RAPPORT dwar is-sħubija EU-Karibew għat-tkabbir, l-istabilità u l-iżvilupp

15.6.2006 - (2006/2123(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Gabriele Zimmer

Proċedura : 2006/2123(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0211/2006
Testi mressqa :
A6-0211/2006
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sħubija EU-Karibew għat-tkabbir, l-istabilità u l-iżvilupp

(2006/2123(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata 'Sħubija EU-Karibew għat-Tkabbir, l-Istabilità u l-Iżvilupp', (COM(2006)0086) (minn hawn 'l quddiem il-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni"),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni dwar l-istrateġija reġjonali tal-Kummissjoni għall-Karibew, Volumi 1 u 2 ta' April 2005,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' l-10 ta' April 2006, li jinkludu konferma tal-Pożizzjoni Komuni dwar Kuba tat-2 ta' Diċembru 1996,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' l-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp: 'Il-Kunsens Ewropew' [1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna tat-tielet Forum għas-Soċjetà Ċivili ta' l-Ewropa-Amerika Latina-Karibew ta' l-1 ta' April 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet dwar Sħubija Ekonomika (EPAs) [2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0211/2006),

A. billi sa l-2020 xi Stati tal-Karibew ikunu kisbu stejtus ta' pajjiżi żviluppati, filwaqt li oħrajn ikunu niżlu mill-kategorija ta' pajjiżi bi dħul medju għal dik ta' pajjiżi bi dħul baxx,

B.  billi dawn l-Istati gżejjer żgħar għandhom vulnerabilità inerenti għal diżastri naturali u għal katastrofi esterni oħra,

C. billi kien sar djalogu bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-CARIFORUM[3] dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni meta kienet forma ta' abbozz,

D. billi t-twaqqif, fuq il-bażi ta' awto-determinazzjoni, tas-Suq Uniku u Ekonomija Unika fil-Karibew (CSME) jirrappreżenta għodda importanti għall-integrazzjoni reġjonali,

E   billi l-Istati tal-CARIFORUM riedu li n-negozjati mal-EPA jinkorporaw dimensjoni ta' politika ċara dwar l-iżvilupp bl-iskop li ssir ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza li qed jiżdiedu, li titrawwem il-koeżjoni soċjali u li jitwettqu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millenju (MDGs),

F.  billi aktar minn 60% tal-popolazzjoni tar-reġjun għandha età anqas minn 30 sena, u billi l-aċċess universali għall-edukazzjoni huwa problema mingħajr soluzzzjoni fl-Istati tal-Karibew kollha bl-eċċezzjoni ta' Kuba,

G. billi l-Gvern Belġjan kien għamel evalwazzjoni pożittiva tad-djalogu kritiku u tal-koperazzjoni għall-iżvilupp mal-Gvern ta' Kuba,

H  billi bdiet l-fażi ta' programmazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet ta' l-10 Fond ta' Żvilupp Ewropew, u billi din l-għajnuna fil-futur għandha tingħata aktar malajr u b'akbar effiċjenza u għandha tkun imfassla aħjar skond il-bżonnijiet tal-pajjiżi tar-reġjun,

1.  Ifaħħar l-involviment tal-Grupp CARIFORUM fid-diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jilqa' l-fatt li l-komunikazzjoni ttrattat l-biċċa l-kbira tal-problemi li qajmu l-Istati tar-reġjun;

2.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni bbażat l-istrateġija tagħha fuq il-prinċipji etiċi ta' l-ugwaljanza, tas-sħubija u tal-proprjetà;

3.  Iqis l-emarġinazzjoni de facto tal-Parlament permezz ta' skeda tax-xogħol li qatgħet barra l-involviment tiegħu fl-abbozz ta' l-istrateġija tal-koperazzjoni għall-Karibew bħala tbegħid deplorevoli għall-aħħar mill-approċċ konsenswali użat mit-tliet istituzzjonijiet Ewropej, approċċ li wera l-valur tiegħu fit-tfassil ta' l-Istrateġija għall-Afrika u tal-Kunsens Ewropew dwar il-politika ta' żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea.

4.  Jiddeplora li l-Kummissjoni naqset li tqis kif suppost ir-rakkomandazzjonijiet li għamel fir-rapport tiegħu ta' evalwazzjoni;

5.  Japprova l-analiżi tal-Kummissjoni li turi li sa issa l-koperazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni ma kinitx akkompanjata minn djalogu politiku xieraq; iqis bħala inadegwata l-prattika li tinżamm laqgħa ta' siegħa, darba kull sentejn, bejn it-Trojka ta' l-UE u l-kapijiet tal-gvern tal-CARIFORUM u jilqa' l-proposta li għall-futur għandu jkun allokat għal dan id-djalogu t-tul ta' ħin neċessarju fil-livelli kollha;

6.  Jilqa' l-involviment ippjanat tad-dipartimenti barranin Franċiżi lil hinn mix-xtut fir-reġjun (il-Gwadalupe, il-Ginea Fanċiża u l-Martinique) u tal-pajjiżi u t-territorji barranin tal-Karibew (OCTs) fid-djalogu politiku tal-futur; b'konnessjoni ma' dan , iżda, japprova l-opinjoni ta' l-Istati tal-Karibew li l-arranġamenti għal dan l-involviment iridu jiġu negozjati l-ewwel ma' dawk l-Istati li, fil-kuntest tal-Ftehima ta' Cotonou[4], iffirmaw il-ftehima dwar il-metodoloġija għad-djalogu politiku;

7.  Japprova l-pożizzjoni adottata mill-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) li d-definizzjoni ta' Politiki separati ta' l-UE għat-tliet reġjuni ta' l-ACP ma trid bl-ebda mod isservi biex jiddgħajfu r-relazzjonijiet ġenerali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati ta' l-ACP; Jilqa' t-twaqqif ta' forum ieħor għad-djalogu politiku taħt il-forma ta' sammits bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati ta' l-Amerika Latina u tal-Karibew (Stati LAC), iżda jinsisti fuq il-preminenza ta' l-arranġamenti maghmula fil-kuntest tal-Ftehim ta' Cotonou;

8.  Jilqa' l-intenzjoni ddikjarata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet kredibbli u l-promozzjoni tat-tmexxija tajba u t-trasparenza fil-qasam tal-finanzi, tat-tassazzjoni u tal-ġustizzja fl-Istati tal-Karibew; jitlob lill-Istati tal-Karibew kollha li jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni;

9.  Japprova l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti prijorità għall-appoġġ lis-CSME li nħoloq reċentement; itenn l-opinjoni tiegħu li n-negozjati ta' l-EPA jridu jiffokaw fuq l-objettivi ta' l-iżvilupp, li s-suq intern tal-Karibew, li għadu jitwieled, għandu bżonn appoġġ xieraq relatat mal-kummerċ u bini xieraq ta' kapaċitajiet u li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ trid tiġi pprogrammata sew pass wara l-ieħor;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-EPAs ikunu strutturati b'tali mod li jiġu kkunsidrati ir-realtajiet u l-limitazzjonijiet reġjonali, filwaqt li jkun possibbli rikors għall-ġjometrija varjabbli jekk ikun meħtieġ; jitlob li l-impenji kollha li jittieħdu fil-qafas tan-negozjati ta' l-EPA li jkunu programmati bir-reqqa pass wara l-ieħor b'-għoti ta' l-appoġġ relatat ma' l-EPA għall-iżvilupp li jimmira l-oqsma prinċipali ta' tħassib għall-gvernijiet konċernati, inkluża l-istrutturazzjoni mill-ġdid biex jitjiebu l-kompetittività, l-aġġustament fiskali u l-appoġġ għat-tħaffif tal-kummerċ;

11. Jerġa' jiġbed l-attenzjoni għall-kontribuzzjoni sinifikanti ħafna tad-dħul mid-dazji tad-dwana għall-baġit u għall-kapaċitajiet ta' investiment ta' xi Stati tal-Karibew u jikkonkludi, fuq din il-bażi, li miżuri li jkunu kawża ta' telf ta' dan id-dħul, li fil-mument ma jistax jitpatta bit-tassazzjoni, m'għandhomx jittieħdu mingħajr ma jiġi pprovdut kumpens xieraq; jenfasizza, iżda, li t-tkabbir tal-kummerċ bejn l-Istati tal-Karibew u bejn pajjiżi li qed jiżviluppaw jista' jgħin b'mod ġenerali biex ipatti għal telf fid-dħul minn tariffi u jikkontribwixxi għal għejun ta' dħul aktar stabbli;

12. Japprova l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li turi li l-ekonomiji żgħar, miftuħa tar-reġjun huma partikularment vulnerabbli għall-forzi tas-suq globali; jirrimarka, iżda, li l-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ, b'mekkaniżmi xierqa għall-ħarsien u bi żmien biżżejjed għall-adattament, tippromwovi l-iżvilupp u għalhekk tista' tkun għodda fil-ġlieda kontra l-faqar;

13. Jemmen li miżuri li jibnu l-kapaċitajiet relatati mal-kummerċ iridu jindirizzaw limitazzjonijiet min-naħa tal-provvisti, inter alia bl-appoġġ għall-ipproċessar tal-prodotti bażiċi u bid-diversifikazzjoni tal-produzzjoni, billi jiġu stimulati l-konsultazzjonijiet ma' l-intrapriżi żgħar u medji u l-appoġġ għalihom, billi jiġu eliminati l-ostakoli burokratiċi għall-investiment u b'hekk jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp tal-kummerċ fir-reġjun;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timplimenta r-Rakkomandazzjoni 7 tar-rapport ta' evalwazzjopni tagħha, li tqis il-prinċipji li fuqhom ibbażat in-Netwerk ta' l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw tan-Nazzjonijiet Uniti; u jitlob lill-Kummissjoni li xxerred pubblikament l-istudju li sar dwar l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-globalizzazzjoni fuq l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn l-Istati;

15. Jikkunsidra li l-programmi ta' kumpens u ta' aġġustament biex imewtu l-impatt tal-bidliet fis-suq taz-zokkor u tal-banana m'għandhomx finanzjamenti biżżejjed u, fid-dawl tad-dimonstrazzjonijiet reċenti fir-reġjun, jibża' li l-koeżjoni soċjali, objettiv għall-koperazzjoni, tista' tiġi mminata serjament;

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa programmi li jinkoraġġixxu l-bidla agrikola bil-għan li jintħarsu u jinħolqu impjiegi aċċettabbli fl-irziezet, bħalissa mħaddma fuq linji konvenzjonali u xejn kompetittivi, b'mod konsistenti ma' l-objettivi tal-politiki soċjali u dawk tas-sigurtà ta' l-ikel, ta' l-enerġija u ta' l-ambjent;

17. Jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-implikazzjonijiet soċjali, kulturali u ambjentali ta' l-istrateġija tal-koperazzjoni u dwar l-iżvilupp tal-previżjoni u ta' l-evalwazzjoni sistematiċi ta' l-impatt fuq il-bażi ta' indikaturi pprovduti mill-(MDGs);

18. 

Jilqa' l-inkorporazzjoni ta' xogħlijiet importanti għall-ħarsien ta' l-ambjent fil-koperazzjoni għall-iżvilupp mar-reġjun tal-Karibew u jitlob finanzjamenti qawwija biex jiġi żviluppat l-użu ta' l-għejun ta' enerġija li jiġġeddu u l-effiċjenza ta' l-enerġija bl-iskop li jiġi evitat l-impatt diżastruż taż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt u li jittaffa r-ritmu tal-bidla tal-klima;

19. Jaqsam mal-Kummissjoni t-tħassib li, bħala riżultat tal-bidla globali tal-klima, il-frekwenza u l-intensità tad-diżastri relatati mat-temp fir-reġjun ikomplu jiżdiedu u jappoġġa l-objettiv ta' mmaniġġjar imtejjeb tad-diżastri naturali, iżda jiddeplora n-nuqqas ta' kull referenza għall-faċilità EU-ACP għad-diżastri naturali mwaqqfa fl-2005; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġa t-twaqqif permanenti għal żmien twil ta' din il-faċilità; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi aġġornament regolari dwar dan il-proċess lill-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew u lill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u għall-Ambjent ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-EU; jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabilità ta' l-ekonomiji ta' l-Istati tal-Karibew għad-diżastri naturali u jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li se tapplika proċeduri ġodda u aktar malajr għall-għoti ta' għajnuna għar-rikostruzzjoni li tinvolvi l-ħtieġa bilfors ta' finanzjamenti minn qabel;

20. Jikkritika l-fatt li l-istrateġija għall-Karibew tagħti ftit wisq attenzjoni lit-trattament tal-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u lill-frustrazzjoni li qed tikber fost dawn in-nies; jibża' li l-kriżi ta' bħalissa fl-industrija agrikola tal-Karibew isservi biex taggrava din is-sitwazzjoni;

21. Jenfasizza l-irwol prinċipali li l-iżvilupp tat-turiżmu sostenibbli jista' jkollu bħala forza għall-iżvilupp ekonomiku u hu tal-parirli għandu jkun hemm appoġġ finanzjarju għal żmien twil għall-bini ta' l-infrastruttura meħtieġa (toroq, portijiet, ajruporti, eċċ.); jiġbed l-attenzjoni, iżda, għan-nuqqas tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi li għal din is-sostenibilità huwa fundamentali li l-istrutturi turistiċi jkunu ta' proprjetà reġjonali u lokali u għandhom ikunu mħeġġa biex jonqos il-ħruġ 'l barra ta' profitti biex jiġi żgurat li n-nies lokali ma jkunux kostretti li jagħmlu rwoli ta' ħaddiema servili u biex tiġi evitata l-qirda aħħarija tal-pajsaġġi;

22. Jilqa' l-offerta tal-Kummissjoni li żżomm il-bieb miftuħ għal djalogu politiku ma' Kuba; jikkritika, iżda, ir-restrizzjonijiet iebsa imposti fuq djalogu bħal dan fuq il-bażi tal-Pożizzjoni Komuni ta' l-1996;

23. Jirrimarka li rappreżentazzjonijiet b'suċċess mill-Unjoni Ewropea għall-USA li kellhom bħala riżultat it-tneħħija tal-politika ta' l-embargo jista' jkollhom benefiċċi ekonomiċi sostanzjali għar-reġjun kollu; konformi ma' politika bbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem politiċi, soċjali, individwali u ekonomiċi, iħeġġeġ il-ftuħ ta' djalogu kritiku mal-Gvern Kuban;

24. Jenfasizza l-importanza li jiġu kkoordinati programmi għall-iżvilupp ma' interessi mhux Ewropej fir-reġjun, b'mod partikulari mal-Kanada, iċ-Ċina, il-Brażil u mal-Veneżwela, u, f'dan ir-rigward, jiddeplora l-fatt li l-preżentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-involviment ta' interessi oħra hija karatterizzata b'ċertu livell ta' sfiduċja;

25. Jenfasizza n-natura eteroġenea tar-reġjun u jappella għal strateġija ta' koperazzjoni aktar differenzjata; f'dan l-isfond, jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa, għal kull Stat individwali tal-Karibew, fuq il-bażi ta', inter alia, il-livell ta' trasparenza tiegħu, l-istituzzjonijiet tiegħu b'saħħithom u indipendenti u l-tmexxija tajba tiegħu, jekk l-iffukar fuq l-għajnuna bagitarja huwiex metodu xieraq biex jitwettqu l-objettivi ta' l-iżvilupp;

26. Jiġbed attenzjoni partikulari lejn is-sitwazzjoni ddisprata tal-Ħaiti u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programm speċjali għall-Ħaiti li jmur lilhinn mill-iskop tal-koperazzjoni ġenerali mar-reġjun tal-Karibew u li għalih jinħtieġu riżorsi oħra; jilqa' l-imġiba sodifaċenti b'mod ġenerali ta' l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li nżammu f'Ħaiti fi Frar u f'April ta' l-2006;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati tal-Karibew.

  • [1]  ĠU Ċ 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [2]  Testi adottati, P6_TA(2006)0113.
  • [3]  Il-Forum ta' l-Istati tal-Karibew tal-Grupp ta' l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.
  • [4]  Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmata f'Kotonou nhar it-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3).

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew jiddeplora l-fatt li qed jingħata l-opportunità li jwassal opinjoni dwar il-futur tal-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Karibew biss wara li l-Kummissjoni kienet diġà ppubblikat il-pjanijiet tagħha u wara li l-Kunsill kien - fl-10 ta' April 2006 - għamel il-konklużjonijiet tiegħu. Din l-esklużjoni de facto tal-Parlament mill-proċess ta' l-ippjanar huwa tbegħid mit-tradizzjoni ta' koperazzjoni produttiva bejn l-istituzzjonijiet li jidher li giet stabbilita reċentement, pereżempju b'riferenza għat-tħejjija ta' l-Istrateġija għall-Afrika jew tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, u għalhekk trid tiġi ċċensurata. Issa l-Parlament jista' jieħu biss litteralment il-Paragrafu 22 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill u jikkunsidra l-opinjoni tiegħu bħala l-ewwel kontribuzzjoni b'risposta għall-istedina tal-Kunsill lill-partijiet kollha biex jiġi żgurat segwitu effettiv għall-konklużjonijiet. Mhux ta' b'xejn li l-Assemblea Parlamentari tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Parlamenti ta' l-Istati ta' l-ACT sejrin jiltaqgħu f'qasir żmien il-Karibew, fejn sejrin ikollhom l-opportunità li jiddiskutu l-kwistjoni ta' monitoraġġ parlamentari konġunt effettiv dwar l-implimentazzjoni u l-effiċjenza tal-miżuri ta' koperazzjoni li ġew deċiżi.

Peress li ġie ppubblikat qabel is-Sammit ta' l-EU-LAC fi Vjenna, il-proposta tal-Kummissjoni tippreżenta l-informazzjoni prinċipali dwar l-objettivi l-aktar ġenerali ta' koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Reġjun tal-Karribew. Is-suġġeriment li għandhom ikunu prevalenti l-prinċipji etiċi ta' l-ugwaljanza, is-sħubija u l-proprjetà fil-koperazzjoni futura bejn dawn iż-żewġ reġjuni huwa wieħed li l-Parlament Ewropew jista' biss jappoġġja.

Iżda, kultant it-tfassil ta' l-istrateġija jagħti l-impressjoni li l-UE tħares lejha aktar bħala mezz biex jiġu esportati lejn partijiet oħra tad-dinja l-mudell tas-suq uniku Ewropew u t-tranżizzjoni għall-ekonomija tas-servizzi. Iżda l-pajjiżi tal-Karibew għandhom interess partikulari li jagħmlu użu pożittiv mill-ħafna snin ta' esperjenza ta' l-UE dwar l-integrazzjoni fl-istrateġija tagħhom ta' l-iżvilupp u ta' l-integrazzjoni, u mhux li jagħmlu l-parti ta' sħab inferjuri. 'Il-ħidma mmirata għat-tkabbir tar-riżorsi umani u ta' dak ibbażat fuq l-għarfien tappoġġja wkoll l-objettiv tat-titjib tal-mobilità soċjali għal dawk li ġew milquta ħażin mill-konsegwenzi negattivi tar-riforma strutturali u tat-tranżizzjoni ekonomika.' Huwa dan objettiv realistiku għar-reġjun kollu tal-Karibew? Hemm l-intenzjoni li l-ħaddiema tal-biedja, li jitilfu l-impjieg tagħhom fil-pjantaġġjuni taz-zokkor bħala riżultat tar-riforma tas-suq taz-zokkor Ewropew, jiġu mħarrġa mill-ġdid bħala programmaturi?

Jidher ukoll dubjuż ħafna jekk l-evalwazzjoni uffiċjali ta' l-istrateġija reġjonali għall-Karibew li ġiet ippubblikata f'April ta' l-2005 gietx ikkunsidrata kif suppost. B'mod partikulari, l-evalwazzjoni ta' l-aspetti, id-definizzjoni ta' indikaturi u l-ġbir ta' informazzjoni, li huma miżuri meħtieġa għall-monitoraġġ ġenwin tas-suċċess ta' l-investiment, ukoll bilkemm jissemmew fid-dokument ta' l-istrateġija tal-Kummissjoni.

Kollox ma' kollox, iżda, l-approċċ propost mill-Kummissjoni jikkomprendi teżijiet tajba u li għalihom dan ir-rapport joffri suppliment kostruttiv.

L-eteroġeneità tar-reġjun

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jittrattaw il-CARICOM bħala l-assi ta' integrazzjoni u l-CARIFORUM bħala l-assi ta' koperazzjoni jixirqilha li tintlaqa'. Dan huwa veru b'mod partikulari dwar l-intenzjoni li l-koperazzjoni tiġi bbażata fuq strateġiji ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali.

Huwa ċertament sewwa wkoll li ssir enfasi fuq l-objettivi komuni tar-reġjun u li dawn jiġu promossi.

Iżda l-ippjanar tal-koperazzjoni x'aktarx jibqa' inadegwat jekk ma jaċċettax ukoll u jekk ma jikkunsidrax id-differenzi fil-ħtigijiet, fl-għanijiet ta' żvilupp separati u fid-disparitajiet tas-sitwazzjonijiet eżistenti. Dan japplika mhux biss għall-qafas tal-koperazzjoni għall-iżvilupp iżda wkoll għan-negozjati dwar ftehim ta' sħubija ekonomiku. Valuri medji kkalkulati għar-reġjun kollu kemm hu m'għandhomx jitħallew jgħattu d-differenzi reali bejn Ħaiti u l-Baħamas.

Partikularment għall-pajjiżi żvantaġġjati fir-reġjun, jinħtiegu jiġu ddefiniti sforzi speċjali u addizzjonali biex jiġi evitat ir-riskju li l-qafas globali jitlef l-effett tiegħu. Il-Ħaiti jeħtieġ approċċ separat kompletament.

Riferenza speċifika għandha issir hawn għar-Rakkomandazzjoni 7 fir-Rapport ta' l-Evalwazzjoni li l-prinċipji tan-Netwerk ta' l-Istati Gżejjer Żgħar li qed jiżviluppaw tan-NU għandhom jiġu kkunsidrati u li jiġi kkommissjonat studju biex jiġi stabbilit x'impatt il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-globalizzazzjoni għandhom fuq l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn l-Istati.

Id-dimensjoni storika tas-Sħubija

Ir-Rapport tal-Kummissjoni jiddikjara b'dawn il-kliem:

'L-UE u l-Karibew għandhom relazzjoni fit-tul ibbażata fuq il-wirt ta' l-istorja, fuq il-valuri komuni, fuq il-koperazżjoni ekonomika u kummerċjali u fuq volum importanti ta' skambju tal-kummerċ. Il-Kolonjalizzazzjoni tal-Karibew b'mod prinċipali mill-Brittanja, minn Franza, minn Spanja u mill-Olanda tmur lura għas-Seklu 17.'

Fl-2006 mhux preferibbli li wieħed jaqra din id-deskrizzjoni ewfemistika ta' l-istorja tal-kolonjaliżmu f'dokument tal-Kommissjoni.

Kien ikun sewwa li wieħed isemmi li s'issa ma saret l-ebda tpattija għal storja ta' skjavitù, ħtif u qirda tal-popolazzjonijiet indiġeni u l-issakkeġġar tar-riżorsi tar-reġjun li għamlu faċli l-qawmien ta' l-Ewropa. Kien ikun ukoll sew u xieraq li kieku ngħad li, preċiżament matul il-fażi ta' dekolonizzazzjoni, miżuri li jiggarantixxu il-provvisti ta' zokkor, banana u rum għall-Ewropa sostenuti minn sistemi ta' tariffi preferenzjali ffinanzjati bit-taxxi, l-ewwel stabbilew dawk il-monokulturi u d-dipendenzi li llum qed jagħmluha tant importanti li jfittxu li jiddiversifikaw l-ekonomija tar-reġjun.

B'dan l-isfond, fuq kollox, l-Unjoni Ewropea għandha tħoss sens ta' obbligu li tipprovdi ħafna aktar għajnuna għall-konversjoni tal-biedja, b'mod partikulari b'riferenza għall-istrateġiji li jiżguraw is-sigurtà ta' l-ikel u jagħmlu użu akbar mill-għejun ta' enerġija li tiġġedded.

CSME

Id-deċiżjoni minn maġġoranza tal-pajjiżi tal-CARICOM infushom li jwaqqfu is-Suq Uniku u l-Ekonomija Unika tal-Karibew (CSME), bħala element fl-integrazzjoni reġjonali, tintlaqa' b'mod pożittiv, bħalma huwa l-pjan ta' l-Unjoni Ewropea li tappoġġja l-twaqqif u l-iżvilupp tiegħu Is-CSME issa jipprovdi għodda lir-reġjun tal-Karibew li jippromwovi l-kummerċ fir-reġjun.

B'dan l-isfond, b'mod partikulari, fin-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) l-UE għandha toqgħod ħafna attenta li ma tipperikolax iz-zona ekonomika li għadha kemm inħolqot permezz ta' talbiet eċċessivi għal-liberalizzazzjoni esterna, aktar u aktar billi toħloq dubji dwar il-proprjetà ta' din l-entità l-ġdida billi timponi klawsoli li jmorru kontra il-poteri sovrani għat-teħid tad-deċiżjonijiet bl-iskop li tiżgura investimenti.

L-asserzjoni tal-Kummissjoni li l-proċess EPA se jipprovdi għall-ewwel darba qafas ibbażat fuq ir-regoli għall-integrazzjoni tal-Karibew jinjora r-regoli diġà adottati fis-CSME u jidher arroganti f'dan il-kuntest.

Atturi oħra fir-reġjun

L-evalwazzjoni qasira ħafna ta' l-attivitajiet u ta' l-interessi ta' atturi oħra fir-reġjun tal-Karibew ippreżentata fl-Anness II, b'mod ġenerali, tidher karatterizzata aktar b'nuqqas ta' fiduċja milli bit-tfittxija ta' sinerġiji possibbli u bil-kisba ta' koerenza. Madankollu, l-apprezzament ta' kemm dawn it-tnejn huma importanti għall-koordinazzjoni ta' l-għajnuna pprovduta mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha m'hijiex anqas valida b'riferenza għal atturi mhux Ewropej bħall-Brażil, iċ-Ċina, il-Kanada jew il-Venezwela. Għandu jiġi mwaqqaf forum, taħt il-qafas tal-CARICOM/CARIFORUM u bl-involviment tal-pajjiżi ta' l-ACP, biex jikkoordina l-impenji ta' dawn l-atturi differenti ma' dawk ta' l-UE u ta' l-Istati Membri tagħha.

Kuba

Is-sempliċi riferenza għall-pożizzjoni adottata mill-UE għaxar snin ilu dwar il-kwistjoni tar-relazzjonijiet tagħha ma' Kuba tirrappreżenta opportunità mitlufa minn-naħa tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. L-esperjenzi ta' koperazzjoni bilaterali ta' qabel ta' l-Istati Membri Franza u Spanja mhumiex evalwati, u lanqas l-esperjenzi kurrenti tal-Gvern Belġjan, lanqas is-sinifikat tal-koperazzjoni Kubana għall-iżvilupp mal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun u lilhinn minnu m'huma rikonoxxuti. Ix-xewqa ta' l-Istati sħab kollha tal-Karibew li jaraw it-tmiem ta' l-embargo ta' l-Istati Uniti għal Kuba, li jagħmel ħsara lill-iżvilupp tar-reġjun kollu, mhix imsemmija.

Il-Kummissjoni tonqos li tanalizza u titgħallem minn dawk l-istrateġiji Kubani ta' koperazzjoni għall-iżvilupp li, fil-qasam tal-kura medika pereżempju, ġiegħlu lil Kuba tkun dejjem aktar rispettata fost il-pajjiżi ġirien tagħha u wkoll tkun aktar 'l quddiem minnhom.

Hawnhekk l-UE, li għandha r-responsabbiltà tagħha għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet ma' Kuba, qed tirriskja li tonqos li tirrispondi għall-bidla fil-klima politika fir-reġjun u li titlef l-opportunità li tidħol f'djalogu li jista' jinkludi dibattitu kostruttiv dwar kwistjonijiet kontroversjali bħalma huma d-drittijiet politiċi individwali, il-libertà ta' l-informazzjoni u l-piena tal-mewt.

Il-'bieb miftuħ' għal djalogu politiku li għalih tirreferi l-Kummissjoni ta' min jintlaqa', iżda dan mhux biżżżejjed, għax jirreferi b'mod strett għall-Pożizzjoni Komuni ta' l-1996 u għalhekk jagħti skop biss għall-miżuri ta' għajnuna umanitarja. Alternattiva aħjar f'dan il-kuntest ikun ir-ritorn għall-koperazzjoni u għad-djalogu. Il-Kanada, li adottat minn żmien ilu politika ta' ħidma kostruttiva lejn Kuba, tista' tittieħed bħala eżempju.

l-ambjent

Il-bidu tal-proċess ta' koperazzjoni f'oqsma importanti tal-ħarsien ambjentali bħala parti mill-koperazzjoni għall-iżvilupp għandha tintlaqa' b'mod l-aktar miftuħ. Madankollu, wieħed irid iżid li llum nafu li, minħabba l-bidla dinjija fil-klima wieħed jista' jistenna wkoll aggravament tal-frekwenza u tas-severità tad-diżastri metereoloġiċi fir-reġjun. L-UE għandha għalhekk tirrispondi għall-isfida mhux biss billi tgħin ripetutament reġjun biex jerġa' jibni fejn diżastru ikun laqat iżda biex inaqqas aktar l-emissjonijiet tiegħu. Barra minn dan, jenħtieġ trasferiment ta' teknoloġija, biex jiġi żgurat li żvilupp reġjonali b'suċċess fil-Karibew ma jwassalx fl-istess ħin għal żieda relatata ta' emissjonijiet, bi ħsara għall-klima dinjija.

Id-dokument tal-Kummissjoni jonqos ukoll li jsemmi l-aspett tal-perikli speċjali - li huma wkoll ta' tip speċjali - li jiffaċċjaw l-Istati gżejjer fir-reġjun ta' l-imsieħba tal-Karibew minħabba li jogħla l-livell tal-baħar.

Iż-żgħażagħ

Il-pjan mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha, bħala segwitu għas-Sammit ta' l-EU-LAC, li 'tagħti prijorità għall-ħolqien ta' Zona ta' Edukazzjoni Għolja Komuni bejn l-Ewropa, l-Amerika Latina u l-Karibew' hija inizjattiva importanti u promettenti.

Madankollu, se tilħaq biss parti limitata taż-żgħażagħ tal-Karibew. Peress li 60% tal-popolazzjoni tar-reġjun għandha taħt it-30 sena, il-koperazzjoni kollha għall-iżvilupp għandha tkun immirata ħafna aktar lejn din il-ġenerazzjoni u għandha tipprovdi opportunitajiet għal ħafna żgħażagħ fir-reġjun. Inkella, il-frustrazzjoni kawżata mill-faqar persistenti u mill-prospetti li ma jeżistux tista' tipperikola l-koeżjoni soċjali. Ma jkunx possibbli li wieħed ibiddel il-massa l-kbira ta' dawn iż-żgħażagħ fi gradwati universitarji fil-futur previdibbli, u għalhekk huwa neċessarju b'urġenza, bħala parti mill-istrateġiji ekonomiċi għall-iżvilupp, li jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi għall-ħaddiema bi kwalifiki baxxi, inklużi dawk li qabel ma kellhomx impjieg.

Huwa deplorevoli, iżda, li l-istrateġija tal-Kummissjoni ma ssemmix il-qgħad taż-żgħażagħ.

Turiżmu sostenibbli

Il-Kummissjoni tosserva tajjeb li s-sbuħija tal-pajsaġġi tar-reġjun hija fost l-akbar rikkezzi tiegħu u li t-tkabbir tat-turiżmu sostenibbli huwa alternattiva ġenwina. Iżda, is-sostenibilità tiegħu m'għandiex tieqaf fl-ambjent. Industrija tat-turiżmu fejn jibnu u joperaw biss investituri kbar minn barra u ktajjen ta' lukandi u fejn il-profitti relatati jiġu esportati ma tistax titqies bħala sostenibbli. Tbaxxi lill-popolazzjoni indiġena għall-livell ta' soċjetà ta' sefturi.

Sussidji mill-Bank Ewropew għall-Investiment u minn organizzazzjonijiet oħra għandhom għalhekk ikunu mmirati aktar biċ-ċar lejn l-iżvilupp ta' l-industrija domestika għar-ristoranti u t-turiżmu.

PROĊEDURA

Titolu

Is-sħubija EU-Karibew għat-tkabbir, l-istabilità u l-iżvilupp

Proċedura numru

2006/2123(INI)

Kumitat risponsabbli
  Data ta' l-awtorizzazzjoni mħabbra fis-seduta plenarja

DEVE 15.6.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA
15.6.2006

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

INTA
18.4.2006

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Gabriele Zimmer
21.3.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

29.5.2006

 

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

30.5.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Margrietus van den Berg, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Michael Gahler, Hélène Goudin, Glenys Kinnock, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, Horst Posdorf, Pierre Schapira, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Mauro Zani.

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Milan Gaľa, Ana Maria Gomes, Alain Hutchinson, Linda McAvan, Manolis Mavrommatis, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Zbigniew Zaleski, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Isabel Salinas García

Data tat-tressiq

15.6.2006

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)