RAPPORT dwar mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni

13.7.2006 - ((2005/2248(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: José Albino Silva Peneda, Proinsias De Rossa

Proċedura : 2005/2248(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0238/2006
Testi mressqa :
A6-0238/2006
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni

((2005/2248(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni ta' l-20 ta' Ottubru 2005 tal-Kummissjoni dwar il-valuri Ewropej fid-dinja globalizzata (COM(2005)0525),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa[1],

–   wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Prospettiva Finanzjarja u dwar it-tiġdid tal-Ftehima Interistituzzjonali 2007-2013[2],

–   wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet ta' l-ILO dwar l-istandards internazzjonali tax-xogħol u ta' l-ambjent,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali[3],

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-ġejjieni tal-politika soċjali fl-Unjoni Ewropea mkabbra ta' Mejju 2004,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Soċjali 2006-2010 (COM(2005)0033),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli tal-Politiki Soċjali fl-Unjoni Ewropea (SEC(2005)1774),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politiki Ewropej dwar iż-żgħażagħ, li indirizzat il-problemi taż-żgħażagħ fl-Ewropa u l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u t-tmexxija 'l quddiem ta' ċittadinanza attiva (COM(2005)0206),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar il-qagħda soċjali fl-Unjoni Ewropea - 2004 (SEC(2004)0636),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0238/2006),

A. billi l-mudell soċjali Ewropew jirrifletti sett komuni ta' valuri, imsejjes fuq il-preservazzjoni tal-paċi, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, il-promozzjoni tal-ħelsien u tad-demokrazija, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

B.  Billi wieħed mill-pedamenti tal-mudell soċjali Ewropew huwa l-ekonomija soċjali jew it-tielet pilastru,

C. Billi fl-aħħar 60 sena, is-sett ta' valuri komuni rifless fil-mudell soċjali Ewropew ippermetta lil UE li kienet qed tikber biex issir b'suċċess zona ta' prosperità ekonomika u ġustizzja soċjali ikbar,

D. Billi, minkejja li l-Istati Membri għandhom sistemi soċjali differenti, u implimentaw dawn il-valuri b'modi differenti, ilkoll jimmiraw biex jiksbu bilanċ imsejjes fuq interdipendenza attiva bejn it-tkabbir ekonomiku u s-solidarjetà soċjali, u dan jidher fil-mudell soċjali Ewropew bħala unità ta' valuri b'varjetà ta' sistemi,

E.  Billi l-Istati Membri u l-UE taw prijorità liż-żamma tal-valuri assoċjati mal-mudell soċjali Ewropew, kif juru l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, li tagħmel mill-iżvilupp soċjali wieħed mill-pilastri ta' l-iżvilupp sostenibbli,

F.  Billi hemm ħtieġa ċara li l-mudell soċjali Ewropew jiġi mmodernizzat u rriformat biex jirreaġixxi għall-bidliet demografiċi, jilqa' l-isfida tal-globalizzazzjoni, u jkabbar l-adattabilità tar-riżorsi umani għall-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla, sabiex jikseb aħjar l-inklużjoni soċjali, il-ġustizzja soċjali, u l-qirda tal-faqar,

G. Billi l-mudell soċjali Ewropew għandu jipprovdi miżuri li jilqgħu l-isfida ta' aktar emigrazzjoni u immigrazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-koeżjoni soċjali,

H. Billi kwalunkwe riforma tal-mudell soċjali Ewropew m'għandhiex tnaqqas is-saħħa tal-valuri li jikkostitwixxu l-essenza tiegħu,

I.   Billi element bażiku tal-mudell soċjali Ewropew huwa l-ħlas indaqs għall-istess xogħol fil-post tax-xogħol,

J.   Billi, għas-sostenibilità ta' l-istandards soċjali Ewropej, huwa ta' importanza kbira li jkun hemm tkabbir ekonomiku ikbar, u billi l-istandards soċjali huma intrinsiċi għat-tkabbir sostenibbli,

K. Billi huwa fundamentali, għall-inklużjoni soċjali u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, li jkun hemm dħul xieraq kif ukoll ħajja dinjituża,

L.  Billi l-politiki soċjali, meta mfassla kif xieraq, m'għandhomx jitqiesu bħala spiża iżda, minflok, bħala fattur pożittiv fit-tkabbir ekonomiku ta' l-UE, mhux biss billi jżid il-produttività u l-kompetittività, imma wkoll billi jiġġenera l-koeżjoni soċjali, jgħolli l-livelli ta' l-għixien għaċ-ċittadini, u jiżgura aċċess għad-drittijiet fundamentali u għall-ugwaljanza, u b'hekk isir fattur importanti għal garanzija ta' paċi soċjali u ta' stabilità politika, li mingħajrhom ma jista' jkun hemm l-ebda progress ekonomiku li jdum.

M. Billi tali politiki soċjali għandhom jagħrfu li l-biċċa l-kbira ta' min iħaddem huma intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju, u li dawn iħaddmu l-biċċa l-kbira ta' l-impjegati,

N. Billi s-servizzi ta' interess ġenerali (l-SGIs) u s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (l-SGEIs) ġew magħrufa b'mod espliċitu għall-ewwel darba fit-Trattat ta' Amsterdam bħala elementi bażiċi ta' kif l-Istati Membri jiżguraw il-koeżjoni soċjali u territorjali u bħala oqsma li l-Istati Membri żammew id-dritt li jiddefinuhom u jiffinanzjawhom, u billi din il-pożizzjoni ġiet imsaħħa fl-abbozz ta' Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li pprovda bażi legali aktar ċara għal leġiżlazzjoni Ewropea ta' qafas f'dan il-qasam,

O. Billi l-kunċett tal-mudell soċjali Ewropew huwa rifless fit-Trattat Kostituzzjonali propost, u huwa sostnut mill-prinċipji ta' l-ugwaljanza, tas-solidarjetà u li ma ssirx diskriminazzjoni,

P.  Billi l-Istati Membri għandhom jimxu mal-Mappa tat-Toroq għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (COM(2006)0092), u l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi, u jpoġġu b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni Komunitarja kurrenti kontra d-diskriminazzjoni fil-liġi nazzjonali,

Q. Billi l-UE għandha l-kapaċità li tinfluwenza, pożittivament jew negattivament, l-ekonomiji f'bosta partijiet oħra tad-dinja, bil-mod kif tmexxi l-kummerċ, kemm bl-irwol tagħha fid-WTO kif ukoll fil-kundizzjonijiet li tapplika u fil-ftehimiet li tagħmel ma' reġjuni u pajjiżi inqas żviluppati,

R.  Billi l-implimentazzjoni ta' politika ta' kummerċ imsejsa fuq preferenzi kollettivi Ewropej u fuq valuri komuni globalment, u politika ta' għajnuna mmirata lejn il-promozzjoni ta' l-edukazzjoni, ta' standards bażiċi tax-xogħol u ta' l-ambjent, u ta' standards ta' trasparenza u ta' tmexxija tajba, se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-piż politiku ta' l-UE f'istituzzjonijiet internazzjonali,

Ir-Riforma tal-Mudell Soċjali Ewropew

1.  jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ppriservati u msaħħa l-valuri assoċjati mal-mudell soċjali Ewropew - l-ugwaljanza, is-solidarjetà, id-drittijiet u r-responsabilitajiet individwali, li ma ssirx diskriminazzjoni u r-ridistribuzzjoni b'aċċess għaċ-ċittadini kollha għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja - u l-istandards soċjali għolja diġà milħuqa;

2.  ifakkar bil-qawwa li l-UE tista' tkun b'saħħitha biżżejjed biex tħares l-interessi tagħha biss jekk tkun imsejsa fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali li tiddefendi l-valuri komuni tagħha;

3.  huwa konvint li m'hemmx alternattiva għal riforma b'urġenza tas-sistemi ekonomiċi u soċjali fejn dawn ma jissodisfawx il-kriterji ta' l-effiċjenza u ta' l-iżvilupp soċjalment sostenibbli, u fejn m'humiex adegwati biex jindirizzaw l-isfidi tal-bidla demografika, tal-globalizzazzjoni u tar-rivoluzzjoni ta' l-Informatika;

4.  jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu fir-rigward tar-rata ta' tkabbir ta' bħalissa fl-UE, li tagħmilha estremament diffiċli biex issir riforma strutturali;

5.  jinsab konxju mit-tħassib mifrux fost iċ-ċittadini ta' l-UE dwar il-qgħad - speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ - l-esklużjoni, il-faqar, l-insigurtà fis-suq tax-xogħol, u l-falliment potenzjali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

6.  jemmen li fejn il-bidliet demografiċi u l-qgħad jaffettwaw lil ċerti gruppi b'mod disproporzjonat l-Unjoni Ewropea għandha timmira biex tiżgura aċċess ugwali għal impjiegi ta' kwalità għolja;

7.  iqis bħala importanti ħafna l-ħtieġa li jiġġedded l-impenn ta' l-UE għal Ewropa soċjali biex iċ-ċittadini jerġa' jkollhom fiduċja fil-proġett ta' l-UE, li jipprovdi x-xogħol, it-tkabbir u l-prosperità;

8.  jinsab konxju sew li x-xogħol u l-politika soċjali sustanzjalment jibqgħu fil-kompetenza nazzjonali, iżda jisħaq li anki l-UE għandha kompetenzi f'dan il-qasam, kif stipulat fit-Trattati, u hemm bżonn li l-UE toħloq qafas ekonomiku u soċjali aktar b'saħħtu, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi kif meħtieġ fil-livell nazzjonali, skond iċ-ċirkustanzi ekonomiċi, soċjali u politiċi individwali tagħhom;

9.  jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu aktar inizjattivi sabiex tikseb l-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern li, jekk jitlesta għal kollox, joħloq tkabbir ekonomiku u kompetittività, u biex tagħmel dan b'rispett għall-ħtieġa li jiġi żgurat li ma jkunx hemm xi ġirja biex jitnaqqsu l-kundizzjonijiet soċjali, tal-konsumatur jew ambjentali;

10. jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tinkoraġġixxi l-ħolqien u s-suċċess ta' l-intrapriżi Ewropej, b'riferenza partikulari għall-SMEs, li jikkontribwixxu bil-kbir għall-ekonomija ta' l-UE u li jħaddmu l-maġġoranza l-kbira ta' l-impjegati fis-settur privat;

11. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrispettaw it-trijangolu ekwilaterali tal-bidu ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u biex jiżviluppaw metodu li jkun iktar ibbilanċjat bejn il-koordinazzjoni ekonomika fuq in-naħa l-waħda u x-xogħol u l-politika dwar il-ħarsien soċjali fuq l-oħra;

12. jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li bosta Stati Membri għadhom 'il-bogħod milli jilħqu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, għaldaqstant itenni s-sejħa lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod sħiħ il-mappa tat-toroq riveduta ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, li hija meqjusa bħala l-uniku mod sostenibbli biex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku, biex tiżdied il-kompetittività u biex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar; jistieden lill-Istati Membri biex jilħqu, b'mod partikulari, il-miri speċifiċi li saru fir-rigward tax-xogħol, speċjalment dak tan-nisa u taż-żgħażagħ, ta' l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, tas-servizzi fejn jieħdu ħsieb it-tfal u tat-tagħlim tul il-ħajja kollha; iqis l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Liżbona bħala miri minimi, li huma vitali jekk l-Istati Membri jridu jwettqu r-riformi strutturali meħtieġa;

13. jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-koperazzjoni u l-iskambju ta' l-aħjar prattika permezz ta' metodu ta' koordinazzjoni miftuħ u mtejjeb, biex b'hekk jipprovdu strument effiċjenti biex issir il-politika fl-oqsma tax-xogħol, tal-ħarsien soċjali, ta' l-esklużjoni soċjali, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, tal-pensjonijiet, u tas-servizzi tas-saħħa; jemmen li l-metodu miftuħ ta' koperazzjoni għandu jsaħħaħ l-irwol tal-parlamenti, tas-sħab soċjali u ta' l-organizzazzjonijiet rilevanti;

14. jagħmel stedina lill-Kummissjoni biex il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni tagħmlu wieħed demokratiku, billi tiżgura li mhux biss il-Parlament Ewropew imma wkoll il-parlamenti nazzjonali jkollhom rwol sħiħ fl-iffissar u fl-ilħuq tal-miri tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri;

15. jisħaq fuq l-importanza li jitnidew kampanji pubbliċi biex jispjegaw u jinnegozjaw il-bażi ta' l-objettivi tar-riforma li fiha l-istituzzjonijiet ta' l-UE, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jkollhom rwol attiv;

16. itenni l-appoġġ tiegħu għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Jannar 2005 dwar it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa[4]u dwar il-kampanja '3D' tal-Kummissjoni imsejsa fuq id-djalogu, id-dibattitu u d-demokrazija;jistieden lill-Kummissjoni biex f'dal-mument tinkorpora d-dimensjonijiet soċjali fl-analiżi tagħha dwar l-impatti skond il-klawsola soċjali li jipprovdi għaliha l-abbozz tat-trattat kostituzzjonali;

17.jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta l-ekonomija soċjali u biex tippreżenta komunikazzjoni dwar dan il-pedament tal-mudell soċjali Ewropew;

Il-finanzjament tar-riforma

18. jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu riformi bil-għan li jiżguraw is-sostenibilità finanzjarja tas-sistemi soċjali nazzjonali, mingħajr ħsara għad-drittijiet miksuba, għall-appoġġ reċiproku u għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, filwaqt li jagħtu kas tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu, tal-bidla demografika, tal-globalizzazzjoni u ta' l-iżviluppi teknoloġiċi; jagħmel osservazzjoni li xi wħud mill-iżjed Stati Membri li rnexxew diġà wettqu tali riformi, filwaqt li żammew is-sostenibilità u l-effettività tas-sistemi soċjali tagħhom; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li għandhom isiru analiżi komparattivi tar-riformi li diġà saru, flimkien ma' analiżi SWOT (punti ta' saħħa, punti ta' dgħjufija, opportunitajiet u theddidiet) ta' dawk li għad iridu jiġu implimentati; jisħaq fuq l-importanza li tiġi promossa l-eċċellenza, inter alia billi l-prattika tajba titpoġġa flimkien għall-użu komuni;

19. jaf li f'xi Stati Membri l-kontribuzzjonijiet kurrenti għas-sistemi tal-ħarsien soċjali jistgħu jkunu inadegwati biex jissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini; huwa tal-fehma li, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jirriflettu fuq modi alternattivi biex jiffinanzjaw dawk is-sistemi, li jkunu jippromwovu riformi dinamiċi filwaqt li ma jaffettwawx ħażin il-pagi, pereżempju billi jutilizzaw il-valur miżjud li jipproduċu l-kumpaniji;

20. jagħmel stedina għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi bil-ħsieb li tiġi evitata l-kompetizzjoni fit-taxxi li tagħmel il-ħsara, sabiex ikun hemm garanzija ta' finanzjament sostenibbli għall-ħarsien soċjali u sabiex il-politika dwar it-taxxi ssir aktar favorevoli għax-xogħol; jinnota l-fatt li, b'mod ġenerali, ir-rati tat-taxxa fuq il-kapital u fuq il-konsum baqgħu stabbli fl-aħħar 30 sena filwaqt li r-rati reali tat-taxxa fuq ix-xogħol għolew fl-istess perjodu, jirrakkomanda li l-Istati Membri jirriflettu b'mod koordinat fuq il-possibilitajiet biex itejbu s-sistemi ta' taxxa eżistenti fl-Unjoni, minħabba li riformi tat-taxxa ta' dan it-tip jagħmlu ġid lis-sostenibilità finanzjarja tas-sistemi soċjali nazzjonali;

21. jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-fondi strutturali u ta' koeżjoni sabiex iqisu l-koeżjoni ekonomika u soċjali u jistieden lill-Istati Membri biex jutilizzaw fondi ta' l-UE, bħall-Fondi Strutturali Ewropej, b'mod aktar effiċjenti sabiex jikkofinanzjaw riformi nazzjonali; jiddeplora l-fatt li l-ftehima riċenti dwar il-Qafas Finanzjarju kienet bid-dieher mhux biżżejjed biex tiffinanzja kif xieraq programmi favur il-koeżjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja kollha, il-mobilità u d-djalogu soċjali;

22. jisħaq li kwalunkwe riforma għandha titqies fil-kuntest tal-marġni baġitarju ta' l-immanuvrar ta' l-Istati Membri, iżda jissuġġerixxi li l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir irriformat għandu joffri opportunitajiet għal investiment soċjali li qabel ma kinux disponibbli;

L-SGIs u l-SGEIs

23. ifakkar li l-SGIs u l-SGEIs huma element essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew, u li huma fundamentali biex jaslu għand iċ-ċittadini kollha s-servizzi tas-saħħa, ta' l-edukazzjoni u tat-trasport pubbliku, kif ukoll il-provvista ta' l-ilma u ta' l-elettriku; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq b'urġenza proposta għal direttiva ta' qafas dwar dawn is-servizzi; huwa tal-fehma li huwa essenzjali li, waqt li jiġu rriformati s-sistemi soċjali ta' l-UE, jiġu rrispettati l-SGIs u l-SGEIs, meta wieħed iqis l-irwol ewlieni tagħhom mhux biss biex iċ-ċittadini jkollhom kwalità ta' ħajja aħjar, imma wkoll biex titjieb il-kapaċità tan-negozji fejn jidħlu l-effiċjenza u l-aċċess tagħhom għal ħaddiema ta' kwalità għolja;

24. jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod xieraq it-tipi ġodda ta' familja, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u li jitwessa' l-ambitu tas-servizzi soċjali, bħas-servizzi aċċessibbli ta' fejn jieħdu ħsieb it-tfal ('childcare'), ta' fejn jieħdu ħsieb lil dawk bi bżonnijiet speċjali jew b'diżabilitajiet, u ta' fejn jieħdu ħsieb l-anzjani fuq perjodu twil ta' żmien; filwaqt li jinżamm livell għoli ta' konsultazzjoni li tinvolvi lill-parteċipanti soċjali lokali fl-ippjanar fuq perjodu medju u fuq perjodu twil ta' żmien;

Id-Djalogu Soċjali

25. ifakkar li d-djalogu soċjali fil-manifestazzjonijiet varji tiegħu huwa element essenzjali fit-tradizzjonijiet ta' l-Istati Membri u, skond id-drawwiet u l-prattiki nazzjonali, li kwalunkwe riforma b'suċċess tas-sistemi soċjali għandha tkun tinvolvi lil dawk kollha li għandhom interess, b'mod partikulari l-isħab soċjali; jagħmel stedina għat-tiġdid tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej, u għall-iżvilupp ta' rwol ikbar għat-trijalogu fuq livell Ewropew;

26. jagħraf l-irwol pożittiv li jista' jkollha r-responsabilità soċjali korporattiva fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali permezz tal-mod kif l-imġieba tal-kumpaniji taffettwa l-ħajja ta' kuljum tal-komunitajiet fejn huma involuti u billi titjieb ir-responsabilità tal-kumpaniji lejn dawk li għandhom interessi fihom; jirrakkomanda l-użu ta' rekwiżiti soċjali u ambjentali ta' rrappurtar u miżuri pubbliċi bħall-akkwist pubbliku, bil-għan li jistimulaw imġieba responsabbli min-naħa tal-kumpaniji;

Ir-Riżorsi Umani

27. jinsisti li bħala element ċentrali tal-modernizzazzjoni tas-sistemi soċjali l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fil-ħolqien ta' programmi u inizjattivi konkreti li jikkonċentraw fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għixien u fuq l-iżvilupp sostenibbli tar-riżorsi umani, bħall-iffissar ta' miri u standards biex jitjieb is-servizz tas-saħħa;

28. jagħmel stedina għal dibattitu wiesa' dwar id-dritt ta' kulħadd għal pensjonijiet ta' livell aċċettabbli; jagħraf il-biża' li r-riformi tal-pensjonijiet, li nbdew f'bosta Stati Membri, se jżid l-għadd ta' pensjonanti li diġà qed jgħixu fil-faqar; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal azzjoni pożittiva sabiex tinkoraġġixxi u tagħmilha possibbli għal ħaddiema kbar fl-età biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol jew jerġgħu jidħlu fih, tagħti aċċess ġust u iktar flessibilità fl-għażla ta' skemi tal-pensjoni u ta' l-irtirar; jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-isforzi nazzjonali biex jiġi indirizzat l-impatt tal-bidliet demografiċi fuq is-sostenibilità tal-pensjonijiet u l-faqar tal-pensjonanti; u biex tikkontrolla b'mod aktar effettiv l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' l-età;

29. jiġbed l-attenzjoni għall-qagħda tan-nisa li d-dritt tagħhom għall-pensjoni m'għandux jitnaqqas minħabba l-istat maritali tagħhom jew waqfien mix-xogħol minħabba liv tal-maternità jew tal-ġenituri, jew waqfien biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb uliedhom;

30. jagħraf il-vantaġġi tas-sistemi ta' 'flessigurtà' li l-Istati Membri għandhom jadottaw, skond iċ-ċirkustanzi tagħhom, sabiex iħarsu l-kapaċità tal-ħaddiema li jżommu/jsibu x-xogħol permezz tal-mobilità u/jew billi jtejbu l-ħiliet professjonali permezz ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol u tagħlim tul il-ħajja kollha u għandhom iqisuhom bħala mezz kif jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tal-kunċetti tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u taċ-ċiklu tax-xogħol u tal-ħajja;

31. jilqa' l-ħolqien ta' Fond għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jista' jiżvolġi rwol kumplimentari għall-Fond Soċjali Ewropew, kif ukoll l-isforzi ta' l-Istati Membri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex jipprovdu għajnuna speċifika lill-ħaddiema għall-bidla fix-xogħol u għat-tfittix għal xogħol ġdid;

32. ifakkar li l-ugwaljanza fuq il-bażi tas-sess u tar-razza u l-prinċipju li ma ssirx diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jipprovdi bażi legali għal azzjoni xierqa biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, in-nisel razzjali jew etniku, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, għandhom jiddaħħlu sistematikament f'kull politika soċjali; huwa tal-fehma li l-politiki emerġenti ta' l-UE dwar l-integrazzjoni huma fil-fatt forma konkreta ta' politika soċjali, li għandha tkun żviluppata; jemmen li l-assigurazzjoni li kull: mara, raġel, grupp ta' minoranza, u immigrant, jintegraw ruħhom sew tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà u ġġib magħha benefiċċji soċjali f'termini ta' koeżjoni u ta' preparazzjoni għall-post tax-xogħol;

Il-Ħarsien Soċjali

33. jenfasizza li s-sistemi tal-ħarsien soċjali għandhom ikunu effiċjenti fil-kisba ta' l-għanijiet tagħhom li jilqgħu għall-faqar u l-esklużjoni soċjali u jissieltu kontrihom, b'enfasi partikulari fuq il-qirda ta' sitwazzjonijiet li jwasslu għall-faqar;

34. huwa tal-fehma li x-xogħol huwa fattur deċiżiv fil-kisba ta' l-inklużjoni soċjali; għalhekk, jagħmel stedina għal riformi li jindirizzaw l-infiq pubbliku lejn it-tkabbir tar-rati tax-xogħol u tar-ritorn lejn ix-xogħol u li jipprovdu inċentivi għax-xogħol billi jeqirdu s-sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-faqar u forom oħra ta' esklużjoni soċjali, u jindirizzaw b'urġenza l-għadd ta' nisa u xi minoritajiet etniċi li jinsabu qiegħda, li bosta minnhom isibu ma' wiċċhom ostakli soċjali u/jew strutturali meta jiġu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; jistudjaw u jindirizzaw il-problemi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa minn minoritajiet etniċi u n-nisa immigranti;

35. jagħraf li, fil-metodu tal-'flessigurtà', il-ħolqien u ż-żamma ta' mekkaniżmi adegwati ta' ħarsien soċjali huwa prerekwiżit indispensabbli għall-flessibilità, bħalma huwa l-ħarsien strett kontra t-tkeċċija inġusta;

Id-dimensjoni esterna

36. jirrijafferma li jkun biss jekk l-UE jirnexxilha tippriserva l-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha li tkun kapaċi tiddefendi b'suċċess l-interessi ta' l-UE fuq livell internazzjonali;

37. jagħraf li, minkejja l-effetti pożittivi tagħha, il-globalizzazzjoni qed tipproduċi żbilanċi ekonomiċi u soċjali, u b'hekk qed tqajjem tħassib serju fost iċ-ċittadini ta' l-Ewropa, speċjalment f'dawk l-Istati Membri b'rati għolja ta' qgħad u f'dawk ir-reġjuni li huma l-iktar affettwati mir-rilokazzjoni tal-kumpaniji; jistieden lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex iwettqu r-riformi strutturali li huma meħtieġa sabiex l-UE tibqa' għażla interessanti fix-xena dinjija, bi prodotti u servizzi ta' valur għoli;

38. jisħaq li l-UE għandha tippromwovi b'fiduċja l-valuri soċjali tagħha tas-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali fin-negozjati u l-ftehimiet kollha ta' kummerċ u żvilupp;

39. jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jadottaw azzjonijiet politiċi fir-rigward ta' pajjiżi terzi bi tkabbir ekonomiku kbir (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina) sabiex jiksbu mudell ta' żvilupp li jaħseb għar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija, għall-ħelsien, għall-istandards tax-xogħol u ta' l-ambjent u għall-ġustizzja soċjali; jistieden lill-UE biex tgħin ħalli jinstab bilanċ globali bejn it-tkabbir ekonomiku u standards soċjali u ambjentali għolja;

40. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw linja konsistenti f'fora bħall-ILO, l-OECD, u aġenziji ambjentali multilaterali; jemmen, b'mod partikulari, li x-xogħol ta' l-ILO għandu jkun integrat iktar mill-qrib fil-ftehimiet tad-WTO u huwa tal-fehma li l-evalwazzjonijiet ta' l-ILO dwar l-istandards bażiċi tax-xogħol għandhom ikunu integrati fl-istrateġiji ta' l-UE fir-rigward tad-WTO u tan-negozjati bilaterali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura, permezz ta' ftehimiet bilaterali, li l-istandards ta' l-ILO ikunu, għall-inqas, irrispettati sabiex ikun hemm garanzija ta' kundizzjonijiet umani tax-xogħol;

41. jilqa' l-introduzzjoni ta' l-iskema GSP+, li tipprovdi inċentivi għal standards soċjali u ambjentali ogħla, u jagħmel stedina biex dan il-metodu jiġi estiż għall-ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ; jinnota l-ħtieġa li l-Kummissjoni tikkontrolla mill-qrib l-implimentazzjoni ta' l-iskema bil-ħsieb li tiżgura li jkun hemm konformità ma' dawn l-istandards;

o

o o

42. jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Kif jista' jkompli jittejjeb l-istandard ta' l-għixien taċ-ċittadini ta' l-UE filwaqt li l-Unjoni tibqa' kompetittiva fl-ekonomija globali? Kif jistgħu jiġu integrati l-politiki ekonomiċi, tax-xogħol u soċjali b'mod li jwassal għal żvilupp sostenibbli u għal koeżjoni soċjali? Kif jista' jiġi żgurat li kulħadd igawdi mill-benefiċċji tat-tkabbir?

Il-Mudell Soċjali Ewropew

Qabel xejn, il-mudell soċjali Ewropew huwa kwistjoni ta' valuri. Jekk neżaminaw kwalunkwe sistema soċjali Ewropea nsibu l-valuri komuni ta' l-ugwaljanza, ta' li ma ssirx diskriminazzjoni u tas-solidarjetà u r-ridistribuzzjoni bħala elementi fundamentali, b'aċċess universali, b'xejn jew irħis għall-edukazzjoni u għas-servizzi tas-saħħa, u għal varjetà ta' servizzi pubbliċi oħra bħala d-dritt ta' ċittadin u bħala fattur essenzjali biex tinħoloq il-bażi għal ekonomija moderna li tirnexxi u għal soċjetà ġusta. Huwa f'dan ir-rigward li l-mudell Ewropew tagħna huwa differenti mill-mudell ta' l-Istati Uniti, pereżempju.

Il-politiki soċjali (inklużi l-ħarsien soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi ta' assistenza) huma żviluppati ħafna fl-UE, u dan jirrifletti ġibda qawwija lejn il-koeżjoni soċjali.

L-istudjużi jiddistingwu bejn 4 mudelli differenti (in-Nordiku, l-Anglosassonu, il-Kontinentali, il-Mediterranju) b'differenzi bejniethom (fil-livell tal-ħarsien, l-ispazju għal inizjattivi individwali) iżda li għandhom ukoll karatteristiċi komuni.

Il-25 Stat Membru lkoll iħaddnu l-istess valuri u l-istess objettiv li jgħaqqdu flimkien ir-riżultati ekonomiċi u l-kompetittività mal-ġustizzja soċjali. Għandhom strumenti differenti biex jilħqu l-istess għanijiet. Dawn il-mudelli nazzjonali huma r-riżultat ta' proċessi storiċi twal u kumplessi.

Il-korapporteurs tagħkom huma tal-fehma li huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi kemm l-unità tal-valuri kif ukoll id-diversità tas-sistemi ta' l-Istati Membri.

Is-suċċess tal-mudell soċjali Ewropew

L-UE tinsab f'evoluzzjoni kontinwa. Il-fruntieri u r-responsabilitajiet tagħha għad irid jintlaħaq ftehim finali dwarhom; id-dibattitu dwar l-iggvernar demokratiku tagħha u dwar l-iżvilupp tiegħu x'aktarx li se jibqa' sejjer għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Filwaqt li l-impuls għall-ħolqien ta' Ewropa Magħquda kien li tintemm il-possibilità li stati Ewropej xi darba jerġgħu jispiċċaw fi gwerra kontra xulxin, it-tħassib impliċitu ovvjament kien il-benesseri tal-popli ta' l-Ewropa u tad-dinja kollha.

Huwa importanti li wieħed jenfasizza, minkejja l-fallimenti u l-ħtieġa tar-riformi, is-suċċess tal-mudell soċjali Ewropew. Huwa magħruf madwar id-dinja li jipprovdi kwalità għolja ta' ħajja. Il-mudell ta' l-UE huwa meqjus minn pajjiżi, reġjuni (il-Lvant Nofsani) u organizzazzjonijiet (Mercosul, Asean) bħala eżempju ta' suċċess.

Anki jekk hemm aktar minn 80 miljun ruħ fl-età tax-xogħol li jinsabu bla xogħol u aktar minn 70 miljun raġel, mara u tfal għadhom fir-riskju tal-faqar fl-Unjoni tagħna, il-prosperità u l-istabilità politika, soċjali u ekonomika ġenerali ta' l-Istati Membri ssaħħet bil-kbir permezz ta' l-adeżjoni ma' l-UE.

L-isfidi

Illum aktar minn qatt qabel huwa rrikonoxxut li r-raġuni fundamentali għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' l-UE għandha bżonn terġa' tiġi ddikjarata f'termini li jirriflettu r-realtajiet politiċi, ekonomiċi u soċjali ta' llum. Dan huwa partikularment il-każ f'ċirkustanzi fejn ir-rivoluzzjoni teknoloġika qed tirristruttura x-xogħol u r-relazzjonijiet soċjali li qed iġġib magħha, u fejn it-tixjiħ gradwali tal-popolazzjoni ta' l-Ewropa huwa sfida għaż-żamma ta' preżenza Ewropea qawwija fix-xena dinjija.

Rigward l-evoluzzjonijiet demografiċi, l-Ewropa bħalissa qed tħabbat wiċċha ma' problemi li qatt ma rat bħalhom qabel. Fl-2030, l-UE se jkollha 18-il miljun żagħżugħ inqas milli għandha llum; fl-2050, se jkun hemm 60 miljun abitant inqas mil-lum.

Bejn l-2005 u l-2030, l-għadd ta' persuni ta' 'l fuq minn 65 sena se jitla' għal 52.3% tal-popolazzjoni (+40 miljun), filwaqt li l-grupp ta' persuni ta' bejn il-15 u l-64 sena se jonqos b'6.8% (-21 miljun).

Il-proporzjon bejn il-persuni inattivi (żgħar, xjuħ u persuni dipendenti oħra) u l-persuni fl-età tax-xogħol se jiżdied minn 49% fl-2005 għal 66% fl-2030.

Dan l-iżvilupp huwa r-riżultat ta' żewġ fatturi.

L-ewwel wieħed huwa ż-żieda fil-medja ta' l-għomor. Mill-1960 'l hawn, il-medja ta' l-għomor meta wieħed jagħlaq 60 telgħet b'ħames snin għan-nisa u bi kważi erba' snin għall-irġiel. B'riżultat ta' dan, l-għadd ta' persuni ta' 'l fuq minn 80 sena se jikber b'180% sa l-2050.

It-tieni fattur huwa t-tnaqqis fir-rata tat-twelid. Ir-rati tal-fertilità fl-Ewropa niżlu b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar perjodi ta' għaxar snin. Filwaqt li l-inqas rata tat-twelid meħtieġa biex il-popolazzjoni tinżamm fil-livell ta' bħalissa hija 2.1 tfal għal kull mara, fl-2003 n-nisa fl-UE bħala medja kellhom 1.48 tfal.

Dawn l-iżviluppi għandhom konsegwenzi kbar għall-prosperità u għar-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet.

Sfidi ulterjuri għas-sistema Ewropea huma diversi aspetti tal-globalizzazzjoni u tar-rivoluzzjoni teknoloġika, li jagħmluha aktar faċli u finanzjarjament interessanti għall-kumpaniji biex jirrilokaw f'pajjiżi fejn il-ħaddiema jitħallsu pagi baxxi, u dawn il-pajjiżi jistgħu jkunu inqas żviluppati fir-rigward tal-ħarsien tax-xogħol, tal-konsumatur u ta' l-ambjent.

Minħabba l-globalizzazzjoni, xi Stati Membri urew proporzjon interessanti ta' tkabbir ekonomiku, li jikkontribwixxi pożittivament għat-tnaqqis tal-faqar fuq livell globali.

Madanakollu, xi Stati Membri oħra esperjenzaw diffikultajiet biex jadattaw ruħhom għal din ir-realtà ġdida, li kabbret is-sens ta' diżorjentament fost iċ-ċittadini, partikularment f'dawk l-Istati Membri fejn il-livelli tan-nies bla xogħol huma għolja ħafna, u wkoll f'dawk l-istati fejn falliet ukoll l-integrazzjoni ta' ħaddiema emigranti u l-familji tagħhom.

Ir-Riforma

Għal din ir-raġuni, u għal bosta oħrajn, illum ir-riforma tal-mudell soċjali Ewropew tinsab fil-qalba tad-dibattitu fl-Ewropa.

Il-bidliet demografiċi (it-tixjiħ, ir-rati tat-twelid li qed jonqsu, medja itwal ta' għomor), l-iżviluppi teknoloġiċi, il-globalizzazzjoni, it-tfaċċar ta' ekonomiji industrijali ġodda u l-pressjonijiet li dawn iġibu fuq in-nefqa pubblika joħolqu l-ħtieġa ta' riforma urġenti tas-sistemi soċjali sabiex ikun żgurat li jkollhom rwol produttiv fl-ekonomija tagħna.

L-ambitu għal din ir-riforma, li tant hija meħtieġa, huwa wiesa': għandha impatt fuq il-leġiżlazzjoni, fuq il-baġits, fuq l-amministrazzjoni pubblika u fuq ir-relazzjonijiet industrijali.

Kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud, il-Mudell Soċjali ta' l-UE mhux il-problema ewlenija ta' l-UE. Il-problema hija iktar kwistjoni tar-reżistenza kbira li tidher fit-twettiq tar-riformi ekonomiċi. Sakemm l-UE qed tikber b'madwar 1% jew 2%, m'hemmx wisq x'jista' jsir, u t-telfien ta' benefiċċji soċjali huwa kważi inevitabbli.

L-UE tista' tikkontribwixxi għar-riforma neċessarja permezz ta' aktar integrazzjoni tas-suq intern, li toħloq opportunitajiet kbar għaċ-ċittadini ta' l-UE u għat-tkabbir u l-prosperità. Jeħtieġ li s-suq intern jerġa' jingħata s-saħħa permezz ta' żieda sostanzjali fl-investiment u permezz tal-Perspettivi Finanzjarji sa l-2013, li jkunu biżżejjed biex tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali u soċjali fil-ħamsa u għoxrin Stat Membru kollha kemm huma; billi tilliberalizza aktar is-swieq u ċ-ċaqliq ħieles tan-nies b'mod li ma jikkontribwixxix għal 'ġirja 'l isfel'; u billi jikkompleta n-netwerks Transewropej.

Id-deċiżjonijiet

L-Istrateġija ta' Liżbona fittxet li tindirizza l-ħtieġa għal riformi soċjali u tas-suq komprensivi u integrati bil-għan li tinħoloq Ewropa ta' l-Eċċellenza, li tkun kapaċi tilqa' dawn l-isfidi. Aktar tard, f'Diċembru 2001, id-Dikjarazzjoni ta' Laeken ukoll għarfet b'mod ċar li huwa essenzjali li l-Ewropa "terġa' tiġi varata" fil-kuntest ta' l-ordni globali ġdid.

Fiż-żewġ deċiżjonijiet id-dimensjoni soċjali ta' l-Ewropa titqies bħala fundamentali għall-appoġġ taċ-ċittadini għall-proġett ta' l-Unjoni Ewropea.

Għalkemm f'dan il-punt il-Kostituzzjoni rratifikawha 15-il Stat Membru, fi tnejn ġiet irrifjutata permezz ta' referendum. Sar ħafna dibattitu dwar għaliex ġiet irrifjutata fi Franza u fl-Olanda, iżda li hu ċar hu li l-Preambolu, li jistipula l-ambizzjonijiet għall-Unjoni, il-valuri u l-objettivi fil-Parti I, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-Parti II, jirriflettu fil-biċċa l-kbira tagħhom is-sens qawwi li għandhom iċ-ċittadini dwar id-definizzjoni tagħhom infushom bħala Ewropej.

Dan l-abbozz ta' Rapport dwar il-Mudell Soċjali Ewropew għall-Ġejjieni jieħu dan il-kuntest bħala l-punt tat-tluq tiegħu u jispjega fil-qosor il-kunċett tal-Mudell Soċjali Ewropew, u wkoll kif nistgħu mmexxu 'l quddiem il-kunċett fl-ewwel snin tas-seklu 21 bħala parti mill-proċess biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ta' l-Ewropej għall-kontinent tagħna, u għall-ġustizzja dinjija.

Il-korapporteurs tagħkom jenfasizzaw li din ir-riforma m'għandhiex tkun tikkonsisti f'li wieħed iċedi dak li nkiseb bis-saħħa tal-mudell Ewropew iżda fiż-żamma tal-valuri fundamentali billi tiġi żgurata s-sostenibilità tal-mudell Ewropew.

Is-sostenibilità tal-mudell tiddependi kemm fuq is-suċċess ta' l-istrateġija għat-tkabbir u x-xogħol, kif ukoll fuq ir-riformi fil-mudell innifsu. Il-bażi għar-riforma u għas-sostenibilità hija ambjent dinamiku orjentat lejn l-innovazzjoni u li jiffavorixxi n-negozju, li jkun jirrispetta l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u jirrikonoxxi l-ħtieġa li għandhom in-nies għas-sigurtà f'soċjetà li qed tinbidel malajr.

Il-problema tas-sostenibilità hija kkonċentrata ħafna iktar fis-sistemi kontinentali u Mediterranji, u dan jiġġustifika l-ħtieġa li wieħed iħares lejn modi ġodda ta' kif jiġu ffinanzjati s-sistemi tas-sigurtà soċjali, bħal permezz tal-valur miżjud maħluq mill-kumpaniji.

Għandna nżommu f'moħħna li l-kompetittività ta' l-Ewropa u l-mudell soċjali tagħha m'humiex il-maqlub ta' xulxin, imma jiddependu fuq xulxin. L-aġenda dwar il-modernizzazzjoni għandha tkun imsejsa fuq il-prinċipju li l-politika soċjali, jekk tkun imfassla kif suppost, hija fattur produttiv għat-tkabbir ekonomiku u għall-prosperità. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod komprensiv l-istrateġija ta' Liżbona, li hija l-mappa tat-toroq għar-riforma. Għandhom jittieħdu b'urġenza l-miżuri meħtieġa sabiex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva u sabiex tinħoloq soċjetà tabilħaqq imsejsa fuq l-għarfien.

F'dan ir-rigward huwa importanti l-kunċett tal-"Flessigurtà": dan ifisser strateġija sabiex jiġu żviluppati aktar flessibilità fis-suq tax-xogħol, il-modernizzazzjoni ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol u tar-relazzjonijiet industrijali, flimkien mas-sigurtà u l-ħarsien soċjali ta' l-impjegati, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja. Għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati li jinsabu fis-suq tax-xogħol jew li għandhom diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol jiksbu ħiliet aħjar u jirċievu l-għajnuna.

Dan jikkorrispondi mat-tliet sfidi ewlenin ta' l-istrateġija ta' Liżbona fil-qasam tax-xogħol:

- żieda fl-adattabilità tal-ħaddiema;

- l-inkoraġġiment ta' aktar nies biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, u

- l-investiment ikbar fil-kapital uman u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha.

L-Ewropa m'għandhiex iċċedi l-politiki soċjali ambizzjużi tagħha, iżda għandha tutilizza b'mod sħiħ il-kontribuzzjoni li dawn jistgħu jagħtu għar-riżultati ekonomiċi u għall-kwalità tal-ħajja.

- it-titjib ta' l-effiċjenza tal-politiki soċjali,

- l-eliminazzjoni tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-faqar u ta' diżinċentivi oħra għax-xogħol,

- l-investiment fl-iżvilupp ta' l-edukazzjoni, fit-taħriġ vokazzjonali, fis-sosteniment tas-saħħa u fl-attivazzjoni tar-riżorsi umani permezz ta' politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol,

- il-garanzija li l-modalitajiet tal-finanzjament tal-politiki soċjali jikkontribwixxu għax-xogħol u għat-tkabbir filwaqt li jinżamm il-prinċipju ta' l-appoġġ reċiproku u tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.

L-edukazzjoni għandha importanza ċentrali; is-saħħa, it-titjib fil-ħiliet, it-tagħlim tul il-ħajja kollha u t-tneħħija tax-xkiel għall-aċċess għas-suq tax-xogħol. L-iżvilupp tal-kapaċità umana mhux biss huwa vitali sabiex tinbena soċjetà msejsa fuq l-għarfien iżda huwa wkoll element ewlieni ta' l-integrazzjoni soċjali u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini kollha. Aktar investiment fil-kapaċità umana u fl-attivazzjoni tagħha jtejjeb ukoll il-kwalità u l-kwantità tal-forza tax-xogħol. Dan huwa essenzjali għat-tkabbir, minħabba li l-għarfien u l-ħiliet individwali ikabbru l-produttività u jżidu l-kapaċità ta' soċjetà li tiżviluppa u tadatta għal teknoloġiji ġodda. L-aċċelerazzjoni u l-firxa tal-bidla teknoloġika jagħmluha iktar urġenti li wieħed iżomm il-ħiliet taċ-ċittadini kollha aġġornati permezz tat-tagħlim tul il-ħajja kollha, biex b'hekk jikbru l-possibilitajiet tan-nies biex ilaħħqu ma' l-isfidi tal-kompetizzjoni globali min-naħa ta' ekonomiji dejjem aktar imsejsa fuq l-għarfien.

Daqstant ieħor huwa importanti li ċ-ċittadini Ewropej jifhmu u jappoġġjaw din il-ħtieġa għal riforma tas-sistemi soċjali. Kampanji pubbliċi mill-istituzzjonijiet ta' l-UE, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet pubbliċi għandu jkollhom rwol fil-forniment ta' tagħrif u fin-negozjati dwar il-bidla mat-trejdjunjins u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Il-Mudell Soċjali Ewropew u l-benefiċċji tiegħu huma eżempju perfett biex iċ-ċittadini ta' l-UE jaraw kif l-UE hija parti minn ħajjithom. L-impjiegi, it-tkabbir, il-prosperità u l-ġustizzja soċjali huma kwistjonijiet importanti għaċ-ċittadini ta' l-UE.

Il-mudell soċjali ta' l-UE għall-ġejjieni għandu jkun rifless f'sistema, li tkun sintesi ta' dak li hu l-aħjar f'kull sistema nazzjonali, filwaqt li tħalli spazju għall-preferenzi u l-kundizzjonijiet nazzjonali.

L-irwol ta' l-Unjoni Ewropea versu l-kompetenzi ta' l-Istati Membri

Il-politiki soċjali u tax-xogħol huma primarjament kompetenzi ta' l-Istat Membru u r-responsabilità tagħhom f'dan il-qasam m'għandhiex tiġi sottovalutata. Madanakollu, l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti x'tiżvolġi biex tgħin lill-politiki nazzjonali finanzjarjament mhux biss permezz tal-Fondi Strutturali iżda wkoll permezz ta' sforzi għall-koordinazzjoni tal-politiki fl-ambitu tal-proċess ta' Liżbona, il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi u l-metodi miftuħa ta' koordinazzjoni rigward il-ħarsien soċjali u l-edukazzjoni. L-irwol tal-parlamenti nazzjonali għandu jissaħħaħ fl-implimentazzjoni tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, kif għandu jkun il-każ ukoll fir-rigward ta' l-irwol tal-Parlament Ewropew.

Id-dimensjoni esterna

Il-mudell soċjali ta' l-UE kien il-makna tal-paċi fl-UE, u fl-istess waqt serva ta' eżempju għad-dinja. F'dan il-kuntest, l-UE trid tieħu fuqha l-biċċa xogħol li tgħin lil pajjiżi ġodda li qed jitfaċċaw biex isibu bilanċ globali bejn it-tkabbir ekonomiku u standards soċjali u ambjentali għolja.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI (3.5.2006)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni
(2005/2248(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Emine Bozkurt

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza Bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu s-suġġerimenti li ġejjin:

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Marzu 2006 rigward il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi,

    wara li kkunsidra l-istrateġija ta' Liżbona u l-objettiv tal-kisba ta' rata ta' parteċipazzjoni ta' 60% tan-nisa fis-suq tax-xogħol sa l-2010, u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-ġejjieni ta' l-istrateġija ta' Liżbona mill-perspettiva tas-sess[1],

–    wara li kkunsidra l-Mappa tat-Toroq għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2006-2010,

A.  billi l-Istati Membri għandhom jimxu mal-Mappa tat-Toroq għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2006-2010,

B.   billi l-mudell soċjali Ewropew jirrifletti sett komuni ta' valuri, imsejjes fuq l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà, il-ħelsien u d-demokrazija, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

C.  billi bħalissa 19-il miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea jinsabu qiegħda u billi aktar minn 65 miljun ruħ jgħixu taħt il-linja tal-faqar,

1.   Jisħaq li l-prinċipji ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat għandhom jiddaħħlu b'mod sistematiku fil-politiki kollha ta' l-UE u fil-politiki soċjali u ekonomiċi ta' l-Istati Membri, u jagħmel stedina għal inizjattivi biex wieħed iħares lejn dawn l-affarijiet minn perspettiva integrata;

2.   Jisħaq li kundizzjonijiet instabbli tax-xogħol u nuqqas ta' sigurtà fl-impjieg ifissru li n-nisa jkollhom ftit wisq opportunitajiet biex jippromwovu u jiżviluppaw karriera professjonali u dan jaffettwa bil-kbir il-benesseri ġenerali tagħhom u, b'mod ġenerali, l-għażliet tal-ħajja tagħhom;

3.   Jisħaq li l-involviment attiv tan-nisa, fuq perjodu twil ta' żmien, fis-suq tax-xogħol jista' jipprovdi rispons għall-isfidi li jġibu magħhom il-bidla demografika u l-globalizzazzjoni u jgħin biex jinkisbu t-tkabbir, il-kompetittività u l-objettivi tal-koeżjoni soċjali stipulati f'Liżbona; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-titjib tad-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-kategoriji kollha ta' ħaddiema, u ż-żieda tar-rata tax-xogħol ta' l-UE, ikollhom impatt pożittiv fuq in-nisa u fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE;

4.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li d-dimensjoni tas-sess tkun integrata fil-mudell soċjali Ewropew tal-ġejjieni u fl-elementi li se jkun magħmul minnhom; jagħmel osservazzjoni li għandu jkun hemm enfasi ġdida u metodi ġodda fil-politika soċjali; jiġbed l-attenzjoni, għaldaqstant, għall-ħtieġa li jkun hemm sistemi effettivi ta' sigurtà soċjali li jiżguraw li tittieħed azzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' ambjent tax-xogħol mingħajr periklu, flessibbli u ta' kwalità;

5.   Jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa għal riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet sabiex ikunu żgurati għal kulħadd drittijiet għall-pensjoni li jkunu aktar ġusti soċjalment u indipendenti, sabiex ikun żgurat li n-nisa u l-irġiel fid-dar b'familji dipendenti u dawk li jkunu fuq liv tal-maternità jew tal-ġenituri ma jiġux penalizzati meta jirtiraw u sabiex jinqered il-faqar minn fost in-nisa xjuħ;

6.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu passi sabiex jittejbu l-prospetti tax-xogħol u tal-karrieri tan-nisa, inklużi n-nisa kbar fl-età, u l-inklużjoni soċjali tan-nisa; jiġbed l-atenzjoni għall-importanza li jiġi żgurat li l-ħajja professjonali u tal-familja jkunu jistgħu jiġu rikonċiljati permezz, fost affarijiet oħra, tal-provvediment ta' faċilitajiet aċċessibbli u bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu ta' fejn jieħdu ħsieb it-tfal ('childcare') jew persuni dipendenti, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona, u li jiġu indirizzati l-isterjotipi dwar il-qsim tar-responsabilitajiet tal-familja bejn l-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjonijiet konkreti sabiex jindirizzaw id-differenzi persistenti bejn is-sessi fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali, fil-ħlas u fix-xogħol, partikularment b'konnessjoni mal-karrieri xjentifiċi għan-nisa;

7.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu ikbar mill-opportunitajiet li jippermettu l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni bil-ħsieb li titpoġġa flimkien għall-użu komuni l-prattika tajba fir-rigward tax-xogħol u l-prospetti għall-karrieri għan-nisa, u jindika l-importanza li l-parteċipanti soċjali rilevanti jkunu mdaħħla fl-abbozzar tal-politiki nazzjonali u Ewropej li fihom tkun integrata d-dimensjoni tas-sess;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE[2] dwar l-inqas dħul garantit li għandhom jipprovdu s-sistemi tal-ħarsien soċjali ta' l-Istati Membri fil-kuntest ta' politika ġenerali biex tkun promossa l-integrazzjoni ekonomika u soċjali ta' dawk li jieħdu dak il-benefiċċju;

9.   Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li n-nisa m'humiex rappreżentati biżżejjed fil-korpi u fl-istrutturi assoċjati mas-sħab soċjali, meta wieħed iqis l-irwol fundamentali tas-sħab soċjali fil-promozzjoni ta' l-opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol;

10. 

11. Huwa tal-fehma li huwa ta' importanza kruċjali għat-tkabbir ekonomiku, għall-prosperità u għall-kompetittività li jkun hemm politika dwar l-ugwaljanza; jilqa', għaldaqstant, l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill Ewropew tal-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi, li għandu l-għan li jinkoraġġixxi passi fil-livell ta' l-Istati Membri u fil-livell Ewropew sabiex jintemmu d-differenzi bejn is-sessi u jiġu missielta l-isterjotipi rigward is-sessi fis-suq tax-xogħol, li jippromwovi bilanċ aħjar għal kulħadd bejn ix-xogħol u l-ħajja u jsaħħaħ it-tmexxija permezz ta' l-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sess u ta' kontroll aħjar;

12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkompletaw it-transpożizzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kurrenti kontra d-diskriminazzjoni fil-liġi nazzjonali u jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' l- acquis communautaire u biex tagħmel studju dwar inizjattivi ġodda li jistgħu jittieħdu biex jikkompletaw il-qafas legali eżistenti dwar l-ugwaljanza;

13. Jinnota bi tħassib li l-mira tal-Kunsill ta' Barċellona li sa l-2010 jkunu pprovduti servizzi fejn jieħdu ħsieb it-tfal għal mill-inqas 90% tat-tfal ta' bejn it-3 snin u l-età ta' l-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33% tat-tfal ta' taħt it-3 snin ma tistax tintlaħaq;

14. Iħeġġeġ lill-pajjiżi li se jissieħbu u lill-pajjiżi kandidati biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jibdlu l-politiki tagħhom skond il-prijoritajiet stipulati mill-Mappa tat-Toroq għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irgiel u biex jiżguraw li jkun hemm rispett lejn il-jeddijiet tan-nisa u li jitjieb l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u għall-miżuri ta' sigurtà soċjali; f'dan ir-rigward jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2005 dwar l-irwol tan-nisa fit-Turkija fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika[3];

15. Jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa li jiġu studjati u indirizzati speċifikament il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa minn minoritajiet etniċi u n-nisa immigranti.

PROĊEDURA

Titolu

Mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni

Numru tal-proċedura

2005/2248(INI)

Kumitat responsabbli

EMPL

Kumitat mitlub jagħti opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

FEMM
19.1.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Emine Bozkurt
23.11.2005

Rapporteur preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

21.3.2006

25.4.2006

3.5.2006

 

 

Data ta' l-adozzjoni

3.5.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Hiltrud Breyer, Maria Carlshamre, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Zita Gurmai, María Esther Herranz García, Lívia Járóka, Urszula Krupa, Pia Elda Locatelli, Astrid Lulling, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Marie-Line Reynaud, Teresa Riera Madurell, Amalia Sartori, Eva-Britt Svensson, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Mary Honeyball, Christa Klaß, Heide Rühle, Feleknas Uca, Marta Vincenzi

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

19.4.2006

OPINJONI tal-Kumitat għall-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni
(2005/2248(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Giulietto Chiesa

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu s-suġġerimenti li ġejjin:

1.   jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-politika tagħha dwar il-kummerċ tippromwovi u tiddefendi l-valuri Ewropej, kif stipulat fl-Artikolu I-3 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li għadu mhux fis-seħħ, b'mod partikulari ekonomija tas-suq soċjali u kompetittiva ħafna, li timmira għal xogħol għal kulħadd u għall-progress soċjali, kompetizzjoni ħielsa u ġusta, u livell għoli ta' ħarsien u titjib tal-kwalità ta' l-ambjent, żvilupp sostenibbli, promozzjoni tal-progress xjentifiku u teknoloġiku, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-ħaddiema u, b'mod aktar ġenerali, ir-rwol tas-sħab soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-ħarsien ta' jeddijiet it-tfal, it-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi, il-biedja multifunzjonali u d-diversità kulturali;

2.   jilqa' l-globalizzazzjoni u jinnota li kkontribwiet għat-tkabbir ekonomiku ta' l-aħħar 30 sena, li qatt ma kien hawn bħalu, kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-bqija tad-dinja; ifakkar ukoll li l-globalizzazzjoni għamlitha possibbli għal negozji Ewropej, u speċjalment għall-konsumaturi Ewropej, li jagħmlu gwadanni kbar;

3.   huwa tal-fehma li biex jiġu promossi l-valuri Ewropej il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jadottaw linja konsistenti f'fora bħall-ILO, l-OECD u l-Aġenziji Ambjentali Multilaterali filwaqt li n-negozjati fi ħdan id-WTO u n-negozjati kummerċjali bilaterali jridu jappoġġjaw l-objettivi politiċi difiżi f'dawk il-fora l-oħra;

4.   jemmen, b'mod partikulari, li x-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol għandu jkun integrat iktar mill-qrib fil-ftehimiet tad-WTO u huwa tal-fehma li l-evalwazzjonijiet ta' l-ILO dwar l-istandards bażiċi tax-xogħol għandhom ikunu integrati fl-istrateġiji ta' l-UE fir-rigward tad-WTO u tan-negozjati bilaterali;

5.   jappoġġja l-introduzzjoni ta' fond Ewropew għall-aġġustament għall-globalizzazzjoni, imfassal biex itaffi l-effetti negattivi tal-liberalizzazzjoni, jassisti l-aġġustament ekonomiku, jippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp xjentifiċi u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Liżbona; jagħmel stedina għal inizjattiva ġdida ta' finanzjament biex tippromwovi r-riċerka xjentifika u teknika fil-livell Ewropew bil-ħsieb li fl-Ewropa jinħoloq xogħol ġdid u ta' kwalità għolja;

6.   jagħmel osservazzjoni li hemm bżonn ta' investiment fir-riċerka u f'teknoloġiji ġodda sabiex jingħata tagħlim tul il-ħajja kollha, sabiex tiġi sodisfatta l-ħtieġa għal iktar kompetittività wara l-effetti tal-globalizzazzjoni, bil-ħsieb li jinħolqu aktar impjiegi u li jiġu missielta l-qgħad u l-emarġinazzjoni soċjali;

7.   huwa tal-fehma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu l-għajnuna fil-qasam tal-gvern tajjeb u l-promozzjoni tad-demokrazija, sabiex jibbenefikaw mir-riżultati tan-negozjati kummerċjali multilaterali jew reġjonali;

8.   jisħaq fuq l-importanza tas-swieq miftuħa għall-prodotti u s-servizzi Ewropej, mingħajr ma jixxekkel l-iżvilupp ta' pajjiżi terzi u filwaqt li titqies il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw l-iżbilanċ eżistenti ta' ħiliet u ta' esperjenza;

9.   jilqa' l-introduzzjoni ta' l-iskema GSP+, li tipprovdi inċentivi għal standards soċjali u ambjentali ogħla, u jagħmel stedina biex dan il-metodu jiġi estiż għall-ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ; jinnota l-ħtieġa li l-Kummissjoni tikkontrolla mill-qrib l-implimentazzjoni ta' l-iskema bil-ħsieb li tiżgura li jkun hemm konformità ma' dawn l-istandards;

10. jemmen li l-implimentazzjoni ta' politika ta' kummerċ imsejsa fuq preferenzi kollettivi Ewropej u valuri komuni globalment, u politika ta' għajnuna mmirata lejn il-promozzjoni ta' l-edukazzjoni, ta' standards bażiċi tax-xogħol u ta' l-ambjent, u ta' standards ta' trasparenza u ta' gvern tajjeb, se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-piż politiku ta' l-Unjoni Ewropea f'istituzzjonijiet internazzjonali;

11. jirrikonoxxi li, minkejja li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tista' tipprovdi opportunità għaċ-ċittadini Ewropej, dawn qed jitħassbu dejjem iktar dwar l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fuq l-impjiegi Ewropej u fuq l-istandards ta' l-għixien; jistieden lill-Kummissjoni biex issejjes in-negozjati kummerċjali kollha fuq l-istrateġija ta' l-iżvilupp sostenibbli kif imfassla mill-Kunsilli Ewropej ta' Liżbona u ta' Gothenburg; f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem għal iktar trasparenza fin-negozjati kummerċjali, biex il-Parlament Ewropew ikun mgħarraf fil-ħin, u biex tipprovdi analiżi ċari u indipendenti ta' l-ipejjeż u l-benefiċċji tal-ftehimiet kummerċjali ġodda proposti permezz ta' kontinwazzjoni u estensjoni ta' Studji dwar l-Impatt fuq is-Sostenibilità (SIAs) mmoniterjati mill-Parlament Ewropew;

12. jilqa' inizjattivi, inkluż it-tikkettar tal-prodotti, li jfittxu li jinfurmaw lill-konsumaturi Ewropej dwar il-kundizzjonijiet ambjentali u soċjali tax-xogħol li fihom isiru l-prodotti; jisħaq li dawn l-inizjattivi m'għandhomx iwasslu għal iktar protezzjoniżmu fl-Unjoni Ewropea; jisħaq li l-kumpaniji Ewropej għandhom jingħataw ir-responsabilità li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tax-xogħol tal-ħaddiema kollha fil-proċessi tal-produzzjoni tagħhom, inkluż fix-xogħol esternalizzat;

13. fir-rigward tas-sistemi tal-ħarsien soċjali, jagħmel stedina sabiex isir studju dwar il-qagħda fir-rigward ta' l-irtirar obbligatorju fl-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha jkollhom iċ-ċertezza li l-perjodi li matulhom jaħdmu barra l-Istat Membru tagħhom se jkunu rrikonoxxuti b'mod xieraq;

14. huwa tal-fehma li l-Parlamenti għandhom rwol importanti biex jinfurmaw lill-pubbliku u biex iwasslu t-tħassib tagħhom lin-negozjaturi kummerċjali, imma huwa tal-fehma wkoll li dan jirrikjedi li l-Kummissjoni tforni tagħrif fil-ħin u komprensiv waqt in-negozjati.

PROĊEDURA

Titolu

Mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni

Numru tal-proċedura

2005/2248(INI)

Kumitat responsabbli

EMPL

Kumitat mitlub jagħti opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA
16.2.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

Le

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Giulietto Chiesa

23.11.2005

Rapporteur preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

21.2.2006

21.3.2006

19.4.2006

 

 

Data ta' l-adozzjoni

19.4.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+: 23

–: 0

0: 1

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Daniel Caspary, Françoise Castex, Giulietto Chiesa, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Jacky Henin, Syed Kamall, Helmuth Markov, David Martin, Georgios Papastamkos, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Bogusław Rogalski, Robert Sturdy, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Panagiotis Beglitis, Margrietus van den Berg, Danutė Budreikaitė, Elisa Ferreira, Robert Goebbels, Filip Andrzej Kaczmarek, Jörg Leichtfried, Mauro Zani

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA (2.6.2006)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni
(2005/2248(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Miloslav Ransdorf

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu s-suġġerimenti li ġejjin:

1.    Huwa tal-fehma li, għalkemm għadu ma jeżistix "Mudell Soċjali Ewropew" wieħed, l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq tradizzjonijiet umanisti u fuq sett komuni ta' valuri, ibbażati fuq il-preservazzjoni tal-paċi, tal-ġustizzja soċjali, tas-solidarjetà, tal-ħelsien u d-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

2.    Huwa tal-fehma li l-istandards soċjali huma essenzjali għat-tkabbir sostenibbli, u li hemm bżonn li l-istandards soċjali u ambjentali għolja fi ħdan is-suq wieħed ikunu armonizzati;

3.    Jaf li wieħed mill-pedamenti tal-mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni għandu jkun l-ekonomija soċjali jew it-tielet pilastru, li jiġbor fih il-koperattivi, is-soċjetajiet reċiproċi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, li jiffurmaw parti strutturali mill-mudell innifsu, minħabba l-irwol storiku tagħhom, u li huma fattur għall-iżvilupp, għas-sostenibilità u għall-effiċjenza fil-ġejjieni;

4.    Jagħraf li mudell soċjali Ewropew li jnissel il-koeżjoni huwa kundizzjoni essenzjali minn qabel għal integrazzjoni aktar fil-fond, għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u bbilanċjat u għal kwalità aħjar tal-ħajja għall-abitanti kollha tal-kontinent tagħna; jemmen li tali mudell, li jinkorpora l-ogħla standards internazzjonali, se jipprovdi l-flessibilità meħtieġa biex jissaħħaħ l-irwol globali ta' l-Ewropa;

5.    Jagħraf li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini li fuqhom se jkun imsejjes il-mudell soċjali Ewropew armonizzat tal-ġejjieni għandhom ikunu jinkludu d-dritt għax-xogħol u għal biżżejjed ħin ħieles, id-dritt għall-ħarsien tal-benesseri bbażat fuq sistema ta' għoti ta' somom ta' flus, pensjonijiet u benefiċċji, u aċċess universali garantit għal servizzi pubbliċi b'xejn, bħas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni;

6.    Itenni li hemm ħtieġa urġenti li jissolvew il-problemi tal-qgħad, tal-faqar u ta' l-esklużjoni soċjali; u għaldaqstant jagħmel stedina biex jiġu adottati miżuri fi ħdan il-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew;

7.    Huwa tal-fehma li l-fatt li r-rati tat-twelid fl-Ewropa qed jonqsu qed idgħajjef il-prospetti tat-tkabbir għall-ekonomiji Ewropej;

8.    Ifakkar l-importanza tas-soċjetà msejsa fuq l-għarfien u tal-modernizzazzjoni fl-Istrateġija ta' Liżbona, tal-konċentrazzjoni fuq valur miżjud ogħla, u tat-tkabbir tar-rata tax-xogħol;

9.    Jistieden lill-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 136 et seq. tat-Trattat, biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-politika soċjali tagħhom, b'konċentrazzjoni fuq kwistjonijiet ta' natura transkonfinali;

10.  Huwa mħasseb serjament li, fin-nuqqas ta' żidiet ċari u sinifikanti fir-Riċerka u l-Iżvilupp u fit-Teknoloġiji ta' l-Informatika u tal-Komunikazzjoni, u sakemm ma titpoġġiex leġiżlazzjoni fil-prattika, m'hux se jkun possibbli li jinkisbu l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Liżbona;

11.  Jisħaq li t-tbaxxija tal-livell tal-pagi fl-UE jista' jwassal għal ridistribuzzjoni tad-dħul u konsegwentement għal domanda globali iktar dgħajfa għall-prodotti tal-konsum, u b'hekk jinħoloq ambjent negattiv għall-investimenti, għall-produzzjoni u għall-kompetittività;

12.  Huwa konvint li huwa essenzjali li wieħed jippromwovi u jħares l-aċċess ta' l-individwi għas-soċjetà, speċjalment għal kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol diċenti u għall-edukazzjoni u t-taħriġ, irrispettivament mill-istejtus soċjali;

13.  Jisħaq li l-politika soċjali ma tfissirx li r-regoli eżistenti jitnaqqxu fil-ġebel jew li jiġu imposti oħrajn ġodda minn fuq; għall-kuntrarju, għandna nosservaw il-prinċipju li l-ġenerazzjoni li jmiss m'għandux ikollha tħallas djun li jkunu saru biex tinkiseb il-prosperità tal-ġenerazzjoni ta' issa, u li l-politika ekonomika, dik soċjali, dik tax-xogħol u dik edukattiva għandhom jimxu id f'id bil-għan li jinħolqu impjiegi ġodda;

14.  Huwa tal-fehma li l-benefiċċji li joħorġu mill-"ħin ħieles" - jiġifieri kapital uman imsaħħaħ b'għarfien divers - għandhom jiġu ttrasformati f'motivazzjoni għal produttività ogħla, li twassal għal pagi ogħla u għal standards ta' għixien imtejba;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni, fit-tagħlim tul il-ħajja kollha u fis-servizzi fejn jieħdu ħsieb it-tfal, biex jinkoraġġixxu r-Riċerka u l-Iżvilupp u konsum aktar effiċjenti ta' l-enerġija, inqas burokrazija u leġiżlazzjoni aħjar, u biex joħolqu klima ta' negozju aktar favorevoli u dinamika b'aktar impjiegi, partikularment fl-intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu aġenda dwar il-politika soċjali li tkun immirata lejn: l-iżvilupp ta' soċjetà ċċentrata fuq l-inklużjoni u l-koeżjoni, li tkun teħtieġ miżuri favur l-iżvilupp stabbli u r-rispett għal drittijiet il-ħaddiema; il-promozzjoni ta' soċjetà msejsa fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra kull għamla ta' diskriminazzjoni; il-kisba ta' tqassim tal-ġid li jkun immaniġġjat b'mod li jippromwovi l-benesseri ta' kull individwu, u dan jissupponi li jkun hemm sistemi pubbliċi u universali ta' benesseri u aċċess universali garantit għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja; politika soċjali li tinkludi l-gruppi kollha fis-soċjetà; u l-promozzjoni ta' demokrazija parteċipattiva li hija meqjusa bħala komponent integrali tad-diversi politiki soċjali u politiki dwar ix-xogħol;

17.  Iwissi li l-iżbilanċ soċjali u d-distabilizzazzjoni jistgħu ipoġġu t-tkabbir ekonomiku fil-periklu;

18.  Jitlob l-iżvilupp tar-responsabilità soċjali korporattiva sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji jkunu jwieġbu lil dawk li jkollhom interess fihom, ir-rekwiżiti dwar ir-rappurtaġġ soċjali u ambjentali, l-implimentazzjoni ta' l-istandards u l-prinċipji internazzjonali, u l-verifika u l-moniteraġġ indipendenti; jirrakkomanda l-użu ta' miżuri ta' natura pubblika bħall-akkwist pubbliku sabiex tiġi stimulata l-imġiba responsabbli;

19.  Jenfasizza n-neċessità­ tad-djalogu soċjali u tas-sħubija fl-Ewropa u huwa tal-fehma li t-tkabbir ekonomiku u aktar ġustizzja soċjali għandhom jimxi id f'id b'riżultat ta' sforzi konġunti mill-gvernijiet, mill-parlamenti, minn min iħaddem u mill-impjegati;

20.  Jagħmel stedina għal dibattitu wiesa' rigward id-dritt ta' kulħadd għal pensjonijiet ta' livell aċċettabbli iżda li jista' jintlaħaq, biex b'hekk iċ-ċittadini kbar fl-età jinżammu 'l bogħod mill-faqar u jkunu jistgħu jkollhom standards ta' għixien diċenti;

21.  Jemmen li huwa l-irwol ta' l-UE li tippromwovi tkabbir li jkun bilanċjat ambjentalment u soċjalment, anki barra l-Ewropa; jisħaq fuq l-importanza li l-UE tagħmel pressjoni politika u ekonomika fuq pajjiżi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali u tax-xogħol;

22.  Jisħaq li l-UE għandha tkun aktar attiva biex tħares lilha nnifisha kontra d-dumping soċjali minn pajjiżi li sejsu l-istrateġija tagħhom biex isiru kompetittivi fuq in-nuqqas ta' osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali u tax-xogħol.

PROĊEDURA

Titolu

Mudell soċjali Ewropew għall-ġejjieni

Numru tal-proċedura

2005/2248(INI)

Kumitat responsabbli

EMPL

Kumitat mitlub jagħti opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE
15.12.2005

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

le

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Miloslav Ransdorf
26.1.2006

Rapporteur preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

20.2.2006

18.4.2006

30.5.2006

 

 

Data ta' l-adozzjoni

30.5.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

18

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Philippe Busquin, Jerzy Buzek, Joan Calabuig Rull, Pilar del Castillo Vera, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Den Dover, Adam Gierek, Norbert Glante, Umberto Guidoni, András Gyürk, Fiona Hall, David Hammerstein Mintz, Rebecca Harms, Erna Hennicot-Schoepges, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Werner Langen, Vincenzo Lavarra, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Umberto Pirilli, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Alejo Vidal-Quadras Roca

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Edit Herczog, Toine Manders, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Vittorio Prodi, John Purvis

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia I Cutchet, Giovanni Berlinguer, Marco Cappato, Guntars Krasts, Kathy Sinnott

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

PROĊEDURA

Titolu

Mudell Soċjali Ewropew għall-ġejjieni

Numru tal-proċedura

2005/2248(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

EMPL
15.12.2005

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

FEMM
19.1.2006

INTA
16.2.2006

ITRE
15.12.2005

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Korapporteurs
  Data tal-ħatra

José Albino Silva Peneda & Proinsias De Rossa
23.1.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

21.3.2006

20.4.2006

3.5.2006

 

 

Data ta' l-adozzjoni

22.6.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

36

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Emine Bozkurt, Iles Braghetto, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Proinsias De Rossa, Harlem Désir, Harald Ettl, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Roger Helmer, Stephen Hughes, Ona Juknevičienė, Jan Jerzy Kułakowski, Sepp Kusstatscher, Jean Lambert, Raymond Langendries, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Jan Tadeusz Masiel, Ana Mato Adrover, Maria Matsouka, Ria Oomen-Ruijten, Csaba Őry, Pier Antonio Panzeri, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mihael Brejc, Françoise Castex, Dieter-Lebrecht Koch, Magda Kósáné Kovács, Lasse Lehtinen, Marianne Mikko, Leopold Józef Rutowicz, Patrizia Toia

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Małgorzata Handzlik

Data tat-tressiq

13.7.2006

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)