RAPPORT dwar it-tnaqqis ta' l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima

1.6.2006 - (2005/2249(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
Rapporteur: Caroline Lucas
Rapporteur għal opinjoni (*):
Jeanine Hennis-Plasschaert, Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
(*) Koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kumitati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2005/2249(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0201/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tnaqqis ta' l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima

(2005/2249(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: It-Tnaqqis ta' l-Impatt ta' l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima (COM(2005)0459)

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar kif nirbħu l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima (Winning the Battle against Climate Change[1]),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0201/2006),

A.  billi l-UE hija impenjata biex tilħaq l-objettiv li tiffaċċja bidla fil-klima u li tressaq l-għan globali li tillimita żieda fit-temperatura globali għal +2°Ċ meta mqabbel ma' livelli ta' qabel l-industrijalizzazzjoni,

B.  billi r-riżoluzzjoni hawn fuq msemmija tas-16 ta’ Novembru 2005 tal-Parlament Ewropew tgħid li tnaqqis qawwi ta' l-emissjonijiet ta' madwar 30% sa l-2020 u ta' 80% sa l-2050 għandu jsir mill-pajjiżi żviluppati,

C.  billi l-kontribut ta' l-avjazzjoni għall-bidla fil-klima huwa sostanzjali u qed jiżdied b'rata mgħaġġla,

D.  billi l-avjazzjoni internazzjonali m’hi suġġetta għall-ebda impenn li joħroġ mill-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kyoto jew minn kull impenn internazzjonali ieħor fil-qasam tal-bidla fil-klima,

E.  billi l-UE għandha turi li taf tmexxi fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u, billi tieħu azzjoni reġjonali u kmieni, iġġib eżempju ta’ kif l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima għandu jiġi ffaċċat,

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u l-fatt li din għarfet li hemm bżonn pakkett sħiħ ta' miżuri li jinkludi strumenti regolatorji, ekonomiċi, teknoloġiċi u operazzjonali biex ikunu indirizzati l-impatti kollha ta' l-avjazzjoni fuq il-klima, filwaqt li jiġi applikat kemm il-prinċipju li min iniġġes iħallas, kif ukoll tiġi żgurata l-internalizzazzjoni sħiħa ta' l-ispejjeż;

2.  Jenfasizza li l-obbjettiv ewlieni ta’ l-istrumenti ta’ politika magħżula jridu jnaqqsu, b’mod li l-infiq ikun effettiv, l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima; dawn l-istrumenti ta’ politika jridu jintagħżlu b’tali mod li jkun żgurat li t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra jkun kemm jista’ jkun għoli filwaqt li d-distorsjonijiet ta' kompetizzjoni bejn kumpaniji ta' l-ajru bbażati fl-Ewropa u kumpaniji ta’ l-ajru minn barra l-UE jitnaqqsu u l-kompetizzjoni inġusta bejn is-settur tat-trasport ta’ l-ajru u setturi oħra tat-trasport fl-UE titnaqqas;

3.  Jenfasizza li f’dan ir-rigward kull tip ta’ piż burokratiku bla bżonn għandu jiġi eskluż, speċjalment fl-interess ta’ kumpaniji ta’ l-ajru żgħar li jeżistu fis-suq;

4.  Jappoġġa bi sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli bl-introduzzjoni tat-taxxi fuq il-pitrolju u jħeġġiġha sabiex tibda minnufiħ billi titlob li ssir taxxa fuq it-titjiriet domestiċi u fl-UE (bil-possibiltà li jiġu eżentati l-linji kollha ta’ l-ajru li joperaw fuq rotot li fuqhom joperaw linji ta’ l-ajru mhux ta’ l-UE); jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi arrangamenti għall-introduzzjoni tagħhom mad-dinja kollha;

5.  Jenfasizza l-urġenza li jinkisbu r-riżultati fin-negozjati li qed jerġgħu jsiru dwar il-ftehimiet tas-servizzi ta' l-ajru - b'mod partikulari l-ftehima ma' l-Istati Uniti - biex tippermetti bla kundizzjonijiet li jkun hemm taxxi ugwali fuq il-fjuwil fornut lill-ajruplani ta' l-UE u dawk li m'humiex ta' l-UE;

6.  Jenfasizza li l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq trasport ta’ l-ajru u żbilanċi oħra jwasslu għal kompetizzjoni inġusta ħafna bejn l-avjazzjoni u setturi oħra tat-trasport;

7.  Jenfasizza li dan hu piż partikulari għas-settur ferrovjarju, għaliex is-settur ferrovjarju m’għandux biss taxxi imma wkoll jaqa’ taħt l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra ta’ l-UE (ETS), li żżid l-ispejjez ta’ din is-sistema ta’ trasport li tirrispetta l-ambjent;

8.  Jirrimarka li din id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni bejn setturi tat-trasport se twassal ukoll għal distorsjoni ta' kompetizzjoni bejn reġjuni turistiċi, fejn ir-regjuni li normalment jintlaħqu b’karozza, b’xarabank jew b’trejn ikollhom żvantaġġ;

9.  Jenfasizza li sabiex tiġi indirizzata din il-problema, hu neċessarju li tiġi kkunsidrata mhux biss soluzzjoni ġusta għall-problemi ambjentali kkawżati mill-avjazzjoni imma wkoll tnaqqis ta’ taxxi jew piżijiet li huma obbligatorji għal sistemi oħra ta' trasport imma mhux għall-avjazzjoni;

10.  Iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' ħlasijiet bħala pass lejn l-internalizzazzjoni sħiħa ta' l-ispejjeż, filwaqt li l-miżura ta' l-irwol tagħhom, u l-kobor tagħhom, jirriflettu kemm kwalunkwe sistemi ta' negozjati ta' l-emissjonijiet jimxu skond ir-rekwiżiti li għadhom kif issemmew;

11.  Jilqa’ b’sodisfazzjon id-diskors tal-President maħtur tal-Kunsill Ewropew u l-Kanċillier Awstrijakk Wolfgang Schüssel fil-Parlament Ewropew f’Jannar 2006 fejn dan indizza l-kwistjoni, u jsaqsi lill-President maħtur sabiex jaħdem fuq proposti konkreti f’dan il-qasam;

12.  Jenfasizza li hu meħtieġ b’mod urġenti mmaniġġjar aħjar tat-traffiku biex inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, ta' sħab tat-tip 'cirrus' u li dan iservi ta’ miżura iktar effiċjenti f'sens ta' nfiq;

13.  Jitlob għal aktar sforzi fir-riċerka sabiex jitjieb l-għarfien tagħna dwar l-effetti kollha ta’ l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima; jikkonsidra li hu partikolarment importanti li jiġu ċċarati l-effetti ta’ l-istrixxi ta' kondensazzjoni mill-ajruplani (fwar ta’ l-ilma) kif ukoll it-titjir f’altitudni aktar baxxa inaqqas l-emissjonijiet u li jwassal għal tnaqqis ta’ l-impatt fuq il-klima, u biex ikun assessjat l-effett ta' sħana kkawżat mill-'aerosols' mitfuħa fl-istratosfera;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-introduzzjoni tal-bijofjuwils għall-avjazzjoni bħala kontribut għat-tnaqqis ta’ l-impatt fuq il-bidla fil-klima;

15.  Jenfasizza, anke fis-Seba’ Programm ta' Qafas dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (RTD), li riċerka u żvilupp relatati ma’ teknoloġiji ta’ magni nodfa u fjuwils alternattivi għandhom jingħataw prijorità; jikkunsidra li approċċ integrat għandu jitkompla, billi jkunu magħquda l-iskambju ta’ kwoti ta' emissjonijiet flimkien ma' l-iżvilupp ta’ magni u fjuwils nodfa, sabiex jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet mhux biss tas-CO2 imma wkoll ta’ sustanzi oħra fis-settur ta’ l-avjazzjoni;

16.  Barra minn hekk, jemmen li hu neċessarju li titkompla t-tiftixa ta’ l-għanijiet xjentifiċi u tekniċi li jtejbu l-effiċjenza ta’ l-enerġija ta’ l-ajruplani u ħelikopters;

17.  Jirrimarka li miżuri fis-Seba’ Programm ta' Qafas dwar l-RTD biex iħaddnu innovazzjonijiet teknoloġiċi fis-settur ajruspazjali u l-immaniġġjar imtejjeb tat-traffiku ta’ l-ajru li jirriżulta mill-leġiżlazzjoni Sema Wieħed (Single Sky legislation) huma ta’ importanza deċiżiva fejn it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet hu kkonċernat;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu inizjattivi mingħajr dewmien għat-titjib tal-kontrol tat-traffiku ta’ l-ajru u għall-immaniġġjar tat-traffiku ta’ l-ajru fi ħdan il-proġett SESAR (Single European Sky ATM Research) u l-leġiżlazzjoni Sema Wieħed, bi l-għan li tittejjeb l-effiċjenza ta’ l-enerġija tat-titjiriet u jitnaqqsu jew jiġu evitati l-istrixxi ta' kondensazzjoni;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet fis-Seba’ Programm ta' Qafas dwar l-RTD jitwarrbu, fil-kuntest ta’ riċerka kollaborattiva, bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza ambjentali u ta' l-enerġija tal-magni ta’ l-ajruplani u l-ħelikopters;

Dwar l-inklużjoni ta’ l-avjazzjoni fl-ETS ta’ l-UE

20.  Jirrikonoxxi li l-iskambju ta’ kwoti ta' emissjonijiet għandu l-potenzjal li jilgħab rwol bħala parti minn pakkett komprensiv ta’ miżuri biex jindirizzaw l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-klima, dejjem jekk ikun imfassal kif suppost;

21.  Jenfasizza li l-effettività ambjentali ta’ kwalunkwe skema ta’ skambju ta’ kwoti ta' emissjonijiet trid tiddependi fuq ikollhiex skop ġeografiku wiesa' biżżejjed; limitu strett; irkantar sħiħ ta’ l-allokazzjoni tal-bidu; il-livell teknoloġiku u azzjonijiet meħuda kmieni kkunsidrati fl-allokazzjoni; u impatt tal-klima sħiħ jiġi indirizzat;

22.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-inkorporar ta’ l-avjazzjoni fl-ETS ta’ UE hi l-aktar approċċ xieraq; però jipproponi l-introduzzjoni ta’ skema separata dedikata għall-emissjonijiet ta’ l-avjazzjoni, tirrikonoxxi li, minħabba nuqqas ta’ impenji li jorbtu l-emissjonijiet ta’ l-avjazzjoni internazzjonali skond il-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kyoto, is-settur ta’ l-avjazzjoni ma jkunx kapaċi jbigħ fl-ETS;

23.  Jinnota lil-kontabilità tkun sostanzjalment issimplifikata minn sistema magħluqa, separata; jikkunsidra li kieku kellu jkun hemm mezz li jippermetti lill-kumpaniji ta' l-ajru jixtru mill-ETS ta’ l-UE dan għandu jsir fuq bażi limitata ħafna;

24.  Jenfasizza li jekk eventwalment l-avjazzjoni se tkun inkorporata fl-ETS aktar wiesgħa, għandu jkun hemm ta’ l-anqas fażi bi prova ta' skema separata għall-perjodu bejn l-2008 u l-2012;

25.  Jinnota li dħul potenzjali ta’ krediti minn barra għal skema separata (eż. il-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif u l-Implimentazzjoni Konġunta (CDM/JI), krediti minn skemi reġjunali ‘cap-and-trade’ ta’ pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-Protokoll ta' Kyoto) iridu jitnaqqsu billi jillimitawhom għal-livell li jiggarantixxi li s-settur jikkontribwixxi fit-twettiq ta’ l-obbjettivi għat-twaqqif tal-bidla fil-klima, kif ukoll it-tnaqqis ta’ burokrazija u ż-żieda ta’ trasparenza;

26.  Jipproponi li, jekk eventwalment l-avjazzjoni għandha tkun inkorporata f'ETS usa', iridu jkunu applikati kundizzjonijiet speċjali biex ikun żgurat li ma jgħawwiġx il-kompetizzjoni kontra setturi anqas protetti: limitu fuq in-numru ta' drittijiet ta' emissjoni li s-settur jitħalla jixtri mis-suq, u jekk possibbli rekwiżit sabiex parti mit-tnaqqis ta' emissjonijiet meħtieġa issir mingħajr negozjati, qabel ma jitħalla jixtri l-permessi;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq strumenti ta’ politika oħra li jindirizzaw impatti ta’ l-avjazzjoni li m’humiex kkawżati mis-CO2 paralleli ma’ l-ETS; meta jeżistu l-inċertezzi dwar kwalunkwe minn dawn l-impatti, il-politika għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni; barra mill-impatti fuq il-klima, għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tniġġis ta' l-arja u ta’ l-istorbju waqt it-tlugħ u l-inżul ta’ l-inġenji ta' l-ajru; jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ programmi ta’ riċerka biex itejbu l-għarfien xjentifiku dwar impatti ta’ l-avjazzjoni li m'humiex ikkawżati mis-CO2 u jappoġġa azzjoni ta’ l-ICAO għall-iżvilupp ta’ standards dwar l-NOx;

28.  Ma jeskludix l-akkumpanjament ta’ mizuri lokali milli jittieħdu fil-futur;

29.  Jenfasizza li, jekk pakkett bħal dan ma jistax jingħata fl-istess waqt, l-integrità ambjentali għandha tkun żgurata permezz ta' l-ETS billi jintużaw multiplikaturi għall-emissjonijiet tas-CO2;

Dwar l-iskop ta’ l-iskema ta’ l-avjazzjoni

30.  Jemmen li skema għal avjazzjoni għandha bħala l-ewwel pass tkopri t-titjiriet kollha minn u lejn kwalunkwe ajruport ta’ l-UE (jekk possibbli anke titjiriet interkontinentali li jgħaddu mill-ispazju ta’ l-ajru ta’ l-UE), irrispettivament mill-pajjiż ta’ l-oriġni tal-linja ta’ l-ajru kkonċernata, sabiex jiġi żgurat ambjent verament ġust għal operaturi bi profili differenti ta’ rotot, biex tkun evitata distorsjoni tas-suq favur titjiriet lejn destinazzjonijiet barra mill-UE, biex tkun żgurata effettività ambjentali, biex ma jkunx hemm sussidji reċiproċi (cross-subsidisation) u biex jkun influwenzat l-mod kif jiġi ddisinjat inġenju ta’ l-ajru; jenfasizza li l-iskema dinjija ta’ l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hemm bżonn li tiġi introdotta malajr kemm jista’ jkun:

31.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni, wara assessjar bir-reqqa, hi ta’ l-opinjoni li skop wiesa’ bħal dan hu kompatibbli ma’ ftehimiet internazzjonali, eż. regoli tad-WTO; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiddefendu din il-pożizzjoni kontra attakki li jistgħu jseħħu minn pajjiżi terzi f’organizzazjonijiet internazzjonali;

Dwar allokazzjoni tal-bidu

32.  Jenfasizza li l-allokazzjoni totali tal-bidu għandha tkun definita skond il-mira ta' l-impenn ta' Kyoto u għalhekk ma tridx tħalli spazju għal żieda fl-emissjonijiet aktar mis-sena bażi;

33.  Jemmen li l-ammont ta’ l-allokazzjoni tal-bidu jrid jiġi ffissat fuq livell ta’ UE, peress li jekk ikun iffissat fuq livell ta’ Stat Membru, dan ikun qed jirriskja allokazzjonijiet tal-bidu ġenerużi żżejjed li jġibu magħhom distorsjoni tas-suq u li ddgħajjef l-effettività ambjentali ta’ l-iskema;

34.  Jenfasizza li l-metodu ta’ allokazzjoni m’għandux jikkastiga b'mod dirett jew indirett dawk il-kumpaniji li diġà introduċew ajruplani effiċjenti, sabiex azzjoni minn kmieni tiġi rikonoxxuta taħt kull ċirkustanza u l-pressjoni prinċipali għal-bidla issir fuq linji ta’ l-ajru li l-effiċjenza tal-fjuwil tagħhom hi fqira;

Dwar il-metodu ta’ allokazzjoni

35.  Jemmen li l-irkantar hu l-aħjar għażla għad-distribuzzjoni ta’ ‘allowances’, peress li dan jirrifletti n-natura dinamika tas-settur, mingħajr preġudizzju kontra parteċipanti ġodda jew kontra dawk ir-reġjuni li għad iridu jiżviluppaw is-settur;

36.  Jinnota li l-irkantar jaqbel ukoll mar-rekwiżiti tal-prinċipju li min iniġġes iħallas, b’aktar benefiċċji jekk id-dħul jkun ipotekat kif xieraq; u li dan awtomatikament jagħti lura twettiq tajjeb min-naħa ta’ l-operaturi fil-passat u fil-futur;

37.  Jenfasizza li eventwalment allokazjoni parzjali b’xejn ta' permessi, kemm permezz ta' 'grandfathering’ jew ta’ 'benchmarking’, m’għandiex tiddiskrimina kontra operaturi li jidħlu fl-iskema wara l-perjodu ta’ allokazzjoni inizjali; għalhekk, dispożizzjoni speċjali għandha ssir biex takkomoda parteċipanti ġodda;

38.  Jinnota l-possibilità li allokazzjoni b’xejn ta’ permessi, kemm permezz ta' 'grandfathering’ jew ta’ 'benchmarking’, twassal għall-profitti mhux pjanati fis-settur bi spejjeż għall-konsumatur, minħabba pprezzar ta' spiża marġinali bbażat fuq prezz tas-suq ta’ l-‘allowances’ minkejja allokazzjoni b’xejn; jenfasizza li dan m'huwiex l-objettiv tal-politika;

39.  Jikkonsidra li l-allokazzjoni b’xejn ta’ emissjonijiet permezz ta’ ‘grandfathering’ hi għażla agħar peress li tikkastiga azzjoni minn kmieni mill-linji ta’ l-ajru, u li allokazzjoni b’xejn permezz ta’ ‘benchmarking’, filwaqt li fit-teorija tinċentiva b’mod aktar xieraq, tirriskja li tkun wisq ikkomplikata u burokratika, bil-metodi kollha ta’ kalkulazzjoni jkollhom diffikultajiet sabiex jiddeterminaw l-aħjar twettiq veru;

0

0 0

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-avjazzjoni saret parti integrali tas-soċjetà, li tissodisfa x-xewqa li wieħed jivvjaġġa distanza twal malajr. Dan jiffaċilita l-koeżjoni soċjali u l-iskambju kulturali, u jikkontribwixxi stima ta' 4.1 miljun impjieg u =€228 biljun lill-ekonomija ta' l-UE permezz ta' impatti diretti, indiretti u kkaġunati.[1]

Madankollu wieħed ma jistax jinjora li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni qegħdin jiżdiedu b'rata mgħaġġla u jxekklu l-progress f'oqsma oħrajn. L-Unjoni Ewropea hija kommessa li tevita bdil perikoluż fil-klima billi tillimita t-tisħin għal +2°C 'il fuq mil-livelli pre-industrijalizzati, li jfisser tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 15-30% sa l-2020 u ta' 60-80% sa l-2050 għall-UE.[2] Bejn l-1990 u l-2003, l-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni internazzjonali ta' l-UE żdiedu b'73%, li jikkorrispondu għal żieda annwali ta' 4.3%[3]. B'din it-rata ż-żieda fl-emissjonijiet mill-avjazzjoni se tinnewtralizza iżjed minn kwart tat-tnaqqis mitlub fil-mira ta' Kyoto ta' l-UE sa l-2012[4].

Iżjed minn hekk, l-impatt totali ta' l-avjazzjoni fuq il-klima huwa stmat li hu 2-4 darbiet iżjed mill-impatt CO2, anke jekk ma jiġux ikkunsidrati l-effetti potenzjali tat-tkattir tas-sħab tat-tip 'cirrus'.

L-isforzi ta' l-industrija biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha huma milqugħin. Iżda kif qiegħed ibassar l-Eurocontrol, il-movimenti tat-traffiku ta' l-ajru ta' l-UE mistennijin jiżdiedu b'iżjed mid-doppju sa l-2020 meta mqabblin ma' l-2003. Rati ta' titjib teknoloġiku/operazzjonali (storikament 1-2% fis-sena[5]) m'humiex se jkunu biżżejjed sabiex ipattu għal din iż-żieda.

Kuntest tal-politika

L-avjazzjoni internazzjonali m'hijiex suġġetta għall-Protokoll ta' Kyoto jew għal impenji oħrajn. L-Artikolu 2.2 tal-Protokoll ta' Kyoto jħeġġeġ lill-istati biex jippruvaw jillimitaw jew inaqqsu l-gassijiet serra minn dan is-sors permezz ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), iżda bħalissa m'hemmx pjanijiet għal soluzzjoni globali: hemm biss xogħlijiet għaddejjin biex ikunu żviluppati gwidi għal skemi ta' negozjati ta' l-emissjonijiet (ETS).

L-avjazzjoni m'hijiex suġġetta għal taxxa fuq il-karburant jew għal VAT, u tibbenefika minn diversi għajnuniet mill-istat. Huma l-għonja li jibbenefikaw l-iktar minn dawn il-privileġġi, kemm fuq livell globali (l-biċċa l-kbira tat-titjiriet globali jintużaw minn nies f'pajjiżi żviluppati) u kemm fl-Ewropa (dawk li jaqilgħu l-iktar huma l-iktar li jivvjaġġaw bl-ajru).

L-avjazzjoni hija ħafna inqas vulnerabbli għal distorsjonijiet ekonomiċi minħabba prezzijiet ogħla tas-CO2, peress li t-titjiriet ma jistgħux ikunu importati jew esportati - titjira minn Londra għal New York ma tistax tinbidel b'titjira minn Montreal għal Tokyo. Jistgħu jintużaw strumenti ta' politika mhux diskriminatorji mingħajr ma jkunu ta' ħsara b'mod sinifikanti għall-kompetittività ta' l-industrija ta' l-UE, billi l-kompetizzjoni minn kumpaniji ta' l-ajru barra l-UE tkun limitata permezz tar-regolazzjoni sttretta tas-suq permezz ta' ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru (ASAs). Kwalunkwe ċaqliqa għal mezzi oħrajn li jkunu riżultat ta' dawn tgħin sabiex jinstab rimedju għad-diskriminazzjoni storika fil-konfront tagħhom, kif ukoll tkun vantaġġjuża għall-klima - meta tqis li l-avjazzjoni hu l-aktar metodu ta' trasport komunali għal vjaġġi qosra (meta jeżistu alternattivi) li jipproduċi l-iktar gassijiet serra b'mod intensiv. Fil-fatt jipproduċi 132g ta' CO2 għal kull km li jivvjaġġa passiġġier, meta mqabbel ma' 15.7-50.8g ta' CO2 għall-ferroviji tal-passiġġieri[6].

Għalhekk huwa vitali li l-UE - bħala esponent ewlieni fl-avjazzjoni globali, b'obbligi legali speċifiċi skond l-UNFCCC - turi li taf tmexxi u tagħmel l-aħjar użu mill-vantaġġi li tagħti l-eżempju kmieni b'azzjoni reġjonali. Dan huwa rikonoxxut mill-impenn fis-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali[7], li reġa' kien affermat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2005, li tkun identifikata "azzjoni speċifika biex jitnaqqsu emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-avjazzjoni jekk sa l-2002 ma jkun hemmx ftehim dwar azzjoni bħal din mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili."

Kif tirrimarka l-Kummissjoni, l-objettiv ġenerali tal-politiki għandu jkun li jiġi żgurat li l-avjazzjoni "ma ddgħajjifx, iżda tikkontribwixxi, biex jintlaħaq l-objettiv globali.[8]" Għaldaqstant għandhom (ta' l-inqas) jinkorporaw objettivi li jimxu ma' l-impenn tal-Protokoll ta' Kyoto li jitnaqqsu l-emissjonijiet b'8% sa l-2010 mill-1990 u mal-mira ta' l-UE li jitnaqqsu 30% fl-UE sa l-2020 mill-1990. Għandhom jinkludu l-impatt sħiħ ta' l-avjazzjoni fuq il-klima, u jibbażaw fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni meta jkun hemm xi inċertezzi.

Sett sħiħ ta' miżuri

Biex jiġi żgurat li l-kumpaniji ta' l-ajru jkunu inċentivati li jilħqu dan l-għan, u biex ikunu evitati inċentivi perversi min-naħa tat-talba, il-politika għandha tkun konformi mal-prinċipju li "min iniġġes iħallas", b'internalizzazzjoni sħiħa ta' l-esternalitajiet kollha relatati mal-bidla fil-klima. Kif tigħid il-Kummissjoni, "is-settur tat-trasport bl-ajru bħalissa ma jridx iħallas l-ispejjeż esterni ta' l-effett tiegħu fuq il-klima, lanqas spejjeż oħra ekwivalenti. Dan jirrappreżenta nuqqas min-naħa tas-suq u jikkontribwixxi għal dipendenza żejda fuq it-trasport bl-ajru u għal investiment f' teknoloġiji ġodda u fl-adozzjoni ta' dawn it-teknoloġiji anqas milli suppost kif ukoll proċeduri operazzjonali li jnaqqsu dawn l-effetti." [9]

Għalhekk il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija milqugħa għar-rikonoxximent tagħha li hemm bżonn pakkett sħiħ ta' miżuri li jinkludi strumenti regolatorji, ekonomiċi, teknoloġiċi u operazzjonali. Il-ħsieb tagħha li taħdem għall-introduzzjoni ta' taxxi fuq il-kerosin, bi qbil mad-Direttiva dwar it-Taxxi fuq il-Prodotti ta' l-Enerġija (2003/96/KE), huwa importanti ħafna minħabba l-iżbilanċ eżistenti bejn l-ittrattar ta' l-avjazzjoni u l-mezzi l-oħrajn ta' trasport. Din għandha tibda mill-ewwel b'taxxa fuq it-titjiriet domestiċi u intra-UE (bil-possibilità għal eżenzjoni lil kumpaniji kollha ta' l-ajru fejn joperaw kumpaniji ta' l-ajru li m'humiex ta' l-UE). Intant, in-negozjati mill-ġdid ta' l-ASAs, li għadhom għaddejjin, għandhom jissokktaw sabiex il-kumpaniji ta' l-ajru tal-pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiġu intaxxati b'mod gradwali fuq bażi ugwali ma' dawk ta' l-UE.

Il-waqfien ta' l-eżenzjoni mill-VAT tkompli tibbilanċja s-suq, u ġġib miżuri fiskali kif ukoll benefiċċji ambjentali. Il-ħlasijiet għall-emissjonijiet għandhom ikunu ffissati fuq livell li jirrifletti kemm il-miżuri l-oħrajn jonqsu li jiżguraw l-internalizzazzjoni sħiħa ta' l-ispejjeż, u jistgħu jkunu xierqa b'mod partikulari bħala miżuri anċillari biex jiġu indirizzati l-impatti li m'humiex ikkawżati mis-CO2. Titjib fl-Immaniġjar tat-Traffiku ta' l-Ajru għandu jnaqqas il-ħruq medju tal-fjuwil b'bejn 8 u 18%[10], b'tnaqqis li jirriżulta minn dan fl-emissjonijiet kollha mill-magni.

Negozjati ta' l-emissjonijiet

Madankollu, l-importanza ewlenija hija n-negozjati ta' l-emissjonijiet. Din ma tiħux post il-bżonn ta' miżuri oħrajn, iżda għandha l-potenzjal li tilgħab irwol - sakemm l-iskema, hi x'inhi, tkun imfassla sewwa. Ladarba n-negozjati ta' l-emissjonijiet għall-avjazzjoni huwa kunċett legali ġdid, l-UE għandha tagħmel l-aħjar użu li dan jipprovdi sabiex tfassal qafas b'saħħtu li eventwalment jkun jista' jiġi repetut b'mod aktar aktar wiesgħa. Għal effettività ambjentali massima, kull skema ta' negozjati ta' l-emissjonijiet (ETS) għandha ssegwi l-prinċipji li ġejjin:

- L-impatti li m'humiex ikkawżati mis-CO2

Strumenti ta' politika oħrajn għandhom ikunu introdotti flimkien ma' ETS sabiex jindirizzaw l-impatti sħaħ fuq il-klima. Strumenti li jkunu konnessi b'mod dirett ma' l-impatt inkwistjoni aktarx jirriżultaw fl-iżjed imġiba effiċjenti, għalkemm multiplikaturi għall-emissjonijiet tas-CO2 jkunu alternattiva temporanja jekk ma jirriżultax possibbli li jitwettqu miżuri individwali xierqa b'mod paralel.

- Relazzjoni ma' ETS oħrajn

Skema separata u magħluqa għall-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni hija għażla serja. Minħabba li l-Protokoll ta' Kyoto ma jkoprix l-avjazzjoni internazzjonali, l-ebda AAUs (Assigned Amount Units) ma ġew allokati lil dan is-settur. Dan ifisser li l-membri tiegħu ma setgħux jipparteċipaw b'mod legali fl-EU-ETS, iżda dan jikkomplika serjament is-sistema ta' kontabilità li tgħaqqad lill-EU-ETS mal-Protokoll ta' Kyoto. Minkejja li ġew ippreżentati diversi possibilitajiet bħala tentattiv biex jingħeleb dan l-ostakolu, il-fatt hu li l-kontabilità tkun simplifikata b'mod sostanzjali permezz ta' sistema separata u magħluqa.

Anke jekk tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għad-diffikultajiet amministrattivi, bosta setturi li diġà qegħdin fl-EU-ETS huma mħassbin dwar l-effett possibbli ta' l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fuq il-prezzijiet tal-karbonju - minħabba li, bħala settur protett, dan ikun jista' jittollera prezzijiet ogħla minn ħafna oħrajn. Minbarra li jkollu effett negattiv dirett fuq partijiet oħrajn ta' l-ekonomija, hija realtà politika importanti li pressjoni eċċessiva fuq industriji vulnerabbli li jikkonsmaw enerġija b'mod intensiv jista' jwassal għal laxkar fil-limiti, li jkompli jċekken il-progress diżappuntanti li l-UE għamlet s'issa fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet.

L-inklużjoni ta' l-emissjonijiet mill-avjazzjoni f'miri internazzjonali fil-fażi li jmiss tal-ftehimiet globali dwar il-klima, li hija mixtieqa b'mod ċar - tneħħi d-diffikultajiet tal-kontabilità, iżda ma tkunx prattika qabel l-2012. Għaldaqstant jista' jsir użu tajjeb mill-perjodu 2008-2012 billi titmexxa fażi bi prova ta' skema separata, sabiex tinkiseb esperjenza prattika bl-iskop ewlieni li jitfasslu r-regoli meħtieġa sabiex tiġi garantita l-integrità ambjentali. Restrizzjonijiet fuq id-dħul ta' krediti esterni (CDM/JI jew konnessjonijiet possibbli ma' skemi cap-and-trade reġjonali f'pajjiżi li m'humiex partijiet kontraenti għall-Protokoll ta' Kyoto) jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' l-objettiv ġenerali.

Kwalunkwe arranġament li permezz tiegħu l-avjazzjoni tkun inkorporata f'ETS usa' jkollu jagħti kas tal-fatt li s-settur huwa protett u jkollu japplika kundizzjonijiet xierqa, per eżempju, limitu fuq in-numru ta' drittijiet ta' emissjoni li s-settur jista' jixtri mis-suq (sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq kontra setturi anqas protetti), u rekwiżit sabiex l-avjazzjoni tewttaq parti mit-tnaqqis ta' emissjonijiet meħtieġa qabel ma titħalla tixtri l-permessi.

- Skop Ġeografiku

L-effettività ambjentali tilħaq il-massimu tagħha bi skema li tkopri t-titjiriet kollha minn u lejn kwalunkwe ajruport ta' l-UE, f'termini tan-numru tat-titjiriet koperti u ta' l-influwenza fuq id-disinn ta' l-ajruplan. Skema li tkopri biss it-titjiriet intra-UE tgħawweġ ukoll lis-suq favur destinazzjonijiet barra l-UE, b'konsegwenzi negattivi għall-klima (peress li n-nies aktarx jivvjaġġaw distanzi itwal) u għall-industrija turistika ta' l-Ewropa. Ir-riskju ta' vjaġġaturi li jibdlu d-destinazzjonijiet, kif ukoll ta' kumpaniji li jissussidjaw lil xulxin, ifisser li kopertura wiesgħa hija meħtieġa wkoll sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi li jkollhom rotot differenti.

-Limitu

L-allokazzjoni totali tal-bidu għal kwalunkwe ETS għandha tkun definita skond il-mira ta' Kyoto. Għal raġunijiet prattċi u sabiex tiġi evitata allokazzjoni tal-bidu għolja żżejjed, din għandha tkun iffissata fuq il-livell ta' l-UE. Kull żieda fl-emissjonijiet li taqbeż is-sena bażi ma tkunx kompatibbli mal-mira: l-industrija xorta tista' tespandi, iżda biss fil-limiti ambjentali. Kull nuqqas li tintlaħaq il-mira ta' Kyoto permezz ta' ETS jkollu jiġi kkumpensat bit-tisħiħ ta' miżuri oħrajn.

- Distribuzzjoni ta' l-għotjiet

Hemm bżonn metodu li jirrifletti sewwa n-natura dinamika ta' dan is-settur, tippremja prestazzjonijiet tajbin tal-passat u tal-futur, u li timxi mal-prinċipju li min iniġġes iħallas. L-irkantar jilħaq dawn it-tliet kriterji b'mod awtomatiku u effiċjenti: il-parteċipanti ġodda jkollhom aċċess ugwali għad-drittijiet ta' emissjoni; in-numru ta' għotjiet meħtieġa li jinxtraw minn operatur ta' kwalunkwe daqs ikun konness b'mod dirett mal-progress tiegħu fit-tnaqqis ta' emissjonijiet għal kull tunnellata/kilometru; u l-għotjiet jingħataw bi ħlas, u b'hekk jiġi ġġenerat dħul għal skopijiet ambjentali.

L-allokazzjoni b'xejn tal-permessi, kemm permezz tan-nepotiżmu jew permezz tal-'benchmarking', ma ssegwix il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, li jista' jitħares biss bi ħlasijiet fuq emissjonijiet b'mod paralel jew b'miżuri simili. Fil-fatt, l-esperjenza ta' l-EU-ETS turi li din tippremja lil min iniġġes, permezz ta' profitti mhux mistennijin mis-settur, a spejjeż tal-konsumatur, ta' madwar 1.34-4 biljun € fis-sena, minħabba pprezzar ta' spiża marġinali bbażata fuq il-prezz tas-suq ta' l-għotjiet[11].

L-allokazzjoni b'xejn bl-użu ta' kwalunkwe waħda miż-żewġ sistemi ta' distribuzzjoni tiddiskrimina wkoll kontra l-operaturi li jidħlu fl-iskema wara l-perjodu ta' l- allokazzjoni tal-bidu, minħabba (minbarra s-soluzzjonijiet li jġibu problemi ta' definizzjoni "kważi insormontabbli"[12]) li l-entitajiet ikollhom jixtru l-għotjiet tagħhom kollha, għall-kuntrarju ta' l-entitajiet preżenti li rċevewhom b'xejn.

F'termini ta' inċentivar ta' prestazzjoni tajba, l-allokazzjoni b'xejn ibbażata fuq emissjonijiet kawża ta' nepotiżmu hija l-agħar għażla. Minħabba li l-allokazzjonijiet ikunu kalkulati skond l-emissjonijiet tal-passat u tal-futur, l-azzjonijiet bikrin ikunu kkastigati b'mod attiv. L-allokazzjoni b'xejn ibbażata fuq il-'benchmarking' fit-teorija hija aħjar, iżda hemm ir-riskju li tkun kumplikata u burokratika żżejjed, bl-ebda metodu ta' kalkulazzjoni li jkun kapaċi jiddetermina liema verament tkun l-aħjar prestazzjoni b'mod li tista' toqgħod fuqu.

24.4.2006

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (*)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

dwar it-tnaqqis ta' l-impatt li għandha l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima

(2005/2249(INI))

Draftswoman (*): Jeanine Hennis-Plasschaert,

(*) Koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kumitati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jitlob lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2005) 0459 tas-27 ta' Settembru 2005,

1.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-inkorporazzjoni ta' l-avjazzjoni fl-iskema Ewropea ta' negozjati ta' l-emissjonijiet (EU-ETS) huwa l-iżjed approċċ xieraq;

2.  Huwa ta' l-opinjoni li approċċ Ewropew konġunt huwa meħtieġ u li taħlita ta' miżuri differenti għandha tkun evitata;

3.  Iqis li l-iskema għandha tapplika għat-titjiriet kollha fl-UE u li jitilqu mill-UE, irrespettivament mill-pajjiż ta' l-oriġini tal-kumpanija ta' l-ajru inkwistjoni;

4.  Iqis, madankollu, li m'għandhiex tittieħed deċiżjoni finali dwar l-iskop tas-sistema qabel ma jsir studju dwar l-effetti fuq il-kompettittività ta' l-industrija ta' l-avjazzjoni Ewropea;

5.  Jirrimarka li kwistjonijiet kummerċjali mhux meħtieġa u/jew proċeduri legali għandhom ikunu evitati;

6.  Jirrimarka li l-UE, sa mhux iżjed tard mil-laqgħa ta' l-ICAO f'Ottubru 2007, għandha tikseb assigurazzjonijiet speċifiċi minn pajjiżi mhux membri (b'mod partikulari l-Istati Uniti, iċ-Ċina, Singapore, l-Awstralja, u l-Emirati Għarab Magħquda), minħabba li f'dak il-każ biss ikun possibbli li tinħoloq sistema globali sodisfaċenti li tinkludi lill-pajjiżi taż-ŻEE mill-bidu.

7.  Iqis li s-sistema għandha tkun limitata għas-CO2;

8.  Ma jeskludix li fil-futur ikun hemm bżonn jittieħdu miżuri lokali ta' akkumpanjament;

9.  Iqis li l-allokazzjoni ġenerali tad-drittijiet ta' l-avjazzjoni, li għandha ssir fuq il-livell ta' l-UE, għandha tagħti kas tat-tkabbir ta' l-avjazzjoni Ewropea u li għalhekk l-avjazzjoni għandha tkun inkorporata fl-iskema eżistenti ta' negozjati ta' l-emissjonijiet bejn is-setturi;

10. Iqis li fl-allokazzjoni tad-drittijiet lil kumpaniji ta' l-ajru individwali għandha tiġi kkunsidrata l-prestazzjoni ambjentali ta' dawk il-kumpaniji;

11. Iqis li deċiżjonijiet dwar kwalunkwe ħlas m'għandhomx jittieħdu f'dan il-qafas imma fuq il-bażi ta' mudell u strateġija, li jitressqu mill-Kummissjoni Ewropea, għall-kalkolu ta' l-ispejjż esterni għal mezzi kollha tat-trasport;

12. Iżjed minn hekk, jemmen li huwa meħtieġ li jsir sforz biex jintlaħqu l-miri xjentifiċi u tekniċi għat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija ta' l-ajruplani u tal-ħelikopters;

13. Jirrimarka li miżuri skond is-seba' programm ta' qafas tar-riċerka biex jitkattru l-inovazzjonijiet teknoloġiċi fil-qasam ta' l-ajruspazju u l-immaniġġjar aħjar tat-traffiku ta' l-ajru li jirriżulta mil-leġislazzjoni tas-Sema Waħdieni, huma ta' importanza deċiżiva għal dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet;

14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi bla dewmien biex ittejjeb l-ATC/ATM fil-proġett SESAR u fil-leġislazzjoni tas-Sema Waħdieni, bil-ħsieb li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tat-titjiriet u li tnaqqas jew tevita l-istrixxi tal-fwar;

15. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet skond is-seba' programm ta' qafas tar-riċerka u l-iżvilupp jkunu allokati, fil-kuntest ta' riċerka kollaborattiva, bil-ħsieb li jittejbu l-ambjent u l-effiċjenza fl-enerġija tal-magni ta' l-ajruplani u tal-ħelikopters.

  • [1]  ATAG (2005): "Il-Benefiċċji Ekonomiċi u Soċjali tat-Trasport bl-Ajru" p.25.
  • [2]  Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent Marzu 2005.
  • [3]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2005)0459, p.2.
  • [4]  p.5, ibid.
  • [5]  Evalwazzjoni ta' l-Impatt mill-Kummissjoni COM(2005)0459, p.5.
  • [6]  Tabella 62, p.133, Anness 1 INFRAS/WW Ottubru 2004: "Spejjeż Esterni tat-Trasport"
  • [7]  Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1600/2002/KE, ĠU, L 242, 10.9.2002, p. 1.
  • [8]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, p.3
  • [9]  Evalwazzjoni ta' l-Impatt mill-Kummissjoni, p.8.
  • [10]  IPCC 1999.
  • [11]  CE Delft (Lulju 2005)): "Giving Wings to Emissions Trading" p. 163.
  • [12]  ibid p.95.