RAPPORT dwar it-tnedija ta' dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd

23.6.2006 - 2005/2189(INI)

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Carmen Fraga Estévez

Proċedura : 2005/2189(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0219/2006
Testi mressqa :
A6-0219/2006
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tnedija ta' dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd

2005/2189(INI)

Il-Parlament Ewropew,

–   Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lil Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li biha jitnieda dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd (COM(2005)0275),

–   Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–   Wara li kkunsidra r-Rapport Nru 780 tas-26 sessjoni tal-Kumitat għas-Sajd ta' l-FAO li saret f'Ruma bejn is-7 u l-11 ta' Marzu 2005,

–   Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni komunitarja għall-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħarsien ta' l-ambjent fil-politika komuni dwar is-sajd (COM(2002)0186),

–   Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar 'The future for the market in fisheries products in the European Union: responsibility, partnership and competitiveness' (COM(1997)0719),

–   Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Dicembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-politika komuni dwar is-sajd[1]

–   Wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għall-Ambjent (A6 0219/2006),

A. Billi t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tas-sajd sostanzjati minn ċertifikazzjoni ta' min joqgħod fuqha li l-qbid, it-trobbija, il-ġbir jew l-ipproċessar tagħhom sar skond kriterji ta' sostenibbiltà ambjentali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv biex kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi jappoġġjaw aktar l-objettivi tas-sajd sostenibbli,

B.  Billi, madankollu, m'hemmx kriterju wieħed adottat internazzjonalment dwar it-tifsira tas-sostenibbiltà fir-rigward tal-prodotti tas-sajd,

C. Billi fi skema ta' l-ittikettar ekoloġiku tal-prodotti, l-approċċ ekoloġiku għandu jkun dejjem ibbażat fuq evalwazzjonijiet ta' firxa wiesgħa,

D. Billi, fi programm ta' ttikettar u ċertifikazzjoni ekoloġika, trid tingħata prijorità lil skema ta' kjarifika bbażata fuq numru ta' kriterji,

E.  Billi l-FAO ilha tistudja l-aspetti ta' l-ittikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura mill-1998, u l-Kumitat tas-Sajd tagħha ħareġ linji gwida dwar dan f'Mejju ta' l-2005,

 F. Billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ studjat il-kwistjoni wara l-laqgħa f'Doha fl-2001, fejn deher ċar il-biża' tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-ittikettar ekoloġiku jista' jwassal għal mekkaniżmu ta' protezzjoniżmu għall-prodotti tal-pajjiżi iktar żviluppati,

G. Billi l-ittikettar ekoloġiku tal-prodotti tas-sajd ser iservi biex jittejjeb il-ġbir ta' informazzjoni dwar attivitajiet speċifiċi tas-sajd (itejjeb il-kwantità u l-affidabilità tad-dejta),

H. Billi l-proliferazzjoni attwali ta' tiketti ekoloġiċi u kriterji għall-ittikettar ekoloġiku, u n-nuqqas ta' fiduċja u l-konfużjoni li dawn joħolqu fil-konsumaturi, tista' twassal biex dan l-istrument ikun skreditat,

I.   Billi l-Komunità Ewropea reċentement iffirmat il-Ftehima dwar il-programm internazzjonali għall-konservazzjoni tad-dniefel ('Dolphin Safe') u l-iskema ta' ċertifikazzjoni ekoloġika marbuta magħha,

J.   Billi kien ippruvat ukoll li hemm konfużjoni bejn tikketta ekoloġika u tikketta ta' kwalità,

K. Billi, skond ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull attività ta' sajd li ssir fl-Unjoni Ewropea għandha bilfors tkun sostenibbli peress li trid tkun konformi man-normi komunitarji,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li biha nediet id-dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd;

2.  Jiddispjaċih, iżda, għad-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni biex tippreżenta l-Komunikazzjoni tagħha, li ppermetta l-proliferazzjoni ta' l-ittikettar ekoloġiku privat mingħajr ebda forma ta' kontroll pubbliku, bil-problemi ta' kredibbiltà u konfużjoni għall-konsumaturi u l-produtturi li din iġġib magħha;

3.  Jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-objettivi reali ta' ħafna minn dawn it-tikketti li, meta wieħed jikkunsidra l-importanza dejjem akbar li l-konsumaturi jagħtu lill-iżvilupp sostenibbli, huma sempliċiment użati bħala mezz biex jiżdied il-bejgħ, mingħajr ma l-konsumatur jingħata garanzija reali tal-benefiċċji ta' dawn il-prodotti għas-sostenibbiltà;

4.  Iqis li l-varjetà ta' skemi eżistenti jżid il-kumplessità tal-problema u li l-proposti futuri għandhom ikunu mfassla b'mod li ma jagħtix vantaġġ kummerċjali lil dawk li diġà qed joperaw fis-suq;

5.  Jifhem li l-għan tal-Kummissjoni huwa esklussivament li tiftaħ dibattitu ġenerali u għalissa mhux li tapprofondixxi l-kriterji li jridu jmexxu l-ittikettar ekoloġiku komunitarju; madankollu, jiddispjaċih li bil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni ftit li xejn qed tikkontribwixxi għad-dibattitu li hi stess qed tipproponi li tniedi, li issa jidher li tħalla miftuħ iżżejjed u b'nuqqas ta' riflessjoni;

6.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' ambizzjoni tal-Komunikazzjoni u jqis li l-għażla li saret (li tikkonsisti f'li jkunu stabbiliti rekwiżiti minimi għal programmi fakultattivi ta' l-ittikkettar ekoloġiku) ma tweġibx b'mod sħiħ għall-kwistjonijiet ikkonċernati; tqis li l-ittikkettar kollu li jintuża fis-suq għandu jkun ikkontrollat b'mod indipendenti, biex ikun affidabbli u kredibbli għall-konsumatur;

7.  Jitlob rikonoxximent akbar fuq skala Ewropea tas-sajd artiġjanali; jitlob, għaldaqstant, li qabel it-twaqqif possibbli ta' sistema ta' ttikkettar ekoloġiku, jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati, inklużi r-rappreżentanti tas-sajd artiġjanali, u li jitqiesu s-suġġerimenti tagħhom;

8.  Iqis li tikketta se tkun effikaċi bis-sħiħ biss jekk tkun unika u tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, u tippermettilhom li jorjentaw l-għażla tagħhom lejn prodotti li jippreservaw is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd;

9.  Jinkoraġġixxi għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi dibattitu wiesa' li fih jistgħu jipparteċipaw il-partijiet kollha kkonċernati, u li fih tista' ssir riflessjoni fil-fond dwar l-ammont u l-importanza tal-kwistjonijiet li għadhom miftuħa;

10. Jaqbel, essenzjalment, ma' l-għanijiet tas-sostenibbiltà, l-armonizzazzjoni, it-traċċabilità, it-trasparenza, l-oġġettività u n-non-diskriminazzjoni, li jissemmew fil-punt 4 tal-Komunikazzjoni; iqis li l-ħolqien ta' tikketta ekoloġika unika ta' l-Unjoni Ewropea huwa kkumplikat mill-lat burokratiku;

11. Huwa konvint li l-użu ta' tikketti ekoloġiċi ta' min joqgħod fuqhom huwa strument effettiv ħafna fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolamentat, minħabba li dawn jirrikjedu dokumentazzjoni ċara ħafna li fiha jrid jintwera minn fejn hu ġej il-ħut, li tagħmel aktar diffiċli l-aċċess tas-sajd illegali fis-swieq;

12. Jitlob lill-Kummissjoni li tiċċara il-fehim tagħha ta' tikketta pubblika komunitarja, peress li fl-analiżi tagħha ta' l-għażla 2 ('Creating a single Community eco-labelling scheme for fish and fishery products') u ta' l-għażla 3 ('Establishing minimum requirements for voluntary eco-labelling schemes') fil-Komunikazzjoni tinħoloq konfużjoni dwar jekk humiex qed ikunu meqjusa l-kunsiderazzjonijiet li saru f'fora internazzjonali dwar is-sidien ta' sistema ta' ttikettar ekologiku;

13. Iqis li, ladarba jkun stabbilit programm ta' ttikettar u ċertifikazzjoni ekoloġika, il-Kummissjoni trid tippromwovih u tispjegah lill-parteċipanti kollha fil-proċess; barra minn hekk il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-fiduċja tista' tkun garantita b'mod sħiħ fir-rigward ta' l-osservanza tar-regoli stipulati mill-entitajiet responsabbli mill-ittikettar u ċ-ċertifikazzjoni sabiex il-konsumaturi ma jkunux mqarrqa;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'perjodu ta' sitt xhur, tfassal Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament skond il-konklużjonijiet ta' dibattitu wiesa', dwar ir-rekwiżiti minimi u linji gwida li magħhom trid tkun konformi sistema komunitarja ta' ttikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd;

15. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tqis kriterji internazzjonali fit-tfassil tal-bażi ta' sistema ta' ttikettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd fl-UE, b'mod partikulari dawk stabbiliti mill-FAO, u fosthom li s-sistema:

(a) tkun konsistenti kemm mal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-FAO kemm mar-riżoluzzjonijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, fosthom in-NU u d-WTO;

(b) hija volontarja u tiggarantixxi ħarsien akbar ta' l-ambjent mingħajr ma tagħti lok għall-interpretazzjoni li prodott mhux ittikettat ekoloġikament huwa ta' inqas kwalità;

(c) tkun trasparenti fil-fażijiet kollha tagħha, inkluża l-istruttura organika tagħha u d-dispożizzjonijiet finanzjarji;

(d) ma tkunx diskriminatorja u ma toħloqx ostakli għall-kummerċ, b'mod partikulari fir-rigward ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, waqt li tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta;

(e) tkun promossa mill-Kummissjoni, li trid tistabbilixxi r-regoli tat-tħaddim tas-sistema, waqt li tiggarantixxi l-indipendenza ta' entitajiet speċjalizzati fl-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, strumenti essenzjali ta' garanzija tal-proċess u tal-kredibbiltà ta' dak li hemm fit-tiketta;

(f) tinkopora ċerti kriterji ta' sostenibbiltà li jridu jkunu stabbiliti fl-livell ta' strettezza akbar minn dawk li japplikaw għas-sistema komunitarja ta' l-immaniġġjar tar-riżorsi u li jridu jkunu bbażati fuq analiżi xjentifiċi serji; dawn il-kriterji jistgħu jkunu kemm ġenerali kemm speċifiċi skond il-prodotti tas-sajd differenti;

(g) tiżgura li t-tikketti jkun fihom informazzjoni li tgħid il-verità, li tfisser li qed tingħata garanzija tal-katina ta' kustodja tal-prodott mill-bastiment tas-sajd sal-konsumatur aħħari, jiġifieri tiżgura l-monitoraġġ ta' ċertifikazzjoni, biex b'hekk taċċerta li l-prodott jikkonforma ma' l-ispeċifikazzjonijiet previsti;

(h) tinkorpora proċedimenti ta' awditjar u verifika ta' min joqgħod fuqhom u indipendenti;

(i) tiżgura l-ammont ta' riklamar essenzjali tas-sistema;

(j) tagħżel tikketta li fiha jkun inkluż ir-riżultat finali ta' l-evalwazzjoni tal-prodott miktub b'mod faċli u li jinftiehem mill-konsumatur;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

NOTA SPJEGATTIVA

Fid-dokument ta' ħidma ppreżentat qabel dan l-abbozz ta' rapport kienu analizzati: I. l-isfond, II. id-definizzjoni u l-kamp ta' applikazzjoni ta' sistemi ta' ttikettar ekoloġiku u III. l-aspetti kummerċjali.

Din in-nota spjegattiva ser tkompli b'sommarju ta' aspetti oħra kkunsidrati bħala xierqa għal aktar kunsiderazzjoni fir-rigward ta' l-ittikettar ekoloġiku tal-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura; kif ukoll il-proposta ta' riżoluzzjoni, bir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għall-Kumitat għas-Sajd.

IV. Il-bżonn li jkunu indirizzati l-bażijiet ta' sistema ta' ttikkettar tal-prodotti tas-sajd fi ħdan l-UE

Il-kwantità ta' tikketti ekoloġiċi, u l-interessi differenti marbuta magħhom, jiżguraw li se jkun hemm kunflitti dwar id-definizzjoni ta' x'jirrapreżenta u xi jfisser l-użu sostenibbli tas-sajd. Dan jirrapreżenta periklu serju peress li t-tikketti differenti ser joħolqu konfużjoni fil-konsumatur minħabba li huma bbażati fuq kriterji differenti. Għalhekk se jkun neċessrju li ta' l-anqas fl-ambitu komunitarju jintlaħaq ftehim dwar il-kriterji ġenerali ta' sostenibbiltà li għandhom ikunu stipulati fil-leġiżlazzjoni komunitarja stabbilita fir-rigward.

L-UE għandha tittratta din il-kwistjoni b'urġenza biex twaqqaf il-proliferazzjoni u t-tixrid tat-tikketti ekoloġiċi u għandha tiggarantixxi l-ħolqien ta' sistema jew diversi sistemi bbażati fuq l-istess prinċipji u rekwiżiti bażiċi. Biex tagħmel dan għandha tqis, fost aspetti oħra, dawn li ġejjin:

1.  F'dan il-mument hawn tixrid kbir ta' informazzjoni u nuqqas ta' ċarezza dwar is-suġġett anke fil-fora internazzjonali. Għalhekk hemm bżonn li fl-UE issir riflessjoni serja, bil-parteċipazzjoni tal-oqsma kollha kkonċernati qabel tittieħed deċiżjoni finali. Huwa essenzjali li jkun hemm fehim ċar dwar dak li jaqbel l-aktar lill-UE qabel jittieħdu deċiżjonijiet li jista' jkollhom riżultati negattivi.

2.  Waħda mill-mistoqsijiet li għandha ssir hija jekk il-varjetà ta' tikketti ekoloġiċi hix pożittiva. Madankollu, anke jekk din tippermetti iktar flessibilità, huwa wkoll minnu li l-valur essenzjali ta' l-ittikettar ekoloġiku jista' jintilef, u tinħoloq sitwazzjoni ta' nuqqas ta' fiduċja fil-konsumatur, bil-kuntrarju ta' sistema unika jew ristretta.

3.  Rigward it-traċċabilità ta' prodott, irid ikun possibbli li tingħata garanzija, sa lill-konsumatur finali, li dak li jingħad f'din it-tikketta huwa veru u li l-informazzjoni rilevanti hija aċċessibbli. Għalhekk hemm bżonn li l-mekkaniżmu għat-traċċabilità jkun imfassal tajjeb ħafna.

4.  Hemm bżonn li nikkunsidraw jekk irridux nagħżlu sistema ta' l-immaniġġjar ta' l-ittikettar ekoloġiku pubblika jew privata. Sistema pubblika hija, bi prinċipju, waħda li tista' toffri aktar garanziji minn dik privata, hija inqas fir-riskju li tkun diskriminatorja u l-istruttura organizzattiva tagħha iġġib magħha livell ta' ċertezza legali u garanzija ta' indipendenza. Jekk jintagħżlu sistemi privati, dawn għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti minimi sostanzjali, ffissati mill-UE, skond kif kienu definiti fil-linji gwida ta' l-FAO, u b'riferenza għal-linji gwida eżistenti, b'mod partikulari dawk elaborati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO).

5.  Il-promotur ta' sistema ta' l-ittikkettar ekoloġiku jrid juża s-servizzi ta' entita speċjalizzata ta' akkreditazzjoni, separata u indipendenti, biex titwettaq f'ismu l-ħidma ta' akkreditazzjoni ta' l-entitajiet ta' ċertifikazzjoni.

V.- Kriterji ta' sostenibbiltà

Wieħed mill-aktar elementi kkumplikati tad-dibattitu huwa dak ta' l-istabbiliment ta' kriterji li jridu jagħtu garanzija tas-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd. F'livell internazzjonali ma ntlaħaq l-ebda kunsens dwar liema indikaturi jridu jkunu użati jew jekk hemmx indikatur wieħed, u jkun tajjeb li l-UE tistabbilixxi kriterji ċari.

Il-mistoqsija li trid issir hija dwar liema tip ta' kriterji qed nitkellmu. L-ewwelnett inkunu rridu niddistingwu bejn kriterji ġenerali u kriterji speċifiċi skond it-tip ta' sajd. Fir-rigward tal-kriterji ġenerali nistgħu niddistingwu bejn kriterji bbażati fuq analiżi xjentifiċi (fil-prinċipju r-regoli komunitarji huma bbażati fuq l-iżvilupp sostenibbli u għalhekk is-sajd kollu jkun konformi ma' dan il-kriterju), kriterji relatati ma' l-illimitar ta' l-impatt fuq l-ambjent u fuq l-ekosistema (li jfisser li għandhom jitqiesu metodi ta' produzzjoni aktar selettivi) u finalment, il-kriterji relatati mas-sikurezza ta' l-ikel (jiġifieri li ma jkunux ta' periklu għas-saħħa).

Il-kriterji jridu jkunu stabbiliti bi preċiżjoni, peress li, meta jintużaw il-kriterji ġenerali bħala punt tat-tluq, kriterji aktar speċifiċi għandhom ikunu stabbiliti għal kull tip ta' sajd li jagħżel it-tikketta ekoloġika.

VI.- Analiżi tal-Komunikazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Meta wieħed iqis li din hija Komunikazzjoni li qed tikklejmja li qed tniedi dibattitu dwar l-approċċ komunitarju li ser jittieħed lejn il-kunċett ta' ttikettar ekoloġiku tal-prodotti tas-sajd, ir-rapporteur ikollha tirrikonoxxi li kienet diżappuntata ħafna mill-faqar ta' l-analiżi u l-kontenut limitat. Dan jista' jkun sinjal tan-nuqqas ta' interess li l-Kummissjoni tidher li qed turi f'din il-kwistjoni.

F'dan ir-rigward, hija partikolarment fqira s-sezzjoni dwar ix-xogħol dwar l-ittikettar ekoloġiku fil-fora internazzjonali. Tliet paragrafi qosra jagħtu sommarju ta' l-attivitajiet imwettqa mill-FAO (li ttrattat il-kwistjoni l-ewwel darba fl-1998) u dawk tad-WTO, u l-informazzjoni mhix verament aġġornata. Fil-każ ta' l-FAO lanqas biss kienu inklużi l-linji gwida tagħha dwar l-ittikettar ekoloġiku, li diġà intużaw f'ħafna dokumenti ta' ħidma anke qabel l-approvazzjoni tagħhom.

Jeħtieġ li tkun ikkritikata wkoll il-metodoloġija tal-Komunikazzjoni, peress li jekk dak li qed tikklejmja li qed tagħmel hu li tniedi dibattitu ġenerali li jinkludi l-partijiet kollha kkonċernati (sajjieda, kumpaniji tas-sajd, entitajiet amministrattivi, konsumaturi u partijiet oħra rilevanti bħal NGOs jew entitajiet ta' ċertifikazzjoni eżistenti), huwa ta' dispjaċir kbir li l-parti l-aktar interessanti tal-Komunikazzjoni, fejn tagħti definizzjonijiet ta' l-iskemi ta' l-ittikettar ekoloġiku, objettivi u kriterji li għandhom ikunu kkunsidrati meta jkunu stabbiliti s-sistemi ta' verifika ta' tiketti ekoloġiċi, hija rrilegata għaż-żewġ Annessi u miktuba b'lingwa tal-Komunità waħda biss. Ħafna mill-partijiet interessati, għaldaqstant, ma kellhomx aċċess għal din il-parti fundamentali dwar dak li tinvolvi skema ta' ttikettar ekoloġiku.

B'koinċidenza ma' l-objettivi (ta' karattru forsi wisq ġeneriku) mniżżla fis-sezzjoni 4 tal-Komunikazzjoni, hija sorprendenti l-formulazzjoni tal-kapitlu, li permezz tagħha jidher li l-Kummissjoni qed tirrifjuta minn qabel il-ħolqien ta' skema ta' ttikkettar ekoloġiku unika u pubblika.

Jidher ċar li l-ħolqien ta' skema komunitarja unika ta' ttikkettar ekoloġiku ġġib magħha proċessi aktar ikkumplikati għall-awtoritajiet kompetenti u, bla dubju wkoll, spejjeż akbar. Iżda l-vantaġġi ta' skema unika m'għandhomx ikunu stmati inqas milli jiswew. Tikketta komunitarja tagħti ċertezza legali akbar lil dawk li jixtiequ jintegraw fis-sistema ta' ttikettar ekoloġiku, toffri aktar garanziji ta' affidabilità lill-konsumaturi, tevita d-duplikazzjoni u l-konfużjoni minħabba proliferazzjoni ta' tikketti, u fuq kollox, torbot b'mod ċar lis-sistema ma' l-objettivi ta' kontribuzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, tinkoraġixxi aktar lis-sajjieda u lill-kumpaniji biex jużaw it-tikketta ekoloġika, tippromwovi aktar kompetizzjoni bejniethom dwar l-użu ta' tekniki tas-sajd aktar selettivi minħabba l-vantaġġi li l-ksib tat-tikketta ekoloġika jista' jġibilhom fis-suq, u tikkonvinċi aktar lill-konsumaturi li huma jkunu fil-fatt qegħdin jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-ambjent tal-baħar meta joħorġu flushom.

Il-Kummissjoni tevalwa tliet għazliet fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' sistema komunitarja ta' ttikettar ekoloġiku: i) Ma tieħux azzjoni, ii) Toħloq sistema komunitarja unika ta' ttikettar ekoloġiku u iii) Tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal sistemi volontarji ta' ttikettar ekoloġiku.

Ir-rapporteur naturalment tilqa' t-twarrib ta' l-ewwel għażla għall-istess raġunijiet mogħtija qabel, li mingħajr garanzija ta' ċertifikazzjoni u akkreditazzjoni indipendenti ma jistax ikun hemm affidabilità, u li r-riskju ta' frammentazzjoni tas-suq komunitarju u l-proliferazzjoni ta' tikketti ifixklu l-moviment ħieles ta’ prodotti.

Madankollu mhix ċara d-differenza li l-Kummissjoni tagħmel bejn it-tieni u t-tielet għażla, minħabba li skond il-kriterji internazzjonali kollha fir-rigward, b'mod partikulari dawk ta' l-FAO, l-organizzazzjoni li tiffissa r-rekwiżiti minimi li jridu jkunu sodisfatti għall-aċċess għal tikketta ekoloġika issir, fil-fatt, is-sid ta' dik is-sistema. Meta wieħed iqis li fit-tielet għażla hija l-Kummissjoni li hija responsabbli għall-iffissar tar-rekwiżiti, dan jikkonverti l-iskema ta' ttikettar ekologiku f'sistema pubblika, kif stipulat fit-tieni għażla, għalkemm din ma tkunx ta' garanzija għall-eżistenza ta' skema unika għall-ittikettar ekoloġiku.

Minn naħa l-oħra, huwa l-immaniġġjar tas-sistema li jista' jaqa' f'idejn entitajiet kemm pubbliċi kemm privati, kemm jekk is-sjieda tas-sistema hi pubblika kemm jekk hi privata. Għalhekk jistgħu jeżistu fl-istess ħin diversi tikketti ekoloġiċi, li jidher li hu dak li tixtieq il-Kummissjoni, iżda dawn kollha jkunu suġġetti għall-istess qafas regolatorju.

L-importanti huwa għalhekk li jkunu ffissati r-rekwiżiti minimi msemmija, is-superviżjoni tas-sistema u t-trasparenza u l-garanzija tal-katina ta' kustodja. Skond jekk dawn ir-rekwiżiti humiex ftit jew wisq stretti, dawn iwasslu wkoll għal sistema regulatorja li hija ftit jew wisq trasparenti, indipendenti, żgura u mhux diskriminatorja.

OPINJONI TAL-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (26.4.2006)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar it-tnedija ta' dibattitu dwar approċċ komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd
(2005/2189(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Frédérique Ries

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel jitlob lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u, waqt li jirrikonoxxi d-diffikultà fl-introduzzjoni ta' sistema ta' ttikettar li tkun effettiva mingħajr ma tkun restrittiva wisq fuq l-intrapriżi, jinsisti li l-għan essenzjali tat-tikketti ekoloġiċi għandu jkun li jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati, u hekk jippromwovu l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd;

2.  Jikkunsidra li din is-sistema tikkomplementa l-qafas leġiżlattiv għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, li għandu jibqa' l-objettiv fundamentali tal-politika komuni għas-sajd;

3.  Jikkunsidra li, meqjusa s-sitwazzjoni ta' sfruttar żejjed u l-eżawriment ta' ħafna mill-istokk tal-ħut fl-ilmijiet komunitarji u madwar id-dinja, kwalunkwe sistema ta' ttikettar ekoloġiku li trid tkun kredibbli u effettiva trid taċċetta l-prinċipju li sempliċiment mhux possibbli l-użu ta' tikketti ekoloġiċi għal ċertu stokk ta' ħut u li l-konsum ta' ħut irid jonqos sakemm dan l-istokk ikun irkuprat;

4.  Jiddispjaċih li r-regoli attwali dwar l-ittikettar tal-prodotti tas-sajd, stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000, tas-17 ta' Diċembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura[1], la huma applikati u lanqas infurzati b'mod sodisfaċenti fl-Istati Membri;

5.  Jiddispjaċih li ma teżistix analiżi dettaljata li tippermetti evalwazzjoni aktar preċiża ta' l-impatt ta' dawn il-miżuri fuq is-settur tas-sajd u fuq l-ekosistema tal-baħar;

6.  Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni mhix ambizzjuża, u jqis li l-għażla li ttieħdet (li tikkonsisti fil-ħolqien ta' esiġenzi minimi għal programmi volontarji ta' ttikkettar ekoloġiku) ma tindirizzax il-kwistjoni b'mod sħiħ; iqis li kwalunkwe tikketta li tintuża fis-suq għandha tkun kontrollata b'mod indipendenti, biex tkun affidabbli u kredibbli għall-konsumatur;

7.  Jitlob għal rikonoxximent akbar fuq skala Ewropea tas-sajd artiġjanali; jitlob, għaldaqstant, li qabel il-potenzjali ħolqien ta' sistema ta' ttikkettar ekoloġiku, jiġu kkonsultati l-partijiet konċernati, inklużi r-rappreżentanti tas-sajd artiġjanali, u li jitqiesu is-suġerimenti tagħhom;

8.  Jitlob, għaldaqstant, li tinħoloq proċedura uniformi ta' żvilupp u ta' ċertifikazzjoni li tul medda ta' żmien, tippermetti l-promozzjoni ta' metodi sostenibbli tal-produzzjoni u l-użu ta' riżorsi tas-sajd, sakemm it-tikketti jiffissaw rekwiżiti stretti fir-rigward ta':

     –   minimizzar tal-qbid ta' ħut sekondarju,

     –   ir-regolamentazzjoni tal-qbid fuq bażi tal-prinċipju ta' rendiment massimu sostenibbli, u

     –   infurzar u superviżjoni effettivi bil-għan li jiġu miġġielda l-prattiki illegali;

9.  Iqis, għaldaqstant, li tali proċedura għandha tkun elaborata fil-livell Ewropew, flimkien ma' l-partijiet konċernati, filwaqt li jiġu osservati sensiela ta' kundizzjonijiet essenzjali, bħat-trasparenza, l-aċċessibilità, id-disponibilità bi prezz baxx u l-kredibilità;

10. Jiffavorixxi ż-żamma taċ-ċertifikati, kemm dawk nazzjonali u kemm dawk ta' tip ieħor, għal prodotti tas-sajd, liema ċertifikati jindikaw, fost aspetti oħra, il-karatteristiċi speċjali tal-metodi tas-sajd, bħalma huma r-rispett tad-dniefel u l-kwalità tal-prodott;

11. Iqis li biex it-tikketta tkun effettiva biżżejjed għandha tkun tiftiehem faċilment mill-konsumaturi, u tippermettilhom li jagħżlu prodotti li jħarsu s-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd;

12. Huwa tal-fehma li l-kriterji ta' din it-tikketta ma għandhomx ikunu marbuta direttament mal-miżuri Ewropej ta' l-immaniġġjar tas-sajd, u li jkunu totalment konformi man-normi tal-kodiċi ta' kondotta tal-FAO għal sajd responsabbli, bil-għan li jiggarantixxu l-aċċessibilità tat-tikketta, u jinsisti li t-tikketti ekoloġiċi żviluppati fl-UE ma għandhomx ikunu diskriminatorji fil-konfront tas-sajd mhux ewropew, b'mod partikulari is-sajd tal-pajjiżi li għadhm qed jiżviluppaw;

13. Jirrakkomanda li l-parteċipazzjoni mas-sistema ssir b'mod voluntarju u jissuġġerixxi li jiġu previsti inċentivi li jiffaċilitaw lill-impriżi, b'mod partikulari ta' l-SMEs u ta' dawk li jaħdmu fis-sajd artiġjanali, biex jieħdu sehem fis-sistema;

14. Jirrikonoxxi li, biex tkun effikaċi, aċċessibbli u kredibbli, is-sistema għandha tkun amministrata b'mod ċentralizzat, iżda mingħajr ma' jinħoloq xkiel amministrattiv mhux neċessarju, u jissuġġerixxi li l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd tipparteċipa fl-għoti, fil-monitoraġġ u fl-immaniġġjar ta' din it-tikketta, iżda jirrikonoxxi li dan joħloq il-bżonn ta' tkabbir konsiderevoli tal-mandat tagħha kif ukoll żieda importanti fir-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

F'Diċembru 1997, il-Kummissjoni għall-ewwel darba indirizzat il-bżonn li tiddiskuti sistemi non-diskriminatorji u volontarji ta' ttikkettar ekoloġiku. Fis-sena 2002, adottat pjan ta' azzjoni komunitarju biex jiġu integrati rekwiżiti ta' protezzjoni ta' l-ambjent fil-Politika Komuni dwar is-Sajd, u annunzjat l-intenzjoni tagħha li tqajjem dibattitu dwar l-ittikkettar ekoloġiku tal-prodotti tas-sajd. Fid-29 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Komunikazzjoni tagħha, li permezz tagħha nidiet id-dibattitu dwar l-approċċ komunitarju fir-rigward ta' sistemi ta' ttikkettar tal-prodotti tas-sajd.

Ir-riforma riċenti tal-Politika Komuni dwar is-Sajd ħolqot il-bżonn li tiġi diskussa l-kwistjoni ta' l-introduzzjoni ta' sistemi ta' ttikkettar ekoloġiku bħala mezz ta' kif jiġi integrat aħjar it-tħassib dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent fis-settur tas-sajd. Barra minn dan, il-ħruġ riċenti f'dan is-settur ta' diversi prodotti li għandhom "tikketta ekoloġika" iqajjem mistoqsijiet dwar il-kompetizzjoni, is-suq estern u l-ħarsien tal-konsumatur.

Fost l-obbjettivi tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tippromwovi attivitajiet ta' sajd sostenibbli u livell adegwat ta' ħarsien ta' l-ekosistema tal-baħar, u approċċ armonizzat tas-sistemi ta' ttikkettar ekoloġiku u ta' informazzjoni trasparenti u oġġettiva għall-konsumaturi.

Il-Kummissjoni qed tqis tliet għażliet:

1.  In-nuqqas ta' azzjoni u l-libertà għall-iżvilupp ta' sistemi ta' ttikkettar ekoloġiku fis-suq, bla intervenzjoni jew kontroll min-naħa tas-settur pubbliku.

2.  Il-ħolqien ta' sistema komunitarja komuni ta' ttikkettar ekoloġiku għall-ħut u l-prodotti tas-sajd.

3.  Il-ħolqien ta' rekwiżiti minimi għal sistemi volontarji ta' ttikkettar ekoloġiku.

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni wriet li tiffavorixxi t-tielet għażla.

Madankollu, ir-rapporteur tixtieq tesprimi t-tħassib tagħha dwar din l-għażla, li mhijiex biżżejjed jekk l-għan tagħha hu li tilħaq l-obbjettivi ambizzjużi ddefiniti mill-Kummissjoni.

Is-sempliċi ħolqien ta' rekwiżiti minimi għal sistemi volontarji ta' ttikkettar ekoloġiku se jirregola biss is-sitwazzjoni attwali, u jevita l-ħruġ ta' ċertifikazzjonijiet qarrieqa. Ma jibgħatx messaġġ ċar bil-ħila li jolqot il-kuxjenza tal-konsumaturi kif ukoll tal-produtturi. Barra minn dan, il-proliferazzjoni ta' tikketti toħloq riskju li jiddgħajjef l-irwol li jista' jkollha tikketta ekoloġika.

Dawn huma wħud mir-raġunijiet li għalihom ir-rapporteur hija favur tal-ħolqien ta' sistema komunitarja unika ta' ttikkettar ekoloġiku bi kriterji ambizzjużi. Meta jiġu meqjusa ta' l-obbjettivi ddefiniti fil-Komunikazzjoni, u bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema trasparenti, aċċessibbli u kredibbli ta' ttikkettar ekoloġiku.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din it-tikketta ma sservix ta' ostakolu għall-kummerċ. Għaldaqstant, it-tikketta għandha tkun konformi b'mod sħiħ mal-linji gwida internazzjonali għal sistemi ta' ttikkettar ekoloġiku kif approvati mill-FAO u fuq il-bażi tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli ta' l-istess FAO[2].

Biex tevita l-ħolqien ta' struttura ġdida, ir-rapporteur issuġġeriet ukoll li l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd għandha tipparteċipa fl-immanniġġjar ta' din it-tikketta.

F'sistema ta' dan it-tip, għandha titqies b'mod partikulari l-importanza ta' komunikazzjoni ċara għall-konsumatur, bil-għan li jiġi żgurat li t-tikketta jkollha l-ikbar impatt possibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tikketta għandha tiġġenera riżultati konkreti f'termini ta' ħarsien u żieda fis-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra ta' l-UE.

PROĊEDURA

Titolu

It-tnedija ta' dibattitu dwar approċċ Komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd

Numru ta' proċedura

2005/2189(INI)

Kumitat responsabbli

PECH

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI
27.10.2005

Koperazzjoni aktar mill-qrib - Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

0.0.0000

Rapporteur għall-opinjoni Data tal-ħatra

Frédérique Ries
14.12.2005

Rapporteur għall-opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

21.3.2005

25.4.2005

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

25.4.2005

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Johannes Blokland, John Bowis, Hiltrud Breyer, Dorette Corbey, Chris Davies, Mojca Drčar Murko, Edite Estrela, Jillian Evans, Matthias Groote, Gyula Hegyi, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Urszula Krupa, Riitta Myller, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Dagmar Roth-Behrendt, Guido Sacconi, Carl Schlyter, Richard Seeber, Jonas Sjöstedt, María Sornosa Martínez, Antonios Trakatellis, Anja Weisgerber y Åsa Westlund.

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Dariusz Maciej Grabowski, Vasco Graça Moura, Miroslav Mikolášik, Claude Turmes y Glenis Willmott.

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

  • [1]  ĠU L 17 de 21.1.2000, p. 22.
  • [2]  Rapport dwar l-24 perjodu ta' sessjonijiet tal-Kumitat għas-Sajd (Ruma, l-Italja, 15-19 ta' Frar 1999) FAO, Rapport dwar is-Sajd Nru 595.

PROĊEDURA

Titolu

It-tnedija ta' dibattitu dwar approċċ Komunitarju rigward is-sistemi ta' l-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd

Numru ta' proċedura

2005/2189(INI)

Kumitat responsabbli
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH
27.10.2005

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

27.10.2005

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija             
Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur          Data tal-ħatra

Carmen Fraga Estévez
15.9.2005

 

Rapporteur preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

3.10.2005

23.2.2006

18.4.2006

 

 

Data ta' l-adozzjoni

21.6.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+: 22

−: 1

0:

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

James Hugh Allister, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Iles Braghetto, Luis Manuel Capoulas Santos, David Casa, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Alfred Gomolka, Pedro Guerreiro, Ian Hudghton, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Philippe Morillon, Seán Ó Neachtain, Bernard Poignant, Dirk Sterckx, Struan Stevenson, Margie Sudre

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Duarte Freitas, Francesco Musotto, James Nicholson

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Danutė Budreikaitė

Data tat-tressiq

23.6.2006

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)