RAPPORT dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

    13.7.2006 - (COM(2006)0097 – C6‑0102/2006 – 2006/0029(CNS)) - *

    Kumitat għas-Sajd
    Rapporteur: Carmen Fraga Estévez

    Proċedura : 2006/0029(CNS)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A6-0241/2006
    Testi mressqa :
    A6-0241/2006
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

    (COM(2006)0097 – C6‑0102/2006 – 2006/0029(CNS))

    (Proċedura ta' konsultazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kunsill (COM(2006)0097)[1],

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 37 u 300(2) tal-Trattat KE,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel inċiż, tat-Trattat KE, skond liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0102/2006),

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6‑0241/2006),

    1.  Japprova l-konklużjoni tal-ftehima;

    2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u r-Repubblika tas-Seychelles.

    • [1]  Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.

    NOTA ĠUSTIFIKATTIVA

    F'Lulju 2004 il-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd adotta konklużjonijiet dwar l-approċċ Komunitarju l-ġdid li minn din id-data għandu jirregola l-ftehimiet ta' sajd konklużi mill-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi.

    Dan l-approċċ il-ġdid jissostitwixxi dak li hu l-iktar użat fir-relazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-sajd, jiġifieri li l-pajjiżi terzi jingħataw kontribuzzjoni finanzjarja fissa bi ftehim komuni bi skambju għad-drittijiet ta' sfruttament tar-riżorsi marittimi żejda, permezz ta' relazzjonijiet imsejsa fuq kooperazzjoni ikbar fis-settur ekonomiku, tekniku u xjentifiku sabiex ikunu garantiti sostenibilità ikbar u skema aħjar ta' l-isfruttament tar-riżorsi.

    B'hekk, il-ftehimiet ġodda ta' sajd ta' l-Unjoni Ewropea ma jibqgħux ftehimiet purament - u leġittimament - kummerċjali fil-qafas tal-politika tas-sajd u jibdew isaħħu d-dimensjoni ta' kooperazzjoni diġà preżenti u jissodisfaw l-objettivi rilevanti tal-politika ta' kooperazzjoni lill-iżvilupp.

    Bħala konsegwenza tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni diġà fis-seħħ, il-ftehimiet il-ġodda ta' sħubija jipprovaw jieħdu formuli li kellhom suċċess fl-għajnuna għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd ta' parti kbira ta' pajjiżi, jew aħjar is-soċjetajiet imħalltin, li kienu sottomessi b'tali mod kompletament absurd u li jaqbel li wieħed jifraħ li reġgħu stabbilixxew rwieħhom, billi jiġi preċiżat li dawn għandhom jirriflettu rwieħhom fil-futur tal-Fond Ewropew għas-Sajd, kif talab il-Parlament Ewropew.

    Bl-istess mod, il-ftehimiet il-ġodda jimponu parteċipazzjoni ħafna ikbar mill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi fil-qasam ta' protezzjoni u ta' sorveljanza tar-riżorsi tagħhom, filwaqt li jħeġġuhom biex jinvestu parti mill-kontribuzzjoni Komunitarja għar-riċerka xjentifika, il-kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd u l-implimentazzjoni ta' politiċi interni ġodda fil-qasam tas-sajd li, skond l-opinjoni tal-Kummissjoni - li għandha tapprovahom -, għandhom jinkludu impenn ambjentali ikbar.

    Meta l-konklużjonijiet tal-Kunsill ġew adottati, l-Unjoni Ewropea kienet qed tmexxi numru konsiderevoli ta' ftehimiet fis-seħħ. Barra minn dan, saru negozjati kemm għall-protokolli ta' ċerti ftehimiet li kienu se jiskadu kif ukoll għal ftehimiet totalment ġodda, bħal dawk li kienu għadhom kif ġew konklużi ma' ċerti Stati ta' l-Oċean Paċifiku u ta' l-Oċean Indjan.

    Bħala konsegwenza, ikun aħjar li l-ftehimiet fis-seħħ jiġu adattati bil-mod il-mod għall-filosofija l-ġdida li toħroġ mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd ta' l-2004. Dan hu, infatti, l-objettiv tal-proposta għall-eżami relatata mal-ftehima tas-sajd mal-gżejjer tas-Seychelles, li tmur lura għall-1987[1].

    Għaldaqstant, dan ir-rapport jipproponi l-approvazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni. Madanakollu, ir-rapporteur tagħkom jixtieq jagħmel xi rimarki.

    Duplikazzjoni fil-qasam ta' l-istrumenti legali

    L-aħħar protokoll fil-qasam tas-sajd mal-gżejjer tas-Seychelles ġie ffirmat fit-23 ta' Settembru 2004 u l-ftehima li kienet tagħmel parti mill-proposta għall-eżami ġiet iffirmata f'Marzu 2005. Dan jagħti x'jifhem li n-negozjati relatati mal-Protokoll u dawk relatati mal-Ftehima żvolġew prattikament b'mod paralleli. Hu meħtieġ allura li wieħed jistaqsi għaliex prossimità bħal din tad-dati ma ntużatx biex jiġu adottati b'mod konġunt iż-żewġ dokumenti u biex tiġi evitata tali duplikazzjoni amministrattiva lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Il-Kummissjoni spjegat li l-prijorità ngħatat lill-Protokoll biex tkun evitata l-interruzzjoni tiegħu u, bħala konsegwenza, ir-riskju għas-sajjieda li jkollhom iwaqqfu l-attivitajiet ta' sajd tagħhom. Madanakollu, jekk wieħed jikkunsidra, min-naħa l-waħda, il-fatt li il-Kunsill xorta m'adottax il-Protokoll qabel it-8 ta' Diċembru 2005 (jiġifieri sena u tliet xhur wara li ġie ffirmat) u li, min-naħa l-oħra, in-numru ta' astuzji legali li l-Kummissjoni ħolqot biex tipprova preċiżament tevita li l-lajma burokratika eżasperanti tiegħu tinterrompi l-attivitajiet tas-sajd (titwil, applikazzjoni proviżorja u, fl-aħħar nett, il-possibilità għall-pajjiżi terzi li jagħtu l-liċenzji mingħajr ma jistennew li l-Kunsill japprova dan il-Protokoll), hemm lok li wieħed isaqsi jekk kienx ikun aħjar li ż-żewġ atti legali jsiru flimkien u li wieħed jiffranka, hekk, mill-inqas nofs il-proċess amministrattiv.

    Waqt it-tiġdid ta' kull protokoll, il-Parlament Ewropew, dejjem b'iktar forza, juri n-nuqqas ta' kuntentizza tiegħu rigward il-lajma tal-ħidmiet tal-Kummissjoni. Illum, hemm bżonn li wieħed jistaqsi wkoll jekk hiex kapaċi tagħmel żewġ affarijiet f'daqqa.

    Tqabbil tat-terminoloġija użata u l-kontenut tal-ftehima

    L-ewwel nett, l-Artikolu 4 għandu t-titolu ta' "Kooperazzjoni statistika", imma l-kontenut tiegħu jitkellem esklussivament dwar il-kooperazzjoni xjentifika, ħaġa kompletament differenti u ta' firxa ħafna ikbar. Li d-dejta relatata ma' l-attivitajiet tas-sajd għandha titqassam hi ħaġa evidenti! Bħal ma hu previst, il-finalità u r-riżultati tal-kooperazzjoni xjentifika huma ideat prinċipali u jikkorrispondu eżattament għal dak li l-Kunsill jitlob mill-ftehimiet ġodda ta' sħubija. Allura, dan għandu jidher fil-Ftehima. Dan għaliex, jekk is-Seychelles ma jikkooperawx ma' riċerki xjentifiċi bħal dawn biex jiżguraw is-sostenibilità tar-riżorsi, jistgħu dawn jitqiesu responsabbli jekk dawn jargumentaw li kienu bagħtu statistiċi dwar l-attività tas-sajd?

    Il-Kummissjoni tindika li s-Seychelles jipproklamaw bis-sħiħ li r-riċerka xjentifika taqa' esklussivament taħt is-sovrenità tagħhom. Ħadd mill-Kummissjoni ma kien kapaċi jispjega lill-awtoritajiet tas-Seychelles li ħadd ma kien qed jikwistinja dan? U l-għan kien sempliċiment li jiġu proposti mezzi u ffinanzjar biex jiżdied il-livell ta' riċerka fis-Seychelles?

    Skond ir-rapporteur tagħkom, il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Kummissjoni ma treġġix u hu diffiċli li wieħed jemmen li uffiċjali Komunitarji, li huma kapaċi jobbligaw pajjiż terz li joħroġ l-flus għal kontribuzzjoni finanzjarja f'oqsma li, ħafna drabi, - u rridu nirrikonoxxu u nifhmu dan il-fatt - ma jikkonstitwixxux prijorità għall-ekonomiji dgħajfa tagħhom, m'humiex kapaċi jispjegaw li l-eżekuttiv Komunitarju għandu wkoll jagħti kont lill-Parlament Ewropew u liċ-ċittadini Ewropej, li jitolbu minnu trasparenza u jridu jkunu jafu fejn qed immorru l-flus.

    Mistoqsija terminoloġika oħra tirrigwarda l-Artikolu 12 li fil-verżjoni Spanjola għandu t-titolu ta' "Expiración" (tmiem). Ir-rapporteur tagħkom jemmen li aħjar li wieħed jitkellem fuq "Denuncia" (irtirar) mill-ftehima. Il-Kummissjoni spjegat li dan jista' jkun żball tat-traduzzjoni min-naħa tal-verżjoni oriġinali Ingliża u li se jkun żgurat li l-verżjonijiet kollha jaqblu. Din hi x-xewqa tar-rapporteur tagħkom.

    Klawsola ta' esklussività

    Id-dħul ta' klawsola ta' dan it-tip kien suġġett għal dibattiti twal fl-Unjoni Ewropea mill-bidu stess tal-politika esterna tal-Komunità. Klawsola ta' dan it-tip għandha l-għan li tiżgura li s-sidien Komunitarji tal-bastimenti li jwettqu l-attivitajiet ta' sajd tagħhom bil-kundizzjonijiet iffissatti mill-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi ma jkunux mhedda mill-kompetizzjoni inġusta ta' sidien oħra tal-bastimenti li, fuq bażi privata u b'kundizzjonijiet totalment moħbija mill-awtoritajiet Komunitarji, jistadu fl-istess żoni ta' sajd mingħajr ma jintrabtu bl-ebda impenn fil-qasam tal-kontroll li l-Unjoni Ewropea timponi fil-qafas tal-Ftehima.

    Din hija klawsola mill-iktar importanti jekk wieħed irid jikkonkretizza l-impenji ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sostenibilità tar-riżorsi fuq skala internazzjonali u r-rapporteur tagħkom jemmen, għaldaqstant, li għandu jkun hemm klawsola bħal din fid-dispożittivi tal-ftehima u mhux, jew mhux biss, fil-protokolli.

    Il-Kummissjoni argumentat, madanakollu, li din il-klawsola kienet sistematikament fil-protokolli, imma kull min jara l-Ftehima l-ġdida mal-Marokk jew mat-Tanzanija jinduna li mhux qiegħda hemm.

    Konklużjonijiet

    1. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd ta' Lulju 2004 iddefinixxew qafas ġdid applikabbli għall-ftehimiet ta' sajd konklużi ma' pajjiżi terzi sabiex jitnaqqsu l-aspetti kummerċjali ta' dawn il-ftehimiet u tiżdied il-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-kontenut tagħhom. B'hekk, hemm bżonn li l-ftehimiet fis-seħħ jiġu adattati għall-mudell il-ġdid ta' ftehimiet ta' sħubija. Il-Ftehima ta' sajd mar-Repubblika tas-Seychelles tmur lura għall-1987. Hemm lok allura li tiġi adattata. U l-Parlament Ewropew jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li l-Ftehima ta' l-1987 tiġi sostitwita b'dik li ġiet iffirmata f'Marzu 2005.

    2. Anke jekk dan mhux possibbli fil-każi kollha, il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tipprova tikkoinċidi d-dati tat-tiġdid tal-protokolli ma' dawk ta' l-iffirmar tal-ftehimiet il-ġodda. F'dan ir-rigward, il-każ tal-Ftehima mar-Repubblika tas-Seychelles hi emblemika, wara li wieħed jikkunsidra li l-protokoll il-ġdid ġie adottat mill-Kunsill f'Diċembru 2005 u li n-negozjati għat-tiġdid tiegħu u dawk relatati mal-konklużjoni tal-ftehima l-ġdida saru simultanjament. Il-proċess irrakkomandat jevita duplikazzjonijiet u iktar kumplessitajiet burokratiċi u finanzjarji li jagħmlu l-proċessi iktar lajmi b'mod intollerabbli, ħaġa li l-Kumitat għas-Sajd diġà lmenta dwarha f'ħafna okkażjonijiet.

    3. Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-dispożittivi tal-Ftehima jikkorrispondu għall-kontenut veru tagħha, biex tkun żgurata t-trasparenza u biex ikun evitat li l-kunflitti u nuqqas ta' ftehim fil-mument ta' l-applikazzjoni u tal-kontroll tagħha jagħmlu dannu, kemm lill-attività tal-flotot Komunitarji, kif ukoll lir-relazzjoijiet ta' l-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi terzi fil-qasam tas-sajd.

    Il-Parlament Ewropew jixtieq li l-klawsola ta' esklussività, li tiżgura l-prattika tajba tal-bastimenti Komunitarji u l-impenn ta' l-Unjoni Ewropea lejn l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi fl-ilmijiet mhux Komunitarji, u li tippermetti li tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta bejn l-operaturi Komunitarji, tiddaħħal fit-test tal-ftehimiet, u mhux biss f'dak tal-protokolli. Bħala konsegwenza, hu jitlob li din il-klawsola tiddaħħal fil-ftehimiet il-ġodda li jiġu ffirmati mill-Kummissjoni u jistieden lil din ta' l-aħħar biex tieħu l-miżuri neċessarji biex tintroduċi klawsola ta' dan it-tip fil-ftehimiet li diġà ġew konklużi.

    • [1]  Regolament (KEE) nru 1708/87 tal-Kunsill, ĠU L 119, 7.5.1987, p.26.

    OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (26.4.2006)

    għall-attenzjoni tal-Kumitat għas-sajd

    dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles
    (COM(2006)0097 – C6‑0102/2006 – 2006/0029(CNS))

    Rapporteur pour avis: Luisa Morgantini

    ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

    B'mod konformi ma' l-Artikolu 178 tat-Trattat li jistabblixxi Komunità Ewropea, il-politika komuni tas-sajd għandha tikkunsidra l-objettivi ta' żvilupp stipulati fl-Artikolu 177 tat-Trattat, b'mod partikulari f'dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra l-faqar u l-iżvilupp sostenibbli fost il-popolazzjonijiet lokali.

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni lejn dan l-obbligu waqt l-elaborazzjoni ta' l-opinjonijiet suċċessivi dwar il-ftehimiet antiki tas-sajd u l-ftehimiet ta' sħubija ġodda fis-settur tas-sajd li tressqu għandu mill-Kummissjoni Ewropea.

    Din il-proposta ġdida għal ftehim ta' sħubija fis-settur tas-sajd mar-Repubblika tas-Seychelles kienet toffri lill-Kummissjoni okkażjoni tajba biex tipproponi lill-Kunsill biex jikkunsidra opinjonijiet espressi fi ħdan il-Kumitat għall-Iżvilupp, u li jikkonforma b'hekk ma' l-obbligi tat-Trattat.

    Il-Kumitat jikkunsidra li b'kunsiderazzjoni ta' dawn l-objettivi ta' l-iżvilupp, ir-referenza għall-"attiviatjiet relatati" li tidher fl-aħħar ta' l-Artikolu 1 tal-ftehima ta' sħubija fis-settur tas-sajd mhix biżżejjed.

    L-Artikoli 1 u 7 tal-ftehima ta' sħubija fis-settur tas-sajd għandhom jiddisponu b'mod ċar li l-firxa tal-ftehima u l-kontribuzzjoni finanzjarja li tipprevedi jridu jagħtu benefiċċji lill-proġetti maħsuba għall-iżvilupp tal-popolazzjonijiet tal-kosta li jgħixu mill-qligħ tas-sajd.

    Wasal iż-żmien għall-Kummissjoni u għall-Kunsill li josservaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi Komunità Ewropea. L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu l-ewwel li josservaw it-termini tat-Trattat.

    Din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill ġiet preżentata lill-Parlament biss xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) nru 115/2006 tat-23 ta' Jannar 2006, skond liema l-bastimenti Ewropej huma awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet tas-Seychelles sas-17 ta' Jannar 2011.

    Fl-opinjoni tagħna għall-intenzjoni tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew, datata Settembru 2005, iddikjarajna b'mod ċar li l-Kummissjoni missha osservat il-qafas integrat applikabbli għall-ftehimiet ta' sħubija fil-qasam tas-sajd konklużi mal-pajjiżi terzi.

    Il-Kummissjoni preferiet tagħmel in-negozjati billi tappoġġja fuq is-sistemi tal-ftehimiet ta' sajd antiki, u t-tressiq ta' l-att legali preżenti jikkonferma li l-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament kellu raġun.

    Minn issa 'l quddiem il-Parlament hu mitlub li jaċċetta li l-att legali eżistenti jinbidel b'att ġdid, innegozzjat mill-ġdid b'konformità mal-qafas ġdid applikabbli għall-ftehimiet ta' sħubija fil-qasam tas-sajd.

    Aħna ma naraw l-ebda oġġezzjoni għal dan it-tibdil; aħna sempliċiment jiddispjaċina li l-Kummissjoni ħliet il-ħin u l-flus, meta dan seta' kien evitat li kieku kkunsidrat l-opinjoni tagħna

    EMENDI

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn l-emendi fi-rapport tiegħu:

    Test propost mill-Kummissjoni[1]Emendi tal-Parlament

    Emenda 1

    Premessa 3

    (3) Dan il-ftehim jipprevedi tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd sabiex jiġu żgurati l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi kif ukoll arranġamenti ta' assoċjazzjoni bejn intrapriżi li għandhom l-għan li jiżviluppaw, fl-interess komuni, attivitajiet ekonomiċi li għandhom x'jaqsmu mal-qasam tas-sajd u attivitajiet relatati.

    (3) Din il-ftehima tipprevedi tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd sabiex jiġu żgurati l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi, arranġamenti ta' assoċjazzjoni bejn intrapriżi li għandhom l-għan li jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi li għandhom x'jaqsmu mal-qasam tas-sajd u kif ukoll l-iżvilupp tal-popolazzjonijiet tal-kosta li jgħixu mill-qligħ tas-sajd, prinċipalment permezz ta' l-għajnuna lill-ħolqien ta' industriji żgħar lokali ta' ħarsien u ta' trasformazzjoni tal-ħut u lill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

    Numru tal-proċedura

    (COM(2006)0097 – C6‑0102/2006 – 2006/0029(CNS))

    Kumitat responsabbli

    PECH

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
      Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    DEVE

    3.4.2006

    Rapporteur għal opinjoni
      Data tal-ħatra

    Luisa Morgantini

    21.3.2006

    Eżami fil-kumitat

    25.4.2006

     

     

     

     

    Data ta' l-adozzjoni

    25.4.2006

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    -:

    0:

    20

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Margrietus van den Berg, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Nirj Deva, Fernando Fernández Martín, Michael Gahler, Filip Andrzej Kaczmarek, Ģirts Valdis Kristovskis, Maria Martens, Luisa Morgantini, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Jan Zahradil

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Milan Gaľa, Jan Jerzy Kułakowski, Linda McAvan, Manolis Mavrommatis, Zbigniew Zaleski

    • [1]  Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

    Referenzi

    COM(2006)0097 - C6-0102/2006 - 2006/0029(CNS)

    Data meta ġie kkonsultat il-PE

    27.3.2006

    Kumitat responsabbli
      Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    PECH

    3.4.2006

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
      Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    BUDG

    3.4.2006

    DEVE

    3.4.2006

     

     

     

     

    Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
      Data tad-deċiżjoni

    BUDG

    30.5.2006

     

     

     

     

    Rapporteur(s)
      Data tal-ħatra

    Carmen Fraga Estévez

    5.4.2006

    Eżami fil-kumitat

    18.4.2006

    20.6.2006

     

     

     

    Data ta' l-adozzjoni

    12.7.2006

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +: 15

    −: 1

    0: 2

     

     

     

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Iles Braghetto, Niels Busk, David Casa, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Alfred Gomolka, Heinz Kindermann, Albert Jan Maat, Rosa Miguélez Ramos, Willi Piecyk, Struan Stevenson, Daniel Varela Suanzes-Carpegna

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Francesco Musotto, Helga Trüpel

    Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    13.7.2006