RAPPORT dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2026, Taqsima III – Il-Kummissjoni

25.3.2025 - (2024/2110(BUI))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Andrzej Halicki


Proċedura : 2024/2110(BUI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A10-0042/2025
Testi mressqa :
A10-0042/2025
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2026, Taqsima III – Il-Kummissjoni

(2024/2110(BUI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027,[1] u d-dikjarazzjoni konġunta maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’dan il-kuntest[2] u d-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati[3],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/2496 tal-15 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027[4],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027[5] (Reviżjoni tal-QFP),

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar it-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027: baġit tal-UE reżiljenti u adegwat għal sfidi ġodda[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar il-proposta għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2024 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027[9],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom[10],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2021 għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2021)0570) u l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar il-proposta[11],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni)[12] (ir-Regolament Finanzjarju),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”)[13],

 wara li kkunsidra l-obbligi tal-UE fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-impenji tiegħu skont il-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar l-impatt fuq il-baġit tal-UE tal-2024 taż-żieda tal-kostijiet tat-teħid b’self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru[14],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni[15],

 wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda[16],

 wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali[17] tat-13 ta’ Diċembru 2017,

 wara li kkunsidra l-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2025[18] u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport ta’ Enrico Letta intitolat “Much more than a market” (Mhux sempliċi suq!), ippreżentat fil-Parlament Ewropew fl-21 ta’ Ottubru 2024,

 wara li kkunsidra r-rapport ta’ Mario Draghi intitolat “The future of European competitiveness” (Il-futur tal-kompetittività Ewropea), ippreżentat fil-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Settembru 2024,

 wara li kkunsidra r-rapport ta’ Sauli Niinistö intitolat “Safer together — Strengthening Europe’s civil and military preparedness and readiness” (Aktar sikuri flimkien – It-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija u preparazzjoni ċivili u militari tal-Ewropa), ippreżentat fil-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Novembru 2024,

 wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tal-Boxxla tal-UE għall-Kompetittività mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fid-29 ta’ Jannar 2025,

 wara li kkunsidra l-white paper konġunta tad-19 ta’ Marzu 2025 għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea li tipprovdi qafas għall-pjan ReArm Europe (JOIN(2025)0120),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2025 intitolata “Il-Patt għal Industrija Nadifa: pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni”(COM (2025) 0085),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2025 li temenda r-Regolamenti (UE) 2015/1017, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695 u (UE) 2021/1153 fir-rigward taż-żieda fl-effiċjenza tal-garanzija tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2021/523 u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar (COM(2025)0084),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2025 dwar il-linji gwida tal-baġit għall-2026,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 95 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

 wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A10-0042/2025),

Baġit 2026: il-bini ta’ futur reżiljenti, sostenibbli u prosperu għall-Ewropa

1. Jenfasizza t-tkabbir ekonomiku antiċipat imbassar għall-2025 u l-2026 fi ħdan l-UE[19], akkumpanjat minn tnaqqis fl-inflazzjoni; jinnota madankollu l-inċertezzi li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li thedded direttament is-sigurtà tal-UE, u l-effetti dejjem agħar tat-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-bijodiversità, li jimmanifestaw ruħhom ukoll bil-frekwenza u l-intensità dejjem akbar tad-diżastri naturali, li huma aggravati minn bidliet ġeopolitiċi sinifikanti ġodda u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li qed jiddeterjora, theddid akbar għas-sigurtà u żieda fil-protezzjoniżmu globali; jenfasizza li, f’xenarju dejjem aktar volatili ta’ dan it-tip, hemm bżonn aktar minn qatt qabel li l-UE ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ difiża u sigurtà tagħha, il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-awtonomija politika u strateġika tagħha, tnaqqas id-dipendenza tagħha, iżżid il-kompetittività tagħha u tiżgura futur prosperu għall-kontinent u l-poplu tiegħu, li bħalissa qed jiffaċċjaw għoli tal-ħajja dejjem jiżdied;

2. Huwa determinat li jiżgura li l-baġit tal-2026, billi jiffoka fuq it-tħejjija u s-sigurtà strateġiċi, il-kompetittività ekonomika u r-reżiljenza, is-sostenibbiltà, il-klima, kif ukoll it-tisħiħ tas-suq uniku, jipprovdi lill-poplu fl-UE b’ekosistema robusta u jwettaq il-prijoritajiet tagħhom, biex b’hekk isaħħaħ Ewropa soċjalment ġusta u prospera; jissottolinja l-ħtieġa ta’ investiment addizzjonali fis-sigurtà u d-difiża, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), is-saħħa, l-enerġija, il-migrazzjoni, kif ukoll il-protezzjoni tal-fruntieri tal-art u marittimi, tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi inklużivi, il-ħolqien tal-impjiegi u li ż-żgħażagħ jingħatawlhom opportunitajiet; jinsisti li dan ikun akkumpanjat minn simplifikazzjoni amministrattiva kif indikat fil-Boxxla tal-Kompetittività; jinsisti li l-baġit tal-UE huwa l-akbar strument ta’ investiment b’effett ta’ ingranaġġ, li jikkomplementa l-baġits nazzjonali u għalhekk jippermetti lill-UE tinnaviga l-kumplessitajiet ta’ dinja li qed tinbidel b’pass rapidu filwaqt li tiżgura l-prosperità, il-koeżjoni soċjali u l-istabbiltà għall-poplu tagħha; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha timmassimizza dan l-effett ta’ ingranaġġ kemm jista’ jkun possibbli biex tagħti spinta lill-objettivi u t-tfassil tal-politika tal-Unjoni, kif ukoll lill-investiment privat;

Ninvestu f’ekonomija solida, sostenibbli u reżiljenti

3. Huwa konvint li r-reżiljenza ekonomika u s-sostenibbiltà sodi jistgħu jinkisbu fl-UE billi tingħata spinta lill-investiment pubbliku u privat, tiżdied l-innovazzjoni u tiġi appoġġjata l-kompetittività, inkluż billi tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet u titrawwem aktar produzzjoni industrijali fl-Ewropa bħala sors għal tkabbir ekonomiku robust u impjiegi ta’ kwalità, u b’hekk tiġi ggarantita l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, jiġi żgurat li l-UE tibqa’ aġli u awtodipendenti fid-dawl ta’ sfidi, tfixkil u volatilità globali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-innovazzjoni, tingħata prijorità lill-edukazzjoni, jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piż amministrattiv, u jissaħħaħ is-suq uniku, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi;

4. Jafferma mill-ġdid, f’dan ir-rigward, li r-riċerka u l-innovazzjoni jibqgħu kruċjali għas-suċċess tal-UE f’industriji avvanzati u f’teknoloġiji nodfa u sostenibbli ġodda; ifakkar fl-ambizzjoni dejjiema li jiżdied l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni għal 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG); jitlob, għalhekk, li jiġi pprovdut aktar finanzjament fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa biex jiffinanzja mill-inqas 50 % tal-proposti eċċellenti kollha fid-dixxiplini xjentifiċi kollha, jippermetti lir-riċerkaturi kif ukoll lill-kumpaniji, speċjalment lill-SMEs, iġibu żviluppi ġodda fis-suq u jespandu, jiżguraw tkabbir ekonomiku solidu u jagħtu spinta lill-kompetittività tal-Unjoni fl-ekonomija globali, biex b’hekk jipprevjenu lill-atturi milli jitilqu għal reġjuni kompetituri filwaqt li jiżguraw ukoll li l-Ewropa jkollha l-bażi ta’ għarfien li teħtieġ biex issegwi l-impenji tal-Patt Ekoloġiku;

5. Jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ immirat biex jitħeġġu sħubijiet pubbliċi-privati u finanzjament aċċessibbli u mkattar biex l-SMEs jiġu appoġġjati bħala s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u vettur għall-innovazzjoni pijuniera, filwaqt li jenfasizza r-rwol tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, InvestEU u l-komponent tal-SMEs tal-programm tas-suq uniku fl-għoti tas-setgħa lil negozji ġodda u lil negozji li qed jespandu ta’ kumpaniji innovattivi, jappoġġjahom fit-tkabbir tagħhom u jikkontribwixxi għal rwol akbar għall-ekonomija tal-UE fix-xena globali; jesprimi t-tħassib tiegħu li, skont l-evalwazzjoni interim ta’ InvestEU, mingħajr tisħiħ baġitarju l-pakketti għal ħafna prodotti finanzjarji jistgħu jispiċċaw sa tmiem l-2025; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza tal-programm tas-suq uniku biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tad-dimensjoni transfruntiera tal-UE;

6. Jisħaq li l-modernizzazzjoni tal-ekonomija se tirrikjedi t-taħlit tal-investiment pubbliku u privat; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ investimenti privati biex jiġi massimizzat l-effett ta’ ingranaġġ tal-infiq pubbliku; ifakkar li dawn l-isforzi għandhom iwasslu għas-simplifikazzjoni u jnaqqsu l-piż finanzjarju għall-SMEs tal-UE filwaqt li jżommu l-istandards tal-UE;

7. Jissottolinja l-urġenza li jiġu aċċellerati aktar it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi bħala katalizzaturi għal ekonomija orjentata lejn il-futur u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li tibqa’ attraenti għan-negozji innovattivi u li tkun ibbażżata fuq investimenti xprunati mis-suq li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità u li ma jħallu lil ħadd jibqa’ lura; jirrakkomanda investiment sostanzjali f’infrastruttura diġitali li tħares ’il quddiem, mirfuda minn intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà irregolati tajjeb, iċċentrati fuq il-bniedem u affidabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet diġitali bażiċi taċ-ċittadini biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kumpaniji u biex iċ-ċittadini jiġu mgħammra biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li tiżdied ir-reżiljenza tad-demokrazija tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-indħil barrani malizzjuż;

8. Jirrikonoxxi l-valur strateġiku tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) biex jikkontribwixxu għall-għanijiet ekonomiċi, soċjali u klimatiċi tal-infrastruttura tat-trasport transfruntier tal-UE; jappella għal estensjonijiet tan-network, b’mod partikolari lejn il-pajjiżi kandidati u s-sħab strateġiċi tal-UE, fir-rigward tal-istrateġija ta’ mobilità sostenibbli u intelliġenti tal-UE u l-komplementarjetajiet bejn it-TEN-T u n-Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E);

Unjoni aktar ippreparata u kapaċi tirrispondi b’mod effettiv għall-kriżijiet

9. Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-UE biex tinħoloq unjoni tad-difiża ġenwina u biex ikun hemm tħejjija u rispons aħjar għall-isfidi ġeopolitiċi bla preċedent u tħeddid ibridu ġdid għas-sigurtà; jisħaq fuq ir-rwol essenzjali ta’ mekkaniżmi komuni ta’ investiment, riċerka, produzzjoni u akkwist, inkluż f’teknoloġiji fixkiela ġodda li jappoġġjaw industrija tad-difiża indipendenti tal-UE; iqis li hemm valur miżjud tal-UE fil-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża li mhux biss joffri aktar sikurezza lill-Ewropa u lill-poplu tagħha iżda li jwassal ukoll għal effiċjenza akbar, iffrankar potenzjali, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u awtonomija strateġika msaħħa; jitlob għalhekk titjib immedjat u koordinazzjoni ħafna aħjar tal-infiq fuq id-difiża mill-Istati Membri; jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi adegwati għall-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, kif ukoll l-interoperabbiltà tagħhom; jieħu nota, f’konformità mal-pjan tal-Kummissjoni “ReArm Europe”, tas-sejħa tagħha lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra u banek privati fl-Ewropa biex jinvestu b’mod aktar attiv fl-industrija tad-difiża Ewropea filwaqt li jissalvagwardjaw l-operazzjonijiet u l-kapaċità ta’ finanzjament tagħhom; ifakkar fl-importanza tal-investiment u l-iżvilupp ta’ tagħmir b’użu doppju u, b’mod partikolari, tat-tisħiħ tal-mobbiltà militari tal-UE fir-rigward tal-finanzjament ta’ infrastruttura tat-trasport b’użu doppju tul l-assi prijoritarji; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tuża sejħiet għal dan l-għan fl-ambitu tal-programm tat-trasport tal-FNE, fid-dawl tad-diskrepanza fil-finanzjament tal-mobbiltà militari; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jissaħħu l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tal-UE fil-ġlieda kontra l-gwerra ibrida;

10. Ifakkar fir-rwol tal-programm spazjali tal-UE fit-tisħiħ tas-sigurtà strateġika tal-Unjoni permezz ta’ varjetà ta’ applikazzjonijiet ċivili u militari; jissottolinja li settur spazjali Ewropew b’saħħtu huwa fundamentali għas-sigurtà Ewropea, l-awtonomija strateġika miftuħa, il-konnettività sigura, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u l-avvanz tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u għalhekk jirrikjedi riżorsi suffiċjenti;

11. Jenfasizza, fid-dawl ta’ sfidi ġodda fis-sigurtà interna u esterna, l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, f’konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li jiġu rispettati l-prinċipji tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà; jisħaq li l-ġestjoni u l-protezzjoni effettivi tal-fruntieri esterni tal-UE, kemm fuq l-art kif ukoll marittimi, huma essenzjali biex jinżammu l-libertajiet taż-żona Schengen u huma kruċjali għas-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li n-nies jiġu protetti aħjar mit-traffikar u li jiittejjeb l-appoġġ biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fil-ġlieda kontra n-networks kriminali, b’mod partikolari dawk involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin, sabiex jissaħħu l-infurzar tal-liġi u r-rispons ġudizzjarju għal dawn in-networks kriminali, kif ukoll biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw theddid ibridu, b’mod partikolari l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti kif definit fir-Regolament dwar il-Kriżijiet[20];

12. Ifakkar fir-rwol vitali li għandhom il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI) u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni; jitlob, barra minn hekk, finanzjament xieraq għall-kapaċitajiet ta’ protezzjoni tal-fruntieri, inklużi l-infrastruttura fiżika, il-bini, it-tagħmir, is-sistemi u s-servizzi meħtieġa fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, kif previst fl-Anness III tar-Regolament BMVI[21], u li r-rekwiżiti jiġu ssodisfati f’termini ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, integrazzjoni, ritorn u proċedura ta’ riammissjoni; jafferma mill-ġdid li l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE b’rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-fruntieri;

13. Jirrikonoxxi l-politika agrikola komuni (PAK) bħala politika strateġika Ewropea ewlenija għas-sigurtà tal-ikel u għal awtonomija akbar tal-UE fil-produzzjoni tal-ikel affordabbli u ta’ kwalità għolja; jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-PAK fl-iżgurar ta’ introjtu deċenti għall-bdiewa tal-UE kif ukoll agrikoltura Ewropea produttiva, kompetittiva u sostenibbli; jiddispjaċih li l-pagamenti diretti naqsu b’mod sinifikanti f’termini reali minħabba l-inflazzjoni, filwaqt li l-piż amministrattiv fuq il-bdiewa żdied minħabba burokrazija dejjem takkumula; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li żżomm standards għoljin ta’ produzzjoni u r-rekwiżit li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE; jitlob li jiġu protetti riżorsi adegwati u pagamenti diretti biex jgħinu lill-bdiewa jlaħħqu mal-impatt tal-inflazzjoni, l-ispejjeż tal-fjuwil, il-bidliet fis-suq globali tal-ikel u l-kummerċ u l-avvenimenti klimatiċi negattivi, li jaffettwaw il-produzzjoni agrikola u jheddu s-sigurtà tal-ikel, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol tar-riżerva għall-agrikoltura; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu megħjuna l-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju u l-bdiewa ġodda u żgħażagħ billi jiġi appoġġjat it-tiġdid ġenerazzjonali u jiġi żgurat appoġġ kontinwu għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa ta’ appoġġ xieraq għar-riċerka u l-innovazzjoni biex is-settur agrikolu jsir aktar sostenibbli, inkluża l-ġestjoni tal-ilma, b’mod partikolari permezz tal-programm Orizzont Ewropa, mingħajr ma titnaqqas il-produzzjoni agrikola Ewropea u filwaqt li jiġi evitat li l-bdiewa Ewropej jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta minn prodotti importati li ma jissodisfawx l-istandards tagħna; jilqa’ t-tħejjija tal-Kummissjoni għat-tieni pakkett ta’ simplifikazzjoni; jissottolinja li s-sigurtà tal-ikel hija komponent essenzjali għall-istabbiltà ġeopolitika;

14. Jisħaq fuq ir-rwol strateġiku tas-sajd u l-akkwakultura u l-ħtieġa li dawn jiġu appoġġjati b’mod adegwat mil-lat finanzjarju; jirrikonoxxi li l-politika komuni tas-sajd tiżgura introjtu stabbli u futur fit-tul għas-sajjieda billi tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar sostenibbli, li huma kruċjali għall-kompetittività tas-settur; jinsisti li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-flotta tas-sajd tal-UE sabiex jittejbu s-sikurezza u s-sigurtà, inkluż billi jiġu miġġielda azzjonijiet tas-sajd illegali u jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-effiċjenza enerġetika u s-sostenibbiltà, kif ukoll billi tiġġedded il-flotta; jafferma mill-ġdid li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għandu jappoġġja politika tar-riżorsi umani li tkun kapaċi tindirizza l-isfidi futuri, sabiex tiġi promossa ekonomija blu inklużiva, diversifikata u sostenibbli; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-effett ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-Brexit f’Ġunju 2026 fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura;

15. Jisħaq li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u tal-indipendenza tal-enerġija jibqa’ fundamentali għall-UE; jenfasizza r-rwol tal-UE fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, fl-assistenza lill-unitajiet domestiċi, lill-bdiewa u lin-negozji fil-mitigazzjoni tal-volatilità tal-prezzijiet u fil-ġestjoni tad-diskrepanzi fil-prezzijiet meta mqabbla mal-bqija tad-dinja; jappella, għalhekk, għal investiment addizzjonali fl-infrastruttura kritika u l-konnettività, inklużi grilji tal-elettriku transfruntiera fuq skala kbira u infrastruttura tal-idroġenu għal setturi diffiċli sabiex jitrażżnu, li huma prerekwiżit essenzjali għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija Ewropea, f’sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u rinnovabbli u l-konnettività, b’mod partikolari billi tiġi ffinanzjata kif xieraq il-FNE, kif ukoll fl-effiċjenza enerġetika; jenfasizza l-ħtieġa li l-infrastruttura Ewropea tiġi adattata biex tissodisfa d-domandi futuri tal-enerġija bħala parti mit-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa u moderna; jissottolinja l-importanza li jsir investiment f’kapaċità ġdida, li tespandi u timmodernizza l-interkonnettur għall-kummerċ tal-elettriku, b’mod partikolari l-kapaċità transfruntiera, għal suq tal-enerġija tal-UE integrat bis-sħiħ li jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista diversifikata tal-Ewropa u r-reżiljenza għat-tfixkil fis-suq tal-enerġija, inaqqas id-dipendenzi esterni u fl-aħħar mill-aħħar jiżgura enerġija affordabbli u sostenibbli għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Afrika;

16. Ifakkar, f’dan il-kuntest, fil-kriżi attwali tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa, inkluż in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni deċenti u affordabbli; jappella, għalhekk, għal investimenti addizzjonali rapidi permezz ta’ taħlita ta’ sorsi ta’ finanzjament, inkluż il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali, f’oqsma b’impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-għoli tal-ħajja għall-unitajiet domestiċi, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; jappella għal approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, jinkoraġġixxi l-aħjar prattiki u juża b’mod effettiv il-mekkaniżmi ta’ finanzjament rilevanti kollha fl-indirizzar ta’ din l-isfida urġenti;

17. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-impatti qawwija tat-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-bijodiversità kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment u dwar il-fatt li s-sena 2024 ġiet imkejla bħala l-aktar sena sħuna tal-pjaneta mindu jeżistu r-rekords; jappella għal finanzjament suffiċjenti għall-programm LIFE biex jiffinanzja proġetti relatati mal-klima u mal-ambjent, inkluż fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u għal aktar flessibbiltà baġitarja biex ikun hemm rispons adegwat għad-diżastri naturali fl-UE; jiddispjaċih li l-għadd dejjem jikber tad-diżastri naturali wassal għal għadd kbir ta’ vittmi, kif ukoll għal effetti devastanti fit-tul fuq iċ-ċittadini, il-bdiewa u n-negozji li huma bbażati u li jaħdmu fir-reġjuni kkonċernati, kif ukoll fl-ekosistemi affettwati; jappella għal aktar finanzjament għall-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, RESTORE (Appoġġ Reġjonali ta’ Emerġenza għar-Rikostruzzjoni) u l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, inkluż biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tar-rescEU, li jippermettu bini ta’ kapaċitajiet aktar kosteffiċjenti, sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati malajr u b’mod effettiv f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi enormi; jirrikonoxxi r-rwol tal-UE bħala ċentru għall-koordinament u t-titjib tat-tħejjija u tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jirrispondu immedjatament għal emerġenzi fuq skala kbira u b’impatt għoli, u l-valur miżjud tiegħu kemm għall-Istati Membri, kif ukoll għaċ-ċittadini; jisħaq, f’dan ir-rigward, li l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili huwa espressjoni tanġibbli tas-solidarjetà Ewropea, li ssaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala entità li tirrispondi għall-kriżijiet; jirrikonoxxi li l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe fond ieħor waħedhom ma jistgħux jikkumpensaw bis-sħiħ għall-avvenimenti estremi tat-temp ta’ frekwenza u severità akbar ikkawżati mit-tibdil fil-klima llum u fil-futur; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fil-miżuri ta’ tħejjija, prevenzjoni u adattament u li dawn jingħataw prijorità, filwaqt li jiġu prijoritizzati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura; jisħaq li huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-infiq tal-Unjoni jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għall-isforzi ta’ adattament u għall-infrastruttura tar-reżiljenza tal-ilma; jenfasizza li dawn l-investimenti huma ferm aktar baxxi mill-kost ta’ nuqqas ta’ azzjoni b’rabta mal-klima;

It-tisħiħ tal-opportunitajiet taċ-ċittadini f’soċjetà dinamika

18. Jinsisti li l-investiment kontinwu f’EU4Health u fi Cluster Health f’Orizzont Ewropa huwa kruċjali biex jittejbu s-saħħa u t-tħejjija għal kriżijiet tas-saħħa futuri, u b’hekk jittejjeb l-istatus tas-saħħa taċ-ċittadini; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ investimenti fis-saħħa għal impatt massimu; jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal approċċ regolatorju u ta’ finanzjament olistiku għax-xjenzi tal-ħajja u l-ekosistema bijoteknoloġika tal-Ewropa, inkluż il-ħolqien ta’ raggruppamenti Ewropej avvanzati ta’ eċċellenza, bħala pilastru ċentrali ta’ unjoni tas-saħħa Ewropea aktar b’saħħitha, li magħha għandu jiżdied pjan Ewropew għall-mard kardjovaskulari u għall-istili ta’ ħajja, li jiffoka fuq il-prevenzjoni primarja u sekondarja bħala objettivi ewlenin biex tiżdied l-istennija tal-għomor fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq sistema ta’ kura ta’ appoġġ akbar biex twieġeb għall-isfidi demografiċi u l-popolazzjoni li qed tixjieħ; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, kif ukoll l-importanza tal-investiment Ewropew biex jiġi indirizzat il-mard tat-tfal, il-mard rari u r-reżistenza għall-antimikrobiċi; itenni l-importanza tal-aspett tal-ġeneru tas-saħħa, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u l-aċċess għas-servizzi; jinsab imħasseb ħafna dwar il-kriżi attwali tas-saħħa mentali fl-Ewropa, li taffettwa b’mod partikolari lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, aggravata minn avvenimenti globali reċenti, li jirrikjedu li tittieħed azzjoni immedjata; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu evitati nuqqasijiet ta’ mediċini kritiċi, ta’ kontromiżuri mediċi u ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jiffaċċjaw xi Stati Membri; jappella, f’dan ir-rigward, għal koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u l-akkwist konġunt ta’ mediċini sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż;

19. Jisħaq fuq l-importanza tal-investiment fil-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u l-ħiliet tagħhom, bħala aġenti ewlenin tal-bidla u l-progress, billi jiġi żgurat aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità; iqis li huwa essenzjali li l-istudenti kollha, mingħajr diskriminazzjoni u f’kull Stat Membru tal-UE, ikollhom aċċess sħiħ għall-programm Erasmus+ u jissottolinja r-rwol essenzjali ta’ Erasmus+ biex jiffaċilita l-iskambju kulturali, it-tisħiħ tal-identità Ewropea u l-promozzjoni tal-paċi permezz ta’ fehim u kooperazzjoni reċiproċi, billi jsir pedament tal-integrazzjoni u l-unità Ewropea; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu indirizzati d-defiċit tal-ħiliet, l-eżodu ta’ mħuħ u l-korrelazzjoni bejn il-ħtiġijiet tas-suq u l-ħiliet; iqis li biex il-forza tax-xogħol tal-UE tibqa’ kompetittiva fil-futur, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti oqsma ewlenin għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet; jisħaq li huwa meħtieġ aktar investiment biex jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi tal-Unjoni, billi jiġu mgħammra għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, jinħolqu skemi li jagħtu spinta lit-talent u jiġu inċentivati l-intraprendituri żgħażagħ; jirrimarka, f’dan ir-rigward, dwar ir-rilevanza ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-programmi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus, Erasmus+ u l-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE, li wrew li huma effettivi ħafna biex jgħinu fil-kisba ta’ livelli għoljin ta’ impjieg u protezzjoni soċjali ġusta, fit-twessigħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni kollha, kif ukoll fil-promozzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u t-trawwim tal-ħiliet, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha sabiex l-istudenti universitarji kollha jibqgħu eliġibbli biex jipparteċipaw fil-programm Erasmus+, inkluż fl-Ungerija;

20. Ifakkar fir-rwol tal-baġit tal-UE fil-kontribut għall-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza r-rwol tal-baġit tal-UE fil-kontribuzzjoni għal inizjattivi li jsaħħu d-djalogu soċjali u jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, inkluż fil-forma ta’ taħriġ, networking u bini tal-kapaċitajiet;

21. Jenfasizza t-theddid u l-perikli li dejjem qed jiżdiedu tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni organizzati u mmirati kontra l-UE minn partijiet ikkonċernati barranin; jappella għall-mobilizzazzjoni tal-programmi rilevanti kollha tal-Unjoni, inkluża Ewropa Kreattiva, biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet fl-2026 li jippromwovu litteriżmu diġitali u medjatiku inklużiv, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online u l-kontenut estremist, filwaqt li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-proċessi demokratiċi u jiġu ssalvagwardjati l-libertà u l-pluraliżmu tal-media għal reżiljenza kulturali tajba, li kollha huma fundamentali għal demokrazija b’saħħitha;

22. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament tal-UE għall-protezzjoni taċ-ċittadini, il-komunitajiet reliġjużi u l-ispazji pubbliċi mit-theddid terroristiku, il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-kontenut terroristiku online, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda, l-antisemitiżmu u l-mibegħda anti-Musulmana li qed jiżdiedu;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida, sħiħa u xierqa u l-infurzar robust tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali[22], l-Att dwar is-Swieq Diġitali[23] u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali[24], anke billi talloka biżżejjed riżorsi umani; jisħaq fuq l-importanza li jiġi indirizzat l-indħil barrani, jiġu indirizzati l-perikli ta’ algoritmi preġudikati, u jiġu ssalvagwardjati t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont, u l-integrità tal-ispazju pubbliku diġitali;

24. Jissottolinja l-valur miżjud tal-programmi ta’ finanzjament fl-oqsma tad-demokrazija, tad-drittijiet u l-valuri; ifakkar fir-rwol importanti li għandu l-baġit tal-UE fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej minqux fl-Artikolu 2 tat-trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-appoġġ għall-prinċipji ewlenin tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, is-solidarjetà, l-inklużività, il-ġustizzja, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jafferma mill-ġdid, barra minn hekk, ir-rwol essenzjali tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej, b’mod partikolari l-fergħa tal-valuri tal-Unjoni, kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u b’hekk isostni u jkompli jiżviluppa soċjetà miftuħa, ibbażata fuq id-drittijiet, demokratika, ugwali u inklużiva fuq il-bażi tal-istat tad-dritt; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ miżuri mmirati biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn il-ġeneri biex jiġu promossi opportunitajiet indaqs permezz tal-allokazzjonijiet ta’ fondi tal-UE; jisħaq li l-appoġġ għall-ġurnaliżmu investigattiv b’riżorsi suffiċjenti huwa investiment strateġiku fid-demokrazija, it-trasparenza u l-ġustizzja soċjali; itenni l-importanza tal-programm Daphne u l-programm dwar l-Ugwaljanza u d-Drittijiet, u jisħaq li għandhom jiġu ddedikati r-riżorsi meħtieġa għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-forom ta’ vjolenza;

25. Jenfasizza l-ħidma siewja mwettqa taħt il-fergħa tal-Valuri tal-Unjoni, li tipprovdi, fost affarijiet oħra, finanzjament dirett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala atturi ewlenin f’demokraziji dinamiċi; jisħaq li ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jippromwovu r-rieda u l-interess taċ-ċittadini, jirrappreżentaw il-qalba tad-demokrazija Ewropea; jissottolinja, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-programmi kollha tal-UE u ż-żieda fil-finanzjament fl-appoġġ tal-involviment ġenwin tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fil-kuntest tal-impatt ta’ tnaqqis fil-finanzjament għas-soċjetà ċivili mis-sħab internazzjonali tal-UE;

26. Iqis li huwa essenzjali għall-istabbilità u l-progress tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha li jiġi żgurat l-użu xieraq tal-fondi tal-Unjoni u li jittieħdu l-passi kollha lejn il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tiġi applikata l-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt; jenfasizza r-rabta innegabbli bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba fil-qafas tar-Regolament Finanzjarju; itenni li skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt[25], l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma tridx taffettwa l-obbligi tal-gvernijiet li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwat mill-miżura, u b’mod partikolari l-obbligi li għandhom lejn ir-riċevituri finali; jinsisti, għalhekk, li f’każijiet ta’ ksur tal-istat tad-dritt mill-gvernijiet nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tesplora modi alternattivi biex jiġi implimentat il-baġit, inkluż billi tiġi vvalutata l-possibbiltà li s-sorsi jiġu ddevjati lejn programmi ġestiti direttament u indirettament, sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u benefiċjarji oħra jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Unjoni, mingħajr ma tiddgħajjef l-applikazzjoni tar-regolament; jenfasizza r-rwol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-attività kostanti tagħha fid-difiża tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-konformità stretta mar-regolamenti dwar il-fondi u l-programmi kollha;

Unjoni b’saħħitha f’dinja li qed tinbidel

27. Josserva li l-ħtieġa li l-UE żżomm u żżid il-preżenza qawwija tagħha fix-xena globali hija dejjem aktar kruċjali fost kunflitti globali li qed jeskalaw, bidliet ġeopolitiċi u sforzi ta’ influwenza barranija madwar id-dinja, b’mod partikolari billi jitqiesu żviluppi ma’ fornituri globali ewlenin tal-għajnuna; jisħaq li sabiex jinkiseb dan, l-Unjoni teħtieġ finanzjament u riżorsi suffiċjenti biex taġixxi, inkluż biex tirrispondi għal kriżijiet kbar fil-viċinat tagħha u madwar id-dinja, b’mod partikolari fid-dawl tat-tnaqqis f’daqqa fil-finanzjament internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza tal-programm ta’ għajnuna umanitarja u jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-riżorsi mhumiex qed jiżdiedu bil-pass mal-ħtiġijiet li laħqu livelli rekord; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur umanitarju ewlieni filwaqt li jiġu indirizzati b’mod effettiv il-kriżijiet emerġenti, b’mod partikolari fir-reġjuni li qed jiffaċċjaw kunflitti fit-tul, spostament, insigurtà tal-ikel u diżastri naturali; jenfasizza li l-Unjoni tirrikjedi wkoll riżorsi suffiċjenti għal investimenti fit-tul fil-bini ta’ sħubijiet globali, u jirrimarka dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE fil-programmi tal-Unjoni, fejn xieraq;

28. Jissottolinja li l-ambjent tas-sigurtà tal-UE nbidel b’mod drammatiku wara l-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u bidliet mhux prevedibbli fil-politiki tal-alleati prinċipali tagħha; ifakkar fl-importanza li tissaħħaħ is-sikurezza taċ-ċittadini u li tinkiseb effiċjenza fil-qasam tad-difiża u fl-awtonomija strateġika, permezz ta’ approċċ komprensiv għas-sigurtà li jkopri l-kapaċitajiet militari u ċivili, ir-relazzjonijiet esterni u s-sigurtà interna; jisħaq fuq l-importanza tal-Fond għas-Sigurtà Interna biex jiġi żgurat finanzjament biex jiġu indirizzati livelli ogħla ta’ kriminalità organizzata serja b’dimensjoni transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità; jirrikonoxxi l-pressjoni li ż-żieda fl-infiq għad-difiża tirrappreżenta għall-baġits nazzjonali tal-Istati Membri; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jqawwu l-isforzi tagħhom u jżidu l-finanzjament għall-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom, b’mod konsistenti u komplementari f’konformità mal-linja gwida tan-NATO;

29. Jisħaq li, lil hinn mis-sagrifiċċji enormi tal-poplu tal-Ukrajna biex jirreżisti l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja għas-sigurtà Ewropea komuni tagħna, din il-gwerra kellha wkoll konsegwenzi ekonomiċi u soċjali sostanzjali għan-nies madwar l-Ewropa; ifakkar li ċerti Stati Membri, b’mod partikolari dawk bi fruntiera tal-art mar-Russja u/jew l-Belarussja fir-reġjun Baltiku, u l-Istati Membri l-aktar esposti, kif ukoll setturi vulnerabbli tal-ekonomija, għadhom partikolarment esposti għall-konsegwenzi tal-gwerra u jistħoqqilhom appoġġ f’oqsma bħall-agrikoltura, l-infrastruttura u l-mobbiltà militari, fl-ispirtu tas-solidarjetà tal-UE;

30. Itenni bil-qawwa l-appoġġ sħiħ tiegħu u mingħajr kundizzjonijiet għall-Ukrajna fil-ġlieda tagħha għal-libertà u d-demokrazija tagħha kontra l-aggressjoni Russa, hekk kif il-gwerra fit-territorju tagħha qabżet it-tliet snin; jissottolinja l-ħtieġa kontinwa għal livelli għoljin ta’ finanzjament, inkluż f’għajnuna umanitarja, u għal tiswijiet fl-infrastruttura kritika, u għal kapaċità mtejba tul il-korsiji ta’ solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna; jilqa’ l-intenzjoni mġedda u msaħħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jaħdmu b’mod magħqud biex jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti ta’ difiża tal-Ukrajna u biex jappoġġjaw aktar l-ekonomija Ukrena billi jipprovdu appoġġ finanzjarju regolari u prevedibbli u jiffaċilitaw l-opportunitajiet ta’ investiment; jilqa’ l-ftehim mal-Kunsill dwar l-assistenza makrofinanzjarja għall-Ukrajna sa EUR 35 biljun, bl-użu tar-rikavati tal-assi Russi ffriżati permezz tal-Mekkaniżmu l-ġdid ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna, sabiex jiġu appoġġjati l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, kif ukoll biex jitrawwem il-progress tal-Ukrajna fi triqitha lejn l-adeżjoni mal-UE; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont fir-rigward tad-delitti internazzjonali l-aktar serji;

31. Jinsisti dwar il-benefiċċji tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni, kemm għall-pajjiżi tat-tkabbir, kif ukoll għall-UE nnifisha, peress li l-finanzjament joħloq aktar stabbiltà fir-reġjun; jilqa’ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent biex tiġi appoġġjata aktar il-konverġenza ekonomika tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mas-suq uniku tal-UE permezz tal-investiment u t-tkabbir fir-reġjun; jinsisti fuq il-ħtieġa li jintużaw il-fondi meħtieġa biex jiġi appoġġjat il-proċess ta’ adeżjoni tal-Moldova, f’konformità mal-impenn tal-UE għat-tkabbir u l-istabbiltà reġjonali; jissottolinja r-rwol tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għar-Repubblika tal-Moldova u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha; jissottolinja l-importanza ta’ appoġġ sostnut għall-pajjiżi kandidati fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa relatati mal-adeżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-demokrazija u dawk li jiġġieldu l-korruzzjoni, u fit-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu; jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament addizzjonali biex tappoġġja lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tal-media indipendenti u lill-ġurnalisti;

32. Jissottolinja, barra minn hekk, li l-Politika Ewropea tal-Viċinat, jiġifieri s-Sħubijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha, tikkontribwixxi għall-għan ġenerali li jiżdiedu l-istabbiltà, il-prosperità u r-reżiljenza tal-ġirien tal-UE u b’hekk tiżdied is-sigurtà tal-kontinent tagħna; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li jissaħħu l-linji baġitarji tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant sabiex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fir-reġjuni, jiġu ffaċilitati l-proċessi ta’ paċi u r-rikostruzzjoni u tingħata assistenza lir-rifuġjati, b’mod partikolari permezz ta’ finanzjament kontinwu, imsaħħaħ u prevedibbli u implimentazzjoni kontinwa fuq il-post; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tkompli ttaffi kriżijiet oħra u tassisti lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli madwar id-dinja permezz tal-programm ta’ għajnuna umanitarja tagħha, kif ukoll billi żżomm il-pożizzjoni globali tagħha bl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali għall-appoġġ tal-isfidi globali u għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet u tad-demokrazija, kif ukoll għall-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għat-twettiq tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni dwar il-klima u l-bijodiversità, fi ħdan sistema komprensiva ta’ monitoraġġ u kontroll;

Kwistjonijiet trażversali fil-baġit 2026

33. Jissottolinja li l-ħlas lura tal-kostijiet tat-teħid b’self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI) huwa obbligu legali għall-UE u għalhekk mhux diskrezzjonarju; jinnota li l-kostijiet tat-teħid b’self jiddependu fuq il-pass tal-iżborżi fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), kif ukoll fuq il-fluttwazzjonijiet tas-suq fir-rendimenti tal-bonds u għalhekk huma parzjalment intrinsikament imprevedibbli u volatili; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni affidabbli, f’waqtha u preċiża dwar il-kostijiet tat-teħid b’self tan-Next Generation EU (NGEU) u dwar l-iżborżi mistennija tal-RRF matul il-proċedura baġitarja kif ukoll dwar id-diżimpenji disponibbli; jistenna li l-Kummissjoni taġġorna l-previżjoni tad-diżimpenji meta tippreżenta l-abbozz ta’ baġit; ifakkar li t-tliet istituzzjonijiet qablu li l-infiq li jkopri l-kostijiet ta’ finanzjament tal-NGEU irid ikollu l-għan li ma jnaqqasx il-programmi u l-fondi tal-UE;

34. Ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-proposti emendati tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda. jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas totali ta’ progress dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda fil-Kunsill, b’mod partikolari fid-dawl taż-żieda fl-investiment u l-ħtiġijiet mhux previsti; iqis li l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, f’konformità mal-pjan direzzjonali fil-ftehim interistituzzjonali tal-2020, hija essenzjali biex jiġu koperti l-kostijiet tat-teħid b’self tal-NGEU filwaqt li jiġu protetti l-marġnijiet u l-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet;

35. Jenfasizza għal darb’oħra l-appoġġ sħiħ tal-Parlament għall-politika ta’ koeżjoni u r-rwol ewlieni tiegħu fit-twettiq tal-prijoritajiet tal-politika tal-UE u t-tkabbir ġenerali tiegħu; itenni li l-aħjar valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni għaċ-ċittadini jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tagħha; bl-istess mod, iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi taħt fondi ta’ ġestjoni kondiviża, kif ukoll tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, sabiex tiġi żgurata eżekuzzjoni baġitarja rapida u jiġu evitati pagamenti b’lura akkumulati fl-aħħar sentejn tal-perjodu tal-QFP, b’mod partikolari permezz ta’ bini ta’ kapaċitajiet addizzjonali u assistenza teknika għall-Istati Membri; jafferma mill-ġdid l-imperattiv ta’ mekkaniżmu robust u trasparenti għall-monitoraġġ preċiż tal-iżborżi lill-benefiċjarji;

36. Jinnota li trid tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali u remoti, liż-żoni affettwati mit-tranżizzjoni industrijali, u lir-reġjuni li jbatu minħabba żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħall-gżejjer, ir-reġjuni ultraperiferiċi, transfruntiera u muntanjużi u dawk kollha affettwati minn diżastri naturali; jisħaq li dawn ir-reġjuni għandhom jibbenefikaw minn finanzjament adegwat biex jitpatta għall-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali tas-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 349 tat-TFUE; jisħaq dwar l-importanza vitali tal-programm POSEI biex tinżamm għaddejja l-attività agrikola fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Ewropa u biex l-ikel jitwassal fis-swieq lokali; jappella sabiex il-baġit tal-programm jiżdied biex jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-bdiewa f’dawn ir-reġjuni; jinnota li ma kien hemm l-ebda żieda bħal din mill-2013, minkejja l-fatt li l-bdiewa f’dawn ir-reġjuni jiffaċċjaw kostijiet ogħla tal-produzzjoni minħabba l-inflazzjoni u t-tibdil fil-klima; jisħaq ukoll li l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej assoċjati mal-UE, kif imsemmi fl-Artikoli 198-204 tat-TFUE, għandhom jibbenefikaw minn finanzjament adegwat għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tagħhom, fid-dawl tal-importanza ġeopolitika tagħhom għar-rotot tal-kummerċ marittimu globali u sħubijiet ewlenin bħal dawk dwar ktajjen tal-valur sostenibbli tal-materja prima;

37. Itenni li l-programmi, il-politiki u l-attivitajiet tal-UE, fejn rilevanti, għandhom jiġu implimentati b’mod li jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-twettiq tal-objettivi tagħhom; jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri biex jitkejjel b’mod sinifikattiv l-impatt tal-infiq tal-Unjoni fuq il-ġeneru, kif stabbilit fil-ftehim interistituzzjonali;

38. Jieħu nota li l-mira tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima ta’ 30 % hija pproġettata li tintlaħaq bi 33,5 % fl-2025, filwaqt li l-mira tal-bijodiversità se tkun anqas minn 8,5 % fl-2025, u sakemm ma titteħidx azzjoni ddedikata, il-mira ta’ 10 % mhux se tintlaħaq fl-2026; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ sforzi kontinwi lejn il-kisba tal-miri tal-integrazzjoni tal-klima u tal-bijodiversità stabbiliti fil-ftehim interistituzzjonali fil-baġit tal-Unjoni u l-infiq tal-EURI;

39. Jisħaq li l-baġit tal-Unjoni għall-2026 għandu jkun allinjat mal-ambizzjonijiet tal-Unjoni li ssir newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050, kif ukoll mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, b’mod partikolari skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Ftehim ta’ Kunming-Montreal, u għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030;

40. Ifakkar li l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi tista’ tinkiseb biss bl-appoġġ ta’ amministrazzjoni impenjata; jenfasizza l-ħidma essenzjali mwettqa mill-korpi u mill-aġenziji deċentralizzati u jafferma li dawn irid ikollhom biżżejjed persunal u riżorsi suffiċjenti, filwaqt li titqies l-inflazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom b’mod effettiv u jikkontribwixxu għall-kisba tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, anke meta jingħataw kompiti u mandati ġodda;

41. Ifakkar li, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, meta jimplimentaw il-baġit, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtiġilhom jiżguraw konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jirrispettaw il-valuri tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; jissottolinja, b’mod partikolari l-Artikoli 137, 138 u 158 tar-Regolament Finanzjarju u jfakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jeskludu mill-fondi tal-Unjoni kwalunkwe persuna jew entità misjuba ħatja b’sentenza finali ta’ reati terroristiċi, kif ukoll sentenzi finali dwar attivitajiet terroristiċi, inċitament, għajnuna, tixwix jew tentattiv li jitwettqu tali reati, korruzzjoni jew reati serji oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati l-isforzi fl-indirizzar tal-frodi kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri u għal dan l-għan jiġu żgurati riżorsi finanzjarji u umani xierqa li jkopru l-arkitettura sħiħa tal-Unjoni kontra l-frodi; ifakkar fl-importanza li l-Programm tal-UE Kontra l-Frodi jiġi pprovdut b’riżorsi finanzjarji suffiċjenti;

42. Jissottolinja l-importanza ta’ komunikazzjoni effettiva u l-viżibbiltà tal-politiki u l-programmi tal-UE biex titqajjem kuxjenza dwar il-valur miżjud li l-UE ġġib liċ-ċittadini, lin-negozji u lis-sħab;

°

° °

43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.


ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Ir-rapporteur jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu, li ma rċieva l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI (19.2.2025)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-linji gwida għall-Baġit 2026 – Taqsima III

(2024/2110(BUI))

Rapporteur għal opinjoni: Dario Nardella

 

 

OPINJONI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dan li ġej fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-politiki tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, b’mod partikolari l-Politika Agrikola Komuni (PAK), biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-fatt li dawn il-politiki huma għodod għall-bdiewa biex jipprovdu ikel ta’ kwalità għolja sikur, tajjeb għas-saħħa, affordabbli u sostenibbli, filwaqt li jiġu żgurati introjti ġusti u vijabbli għall-bdiewa kollha, b’mod partikolari l-bdiewa attivi, fuq skala żgħira u żgħażagħ, inklużi azzjonijiet immirati għall-prevenzjoni tal-abbandun tal-art u l-promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra; jissottolinja li dawn il-politiki għandhom l-għan li jrawmu sistemi tal-ikel sostenibbli u li jiżguraw il-vijabbiltà, il-profittabbiltà, is-sostenibbiltà u s-sikurezza fit-tul tal-produzzjoni agrikola tal-UE, l-iżvilupp ta’ żoni rurali u s-sovranità tal-ikel tal-Unjoni, filwaqt li jqisu l-istandards tal-benesseri tal-annimali, il-protezzjoni tal-klima, il-miżuri tal-mitigazzjoni u tal-bijodiversità; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-appoġġ finanzjarju b’saħħtu u simplifikat tal-UE għal settur tal-biedja kompetittiv u sostenibbli għandu jiżdied fl-allokazzjoni tal-baġit tal-PAK għall-2026 biex jiġu riflessi aħjar l-isfidi li qed jikbru fiż-żoni rurali, inkluża d-depopolazzjoni, u biex iż-żoni rurali jinżammu ħajjin; jissottolinja li, skont l-istħarriġ l-aktar reċenti tal-Ewrobarometru, l-appoġġ għall-PAK laħaq livell rekord ta’ kull żmien b’aktar minn 70 % tar-rispondenti jaqblu li l-PAK tissodisfa r-rwol tagħha li tipprovdi ikel ta’ kwalità għolja sikur, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli;

2. Jinnota li l-infiq taħt il-PAK jaqbeż b’mod sinifikanti l-miri tal-integrazzjoni tal-klima u tal-bijodiversità u jitlob li dan is-surplus jintuża biex jiġu allokati fondi li jikkontribwixxu b’mod dirett għall-kisba tal-objettivi primarji tal-PAK;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament addizzjonali għal objettivi ulterjuri tan-natura aktar milli tiddependi fuq il-PAK, li fuq kollox trid tibqa’ fond li jiżgura s-sigurtà tal-ikel u introjtu vijabbli għall-bdiewa tagħna;

4. Isostni l-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-UE bħala pedament tal-politika agrikola, bl-għan li jissaħħu l-kompetittività u r-rilevanza tas-setturi kollha tal-produzzjoni, speċjalment dak tal-inbid u tal-prodotti ta’ kwalità għolja, li jeħtieġ li jkollhom aċċess aħjar kemm għas-swieq interni kif ukoll għal dawk esterni, sabiex jiġu promossi d-diversifikazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni; ifakkar fis-suċċess miksub minn tali programmi ta’ promozzjoni fil-ftuħ u l-konsolidazzjoni ta’ swieq ġodda; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat baġit adegwat għall-politika ta’ promozzjoni fis-snin finanzjarji li ġejjin;

5. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ riżerva agrikola aktar b’saħħitha, mgħammra aħjar, flessibbli u aktar reattiva, b’finanzjament adegwat biex tlaħħaq ma’ żbilanċi fis-suq jew fatturi esterni imprevedibbli, bħal avvenimenti estremi u rikorrenti tat-temp, mard tal-annimali, stress idriku jew kuntest ġeopolitiku li jevolvi, li qed ikollhom impatt dejjem akbar fuq il-produzzjoni u s-swieq agrikoli, l-introjti tal-bdiewa, il-kontinwità tal-azjendi agrikoli u s-sigurtà tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mir-riżerva għall-kriżijiet bl-aktar mod effiċjenti, mgħaġġel u trasparenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi sabiex jiġi ggarantit l-iżborż rapidu ta’ dik l-għajnuna; jirrimarka li żieda fir-riżerva agrikola ma tridx taffettwa l-pagamenti diretti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva għall-ġestjoni tal-kriżijiet għal kull settur agrikolu ewlieni, filwaqt li tiżgura l-użu rapidu u effettiv tar-riżerva għall-kriżijiet, filwaqt li jitqies l-istabbiliment ta’ strumenti ġodda għall-ġestjoni tal-kriżijiet u tar-riskju; jirrikonoxxi, madankollu, li r-riżerva agrikola waħedha ma tistax tikkumpensa għalkollox għaż-żieda fil-frekwenza u s-severità ta’ avvenimenti estremi tat-temp ikkawżati mit-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ffinanzjati miżuri preventivi ta’ mitigazzjoni u adattament li jsaħħu r-reżiljenza, inkluża r-reżiljenza għall-klima, taż-żoni rurali u tas-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel;

6. Jopponi bil-qawwa kwalunkwe proposta biex jitnaqqas il-livell ta’ fondi allokati minn qabel mill-PAK fil-baġit futur; jirrimarka li dawk il-fondi għandhom jiżdiedu b’mill-inqas l-ekwivalenti tal-inflazzjoni kumulattiva sa mill-bidu tal-perjodu baġitarju attwali biex jiġi evitat tnaqqis mistur ta’ finanzjament mill-PAK; jisħaq li l-bdiewa jeħtieġu l-kontinwità u l-prevedibbiltà tal-PAK u li prijoritajiet ġodda li jirriżultaw ma jistgħux iwasslu għal tnaqqis fil-baġit tal-PAK; huwa favur it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont fl-allokazzjoni tal-fondi mill-PAK u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-kooperazzjoni u l-miżuri kontra l-frodi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ distribuzzjoni ġusta tal-appoġġ mill-PAK bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom; jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza fondi barra mill-PAK, minħabba l-isfidi li qed tiffaċċja l-agrikoltura tal-UE u tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-bdiewa li jirċievu l-għajnuna; jinsisti li kwalunkwe dħul akkumulat fil-baġit tal-Unjoni minn dħul assenjat jew ħlas lura ta’ irregolaritajiet relatati mal-agrikoltura għandhom jibqgħu taħt il-komponent tal-agrikoltura tal-Intestatura 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

7. Jissottolinja li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni tal-PAK adottati fl-2024 iridu jkunu l-punt tat-tluq għar-riforma li jmiss tal-PAK;

8. Ifakkar li l-innovazzjoni jista’ jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-produttività, il-kompetittività, ir-reżiljenza u l-adattabbiltà tal-agrikoltura; jissottolinja, f’dan ir-rigward, l-importanza li jiżdied il-finanzjament għar-riċerka, biex b’hekk tiġi evitata burokrazija addizzjonali, kemm fl-allokazzjonijiet baġitarji futuri, fil-qafas tal-programm ta’ riċerka Orizzont Ewropa, kif ukoll fil-PAK, filwaqt li jinħolqu mekkaniżmi ta’ finanzjament li jiżguraw il-kontinwità ta’ proġetti agroalimentari eżistenti u ta’ suċċess, stabbiliti u ffinanzjati permezz tal-istrument Next Generation EU; jappella, għalhekk, għal finanzjament adegwat għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-agrikoltura ta’ preċiżjoni, il-proġetti tal-ekonomija ċirkolari, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni rurali, l-iżvilupp u l-innovazzjoni newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, inkluż għal proġetti li jippromwovu s-saħħa tal-annimali u tal-pjanti u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, bħall-ilma, fl-agrikoltura; jinnota li l-effiċjenza tal-produzzjoni tista’ tkun ukoll għan fiha nnifisha, u li tali finanzjament għandu, minbarra li jtejjeb il-kompetittività tas-settur agrikolu, iżid ir-reżiljenza tiegħu għal sfidi bħat-tibdil fil-klima u t-tixrid tal-mard tal-annimali; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati riżorsi adegwati għat-taħriġ u l-iskambju tal-għarfien permezz ta’ strumenti Ewropej bħas-Sistemi tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS);

9. Jenfasizza l-fatt li d-diġitalizzazzjoni hija għodda kruċjali fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-valur taż-żoni rurali, inklużi ż-żoni interni, u għandha r-rwol ewlieni li tindirizza d-depopolazzjoni u tattira ż-żgħażagħ lejn dawn iż-żoni; jilqa’ t-trasformazzjoni diġitali fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali, inkluż l-użu tagħha fl-irrigazzjoni biex jittejbu l-effiċjenza, is-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika, it-traċċabbiltà u l-preċiżjoni tas-sistemi agrikoli, filwaqt li jiġi żgurat użu aktar effettiv tar-riżorsi baġitarji tal-UE u l-promozzjoni tal-intraprenditorija fiż-żoni rurali, biex b’hekk isiru aktar attraenti għall-persuni u għan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex f’dan il-kuntest, isaħħu l-infrastruttura teknoloġika u tal-komunikazzjoni fiż-żoni rurali, inkluża l-kopertura tal-internet broadband, u jħeġġiġhom jisfruttaw it-teknoloġiji biex itejbu l-aċċess għal informazzjoni kritika u jiddiġitalizzaw il-proċessi amministrattivi għall-appoġġ mill-PAK, sabiex jitnaqqas il-piż burokratiku u l-aċċess għall-appoġġ u s-servizzi jiġi ffaċilitat b’mod aktar effiċjenti; ifakkar li l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali innovattivi tirrikjedi finanzjament suffiċjenti, kif ukoll programmi mmirati ta’ taħriġ, edukazzjoni u appoġġ għall-bdiewa, b’mod partikolari għall-bdiewa fuq skala żgħira u dawk akbar fl-età, biex jiġi żgurat aċċess ekwu u affordabbli għall-għodod diġitali;

10. Jinnota bi tħassib it-telf kontinwu tal-azjendi agrikoli u l-bdiewa, u li dan għandu impatt soċjoekonomiku sinifikanti fuq iż-żoni rurali; iħeġġeġ, għalhekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet billi jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu t-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu u fiż-żoni rurali, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi u fiż-żoni interni; jenfasizza l-importanza li tittejjeb il-profittabbiltà tas-settur agrikolu billi jissaħħu l-miżuri fiskali u ta’ appoġġ li jagħmlu l-attivitajiet tal-biedja aktar attraenti u billi jittejjeb l-aċċess għall-art, għall-finanzjament u għall-assigurazzjoni, b’mod partikolari għan-nisa, għall-familji involuti fil-biedja fuq skala żgħira, għall-gruppi emarġinati u għall-bdiewa ġodda, bħaż-żgħażagħ; jissottolinja li l-bdiewa żgħażagħ għandhom il-potenzjal li jkunu l-mutur li jixpruna l-biedja sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-klima u jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw is-setgħa, inkluż permezz tal-użu ta’ fondi tal-Unjoni u għodod adattati ta’ konsulenza u taħriġ; jissottolinja li l-bini u l-immodernizzar tal-infrastruttura rurali ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, u li dan huwa essenzjali għat-tiġdid ġenerazzjonali; jipproponi, f’dan il-kuntest, l-inklużjoni ta’ indikatur speċifiku fil-politiki futuri għall-monitoraġġ tar-rata ta’ tiġdid ġenerazzjonali u l-livell ta’ servizzi u infrastruttura fiż-żoni rurali;

11. Jappella sabiex il-programmi tal-UE jagħtu prijorità lill-proġetti li jissalvagwardjaw l-impjiegi eżistenti fis-settur agrikolu u jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità; jisħaq li l-impjiegi kollha fis-settur agrikolu jridu jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema, jipprovdu paga stabbli u regolata, u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda effettiva kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fiż-żoni rurali;

12. Ifakkar fl-isfidi li s-settur agroalimentari ffaċċja u qed jiffaċċja, bħall-kriżi tal-COVID-19, l-effetti dannużi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, id-diżastri naturali u ż-żieda fil-kostijiet tal-input; jiddispjaċih li l-pagamenti diretti u s-sussidji tal-PAK naqsu b’mod sinifikanti f’termini reali minħabba l-inflazzjoni, ħaġa li rriżultat f’diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar l-iżvilupp rurali, filwaqt li l-piż amministrattiv fuq il-bdiewa żdied minħabba l-akkumulazzjoni tal-miżuri burokratiċi; jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi adegwati biex tgħin lill-bdiewa jlaħħqu ma’ dawk l-effetti inflazzjonarji, inklużi l-kostijiet tal-fjuwil, u jenfasizza li d-deflatur ta’ 2 % tal-QFP attwali ma jikkumpensax għat-telf tal-valur li jirriżulta mill-inflazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi deflatur aktar flessibbli fil-QFP li jmiss u, barra minn hekk, biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew jiġu implimentati l-aħjar prattiki sabiex il-bdiewa jiġu megħjuna jlaħħqu mal-inflazzjoni u l-kostijiet rekord;

13. Jitlob li, wara l-kriżijiet ekonomiċi ripetuti u l-avvenimenti ta’ temp estrem ikkawżati mit-tibdil fil-klima li affettwaw lill-kumpaniji agrikoli, ir-riżorsi mhux minfuqa tal-pjanijiet ta’ żvilupp rurali 2014-2022 jintefqu sal-31 ta’ Diċembru 2026 b’deroga mir-regoli N+3 stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013[26];

14. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jidentifika l-agrikoltura u l-bijoekonomija bħala prijoritajiet ewlenin fil-pjan direzzjonali strateġiku tiegħu għall-2024-2027;

15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-effetti negattivi fuq is-settur agroalimentari Ewropew tal-instabbiltà politika f’ċerti Stati Membri u fil-livell globali, kif ukoll it-tensjonijiet ġeopolitiċi relatati mal-kriżijiet kummerċjali jew internazzjonali; jissottolinja li l-iffirmar tal-Ftehim Mercosur f’Diċembru 2024 se jkollu implikazzjonijiet għall-bdiewa u l-produtturi tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ftehimiet kummerċjali biex tipproteġi lill-bdiewa tal-UE, tiżgura kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi, u talloka biżżejjed fondi biex ittaffi l-effetti negattivi tal-ftehimiet kummerċjali fuq is-settur agrikolu; ifakkar li l-bdiewa Ewropej jistgħu jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta minn produtturi ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx l-istess standards ta’ produzzjoni bħal dawk fl-UE u jappella għalhekk għal livell xieraq ta’ reċiproċità; itenni l-effetti kaskata negattivi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq is-sigurtà tal-ikel globali u l-għajxien tal-bdiewa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-riforma tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna tipprovdi stabbiltà u protezzjoni għall-bdiewa tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata bidu għal tħejjija aħjar għat-tkabbir tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-bdiewa Ewropej, speċjalment fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri bbilanċjati u msaħħa biex jiġi ssalvagwardjat is-settur agrikolu Ewropew, filwaqt li jiġi żgurat ukoll l-appoġġ għall-Ukrajna;

16. Jappella lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrevedu l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tagħhom, inkluż l-użu rapidu ta’ fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u tipprovdi finanzjament biex jissaħħu l-pożizzjonijiet ta’ negozjar relattivi tal-bdiewa fil-ktajjen tal-valur, u biex il-Kummissjoni tapprova dawn il-modifiki bil-ħeffa;

17. Jisħaq dwar l-importanza vitali tal-Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità (POSEI) għaż-żamma tal-attività agrikola fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Ewropa, għall-provvista ta’ ikel u tal-prodotti agrikoli hemmhekk u għas-sovranità tal-ikel tal-UE kollha kemm hi; jappella sabiex il-baġit tal-iskema, li ilu ma jiżdied mill-2013, jiżdied biex jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi, peress li l-bdiewa f’dawk iż-żoni qed jiffaċċjaw kostijiet ogħla tal-produzzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tapplika mingħajr dewmien deflatur ta’ 2 % għall-pakketti finanzjarji tal-POSEI sabiex jittaffa t-telf sostanzjali għall-produtturi f’termini reali u jiġi żgurat appoġġ aktar ġust għall-bdiewa kollha;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-UE għall-ġestjoni tal-ilma u tkompli tiżviluppa attivitajiet ta’ ġbir, ħżin u distribuzzjoni tal-ilma, filwaqt li tippreserva l-istatus tal-korpi tal-ilma, sabiex l-użu tar-riżervi tal-ilma jsir aktar effiċjenti fl-agrikoltura, kemm fl-irrigazzjoni tal-għelejjel, kif ukoll fit-trobbija tal-bhejjem, peress li n-nixfiet qed isiru dejjem aktar severi fl-Unjoni kollha.


ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI
LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Ir-rapporteur għal opinjoni jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu, li ma rċieva  l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.

 


 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
MILL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

18.2.2025

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

2

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Berlato, Stefano Bonaccini, Mireia Borrás Pabón, Daniel Buda, Waldemar Buda, Gheorghe Cârciu, Asger Christensen, Barry Cowen, Carmen Crespo Díaz, Ivan David, Valérie Deloge, Paulo Do Nascimento Cabral, Herbert Dorfmann, Carlo Fidanza, Luke Ming Flanagan, Maria Grapini, Cristina Guarda, Martin Häusling, Krzysztof Hetman, Céline Imart, Elsi Katainen, Stefan Köhler, Norbert Lins, Cristina Maestre, Dario Nardella, Maria Noichl, Gilles Pennelle, André Rodrigues, Katarína Roth Neveďalová, Bert-Jan Ruissen, Eric Sargiacomo, Christine Singer, Raffaele Stancanelli, Anna Strolenberg, Pekka Toveri, Jessika Van Leeuwen, Veronika Vrecionová, Thomas Waitz, Maria Walsh

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Peter Agius, Benoit Cassart, Ton Diepeveen, Elisabetta Gualmini, Esther Herranz García

 


VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET
MILL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

34

+

ECR

Sergio Berlato, Waldemar Buda, Carlo Fidanza, Bert-Jan Ruissen, Veronika Vrecionová

NI

Katarína Roth Neveďalová

PPE

Peter Agius, Daniel Buda, Carmen Crespo Díaz, Paulo Do Nascimento Cabral, Herbert Dorfmann, Esther Herranz García, Krzysztof Hetman, Céline Imart, Stefan Köhler, Norbert Lins, Pekka Toveri, Jessika Van Leeuwen, Maria Walsh

PfE

Raffaele Stancanelli

Renew

Benoit Cassart, Asger Christensen, Barry Cowen, Elsi Katainen, Christine Singer

S&D

Stefano Bonaccini, Gheorghe Cârciu, Maria Grapini, Elisabetta Gualmini, Cristina Maestre, Dario Nardella, Maria Noichl, André Rodrigues, Eric Sargiacomo

 

2

-

PfE

Ton Diepeveen

The Left

Luke Ming Flanagan

 

8

0

ESN

Ivan David

PfE

Mireia Borrás Pabón, Valérie Deloge, Gilles Pennelle

Verts/ALE

Cristina Guarda, Martin Häusling, Anna Strolenberg, Thomas Waitz

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU (19.2.2025)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2026, Taqsima III – Il-Kummissjoni

(2024/2110(BUI))

Rapporteur għal opinjoni: Gheorghe Falcă

 

 

OPINJONI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dan li ġej fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għat-Trasport (FNE-T) hija strument tal-UE li kellu suċċess kbir għal investiment strateġiku fl-iżvilupp tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), li għandu l-għan li jittrasforma t-toroq, il-ferroviji, il-portijiet, il-passaġġi fuq l-ilma interni u l-passaġġi tal-ajru tal-UE f’sistema tat-trasport konnessa, sikura, effiċjenti, sostenibbli u kompetittiva; billi l-iskadenzi għat-tlestija tan-network ewlieni sal-2030, tan-network ewlieni estiż sal-2040 u tan-network komprensiv sal-2050 huma vinkolanti għall-Istati Membri u spiss jirrikjedu investimenti infrastrutturali massivi u sostnuti; billi l-FNE-T għandha tibqa’ strument importanti ta’ finanzjament tat-trasport fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2028-2034;

B. billi l-infrastruttura tat-trasport moderna, interkonnessa u multimodali fi ħdan spazju uniku Ewropew tat-trasport hija ċentrali għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, għall-ikkompletar tas-suq uniku Ewropew u biex tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali, inkluż għall-benefiċċju tar-reġjuni periferiċi, rurali, muntanjużi, insulari u ultraperiferiċi u żoni oħra ġeografikament żvantaġġati; billi r-rapporti ta’ Mario Draghi u ta’ Enrico Letta jistiednu lill-UE żżid l-isforzi tagħha sabiex tiżviluppa strateġija industrijali kompetittiva fil-konfront tal-kompetizzjoni globali; billi d-dekarbonizzazzjoni b’suċċess li tissalvagwardja l-kompetittività globali tal-industriji Ewropej tirrikjedi investiment sinifikanti f’networks tat-trasport ibbażati fuq l-enerġija rinnovabbli u f’infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għat-trasport sostenibbli; billi d-diġitalizzazzjoni fis-setturi kollha tat-trasport tista’ twassal għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza, li ħafna drabi jkollhom il-potenzjal li jaqbżu l-investimenti inizjali; billi jinħtieġ investiment suffiċjenti biex jinkiseb dan u soluzzjonijiet teknoloġiċi oħra biex tissaħħaħ l-interoperabbiltà bejn in-networks diġitali, tal-enerġija u tat-trasport u biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tan-network; billi jinħtieġ aktar investiment fis-sikurezza fit-toroq biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE għal Viżjoni Żero u tiġi żgurata s-sikurezza tat-toroq u tal-utenti tat-toroq; billi s-settur tat-trasport qed iħabbat wiċċi ma’ skarsezzi ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, kultant akkumpanjati minn kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena;

C. billi l-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE huwa tal-ogħla importanza biex jintlaħqu objettivi strateġiċi f’kuntest ta’ pakketti finanzjarji limitati, b’mod partikolari fid-dawl tal-pressjonijiet inflazzjonarji li wasslu għal żidiet sinifikanti fil-kostijiet tal-kostruzzjoni, tal-enerġija u tal-materja prima, li qed jheddu l-fattibbiltà finanzjarja ta’ proġetti infrastrutturali ewlenin ta’ interess komuni Ewropew; billi huwa essenzjali li jkun hemm mekkaniżmi reżiljenti u koordinati ta’ finanzjament tal-UE sabiex jinżamm il-momentum tal-proġetti minkejja l-volatilità ekonomika; billi l-ħtieġa assoluta li jiġi massimizzat l-impatt tal-infiq tal-UE tirrikjedi dispożizzjonijiet baġitarji aġġustati għall-inflazzjoni, ir-riallokazzjoni ta’ fondi li mhumiex utilizzati biżżejjed, kif ukoll monitoraġġ ċar u oqfsa mtejba ta’ rapportar;

D. billi d-dewmien fil-proċessi tal-ippjanar, tal-ħruġ tal-permessi u tal-akkwist ifixkel ukoll l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti tat-trasport u tal-infrastruttura, u b’hekk jipperikola l-iżvilupp tat-trasport u tal-infrastruttura tal-UE; billi huwa kruċjali li jiġu stabbiliti proċeduri ottimizzati ta’ approvazzjoni biex jiġu aċċelerati l-iskedi ta’ żmien tal-proġetti u jiġi żgurat l-assorbiment tal-baġit;

E. billi, kif previst mill-Pakkett Omnibus dwar is-Simplifikazzjoni definit mill-Kummissjoni fil-Boxxla għall-Kompetittività tagħha, it-tnaqqis fil-piżijiet regolatorji u amministrattivi u s-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni huma essenzjali sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-awtoritajiet reġjonali u r-reġjuni żvantaġġjati; billi huwa essenzjali li jiġu ssimplifikati l-proċessi regolatorji u amministrattivi tal-UE fil-livelli kollha, flimkien ma’ aċċess simplifikat għall-finanzjament, sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni f’waqtha u effiċjenti tal-proġetti fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għat-Trasport u l-programmi tat-turiżmu, b’mod partikolari għall-SMEs u l-awtoritajiet reġjonali;

F. billi l-pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari 2.0 jiddeskrivi inizjattivi ambizzjużi fil-livell tal-UE; billi, madankollu, il-finanzjament inadegwat jibqa’ ostaklu sinifikanti għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

G. billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bħall-pandemija tal-COVID-19, issottolinjat il-vulnerabbiltà tas-setturi tat-trasport u tat-turiżmu tal-UE għax-xokkijiet esterni; billi issa huwa aktar meħtieġ minn qatt qabel li jissaħħu l-konnessjonijiet tat-trasport mal-Ukrajna u l-Moldova; billi l-ftehim dwar it-trasport bit-triq bejn l-UE u l-Ukrajna, li jiffaċilita t-trasport tal-merkanzija bit-triq u t-tranżitu billi jistabbilixxi korsiji ta’ solidarjetà, ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2025, bil-possibbiltà tat-tiġdid taċitu b’sitt xhur ulterjuri; billi n-network Ewropew tat-trasport huwa infrastruttura kritika li qed tiffaċċja riskji dejjem akbar għas-sigurtà diġitali u/jew fiżika u jeħtieġ li jiġi protett minn theddid estern biex jinżammu l-funzjonijiet tas-soċjetà li għalihom huwa vitali;

H. billi t-turiżmu, li huwa attività ekonomika ewlenija li tammonta għal kważi 10 % tal-PDG tal-UE u li ġiet identifikata fl-istrateġija industrijali tal-Kummissjoni għall-2021 bħala ekosistema kritika għall-ekonomija tal-UE u għall-impjiegi, qed ikompli jiffaċċja sfidi ekonomiċi, ambjentali, relatati mal-impjiegi u diġitali;

1. Jappella għal żieda sinifikanti fil-baġit tal-FNE-T biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-proġetti TEN-T li għaddejjin u dawk ippjanati, b’enfasi fuq l-infrastruttura transfruntiera bl-ogħla valur miżjud għall-UE u fuq l-eliminazzjoni tal-konġestjonijiet u tal-konnessjonijiet neqsin, inkluż fi ħdan l-Istati Membri, sabiex jissaħħaħ il-fluss tal-passiġġieri u tal-merkanzija madwar l-Ewropa; jissottolinja, barra minn hekk, il-valur tal-proġetti fuq skala iżgħar fit-titjib tal-konnettività transfruntiera u l-eliġibbiltà tagħhom għall-finanzjament tal-UE;

2. Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tiżviluppa pjan ta’ azzjoni industrijali tal-UE għas-settur tal-karozzi, kif propost fir-rapport ta’ Draghi, u jappella għal progress rapidu fid-djalogu strateġiku li għaddej;

3. Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tiżviluppa strateġija industrijali marittima ġdida biex issaħħaħ il-kompetittività, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-settur Ewropew tal-manifattura marittima; japprezza t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tippreżenta strateġija portwarja Ewropea biex tillimita r-riskji tad-dipendenza ekonomika, spjunaġġ u sabotaġġ marbuta mal-preżenza ekonomika u mal-involviment operazzjonali ta’ entitajiet minn pajjiżi mhux Ewropej fil-portijiet tal-UE;

4. Jappella, barra minn hekk, għal pjan ta’ azzjoni strateġiku għas-settur tal-avjazzjoni tal-UE biex jiġi identifikat tnaqqis potenzjali fil-piżijiet amministrattivi u biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet finanzjarji għaż-żamma tal-kompetittività tas-settur fid-dawl tal-pressjonijiet ta’ dekarbonizzazzjoni u r-riskji assoċjati, inklużi kundizzjonijiet mhux ekwi u rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u sfidi ġeopolitiċi, u fir-rigward ta’ analiżi bejn il-pajjiżi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol bħala fattur determinanti biex jiġu attirati u miżmuma ħaddiema tas-sengħa u tingħata spinta lill-produttività;

5. Jilqa’ l-impenn li jitressaq pjan biex jiġi żviluppat network Ewropew ambizzjuż ta’ linji ferrovjarji b’veloċità għolja bil-għan li jgħin biex jgħaqqad il-bliet kapitali tal-UE, inkluż permezz ta’ ferroviji ta’ billejl, u li jaċċelera l-merkanzija bil-ferrovija, kif ukoll biex tiġi introdotta malajr kemm jista’ jkun sistema diġitali unika għall-ħruġ u l-prenotazzjoni tal-biljetti tal-linji ferrovjarji, kif diġà deskritt fil-linji gwida riveduti tat-TEN-T; jissottolinja l-ħtieġa ta’ appoġġ ambizzjuż għall-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS);

6. Huwa favur strateġija komprensiva dwar il-hyperloop, bi skedi ta’ żmien ċari, oqfsa ta’ investiment dettaljati u appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-użu;

7. Jilqa’, f’dan ir-rigward, it-tħabbira tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-Kumpass tal-Kompetittività, li tippreżenta pjan ta’ investiment għat-trasport sostenibbli, u jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi miżuri ta’ finanzjament għall-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni msemmija hawn fuq, inkluż billi tnaqqas ir-riskju tal-investiment meħtieġ biex tiżdied malajr l-infrastruttura tal-iċċarġjar kif ukoll għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ fjuwils tat-trasport rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, mingħajr ma jiġu pperikolati l-għażliet eżistenti tas-suq;

8. Jissottolinja għal darb’oħra r-rwol tal-Fond Soċjali għall-Klima fl-appoġġ għall-investiment għal tranżizzjoni inklużiva lejn mobilità aktar sostenibbli u jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-faqar tat-trasport b’politiki u miżuri ta’ finanzjament speċifiċi fil-Pjanijiet Soċjali għall-Klima nazzjonali tagħhom;

9. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati, l-impjieg tan-nisa u forza tax-xogħol li qed tixjieħ fis-settur tat-trasport; jitlob, f’dan ir-rigward, appoġġ suffiċjenti għas-sikurezza u għal kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għall-ħaddiema fil-qasam tat-trasport kif ukoll għall-finanzjament ta’ żoni ta’ parkeġġ tat-trakkijiet sikuri u siguri madwar l-UE;

10. Jitlob li t-trasport jiġi diġitalizzat permezz ta’ soluzzjonijiet intelliġenti u pjattaformi ta’ prenotazzjoni diġitali biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar transfruntier mingħajr xkiel; jitlob li l-piżijiet regolatorji tal-UE jitnaqqsu b’mod sistematiku fil-modi kollha tat-trasport biex jiġu liberati r-riżorsi, inklużi l-mezzi baġitarji tal-UE, għal aktar investiment fl-infrastruttura tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa qawwija ta’ valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel tal-inizjattivi leġiżlattivi ġodda kollha fir-rigward tal-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom iżda wkoll il-piżijiet regolatorji jew amministrattivi li l-proposti joħolqu jew isolvu;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-pressjonijiet inflazzjonarji u l-iskarsezza tar-riżorsi billi tinkorpora l-aġġustamenti għall-inflazzjoni fil-baġit; jinnota li l-inklużjoni ta’ aġġustamenti realistiċi fil-prezzijiet hija essenzjali biex tiġi salvagwardjata l-vijabbiltà tal-proġetti tat-trasport u tal-infrastruttura kontra l-impatt ta’ żidiet fil-kostijiet ikkawżati mill-inflazzjoni; jappoġġja r-riallokazzjoni tal-fondi mhux utilizzati lejn raggruppamenti strateġiċi bħall-infrastruttura tat-trasport, soluzzjonijiet ta’ trasport sostenibbli u l-innovazzjoni; jappella bil-qawwa għall-integrazzjoni ta’ oqfsa reżiljenti għall-inflazzjoni u ta’ mekkaniżmi baġitarji adattivi fil-QFP biex jiġu evitati sfidi ta’ finanzjament fiċ-ċikli li ġejjin;

12. Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ kofinanzjament, b’mod partikolari għal proġetti fuq skala kbira, bħall-Impriżi Konġunti Avjazzjoni Nadifa, ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), u l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha tagħhom minkejja restrizzjonijiet ekonomiċi; jinsisti fuq l-użu tas-sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġu mobilizzati riżorsi addizzjonali;

13. Huwa favur mudelli ta’ finanzjament innovattivi, b’mod partikolari l-faċilitazzjoni tas-sħubijiet pubbliċi-privati billi jiġu pprovduti garanziji jew billi jiġu implimentati mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riskju, sabiex jiġi attirat investiment privat fl-infrastruttura tat-trasport u tat-turiżmu, inkluż għal tranżizzjoni iktar rapida lejn il-fjuwils alternattivi; jisħaq li dawn is-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-kondiviżjoni tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-appoġġ għall-SMEs u n-negozji ġodda;

14. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-baġits tal-aġenziji tat-trasport, b’mod partikolari l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-UE, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti addizzjonali assenjati lilhom mill-koleġiżlaturi fil-leġiżlazzjoni tal-UE adottata reċentement, kif ukoll sabiex ikunu ta’ appoġġ għall-inizjattivi kritiċi ta’ sikurezza, sostenibbiltà, interoperabbiltà, kompetittività, innovazzjoni u modernizzazzjoni;

15. Jappella bil-qawwa biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ applikazzjoni u rappurtar fir-rigward tal-fondi tal-UE, b’mod konformi mad-Direttiva 2021/1187[27]; jinsisti fuq allokazzjoni trasparenti u ġusta tal-fondi tal-UE għat-trasport bl-użu ta’ pjattaformi diġitali bil-għan li jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-SMEs u l-partijiet ikkonċernati reġjonali; jappella biex jiġu stabbiliti proċessi ta’ rieżami mħaffa għal proġetti kritiċi tat-trasport u tal-infrastruttura sabiex jitnaqqas id-dewmien; jipproponi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” għall-proċessi amministrattivi, li jippermetti lill-applikanti jipprovdu informazzjoni darba u jerġgħu jużawha fil-programmi kollha tal-UE, biex b’hekk jitnaqqsu d-duplikazzjoni tal-isforzi u d-dewmien, inkluż biex titjieb il-kombinazzjoni tal-fondi tal-UE;

16. Jinsisti li l-baġit tal-mobbiltà militari jiġi stabbilit mill-ġdid għall-ammont propost oriġinarjament ta’ EUR 6,5 biljun fuq seba’ snin; itenni li t-tnaqqis drastiku ta’ 75 % fil-finanzjament tal-mobbiltà militari fl-ambitu tal-pilastru tat-trasport idgħajjef b’mod konsiderevoli din il-politika; jenfasizza r-rwol kritiku ta’ dan il-finanzjament fl-adattament ta’ partijiet tal-infrastruttura tat-TEN-T għall-użu doppju tul l-assi prijoritarji, sabiex jiffaċilita l-moviment fuq skala kbira u b’avviż qasir ta’ tagħmir militari u għajnuna umanitarja madwar il-kontinent, u b’hekk jippermetti rispons konġunt għat-theddid militari għall-Istati Membri tal-UE u n-nazzjonijiet alleati tagħhom; jappella biex il-mobbiltà militari tiġi inkluża fil-white paper dwar il-futur tad-difiża Ewropea;

17. Itenni li, biex l-Ukrajna tiġi megħjuna tiffaċċja l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontriha u biex jitħaffu l-irkupru tagħha ta’ wara l-gwerra u l-integrazzjoni tagħha fis-suq tal-UE, flimkien mad-deċiżjonijiet li għad iridu jiġu dwar it-tiġdid tal-ftehim dwar it-trasport bejn l-UE u l-Ukrajna, huwa imperattiv li jitwettqu proġetti li jtejbu l-kapaċità tul il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna, li jinkludu l-immodernizzar tal-linji ferrovjarji, titjib fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri u l-pass kruċjali li linji rilevanti tas-sistema ferrovjarja tal-Ukrajna jiġu integrati fil-gauge standard tal-UE biex jiġi ffaċilitat il-moviment mingħajr interruzzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi; iqis li l-baġit tal-2026 għandu jgħin ukoll biex itaffi t-tbatija ekonomika u soċjali li jiffaċċjaw il-poplu tar-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant tal-UE, speċjalment l-istati Baltiċi, il-Finlandja, il-Polonja u r-Rumanija, li ġew affettwati b’mod partikolari minn telf ekonomiku u s-sospensjoni tal-mobbiltà transfruntiera b’konsegwenza tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jitlob li jiġu ffinanzjati aktar miżuri tal-UE kontra l-flotta mistura Russa;

18. Itenni t-talba ripetuta tiegħu li jinħoloq programm speċifiku tal-UE u linja baġitarja ddedikata għat-turiżmu fil-QFP attwali u lil hinn minnu, li tiżdied ir-reżistenza tas-settur għax-xokkijiet ekonomiċi u li jingħata kontribut għal aktar tkabbir u impjiegi tul il-katina tal-valur, li jġibu benefiċċji sinifikanti u benesseri fit-tul għan-nies lokali u n-negozji tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-SMEs li joperaw fis-settur tat-turiżmu billi jiġu ssimplifikati r-regoli, jitnaqqsu, meta jkun xieraq, ir-rekwiżiti tal-ġbir tad-data, u jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju mfassal apposta; jinnota li s-settur tat-turiżmu jista’ jibbenefika ħafna mill-innovazzjonijiet diġitali bħall-pjattaformi tat-turiżmu intelliġenti u s-sistemi integrati ta’ ħruġ ta’ biljetti diġitali għall-attrazzjonijiet u s-servizzi, li jsaħħu l-esperjenzi tal-viżitaturi filwaqt li jixprunaw tkabbir ekonomiku sinifikanti għall-komunitajiet lokali. jenfasizza li l-iżvilupp ulterjuri tat-turiżmu sostenibbli, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ prodotti reġjonali biex jissaħħu l-ktajjen tal-valur lokali jew il-ġestjoni tal-flussi turistiċi, jista’ jrawwem it-tkabbir ekonomiku f’żoni inqas popolari, aktar remoti u periferiċi, itejjeb il-konnettività urbana-rurali u jsaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima tat-territorji tal-UE.

 


ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI
LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Ir-rapporteur għal opinjoni jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu, li ma rċieva  l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.

 


 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
MILL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.2.2025

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Oihane Agirregoitia Martínez, Daniel Attard, Tom Berendsen, Nina Carberry, Benoit Cassart, Carlo Ciccioli, Vivien Costanzo, Johan Danielsson, Valérie Devaux, Siegbert Frank Droese, Gheorghe Falcă, Jens Gieseke, Sérgio Humberto, François Kalfon, Elena Kountoura, Merja Kyllönen, Luis-Vicențiu Lazarus, Vicent Marzà Ibáñez, Milan Mazurek, Alexandra Mehnert, Ştefan Muşoiu, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Matteo Ricci, Arash Saeidi, Marjan Šarec, Rosa Serrano Sierra, Virginijus Sinkevičius, Kai Tegethoff, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Arno Bausemer, Ondřej Krutílek, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Elena Nevado del Campo, Luděk Niedermayer, Andrey Novakov, Beata Szydło, Flavio Tosi, Kathleen Van Brempt

Sostituti (skont l-Artikolu 216(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie Dauchy, Elisabeth Grossmann

 


VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET
MILL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

36

+

ECR

Carlo Ciccioli, Ondřej Krutílek, Beata Szydło, Kosma Złotowski

PPE

Tom Berendsen, Nina Carberry, Gheorghe Falcă, Jens Gieseke, Sérgio Humberto, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Alexandra Mehnert, Elena Nevado del Campo, Luděk Niedermayer, Andrey Novakov, Flavio Tosi, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

Renew

Oihane Agirregoitia Martínez, Benoit Cassart, Valérie Devaux, Jan-Christoph Oetjen, Marjan Šarec

S&D

Daniel Attard, Vivien Costanzo, Johan Danielsson, Elisabeth Grossmann, François Kalfon, Ştefan Muşoiu, Matteo Ricci, Rosa Serrano Sierra, Kathleen Van Brempt

The Left

Elena Kountoura, Merja Kyllönen, Arash Saeidi

Verts/ALE

Vicent Marzà Ibáñez, Virginijus Sinkevičius, Kai Tegethoff

 

6

-

ESN

Arno Bausemer, Siegbert Frank Droese, Milan Mazurek

NI

Luis-Vicențiu Lazarus

PfE

Marie Dauchy, Philippe Olivier

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (20.2.2025)

għall-Kumitat tal-Baġits

dwar il-linji gwida għall-baġit 2026 – Taqsima III

(2024/2110(BUI))

Rapporteur għal opinjoni: Michael Gahler

 

 

OPINJONI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dan li ġej fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jilqa’ l-fatt li r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) fl-2024 ipprevediet finanzjament addizzjonali skont l-Intestatura 6 u Faċilità għall-Ukrajna ta’ EUR 50 biljun; jiddeplora, madankollu, il-fatt li r-reviżjoni tal-QFP ma laħqitx il-ħtiġijiet identifikati mill-Parlament; itenni l-ħtieġa urġenti li jiżdied il-finanzjament, b’mod partikolari f’reġjuni milquta minn kriżi fejn il-ħtiġijiet huma l-akbar, u li jiġu indirizzati d-diversi sfidi fil-viċinat, isir investiment fi sħubijiet u tissaħħaħ il-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; jissottolinja b’mod partikolari l-ħtieġa għal sforzi kontinwi biex jiġu ffinanzjati l-ħtiġijiet immedjati ta’ finanzjament tal-Ukrajna; jenfasizza li l-UE għandha mingħajr dewmien tintensifika l-isforzi tagħha biex tippermetti li l-assi Russi ffriżati u immobilizzati jintużaw għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, għar-riparazzjonijiet u għall-ħtiġijiet baġitarji f’konformità sħiħa mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali; jissottolinja li l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI – Ewropa Globali) u l-Global Gateway huma strumenti kruċjali fi ħdan is-sett ta’ għodod tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; jisħaq fuq l-importanza tal-politiki u tal-istrumenti ta’ għajnuna umanitarja tal-UE; jappella b’mod ġenerali għal approċċ aktar strateġiku u li jħalli impatt għall-finanzjament tal-UE barra mill-pajjiż filwaqt li tiġi avvanzata l-awtonomija strateġika miftuħa;

2. Itenni li għandu jiġi allokat livell miżjud ta’ finanzjament għall-Viċinat tan-Nofsinhar fl-2025 biex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fir-reġjun; jisħaq b’mod partikolari fuq il-ħtieġa urġenti li jingħata kontribut sinifikanti għar-rikostruzzjoni ta’ Gaża u li tingħata għajnuna umanitarja addizzjonali f’Gaża, fil-Libanu u fis-Sirja; ifakkar li s’issa l-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNWRA) kienet l-istruttura prinċipali ta’ assistenza umanitarja f’Gaża u fix-Xatt tal-Punent kif ukoll fornitur ta’ servizz essenzjali fir-reġjun; ifakkar il-ħtieġa li jkompli jingħata appoġġ lis-sħab reġjonali ewlenin bħall-Ġordan sabiex titrawwem il-paċi fir-reġjun;

3. Jilqa’ l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent l-ġdida u l-Faċilità għall-Moldova proposta, kif ukoll ir-rwol tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) III fil-finanzjament ta’ azzjonijiet fir-reġjun; jissottolinja li l-Aġendi ta’ Riforma, li l-benefiċjarji jeħtieġ li jiżviluppaw, huma strument promettenti biex titħaffef it-trasformazzjoni u l-konformità man-normi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, fl-interessi ta’ proċess ta’ adeżjoni b’suċċess, biex tapplika b’mod strett il-kundizzjonalitajiet minquxa fiż-żewġ faċilitajiet; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex takkumpanja l-għaxar pajjiżi tat-tkabbir kollha fi triqthom lejn l-integrazzjoni Ewropea u tipprovdi assistenza mfassla apposta biex tindirizza l-isfidi rispettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament addizzjonali biex tappoġġja lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tal-media indipendenti u lill-ġurnalisti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li żżomm il-possibbiltà li ma tirrilaxxax il-fondi, b’mod temporanju jew indefinit, jekk dawk il-fondi jikkontribwixxu għall-baġits tal-gvernijiet – kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak sottonazzjonali – li l-azzjonijiet tagħhom qed idgħajfu b’mod sinifikanti l-istabbiltà tal-pajjiż jew tal-ġirien tiegħu, jew il-progress tal-pajjiż lejn l-integrazzjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-QFP li jmiss li jinkorpora l-faċilitajiet biex jiġu evitati duplikazzjonijiet u jkopri l-għaxar pajjiżi tat-tkabbir kollha u li għandu jiżgura tħejjija istituzzjonali u ekonomika b’saħħitha għal sħubija fl-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tħaffef l-integrazzjoni tal-pajjiżi kandidati kollha fiż-żona tar-roaming tal-UE;

4. Jisħaq fuq l-importanza li l-UE tiżgura li l-fondi tal-UE ma jmorrux għall-finanzjament ta’ letteratura edukattiva li tirromantiċizza l-martirju, il-vjolenza jew it-terroriżmu;

5. Jissottolinja l-ħtieġa li d-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir u għall-Viċinat tal-Lvant (DĠ ENEST), id-Direttorat Ġenerali għal-Lvant Nofsani, l‑Afrika ta’ Fuq u l-Golf (DĠ MENA) u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jingħataw riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti biex jippromwovu l-paċi, il-prosperità, is-sigurtà u l-valuri u l-interessi tal-UE kemm fil-viċinat Ewropew kif ukoll madwar id-dinja; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi adegwati kemm lis-SEAE kif ukoll lill-Kummissjoni għall-komunikazzjoni strateġika u għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinżamm l-istruttura attwali tan-network tad-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja u li jiġi pprovdut finanzjament li jkun proporzjonat mar-rwol li l-Unjoni tistenna li d-delegazzjonijiet kollha jkollhom fil-prattika; jinnota, barra minn hekk, li s-SEAE, b’145 delegazzjoni madwar id-dinja, ma jistax jitkejjel bl-istess loġika bħal dik applikata għall-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell u fil-Lussemburgu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ma japplikawx il-loġika ta’ 2 % għas-SEAE; jinsisti fuq żieda baġitarja għall-azzjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u għall-missjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), kif ukoll strumenti xierqa oħra għall-paċi, il-kunflitti u r-rispons għall-kriżijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-protokolli tal-IT u ta’ sigurtà fi ħdan il-kwartieri ġenerali tas-SEAE, id-Delegazzjonijiet tal-UE u fid-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni b’responsabbiltajiet fl-Azzjoni Esterna tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li jsir investiment fis-sigurtà u d-difiża Ewropea billi jissaħħu l-awtonomija strateġika u l-kapaċitajiet ta’ difiża kollettiva tal-Unjoni;

6. Jilqa’ l-istabbiliment tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-UE fil-Moldova (EUPM Moldova); jisħaq fuq ir-rwol essenzjali tal-EUPM Moldova u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jestendu l-mandat tal-missjoni wara Mejju 2025 filwaqt li jżidu r-riżorsi biex tissaħħaħ l-effettività tagħha;

7. Itenni l-impenn tal-UE li tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa madwar id-dinja, kif minqux fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III (2021-2025); jitlob li jiżdiedu r-riżorsi biex jiġu appoġġjati d-drittijiet tan-nisa, inkluż l-isforzi biex tiġi eliminata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tiġi promossa l-emanċipazzjoni ekonomika; jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-inizjattivi baġitarji u ta’ politika kollha biex jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs u l-inklużività; jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhijiex biss dritt fundamentali iżda wkoll xprunatur kruċjali tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mal-uffiċċju tal-EPLO f’Washington, D.C., u mad-delegazzjoni tal-UE fl-Istati Uniti biex tidentifika, tiffinanzja u timplimenta inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ tar-relazzjoni transatlantika, inkluż programmi ta’ skambju għal professjonisti li jaħdmu f’istituzzjonijiet pubbliċi kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti;

9. Jissottolinja li kwalunkwe żborż mill-baġit Ewropew irid jiddependi mir-rispett tal-pajjiż benefiċjarju għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mal-obbligi internazzjonali, u b’rispett għall-ftehimiet internazzjonali;

10. Iqis li jeħtieġ li jiġu allokati aktar fondi tal-UE għaċ-ċiberdifiża konġunta sabiex jiġi miġġieled it-theddid diġitali mir-Russja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u oħrajn; iqis li l-Kummissjoni jeħtieġ li tiżgura l-finanzjament meħtieġ għal armata ċibernetika futura li tista’ tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiddefendu lilhom infushom kontra attakki ċibernetiċi minn stati ostili;

11. Jisħaq fuq il-ħtieġa għall-viżibbiltà u l-komunikazzjoni tal-għajnuna tal-UE, b’mod partikolari fil-pajjiżi kandidati, iżda wkoll f’pajjiżi sħab oħra;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-UE tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp dwar droni bi prezz baxx, mhux biss sabiex tappoġġja lill-Ukrajna fl-isforzi tagħha biex tiddefendi lilha nnifisha kontra r-Russja, iżda wkoll biex issaħħaħ id-difiża Ewropea; iqis li l-UE għandha tikkoopera mal-Ukrajna dwar l-iżvilupp ta’ sistema bid-droni wara l-użu b’suċċess tad-droni.


ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI
LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Ir-rapporteur għal opinjoni jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu, li ma rċieva l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.2.2025

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

13

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mika Aaltola, Petras Auštrevičius, Dan Barna, Wouter Beke, Robert Biedroń, Ľuboš Blaha, Ioan-Rareş Bogdan, Marc Botenga, Helmut Brandstätter, Sebastião Bugalho, Tobias Cremer, Danilo Della Valle, Loucas Fourlas, Alberico Gambino, Giorgos Georgiou, Christophe Gomart, Rima Hassan, Rasa Juknevičienė, Sandra Kalniete, Łukasz Kohut, Ondřej Kolář, Rihards Kols, Andrey Kovatchev, Reinhold Lopatka, Antonio López-Istúriz White, Marion Maréchal, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Hannah Neumann, Urmas Paet, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Mounir Satouri, Andreas Schieder, Alexander Sell, Villy Søvndal, Davor Ivo Stier, Marie-Agnes Strack-Zimmermann, Cristian Terheş, Riho Terras, Pierre-Romain Thionnet, Reinier Van Lanschot, Nicola Zingaretti, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Krzysztof Brejza, Jaroslav Bžoch, Engin Eroglu, Tomasz Froelich, Ilhan Kyuchyuk, Ana Catarina Mendes, Alessandra Moretti, Ana Miguel Pedro, Chloé Ridel, Şerban Dimitrie Sturdza, Marco Tarquinio

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Bryłka, Mélissa Camara, Alexander Jungbluth, Erik Marquardt, Leire Pajín, Kristian Vigenin

 


 

VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET
MILL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

40

+

ECR

Cristian Terheş

PPE

Mika Aaltola, Wouter Beke, Ioan-Rareş Bogdan, Krzysztof Brejza, Sebastião Bugalho, Loucas Fourlas, Rasa Juknevičienė, Sandra Kalniete, Łukasz Kohut, Ondřej Kolář, Andrey Kovatchev, Reinhold Lopatka, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Davor Ivo Stier, Riho Terras, Željana Zovko

Renew

Petras Auštrevičius, Dan Barna, Helmut Brandstätter, Engin Eroglu, Ilhan Kyuchyuk, Urmas Paet, Marie-Agnes Strack-Zimmermann

S&D

Robert Biedroń, Tobias Cremer, Ana Catarina Mendes, Sven Mikser, Alessandra Moretti, Tonino Picula, Thijs Reuten, Chloé Ridel, Nacho Sánchez Amor, Andreas Schieder, Marco Tarquinio, Kristian Vigenin, Nicola Zingaretti

 

13

-

ECR

Rihards Kols, Marion Maréchal

ESN

Tomasz Froelich, Alexander Jungbluth, Alexander Sell

NI

Ľuboš Blaha, Kostas Papadakis

PfE

Jaroslav Bžoch, Pierre-Romain Thionnet

The Left

Marc Botenga, Danilo Della Valle, Giorgos Georgiou, Rima Hassan

 

8

0

ECR

Alberico Gambino, Şerban Dimitrie Sturdza

Verts/ALE

Mélissa Camara, Erik Marquardt, Hannah Neumann, Mounir Satouri, Villy Søvndal, Reinier Van Lanschot

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI (19.2.2025)

għall-Kumitat tal-Baġits

dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2026 – Taqsima III – Il-Kummissjoni

(2024/2110(BUI))

Rapporteur għal opinjoni: Gabriella Gerzsenyi

 

 

OPINJONI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dan li ġej fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi skont l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), “sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha inġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B’mod partikolari, l-Unjoni għandu jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti”;

B. billi l-politika ta’ koeżjoni hija strument ewlieni biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni fl-Unjoni u biex jiġi indirizzat il-fatt li r-reġjuni li huma anqas favoriti għadhom lura, u taqdi r-rwol vitali li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll tindirizza l-isfidi ambjentali, filwaqt li tikkomplementa l-baġits nazzjonali u ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tittratta l-kumplessitajiet globali;

C. billi fost ir-reġjuni kkonċernati, trid tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni affettwati mit-tranżizzjoni industrijali u dik awtomobilistika, liż-żoni anqas żviluppati fl-hekk imsejħa reġjuni żviluppati, lir-reġjuni tal-Lvant tal-UE li jmissu mar-Russja, mal-Belarussja jew mal-Ukrajna, lir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, kif ukoll lir-reġjuni ultraperiferiċi, lill-gżejjer u lir-reġjuni tal-Mediterran li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà ambjentali u ekonomika;

D. billi r-rata ta’ assorbiment tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għadha baxxa ħafna, parzjalment minħabba dewmien sabiex jinbdew il-programmi u l-livell għoli ta’ burokrazija u kumplessità meħtieġa fi proġetti ffinanzjati mill-koeżjoni, li jistgħu jwasslu għal żbalji mhux furzati;

E. billi fost il-benefiċjarji kkonċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni vulnerabbli, bħall-persuni b’diżabbiltà;

1. Iqis li, bħala l-istrument ewlieni ta’ investiment fit-tul tal-UE, il-politika ta’ koeżjoni hija bbażata fuq is-solidarjetà, toħloq tkabbir sostenibbli u impjiegi fl-Unjoni kollha u tikkontribwixxi għall-objettivi u l-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni, inklużi l-miri tagħha dwar il-klima u l-enerġija, il-bijodiversità, il-kompetittività, kif ukoll it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u soċjalment inklużiv, biex tindirizza l-isfidi ambjentali u tiżgura aċċess ekwu għall-akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli;

2. Ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni tat prova tal-fatt li hija għodda utli biex jiġu indirizzati sfidi f’diversi kriżijiet, bħall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq il-provvista tal-enerġija, l-għoli tal-ħajja, l-inflazzjoni, u l-ħtiġijiet tar-rifuġjati u l-persuni spostati, kif ukoll id-diżastri naturali; jissottolinja, madankollu, li l-emendi leġiżlattivi li rriżultaw għall-politika ta’ koeżjoni ripetutament ġabu bidliet mhux mistennija fl-objettivi u r-riżorsi tagħha, filwaqt li l-politika ta’ koeżjoni għandha, meta jkun meħtieġ, tikkomplementa aktar milli tissostitwixxi strumenti finanzjarji oħra mfassla għal rispons ta’ emerġenza;

3. Itenni l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni fil-livell baġitarju bejn l-istrumenti finanzjarji kollha li jappoġġjaw il-politika ta’ koeżjoni; jemmen li, biex isir l-aħjar użu mill-fondi tan-Next Generation EU, dawn għandhom jappoġġjaw u jikkomplementaw il-miżuri tal-politika ta’ koeżjoni;

4. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” jiġi osservat fil-baġit kollu tal-UE; jisħaq, f’dan ir-rigward, li l-politika ta’ koeżjoni m’għandu jkollha l-ebda bidla fundamentali li tista’ tipperikola l-kapaċità tal-fondi strutturali u ta’ investiment li jilħqu l-għanijiet tagħhom; jisħaq li l-istabbiliment ta’ prijoritajiet ġodda għandu jinvolvi riżorsi ġodda u jissottolinja li l-objettivi ta’ investiment fit-tul tal-politika ta’ koeżjoni huma li jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u li tissaħħaħ il-kompetittività;

5. Jinsab imħasseb dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi ta’ monitoraġġ, filwaqt li tiżgura r-rispett għall-istat tad-dritt, użu trasparenti, ġust u responsabbli tar-riżorsi tal-UE, kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja tajba tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livelli kollha sabiex titnaqqas il-burokrazija biex il-fondi ta’ koeżjoni jsiru aktar aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, fost l-oħrajn, u biex jiġu evitati d-diżimpenji, il-proġetti mhux mitmuma u kwalunkwe manipulazzjoni politika tal-allokazzjoni tal-fondi; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ “kundizzjonalità intelliġenti”;

6. Jinnota li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jeħtieġ riżorsi finanzjarji adegwati u perspettiva fit-tul biex tiġi żgurata l-effettività tiegħu biex jappoġġja t-tranżizzjoni tar-reġjuni lejn in-newtralità klimatika, filwaqt li jiġi żgurat li r-reġjuni l-aktar vulnerabbli jiġu appoġġjati kif xieraq fil-proċess ta’ tranżizzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ realistiku u bbilanċjat għat-tranżizzjoni ġusta, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, bil-parteċipazzjoni sinifikattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll tas-sħab ekonomiċi u soċjali;

7. Jappella għal aktar simplifikazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni biex jitnaqqas il-piż amministrattiv li qed jikber, tissaħħaħ l-aċċessibbiltà għall-fondi u jiġu żgurati investimenti mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni filwaqt li dan jippermetti l-ġestjoni effettiva tal-fondi f’konformità mal-ħtiġijiet tal-benefiċjarji finali; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tan-network ta’ Kunsilliera tal-UE li għadu kif inħoloq, li huwa mmexxi b’mod konġunt mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea, bħala għodda ewlenija għat-tisħiħ tal-kapaċità li tinġabar evidenza ta’ kif l-Unjoni topera fil-livell lokali;

8. Jissottolinja li ż-żoni rurali huma parti ċentrali mill-identità u l-potenzjal ekonomiku tal-Ewropa; jilqa’ l-miżuri tal-politika ta’ koeżjoni li jirrikonoxxu l-kontribut ta’ żoni rurali aktar prosperi u reżiljenti għar-reżiljenza ġenerali tal-Ewropa; jappella għal finanzjament adegwat biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fil-protezzjoni ambjentali, il-produzzjoni tal-ikel, it-turiżmu, u biex jiġi żgurat id-“dritt ta’ soġġorn”; jappella għal aktar investiment pubbliku biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u jiġu appoġġjati ż-żgħażagħ billi jittejbu s-servizzi u l-infrastruttura, jiġi estiż l-aċċess għall-edukazzjoni, it-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet diġitali, sabiex jogħlew l-istandards tal-għajxien, jiżdied l-istokk ta’ akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli u jitrawwem aċċess ugwali għaċ-ċittadini u l-familji għall-kultura u l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja, is-servizzi soċjali essenzjali u servizzi pubbliċi oħra, filwaqt li jsir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-SMEs rurali;

9. Jinnota li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni jappoġġjaw investimenti fl-iżvilupp urban sostenibbli, filwaqt li tiġi sottolinjata l-importanza tiegħu bħala komponent ewlieni tal-iżvilupp territorjali integrat, u mill-inqas 8 % tar-riżorsi tal-FEŻR fil-livell nazzjonali jiġu allokati għaż-żoni urbani permezz tal-mekkaniżmi rilevanti; jinnota wkoll li dan għandu jinkludi attenzjoni speċjali għall-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni urbani u metropolitani funzjonali, filwaqt li jiġu ffaċilitati t-tranżizzjoni diġitali, dik ekoloġika u dik industrijali;

10. Jappella għal aktar investiment fid-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs fir-reġjuni anqas żviluppati, inklużi ż-żoni rurali u periferiċi, sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali u jitrawwem tkabbir ekonomiku inklużiv;

11. Jissottolinja li l-iżvilupp sostenibbli huwa marbut direttament ma’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta’ aktar sforzi biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-individwi rilevanti kollha fl-età tax-xogħol, kif ukoll inizjattivi biex tiżdied l-aċċettazzjoni miċ-ċittadini tat-tranżizzjoni ekonomika, dik industrijali u dik tal-enerġija;

12. Ifakkar fl-importanza ta’ mekkaniżmi u strateġiji adattati għad-diversità tat-territorji tal-UE, u għalhekk jappella għal użu sħiħ tal-Artikolu 349 tat-TFUE biex il-politika ta’ koeżjoni tiġi adattata għall-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi; itenni li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jirċievu allokazzjonijiet addizzjonali speċifiċi biex jikkumpensaw għall-ispejjeż żejda mġarrba minħabba restrizzjonijiet permanenti fuq l-iżvilupp tagħhom; jappella sabiex l-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw Patt tal-Gżejjer bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati prinċipali, fuq il-linji tal-Patt Urban u l-Patt Rurali futur;

13. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u oħrajn, kif ukoll id-djalogu tagħhom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab ekonomiċi u soċjali, l-universitajiet u ċ-ċentri tal-innovazzjoni; jirrikonoxxi l-importanza tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku u tissaħħaħ il-kompetittività sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-kummerċjalizzazzjoni u l-espansjoni ta’ proġetti ta’ innovazzjoni interreġjonali, filwaqt li jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati ktajjen tal-valur, b’mod partikolari f’reġjuni anqas żviluppati;

14. Itenni l-bżonn li jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, li huma komponenti essenzjali fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni effettivi ta’ inizjattivi u proġetti fil-livell lokali; jenfasizza l-importanza ta’ sjieda, responsabbiltà, sħubija u deċentralizzazzjoni aktar b’saħħithom; iqis bil-qawwa li aktar riżorsi finanzjarji ddedikati għall-assistenza teknika huma kruċjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti;

15. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni trid tirrispetta l-prinċipji orizzontali, inklużi n-natura tagħha bbażata fuq il-post, il-governanza f’diversi livelli, is-sostenibbiltà, il-prinċipju tas-sħubija, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-proġetti kollha jikkontribwixxu għal Unjoni aktar ekwa u inklużiva;

16. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej dwar il-kisbiet tal-politika ta’ koeżjoni u jappella għal aktar miżuri ta’ informazzjoni li jippromwovuha bħal pjattaformi tad-data aċċessibbli, peress li l-politika ta’ koeżjoni hija mezz partikolarment effettiv għall-promozzjoni ta’ reġjuni Ewropej b’saħħithom u bbilanċjati.


 

 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI
LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Ir-rapporteur għal opinjoni tiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tagħha, li ma rċeviet l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

MILL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.2.2025

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adrian-Dragoş Benea, Gordan Bosanac, Irmhild Boßdorf, Daniel Buda, Klára Dobrev, Klara Dostalova, Raquel García Hermida-Van Der Walle, Gabriella Gerzsenyi, Krzysztof Hetman, Ľubica Karvašová, Elsi Katainen, Isabelle Le Callennec, Elena Nevado del Campo, Andrey Novakov, Valentina Palmisano, Vladimir Prebilič, Sabrina Repp, Marcos Ros Sempere, André Rougé, Antonella Sberna, Mārtiņš Staķis, Şerban Dimitrie Sturdza, Rody Tolassy, Francesco Ventola, Marta Wcisło

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Dan Barna, Sofie Eriksson, Denis Nesci, Jacek Protas

Membri skont l-Artikolu 216(7) tar-Regoli ta’ Proċedura preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis

 

 


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA (19.2.2025)

Is-Sur Johan VAN OVERTVELDT

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni fil-forma ta’ ittra dwar il-Linji gwida għall-Baġit 2026 - Taqsima III (2024/2110(BUI))

Sur President,

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fid-19 ta’ Frar 2024, il-Kumitat adotta opinjoni fil-forma ta’ ittra matul il-laqgħa regolari tiegħu.

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu.

Dejjem tiegħek,

Borys BUDKA  

President tal-Kumitat ITRE

 


SUĠĠERIMENTI

1.  Ifakkar li l-Baġit tal-Unjoni għall-2026 għandu jirrifletti b’mod konkret il-prijoritajiet politiċi tal-leġiżlatura l-ġdida, filwaqt li jqis ukoll il-wegħdiet varji li saru mill-Kummissarji matul is-seduti ta’ smigħ ta’ konferma tagħhom fil-Parlament f’Novembru 2024; jinsisti li l-baġit 2026 jeħtieġ li jimplimenta bis-sħiħ il-programmi kollha miftiehma fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, kif ukoll jagħti bidu għal inizjattivi strateġiċi ġodda tal-UE u jiffinanzjahom - inizjattivi bħall-Patt għal Industrija Nadifa għal industriji kompetittivi u impjiegi ta’ kwalità; jissottolinja li l-baġit 2026 irid ikun allinjat mal-objettivi u mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni;

2.  Jinnota li l-isfidi multipli li l-Ewropa qed tiffaċċja jirrikjedu investiment u koordinazzjoni akbar fil-livell Ewropew, kif ukoll azzjoni aktar konkreta mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Baġit tal-Unjoni għall-2026 li jirrifletti n-natura urġenti ta’ dawn l-isfidi; fost l-oħrajn, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għaddejja bħalissa u l-attakki ibridi fuq l-Istati Membri u l-infrastruttura tal-enerġija u diġitali tagħhom; isostni li dan jirrikjedi forom multipli ta’ investimenti u preparatezza fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, inklużi t-titjib tar-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali u tal-enerġija, l-appoġġ dirett għall-Ukrajna, l-investiment aċċellerat fl-industrija tad-difiża tal-Ewropa, u l-appoġġ għar-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant tal-UE l-aktar milquta b’mod dirett mill-gwerra u mill-operazzjonijiet ibridi Russi; il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika u l-bażi industrijali tal-Ewropa f’ambjent volatili fejn il-kompetituri globali jibbenefikaw minn appoġġ estensiv mill-Istat, li jwassal għal kompetizzjoni inġusta għall-kumpaniji Ewropej; in-neċessità urġenti li jittejbu l-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Ewropa, inkluż appoġġ akbar għall-SMEs, għan-negozji ġodda u għan-negozji li qed jespandu; ir-rivoluzzjoni diġitali, inkluża l-aċċellerazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali u t-tħassib dejjem jikber dwar iċ-ċibersigurtà; u l-ħtieġa li tinkiseb tranżizzjoni klimatika ġusta, hekk kif nadattaw l-ekonomija tagħna għall-għanijiet fit-tul tal-Unjoni b’rabta mal-enerġija u n-newtralità klimatika sal-2050, billi naċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni fis-swieq tal-enerġija tal-Ewropa, nimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u niksbu ekonomija ċirkolari;

3.  Jinnota li l-kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw prezzijiet tal-elettriku u tal-gass konsiderevolment ogħla meta mqabbla mal-Istati Uniti, maċ-Ċina u ma’ atturi globali oħra, u dan jippreżenta żvantaġġ sinifikanti fil-kompetittività, speċjalment iżda mhux biss għall-industriji tal-Ewropa intensivi fl-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u li jiġu limitati l-effetti ta’ ħsara tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq il-konsumaturi Ewropej, li ħafna minnhom diġà qed jitħabtu ma’ għoli tal-ħajja elevat; jisħaq fuq l-importanza li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili u li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika; jissottolinja li t-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista jibqa’ ta’ importanza primarja u għandu jiġi indirizzat fil-baġit 2026, peress li l-provvisti tal-enerġija faċilment jintużaw bħala arma mill-atturi statali; jinsisti fuq il-ħtieġa li jittejbu l-interkonnessjonijiet tal-enerġija, jiġu mmodernizzati l-grilji tal-enerġija, jiġi integrat sehem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli filwaqt li jiġu żgurati enerġija ta’ karga bażika nadifa u flessibbiltajiet tas-sistema suffiċjenti, u għalhekk jappella għal żieda sinifikanti fil-finanzjament għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Enerġija, li hija l-programm ewlieni tal-UE f’dan il-qasam iżda li bħalissa għandha riżorsi limitati biex tavvanza lill-Ewropa b’mod kredibbli lejn sistema tal-enerġija interkonnessa, reżiljenti u dekarbonizzata, li tkun kapaċi tipprovdi prezzijiet affordabbli; jitlob li tintemm b’mod urġenti kwalunkwe dipendenza li għad fadal tal-UE fuq ir-Russja għall-importazzjoni;

4.   Ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE u l-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni, b’politiki industrijali ambizzjużi tal-UE li jistgħu joħolqu impjiegi ta’ kwalità u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti lejn il-kisba tal-objettivi soċjali, diġitali u ekoloġiċi tal-UE, filwaqt li jippreservaw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku; jemmen, għalhekk, li l-Baġit tal-Unjoni għall-2026 għandu jimmarka l-bidu tal-ispinta fl-investiment irrakkomandata fir-rapport ta’ Draghi billi jsir investiment b’mod qawwi fil-kompetittività industrijali u fl-awtonomija strateġika miftuħa u jinħolqu perkorsi lejn id-dekarbonizzazzjoni, filwaqt li jiġu żgurati ktajjen tal-provvista tal-UE għal setturi u teknoloġiji strateġiċi u jittejjeb l-aċċess għall-materja prima kritika; jinsisti li l-baġit 2026 irid ikompli jsaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni b’appoġġ akbar għall-SMEs, għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u għan-negozji ġodda, inkluż appoġġ akbar għall-espansjoni biex jikkompetu globalment, b’mod partikolari permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni;

5.  Ifakkar li l-baġit 2026 għal Orizzont Ewropa se jkun l-ewwel wieħed wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu ta’ dan il-programm strateġiku tal-UE, u għalhekk jeħtieġ li joffri investiment suffiċjenti fir-riċerka fundamentali u applikata, irawwem riċerka kollaborattiva u jiffaċilita l-espansjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkun tista’ żżomm u tiżviluppa aktar il-bażi tal-għarfien neċessarja biex tikkonfronta l-isfidi xjentifiċi u ekonomiċi tad-deċennji li ġejjin; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-livell eżistenti ta’ finanzjament ta’ Orizzont Ewropa finalment mhuwiex suffiċjenti biex jiġu żviluppati l-ideat u t-teknoloġiji neċessarji għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, jew biex jintlaħqu bis-sħiħ l-għanijiet iddikjarati mill-UE ta’ tkabbir sostenibbli u awtonomija strateġika miftuħa; jitlob żieda fil-baġit 2026 għal Orizzont Ewropa, inkluż permezz tal-użu mill-ġdid tad-diżimpenji kollha disponibbli li jippermettu lil kull sottoprogramm jiffinanzja mill-anqas 50 % tal-proposti eċċellenti kollha, peress li bħalissa l-maġġoranza tal-proposti eċċellenti għadhom mhumiex iffinanzjati; jitlob li jinżamm finanzjament stabbli u suffiċjenti tal-proġett ITER;

6.  Jisħaq li huma meħtieġa investimenti sinifikanti biex jiġu indirizzati d-distakk fil-konnettività tal-Ewropa u miri oħra tad-Deċennju Diġitali 2030; ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea tistma li, biex tinkiseb bis-sħiħ il-mira tal-gigabit, il-kost jista’ jaqbeż EUR 200 biljun; jitlob għalhekk li jiġu allokati riżorsi adegwati biex tiġi pprovduta konnettività b’veloċità għolja inklużi s-servizzi tal-gigabit u tal-5G, flimkien ma’ investimenti fl-infrastrutturi diġitali tal-ġenerazzjoni li jmiss u fit-teknoloġiji emerġenti; jappella għal aktar investimenti li jrawmu l-iżvilupp tas-sovranità diġitali Ewropea u settur diġitali bbażat fl-UE sabiex jintlaħaq il-livell attwali f’oqsma kruċjali bħall-computing kwantistiku u l-Intelliġenza Artifiċjali; jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi suffiċjenti biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar robust tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali; jisħaq fuq l-importanza li jiġi indirizzat l-indħil barrani, jiġu indirizzati l-perikli ta’ algoritmi preġudikati, u jiġu ssalvagwardjati t-trasparenza, l-akkontabbiltà, u l-integrità tal-ispazju pubbliku diġitali.

7.  Jissottolinja li settur spazjali Ewropew b’saħħtu u sostenibbli huwa fundamentali għas-sigurtà Ewropea, l-awtonomija strateġika miftuħa, il-konnettività sigura, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u l-avvanz tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għall-programmi spazjali huwa frammentat ħafna u huwa biss frazzjoni tal-livell ta’ finanzjament fl-Istati Uniti, filwaqt li atturi globali oħra inkluża ċ-Ċina qed iżidu l-investimenti b’mod rapidu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament suffiċjenti għall-industrija spazjali Ewropea, li jinkludi t-trawwim ta’ investimenti mis-settur privat; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm livell suffiċjenti ta’ investimenti tal-UE li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ispazju;

8.  Jappella għal finanzjament u persunal adegwati għall-aġenziji u għall-korpi kollha tal-Unjoni fl-oqsma ta’ politika tal-industrija, ir-riċerka, l-enerġija, l-ispazju u ċ-ċibersigurtà, sabiex ilaħħqu ma’ żieda fl-ammont ta’ xogħol u ma’ obbligi regolatorji ġodda; 


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KONTROLL TAL-BAĠIT (18.2.2025)

Is-Sur Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar il-Linji Gwida għall-Baġit 2026 – Taqsima III (2024/2110(BUI))

Sur Van Overtveldt,

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ingħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Frar 2025, iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta’ ittra.

Dejjem tiegħek,

Niclas Herbst

 

President tal-Kumitat CONT

Rapporteur għall-kwittanza tal-Kummissjoni


 

OPINJONI

1. Ifakkar fl-impenn qawwi tiegħu għall-prinċipji u l-valuri fundamentali minquxa fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

2. Jisħaq fuq l-importanza fundamentali tar-rispett għall-istat tad-dritt sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE; ifakkar fit-titjib meħtieġ fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt u segwitu aktar malajr mill-Kummissjoni dwar ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa jew jirriskja li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, inkluża d-dimensjoni tas-Suq Uniku, bħal pereżempju l-akkwist u l-għajnuna mill-Istat;

3. Jisħaq li l-implimentazzjoni soda u f’waqtha tal-baġit tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod aktar effiċjenti u effettiv il-ħtiġijiet u l-isfidi ffaċċjati mill-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha f’oqsma ta’ politika differenti; iwissi li l-implimentazzjoni tal-baġit taħt il-pressjoni taż-żmien tista’ twassal għal żieda fl-iżbalji u l-irregolaritajiet;

4. Ifakkar li għal dawn l-aħħar snin intużaw il-miżuri ta’ flessibbiltà kollha disponibbli fil-Baġit tal-UE; itenni l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fil-Baġit tal-UE biex jiġu indirizzati ċirkostanzi ġodda potenzjali fejn tkun meħtieġa azzjoni tal-UE; jinnota li l-marġni ta’ manuvra fil-Baġit tal-UE qed jintuża dejjem aktar biex jipprovdi finanzjament bħala rispons għall-kriżijiet; jinnota, barra minn hekk, li l-iskopertura tal-Baġit tal-UE għall-garanziji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti huwa pproġettat li jiżdied fis-snin li ġejjin, u dan ipoġġi pressjoni addizzjonali fuq il-marġni ta’ manuvra fil-Baġit li jkompli jillimita l-flessibbiltà tal-Baġit tal-UE, kif qed tagħmel ukoll iż-żieda fil-pagamenti tal-imgħax għas-self relatat man-Next Generation EU; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem fuq qafas ta’ valutazzjoni tar-riskju aktar strett sabiex tiddefinixxi l-iskopertura b’mod aktar preċiż biex jiġi evitat piż żejjed fuq il-Baġit tal-UE;

5. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Baġit tal-UE jiġi protett minn kwalunkwe użu ħażin, b’mod partikolari mill-frodi u l-korruzzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tkun viġilanti u proattiva fil-każijiet attwali u futuri meta n-nuqqas ta’ rispett għall-valuri tal-Unjoni u għall-Istat tad-Dritt jaffettwa jew jhedded li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

6. Jisħaq fuq l-importanza tal-arkitettura tal-UE kontra l-frodi u fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti iżjed riżorsi u li jissaħħaħ ir-rwol tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni komprensiva bejn dawn l-istituzzjonijiet kollha;

7. Jinnota li, filwaqt li t-trasformazzjoni diġitali hija indispensabbli sabiex jiżdiedu l-effiċjenza, il-kontroll u t-trasparenza tal-Baġit tal-UE, din il-bidla żiedet ukoll l-esponiment tal-Unjoni għall-frodi ċibernetika li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħha; jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi biżżejjed sabiex issaħħaħ l-infrastruttura diġitali, ir-riċerka u l-iżvilupp taċ-ċibersigurtà filwaqt li tiżgura li l-investimenti fiċ-ċibersigurtà jħallu impatt u jikkontribwixxu għall-protezzjoni ġenerali tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

8. Jinsab imħasseb li l-impenji pendenti totali issa ilhom jilħqu livelli rekord għal bosta snin; jinnota li l-Kummissjoni tbassar li l-impenji pendenti se jonqsu wara l-2024, meta n-Next Generation EU jasal fi tmiemu; iqis li sat-tnaqqis previst tal-impenji pendenti, ir-riskju ta’ diżimpenji, u t-tnaqqis relatat tal-valur miżjud tal-UE għall-Baġit tal-UE, għadhom għoljin; jistieden lill-Kummissjoni tippromulga approċċ aktar strateġiku, trasparenti u proattiv għall-ġestjoni tad-diżimpenji, filwaqt li tqis ukoll l-użu tad-diżimpenji fil-mekkaniżmu ta’ kaskata;

9. Jinsab imħasseb li d-dejn tal-Unjoni qed ikompli jiżdied, b’sehem kbir ta’ din iż-żieda attribwit għall-istrument ta’ rkupru temporanju Next Generation EU; jinsab imħasseb li ż-żieda fid-dejn u l-kostijiet tal-imgħax ogħla assoċjati se jkollhom konsegwenzi fit-tul fuq l-istabbiltà fiskali tal-UE, li potenzjalment iwasslu għal pressjoni finanzjarja akbar u kapaċità mnaqqsa ta’ rispons għall-isfidi futuri jew investiment f’oqsma strateġiċi ewlenin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora għażliet biex tnaqqas il-piż globali tad-dejn, bħall-ottimizzazzjoni taż-żmien u l-istruttura tal-ħruġ tad-dejn, u tikkunsidra mekkaniżmi ta’ finanzjament alternattivi li jistgħu jnaqqsu d-dipendenza fuq dejn b’imgħax għoli; jisħaq li l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda hija meħtieġa wkoll biex jiġi evitat li ġenerazzjonijiet futuri jġorru l-piż għad-djun tal-passat;

10. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rata ta’ żball globali stmata mill-Qorti ilha tiżdied mis-sena finanzjarja 2020, u laħqet 5,6 % fis-sena finanzjarja 2023; jinnota varjazzjonijiet sinifikanti fir-rati ta’ żball f’intestaturi baġitarji differenti, b’xi oqsma li jirrapportaw rati ta’ żball taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2 %, filwaqt li l-politika ta’ koeżjoni għandha rata ta’ żball għolja sa 9,3 %; jinnota b’mod partikolari l-konklużjoni li l-iżbalji li nstabu f’100 % tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-UE kkontribwew għal 5,0 % tal-livell ta’ żball totali stmat ta’ 9,3 %; jinsab imħasseb li ż-żieda fil-flessibbiltajiet mingħajr ma fl-istess ħin jew tnaqqsu r-rekwiżiti jew żdiedu l-verifiki u l-kontrolli ex ante kkontribwiet għar-rata għolja ta’ żbalji; jistieden lill-Kummissjoni tqis bir-reqqa t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-għodod tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet, bħal aktar flessibbiltà;

11. Jinnota li l-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023; jinsab imħasseb li l-Qorti kkonkludiet li 7 mit-23 pagament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li saru fl-2023 kienu affettwati minn sejbiet kwantitattivi u li 6 minn dawn il-pagamenti kienu affettwati minn żbalji materjali; jinnota, barra minn hekk, li l-assorbiment tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġie ttardjat fl-2023, u li l-Istati Membri jafu ma jkunux jistgħu jlestu l-miżuri kollha fi tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jinnota wkoll li t-tieni nofs tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (wara l-2023) huwa ta’ sfida akbar b’żieda fl-għadd ta’ objettivi intermedji u miri li għandhom jiġu implimentati, b’bidla minn riformi għal investimenti, u b’proporzjon għoli ta’ miżuri li għandhom jitlestew fl-aħħar sena; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-fondi, b’mod partikolari fejn hija meħtieġa kapaċità amministrattiva addizzjonali, sabiex tistimula l-assorbiment u tnaqqas l-okkorrenza ta’ żbalji; jistieden lill-Kummissjoni tinforma b’mod trasparenti lill-Parlament dwar il-progress tal-implimentazzjoni u l-assorbiment tal-fondi u tipproponi soluzzjonijiet f’waqthom fejn jiġu osservati ostakli fl-implimentazzjoni;

12. Ifakkar fl-importanza li r-riżorsi proprji tal-Unjoni jiġu protetti minn kwalunkwe irregolarità frodulenti u, għal dak l-għan, jistimulaw il-kooperazzjoni bejn is-servizzi kontra l-frodi u l-aġenziji doganali biex jidentifikaw, jipprevjenu u jikkoreġu l-frodi li taffettwa d-dħul tal-Unjoni; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposti emendati tal-Kummissjoni li tapprova l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.

 


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI (19.2.2025)

Is-Sur Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar il-linji gwida għall-Baġit 2026 – Taqsima III 2024/2110(BUI)

Għażiż Sur Van Overtveldt,

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta’ Diċembru 2024, iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta’ ittra. Il-Kumitat eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ Frar 2025 u adotta l-opinjoni tiegħu matul din l-istess laqgħa[28].

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni:

1. Jinsisti li l-finanzjament għall-aktar programmi ta’ suċċess tal-UE u programmi kruċjali bħal Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (KES), il-programm Ewropa Kreattiva u l-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) għandu jiġi eskluż mill-ħtiġijiet ta’ ħlas lura tad-dejn għall-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI) matul il-perjodu kollu tal-QFP li fadal; jisħaq li l-“mekkaniżmu ta’ kaskata tal-EURI” għandu jiġi implimentat b’mod effettiv, filwaqt li jipproteġi inizjattivi importanti tal-programmi li jkunu ta’ benefiċċju dirett għaċ-ċittadini;

2. Jilqa’ aktar simplifikazzjoni f’konformità mat-talbiet tal-PE, bħal pereżempju permezz tal-użu ta’ somom f’daqqa fil-programm Erasmus+, għall-programmi li huma qrib iċ-ċittadini u li jeħtieġ li jkunu aċċessibbli wkoll għal organizzazzjonijiet b’kapaċitajiet amministrattivi limitati, u jitlob li jsiru aktar sforzi biex jinkiseb dak l-għan; jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni liż-żoni periferiċi, muntanjużi u rurali li jesperjenzaw aktar diffikultajiet fl-aċċess għall-fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taqsam regolarment mal-Parlament, inkluż mal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, indikaturi u statistika aġġornati dwar l-assorbiment tal-fondi f’dawn il-programmi;

3. Jilqa’ l-fatt li l-għotjiet għall-mobbiltà fl-ambitu tal-programm Erasmus+ żdiedu biex jikkumpensaw għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja, wara li l-Parlament insista fuq żieda fil-baġit tal-programm, sabiex jiġi żgurat li l-programm jibqa’ aċċessibbli u inklużiv;

4. Jisħaq fuq l-isforzi meħtieġa biex titwessa’ l-parteċipazzjoni u jintlaħqu l-miri ta’ inklużività sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-gruppi taż-żgħażagħ l-aktar vulnerabbli u tal-persuni b’diżabbiltà;

5. Iwissi bil-qawwa kontra kwalunkwe tnaqqis, u jitlob żieda fil-finanzjament għall-programm, filwaqt li jitqiesu r-rati għoljin ta’ implimentazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ assorbiment tal-programm; jitlob b’mod partikolari li jiġi ppreservat il-finanzjament għal inizjattivi li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-għalliema, bħall-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej u l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+; jenfasizza l-għadd dejjem jikber ta’ applikanti bħal, pereżempju, iż-żieda ta’ 94 % fl-applikazzjonijiet għall-mobbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika mill-2022 sal-2023; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-konsegwenza ta’ rati ta’ suċċess aktar baxxi, b’mod partikolari għall-akkreditazzjonijiet tal-iskejjel, li tenfasizza l-ħtieġa għal żieda sostanzjali fil-finanzjament sabiex tiġi ssodisfata d-domanda li qed tikber;

6. Jinsisti li l-fondi kollha inizjalment allokati għall-programm se jintużaw għall-investiment fil-futur taż-żgħażagħ;

7. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-isport taħt il-programm Erasmus+ sabiex jiġi promoss ir-rwol tiegħu fit-titjib tas-saħħa fiżika u mentali u l-inklużjoni soċjali, u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

8. Jiddeplora l-kostijiet addizzjonali u mhux antiċipati għall-fergħa tal-Media tal-programm Ewropa Kreattiva, minħabba mhux biss l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, iżda wkoll tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, b’mod partikolari l-introduzzjoni tas-segretarjat tal-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media, nefqa addizzjonali li ma tqisitx meta ġie stabbilit il-QFP attwali; jinsisti li inizjattivi ġodda għandhom dejjem jiġu ffinanzjati minn flus ġodda;

9. Jisħaq li l-baġit għall-programm Ewropa Kreattiva mhuwiex biżżejjed biex jissodisfa d-domanda għolja għal proġetti fil-fergħat kollha tiegħu, b’rati ta’ suċċess li huma b’mod allarmanti baxxi (eż. 17 % fl-2023 taħt il-fergħa tal-Kultura); jitlob li jiżdied il-finanzjament tiegħu u jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġiji bejn il-programm Ewropa Kreattiva u fondi oħra tal-UE.

10. Jitlob żieda fil-finanzjament għall-programm Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, minħabba ż-żidiet modesti sena wara sena ta’ madwar 2 % tal-baġit tiegħu taħt il-QFP, li mhumiex biżżejjed biex jikkumpensaw għar-rati tal-inflazzjoni, u minħabba l-fatt li l-programm huwa sottoskritt iżżejjed, li jirriżulta f’rata għolja ta’ rifjut u, għalhekk, f’bosta każijiet, f’diżappunt fost l-applikanti żgħażagħ; jilqa’ l-fatt li l-għadd ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet fil-programm (38 %) huwa l-ogħla minn kwalunkwe programm tal-UE u dan għandu jinżamm;

11. Jisħaq fuq l-importanza tal-programm CERV għall-bini ta’ pontijiet bejn iċ-ċittadini Ewropej minn Stati Membri differenti u l-promozzjoni tal-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-preservazzjoni tal-koeżjoni soċjali u jgħin fil-prevenzjoni tar-rigress demokratiku, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sitwazzjoni politika diffiċli attwali; jinsisti, għalhekk, fuq żieda għall-baġit tiegħu;

12. Jirrimarka li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji jservu bħala bankijiet ta’ ttestjar għal inizjattivi ta’ politika ġodda u jeħtieġu finanzjament adegwat sabiex jissodisfaw kif xieraq dik il-funzjoni; jiddeplora kwalunkwe tentattiv biex jitwaqqfu proposti potenzjalment ta’ suċċess ta’ proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji diġà fl-istadju tal-għażla u jitlob kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar l-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji.

Dejjem tiegħek,

Nela Riehl


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IL-KLIMA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL (18.2.2025)

Is-Sur Johan Van Overtveldt

Il-President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar il-linji gwida għall-Baġit 2026 – Taqsima III (2024/2110(BUI))

Is-Sur President,

Fis-16 ta’ Diċembru 2024 il-koordinaturi tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) iddeċidew li l-Kumitat ENVI jibgħat opinjoni fil-forma ta’ ittra dwar il-Linji Gwida għall-Baġit 2026 – Taqsima III (2024/2110(BUI)). Għalhekk, kemm bħala President tal-Kumitat ENVI kif ukoll bħala Rapporteur għall-Baġit, ippermettili nipprovdilek il-kontribut tal-Kumitat ENVI fil-forma ta’ paragrafi ta’ riżoluzzjoni, li ġie adottat mill-Kumitat ENVI fil-laqgħa tiegħu[29] tat-18 ta’ Frar 2025 u li ġentilment nitlob li l-Kumitat tiegħek jikkunsidra:

1. Jenfasizza li l-kuntest ġeopolitiku serju attwali jirrikjedi li l-Unjoni talloka biżżejjed riżorsi sabiex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika li tittrasforma lill-UE f’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Pjan REPowerEU jiġi eżegwit bis-sħiħ ħalli jitħaffef l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta’ teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija sabiex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u tintemm id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili;

2. Jisħaq fuq l-importanza tal-għan tal-Ftehim ta’ Pariġi li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt il-1,5 °C meta mqabbla maż-żminijiet preindustrijali; ifakkar fl-obbligi tal-Unjoni li twettaq l-impenji finanzjarji li saru għall-finanzjament internazzjonali għall-klima; iqis li l-Unjoni għandha tkompli tmexxi l-isforzi lejn id-dekarbonizzazzjoni fil-livell globali;

3. Jisħaq li l-baġit tal-Unjoni għall-2026 għandu jkun allinjat mat-twettiq tal-objettivi tal-Unjoni Ewropea li tnaqqas it-tniġġis u ssaħħaħ il-bijodiversità, kif ukoll mal-viżjoni fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima, mal-objettiv minqux legalment li tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050 u mal-miri klimatiċi intermedji tal-Unjoni għall-2030 u l-2040, kif stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima;

4. Jirrimarka li l-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa strateġija ta’ tkabbir, li l-implimentazzjoni effettiva tagħha b’finanzjament adegwat hija fundamentalment marbuta mas-saħħa u l-kompetittività tal-Unjoni; jemmen li l-Patt għal Industrija Nadifa u l-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari futuri għandhom ikomplu jżidu l-kapaċità tal-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u inklużiva;

5. Ifakkar li l-baġit fit-tul tal-UE għall-perjodu 2021-2027, flimkien ma’ Next Generation EU, jimmiraw li jimplimentaw il-prijoritajiet fit-tul tal-UE f’diversi oqsma, fosthom il-klima u l-ambjent; jenfasizza, b’mod speċifiku, li 30 % tan-nefqa totali tal-UE taħt il-QFP għandu jiġi allokat għal proġetti relatati mal-klima, inklużi proġetti ta’ teknoloġija nadifa u ta’ innovazzjoni; jisħaq li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur wara l-2027 għandu jżomm il-livell ta’ ambizzjoni dwar il-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent;

6. Iqis li huwa inaċċettabbli li l-Unjoni ma laħqitx l-objettiv tagħha li talloka mill-inqas 7,5 % tan-nefqa annwali għall-bijodiversità fl-2024;  jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-objettiv ta’ 10 % jintlaħaq kemm fl-2026 kif ukoll fl-2027 sabiex jinkisbu riżultati konkreti, inklużi l-objettivi stabbiliti fil-Ftehim Kunming-Montreal, filwaqt li jiġu żgurati l-kosteffettività u s-sostenibbiltà fit-tul; jinnota l-importanza tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) biex jintlaħqu l-objettivi tal-bijodiversità;

7. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi allokat biżżejjed finanzjament għal kull linja baġitarja individwali li tikkontribwixxi għall-kisba tat-tranżizzjoni ekoloġika, b’enfasi partikolari fuq is-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima, l-innovazzjoni, il-kompetittività, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, bħall-attenzjoni għall-protezzjoni tan-naħal u tad-dakkara u r-rwol tagħhom bħala indikaturi ta’ ekosistemi b’saħħithom; jenfasizza l-importanza tal-Fond Soċjali għall-Klima, stabbilit biex jappoġġja gruppi vulnerabbli fit-tranżizzjoni ekoloġika tal-Unjoni;

8. Jenfasizza l-importanza li jittejbu l-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija għalihom billi jiġu implimentati miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, li jippermettu lill-Unjoni tipprevjeni u tirrispondi aħjar għal emerġenzi bħal avvenimenti reċenti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li jiġi żgurat finanzjament biżżejjed għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

9. Jinnota r-rilevanza tar-rapporti adottati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE marbuta mal-klima u l-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti, b’mod partikolari r-Rapport 15/2024 dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima[30] rigward il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proġetti rilevanti kollha ffinanzjati mill-UE jiġu adattati għall-kundizzjonijiet klimatiċi attwali u futuri; ifakkar fl-importanza tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA fir-Rapport Speċjali 14/2024[31]tagħha, li jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Kummissjoni tistma aħjar l-infiq fuq il-klima taħt strumenti ta’ finanzjament futuri, tiżgura t-tfassil adegwat tagħhom, u ttejjeb il-prestazzjoni tal-miżuri ta’ tranżizzjoni ekoloġika; 

10. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ allokazzjonijiet tal-fondi aktar ambizzjużi għal programmi bħall-programm LIFE sabiex jiġu appoġġjati proġetti relatati mal-klima u mal-ambjent, kif ukoll fuq il-ħtieġa li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jassisti lir-reġjuni b’intensità għolja ta’ karbonju l-aktar vulnerabbli fl-indirizzar tal-impatti ekonomiċi u soċjali tat-tranżizzjoni klimatika sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura; jenfasizza li l-finanzjament taħt il-programm LIFE huwa kruċjali għall-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità, għat-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ċirkolari, newtrali għall-klima, kompetittiva u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u għall-parteċipazzjoni demokratika fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;  jinnota li finanzjament klimatiku u għall-bijodiversità effiċjenti u xprunat mir-riżultati għandu jiġi integrat fl-attivitajiet ta’ programmazzjoni, filwaqt li jibqa’ flessibbli biżżejjed sabiex jindirizza l-ħtiġijiet differenti ta’ reġjuni u setturi differenti;

11. Ifakkar li Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha tirrikjedi finanzjament adegwat b’nefqa relatata mas-saħħa li ssegwi l-approċċi “Saħħa Waħda” u “Saħħa fil-politiki kollha”, li tiżgura l-implimentazzjoni xierqa, fost oħrajn, tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa u tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer;

12. Itenni bil-qawwa d-dispjaċir tiegħu dwar ir-riallokazzjoni mill-programm EU4Health ta’ EUR 1 biljun matul il-perjodu 2025-2027; iqis li dan in-nuqqas ta’ finanzjament jhedded il-kapaċità tal-programm li jilħaq l-objettivi kritiċi tiegħu; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lil partijiet ikkonċernati oħra biex jidentifikaw soluzzjonijiet prattiċi biex jikkumpensaw għal dan it-tnaqqis, filwaqt li jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv tal-programm li jibni sistemi tas-saħħa aktar b’saħħithom, aktar reżiljenti u aktar aċċessibbli; jitlob ukoll li jiżdiedu l-ammonti allokati għar-raggruppament tas-saħħa taħt il-programm Orizzont Ewropa; jirrikonoxxi li sistemi tas-saħħa aktar b’saħħithom jikkontribwixxu direttament għall-istabbiltà ekonomika u l-produttività billi jnaqqsu t-tfixkil relatat mas-saħħa tal-forza tax-xogħol u jżidu r-reżiljenza tas-suq tax-xogħol;

13. Jenfasizza l-importanza li jiġu allokati b’mod effettiv biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji lid-DĠ rilevanti kollha għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata relatata mal-ambjent klimatiku, is-sustanzi kimiċi u s-saħħa kif ukoll lill-aġenziji Ewropej rilevanti, inkluż lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA);


 

14. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema msaħħa tar-riżorsi proprji tal-UE li tista’ tindirizza l-isfidi attwali filwaqt li tappoġġja l-objettivi ambjentali, klimatiċi u tas-saħħa tal-Unjoni; jisħaq fuq l-importanza li l-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri jiġi implimentat b’mod effettiv, li jippermetti lill-Kummissjoni tieħu miżuri ta’ kumpens biex tindirizza kwalunkwe nuqqas fl-ilħuq tal-mira ġenerali tal-baġit tal-UE tal-infiq għall-klima.

Bgħatt ittra simili lis-Sur Andrzej Halicki, rapporteur ġenerali għall-baġit 2026.

Dejjem tiegħek,

Antonio Decaro


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI (18.2.2025)

Is-Sur Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar il-linji gwida għall-Baġit 2026 - Taqsima III (2024/2110(BUI))

Għażiż Sur Van Overtveldt,

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tad-29 ta’ Jannar 2025, iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta’ ittra.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Frar 2025. Matul din il-laqgħa[32], iddeċieda li jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, l-opinjoni li tidher hawn taħt.

Dejjem tiegħek,

F:\wpdoc_10th Legislature\3. LETTERS\Chair signature.jpgSven Simon

 

 


OPINJONI

1. Jirrimarka li t-tkabbir sostanzjali futuri tal-UE ma jistax jintlaħaq mingħajr baġit akbar tal-UE u riżorsi proprji ġodda suffiċjenti; jappella biex ir-riformi baġitarji u istituzzjonali meħtieġa jiġu miftiehma u adottati qabel ma jseħħ tkabbir sostanzjali;

2. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament xieraq għall-istrutturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE li huma responsabbli għall-komunikazzjoni maċ-ċittadini u għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni bħar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u l-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv;

3. Jirrakkomanda li l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej tirċievi riżorsi adegwati, b’mod partikolari għal skopijiet ta’ persunal fid-dawl tat-tkabbir sinifikanti tal-kompiti tagħha kif previst permezz tal-proposta tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 1141/2014;

4. Iħeġġeġ lill-Kumitat għall-Baġits jinkorpora ż-żidiet fil-linji baġitarji msemmija hawn fuq fil-pożizzjoni tiegħu, peress li dawn jaqdu l-iskop li jiksbu riżultati konkreti u komunikazzjoni ta’ kwalità għaċ-ċittadini.

 


 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Il-President fil-kapaċità tiegħu bħala rapporteur għal opinjoni jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu, li ma rċieva l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.

 

 


 

 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI
LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Il-President fil-kapaċità tiegħu bħala rapporteur għal opinjoni jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu, li ma rċieva  l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.

 

 


 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Ir-rapporteur għal opinjoni jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tagħha, li ma rċieva l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.


 

 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Il-President fil-kapaċità tiegħu bħala rapporteur għal opinjoni jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu, li ma rċieva l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.

 

 


 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI
LI R-RAPPORTEUR GĦAL OPINJONI RĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Ir-rapporteur għal opinjoni jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu, li ma rċieva l-ebda kontribut minn entità jew persuna li jrid jissemma f’dan l-Anness f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura.

 

 


VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET
MILL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

29

+

ECR

Denis Nesci, Antonella Sberna, Şerban Dimitrie Sturdza, Francesco Ventola

PPE

Daniel Buda, Gabriella Gerzsenyi, Krzysztof Hetman, Isabelle Le Callennec, Elena Nevado del Campo, Andrey Novakov, Jacek Protas, Marta Wcisło

PfE

Klara Dostalova, André Rougé, Rody Tolassy

Renew

Dan Barna, Raquel García Hermida-Van Der Walle, Ľubica Karvašová, Elsi Katainen

S&D

Francisco Assis, Adrian-Dragoş Benea, Klára Dobrev, Sofie Eriksson, Sabrina Repp, Marcos Ros Sempere

The Left

Valentina Palmisano

Verts/ALE

Gordan Bosanac, Vladimir Prebilič, Mārtiņš Staķis

 

0

-

 

 

 

1

0

ESN

Irmhild Boßdorf

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2025

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Aftias, Rasmus Andresen, Isabel Benjumea Benjumea, Olivier Chastel, Tamás Deutsch, Angéline Furet, Thomas Geisel, Andrzej Halicki, Monika Hohlmeier, Alexander Jungbluth, Fabienne Keller, Ondřej Kovařík, Janusz Lewandowski, Victor Negrescu, Danuše Nerudová, João Oliveira, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Julien Sanchez, Hélder Sousa Silva, Nicolae Ştefănuță, Carla Tavares, Nils Ušakovs, Lucia Yar, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Stine Bosse, Mohammed Chahim, Rasmus Nordqvist

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sakis Arnaoutoglou, Łukasz Kohut, Marit Maij, Arkadiusz Mularczyk, Mirosława Nykiel, Leire Pajín, Krzysztof Śmiszek

 


VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET  MILL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

ECR

Arkadiusz Mularczyk, Bogdan Rzońca

PPE

Georgios Aftias, Isabel Benjumea Benjumea, Andrzej Halicki, Monika Hohlmeier, Łukasz Kohut, Janusz Lewandowski, Danuše Nerudová, Mirosława Nykiel, Karlo Ressler, Hélder Sousa Silva

Renew

Stine Bosse, Olivier Chastel, Fabienne Keller, Lucia Yar

S&D

Sakis Arnaoutoglou, Mohammed Chahim, Marit Maij, Victor Negrescu, Leire Pajín, Krzysztof Śmiszek, Carla Tavares, Nils Ušakovs

Verts/ALE

Rasmus Andresen, Rasmus Nordqvist, Nicolae Ştefănuță

 

8

-

ESN

Alexander Jungbluth

NI

Thomas Geisel

PfE

Tamás Deutsch, Angéline Furet, Ondřej Kovařík, Julien Sanchez, Auke Zijlstra

The Left

João Oliveira

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2025
Avviż legali - Politika tal-privatezza