi transdixxiplinarji biex tiġi ffaċilitata r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. (4) Benefiċċju għar-ritorn lejn l-iskola. Se jingħata benefiċċju ta’ EUR 350 fix-xahar lill-ħaddiema li jibdew studji sekondarji u terzjarji full-time, jew taħriġ kwalifikanti, irrispettivament mill-età tagħhom. (5) Benefiċċju għall-ħolqien ta’ negozju. Sabiex il-ħaddiema jkunu appoġġjati waqt li jistabbilixxu n-negozju tagħhom, se jingħataw benefiċċju fix-xahar ta’ EUR 350 għal massimu ta’ 12-il xahar[14]. (6) Inċentivi għar-reklutaġġ. L-intrapriżi li jirreklutaw eks ħaddiema ta’ Match-Smatch li għandhom aktar minn 50 sena se jirċievu EUR 10 000 għall-kuntratti permanenti full-time jew għall-kuntratti b’terminu fiss sa 6 xhur segwiti minn kuntratti permanenti.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi tali azzjonijiet.

Il-proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat talba lill-Awtorità Baġitarja għal trasferiment ta’ ammont globali ta’ EUR 2 661 564 mir-riżerva tal-FEG (linja baġitarja 30 04 02; approprjazzjonijiet ta’ impenn) għall-FEG (linja baġitarja 16 02 02; approprjazzjonijiet ta’ impenn).

Skont ftehim intern fi ħdan il-Parlament Ewropew, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat dwar il-Politika Reġjonali għandhom jiġu assoċjati fil-proċess sabiex joffru appoġġ kostruttiv u jagħtu kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.


 

 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI  R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-rapporteur jiddikjara li rċieva kontribut mill-entitajiet jew il-persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:

Entità u/jew persuna

European Trade Union Confederation

Il-lista ta’ hawn fuq hija mfassla taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-rapporteur.

Meta persuni fiżiċi jkunu identifikati fil-lista b'isimhom, bil-funzjoni tagħhom jew bit-tnejn li huma, ir-rapporteurjiddikjara li ppreżenta lill-persuni fiżiċi kkonċernati l-Avviż tal-Parlament Ewropew Nru 484 dwar il-Protezzjoni tad-Data (https://www.europarl.europa.eu/data-protect/index.do), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom u d-drittijiet marbuta ma' dak l-ipproċessar.

 

 


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI (3.10.2024)

Is-Sur Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELS

Suġġett: Opinjoni dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2024/001 BE/Match-Smatch (2024/0226(BUD))

Sur President,

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek u ddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta’ ittra.

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tat-3 ta’ Ottubru 2024 u ddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin hawn taħt fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu.

Dejjem tiegħek,

Li Andersson

 

 


OPINJONI

A. billi, fit-3 ta’ Ġunju 2024, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni EGF/2024/001 BE/Match-Smatch għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG), wara s-sensji f’supermarkets ta’ Match-Smatch (Match SA. u Profi SA.) fil-Belġju; billi, wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament (UE) 2021/691 (ir-Regolament dwar il-FEG), li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati; billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-inqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur (f’dan il-każ mill-11 ta’ Diċembru sal-11 ta’ April 2024) f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati ta’ fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet;

B. billi l-applikazzjoni hija relatata ma’ 513-il ħaddiem issensjat (benefiċjarji eliġibbli) li l-attività tagħhom waqfet f’Match-Smatch (444 ħaddiem issensjat f’Match-Smatch matul il-perjodu ta’ referenza u 69 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza); billi din l-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 ta’ NACE Reviżjoni 2 (Kummerċ bl-imnut, għajr ta’ vetturi bil-mutur u muturi); billi s-sensji jinsabu prinċipalment fir-reġjuni NUTS 2 tal-Provinċja ta’ Hainaut (BE32), il-Provinċja ta’ Liège (BE33), u l-Provinċja ta’ Namur (BE35);

C. billi, fis-16 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ 365 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-għeluq tas-supermarkets ta’ Match-Smatch fil-Belġju;

D. billi Match-Smatch iffaċċja sitwazzjoni ekonomika diffiċli għal diversi snin; billi fl-2019, l-ewwel ristrutturar wassal għall-għeluq ta’ 15-il ħanut u 140 sensja; billi fl-2021 Match-Smatch għal darb’oħra rrapporta telf ta’ EUR 11,9 miljun; billi sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni ulterjuri ta’ telf, Match-Smatch aċċetta l-offerta tal-Grupp Colruyt li jakkwista 57 mill-84 ħanut, u li jimpjega wkoll lill-persunal tal-ħwienet (1 069 persuna); billi tmien ħwienet oħra ħaduhom Carrefour, Delhaize, Intermarché u Delfood; billi t-339 impjegat tad-19-il ħanut li għalihom ma seta’ jinstab l-ebda xerrej, kif ukoll il-174 impjegat tal-kwartieri ġenerali ta’ Match-Smatch, kienu soġġetti għal proċedura ta’ sensji kollettivi;

E. billi s-sensji ta’ Match-Smatch jikkonċernaw il-Belġju kollu; billi, madankollu, l-impatt territorjali ta’ sensji jvarja minħabba d-differenzi bejn is-suq tax-xogħol Fjamming u dak ta’ Wallonia u minħabba li aktar minn 70 % tas-sensji huma kkonċentrati f’Wallonia; billi fl-2023, ir-rata tal-qgħad għall-Belġju b’mod ġenerali baqgħet ta’ 5,5 %, l-istess livell bħal fl-2022; billi fil-livell reġjonali, il-qgħad żdied minn 3,2 % għal 3,4 % fi Flanders u naqas minn 8,4 % għal 8,2 % f’Wallonia, filwaqt li tippersisti d-differenza ta’ madwar 5 punti perċentwali (pp) fir-rati tal-qgħad; billi fi tmiem l-2023, ir-rata tal-qgħad f’Wallonia (66,7 %) kienet 10,3 % inqas milli fi Flanders u madwar 9 % inqas mill-medja tal-UE;

F. billi l-Belġju applika għal kofinanzjament mill-FEG biss biex jappoġġja lil dawk li qabel kienu ħaddiema ta’ Match-Smatch li jgħixu f’Wallonia; billi l-awtoritajiet reġjonali Fjammingi jqisu li ma hemmx bżonn li jiżdied l-appoġġ disponibbli għal dawk li qabel kienu ħaddiema ta’ Match-Smatch li jgħixu fi Flanders b’kofinanzjament tal-UE mill-FEG, minħabba s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol reġjonali;

G. billi l-Belġju indika li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom u mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG;

H. billi l-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027;

għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin hawn taħt fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Ifakkar li l-objettiv tal-FEG huwa li juri solidarjetà mal-benefiċjarji u li jagħtihom appoġġ; iqis li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandhom ikunu diretti primarjament lejn miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol u servizzi personalizzati li jkollhom l-għan li jintegraw mill-ġdid u malajr lill-benefiċjarji f’impjieg deċenti u sostenibbli fis-settur ta’ attività inizjali tagħhom jew barra minnu; jisħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema jitħejjew għat-tranżizzjoni ekoloġika u għal dik diġitali meħtieġa b’mod urġenti tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropej; itenni, f’dan il-kuntest, ir-rwol importanti li għandha l-Unjoni, inkluż permezz tal-FEG, fil-kontribut għall-finanzjament tal-kwalifiki meħtieġa għat-tranżizzjoni ġusta f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

2. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 2 661 564 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-ispiża totali ta’ EUR 3 131 252, (liema spiża tinkludi n-nefqa ta’ EUR 2 239 734 għal servizzi personalizzati u n-nefqa ta’ EUR 770 018 għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar);

3. Jilqa’ l-fatt li sabiex jitħejja pakkett sod ta’ miżuri mfassla apposta biex jappoġġja l-isforzi tal-ħaddiema ta’ Match-Smatch biex jirritornaw għax-xogħol, is-Servizz Pubbliku Reġjonali għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali ta’ Wallonia (Le Forem), it-trade unions (FGTB u CSC) u sħab oħra ltaqgħu f’diversi okkażjonijiet fl-2024 biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, li l-konsulenti soċjali li akkumpanjaw lill-ħaddiema wara s-sensja tagħhom ġew ikkonsultati wkoll, u li dawn il-laqgħat irriżultaw f’pakkett ikkoordinat ta’ miżuri tal-FEG li jikkonforma mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG;

4. Jinnota li l-forza tax-xogħol ta’ Match-Smatch hija essenzjalment magħmula minn kaxxiera u ħaddiema fl-imħażen, b’edukazzjoni sekondarja jew inqas, filwaqt li l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat id-domanda għal ħaddiema aktar kwalifikati fis-suq tax-xogħol Belġjan. Għaldaqstant, dan għamilha aktar diffiċli għall-eks ħaddiema ta’ Match-Smatch biex jintegraw mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol; jinnota wkoll li madwar nofs il-ħaddiema ta’ Match-Smatch li ngħataw is-sensja (46 %) għandhom 50 sena jew aktar u li s-sitwazzjoni għal persuni akbar fl-età li qed ifittxu impjieg hija aktar diffiċli fil-Belġju b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol ta’ Wallonia, fejn, minn Marzu 2024, jirrappreżentaw 25 % tat-total ta’ persuni li qed ifittxu impjieg;

5. Jisħaq li l-Belġju kkonferma li l-miżuri appoġġjati mill-FEG mhu se jirċievu ebda kontribuzzjoni finanzjarja minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni;

6. Jinnota li s-servizzi personalizzati li għandhom jingħataw lill-ħaddiema jikkonsistu fil-miżuri li ġejjin: (a) servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament, (b) taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, (ċ) appoġġ lejn il-ħolqien ta’ negozju, (d) kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju, u (e) inċentivi u benefiċċji (benefiċċji għat-tiftix ta’ impjieg u għat-taħriġ, bonus għat-titjib tal-ħiliet tal-IT, bonus għat-titjib tal-ħiliet lingwistiċi, benefiċċju għar-ritorn lejn l-iskola, benefiċċju għall-ħolqien ta’ negozju, inċentivi għar-reklutaġġ ta’ intrapriżi li jirreklutaw eks ħaddiema ta’ Match-Smatch li għandhom 50 sena jew aktar); jilqa’ b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ miżuri li jappoġġjaw it-titjib tal-ħiliet tal-IT u r-ritorn għall-edukazzjoni minħabba l-età u l-profil edukattiv tal-benefiċjarji fil-mira u jisħaq li l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn il-gruppi għandhom jitqiesu meta jiġu pprovduti servizzi personalizzati;

7. Jisħaq b’mod partikolari fuq l-importanza tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li l-pakkett ikkoordinat jantiċipa l-prospettivi tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa fil-futur, u dawn huma kompatibbli mal-bidla f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u sostenibbli u jiffokaw partikolarment fuq id-disseminazzjoni tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali; jenfasizza, li t-taħriġ previst jinkludi wkoll modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi li mhuwiex imniżżel fil-baġit f’din il-proposta minħabba li ġie żviluppat qabel għal dawk li kienu ħaddiema ta’ Swissport (EFG/2020/005 BE/Swissport), u issa huwa parti mill-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Le Forem kofinanzjata mill-FSE+; jilqa’ l-użu ta’ effetti ta’ sinerġija u l-użu responsabbli tar-riżorsi tal-FEG f’dan il-kuntest;

8. Ifakkar fil-possibbiltà ta’ miżuri speċjali limitati fiż-żmien fil-pakkett ikkoordinat, inkluż, fost l-oħrajn, li jitħallsu l-benefiċċji għall-kura tat-tfal, kif previst fl-Artikolu 7(2), il-punt (b), tar-Regolament dwar il-FEG sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta’ dawk li qed ifittxu impjieg fl-attivitajiet proposti.

 

 


 


 

 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

14.10.2024

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Aftias, Rasmus Andresen, Isabel Benjumea Benjumea, Olivier Chastel, Tamás Deutsch, Thomas Geisel, Jean-Marc Germain, Andrzej Halicki, Alexander Jungbluth, Ondřej Kovařík, Giuseppe Lupo, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Matjaž Nemec, João Oliveira, Karlo Ressler, Julien Sanchez, Hélder Sousa Silva, Nicolae Ştefănuță, Joachim Streit, Carla Tavares, Nils Ušakovs, Lucia Yar

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Stine Bosse, Jonás Fernández, Michalis Hadjipantela, Rasmus Nordqvist, Jacek Protas, Jussi Saramo

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Matthias Ecke, Marieke Ehlers, Virginie Joron

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

PPE

Georgios Aftias, Isabel Benjumea Benjumea, Michalis Hadjipantela, Andrzej Halicki, Siegfried Mureşan, Jacek Protas, Karlo Ressler, Hélder Sousa Silva

PfE

Tamás Deutsch, Virginie Joron, Ondřej Kovařík, Julien Sanchez

Renew

Stine Bosse, Olivier Chastel, Lucia Yar

S&D

Matthias Ecke, Jonás Fernández, Jean-Marc Germain, Giuseppe Lupo, Victor Negrescu, Matjaž Nemec, Carla Tavares, Nils Ušakovs

The Left

João Oliveira, Jussi Saramo

Verts/ALE

Rasmus Andresen, Rasmus Nordqvist, Nicolae Ştefănuță

 

3

-

ESN

Alexander Jungbluth

PfE

Marieke Ehlers

Renew

Joachim Streit

 

1

0

NI

Thomas Geisel

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Ottubru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza