RAPPORT 

2.6.2006 - (2006/2003(INI))

dwar politika ta' qafas biex issaħħaħ l-industrija tal-manifattura ta' l-UE - lejn approċċ aktar integrat għall-politika ta' l-industrija
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Joan Calabuig Rull

Proċedura : 2006/2003(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0206/2006
Testi mressqa :
A6-0206/2006
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar politika ta' qafas biex issaħħaħ l-industrija tal-manifattura ta' l-UE - lejn approċċ aktar integrat għall-politika ta' l-industrija

(2006/2003(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Politika ta' qafas biex issaħħaħ l-industrija tal-manifattura ta' l-UE - lejn approċċ aktar integrat għall-politika ta' l-industrija” (COM(2005)0474),

–   wara li kkunsidra d-Dokumenti ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni (SEC(2005)1215, SEC(2005)1216 u SEC(2005)1217) mehmuża,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Kompetittività tat-28 ta' Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell fit-23 u fl-24 ta' Marzu, 2006,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, r-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali (A6‑0206/2006),

A.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hawn fuq imsemmi jiddeskrivi, fuq bażi ta’ l-analiżi tal-kompetittività ta’ 27 settur individwali, programm ta' ħidma għal politika industrijali għall-industriji ta’ manifattura għas-snin li ġejjin,

B.  billi industrija dinamika u kompetittiva ħafna hi prerekwiżit għal livelli soċjali u ambjentali aħjar,

C.  billi l-industrija tal-manifattura ta’ l-UE tipprovdi madwar 20% ta' l-output ta' l-UE u timpjega madwar 34 miljun ruħ,

D.  billi l-Kunsill jirrikonoxxi l-importanza ta’ l-industrija tal-manifattura bħala ġeneratur ta’ prodotti ġodda u innovattivi,

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li tfassal politika ta' qafas u programm ta’ ħidma mtejjeb għall-industriji ta’ manifattura għas-snin li ġejjin; jikkonsidra din il-komunikazzjoni bħala pass importanti lejn politika industrijali soda u bbilanċjata permezz ta' l-għaqda ta' azzjonijiet settorjali konkreti ma' inizzjattivi ta' politika li tapplika għal għadd ta' setturi;

2.  Jirrikonoxxi l-irwol importanti ta’ l-industriji tal-manifattura fl-UE; jirrimarka li l-manifattura, is-servizzi u l-kummerċ għandhom u qed ikunu dejjem aktar interkonnessi fl-ambjent modern tan-negozju; għalhekk jappoġġa ħafna l-iżvilupp ta’ politika koerenti industrijali fuq livell Ewropew sabiex jiffaċċjaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni;

3.  Ifakkar li l-UE għandha taspira li tibqa' qawwa industrijali ewlenija, u mhux li tillimita lilha nnifisha għall-iżviluppar tas-settur tas-servizzi;

4.  Jikkonsidra li l-Komunità għandha tieħu ħsieb li tiżgura żvilupp konġunt ta’ strateġiji kompetittivi fis-setturi ta’ l-industrija u tas-servizzi u tippromwovi prattika tajba fir-rigward ta’ l-ambjent interprenditorjali u l-intraprenditorjat, inkluż responsabilità soċjali tal-korporazzjonijiet u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa;

5.  Ifakkar li l-objettivi ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona huma l-objettivi minimi li Stat Membru għandu jikkommetti ruħu għalihom; Jinnota li dan l-aħħar bosta Stati Membri adottaw politiki nazzjonali biex issaħħu l-industriji tal-manifattura; jemmen li politiki nazzjonali waħidhom jistgħu jfixklu l-iżvilupp tal-politka industrijali Ewropea u li koordinazzjoni aħjar bejn azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u azzjonijiet Komunitarji jistgħu jsaħħu lit-tnejn; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex joħolqu mekkaniżmi li b’mod effiċjenti jikkoordinaw azzjonijiet f’dan il-qasam, fejn il-gvernijiet, l-industrija u l-partijiet interessati fuq livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali jiġu involuti;

6.  Jinnota li mingħajr azzjoni tal-gvern, se jkun impossibli li jiġi stabbilit qafas għall-industrija li jkun stabbli u attraenti u li jaffordja ċertezza legali; jirrimarka li x-xogħol ta’ settur pubbliku modern hu vitali sabiex jittratta l-infrastuttura u jadotta kemm l-edukazzjoni kif ukoll l-innovazzjoni;

7.  Jikkonsidra li l-politika Komunitarja ta’ għajnuna u appoġġ għal politiki industrijali nazzjonali trid li jkollha l-għan li tiżviluppa Mudelli ta' Eċċellenza Ewropej, b’tali mod li jiġu maħluqa sinerġiji bejn il-kapaċitajiet ta’ swieq tax-xogħol lokali u ċentri ta’ riċerka, mingħajr ma jintesax l-ambjent politiku u makroekonomiku li hu mmirat lejn l-iżvilupp, u bħala mezz ta’ promozzjoni ta’ investiment akbar u ħolqien ta’ ġid u ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja bi drittijiet; jilqa’ l-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddefinixxi politika industrijali Ewropea; madankollu jenfasizza li dan l-approċċ irid ikun mhux orizzontali biss imma li jkun hemm ukoll il-bżonn li wieħed jaħseb f’termini speċifiċi għas-settur;

8.  Jappoġġa l-inizjattivi mfassla fil-komunikat; jilqa’ b’sodisfazzjon l-analiżi dettaljata tas-27 settur u l-iffokar ċar fir-rakkomandazzjonijiet; però, iqis l-implimentazzjoni konkreta ta' l-inizzjattivi bħala l-isfida tal-mument; jemmen li sabiex tkun garantita implimentazzjoni koerenti fit-tul ta’ żmien, l-inizjattivi proposti jkunu meħtieġa li jiġu koordinati minn direttorat ġenerali wieħed, id-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi u l-Industrija, u konfigurazzjoni waħda tal-Kunsill, il-konfigurazzjoni tal-“Kompetittività”; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament bil-progress milħuq fejn għandhom x’jaqsmu l-inizjattivi qabel tmiem din is-sena; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkonsidra wkoll il-possibilità ta’ evalwazzjoni sistematika u assessjar regolari tal-benefiċċji u l-valur miżjud ta’ l-inizjattivi bħall-gruppi ta' livell għoli, ‘panels’ ta’ innovazzjoni u partijiet ta’ ħidma fi kwalunkwe settur;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħti kas sew lis-setturi kollha ta’ l-industriji tal-manifattura u fejn ikun hemm bżonn li timla l-vojt, kemm fir-rigward ta’ l-analiżi ta’ ċertu setturi kif ukoll ta’ l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, mingħajr ma tinsa l-livell għoli ta’ konċentrazzjoni reġjonali li jeżisti f’xi industriji;

10. Jirrikonoxxi l-bżonn ta' żieda fil-kompetittività fl-industriji tal-manifattura; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tenfasizza r-responsabilità soċjali tan-negozju u l-bżonn għal żvilupp sostenibbli; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-istess importanza lill-ambjent tax-xogħol u lis-saħħa u lis-sikurezza tal-ħaddiema sabiex tiżgura l-ħolqien ta’ aktar u aqwa impjiegi;

11. Jagħraf li sabiex titwettaq politika industrijali Ewropea fis-setturi ta’ interess strateġiku għall-ekonomiji ta’ l-Istati Membri, hu importanti li jissaħħu l-industriji eżistenti, li jinżamm miftuħ is-suq intern, li jkunu applikati regolamenti kif u fejn xieraq, u li jitħalla spazju għall-fatturi li għandhom x’jaqsmu ma’ kompetittività li jistgħu jaffettwaw il-livelli ta’ impjieg f’ħafna Stati Membri, kif ukoll li jkun hemm appoġġ għall-modernizzazzjoni ta’ l-industrija kollha Ewropea li hi diġà kompetittiva jew li tista' ssir kompetittiva;

12. Hu konvint li l-futur ta’ l-industriji ta’ manifattura Ewropej jinsab f’aktar valur miżjud u kwalità aħjar; għalhekk hu mħasseb li l-kummerċ ġenerali ta’ l-UE għadu kkonċentrat f’setturi b’teknoloġiji medji u kapaċitajiet ta’ xogħol baxxi u medji; jemmen li l-edukazzjoni u t-taħriġ f’kull livell huma elementi ewlenin kemm biex jitjiebu l-kwalifiki tal-ħaddiema kif ukoll biex ikun faċilitat il-bdil; jiddispjaċih bil-fatt li l-Komunikazzjoni ma tagħtx biżżejjed kas lill-edukazzjoni, tagħlim tul il-ħajja u taħriġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġbdu aktar studenti żgħażagħ lejn studji tekniċi u xjentifiċi;

13. Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-fatt li ħaddiema mħarrġa tajjeb u flessibbli huma l-aktar riżorsa u fattur ta’ kompetittività importanti ta’ l-UE; jitlob lill-UE biex tiffoka fuq it-titjib ta’ l-iżvilupp tal-kapaċitajiet għal ħaddiema f’kull livell, b’mod partikulari ħaddiema b’nuqqas ta’ kapaċitajiet;

14. Aktar minn hekk, huwa ta’ l-opinjoni pożittiva, li l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kapaċitajiet speċjali li tiltaqa’ magħhom l-industrija fil-politiki biex jippromwovu trasparenza u t-trasferiment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-identifikazzjoni ta' bżonnijiet eżistenti għal kapaċitajiet f'kull settur u fejn hemm nuqqasijiet ta’ kapaċitajiet;

15. Jirrimarka li aktar investiment ċar u definit hu meħtieġ sabiex jittejbu l-livelli ta’ kapaċitajiet tar-riżorsi umani, pereżempju fil-każ ta’ programmi ta’ ħidma relatati ma' taħriġ fix-xjenza u fit-teknoloġija mmirati biex jiggarantixxu l-kwalità u d-diversifikazzjoni ta' opportunitajiet ta’ taħriġ fl-Istati Membri varji;

16. Jitlob lill-intrapriżi sabiex jiżguraw l-aħjar kondizzjonijiet ta’ taħriġ possibbli għall-ħaddiema billi jipprovdu taħriġ kontinwu lill-impjegati tagħhom, bl-intrapriżi jfasslu pjanijiet ta’ kapaċitajiet u jieħdu responsabilità b’mod ġenerali għal tagħlim tul il-ħajja u għat-tagħlim kontinwu ta’ l-impjegati tagħhom;

17. Jikkonsidra li t-trasferiment ta’ għarfien u l-applikazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka dwar prodotti u proċessi ġodda għadu wisq dgħajjef fl-industriji tal-manifattura, u speċjalment fil-każ ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs); f’dan ir-rigward, jara bżonn ċar li jagħlaq il-vojt li hemm bejn il-komunità tar-riċerka u s-settur tas-suq; hu konvint li attenzjoni speċjali trid tingħata sabiex flimkien jaffaċċjaw din il-problema u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jersqu malajr il quddiem b'miżuri konkreti biex isolvuha; għal dan il-għan jenfasizza li l-possibiltajiet offruti mill-programm ta’ qafas għall-kompetittività u l-innovazzjoni għandhom jiġu utilizzati b’mod razzjonali u kemm jista’ jkun b’mod effettiv;

18. Jikkonsidra li kunsiderazzjoni għandha tittieħed għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ negozji mikro u żgħar, peress li l-problemi li dawn jiltaqgħu magħhom ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk li jiffaċċjaw intrapriżi kbar;

19. Jirrikonoxxi li hemm bżonn li jinħolqu skemi biex jipprovdu appoġġ dirett għal attivitajiet ta’ riċerka li jitwettqu minn konsorzji, li jinvolvu kumpaniji u unitajiet ta’ riċerka jew timijiet universitarji, b'hekk jingħata ċans li kapaċitajiet u teknoloġiji jiġu trasferiti aktar malajr;

20. Jenfasizza li fuq linji gwida tar-rapport tal-Grupp ta' Esperti Indipendenti dwar l-R&D u l-Innovazzjoni, l-għajnuna ta' l-Istat lill-kumpaniji barra l-SMEs hu xieraq meta jingħata għal skop ta’ inkoraġġament ta’ koperazzjoni ma’ kumpaniji, SMEs, istituzzjonijiet akkademiċi fi ‘gruppi miftuħa għall-innovazzjoni’, punti ta' eċċellenza, u programmi kollaborattivi ta' R&D oħra;

21. Jirrimarka li l-prosperità ta’ l-UE tiddependi fuq l-iżvilupp ta’ industriji innovattivi Ewropej ta’ livell dinji;

22. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kunċett ta’ Pjattaformi Teknoloġiċi li jipprovdu żieda lil-linji ta’ żvilupp fir-riċerka li tissodisfa r-rekwiżiti tas-suq; però jemmen li hemm bżonn ta’ aktar fondi għal riċerka applikata li twassal għal prodotti innovattivi; f’dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) biex b’mod sostanzjali jżid l-iffinanzjar disponibbli għall-investiment li jtejbu t-tkabbir f’R&D u fl-SMEs; ifakkar fil-konklużżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell hawn fuq imsemmi, li hu mistenni sa EUR 30 biljun f’kapital ta’ riskju u self mill-bank garantit għall-appoġġ ta’ l-innovazzjoni u għat-tisħieħ ta’ l-azzjoni fl-R&D; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-EIB, kif ukoll lis-settur privat, sabiex jagħmlu rapport dwar dawn il-konklużjonijiet f’termini prattiċi;

23. Jenfasizza l-potenzjal prinċipali tax-xjenzi nano u n-nanoteknoloġiji u jħeġġeġ lis-settur tal-manifattura sabiex jinżamm aġġornat dwar il-progress teknoloġiku u d-dispożizzjonijiet tal-programm ta’ azzjoni Ewropew 2005-2009 f’dan il-qasam sabiex ikun f'pożizzjoni li jieħu vantaġġ mill-opportunitajiet u mill-perspettivi l-ġodda li jinfetħu għal kull settur tiegħu;

24. Jenfasizza l-problema ta’ aċċess għal finanzi u kapital ta’ riskju, speċjalment għall-ħolqien innovattiv u SMEs; għalhekk isaqsi lill-Kummissjoni sabiex tinvolvi mill-qrib lill-EIB u lill-Fond Ewropew għall-Investiment fix-xogħol ta’ l-inizjattivi settorjali;

25. Jikkonsidra li jista’ jkun utli ħafna t-twaqqif ta’ grupp ta’ livell għoli biex jiżġura li leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-industrija, l-enerġija u l-ambjent tkun konsistenti ma’ l-għan li tittejjeb is-sostenibiltà u l-kompetittività; jirrimarka li, bħas-suq ta' l-elettriku, is-suq tal-gass naturali wkoll għandu bżonn li jiġi analizzat, mingħajr ma wieħed jinsa li t-tnejn għandhom implikazzjonijiet kbar għal uħud mill-industriji ta’ manifattura;

26. Jirrimarka li l-industriji ta’manifattura huma ta’ spiss immarkati minn konċentrazzjoni reġjonali; għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjunali u nazzjonali, li jaħdmu b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ esponenti ekonomiċi u soċjali, sabiex ifasslu pjanijiet ta’ strateġija lokali għall-inħawi li huma, jew li għandhom potenzjal li jsiru centri ta' innovazzjoni ta’ gruppi ta’ manifattura; għal dan il-għan jitlob għal pjanijiet ta’ strateġija lokali sabiex ikunu mmirati li jagħmlu l-aħjar użu possibbli mis-settur prinċipali li jipproduċi ġid, mill-potenzjal ta’ riċerka u minn kull benefiċċju komparattiv li kull reġjun joffri; jitlob lill-Istati Membri sabiex jagħmlu aħjar użu mill-possibilitajiet tal-Fondi Strutturali f’dan ir-rigward;

27. Jirrimarka li miżuri futuri ta’ politika Ewropea għall-industrija jridu jħallu spazju mhux biss għad-dimensjoni settorjali, imma wkoll għad-dimensjoni territorjali; jinnota li nħawi f’konċentrazzjoni għolja ta’ industrija ta’ manifattura għandhom ikollhom politiki industrijali u ekonomiċi mmirati lejn il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex timxi mal-proposti mħabbra fil-Komunikazzjoni billi tikkonsidra aktar il-kwistjonijiet jekk koperazzjoni għandhiex tiġi intensifikata fost reġjuni li jiffaċċjaw problemi u sfidi simili u kif kumpaniji tal-manifattura f’dawn ir-reġjuni jistgħu jitħeġġu sabiex waqqfu netwerks li fihom ikunu jistgħu jkomplu u jikkoordinaw il-politiki industrijali u ekonomiċi neċessarji;

28. Jemmen li l-Fondi Strutturali jistgħu jgħinu ħafna fit-tisħiħ ta’ l-industrija; għalhekk jikkritika t-tnaqqis fl-ammont li għandu jiġi allokat lilhom skond il-perspettiva finanzjarja, li l-ewwel li ma tolqot hi l-kapaċità ta’ l-UE li tippromwovi innovazzjoni u li ttejjeb il-livelli ta’ taħriġ tal-ħaddiema, u t-tieni tolqot l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jispera li l-Kunsill jaqbel ma’ żieda sostanzjali tal-Fondi Strutturali;

29. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni sabiex tintegra u tikkoordina l-politika industrijali ma’ politiki, inklużi l-politiki ta’ koeżjoni, ta’ l-ambjent, ta’ l-R&D u ta’ l-enerġija; jinnota li l-politika ta’ koeżjoni u l-politika industrijali huma interrelatati, peress li l-infrastruttura u r-riżorsi umani huma meħtieġa sabiex il-politika industrijali tirnexxi u biex jittejjeb l-irwol importanti tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħolijiet, u b’hekk hu essenzjali li l-politiki jingħaqdu f’relazzjoni koerenti u jkun żgurat livell għoli ta’ involviment fis-soċjetà;

30. Jemmen li setturi li jiltaqgħu ma' kompetizzjoni internazzjonali qawwija għandhom jadottaw b’mod konġunt miżuri li jiffaċilitaw l-istrutturar mill-ġdid u l-modernizzazzjoni tagħhom; f’dan ir-rigward, jikkwota numru ta’ inizjattivi, bħal LeaderSHIP 2015, CARS21 u l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar it-tessuti u l-ilbies, bħala eżempji tajba; minħabba bżonn urġenti għal azzjoni fl-aħħar żewġ setturi, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti konkreti sal-Ħarifa ta’ l-2006 bi l-għan li jiġu adottati mill-Kunsill u l-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu qabel tmiem l-2006; jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf inizjattivi bħal dawn speċifiċi għas-settur għall-industriji farmaċewtiċi, kimiċi, spazjali u ta’ inġinerija mekkanika;

31. Hu tal-parir li sakemm huma kkonċernati setturi individwali , trejdunjins tal-ħaddiema, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, u organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem iridu jkunu involuti f’dibattitu sabiex ikun żgurat li soluzzjonijiet ta’ politika industrijali jkunu mill-aħjar għall-iskop tagħhom u aktar komprensivi;

32. Jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit djalogu mal-partijiet kollha kkonċernati, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-ħolqien ta’ Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent;

33. Hu tal-parir li l-Fond Ewropew ta' l-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni m’għandux biss jiffoka fuq għajnuna lill-ħaddiema li jispiċċaw żejda minħabba l-globalizzazzjoni sabiex ikunu jistgħu jsibu xogħol ġdid, imma wkoll biex iħeġġeġ bidla strutturali u ristrutturazzjoni tas-settur li se toħloq impjiegi ġodda u ttejjeb il-kompetittività tas-setturi f’dinja globalizzata;

34. Isostni li l-ebda għajnuna Komunitarja m’għandha tingħata lil kumpaniji li, wara li jkunu rċivew appoġġ bħal dan mill-Istat Membru, jitrassferixxu l-operat tal-manifattura tagħhom lejn pajjiż ieħor mingħajr ma jissodisfaw kompletament il-ftehim li jkunu daħlu għalih ma’ l-Istat Membru kkonċernat;

35. Jirrimarka li djalogu bejn il-maniġġment u l-ħaddiema għandu rwol importanti fi kwistjonijiet relatati ma' modernizzazzjoni u ma’ ħolqien ta’ ideat ta’ kif wieħed jantiċipa u jimplimenta l-bidliet meħtieġa għas-setturi sabiex jibqgħu jew sabiex isiru kompetittivi;

36. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni preżenti ta’ l-industriji ta’ manifattura fl-Istati Membri l-ġodda u l-isfidi li ġejjin u sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja qed tiġi nfurzata kif suppost; hekk ikun possibbli li tinġabar dejta għall-25 Stat Membru flimkien u, fuq bażi ta’ din id-dejta, jiġu analizzati s-setturi varji u jitfasslu rakkomandazzjonijiet biex jigwidaw il-politika industrijali;

37. Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu aktar miżuri li jkunu ta’ appoġġ għall-kumpaniji li jesportaw u dawk li jinvestu fuq skala kbira fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni;

38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq il-qasam ta’ sorveljanza tas-suq u l-ġlieda kontra kompetizzjoni inġusta u falsifikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex sa tmiem din is-sena tressaq proposti konkreti dwar il-qasam tal-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali; minħabba f’hekk jikkonsidra li l-sforzi hemm bżonn li jiġu intensifikati bi l-għan li jinstabu prodotti ffalsifikati importati minn pajjiżi mhux membri u li, sabiex jiġu meqruda prattiċi ta' dan it-tip, l-Istati Membri għandhom għalhekk jagħmlu skambju ta' informazzjoni u jinvestu f’applikazzjonijiet teknoloġiċi aktar avvanzati f’postijiet fejn prodotti jidħlu fl-UE;

39. Jitlob lill-Kummissjoni biex timmoniterja u tirrekordja sa liema punt prodotti importati jaqblu mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur u kemm jaffettwaw il-kompetittività tal-prodotti Ewropej;

40. Jenfasizza l-importanza ta’ l-aċċess għas-suq għall-industriji ta’ manifattura; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli bl-isforzi tagħha, taħdem flimkien mas-setturi affettwati, tidentifika prattiċi internazzjonali li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kompetittività ta’ l-intrapriżi Ewropej, b’mod partikolari regolamenti u sussidji, u tiffaċċja ostakoli għall-kummerċ u għall-investiment li qed jiksru r-regoli internazzjonali; fi ftehim bilaterali jara opportunità tajba biex jingħelbu dawn l-isfidi f'mod ġust, trasparenti u ta’ ħsieb minn qabel u għalhekk biex il-prinċipju ta’ reċiproċità jsir ir-regola ġenerali tar-relazzjonijiet tal-kummerċ ta’ l-UE;

41. Jenfasizza li leġiżlazzjoni li tfittex li tinkludi kwistjonijiet ambjentali fil-politiki u l-istrateġiji ekonomiċi għandha tħalli lill-Istati Membri skop għal flessibiltà fl-għażla ta' strumenti ekonomiċi u finanzjarji;

42. Jemmen li, rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu, speċjalment fid-WTO, hu neċessarju li jitqiesu f-kuntest u l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull settur l-opportunitajiet u l-isfidi li jistgħu jinqalgħu, u d-diffikultajiet għal kull Stat Membru;

43. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jilħqu objettivi ta’ l-iżvilupp sostenibbli billi jibbilanċjaw tajjeb l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

EXPLANATORY STATEMENT

  • [1]       INT/288 - CESE 1435/2005.

NOTA SPJEGATTIVA

Settur tal-manifattura qawwi u b’saħħtu hu essenzjali għall-isfruttar sħiħ tal-potenzjal ta’ l-UE. L-industrija tal-manifattura tipprovdi madwar 20% ta' l-output u timpjega madwar 34 miljun ruħ. Aktar minn 80% ta’ l-infiq fuq R&D mis-settur privat ta’ l-UE jintefqu fuq manifattura. Il-manifattura tiġġenera prodotti ġodda u innovattivi li jipprovdu madwar 75% ta’ l-esportazzjonijiet ta’ l-UE. Il-manifattura tikkonsisti minn ħafna SMEs: il fuq minn 99% tal-kumpaniji u 58% ta’ l-impjiegi fil-qasam tal-manifattura huma SMEs.

Għalkemm il-manifattura Ewropea għandha potenzjal enormi biex tiġġenera ġid u impjiegi, tiffaċċja bidliet teknoloġiċi rapidi u pressjoni kompetittiva intensa u li dejjem qed tikber, kemm fit-teknologija għolja u aktar minn hekk fis-setturi aktar maturi. Għalkemm il-biċċa l-kbira tas-setturi tal-manifattura individwali jagħmlu xogħol tajjeb, l-għamla ġenerali ta' l-industrija tal-manifattura ta’ l-UE ma tantx tqiegħdha f’pożizzjoni ideali fil-kuntest globali. Anke jekk relokazzjonijiet ta’ impjieġi lejn pajjiżi irħas (‘low-cost countries’) ġew limitati fil-biċċa l-kbira tas-setturi ta’ manifattura, il-kompetizzjoni internazzjonali li dejjem qed tiżdied għal infiq fuq R&D u għal investiment barrani dirett hi kwistjoni ta’ tħassib konsiderevoli. Għalhekk il-ħolqien tal-kondizzjonijiet ideali li fihom l-industrija tal-manifattura tista’ tikber fl-Ewropa hu essenzjali, imma hu ukoll sfida kumplessa.

Dak li kien nieqes mill-għażla ta’ programmi ġodda fil-qafas tal-programm ta’ Liżbona hu sforz biex jiġu mmirati kwistjonjiet ta’ industrija settorjali, b’mod partikolari fl-industrija tal-manifattura, u tiġi pprovduta bażi għal miżuri ta’ appoġġ settorjali jew vertikali. B’din il-komunikazzjoni l-Kummissjoni qed timpenja ruħa li tissodissfa dan il-bżonn.

Din il-Komunikazzjoni tistabilixxi deskrizzjoni ta’ ħidma għall-politika industrijali fl-industriji tal-manifattura għas-snin li ġejjin. Is-setturi tal-manifattura analizzati huma iggruppjati f’erba’ oqsma industrijali wiesa’: Industriji ta’ l-ikel u tax-xjenzi tal-ħajja, Industriji tal-makkinarju u tas-sistemi, Industriji tal-moda u tad-disinn, u Industriji ta’ prodotti bażiċi u intermedji. Fi ħdan dawn l-oqsma, 27 settur individwali tal-manifattura u l-industrija tal-bini huma analizzati fid-dettal, bl-użu ta’ fatturi importanti li jwasslu għal aktar kompetittività u aktar żvilupp, bħal: għarfien, regolamentazzjoni aħjar, ambjent u enerġija, kummerċ u bidla strutturali.

Fuq bażi ta’ dan l-analiżi, rakkomandazzjonjiet konkreti għall-azzjonjiet settorjali jsiru sabiex jiġu promossi t-tkabbir, il-produttività u l-kompetittività f’kull settur analizzat. Barra minn hekk, seba’ inizjattivi prinċipali ta' politika li tapplika għal għadd ta' setturi huma proposti, sabiex jiġu ffaccjati l-isfidi komuni u jiġu infurzati is-sinerġiji:

· Proprjetà Intellettwali u Inizjattiva kontra l-Iffalsifikar

· Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent

· Aspetti Esterni tal-Kompetittività u Aċċess għas-Suq

· Programm Ġdid ta’ Simplifikazzjoni Leġiżlattiva

· Titjib tal-Kapaċitajiet Settorjali

· Immaniġġjar ta’ Bidla Strutturali fil-Manifattura

· Approċċ Integrat Ewropew għar-Riċerka Industrijali u l-Innovazzjoni.

Aktar minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li twaqqaf numru ta’ inizjattivi ġodda speċifiċi għas-setturi:

· Forum tal-Farmaċewtiċi

· Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tax-Xjenzi tal-Ħajja u ta’ l-Istrateġija Bijoteknoloġika

· Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Industrija tal-Kimiċi

· Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Industrija tad-Difiża

· Il-Programm Spazjali Ewropew

· ‘Taskforce’ għall-Kompetittività ta’ l-ICT

· Djalogu dwar il-Politika ta’ l-Inġinerija Mekkanika.

Ir-Rapporteur tiegħek jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni. Filwaqt li jirrifjuta ritorn għal approċċ intervenzjonist selettiv, il-Komunikazzjoni tikkonsidra l-kuntest speċifiku tas-setturi individwali u tipproponi ġabra magħmula apposta ta’ politiki biex jaqblu ma’ opportunitajiet partikolari u l-isfidi li jiffaċċjaw. Permezz tar-rabta ta’ numru ta’ dimensjonijiet ta’ politika differenti ta’ importanza relevanti għall-industrija taħt inizjattiva waħda, l-inizjattivi orizzontali jistgħu jipprovdu aktar koerenza u integrazzjoni bejn il-politiki, li ttejjeb il-kompetittività.

Ir-Rapporteur tiegħek jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ dawn li ġejjin u jilqa’ b’sodisfazzjon azzjonijiet oħra bl-istess direzzjoni:

· analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni u tal-prospetti ta’ manifattura fl-Istati Membri ġodda;

· l-irwol ta’ l-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-trasferiment ta’ l-għarfien fl-iffurmar ta’ l-istruttura industrijali preżenti biex aktar tersaq lejn soċjetà innovattiva bbażata fuq għarfien;

· il-koordinazzjoni bejn politika industrijali nazzjonali (u lokali) u azzjonijiet Komunitarji;

· l-involviment neċessarju tal-partijiet kollha kkonċernati, u b’mod partikolari ta’ l-imsieħba soċjali, sabiex jissawwar il-futur tas-setturi;

· l-implimentazzjoni konkreta ta’ inizjattivi li jinfirxu fuq għadd ta' setturi, b’riżultat ta’ kondizzjonijiet ta’ qafas aħjar għall-industriji ta’ manifattura;

· iż-żieda sinifikanti ta’ kompetizzjoni inġusta li l-industrija tal-manifattura qed tiffaċċja minn prodotti irregolari jew foloz fis-suq ta’ l-UE;

· l-irwol ta’ l-EIB u ta’ l-EIF fl-inizjattivi settorjali, fejn nuqqas ta’ finanzjament ġie identifikat bħala imbukkatura;

Ir-Rapporteur tiegħek jemmen bis-sħiħ li l-futur ta’ l-industrija tal-manifattura fl-UE kontinwament jinsab iffukat fuq prodotti ta’ valur u ta' kwalità ogħla. Dan jirrikjedi adattabilità fuq livell ta’ kumpanija, aġġustament strutturali tal-katina tal-valur u ċaqliq lejn produzzjoni bbażata aktar fuq għarfien u aktar innovazzjoni. Dan il-proċess għandu jsir b’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-imsieħba soċjali u, fejn ikun possibbli, kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta' l-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jkun immirat lejn dan it-tip ta’ ristrutturazzjoni u modernizzazzjoni tas-setturi tal-manifattura Ewropej.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (15.5.2006)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġijadwar politika ta' qafas biex issaħħaħ l-industrija tal-manifattura ta' l-UE - lejn approċċ aktar integrat għall-politika ta' l-industrija
(2006/2003(INI))

Rapporteur għall-opinjoni: Ilda Figueiredo

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjieġi u l-Affarijiet Soċjali jitlob lill-Kumitat għall-Industrija, r-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-industrija tal-manifattura fl-Ewropa tirrappreżenta 20% tal-produzzjoni u 34 miljun impjieġ, u li l-Unjoni Ewropea trid taspira li tibqa' potenza industrijali principali, u mhux tibqa’ biss żviluppatur fis-settur tas-servizzi;

2.  Jikkonsidra li l-politika Komunitarja ta’ għajnuna u appoġġ ta’ politiki industrijali nazzjonali trid li jkollha l-għan li tiżviluppa Mudelli ta' Eċċellenza Ewropej, b’tali mod li jiġu maħluqa sinerġiji bejn il-kapaċitajiet ta’ swieq tax-xogħol lokali u ċentri ta’ riċerka, mingħajr ma jintesa’ l-ambjent politiku u makroekonomiku li hu mmirat lejn l-iżvilupp, u bħala mezz ta’ promozzjoni ta’ investiment akbar, u ħolqien ta’ ġid u ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja bi drittijiet; jilqa’ l-fatt li l-paper għal strateġija politika tal-Kummissjoni tiddefinixxi politika industrijali Ewropea; madankollu jenfasizza li dan l-approċċ irid ikun mhux orizzontali biss imma li jkun hemm ukoll il-bżonn li wieħed jaħseb f’termini speċifiċi għas-settur;

3.  Hu tal-parir li sakemm setturi individwali huma kkonċernati, trejdunjins tal-ħaddiema, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, u organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem iridu jkunu involuti f’dibattitu sabiex ikun żgurat li soluzzjonijiet ta’ politika industrijali jkunu mill-aħjar għall-iskop tagħhom u aktar komprensivi;

4.  Jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit djalogu mal-partijiet kollha kkonċernati, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-ħolqien ta’ Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent;

5.  Jitlob lill-Kummisjoni sabiex taħdem b’mod aktar determinat għall-ħolqien ta' djalogu soċjali b'saħħtu u effettiv u sħubiji ta' kumpaniji bejn min iħaddem, trejdunjin u awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza li dan id-djalogu soċjali hu għodda utli għat-titjib tal-koperazzjoni fuq livell ta’ intrapriżi individwali, u fi ħdan l-industrija tal-manifattura inġenerali, għaliex dan jista’ jkun ta’ kontribut għall-ħolqien ta’ bilanċ aħjar bejn l-interessi varji permezz ta' l-involviment ta' l-atturi kollha fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ implimentazzjoni; jirrikonoxxi l-importanza tal-kunsilli għax-xogħolijiet;

6.  Jagħraf li sabiex titwettaq politika industrijali Ewropea fis-setturi ta’ interess strateġiku għall-ekonomiji ta’ l-Istati Membri, hu importanti li jissaħħu l-industriji eżistenti, li jinżamm miftuħ is-suq intern , li jkunu applikati regolamenti kif u fejn xieraq, u li jitħalla spazju għall-fatturi li għandhom x’jaqsmu ma’ kompetittività li jistgħu jaffettwaw il-livelli ta’ impjieg f’ħafna Stati Membri, kif ukoll li jkun hemm appoġġ għall-modernizzazzjoni ta’ l-industrija kollha Ewropea li hi diġà kompetittiva jew li tista' ssir kompetittiva;

7.  Fir-rigward tal-miżuri meħuda, speċjalment fid-WTO, jemmen li hu neċessarju li jkun kkunsidrat il-kuntest u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull settur, ta’ l-opportunitajiet u l-isfidi li jistgħu jinqalgħu, u d-diffikultajiet preżentati lill-Istati Membri individwali;

8.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni sabiex tintegra u tikkoordina l-politika industrijali ma’ politiki, inklużi l-politiki ta’ koeżjoni, ta’ l-ambjent, ta’ l-R&D u ta’ l-enerġija; jinnota li l-politika ta’ koeżjoni u l-politika industrijali huma interrelatati, peress li l-infrastruttura u r-riżorsi umani huma meħtieġa sabiex il-politika industrijali tirnexxi u biex jittejjeb l-irwol importanti tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħolijiet, u b’hekk hu essenzjali li l-politiki jingħaqdu f’relazzjoni koerenti u jkun żgurat livell għoli ta’ involviment fis-soċjetà;

9.  Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-fatt li ħaddiema mħarrġa tajjeb u flessibbli huma l-aktar riżors u fattur ta’ kompetittività importanti ta’ l-UE; Jitlob lill-UE biex tiffoka fuq it-titjib ta’ l-iżvilupp tal-kapaċitajiet għal ħaddiema f’kull livell, b’mod partikolari ħaddiema b’nuqqas ta’ kapaċitajiet; jikkonsidra li l-investiment f’aktar żvilupp ta’ taħriġ u ta’ kapaċitajiet għall-impjegati kollha hu neċessarju sabiex jkun żgurat li l-industrija tal-manifattura fl-UE tibqa' kompetittiva fil-futur;

10. Aktar minn hekk, huwa ta’ l-opinjoni pożittiva, li l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kapaċitajiet speċjali li tiltaqa’ magħhom l-industrija fil-politiki biex jippromwovu trasparenza u t-trasferiment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-identifikazzjoni ta' ħtiġijiet eżistenti għal kapaċitajiet f'kull settur u fejn hemm nuqqasijiet ta’ kapaċitajiet;

11. Jirrimarka li aktar investiment ċar u definit hu meħtieġ sabiex jittejbu l-livelli ta’ kapaċitajiet tar-riżorsi umani, pereżempju fil-każ ta’ programmi ta’ ħidma relatati ma' taħriġ fix-xjenza u fit-teknoloġija mmirati biex jiggarantixxu l-kwalità u d-diversifikazzjoni ta' opportunitajiet ta’ taħriġ fl-Istati Membri varji;

12. Jitlob lill-intrapriżi sabiex jiżguraw l-aħjar kondizzjonijiet ta’ taħriġ possibbli għall-ħaddiema billi jipprovdu taħriġ kontinwu lill-impjegati tagħhom, bl-intrapriżi jfasslu pjanijiet ta’ kapaċitajiet u jieħdu responsabilità b’mod ġenerali għat-tagħlim tul il-ħajja u għat-tagħlim kontinwu ta’ l-impjegati tagħhom;

13. Jemmen li l-Fondi Strutturali jistgħu jgħinu ħafna fit-tisħiħ ta’ l-industrija; għalhekk jikkritika t-tnaqqis fl-ammont li għandu jiġi allokat lilhom skond il-perspettiva finanzjarja, li l-ewwel li ma tolqot hi l-kapaċità ta’ l-UE li tippromwovi innovazzjoni u li ttejjeb il-livelli ta’ taħriġ tal-ħaddiema, u t-tieni tolqot l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jittama li l-kunsill jaqbel ma’ żieda sostanzjali fil-Fondi Strutturali u li l-Istati Membri jadottaw programmi effettivi biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni, lill-R&D, u lit-taħrig tal-ħaddiema u ta’ l-imprendituri, kif ukoll jiffaċilitaw l-aċċess għal iffinanzjar għal kumpaniji tal-manifattura, l-ewwel u qabel kollox il-mikrointrapriżi u l-SMEs; itenni l-bżonn li tittejjeb l-effiċjenza u l-immaniġġjar ta’ l-enerġija;

14. Jirrikonoxxi l-bżonn għal żieda fil-kompetittività fl-industrija tal-manifattura; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tenfasizza fuq ir-responsabiltà soċjali tan-negozju u l-bżonn għal żvilupp sostenibbli; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-istess importanza lill-ambjent tax-xogħol u lis-saħħa u lis-siġurtà tal-ħaddiema sabiex tiżgura l-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjieg aħjar;

15. Jikkonsidra li l-Komunità għandha tieħu ħsieb li tiżgura żvilupp konġunt ta’ strateġiji kompetittivi fis-setturi ta’ l-industrija u tas-servizzi u tippromwovi prattika tajba fir-rigward ta’ l-ambjent interprenditorjali u l-intraprenditorjat, inkluż ir-responsabilità soċjali tal-korporazzjonijiet u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u għan-nisa;

16. Jirrikonoxxi li l-kapaċità teknoloġika u l-innovazzjoni tan-negozju għandhom bżonn urġenti tal-promozzjoni u għal dan il-għan hemm bżonn li jinħolqu skemi biex jipprovdu appoġġ dirett għal attivitajiet ta’ riċerka li jitwettqu minn konsorzji, li jinvolvu kumpaniji u unitajiet ta’ riċerka jew timijiet universitarji, b'hekk jingħata ċans li kapaċitajiet u teknoloġiji jiġu trasferiti aktar malajr;

17. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri li jfittxu li jżidu l-investiment fl-R&D; ifakkar li l-għanijiet ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona huma l-għanijiet minimi li Stat Membru għandu jikkommetti ruħu għalihom;

18. Jitlob għal aktar attenzjoni li tiffoka fuq il-bidla u r-ristrutturazzjoni industrijali, u jinnota b’sodisfazzjoni l-ħolqien ta’ fond maħsub biex jifforma parti minn politika globali ta’ għajnuna fl-immaniġġjar ta' bidla bħal din;

19. Jirreferi għall-bżonn li jiġu immoniterjati r-rilokazzjonijiet ta’ kumpaniji fl-Istati Membri ta’ l-UE u jsostni li politika li tirrigwarda l-għoti ta’ fondi Komunitarji għandha bżonn tinbidel bil-għan li jitħares l-impjieg u l-iżvilupp reġjonali, imma jirrikonoxxi li l-intrapriżi u l-ħaddiema jridu kontinwament jadattaw ruħhom sabiex jinħoloq tkabbir u impjiegi; jirreferi għall-mudell ta’ flessigurtà, bl-livell għoli ta' flessibilità fost l-ħaddiema u livell għoli ta’ siġurtà soċjali, appoġġjati minn politika attiva tas-suq tax-xogħol. Jitlob għal kontrolli aħjar u rintraċċar aħjar ta’ l-użu tal-Fondi Ewropej sabiex jiġi żgurat li qed jintużaw għall-użu proprju tagħhom u mhux sabiex tkun iffinanzjata rilokazzjoni kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea;

20. Jitlob sabiex id-drittijiet tal-ħaddiema jkunu protetti meta kumpaniji tal-manifattura jiġu ristrutturati u għalhekk tiġi garantita bi sħiħ dispożizzjoni ta' l-informazzjoni għall-korpi rappreżentattivi tal-ħaddiema, speċjalment Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej, sabiex teżerċita influenza deċiżiva matul il-proċess, inkluż id-dritt tal-veto, u biex jiġu stipulati kriterji li jiddeterminaw liema kumpens għandu jitħallas lill-ħaddiema jekk kumpanija tonqos milli tonora l-impenji li tkun daħlet għalihom;

21. Isostni li l-ebda għajnuna Komunitarja m’għandha tingħata lill-kumpaniji li, wara li jkunu rċevew appoġġ bħal dan mill-Istat Membru, jittrassferixxu l-operat tal-manifattura tagħhom lejn pajjiż ieħor mingħajr ma jissodisfaw kompletament il-ftehim li jkunu daħlu għalih ma’ l-Istat Membru kkonċernat.

PROĊEDURA

Titolu

Politika ta' qafas biex issaħħaħ l-industrija tal-manifattura ta' l-UE - lejn approċċ aktar integrat għall-politika ta' l-industrija

Numru tal-proċedura

2006/2003(INI)

Kumitat responsabbli

ITRE

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL
19.1.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

l-ebda

Rapporteur
  Data tal-ħatra

Ilda Figueiredo
27.10.2005

Rapporteur(s) preċedenti

---

Eżami fil-kumitat

21.2.2006

3.5.2006

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

4.5.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

15

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Roselyne Bachelot-Narquin, Jean-Luc Bennahmias, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Proinsias De Rossa, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Stephen Hughes, Jan Jerzy Kułakowski, Sepp Kusstatscher, Raymond Langendries, Bernard Lehideux, Thomas Mann, Mario Mantovani, Jan Tadeusz Masiel, Ana Mato Adrover, Maria Matsouka, Csaba Őry, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Jean Spautz, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mihael Brejc, Udo Bullmann, Iratxe García Pérez, Pedro Guerreiro, Richard Howitt, Astrid Lulling, Jamila Madeira, Elisabeth Schroedter, Patrizia Toia, Yannick Vaugrenard

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

---

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

PROĊEDURA

Titolu

Politika ta' qafas biex issaħħaħ l-industrija tal-manifattura ta' l-UE - lejn approċċ aktar integrat għall-politika ta' l-industrija

Numru tal-proċedura

2006/2003(INI)

Kumitat responsabbli
  Data ta' l-awtorizzazzjoni mħabbra fis-seduta plenarja

ITRE
19.1.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI
19.1.2006

IMCO
19.1.2006

ENVI
19.1.2006

EMPL
19.1.2006

ECON
19.1.2006

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

JURI
30.1.2006

IMCO
21.2.2006

ENVI
30.1.2006

ECON
8.2.2006

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

l-ebda

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Joan Calabuig Rull
23.11.2005

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

20.3.2006

18.4.2006

29.5.2006

30.5.2006

 

Data ta' l-adozzjoni

30.5.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

44

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Attard-Montalto, Jan Březina, Philippe Busquin, Jerzy Buzek, Joan Calabuig Rull, Pilar del Castillo Vera, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Den Dover, Adam Gierek, Umberto Guidoni, András Gyürk, Fiona Hall, David Hammerstein Mintz, Rebecca Harms, Erna Hennicot-Schoepges, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Werner Langen, Vincenzo Lavarra, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Umberto Pirilli, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Alejo Vidal-Quadras Roca

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Edit Herczog, Toine Manders, Lambert van Nistelrooij, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Vittorio Prodi, John Purvis

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia I Cutchet, Giovanni Berlinguer, Marco Cappato

Data tat-tressiq

2.6.2006

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)