RAPPORT dwar ir-rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar azzjoni ta' kontra d-'dumping', ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja ta' pajjiżi terzi kontra l-Komunità (2004)

13.7.2006 - (2006/2136(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Cristiana Muscardini


Proċedura : 2006/2136(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0243/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar azzjoni ta' kontra d-'dumping', ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja ta' pajjiżi terzi kontra l-Komunità (2004)

(2006/2136(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar azzjoni ta' kontra d-'dumping', ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja ta' pajjiżi terzi kontra l-Komunità (2004) (COM(2005)0594),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Ottubru 2002 dwar id-Dsatax-il rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet ta' kontra d-'dumping' u ta' kontra s-sussidji tal-Komunità - Ħarsa ġenerali tal-monitoraġġ ta' każi ta' kontra d-'dumping', ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja ta' pajjiżi terzi[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-14 ta' Diċembru 1990 dwar il-politika tal-Komunità kontra d-'dumping'[2] u tal-25 ta' Ottubru 2001 dwar it-trasparenza u d-demokrazija fil-kummerċ internazzjonali[3],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Raba' Konferenza Ministerjali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO) f'Doha (Qatar), li fiha l-punt 28 jippreskrivi negozjati biex tiġi riveduta il-ftehima dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 bil-ħsieb li jiġu kjarifikati u mtejba d-dispożizzjonijiet relatati mad-dixxiplini,

–   wara li kkunsidra l-paragrafu 30 tad-dikjarazzjoni hawn fuq imsemmija, li jenfasizza l-bżonn li tiġi mtejba u kjarifikata l-ftehima dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ministerjali tat-18 ta' Diċembru 2005 dwar l-Aġenda ta' l-Iżvilupp Doha (DDA), u b'mod partikolari l-punti 28 u 34 u l-Anness D ta' dik id-dikjarazzjoni

–   wara li kkunsidra t-23 rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-azzjonijiet ta' kontra d-'dumping' u ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja tal-Komunità (2004) (COM(2005)0360),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 112(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0243/2006),

A. billi l-Unjoni Ewropea hija figura ewlenija fil-kummerċ internazzjonali dinji, għadha forza ekonomika qawwija u fl-2004 kienet l-esportatur ewlieni tal-merkanzija fid-dinja,

B.  billi l-iżviluppi fil-kummerċ internazzjonali jagħmlu l-aċċess għas-swieq esterni importanti daqs id-difiża tas-swieq tagħna minn prattiki kummerċjali inġusti,

C. billi l-liberalizazzjoni tal-kummerċ u ż-żieda dejjem ikbar fil-volum tal-kummerċ jippromwovu l-kompetizzjoni internazzjonali, iżda jżidu wkoll ir-riskju li l-esportazzjoni minn pajjiż partikolari tkun soġġetta għal miżuri tad-difiża tal-kummerċ, li għandhom impatt danneġġjanti għall-kompetittività tan-negozji tal-Komunità,

D. billi, taħt l-Aġenda ta' Liżbona riveduta reċentement, il-Komunità għamlet objettiv għaliha nnifisha biex issaħħaħ l-ekonomija Ewropea billi, fost l-oħrajn, ittejjeb il-kompettitività tal-Komunità fl-ekonomija dinjija,

E. jirrikonoxxi li l-kompettitività tal-Komunità hija marbuta mill-qrib mat-twaqqif ta' sistema ta' kummerċ dinjija li hija miftuħa u ġusta kemm jista' jkun,

F. billi l-kompettitività ta' l-ekonomija tal-Komunità ma tistax ma tkunx affettwata bl-impożizzjoni ta' ostakoli tariffati u mhux tariffati li m'humiex ibbażati fuq regoli tad-WTO, kemm jekk fil-Komunità kif ukoll jekk barra,

G. jirrikonoxxi li l-Komunità hija ġeneralment ikkunsidrata bħala waħda li tuża l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ b'mod 'moderat' u li għalhekk huwa fl-interess tal-Komunità li tassigura li l-leġiżlazzjoni u prattiki adottati mill-imsieħba internazzjonali tagħha jkunu konformi kemm jista' jkun mar-regoli tad-WTO,

1.  Hu mħasseb dwar iż-żieda mhux normali fin-numru ta' każijiet tad-difiża tal-kummerċ li jinvolvu kemm lill-utenti 'tradizzjonali' ta' l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ kif ukoll lil oħrajn, membri aktar reċenti tad-WTO; iqis illi, f'ħafna minn dawn il-każijiet, ir-regoli tal-WTO u l-każistika ġew parzjalment jew kompletament skartati, b'hekk issir ħsara mhux ġustifikata lill-industrija tal-Komunità;

2.  Jistieden lill-imsieħba fil-kummerċ tal-Komunità sabiex ikunu konformi iktar mill-qrib ma' l-ispirtu u l-ittra tal-ftehimiet fis-seħħ u l-każistika tad-WTO dwar l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ sabiex jevitaw kull forma ta' protezzjoniżmu; jistieden, b'mod partikolari, biex l-investigazzjonijiet ta' azzjonijiet ta' kontra d-'dumping', ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja, jitmexxew b'mod trasparenti u imparzjali;

3.  Jilqa' l-għajnuna provduta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-industrija Ewropea f'każijiet tad-difiża tal-kummerċ imressqa minn pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex konstantament timmoniterja l-azzjoni meħuda minn pajjiżi terzi biex tassigura li din hija xierqa u ġusta;

4.  Tinkoraġixxi lill-Kummissjoni biex tintervjeni, flimkien ma' l-Istat Membru konċernat, biex tiddefendi l-industrija tal-Komunità kull meta jkun aċċertat li qed isir ksur tar-regoli tal-kummerċ internazzjonali;

5.  Huwa ta' l-opinjoni li l-ħafna tilwim ikkawżat bl-applikazzjoni tal-miżuri tad-difiża tal-kummerċ jista' jiġa riżolt amikevolment għas-sodisfazzjon ta' kull parti konċernata; jikkunsidra, illi, madankollu, f'każijiet fejn ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni ta' kompromess f'perjodu raġjonevoli, il-Kummissjoni m'għandhiex toqgħod lura milli tirreferri l-kwistjoni lill-korp tad-WTO għar-riżoluzzjoni tat-tilwim sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni;

6.  Jesprimi sodisfazzjoni għas-suċċess milħuq mis-sistema tad-WTO għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, li wassal għal applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli multilaterali tal-kummerċ internazzjonali, u b'hekk poġġa s-sistema fuq bażi aktar sigura u ta' min joqgħod fuqha;

7.   Madankollu, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kampanja għal azzjoni biex tassigura li d-deċiżjonijiet tal-korp tal-WTO għar-riżoluzzjoni tat-tilwim jiġu implimentati aktar malajr u b'effikaċja, biex jiġi evitat l-użu ta' tattiki ta' dewmien u biex l-implimentazzjoni tal-liġi tal-kummerċ internazzjonali tkun aktar ċerta;

8.   Jistieden il-Kummissjoni sabiex b'mod riżolut tkompli bin-negozjati mad-WTO biex l-applikazzjoni tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ mill-Membri l-oħra tad-WTO tkun aktar effettiva, b'enfasi partikolari fuq il-punti segwenti:

      (a) l-applikazzjoni ta' regoli aktar stretti għar-reviżjonijiet ta' kull ħames snin, sabiex l-estensjoni tal-miżuri ta' kontra d-'dumping' u ta' kontra s-sussidji tkun eċċezzjonali;

      (b) is-simplifikar ta' proċeduri ta' kontra d-'dumping' u t-tnaqqis fl-ispejjes tan-negozji li jikkoperaw ma' l-awtorità li tkun qed tinvestiga;

      (c) l-analiżi ta' l-interess pubbliku u ta' l-impatt tal-miżuri fil-kwistjoni, mal-linji meħuda mill-Komunità;

      (d) iż-żieda fit-trasparenza ta' l-investigazzjonijiet, biex jiġu evitati prattiki illegali u jiġi garantit id-dritt ta' difiża għall-partijiet konċernati;

(e) il-limitazzjonijiet ta' miżuri għal dak li hu strettament meħtieġ biex jiġi eliminat 'dumping' li jagħmel ħsara;

(f) it-twaqqif ta' grupp ta' arbitraġġ ad hoc - konsistenti f'esperti relevanti - li għalih jistgħu jiġu riferuti deċiżjonijiet biex jinbdew investigazzjonijiet ta' kontra d-'dumping', u li jkun jista' jordna li l-investigazzjoni tintemm mingħajr dewmien jekk ir-regoli jkunu miksura; il-grupp ad hoc għandu jkollu linji gwida ċari dwar il-kompetenza relevanti tal-membri tiegħu dwar is-suġġett ikkonċernat;

9.   Jiddispjaċih li, minkejja l-anomaliji identifikati fl-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja, dan il-punt ma ġiex inkluż fid-DDA;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tagħmel kampanja fid-WTO għal reviżjoni radikali tar-regoli li jirregolaw l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja biex jiġi evitat l-użu eċċessiv u mhux ġustifikat ta' tali miżuri;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk ikunx xieraq li tirrevedi radikalment ir-regoli dwar l-użu ta' miżuri tad-difiża tal-kummerċ (ta' kontra d-'dumping', ta' kontra s-sussidji) taħt il-protezzjoni tad-WTO;

12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu japplikaw approċċ 'komunali' fil-każ ta' dawn il-kwistjonijiet biex il-miżuri inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod aktar armonjuż fil-kuntest tal-Komunità u jitnaqqsu n-numru ta' azzjonijiet meħuda kontra l-Komunità billi titpoġġa pressjoni b'mod sostenut fuq livell politiku u tekniku fuq il-membri tad-WTO li fi ħsiebhom japplikaw miżuri għad-difiża tal-kummerċ, filwaqt li konstantement jippruvaw ikabbru l-għarfien tal-kwistjonijiet involuti; madankollu, azzjoni 'komunali' m'għandhiex tintuża bħala skuża biex tappoġġja prattiki kummerċjali inġusti minn Stati Membri individwali;

13. Jenfasizza li jekk tiġi adottat approċċ 'komunali' biss ikun possibbli li wieħed jiddefendi effettivament l-interessi leġittimi tan-negozji żgħar u medji ta' l-Ewropa li jesportaw, meta jiġu iffaċċjati bi prattiki ta' protezzjoniżmu mill-pajjiżi li jimportaw;  

14. Jirrakommanda li l-Komunità ma tagħtix trattament preferenzjali lill-imsieħba fil-kummerċ li m'humiex jaġixxu skond ir-regoli tad-WTO u skond il-każistika, jekk tali azzjoni qed tagħmel ħsara lill-industrija tal-Komunità; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu inkonsiderazzjoni l-prinċipju tar-reċiproċità meta jkollha każijiet tad-difiża tal-kummerċ li jinvolvu lil dawk l-imsieħba fin-negozju;  

15. Jenfasizza illi, biex ir-regoli l-ġodda dwar il-kummerċ internazzjonali jkollhom l-appoġġ tal-pubbliku, għandhom jiġu applikati b'mod trasparenti u konsistenti, skond il-prinċipju ta' l-istat tad-dritt, kemm fil-Komunità kif ukoll barra;

16. Jiffavorixxi li jingħata trattament preferenzjali lill-pajjiżi inqas żviluppati li qed jibdew il-proċess ta' industrijalizzazzjoni biex ikunu jistgħu jipproteġu l-industriji tagħhom li għadhom qed jibdew mill-perikli ta' kompetizzjoni esterna eċċessiva, sakemm tali deroga mill-prinċipji ġenerali tad-WTO tkun temporanja u tagħti benefiċċji reali lill-pajjiżi inqas żviluppati;

17. Jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' programmi ta' taħriġ tekniku dwar azzjonijiet ta' kontra d-'dumping' u ta' kontra s-sussidji għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jitolbuhom; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi assistenza u appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jwaqqfu sistema tad-difiża tal-kummerċ li hija kompatibbli mar-regoli tad-WTO;

18. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  OJ C 300 E, 11.12.2003 , p. 120
  • [2]  OJ C 19, 28.1.1991, p. 633
  • [3]  OJ C 112E, 9.5.2002, p. 326

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Komunità Ewropea hija waħda mill-figuri prinċipali fil-kummerċ internazzjonali dinji u għadha forza ekonomika kbira. Fl-2004, 18% tal-kummerċ tal-merkanzija fid-dinja kienu prodotti Ewropej. Fl-2004 l-Komunità kienet l-esportatur ewlieni tal-merkanzija u t-tieni l-ikbar importatur wara l-Istati Uniti.

L-iżviluppi fil-kummerċ internazzjonali jfissru li l-aċċess għas-swieq barranin huwa importanti daqs id-difiża tas-swieq tagħna minn prattiki kummerċjali inġusti, bħall-iffalsifikar ta' l-oġġetti u l-importazzjoni ta' prodotti li ma jilħqux l-istandards ta' kwalità ta' l-EU. Il-liberalizazzjoni tal-kummerċ u ż-żieda dejjem ikbar fil-volum tal-kummerċ ikabbru l-kompetizzjoni internazzjonali iżda jżidu wkoll ir-riskju li l-esportazzjoni minn pajjiż partikolari tkun soġġetta għall-miżuri tad-difiża tal-kummerċ (miżuri ta' kontra d-'dumping', ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja).

Ovvjament il-Komunità Ewropea ma toġġezzjonax li l-prodotti esportati minnha jkunu investigati minn gvernijiet ta' stati membri oħra tad-WTO. Madankollu tħoss li hu meħtieġ li tiċċekkja jekk dawn l-investigazzjonijiet humiex jitmexxew skond ir-regoli internazzjonali eżistenti u li ma jsirux miżuri ta' protezzjoniżmu mfassla inġustament biex jirrestrinġu l-aċċess ta' prodotti Ewropej għas-suq.

Kull sena l-Kummissjoni tippubblika rapport li fih tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-miżuri tad-difiża tal-kummerċ li pajjiżi terzi jkunu ħadu kontra l-Komunita' Ewropea. Ir-rapport ta' l-2004 joffri lill-Parlament l-opportunità li jesprimi l-veduta tiegħu dwar dawn l-inizjattivi tal-Kummissjoni.

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jeżamina numru ta' każijiet partikolarment sinifikattivi sabiex jara x'diffikultajiet iltaqgħet magħhom l-industrija Ewropea f'dawn l-investigazzjonijiet, x'rimedji introduċiet l-Kummissjoni u x'inhuma l-prospetti futuri ta' żvilupp għal dan l-aspett pjuttost reċenti fil-politika kummerċjali tal-Komunità.

Ħarsa ġenerali

Matul l-aħħar ftit snin in-numru ta' każijiet tad-difiża tal-kummerċ (prinċipalment, imma mhux esklussivament dawk ta' kontra d-'dumping') żdied sostanzjalment. Pajjiżi emerġenti bħall-Indja, il-Brażil u l-Afrika ta' Isfel issa ngħaqdu ma' l-utenti 'tradizzjonali' ta' l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ (TDI) bħall-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Kanada u l-Awstralja.

Għall-pajjiżi żviluppati (u b'mod partikolari l-Istati Uniti ta' l-Amerika), li waħidha tifforma 25% tal-miżuri kollha kontra l-Komunità) il-problemi prinċipali jqumu minħabba implimentazzjoni eċċessivament legalistika u unilaterali tar-regoli, li xi drabi ma tantx tagħti kas tar-regoli u l-każistika tad-WTO. F'xi wħud mill-pajjiżi, l-awtoritajiet investigattivi jimxu ma' proċedura li tippermetti l-ftuħ kważi awtomatiku ta' investigazzjonijiet ta' kontra d-'dumping' filwaqt li ma tħallix miżuri totalment anakronistiċi jitneħħew.

Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni tispjega, madankollu, li ċerti pajjiżi 'emerġenti' qed japplikaw dazji tas-sisa protettivi mhux biex jikkontrobattu prattiki kummerċjali illegali imma biex jagħtu lil uħud mis-setturi industrijali tagħhom protezzjoni aktar mis-soltu mill-prodotti li ġejjin minn barra. F'ħafna każijiet l-istandards ta' investigazzjoni huma baxxi u jqajmu numru ta' mistoqsijiet dwar jekk humiex kompletament konformi mar-regoli tad-WTO.

Xi każijiet importanti

L-Istati Uniti ta' l-Amerika, 'zeroing' (Ds 294)

Iz-'zeroing' huwa l-metodu użat biex jiġi kkalkulat l-marġinu tad-'dumping', li jikkonsisti f'paragun bejn il-medja kkunsidrata tal-marġini individwali mal-medja tal-valur normali u l-prezzijiet individwali reġistrati għat-tranżazzjonijiet kollha ta' esportazzjoni li huma komparabbli. Dan il-metodu jwassal għal żieda fil-marġini tad-'dumping'.

Fl-2001, wara bord kontra l-miżuri tal-Komunità kontra d-'dumping' dwar lożor tal-qoton mill-Indja, id-WTO iddikjarat li l-prattika taz-'zeroing' hija illegali. L-Istati Uniti ta' l-Amerika minn dejjem irrifjutat li taċċetta dan l-eżitu, u tippretendi li din id-deċiżjoni tapplika biss għall-partijiet konċernati. Bir-rifjut ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika ma setax ikun evitat appell ulterjuri u bla ħtieġa lid-WTO. Dan seta' kien evitat kieku l-Istati Uniti ta' l-Amerika aċċettat il-verdett tad-WTO.

Każijiet Indjani ta' kontra d-'dumping'

Matul l-aħħar ftit snin l-Unjoni Indjana saret waħda mill-utenti prinċipali ta' l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ. Fl-aħħar ta' l-2004 l-Indja kellha 36 miżura ta' kontra d-'dumping' fis-seħħ kontra l-Komunità.

Il-każijiet Indjani ħafna drabi jkunu dgħajfin fir-rigward tad-determinazzjoni tad-danni u r-rabta kawżali bejn il-ħsara kkawżata lill-industrija nazzjonali u l-esportazzjoni minn barra.

F'ħafna minn dawn il-każijiet l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontra d-'dumping' waslet għat-tneħħija ta' kull tip ta' kompetizzjoni mis-suq Indjan, bi ħsara serja għall-industrija tagħna iżda wkoll għall-ekonomija Indjana, li qed tħallas prezz għoli f'dak li jirrigwardja l-kompettitività u l-effiċjenza minħabba l-għeluq bil-moħbi tas-swieq tagħha.

Il-każijiet tal-biedja tas-Sud Amerika u l-Awstralja

Ħafna membri tad-WTO qed jikkontestaw is-sussidji li l-Politika Agrikola Komuni toffri lill-bdiewa ta' l-EU. Għalhekk mhix sorpriża li fl-aħħar snin kien hemm żieda fin-numru ta' investigazzjonjiet miftuħa minn pajjiżi terzi kontra prodotti agrikoli Ewropej.

Il-Kummissjoni mhix tħaqqaqha dwar il-fatt li l-bdiewa Ewropej jistgħu jirċievu assistenza taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Madankollu, dan ma jagħtix id-dritt lill-membri l-oħra tad-WTO li japplikaw miżuri tad-difiża tal-kummerċ li jiksru l-ftehimiet eżistenti.

Fil-każ inkwistjoni, l-appoġġ għad-dħul mogħti lill-produtturi taż-żebbuġ fil-Komunità huwa biss komponent 'residwali' tal-prezz finali taż-żejt taż-żebbuġa u għandu impatt limitat fuq il-prezz tal-prodott finali esportat. Biex wieħed jikkonkludi, għalhekk, illi s-sussidji mogħtija lill-bdiewa jgħaddu kollha kemm huma fuq il-proċessuri ma jagħmilx sens ekonomikament u jinkoraġġixxi l-applikazzjoni ta' dazji tas-sisa eċċessivi.

Barra minn hekk, f'ħafna mill-każijiet eżaminati fir-rapport, il-ħsara kkawżata hija aktar minn sempliċi ħsara potenzjali, peress li l-pajjiżi konċernati jkunu ppruvaw 'jagħlqu' is-swieq tagħhom lill-esportazzjoni minn barra sabiex jgħinu sistema industrijali li mhix kapaċi tlaħħaq mad-domanda domestika dejjem tikber, kemm f'termini ta' kwalità u anke ta' kwantità.

L-użu estensiv ta' salvagwardji

Miżuri ta' salvagwardja huma strument qawwi u faċli biex jintuża. Fil-fatt, kontrarjament għall-miżuri ta' kontra d-'dumping' u ta' kontra s-sussidji, miżuri ta' salvagwardja ma jirrikjedux prova ta' kummerċ inġust mill-awtoritajiet investigattivi.

Il-ftehima tad-WTO dwar is-salvagwardji tfassal parametri formali u sostanzjali li huma ferm ogħla minn dawk relatati ma' 'anti-dumping', u jfakkar li dawn għandhom ikunu kunsidrati bħala rimedju 'estrem' u ta' eċċezzjoni.

Ħafna pajjiżi jikkunsidraw is-salvagwardji bħala l-ikar mod prattiku u mgħaġġel li bih jirrestrinġu l-aċċess ta' prodotti minn barra għas-swieq tagħhom.

Is-salvagwardji ntużaw ukoll mill-Istati Uniti biex tipproteġi s-suq tagħha mill-prodotti ġejjin minn barra. Għandu jkun enfasizzat li ħafna mis-salvagwardji ta' l-Istati Uniti (u b'mod partikolari s-salvagwardja ta' l-azzar) kienu bla dubju introdotti għal raġunijiet ta' protezzjoniżmu, peress li r-rimedji applikati ma kinux jirrimedjaw il-ħsara ikkaġunta mill-importazzjonijet iżda aktar biex jagħlqu s-suq, mingħajr konsiderazzjoni għall-kawżi reali tad-diffikultajiet fl-industrija ta' l-azzar Amerikana.

Ħafna minn dawn l-azzjonijiet għalhekk huma arbitrarji għaliex m'humiex konformi mar-rekwiżiti minimi tal-Ftehima dwar is-Salvagwardji u lanqas mal-każistika tad-WTO.

L-Istati Uniti - in-nasba ta' kontra d-'dumping'

Huwa faċli ħafna li tiġi involut f'investigazzjoni ta' kontra d-'dumping' (jew ta' kontra s-sussidji) imma huwa diffiċli ħafna li toħroġ minnha.

Il-ftehimiet tad-WTO jistipulaw illi dawk li jitolbu li tinfetaħ investigazzjoni għandhom ta' l-inqas jagħtu xi prova li qed isir 'dumping' u li dan ikkawża danni lill-produtturi nazzjonali. Imbagħad tkun l-awtorità investigattiva li tiddeċiedi jekk l-informazzjoni provduta mill-persuni li ressqu l-ilment hix biżżejjed biex jinfetaħ każ. Il-limitu ta' aċċettazzjoni ta' lment però, huwa baxx ħafna, bir-riżultat li investigazzjonijiet jistgħu jinbdew mingħajr il-ħtieġa li jintlaħqu r-rekwiżiti minimi stipulati mid-WTO.

Meta jinfetaħ każ ta' kontra d-'dumping', dan jiżviluppa skond il-każ. Il-produttur għandu jipprova li l-esportazzjoni tiegħu mhux qed tieħu xi benefiċċju mid-'dumping'. Dan kollu jiswa, kemm f'termini ta' ħela ta' ħin u anke ta' spejjeż. Għalhekk biex jiġu evitati spejjeż simili mhux ġustifikati, ikun aħjar li jintalab, fl-eventwalità ta' sentenza finali tad-WTO, li l-awtorità investigattiva tħallas lura ta' l-inqas ftit mill-ispejjeż li jkunu saru.

Aspett negattiv ieħor tal-prattika Amerikana huwa dak tar-reviżjonijiet ta' qabel l-iskadenzi (sunset reviews), magħrufa fl-Ewropa bħala 'reviżjonijiet ta' għeluq iż-żmien'. Dawn huma reviżjonijiet ta' kull ħames snin tal-miżuri ta' kontra d-'dumping' u ta' kontra s-sussidji provduti fil-ftehimiet tad-WTO. Matul dawn ir-reviżjonijiet l-awtorità investigattiva għandha tipprova li d-'dumping' u l-ħsara li tkun osservata matul l-investigazzjonijiet oriġinali probabbilment se jkomplu. It-titlu uffiċjali jidher li qed jissuġġerixxi li dawn il-miżuri ġeneralment jispiċċaw wara ħames snin u huma estiżi biss f'każijiet rari. Fil-fatt, madankollu, aktar minn 60% tal-miżuri Amerikani huma estiżi, meta mqabbla ma' 20-25% biss tal-miżuri Ewropej.

Ħarsa futura

Fid-dawl tal-ħiliet tagħha fil-kummerċ internazzjonali, il-Komunità Ewropea għandha żżomm u anke żżid id-difiża tal-kummerċ. Hekk biss imbagħad ikun possibbli li wieħed jimpedixxi l-implimentazzjoni spiss illegali tar-regoli tad-WTO inkwistjoni.

Dan ifisser li għandu jkun hemm aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-kumpaniji involuti fl-investigazzjonijiet ta' pajjiżi terzi, u appell sistematiku għall-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (Dispute Settlement Body) tad-WTO, jekk f'każijiet ta' ksur serju tar-regoli internazzjonali jkun impossibli li t-tilwima tiġi riżolta diplomatikament.

F'dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed isemmi l-isforzi tal-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-Aġenda ta' Doha. Fir-rigward tar-riżoluzzjoni tat-tilwim, il-Kummissjoni apertament ipproponiet li s-sistema għandha tkun iktar prevedibbli u trasparenti. Ikun mixtieq li d-deċiżjonijiet tad-WTO ikunu infurzati iktar malajr u b'mod effettiv, biex kemm jista' jkun ma jitħalliex l-użu ta' tattiki ta' dewmien.

Fir-rigward ta' ftehima ta' kontra d-'dumping', ġew proposti numru ta' titjibiet importanti, parzjalment ibbażati fuq il-proċedura li diġa qed tiġi segwita llum fl-investigazzjonijiet tal-Komunità:

Uħud mill-proposti l-iktar sinifikattivi huma:

1) l-implimentazzjoni iktar stretta tar-regoli tar-reviżjonijiet ta' għeluq iż-żmien, biex l-estensjoni tal-miżuri ta' kontra d-'dumping' tkun eċċezzjonali;

2) is-simplifikar ta' proċeduri ta' kontra d-'dumping' u t-tnaqqis fl-ispejjeż tan-negozji li jikkoperaw ma' l-awtorità li tkun qed tinvestiga;

3) l-analiżi ta' l-interess pubbliku u ta' l-impatt tal-miżuri inkwistjoni, bħal dawk użati fil-Komunità (magħrufa bħala 'l-interess tal-Komunità');

4) iż-żieda fit-trasparenza ta' l-investigazzjonijiet, biex jiġu evitati prattiki illegali u jiġi garantit id-dritt ta' difiża għall-partijiet konċernati;

5) l-implimentazzjoni wiesgħa tar-'regola ta' inqas dazju', jiġifieri, biex il-miżuri jiġu limitati għal dak li hu strettament meħtieġ biex jiġi eliminat id-'dumping';

6) ftehima negozjata tal-kwistjoni taz-'zeroing';

7) it-twaqqif ta' grupp ta' arbitragg ad hoc li għalih jiġu riferuti d-deċiżjonijiet biex tinfetaħ investigazzjoni ta' kontra d-'dumping'. Dan il-bord għandu jevalwa jekk intlaħqux ir-rekwiżiti minimi taħt il-ftehima tad-WTO u, f'każ ta' ksur, ikun jista' jwaqqaf l-investigazzjoni mingħajr dewmien.

Huwa sorprendenti, madankollu, li minkejja t-tħaddim ħażin serju li xi drabi jsir fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja, ma sar xejn fl-Aġenda ta' Doha biex dan jitranġa; Dan hu ta' ħasra, u għandhom isiru sforzi biex din il-kwistjoni terġa' titpoġġa fuq l-aġenda.

Tmiem

Fil-kuntest tal-kummerċ dinji, miżuri tad-difiża tal-kummerċ huma l-eċċezzjoni għar-regola tal-kummerċ ħieles bejn il-pajjiżi li aċċettaw ir-regoli tad-WTO.

L-implimentazzjoni ta' regoli ċari u uniformi dwar id-difiża tal-kummerċ jistgħu biss jinkoraġġixxu l-liberalizzazzjoni tas-suq. Barra minn hekk, miżuri tad-difiża tal-kummerċ li huma sempliċament illegali huma fil-fatt ostakolu għall-kummerċ u għandhom jiġu eliminati biex jgħinu s-sistema tad-WTO taħdem b'mod effettiv.

Għalhekk ikun aħjar li ma jitneħħewx dawn l-istrumenti, imma minflok wieħed jassigura li dawn jiġu implimentati kif suppost u skond il-liġi. Biex isir dan, madankollu, huma meħtieġa standards ċari internazzjonali u d-WTO għandha tingħata l-opportunità li tieħu azzjoni malajr u b'mod effettiv kontra kull abbuż tas-sistema.

L-għan prinċipali huwa bla dubju li jinqered il-ksur persistenti tar-regoli tal-kummerċ internazzjonali u r-rifjut sistematiku biex jiġu aċċettati l-verdetti tal-bordijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO. F'każijiet fejn ikun ġie ippruvat ksur tar-regoli internazzjonali, u fejn kien hemm ħsara serja lill-ekonomija Ewropea, il-Komunita' għandha tieħu azzjoni deċiżiva u m'għandhiex tkompli tgħin lill-imsieħba fil-kummerċ li ma jkunux konformi mar-regoli tad-WTO.

PROĊEDURA

Titlu

Rapport Annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar azzjoni ta' kontra d-'dumping', ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja ta' pajjiżi terzi kontra l-Komunità (2004)

Numru tal-Proċedura

(2006/2136(INI)

Kumitat responsabbli
  Awtorizazzjoni tad-data mħabbra fis-seduta plenarja

INTA
15.6.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħtu/i opinjoni(jiet)
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Opinjoni(ijiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Cristiana Muscardini
25.1.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Diskussa fil-kumitat

29.5.2006

 

 

 

 

Data adottata

12.7.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

24

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Jean-Pierre Audy, Enrique Barón Crespo, Daniel Caspary, Françoise Castex, Giulietto Chiesa, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Jacky Henin, Syed Kamall, Sajjad Karim, Alain Lipietz, Helmuth Markov, Javier Moreno Sánchez, Georgios Papastamkos, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Bogusław Rogalski, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Johan Van Hecke, Zbigniew Zaleski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Margrietus van den Berg, Eugenijus Maldeikis, Antolín Sánchez Presedo, Mauro Zani

Sostituti skond ir-Regola 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Anne Ferreira

Data tat-tressiq

13.7.2006

Kummenti (disponibbli f'lingwa waħda biss)