RAPPORT dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ ta' l-UE ma' l-Indja

20.7.2006 - (2006/2034(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Sajjad Karim

Proċedura : 2006/2034(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0256/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ ta' l-UE ma' l-Indja

(2006/2034(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għal Sħubija Strateġika bejn l-Indja u l-UE tas-7 ta' Settembru 2005 u b'mod partikolari s-sezzjoni dwar l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-9 laqgħa tal-konferenza bejn l-Indja u l-UE f'Hyderabad bejn it-18 u l-20 ta' Settembru 2005,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet ta' kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina[1].

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja. Sħubija Strateġika[2],

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-proposta għal-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' liċenzji obbligatorju ta' privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi bi problemi ta' saħħa pubblika[3],

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-WTO dwar il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta' Propjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS) u s-saħħa pubblika adottata fid-29 ta' Novembru 2005,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet ta' l-Unjoni Ewropea[4].

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' l-2004 bejn l-Indja u l-Istati Uniti: "Il-Pass li jmiss lejn Sħubija Strateġika" u s-Civil Nuclear Deal negozjat waqt iż-Żjara Statali tal-President George W. Bush fl-Indja fit-2 ta' Marzu 2006,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tan-negozjati ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tal-WTO f'Hong Kong[5],

 wara li kkunsidra s-'Summit' ta' l-Enerġija bejn l-UE u l-Indja li sar f' New Delhi fis-6 ta' April 2006,(A6 0256/2006)(A6 0256/2006)

 wara li kkunsidra ż-żjara ta' New Delhi u l-Punjab minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta' l-Asja t'Isfel u l-Assoċjazzjoni ta' l-Asja t'Isfel għall-Koperazzjoni Reġjonali (SAARC) f'April 2006,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6 0256/2006).

A. billi l-UE u l-Indja jikkostitwixxu l-akbar demokraziji fid-dinja u l-impenn kostituzzjonali tagħhom lejn il-pluraliżmu u l-istat tad-dritt jippromwovi l-konsistenza fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, filwaqt li jipprovdi ċertezza legali għall-investiment u jikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali u mondjali;

B.  billi l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt jinkludi numru komprensiv ta' attivitajiet li għandhom jitwettqu fil-qafas tad-djalogu u l-koperazzjoni fil-politika kummerċjali u ekonomika, iżda billi jonqos milli jiffissa prijoritajiet u dati ta' skadenza;

C.  billi l-UE hija l-akbar sors ta' investiment barrani dirett (FDI) ta' l-Indja b'ammont ħiereġ li jlaħħaq EUR 1,100 miljun fl-2004, u billi d-dħul fl-FDI ta' l-Indja lejn l-UE żdied minn EUR 140 miljun fl-2002 għal EUR 600 miljun fl-2003;

D.  billi l-Istati Membri ta' l-UE jikkostitwixxu 22.4% ta' l-esportazzjoni ta' l-Indja u 20.8% ta' l-importazzjoni u billi l-kummerċ bejn l-UE u l-Indja kiber minn EURO 4,400 miljun għal EUR 33,200 miljun bejn l-1980 u l-2004 u b'16.9% bejn 2003-2004;

E.  billi jeżisti żbilanċ fil-livelli relattivi ta' kummerċ bejn l-UE u l-Indja; billi l-UE tikkostitwixxi 21% tal-kummerċ ta' l-Indja iżda s-sehem ta' l-Indja mill-kummerċ ta' l-UE huwa inqas minn 1%; billi l-UE hija l-akbar sieħeb fil-kummerċ ma' l-Indja iżda l-Indja tinsab fl-10 post fil-lista relattiva ta' l-UE;

F.  billi l-ekonomija ta' l-Indja kibret b'medja ta' 6% fis-sena fl-aħħar għaxar snin u billi tista' tkompli tikber bejn 7-8% fl-għaxar snin li ġejjin;

G. billi settur finanzjarju ineffiċjenti huwa ta' xkiel għall-Indja sabiex iżżomm rata ta' tkabbir ekonomiku ta' 8%;

H. billi, minħabba l-kobor, il-popolazzjoni u t-tkabbir ekonomiku dinamiku tagħha fl-aħħar għoxrin sena, l-Indja hija potenza reġjonali emerġenti u waħda mill-potenzi nukleari dinjin kapaċi tinfluwenza d-direzzjoni ta' l-ekonomija u s-sigurtà fid-dinja, ħaġa li tagħti lill-Indja responsabilità akbar fil-fora multilaterali bħal ma huma n-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO) jew l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Nukleari, u fi ħdan organizzazzjonijiet reġjonali fl-Asja, b'mod partikolari l-SAARC u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta' l-Asja tax-Xlokk (l-ASEAN);

I.   billi l-espansjoni ta' l-Indja ġġib opportunitajiet ta' benefiċċju iżda tqanqal ukoll tħassib għal ċerti setturi ta' l-industrija ta' l-UE, u ġġib magħha l-bżonn ta' mmanniġġar u koperazzjoni f'livell politiku għall-immaniġġjar ekonomiku u kummerċjali ta' esportazzjoni tagħha fil-livell ta' l-UE;

J.   billi, jekk jinżamm it-tkabbir attwali fil-popolazzjoni ta' 2%, fl-2005 l-Indja jkollha popolazzjoni ta' 1.4 biljun ruħ u tkun ta' sfida għaċ-Ċina bħala l-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja;

K. billi fl-2020 l-età medja ta' Ewropew tal-Punent tkun 45 filwaqt li dik medja fl-Indja tkun biss ta' 29; billi, bħala riżultat tax-xejriet demografiċi kurrenti, it-tkabbir potenzjali ta' l-UE għandu jonqos sa' l-2020; billi, mill-banda l-oħra, il-vantaġġ prinċipali komparattiv ta' l-Indja huwa numru kbir ta' ħaddiema ta' età żgħira mħarrġa li jitkellmu bl-Ingliż u li ma jqumux flus;

L.  billi l-konklużjoni pożittiva ta' l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha (DDA) hija ta' importanza kruċjali kemm għall-UE u kemm għall-Indja u billi ftehim bħal dan ma jeskludix ftehimiet bilaterali tal-WTO+;

M. billi l-Indja hija waħda mill-pajjiżi li l-aktar jagħmlu użu mill-istrumenti kontra d-'dumping', kemm bħala inizjatur u kemm bħala l-mira tagħhom: fl-aħħar għaxar snin inizjat 412-il investigazzjoni, segwita mill-Istati Uniti b'358 u l-UE b'318;

N.  billi l-Indja reċentement stabbiliet qafas ta' Indikazzjoni Ġeografika (GI), iżda 27 GIs Indjani diġà ġew irreġistrati u aktar minn 40 applikazzjoni huma pendenti;

O.  billi l-infurzar ta' l-obbligi dwar id-drittijiet ta' propjetà intellettwali fi ħdan il-WTO huwa importanti kemm għall-UE u kemm għall-Indja;

P.  billi d-Djaspora Indjana hija ta' aktar minn 20 miljun, bi kważi 3 miljun jgħixu fl-UE, li jipprovdu finanzjament fl-Indja li jilħaq medja ta' 6,000 miljun Dollaru Amerikan fis-sena;

Q. billi t-tensjoni kontinwa mill-1945 'l hawn bejn l-Indja, li issa għandha armi nukleari, u l-Pakistan, li ġabet id-dinja fix-xifer ta' gwerra nukleari, tiskoraġġixxi l-investiment u l-impenji interni fiż-żewġ pajjiżi;

R.  billi d-domanda dinjija għaż-żejt kibret b'7 miljun barmil kuljum mill-2000 'il hawn, b'miljun barmil ta' dak it-tkabbir imur għall-Indja, li r-rata ta' konsum ta' żejt tagħha qed jiżdied b'ritmu mgħaġġel; billi l-Indja għandha r-raba' l-akbar industrija ta' l-etanol fid-dinja bi produzzjoni annwali ta' 462 miljun gallun fis-sena; billi 70% ta' l-enerġija kkunsmata fl-Indja hija impurtata; billi t-tkabbir ekonomiku kostanti se jiddependi mill-provvista ta' mezzi ta' enerġija ġodda; billi d-domanda dinjija għaż-żejt, li dejjem qed tikber, hija sors potenzjali ta' instabilità ekonomika u ta' tensjoni strateġika u politika;

S.  billi, madanakollu, l-Indja se tkun l-ewwel pajjiż fl-Asja t'Isfel li jistabbilixxi riservi strateġiċi taż-żejt;

T.  billi 390 miljun Indjan jgħix fuq inqas minn Dollaru Amerikan kuljum u billi t-tkabbir ta' l-Indja kellu effetti li ma kinux ugwali għas-setturi differenti tas-soċjetà, b'impatt biss fuq frazzjoni żgħira ħafna tal-popolazzjoni;

U. billi l-prodott gross domestiku ta' l-Indja tar-reġun li għandu l-aktar tkabbir mgħaġġel, Guajrat, irdoppja bejn l-1993 u l-2003 u l-prodott kull ras żdied b'73%; billi, min-naħa l-oħra, għall-ifqar ta' l-Indja, Bihar, iż-żieda fil-prodott kull ras kienet ta' 22% biss għall-istess perjodu;

V. billi t-tnedija ta' l-inizjattiva fit-2 ta' Frar 2006 magħrufa bħala l-Iskema ta' Garanzija għall-Impiegi Rurali, fid-distrett ta' Anantapur (Andhra Pradesh), se tissalvagwardja 100 jum xogħol fis-sena, fuq salarju minimu, fi proġetti pubbliċi għal membru wieħed ta' unitajiet tal-familji fuq dħul baxx; u billi dan il-programm jirrappreżenta l-iskema l-aktar ambizzjuża biex indirizzat il-faqar rurali fl-Indja;

W. billi l-Indja hija l-akbar benefiċjarju singolu ta' l-iskema GSP - Sistema Ġenerali ta' Preferenza, b'esportazzjoni ta' EUR 7,700 miljun intitolati għal aċċess preferenzjali lejn is-suq ta' l-UE, jew mingħajr l-ebda ħlas ta' dazju jew b'rati mnaqqsa, fl-2005; billi dan ifisser li kważi nofs l-esportazzjoni ta' l-Indja lejn l-UE, stmata li tlaħħaq ftit aktar minn EUR 17,000 miljun, ibbenefikat mill-iskema GSP; billi t-tariffi għall-ħwejjeġ Indjani tnaqqsu b'medja bejn 12% u 9.5%;

X. billi l-aktar li pprofittaw mill-abolizzjoni ta' kwoti fuq it-tessili u l-ħwejjeġ mill-1 ta' Jannar 2005 kienu ċ-Ċina u l-Indja bl-esportazzjoni tiżdied b'42% u 18% rispettivament, is-sena li għaddiet; billi, mill-banda l-oħra, bosta fornituri ta' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw marru lura, għalkemm l-impożizzjoni mill-ġdid ta' kwoti mill-UE fuq l-esportazzjoni taċ-Ċina f'nofs l-2005 kellha effett pożittiv fuq l-esportazzjoni tagħha fit-tieni nofs tas-sena;

Y. billi l-Indja għandha wieħed mill-ogħla rati fid-dinja ta' tħaddim ta' tfal;

Z.  billi, skond rapport ta' l-Istati Uniti ta' l-2006 dwar l-epidemija dinjija ta' l-AIDS, 5.7 miljun ruħ huma infettati bl-HIV/AIDS fl-Indja; billi inqas minn 1% tal-popolazzjoni ta' adulti fl-Indja attwalment huwa stmat li huwa infettat iżda l-Indja taqbeż l-Afrika t'Isfel bħala l-pajjiż bl-akbar numru ta' persuni infettati bl-HIV/AIDS, li huwa xhieda ta' l-impatt li l-marda qed ikollha fis-subkontinent ta' l-Asja t'Isfel; billi stati b'inċidenza għolja huma ekonomiji vivaċi li jiġbdu xogħol itineranti u s-servizzi ta' trasport fit-toroq, li t-tnejn iwasslu għall-infezzjoni;

AA. billi madwar 80% ta' l-art ġeografika ta' l-Indja hija vulnerabbli għaċ-ċikluni, l-għargħar, iċ-ċediment ta' massa ta' l-art, nixfiet, terremoti kif ukoll perikli karatteristiċi għal-lokal, u billi l-kumbinazzjoni ta' kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi foqra u d-diżastri ħolqot ċirku vizzjuż ta' faqar u vulnerabilità;

BB. billi l-preżenza tal-malarja u l-kolera għadhom sors ta' problemi serji fl-Indja, li għalihom politiki speċjali għandhom jiġu adottati;

CC. billi d-diskriminazzjoni kostanti li hija parti integrali mis-sistema tal-kasti tfisser li l-Indja tibqa' ma tiħux l-aħjar mill-poplu tagħha f'termini ta' potenzjal u kapaċitajiet;

Kummerċ

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn kemm ta' l-indja u kemm ta' l-UE għal riżultat pożittiv tad-DDA; jistieden l-Indja għal dan il-għan sabiex tuża l-pożizzjoni tagħha bħala l-mexxejja tal-G20 biex tilħaq, sa tmiem l-2006, ftehim bilanċjat favorevoli għall-iżvilupp bejn il-pajjiżi żviluppati, l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota li n-negozjati dwar id-DDA mhumiex kompatibbli ma' negozjati bilaterali tal-WTO+; jinnota li r-riżultat tal-programm ta' Żvilupp tad-Doha għandu jnaqqas il-valur ta' skemi bħall-GSP għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħall-Indja, billi jitnaqqas aktar il-marġini ta' preferenza li qegħdin igawdu fil-preżent; jistieden l-UE sabiex toffri li tidħol fi ftehim ta' kummerċ ħieles ma' l-Indja, fuq il-linji tal-ftehim tagħha maċ-Ċilì, li jipprovdi għad-dħul mingħajr dazju għall-esportazzjoni taż-żewġ partijiet fuq bażi reċiproka, u jistieden lill-Grupp għall-Kummerċ ta' Livell Għoli biex jesplora l-opportunitajiet taż-żewġ naħat f'dan ir-rigward;

2.  Jenfasizza l-fatt li riżultat pożittiv tad-DDA jeħtieġ l-appoġġ sħiħ kemm ta' l-UE u kemm ta' l-Indja; iħeġġeġ l-Indja u l-G20 sabiex jirrealizzaw li l-offerta Ewropea dwar l-agrikoltura għandha tiġi segwita minn offerta raġonevoli mill-G20 dwar l-Aċċess għas-Suq ta' Prodotti Mhux Agrikoli (l-NAMA) u s-servizzi;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Grupp għall-Kummerċ ta' Livell Għoli għal titjib fil-koperazzjoni, u l-implimentazzjoni f'fażijiet tal-Pjan ta' Azzjoni, li ddeterminat l-involviment progressiv ta' l-Indja fi proġetti kbar u konġunti internazzjonali bħall-programmi ITER u Galileo; jinnota, madanakollu, li għalkemm il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt jipprovdi għal djalogu kontinwu f'ħafna oqsma, ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni fir-rigward ta' prijoritajiet u skadenzi; jistieden liż-żewġ partijiet sabiex juru r-rieda politika neċessarja biex jikkonsolidaw ir-relazzjonijiet tagħhom għal sħubija strateġika effettiva;

4.  Huwa mħasseb li, minkejja statistiċi inkuraġġanti, għad baqa' bosta setturi ta' potenzjal għall-kummerċ għaż-żewġ ekonomiji li ma ġiex sfruttat; jistieden lill-Gruppi għall-Kummerċ ta' Livell Għoli biex jittrattaw kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment bħala parti minn djalogu estiż, inklużiv u politiku u tiġi esplorata l-koperazzjoni f'setturi bħal ma huma l-migrazzjoni, l-edukazzjoni u l-iskambju kulturali;

5.  Jinnota li t-tariffi ta' importazzjoni għoljin ta' l-Indja u, minkejja l-progress reċenti sinifikattiv, l-ostakli mhux tariffati, jibqgħu kawża ta' tħassib ġenwin għall-industrija ta' l-UE; jemmen li ż-żamma ta' politika protezzjonistika bħal din wara l-liberalizzazzjoni ekonomika tagħti lok għal tfixkil fis-suq u manipolazzjoni; huwa mħasseb li n-negozjati tal-WTO dwar tariffi ma wasslu għall-ebda titjib (ma kien hemm l-ebda rbit ta' tariffi jew impenn għal rati massimi "obbligatorji", li wkoll inżammu għoljin) u li l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni bħala konsegwenza biex jinbeda djalogu ma' l-Indja fuq is-suġġett ta' tfixkil speċifiku s'issa ma kinux ta' suċċess; jinnota li tnaqqis ta' ostakli fil-kummerċ jista' jġib titjib progressiv fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ bl-objettiv li jippromwovu t-tkabbir, l-impiegi u l-iżvilupp sostenibbli; jistieden l-Indja sabiex torbot it-tariffi tagħha għall-importazzjoni f'livelli aktar viċin tar-rati tagħha li tapplika fil-kuntest tad-DDA u sabiex tagħmel aktar sforzi biex tneħħi parti mill-ostakli mhux tariffati preżenti; jinkuraġġixxi l-Grupp għall-Kummerċ ta' Livell Għoli sabiex jaħdem biex jelimina t-tariffi bejn il-partijiet fuq il-kummerċ kollu b'mod sostanzjali permezz ta' ftehim bilaterali dwar kummerċ ħieles, u b'hekk jipprovdi opportunitajiet għall-esportaturi eżistenti u potenzjali biex jiżviluppaw in-negożji tagħhom u jiddiversifikaw il-bażi ta' esportazzjoni tagħhom;

6.  Jistieden lill-UE biex tappoġġja l-potenzjal kummerċjali internazzjonali ta' l-Indja kif ukoll l-isforzi biex tiġbed l-investiment barrani dirett, b'mod partikulari billi ssaħħaħ l-għajnuna għall-kummerċ sabiex tindirizza l-intoppi infrastrutturali u amministrattivi;

7.  Jikkunsidra li r-regoli tal-kompetizzjoni u l-infurzar effettiv tagħhom huma essenzjali biex jiżguraw li l-benefiċċji sħaħ tal-liberalizzazzjoni u r-riforma regolatorja relattiva jiġu realizzati u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u l-iggvernar tajjeb; jikkunsidra wkoll li politika ta' kompetizzjoni effetiva tħajjar l-investituri barranin billi toħloq qafas legali trasparenti u mhux diskriminatorju għall-operaturi ekonomiċi; jinnota li ma jeżistix mudell għall-qisien ta' kulħadd fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni fil-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles li l-UE kkonkludiet fl-aħħar għaxar snin, peress li l-kontenut ta' dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni jvarja skond kemm jeżistu regoli tal-kompetizzjoni u l-livell ta' żvilupp tagħhom, u l-istituzzjonijiet ta' nfurzar fil-pajjiż sieħeb; jistieden lill-Grupp għall-Kummerċ ta' Livell għoli biex jikkunsidra l-livell ta' ambizzjoni li għandu jintlaħaq fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi kwalunkwe ftehim kummerċjali bilaterali bejn l-UE u l-Indja;

8.  Jinnota li l-Indja tinnegozja fis-settur kontra d-'dumping' kemm bħala utent u kemm bħala s-suġġett ta' proċeduri; jilqa' b'sodisfazzjon ir-relazzjoni tajba ta' ħidma bej l-UE u l-Indja f'dan il-qasam u jistieden lit-tnejn biex jaħdmu flimkien sabiex irażżnu l-abbuż ta' l-istrumenti kontra d-'dumping' u jwaqqfu d-'dumping';

9.  Jinnota li l-UE u l-Indja jikkunsidraw il-protezzjoni tal-GI bħala għodda neċessarja għall-produtturi, il-konsumaturi u l-gvernijiet; jinnota, madanakollu, li l-għodda tal-GI mhijiex magħrufa fl-Indja; jistieden lill-gvern Indjan biex jippromwovi s-sistema tal-GI u jinkuraġġixxi applikazzjonijiet għall-GIs potenzjali; jinnota li, skond it-TRIPS, Membri tal-WTO huma liberi li jimplimentaw il-liġijiet tagħhom biex jagħtu protezzjoni aktar estensiva milli meħtieġ mill-Ftehim innifsu; jikkunsidra li ftehim bilaterali jista' joffri protezzjoni lill-GIs fl-UE u l-Indja lil hinn mill-Ftehim TRIPS, u b'hekk jipprovdi għodda kumplimentari utli ma' l-isforzi multilaterali konġunti;

10.  Jinnota li l-importanza emerġenti tal-propjetà intellettwali (IP) fl-Indja hija evidenti mill-kwantità ta' żieda f'każijiet reġistrati fl-Uffiċċji Indjani għall-Propjetà Intellettwali u jinnota li l-industrija Indjana qed tikber biżżejjed biex tilqa' l-isfidi globali u qed tadotta żvilupp ibbażat fuq ir-riċerka bħala parti integrali mill-istrateġija tan-negozju; jinnota r-riformi reċenti li l-Indja għamlet fid-drittijiet dwar il-propjetà intellettwali, inkluż l-Att dwar il-Privattivi ta' l-Indja 2005 (Emenda); jinnota li saru wkoll sforzi biex l-aspetti proċedurali jiġu simplifikati u razzjonalizzati biex is-sistema tkun tista' tintuża b'aktar faċilità;

jinnota wkoll li, skond inizjattivi leġiżlattivi ġodda, l-Indja tat bidu għal programmi kbar ta' modernizzazzjoni għall-Uffiċċji għall-Propjetà Intellettwali u kkommettiet somom kunsiderevoli għall-ħolqien u titjib fl-infrastruttura; jistieden l-Indja biex tiżgura li l-infurzar ta' sistema bħal din huwa konformi mal-Konvenzjoni ta' Rio dwar id-Diversità Bijoloġika u l-obbligi eżistenti meħtieġa mill-WTO;

11. Jinnota li l-UE stabbiliet sistema komprensiva ta' protezzjoni IP fl-aħħar għaxar snin billi armonizzat bosta sistemi IP u introduċiet IPRs tal-Komunità madwar l-UE; jikkunsidra li, minħabba l-prinċipji ta' l-Aktar Nazzjon Favorit u t-trattament domestiku, din il-leġiżlazzjoni tibbenefika lill-possessuri barra l-UE kif ukoll lill-possessuri ta' l-IPR fl-UE; jikkunsidra li l-infurzar huwa parti integrali mill-protezzjoni IP u jinkuraġġixxi l-UE u l-Indja biex jaqblu fuq prinċipji komuni għal miżuri ta' infurzar, b'tali mod li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u li m'għandhomx joħolqu ostakli għall-kummerċ leġittimu;

12.  Jikkunsidra li, b'aktar minn kopja waħda minn tliet kopji ta' softwer tal-kompjuter miksuba illegalment mad-dinja kollha, il-piraterija tkompli thedded il-ġejjieni ta' l-innovazzjoni tas-softwer, b'riżultat ta' telf ta' postijiet tax-xogħol u dħul mit-taxxi kemm għall-Indja u għall-UE; jinnota li, bl-għajnuna tal-politika tal-gvern li jattakka l-piraterija tas-softwer u kampanja ta' kuxjenza, l-Indja rreġistrat tnaqqis sinifikattiv fil-piraterija ta' 2% fl-2005; jirrikonoxxi, madanakollu, li għad irid isir ħafna għall-kontroll tal-vantaġġ inġust fil-kompetizzjoni li l-kumpaniji Indjani għandhom bl-użu ta' "softwer" u "ħardwer" miksuba illegalment għall-produzzjoni u l-manifattura; jistieden lill-gvern Indjan u l-gvernijiet federali tagħha biex ikomplu jnaqqsu r-rata ta' piraterija; jinnota li, filwaqt li l-isforzi attwali mill-UE u l-Istati Uniti biex jikkumbattu l-piraterija se jikkonċentraw inizjalment fuq iċ-Ċina u r-Russja, il-kumplament ta' l-Asja jkun imiss wara; jikkunsidra li huwa fl-interess ta' l-Indja li taħdem b'mod kostruttiv ma' l-UE f'dan l-isforz fid-dawl ta' l-istudju dwar l-impatt li sar fl-2005 mill-IDC, li stmat li jekk l-Indja hija kapaċi tnaqqas ir-rata attwali ta' piraterija mit-72% attwali għall-64% sa l-2009, l-Indja tiġġenera 115,000 post ġdid tax-xogħol fl-IT, 5,900 miljun Dollaru Amerikan aktar jiżdiedu fl-ekonomija tagħha u żieda fid-dħul mit-taxxi ta' 86 miljun Dollaru Amerikan;

13. Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-industrija farmaċewtika għall-ekonomija u s-soċjetà Indjana u jistieden lill-awtoritajiet Indjani biex jiżguraw li l-istandards internazzjonali jkunu applikati fl-użu ta' bnedmin u annimali ħajjin għall-esperimenti xjentifiċi u li jsiru mill-inqas esperimenti bħal dawn u jinstabu alternattivi;

14.  Jistieden lill-UE u l-Indja biex ikunu minn ta' quddiem biex isibu soluzzjoni permanenti malajr dwar it-TRIPS u s-saħħa pubblika biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-mediċini essenzjali, fi ħdan il-programm ta' Żvilupp Doha; jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li l-gvern Indjan ħa fir-rigward tar-regoli ta' l-IP għall-mediċini; jinkuraġġixxi lill-gvern Indjan biex jimplimenta l-liġi b'aktar ħeffa speċjalment fir-rigward ta' l-esportazzjoni tal-mediċini ġeneriċi;

15. Jinnota li l-għerf tradizzjonali dejjem aktar qed jiġi rikonoxxut bħala kwalità ta' valur qawwi kemm għall-pajjiżi żviluppati u kemm għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'sa 80% tal-popolazzjoni tad-dinja tiddependi minn prodotti u servizzi li ġejjin minn innovazzjonijiet u prattiki ta' l-għerf tradizzjonali biex jilqgħu għall-bżonnijiet ta' kuljum f'dawk li huma ikel u saħħa, inklużi daqs 441 komunità etnika fl-Indja; jinnota r-rabtiet legali, politiċi u soċjali kumplessi bejn l-IPR u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u r-riżorsi ġenetiċi; jistieden lill-UE u l-Indja biex jaħdmu flimkien sabiex isibu soluzzjoni raġonevoli dwar l-armonizzazzjoni ta' TRIPS bl-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Rio dwar id-Diversità Bijoloġika;

16. Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet ta' l-indja biex tirriforma s-settur finanzjarju fir-rigward tal-liberalizzazzjoni estensiva tar-rati ta' interess, it-tnaqqis fiż-żamma tad-dejn tal-gvern meħtieġa mill-banek u l-illaxkar ta' l-obbligi tal-banek li jagħtu self f'oqsma ta' prijorità bħall-biedja u n-negozji fuq skala żgħira; jikkunsidra li waqt li l-Indja tintegra ruħha aktar fis-sistema finanzjarja dinjija, il-bżonn ta' riforma fis-settur finanzjarju saret aktar urġenti; jikkunsidra, b'mod partikulari, li l-liberalizzazzjoni tas-settur finanzjarju biex jilqa' aħjar għax-xokkijiet kemm interni u esterni hija neċessarja biex it-tkabbir tad-depożiti, l-iżvilupp ta' kultura ta' kreditu u d-dħul ta' forzi privati u barranin jiġu inkuraġġiti; jikkunsidra li t-trasferiment ta' l-għarfien tekniku u maniġerjali jista' jkollu rwol utli fl-iżvilupp tas-swieq finanzjarji ta' l-Indja u jistieden lill-UE biex toffri assistenza f'dan ir-rigward;

17. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjanijiet ta' l-Indja li tneħħi l-kontrolli fuq ir-Rupee billi tneħħi l-kontrolli tal-kapital li għad fadal fuq ir-Rupee, li huwa parzjalmenti konvertibbli; jikkunsidra li dan għandu jelimina ostaklu importanti għall-integrazzjoni ta' l-Indja fl-ekonomija dinjija, u jippermetti lill-individwi u lin-negozji Indjani li jinvestu b'aktar libertà barra l-pajjiż u lill-kumpaniji kbar aċċess aktar faċli u orħos għal dejn barrani, li attwalment huwa limitat għal 500 miljun Dollaru Amerikan kull kumpanija fis-sena;

18.  Jistieden lill-Indja biex issir Parti mit-Trattat Kontra t-Tixrid ta' l-Armi Nukleari, li huwa l-istrument multilaterali indispensabbli biex il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità internazzjonali jinżammu u jissaħħu, u huwa mħasseb dwar il-koperazzjoni nukleari Stati Uniti - Franza u l-Indja, minkejja n-nuqqas ta' impenn kuntrattwali ta' l-Indja lejn is-sikurezza nukleari;

19. Jinnota l-aċċettazzjoni ta' l-Indja tal-fatt li, jekk tixtieq tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha, għandha tassumi r-responsabiltajiet tagħha fl-Asja t'Isfel u fl-Asja tax-Xlokk; jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tal-kummerċ bħala għodda biex tinbena l-fiduċja bejn l-Indja u l-Pakistan, u jilqa' b'mod partikulari il-ftehim fundamentali tat-2 ta' Mejju 2006 biex jerġa' jqajjem il-kummerċ u n-negozju fuq iż-żewġ naħat tal-Linja ta' Kontroll bejn ir-reġjuni diviżi ta' Jammu u Kashmir billi ġie mniedi servizz ta' trasport bit-trakkijiet fuq ir-rotta Srinagar-Muzaffarabad, kif ukoll servizz tal-karozzi tal-linja li jaqsam il-Kashmir, li jgħaqqad Poonch f'Jammu and Kashmir ma' Rawalakot f'Azad Jammu Kashmir; jilqa' b'sodisfazzjon il-wegħda tal-prim ministru Singh fit-23 ta' Mejju 2006 biex jinħoloq ambjent ta' kummerċ u moviment aktar ħielsa permezz ta' "fruntieri rotob" biex tinħoloq klima għal ftehim dwar il-Kashmir; jistieden kemm l-Indja u l-Pakistan biex inaqqsu aktar l-ostakli amministrattivi biex jiġu implimentati miżuri relatati mal-kummerċ u li jibnu l-fiduċja, u lill-UE biex toffri assistenza teknika f'dan ir-rigward, jekk ikun meħtieġ;

20. Huwa mħasseb, madanakollu, li l-kummerċ intrareġjonali fl-SAARC għadu baxx; jikkunsidra li jeżistu wisq eċċezzjonijiet biex il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles fl-Asja t'Isfel jiġi trattat bħala ta' l-istandard tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles (FTA); jistieden lill-SAARC biex kontinwament tirrevedi l-opportunitajiet biex il-kummerċ u l-investiment jikbru fir-reġjun; jikkunsidra li fir-relazzjonijiet tagħha ma' l-Indja, l-UE għandha tieħu approċċ reġjonali inklużiv u jistieden lill-UE biex toħloq "grupp ta' viżjoni" simili għal dak li sar għall-ASEAN, biex jiġu esplorati opportunitajiet futuri għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-SAARC;

21. Jinkuraġġixxi l-Indja, biex bħala membru ta' l-SAARC u l-Koperazzjoni Ekonomika bejn il-Bangladexx, l-Indja, il-Mjanmar, is-Sri Lanka u t-Tajlandja (BIMSTEC), tuża l-influwenza pożittiva biex tiffaċilita l-bidla demokratika u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f'Mjanmar (Burma) u tkompli bl-appoġġ tagħha għall-proċess ta' paċi fis-Sri Lanka;

22. Jinnota li l-pajjiżi Asjatiċi bħall-Indja u ċ-Ċina, minkejja snin ta' tkabbir ekonomiku, għadhom isofru minn nuqqas ta' rappreżentanza xierqa u għadhom jingħataw il-ġenb inġustament f'korpi multilaterali, inkluż il-Fond Monetarju Internazzjonali; jistieden lill-UE u l-Indja biex jaħdmu flimkien biex jikkoreġu żbilanċi bħal dawn u jiżguraw li l-voti u l-pożizzjonijiet prinċipali jiġu allokati skond l-importanza xierqa fis-sistema ekonomika internazzjonali;

23. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riformi tal-Gvern Indjan ta' l-istrateġija FDI tagħha u l-progress tal-Kummissjoni għall-Investiment; huwa mħasseb li investituri barranin għadhom jiffaċċjaw burokrazija frustranti u ostakli oħra mhux tariffati; iħeġġeġ l-awtoritajiet Indjani biex ikomplu jikkumbattu l-burokrazija u l-korruzzjoni; jistieden lill-Gvern Statali u l-gvernijiet muniċipali biex jissimplifikaw u jikkonsolidaw il-proċeduri ta' applikazzjoni; u jitlob biex isiru sforzi għal trasparenza legali akbar;

24. Huwa mħasseb li investituri barranin għadhom jiffaċċjaw burokrazija frustranti fil-livell lokali fejn is-sistema proċedurali għall-approvazzjoni hija ostaklu kbir, li fiha l-applikazzjonijiet eliġibbli għal aprovazzjoni awtomatika huma ftit ħafna filwaqt li l-kwantità kbira ta' applikazzjonijiet jiġu approvati fuq il-bażi ta' kull każ individwalment; huwa mħasseb li ħafna uffiċjali qed ikomplu jiddiskriminaw favur l-interessi lokali; jinnota li din l-approvazzjoni u l-proċess ta' għoti ta' liċenzji ġie kkritikat f'xi reġjuni għax huwa inġust u nieqes mit-trasparenza b'regolamenti li jinbidlu spiss b'mod tant eżasperanti li ma jkunx faċli tlaħħaq magħhom; jistieden lill-Gvern Statali u l-gvernijiet muniċipali biex jissimplifikaw u jikkonsolidaw il-proċeduri ta' applikazzjoni;

25. Jinnota l-kontribut kbir tad-Djaspora Indjana għat-tkabbir ta' l-indja; jinnota, madanakollu, li d-Djaspora pprovdiet 10% biss ta' d-dħul FDIs ta' l-Indja; jikkunsidra li kemm il-pagamenti soċjali u finanzjarji huma neċessarji għall-iżvilupp fuq tul ta' żmien; jistieden l-Indja biex tkompli tiżviluppa skemi biex ikollha aċċess għar-riżorsi tad-Djaspora, b'ċittadinanza doppja bħala eżempju tanġibbli;

Il-koperazzjoni UE-Indja

26. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE u l-Indja kkommettew ruħhom li jsaħħu d-djalogu u l-impenn, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, bħala sħab strateġiċi fis-"Summit" Indja-UE fis-7 ta' Settembru 2005, kif rifless fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt, li jinkludi wkoll koperazzjoni ta' żvilupp, li jagħti importanza lis-sostenibilità ambjentali u lill-koeżjoni soċjali u ekonomika; jitlob li jinżamm dialogu kontinwu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sħubija strateġika; f'dan il-kuntest jifraħ lill-Kummissjoni Nazzjonali Indjana għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-ħidma indipendenti u rigoruża tagħha f'dawn il-kwistjonijiet;

27. Jenfasizza li l-objettiv li jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) u l-ġlieda kontra l-faqar għandhom jibqgħu element ċentrali fis-Sħubija Strateġika UE-Indja; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-"summit" UE-Indja li jmiss fit-13 ta' Ottubru 2006 għandu jindirizza l-kwistjoni ta' l-MDGs; u jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi urġenti biex jiġi żgurat li minoritajiet bħad-Daliti u l-Adivasis u komunitajiet oħra emarġinati, tribujiet u kasti, ikunu jistgħu jnaqqsu d-distakk wiesa' mill-kumplament tal-popolazzjoni biex jintlaħqu l-MDGs;

28. Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u l-ambjent fil-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE ma' l-Indja 2002-2006, kif ukoll l-impenn tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt biex iżid il-koperazzjoni għall-iżvilupp fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni, bil-għan li tikber il-koperazzjoni għall-iżvilupp biex jikkumplimenta programmi importanti tas-settur soċjali fl-Indja, inklużi miżuri speċifiċi li effettivament iġibu fit-tmiem id-diskriminazzjoni kontra gruppi soċjali anqas iffavoriti, partikolarment, in-nisa; jitlob bl-istess mod li tingħata spinta lill-miżuri li jippromwovu l-edukazzjoni tal-bniet bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni, u b'dan jintlaħqu l-MDGs 2 u 3;

29. Jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni biex tifformula reviżjoni strateġika dettaljata tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina; jikkunsidra li l-Indja toffri sfida komparabbli, anki jekk distinta, għall-industrija ta' l-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel eżerċizzju simili għall-Indja biex tiżgura mmaniġġjar politiku, ekonomiku u kummerċjali ta' dawn ir-relazzjonijiet f'livell ta' UE;

30. Jikkunsidra li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lis-settur ta' l-SMEs fl-Indja, u li l-SMEs jistgħu jissaħħu permezz ta' miżuri li jgħinu fl-iffinanzjar ta' proġetti lokali bbażati fuq is-suq proposti miċ-ċittadini;

31. Jenfasizza li l-koperazzjoni ta' l-UE għall-iżvilupp għandha tikopera ma' l-Indja bħala donatur internazzjonali emerġenti permezz ta' skambji ta' esperjenza u koperazzjoni fi proġetti konkreti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li minn dak li tgħallmet mill-esperjenza ta' l-Indja l-UE tista' tagħmel l-għajnuna għall-iżvilupp aktar effettiva u produttiva;

32.  Jinnota li l-Indjani huma mħassba dwar l-UE u jixtiequ jistudjawha u jifhmuha aħjar; jilqa' b'sodisfazzjon l-iskema ta' borsa ta' studju Erasmus Mundus ta' EUR 33 miljun , b'enfasi speċifika fuq il-kollaborazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija, fejn il-lezzjoni tas-suċċess ta' l-Indja tista' tagħti spinta lill-prestazzjoni ta' l-UE fil-piramida li fuqha hija bbażata is-soċjetà ta' l-informazzjoni: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni: jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tas-Sedja Jean Monnet fl-Istudji Ewropej fl-Università ta' Delhi bħala inizjattiva kruċjali biex jissaħħu r-relazzjonijiet UE-Indja; jistieden lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni u l-Ambaxxati ta' l-istati Membri biex jaħdmu ma' l-awtoritajiet Indjani sabiex jippromwovu l-irwol propju ta' l-UE favur l-iskambji edukattivi, kulturali u xjentifiċi, u jissuġġerixxi li skambji kulturali jgħinu biex jibnu appoġġ wiesa' tal-pubbliku għal kollaborazzjoni kostruttiva u li l-iskambji professjonali u tan-negozju jistgħu ikunu wkoll ta' benefiċċju kemm għall-ftehim bejn kulturi differenti u biex jgħinu sabiex l-informazzjoni titwassal faċilment fuq iż-żewġ naħat; jenfasizza s-suċċess tal-Programm ta' taħriġ Eżekuttiv - Skambju bejn bnedmin u bnedmin - li jeżisti mal-Ġappun u l-Korea u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-programm għall-Indja, b'iffinanzjar xieraq;

33. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tesplora jew tkabbar il-programmi UE-Indja f'oqsma bħall-edukazzjoni għolja u taħriġ vokazzjonali; programmi biex jinkuraġġixxu l-iskambju ta' studenti, għalliema u riċerkaturi;

34.  Jirrikonoxxi li l-industrija tas-softwer u s-servizzi ttriplikat fid-daqs fl-aħħar ħames snin u issa tiswa EUR 20 biljun; jinnota li ħafna mit-tkabbir ġie minn bejjiegħa tal-punent b'kuntratti minn barra għal xogħol ta' żvilupp fl-Indja; jikkunsidra li l-UE tista' tieħu vantaġġ b'moviment qawwi ta' ħaddiema Indjani bi kwalifiki u kapaċitajiet għolja; jistieden il-Grupp għan-Negozju ta' Livell Għoli biex jesplora ftehim fuq il-moviment ta' ħaddiema mħarrġa skond Mode 4, sabiex l-esperti Indjani fl-Informatika jkunu jistgħu jaħdmu fl-UE wara l-istudji tagħhom, u b'hekk jipprovdu sors ta' ħaddiema u jiġġustifikaw l-investimenti tas-sistemi ta' l-edukazzjoni għolja ta' l-UE; jinnota li l-kumpaniji tas-softwer huma kalamita għall-kumpaniji sħab u l-industrija tas-servizzi u l-bżonnijiet ta' infrastruttura li jakkumpanjawhom, li tista' tagħti spinta lill-ekonomiji reġjonali u tipprovdi opportunitajiet oħra ta' xogħol għan-nies tal-post;

35. Jinnota li bejn l-2003 u l-2008, 200,000 post tax-xogħol jistgħu jingħataw barra l-pajjiż, l-aktar fl-Indja; jinnota wkoll li sa l-2010, id-domanda ta' l-Indja għal professjonisti f'lingwi barranin għandu jkun ta' 160,000, u 40,000 Indjan biss se jkunu kkwalifikati għal dawn il-postijiet; jikkunsidra li bi 30,000 ħaddiem mill-UE diġà jaħdmu fl-Indja, jeżistu opportunitajiet ċari għal Ewropej imħarrġa li huma ppreparati jiċċaqalqu, u xejra bħal din tiżgura li jkun hemm "skambju ta' mħuħ" bejn l-UE u l-Indja, aktar milli "telf ta' mħuħ";

36. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jipprovdu l-qafas xieraq għall-kumpaniji u l-universitajiet biex jibbenefikaw mill-iżvilupp ekonomiku ta' l-Indja li qed jikber b'ritmu mgħaġġel f'oqsma speċifiċi bħal ma huma s-softwer u l-industrija tal-films;

37. Jinnota li l-impatt tat-tkabbir ta' l-Indja fuq id-domanda dinjija għall-enerġija tqajjem tħassib għas-sigurtà ta' l-enerġija; jinnota li l-Indja għadha ssofri nuqqasijiet serji ta' enerġija u tiddependi ż-żejjed miż-żejt u l-faħam, li huma fjuwils fossili kemm għoja fil-prezz u li jniġġsu; jinnota li l-isforzi ta' l-Indja biex tiżgura provvisti ta' gass u biex tiżviluppa l-enerġija nukleari huma żewġ konsegwenzi konkreti ta' din is-sitwazzjoni; jinnota li anki jekk l-Indja tiżviluppa l-enerġija nukleari, tissodisfa anqas minn 5% tal-bżonn tagħha ta' elettriku u 2% biss tat-total ta' enerġija li teħtieġ; jikkunsidra li l-isforzi biex tiżviluppa l-enerġija nukleari jikkostitwixxu pass lura mill-wegħdiet tal-G8 ta' Gleneagles biex tiġi mrażżna l-bidla fil-klima u biex tissaħħaħ il-preservazzjoni ta' l-enerġija; jikkunsidra li, jekk is-sitwazzjoni ma' tinbidilx, il-ħsara lill-ambjent aktarx li ssir ostaklu kbir għall-futur ta' l-iżvilupp ekonomiku ta' l-Indja;

38. Jinnota li kemm l-Indja u l-UE għandhom tradizzjoni twila li jippromwovu l-użu ta' enerġija li tiġġedded u jemmen li l-enerġija li tiġġedded bħal dik tax-xemx, ir-riħ u l-bijomassa hija alternattiva ta' enerġija prattika, flimkien ma' investimenti qawwija fl-effiċjenza fl-enerġija, li jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet ta' enerġija fuq żmien twil; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi ta' l-Indja f'dan ir-rigward, iklużi d-'digesters' rurali tal-bijogass u l-pjanċi solari (użati biex jipprovdu d-dawl fid-djar u l-ħwienet tax-xogħol), u aktar reċentement is-suċċess tagħha fil-bini tar-raba' l-akbar industrija ta' enerġija mir-riħ fid-dinja; jikkunsidra li, hekk li l-ifqar pajjiżi fid-dinja qed jintlaqtu b'mod negattiv mid-domanda dejjem tikber għaż-żejt, kif deher mill-ġlied reċenti kontra ż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt fit-toroq ta' l-Indoneżja, l-Indja għandha tkompli tappoġġja l-iżvilupp ta' l-enerġija rinnovabbli reġjonali fuq skala aktar wiesgħa fl-Asja, kif diġà qed tagħmel fil-Bhutan; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' Bord għall-Enerġija bejn l-Indja u l-UE u jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni dwar is-sigurtà ta' l-enerġija u r-riformi fis-suq, l-enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija; jikkunsidra li l-Indja u l-UE għandhom ikomplu jikkaratterizzaw l-enerġija dinjija permezz ta' żvilupp ta' enerġija innovattiva u sostenibbli, filwaqt li jilħqu l-'benchmarks'' tal-bidla fil-klima;

39. Jinnota li, peress li l-Indja hija ġeografikament diversa, hija ambjent fertili għaż-żejt u l-gass, iżda l-esplorazzjoni mmexxija mis-settur pubbliku, s'issa, dejjem kient kawta ħafna; jinnota, madanakollu, li bid-dħul ta' kumpaniji Ewropej ta' l-enerġija, din il-pożizzjoni diġà qed tinbidel, pereżempju, il-Cairn Enerġy Britannika rrappurtat bosta skoperti ta' żejt f'Rajasthan fl-2004 (l-akbar waħda hija stmata li fiha 500 miljun barmil ta' riservi li jistgħu jiġu rkuprati); jistieden l-Indja biex tinkuraġġixxi tiftix aktar qawwi għaż-żejt u l-gass, billi tipprovdi inċentivi kbar sabiex tattira l-effiċjenza u l-kompetenza ta' l-esperti ta' kumpaniji ta' esplorazzjoni Ewropej;

40. Jinnota li l-ispejjeż biex jiġi pproċessat il-bijodiżil fl-Indja huma madwar terz ta' dawk fl-Ewropa u li l-Indja reċentement iddeċidiet li tespandi l-programmi ta' raffinar tal-bijodiżil tagħha; jinnota li l-Indja qed tespandi l-industrija ta' l-etanol tagħha u l-gvern approva bosta tipi ta' inċentivi finanzjarji, inklużi tnaqqis fit-taxxa fuq il-bejgħ u dazji mnaqqsa fuq l-etanol u fjuwils imħallta ma' l-etanol; jikkunsidra il-Jatropha li ma tittekilx tirrappreżenta alternattiva vijabbli ta' bijofjuwil għall-Indja, minħaba li tista' tikber f'ħamrija niexfa u kważi niexfa u tinvolvi investiment minimu, u jinkuraġġixxi koperazzjoni bejn l-Indja u l-UE għal dan il-għan.

Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-Indja

41. jikkunsidra li programmi bħal dawn, barra li joħolqu bejn wieħed u ieħor 17-il miljun impieg ġdid u jġibu dħul għal komunitajiet rurali batuti, jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza ta' l-Indja fuq żejt barrani, iżda dan jista' jseħħ biss jekk il-programmi jitwettqu b'mod sostenibbli; Jinnota li l-kummerċ internazzjonali jista' jmexxi t-tkabbir ekonomiku u jnaqqas il-faqar, iżda m'huwiex bulit maġika, u r-riformi tal-kummerċ huma kumplimentari għall-politiki ta' żvilupp; jikkunsidra li sabiex jinħarġu persuni mill-faqar, u biex l-Indja tkompli tiela' s-sellun ta' żvilupp ekonomiku, hija għandha bżonn tiffoka b'mod kritiku fuq il-bini ta' ambjent ekonomiku li jsaħħaħ l-integrazzjoni ma' l-ekonomija dinjija f'firxa dejjem usa' ta' manifattura u servizzi;

42. Jilqa' r-rikonoxximent dejjem akbar ta' l-importanza ta' l-ambjent ekonomiku estern, il-kummerċ u l-investiment fl-aħħar pjan fuq ħames snin ta' l-Indja dwar l-iżvilupp uman (2002-2007);

43. Jinnota li l-iżbilanċi bejn l-Istati ta' l-Indja huma eżasperati bid-devoluzzjoni ta' setgħat ta' nfiq lil Stati bi standards varjati ta' tmexxija politika u mmaniġġjar fiskali; jikkunsidra li t-tnaqqis tal-faqar jiddependi fuq ir-ridirezzjoni ta' riżorsi ta' l-Istat lejn zoni rurali u l-iżvilupp ta' infrastruttura biex tappoġġa t-tixrid ta' l-attivitajiet ta' manifattura u tas-settur tas-servizzi; jitlob lill-Indja biex tiżgura koerenza u mmaniġġjar aħjar ta' liberalizzazzjoni billi tadotta politiki ekonomiċi kumplimentari b'saħħithom, inkluża l-armonizzazzjoni tat-taxxa, u biex tiffoka l-isforzi ta' bini ta' kapaċitajiet fuq l-ifqar Stati, sabiex ikunu jistgħu jużaw il-fondi b'mod effettiv; jinnota l-effetti ta' żvilupp ta' tkabbir ekonomiku f'xi reġjuni ta' l-Indja; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-Indja biex titgħallem minn Stati li marru tajjeb fiż-żmien ta' prosperità ekonomika ta' l-Indja, u biex tadotta l-aħjar prattika sabiex tiżgura li l-investimenti kritiċi jkunu diretti lejn reġjuni li għadhom lura u lejn gruppi soċjali b'nuqqas ta' rappreżentanza;

44. Jinsab imħasseb rigward id-differenza dejjem akbar fid-dħul bejn zoni urbani u zoni rurali fl-Indja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indjani biex jirrikonoxxu l-istaġnar ta' l-agrikoltura f'zoni rurali u biex jiżviluppaw programmi biex iżidu l-produzzjoni agrikola f'dawn iz-zoni sabiex jissieltu kontra l-faqar rurali b'mod aktar xieraq;

45.  Jinnota, li minkejja t-tkabbir impressjonanti, l-infrastruttura ta' l-Indja għadha turi, parzjalment, il-karatteristiċi ta' nazzjon li qed jiżviluppa, b'networks tat-trasport ħżiena u qtugħ ta' l-elettriku regolari; jitlob lill-Indja u lill-UE biex jesploraw l-iżvilupp ta' l-infrastruttura relatata mal-kummerċ, permezz ta' investiment bejn is-settur pubbliku u dak privat, filwaqt li jkunu żgurati trasparenza, ambjent regolatorju kredibbli u l-istess kundizzjonijiet għall-investituri privati u għall-gvern; f''dan is-sens jitlob għall-użu ta' self mill-EIB, li għandu l-mandat - fil-każ ta' l-Asja u l-Amerika Latina - iffokat fuq investiment produttiv; jitlob lill-Indja u lill-UE biex jiffokaw dan l-investiment f'zoni rurali, biex jiggarantixxu provvista ta' l-ilma u sanità aħjar, itejbu n-netwerks tat-trasport, b'mod partikulari t-toroq li jibqgħu jintużaw ikun x'ikun it-temp, u biex titjieb il-kwalità tal-produzzjoni tal-grilji ta' l-elettriku;

Żvilupp u Ambjent

46. Jirrikonoxxi s-suċċess importanti tal-Gvern ta' l-Indja biex jeqred il-faqar, iżda jinnota li minkejja t-tkabbir ekonomiku b'mod sostenut, għad hemm inugwaljanza kbira, b'xi 30% tal-popolazzjoni ta' l-Indja għadha tgħix taħt il-livell tal-faqar; jinsab partikularment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet żvantaġġati tal-popolazzjoni, b'mod partikulari n-nisa, it-tfal, dawk żvantaġġati u l-popolazzjoni rurali, eż. id-Daliti u l-Adivasis (tribuwijiet u popli indiġeni); jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu flimkien mal-gvern Indjan sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawk il-gruppi u biex jeżaminaw koperazzjoni futura bħala l-kontribuzzjoni tagħhom lejn it-tmiem tad-diskriminazzjoni tas-sessi u tal-kasti;

47. Jenfasizza li gvernijiet suċċessivi ta' l-Indja għamlu sforzi konsiderevoli biex jaffaċċjaw il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni tal-kasti; madankollu jemmen li għad fadal ħafna xi jsir;

48. Iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi u timplimenta miżuri biex tiżgura l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-minoranzi, li ġew esklużi bil-kbir mill-ekonomija l-ġdida fl-Indja u li jiġu diskriminati fil-programmi ta' żvilupp u rkupru minn diżastri permezz ta', fost affarijiet oħrajn, il-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs f'impiegi f'kumpaniji privati u f'investituri bbażati fl-UE, l-inkuraġġiment ta' programmi li jinkludu lid-Dalit u l-użu ta' indikaturi biex titkejjel l-inklużjoni tad-Dalit fl-ekonomija l-ġdida;

49. Jirrimarka li huwa importanti li l-gvern Indjan, fil-proċess ta' żvilupp tiegħu, iżomm f'moħħu l-kwistjonijiet ta' koeżjoni soċjali, l-ambjent u d-drittijiet tal-konsumaturi;

50.  Jilqa' l-koperazzjoni ta' l-UE ma' l-Indja fil-qasam tal-politika ambjentali u l-fatt li l-politika ambjentali hija identifikata bħala waħda mis-setturi ta' koperazzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt; jinnota li bħala kompetituri globali, l-UE u l-Indja għandhom rwol ċentrali fl-isforzi internazzjonali favur immaniġġjar globali aħjar ta' l-ambjent; jitlob sabiex l-aspetti ambjentali jkomplu jiġu enfasizzati fil-koperazzjoni fl-iżvilupp ekonomiku;

51. Jenfasizza li fl-Indja ż-żieda fil-qerda ambjentali hija problema li qiegħda dejjem tikber b'konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali inkonċepibbli, b'mod partikulari għan-numru kbir ta' Indjani li jgħixu fil-faqar, u jenfasizza l-urġenza partikulari biex titkompla l-koperazzjoni ta' l-UE ma' l-Indja f'dan il-qasam;

52. Jilqa' l-impenn ta' l-Indja għall-MDGs; jinnota li l-Għaxar Pjan fuq Ħames Snin ta' l-Indja jsemmi l-għanijiet u l-objettivi ta' żvilupp uman għal bejn il-ħames u l-għaxar snin li ġejjin, li ħafna minnhom huma aktar ambizzjużi mill-MDGs, iżda jibqa' mħasseb dwar il-kapaċità ta' l-Indja li tilħaqhom sa l-2015, minħabba li l-Proġett tal-Millennju tan-NU jiddikjara li fil-probabiltà l-Indja mhux ser jirnexxielha tikseb ta' l-anqas 4 mit-8 MDGs; jikkunsidra li assistenza relatata mal-kummerċ tista' tgħin lill-Indja biex tilħaqhom fiż-żmien skedat; jitlob lill-UE biex tikkopera ma' l-edukazzjoni universali ta' prijorità u mal-programmi ta' saħħa rurali ta' L-Indja u biex tinkuraġġixxi politiki li jiffaċilitaw l-inklużjoni ta' żgħażagħ fl-ambjent tax-xogħol; jemmen li l-UE tista' tindirizza t-tħassib dwar opportunitajiet indaqs billi tagħti spinta lill-prodotti li jipprovdu għixien għan-nisa, u billi tiffaċilita l-kummerċ f'servizzi li jimpjegaw in-nisa;

53. Jinnota li konnettività hija waħda mill-MDGs, u li s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Kofi Annan, talab għal konnettività f'kull pajjiż tad-dinja li għadu qed jiżviluppa sa l-2015 sabiex jiġu eliminati d-differenzi f'termini ta' libertà, rikkezza u setgħa; jilqa' inizjattivi bħall-"Hole-in-the-Wall Internet Education Experiment", fejn aktar minn 150 kompjuter veloċi, bil-kibord, bil-maws u kamera ta' l-internet ġew installati f'50 lokazzjoni, minn kwartieri fqar ta' Delhi għal xi postijiet fl-Indja rurali, u b'hekk eluf ta' subien u bniet li qabel kienu illitterati setgħu jgħallmu lilhom innifishom mhux biss kapaċitajiet relatati ma' l-IT u ħafna elementi ta' l-edukazzjoni primarja, iżda wkoll biex jgħollu l-aspettattivi tagħhom; jikkunsidra li proġetti bħal dawn, filwaqt li ma joffrux sostitut sodisfaċenti għall-klassi ta' l-iskola b'għalliem, jistgħu jgħinu lil dawk it-tfal li attwalment m'għandhom l-ebda possibiltà ta' forma tradizzjonali ta' edukazzjoni; jitlob lill-Indja biex taqsam il-benefiċċji tal-prosperità tagħha fl-IT mat-98% tal-popolazzjoni tagħha li attwalment m'hijiex effetwati minnha u tidderiġi investiment u għajnuna f'proġetti bħal dawn, bi stima ta' spiża rikurrenti annwali ta' anqas minn 2 ċenteżimi għal kull tifel/tifla kuljum;

54. Jinnota li l-Indja kienet waħda mill-benefiċjarji ewlenin ta' l-iskema tal-GSP, b'medja ta' rati ta' użu ta' 80%, f'numru ta' setturi, inklużi prodotti ta' l-annimali (88%), ħaġar prezzjuż u ġojjelli (85%), apparat tat-trasport u metalli komuni (83%); jinnota li 40% ta' l-esportazzjoni tal-ħwejjeġ ta' l-Indja, li tiswa ftit aktar minn EUR 3,000 miljun, minn total ta' esportazzjoni ta' EUR 4,800 miljun, u disa' minn għaxra ta' l-esportazzjoni taż-żraben ta' l-Indja, b'valur ta' EUR 6,00 miljun, minn total ta' esportazzjoni ta' EUR 675 miljun, ibbenefikaw mill-iskema tal-GSP; jinnota li pajjiżi bl-industriji ta' l-insiġ tagħhom stess, bħall-Indja, kienu kapaċi jagħmlu użu ħafna aktar estensiv mill-faċilitajiet tal-GSP minn pajjiżi oħra bħall-Bangladexx, li jużaw tessut impurtat għall-manifattura ta' ħwejjeġ, u li esperjenzaw diffikultajiet minħabba l-iskema tar-regoli ta' l-UE dwar l-oriġini; jilqa' l-prattika ta' l-UE li żżomm dawn l-iskemi u r-regoli taħt reviżjoni u jinkuraġġixxiha biex tissimplifika u tirrazzjonalizza dawn ir-regoli; jilqa' l-proposta biex ir-regoli ta' l-oriġini speċifiċi għall-prodott jinbidlu għal kriterju wieħed ġenerali sabiex il-pajjiżi eleġibbli jkunu jistgħu isibuha eħfef biex jużaw l-iskema;

55. Huwa mħasseb li, meta għandek 60% tat-tigri li fadal fid-dinja jinsabu fl-Indja, iċ-ċensiment ippjanat iżda mdawwem tat-tigri kollha ta' l-Indja jista' juri tnaqqis fin-numru serjament baxx ta' 1,500 tigra fil-pajjiż; jirrikonoxxi li l-valur ta' kummerċ illegali fl-ispeċi ta' annimali selvaġġi huwa stmat li huwa l-akbar wara l-kummerċ internazzjonali tad-drogi illegali u li l-livelli ta' sfruttament u kummerċ ta' xi speċi, bħat-tigri, huma tant għoljin li l-popolazzjonijiet tagħhom qed jonqsu b'mod drastiku; jirrikjedi monitoraġġ aħjar ta' l-importazzjoni ta' kampjuni ta' annimali selvaġġi u ta' prodotti ta' annimali selvaġġi sabiex tiġi mħarsa l-Konvenzjoni dwar Kummerċ ta' Speċi fil-Periklu (CITES), u li l-infurzar jittejjeb sabiex l-ispeċi fil-periklu jiġu salvati mit-theddida ta' l-estinzjoni; jitlob lill-UE biex toffri koperazzjoni u assistenza teknika lill-Indja sabiex tgħinha żżomm il-bijodivesità tagħha u tindirizza l-kummerċ illegali fl-annimali selvaġġi; jitlob sabiex il-kwistjoni ta' protezzjoni tat-tigra b'mod ġenerali, u l-ġlieda kontra l-kummerċ b'mod partikulari tal-ġilda, ta' l-għadam u tal-partijiet tal-ġisem tat-tigra, inkluż permezz ta' koperazzjoni bejn dwani, jiddaħħlu fl-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Forum Ambjentali bejn l-UE u l-Indja;

56. Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ħalliet lill-bdiewa ż-żgħar kemm fl-UE u fl-Indja jaffaċċjaw kompetizzjoni globali, u minħabba f'hekk kellhom inaqqsu l-prezzijiet, meta fl-istess żmien it-tnaqqis fis-sussidji tal-gvern għollielhom il-prezzijiet tal-biedja; huwa mħassab li fl-Indja, il-bdiewa qed iduru għal kuntratti ta' biedja għall-esportazzjoni, minflok jipprovdu prodotti domestiċi, u dan qed iwassal għall-malnutrizzjoni f'zoni rurali foqra; jinkuraġġixxi lill-Indja biex tidderiġi fondi għal infrastruttura relatata mal-kummerċ lejn zoni ta' agrikoltura rurali biex tgħin lill-bdiewa jadattaw għall-isfidi tal-globalizzazzjoni;

57. Iħeġġeġ lill-UE biex f'fora internazzjonali tippromwovi responsabiltà korporattiva akbar fost l-intrapriżi barranin stabbiliti fl-Indja, u fl-istess ħin iħeġġeġ biex jintlaħaq ftehim mal-gvern Indjan biex titwaqqaf sistema effettiva għall-monitoraġġ tad-drittijiet tal-ħaddiema f'kumpaniji domestiċi u barranin ibbażati fl-Indja.

58. Jitlob għal taħditiet bejn l-UE u l-Indja dwar investiment sabiex titqies ir-responsabiltà soċjali u politika ta' investituri barranin; jenfasizza li d-drittijiet ta' l-investituri għandhom imorru id f'id ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom u li l-investituri għandhom ta' l-anqas japplikaw l-istandards fundamentali tax-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol (ILO).

59. Jilqa' l-impenn ta' l-Indja għall-prevenzjoni ta' tħaddim ta' tfal u għall-parteċipazzjoni fil-Programm Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Tħaddim ta' Tfal u l-proġett INDUS dwar tħaddim ta' tfal; huwa mħasseb bl-inċidenza għolja ta' ħaddiema tfal fl-Indja; jitlob lill-Indja biex tikkopera ma' l-ILO u tirratifika l-Konvenzjoni 138 dwar l-Età Minima u l-Konvenzjoni 182 dwar L-Agħar Forom ta' Tfal li Jaħdmu; jitlob lill-Indja biex tieħu miżuri biex tissielet kontra l-forom kollha ta' skjavitù moderna, tħaddim ta' tfal u l-isfruttament ta' xogħol tan-nisa, bil-ħsieb li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u biex jiġi evitat 'dumping' soċjali; kif ukoll biex tadotta l-prinċipju ta' l-ILO ta' 'xogħol deċenti'; ifakkar l-importanza ta' l-arranġamenti varji ta' kummerċ b'konformità ma' konvenzjonijiet internazzjonali dwar drittijiet tal-bniedem u standards tax-xogħol;

60. Iqis li l-Indja għandha tirratifika u timplimenta l-Konvenzjonijiet ta' l-ILO li fadal kemm jista' jkun malajr sabiex tgħin biex jissaħħaħ l-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien twil u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' l-ifqar frazzjonijiet tas-soċjetà;

61. Jenfasizza li l-UE għandha tagħmel pressjoni fuq il-gvern Indjan sabiex jindirizza, bl-akbar sens ta' urġenza, xogħol 'bonded', li jeffetwa miljuni ta' persuni fl-Indja; jitlob lill-Indja biex tirratifika l-Konvenzjoni 98 dwar Dritt li Torganizza u Negozjati Kollettivi;

62. Jenfasizza l-importanza li r-relazzjonijiet ta' kummerċ li qed jiżviluppaw bejn l-UE u l-Indja ma jiġux separati mir-riformi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indja;

63.  Jinnota li l-amministrazzjoni attwali ta' l-Indja rrikonoxxit b'mod aktar miftuħ il-problemi li joħolqu l-HIV/AIDS; jikkunsidra li t-tixrid ta' l-HIV/AIDS għandu l-potenzjal li jħarbat il-progress ta' l-Indja; jinnota li l-aċċess limitat għall-kura tas-saħħa u l-livelli baxxi ta' attenzjoni għas-saħħa huma responsabbli għall-inċidenza dejjem akbar ta' l-HIV/AIDS; jilqa' l-fatt li żiedet il-fondi u l-programmi tagħha biex tindirizza l-problemi li ħolqu l-HIV/AIDS u jitlob lill-UE biex tgħin lill-Indja biex tmexxi 'l quddiem programmi għal individwi u komunitajiet li jinsabu f'risku kbir; f''dan is-sens jilqa' x-xogħol li wettqet l-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Kontroll ta' l-AIDS (NACO) fl-attivitajiet tagħha biex tqajjem kuxjenza fost il-popolazzjonijiet rurali u urbani;

64. Iqis li d-diżastri naturali riċenti, speċjalment it-tsunami ta' l-Oċean Indjan u t-terrimot ta' l-Asja t'Isfel, urew il-bżonn għal kollaborazzjoni aktar kreattiva u immaġinattiva bejn in-numru kbir ta' aġenziji u organizzazzjonijiet li jgħinu f'każ ta' diżastri; jinnota li l-UNESCO, permezz tal-Kummissjoni Oċeanografika tagħha, kienet attiva fit-twaqqif ta' Twissija ta' Tsunami ta' l-Oċean Indjan u Sistema ta' Mitigazzjoni, u li n-NU qed jikkordinaw l-implimentazzjoni tal-Qafas Hyogo ta' Azzjoni, pjan ta' 10 snin għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastru naturali; jitlob lill-Indja, lill-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dawn l-inizjattivi, ħalli, permezz ta' l-antiċipazzjoni tal-frekwenza u s-severità tad-diżastri naturali u s-sinerġiji bejn l-isforzi umanitarji u l-aġenziji ta' għajnuna tal-gvern, tkun tista' tiżdied l-effettività sostenuta ta' l-assistenza ta' wara diżastru;

65. Jitlob biex jinżamm samit parlamentari kull sena li jkun jikkoinċidi ma' jew li jkun eżatt qabel is-samit annwali ta' bejn l-Indja u l-UE, li ssoltu jseħħ mingħajr il-parteċipazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew; jikkunsidra li samits bħal dawn jagħmluha possibbli biex jiġu żviluppati r-rabtiet bejn entitajiet parlamentari, itejbu l-komprensjoni tad-differenzi tagħhna u jġibu s-sistemi demokratiċi taż-żewġ naħat eqreb xulxin;

66. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari dwar progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja;

o

o o

67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-repubblika ta' l-Indja.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

L-UE u l-Indja jikkostitwixxu l-akbar demokraziji fid-dinja. Id-demokrazija, il-pluraliżmu u l-istat tad-dritt jiggarantixxu konsistenza u kontinwità fil-kummerċ u fir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom u jikkontribwixxu għall-istabilità globali.

Għad li jridu jtejbu r-relazzjonijiet ekonomiċi bilaterali, il-fehmiet dwar Sħubija Strateġika jvarjaw f'oqsma vitali. Id-diverġenza bejn ekonomiji fi stadji differenti ta' żvilupp hija naturali iżda l-oqsma prinċipali jridu jiġu indirizzati sabiex jinkisbu benefiċċji ekonomiċi reali.

Wieħed ma jistax iħares biss lejn il-kummerċ, u r-rapport jeżamina bir-reqqa d-distribuzzjoni ta' benefiċċji tal-liberalizzazzjoni Indjana u jevalwa l-implikazzjonijiet ta' tkabbir mgħaġġel.

L-Indja hija mexxejja emerġenti fiċ-ċentru ġeopolitiku: hija l-punt fejn jiltaqgħu l-Lvant Imbiegħed prosperu, il-Lvant Nofsani b'riżorsi kbar ta' enerġija u l-Asja Ċentrali. Ir-rapport jiddiskrivi l-politika ta' l-Indja ta' prammatiżmu strateġiku, jesplora r-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħha u jevalwa kif dawn jiddeterminaw it-tkabbir futur.

Koperazzjoni bejn l-UE u l-Indja: Lejn Sħubija Strateġika.

Mill-1980 sa l-2005 l-kummerċ bejn l-UE u l-Indja kiber minn €4.4 biljun għal €40 biljun.

L-UE hija l-akbar sieħeb fil-kummerċ ta' l-Indja u l-Istati Membri jikkostitwixxu 22.4% ta' l-esportazzjoni ta' l-Indja u 20.8% ta' l-importazzjoni. Madankollu hemm żbilanċ bejn il-livelli relattivi tal-kummerċ: iżda filwaqt li l-UE tikkostitwixxi 21% tal-kummerċ Indjan, is-sehem ta' l-Indja mill-kummerċ ta' l-UE huwa inqas minn 1%; u filwaqt li l-UE hija l-akbar sieħeb fil-kummerċ ta' l-Indja, l-Indja tinsab fl-14-il post fil-lista relattiva ta' l-UE;

It-tariffi ta' importazzjoni għoljin ta' l-Indja u r-rifjut ta' impenn għal rati massimi obbligatorji għall-prodotti kollha, jibqgħu kawża ta' tħassib għall-industrija ta' l-UE. Skemi ta' eżenjonijiet u preferenzi jikkombinaw flimkien b'mod kumpless u mingħajr trasparenza li jwassal għal tagħwiġ fis-suq. Flimkien ma' ostakli kbar li mhux tariffati, li jvarjaw minn standards onerużi u ċertifikazzjonijiet fuq prodotti sa listi ta' importazzjoni negattivi, dawn l-ostakli jfixklu l-ottimizzazzjoni tal-kummerċ bilaterali.

Filwaqt li l-liberalizzazzjoni għandha impatti pożittivi fuq perjodu ta' żmien twil, l-ispejjeż fuq żmien qasir jistgħu jeffettwaw lill-industrija Indjana b'mod negattiv. L-Indja titkellem dwar 'Ewropa fortizza' u dwar il-bżonn ta' armonizzazzjoni tas-sistemi marbutin mal-kummerċ madwar l-UE kollha. L-Indja targumenti li l-ostakli mhux tariffati ta' l-UE, bħal azzjonijiet ta' difiża tal-kummerċ, standards tas-saħħa u kontrolli fuq moviment ta' popli joħolqu suq impenetrabbli. Filwaqt li hemm xi tħassib dwar id-WTO, l-eliminazzjoni ta' dawn l-ostakli hija ta' importanza kbira sabiex tinħoloq sħubija strateġika ta' vera.

Wieħed ma jistax iħares lejn il-kummerċ separatament għalih innifsu; l-interessi strateġiċi għandhom irwol ewlieni. Il-Kummissarju Mandelson jiddikjara li l-Indja hija "d-destinazzjoni ta' l-għażla" tiegħu, iżda madankollu jkompli jagħti n-nar lill-ossessjoni li għandha l-UE biċ-Ċina. Il-midja Indjana ġġenerat ostilità lejn l-UE wara t-tilwim dwar l-ICC u l-Konvenzjoni ta' Ottawa, u din tkompli żżid mas-sensitività dwar il-patronizzazzjoni ta' l-UE fuq l-Indja. Il-każ Mittal jepitomizza din il-perspettiva u l-'handling' ta' l-offerta ta' l-OPA tagħt lill-midja Indjana aktar spazju fejn timraħ. Il-bini ta' relazzjonijiet aħjar mid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni u l-Ambaxxati ta' l-Istati Membri għandhom jinvolvu l-Indjani u jindirizzaw it-tħassib tagħhom.

Il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt huwa maħsub biex iżid il-kummerċ u l-koperazzjoni ekonomika u l-Grupp għall-Kummerċ ta' Livell Għoli qed jesplora xi mezzi biex jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali. It-tnejn huma impenjati għal konklużjoni b'suċċess tad-DDA, iżda fl-istess ħin ma jinjorawx il-ftehimiet bilaterali WTO+. L-opportunitajiet għaż-żewġ naħat jinkludu l-infurzar tal-miżura IPR u l-ftehimiet IPR. Filwaqt li huwa komprensiv, il-Pjan ma jistipulax prijoritajiet jew skadenzi u jipprovdi biss għal djalogu kontinwu. L-ebda naħa m'hija qed turi r-rieda politika biex tibni Sħubija Strateġika effettiva. Hemm bżonn li l-intenzjonijiet ta' kulħadd ikunu ċari: billi jiġu enfasizzati l-ambizzjonijiet komuni u jiġu stipulati l-iskadenzi.

Investiment Barrani Dirett (FDI): It-tegħlib ta' l-Ostakli ta' l-Aċċess għas-Suq

L-indja hija kklassifikata fid-90 post bħala kemm huwa faċli li wieħed jiftaħ negozju, iżda madankollu hija t-tielet għażla tad-dinja għal investiment barrani dirett. L-UE hija l-akbar sors ta' FDI ta' l-Indja b'ammont ħiereġ ta' EUR 820 miljun fl-2003. Madankollu l-Indja hija mħassba dwar il-livelli baxxi tad-dħul ta' l-FDI mill-UE, li huwa anqas minn EUR 5 biljun fl-aħħar 15-il sena - 2% ta' l-FDI totali.

L-atteġġjament tal-Gvern lejn l-FDI tjieb; fl-aħħar sema' t-tħassib ta' l-investituri u qabbad lill-Kummissjoni għall-Investiment biex tħeġġeġ FDI, tiggwida l-investituri fil-proċeduri u tressaq rakkomandazzjonijiet ta' politika għad-dħul ta' l-FDI. Infetħu numru kbir ta' setturi għall-investituri barranin iżda ħafna setturi oħrajn, inklużi l-agrikoltura u l-beni immobbli, għadhom mhux aċċessibbli. Il-prosperità attwali ta' l-Indja fis-setturi finanzjarji u ta' l-assikurazzjoni hija prova tal-benefiċċji tal-ftuħ għall-FDI. Għalkemm il-limiti massimi ta' FDI f'setturi individwali qed jiġu mgħollija gradwalment, il-gvern xorta għadu jxaqleb lejn dawk tal-lokal u l-limiti fuq pussessjoni għadhom ir-regola aktar milli l-eċċezzjoni.

Fuq livelli ta' stat u ta' muniċipju l-investituri barranin iħabbtu wiċċhom ma' burokrazija frustranti. L-applikazzjonijiet eliġibbli għal approvazzjoni awtomatika huma ftit ħafna, filwaqt li l-kwantità kbira ta' l-applikazzjonijiet jiġu indirizzati fuq il-bażi ta' kull każ għalih. Ir-regolamenti jinbidlu spiss b'mod eżasperanti, u jagħmluha diffiċli biex wieħed ilaħħaq mal-kapriċċi ta' sistema mingħajr trasparenza.

L-Indja qed turi l-karatteristiċi tipiċi ta' nazzjon li qed jiżviluppa. B'networks tat-trasport ħżiena u qtugħ ta' l-elettriku regolari, il-Prim Ministru Singh jistma li l-Indja għandha bżonn FDI fl-infrastruttura ta' $150 biljun fuq il-ħames snin li ġejjin. L-intoppi ewlenin jirriżultaw mill-kumplessità taċ-ċaqliq mill-metodi tradizzjonali kif is-settur pubbliku jħaddem l-infrastruttura għal metodu li jiddependi fuq Sħubija bejn il-Gvern u l-Privat. Dan ta' l-aħħar jitlob għal trasparenza u għal ambjent regolatorju kredibbli u jimponi l-istess kundizzjonijiet għall-investituri privati u għall-gvern. Dawn huma kwistjonijiet li l-Indja għandha bżonn tindirizza b'mod ġenerali.

Ir-riskji ta' Sigurtà jibqgħu kawża ta' tħassib. Minkejja li t-tensjonijiet naqsu, ma hemm l-ebda riżoluzzjoni għall-Kunflitt tal-Kashmir u t-tensjonijiet settarji għadhom jippersistu. L-ispezzjonijiet spissi ta' sigurtà jagħmlu l-ivvjaġġar lejn l-Indja wieħed inkonvenjenti, u b'hekk jaqtgħu qalb l-investituri. Madankollu, wieħed mill-vantaġġi ewlenin ta' l-Indja huwa l-istabilità politika. Politiki ta' koalizzjoni jista' jkollhom l-iżvantaġġi tagħhom, iżda minkejja t-tibdil fl-amministrazzjoni, id-direzzjoni ġenerali ta' l-Indja ma nbidlitx f'dawn l-aħħar 15-il sena.

Illum, id-Dijaspora ta' l-Indja hija ta' aktar minn 20 miljun, bi 3 miljun minnhom li jgħixu fl-UE. L-Indjani li jgħixu barra mill-pajjiż jagħmlu konribuzzjoni kbira għall-industrija Indjana relatata ma' l-Esternalizzazjoni tal-Proċessi tal-Kummerċ Indjan (Business Process Outsourcing - BPO). Madankollu, id-Dijaspora ma tinvestix biżżejjed, u tipprovdi biss 10% tad-dħul ta' l-FDI. Kif jinnota l-Prim Ministru Singh: jekk l-Indjani "jgħinu biex l-Amerika ssir kompetittiva, għalfejn ma jistgħux jagħmlu aktar għall-Indja stess?" L-Indja għandha bżonn ta' kontributi soċjali u finanzjarji għal żvilupp fuq perjodu ta' żmien twil. Il-gvern waqqaf kumitat biex ifassal skemi għall-aċċess tar-riżorsi tad-Djaspora; iċ-ċittadinanza doppja hija proposta tanġibbli.

Il-BPO: Kif tkun "Bangalored."

L-Indja tiġbed lejha sehem ta' 44% tas-servizzi relatati ma' l-IT nnegozjati globalment u l-Esternalizzazjoni tal-Proċessi tal-Kummerċ (BPO). L-Indja hija l-aqwa destinazzjoni 'off-shore' tan-Negozji Ewropej, b'66% minnhom jaħdmu ma' bejjiegħa bbażati fl-Indja. Il-kuntratti BPO attwati fl-Indja m'għadhomx xogħlijiet ta' programmazzjoni sempliċi u servizzi ta' 'call centre', iżda qed jinvolvu dejjem aktar proċessi ta' negozju sħaħ u xogħol ta' konsultazzjoni.

Bħala riżultat tax-xejriet demografiċi kurrenti, it-tkabbir potenzjali ta' l-UE għandu jonqos sa l-2020. B'kuntrast ma' dan, il-vantaġġ prinċipali komparattiv ta' l-Indja huwa numru kbir ta' ħaddiema żgħażagħ imħarrġa, li jitkellmu bl-Ingliż u li ma jiswewx ħafna flus. Bejn wieħed u ieħor, dawn jaqilgħu $8,000 apparagun ma' $ 70,000 għall-kontropartijiet Germaniżi. Il-klijenti ma jibbażawx id-deċiżjonijiet fuq il-paga biss iżda, anki meta wieħed iqis ukoll l-ispejjeż addizzjonali li jinvolvi t-twaqqif ta' post tax-xogħol adegwat, grazzi għad-differenzi fil-paga, wieħed jista' jiffranka sa 50%.

Għalkemm l-OECD tiddikjara li l-BPO tista' "teffettwa potenzjalment" 20% biss ta' l-impiegi fil-15-il stat oriġinali, bejn l-2003 u l-2008 se jiġu esternalizzati 200,000 impieg ta' l-UE lejn l-Indja. L-Indja ma tipproduċix biżżejjed inġiniera biex tlaħħaq mad-domandi. L-Indja għandha miljun student fil-kulleġġi ta' l-inġinerija iżda 3,000 biss jiggradwaw kull sena mill-IITs. Mill-bqija, ftit jissodisfaw ir-rekwiżiti rigorużi tal-Korporazzjonijiet Multinazzjonali (MNCs). Sa l-2010, id-domanda għall-professjonisti li jitkellmu bl-Ingliż se tkun ta' 160,000 u 40,000 Indjan biss se jkunu kwalifikati. 30,000 espatrijat ta' l-UE diġà jaħdmu fl-Indja u hemm opportunitajiet ċari għal Ewropej imħarrġa li lesti biex jirrilokaw.

L-iskema ta' borża ta' studju Erasmus Mundus ta' €33 miljun u s-Sedja Jean Monnet fl-Istudji Ewropej fl-Università ta' Delhi huma vitali biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja. F'Bangalore, 95% ta' l-MNCs huma mmexxija minn Indjani li kisbu edukazzjoni u esperjenza barra mill-pajjiż. L-UE għandha tippermetti lill-Indjani biex jibqgħu jaħdmu wara l-istudji tagħhom. Dan jiġġustifika l-investimenti tas-sistemi ta' l-edukazzjoni għolja ta' l-UE u, kif qal il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Shanmugharatanam, wara li Singapor iddeċieda li jiġbed studenti Ċiniżi intelliġenti lejn l-iskejjel tiegħu, "int tippreferi li għaxar snin oħra dawn l-istudenti jkunu qed jikkompetu fuq in-naħa tiegħek jew kontrik?"

L-Enerġija: L-Impetus wara l-Politika ta' Kummerċ

L-Impatt tat-tkabbir Indjan fuq id-domanda globali għall-enerġija huwa fenomenali. Attenzjoni mġedda fuq l-enerġija hija mmexxija minn suq taż-żejt dejjaq u prezzijiet li rduppjaw fuq l-aħħar tliet snin. Bi provvista li ġejja minn dejjem anqas pajjiżi, strateġija sensibbli għal sigurtà ta' l-enerġija titlob approċċ integrat u innovattiv.

Fattur prinċipali li jiddetermina t-tkabbir futur huwa l-kapaċità ta' l-Indja li tlaħħaq mal-bżonnijiet ta' enerġija li għadhom telgħin 'il fuq. L-Indja ssofri nuqqasijiet serji ta' enerġija u tiddependi bil-kbir fuq iż-żejt u l-faħam. Is-sigurtà ta' l-enerġija qed tmexxi l-politika barranija u l-Indja tinqala' biex tilgħab bl-imsieħba globali fl-assalt għaż-żejt li fadal. Filwaqt li s-Civil Nuclear Deal ta' l-Istati Uniti qed jistenna l-approvazzjoni tal-Kungress, l-Indja qed tinnegozja pajpijiet għall-importazzjoni ta' gass b'valur ta' $3.5 biljun u $7 biljun mat-Turkmenistan u ma' l-Iran rispettivament.

L-Indja hija ambjent fertili għaż-żejt u l-gass, iżda l-esplorazzjoni mmexxija mis-settur pubbliku dejjem kienet kawta ħafna. Id-dħul ta' kumpaniji tal-Punent biddlu din il-pożizzjoni. Il-Cairn Energy Britannika rrappurtat bosta skoperti ta' żejt f'Rajasthan fl-2004, bl-akbar waħda fiha 500 miljun barmil ta' riservi li jistgħu jiġu rkuprati). L-Indja għandha tinkuraġġixxi tfittix aktar qawwi għaż-żejt u l-gass, billi tipprovdi inċentivi kbar lill-kumpaniji ta' l-UE.

Sorsi li jiġġeddu jistgħu jlaħħqu mad-domanda għall-enerġija ta' l-Indja fuq perjodu ta' żmien twil u jagħtu spinta lill-kapacità tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija. Meta wieħed iqis is-sensitività tal-ħarsien ta' l-ambjent flimkien ma' għarfien teknoloġiku, l-UE tista' toffri soluzzjonijiet billi taqsam l-esperjenza ta' sorsi li jiġġeddu u alternattivi ta' effiċjenza. Flimkien għandna niddefinixxu l-arkitettura ta' l-enerġija globali permezz ta' zvilupp ta' l-enerġija innovattiv u sostenibbli, filwaqt li jintlaħqu l-'benchmarks' dwar il-bidla fil-klima.

L-Indja: Ċentru ġeopolitiku importanti fis-seklu 21?

Hekk kif l-Indja tevolvi minn pajjiż li qed jiżvilluppa għal pajjiż żviluppat, hija qed iġġorr responsabiltà globali. Pijunier fil-kummerċ bejn in-Nofsinhar u n-Nofsinhar, l-esportazzjoni Indjana kibret b'39% f'dawn l-aħħar erba' snin u l-kummerċ bilaterali kiber b’ħames darbiet fl-1990 minn $1.3biljun għal $6.9biljun. Barra minn hekk, l-Indja ħadet rwol ewlieni, għalkemm xi ftit defensiv, fid-WTO, ta' promozzjoni ta' Trattament Speċjali u Differenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għandu jkompli jkollha rwol pożittiv fid-DDA billi tippromwovi l-benefiċċji tal-ftuħ tas-suq u billi timpenja ruħha biex tiftaħ il-kumplament tas-setturi li għadhom protetti.

L-Indja bniet FTAs bilaterali fl-Asja u kemm l-FTA ta' Sri Lanka kif ukoll is-CECA ta' Singapor qed jaħdmu tajjeb. Filwaqt li l-liberalizzazzjoni unilaterali ġġib profitti importanti, it-tkabbir ottimu jiġi permezz ta' multilateraliżmu. Ir-relazzjonijiet bejn l-Indja u l-Pakistan waqqfu l-koperazzjoni ekonomika reġjonali tas-SAARC. Għalkemm il-kummerċ huwa għodda biex tinbena l-fiduċja, il-kummerċ intra-reġjonali għadu baxx u jikkostitwixxi biss 4.7% tal-kummerċ totali. Il-politika ta' "Ħares lejn il-Lvant" kienet suċċess, issa hemm ippjanat FTA bejn l-Indja u l-ASEAN u fl-2004 l-kummerċ ma' l-Asja tal-Lvant ammonta għal 20% tal-kummerċ totali. Meta l-Ftehima dwar il-Kummerċ Ħieles fl-Asja t-Isfel tidħol fis-seħħ f'Lulju 2006, wieħed jista' jistenna espansjoni kbira fir-reġjun, għalkemm il-profitti kienu jkunu akbar kieku ma kienx hemm daqsekk eċċezzjonijiet u kieku rriflettiet FTA ta' vera.

Iċ-Ċina għadha integrata aħjar ma' l-Asja tal-Lvant mill-Indja, għalkemm il-mod ta' kif isir il-kummerċ ma' l-ASEAN, il-punt ta' fejn jiltaqgħu, għandu jinbidel hekk kif jespandi l-kummerċ dirett. Ħafna jaħsbu li l-Indja u ċ-Ċina huma rivali. Ftit huma dawk li jirrealizzaw li l-kummerċ bejn l-Indja u ċ-Ċina, s-sena li għaddiet, kien ta' $1biljun fix-xahar. L-istrutturi ekonomiċi tagħhom huma kumplimentari aktar milli kompetittivi, u għalkemm il-paradigma ta' "Ċ-Ċina bħala fabbrika, u l-Indja bħala l-'back office'" m'għandhiex tkun esaġerata, it-tnejn li huma għandhom il-kapaċità li jkunu BPO u ċentri importanti ta' manifattura. Madankollu, l-attenzjoni ta' l-UE kienet iffokata fuq iċ-Ċina, u ssottovalutat il-potenzjal ta' l-Indja. Filwaqt li tfittex l-aħjar prospetti, fattur ewlieni li jiddetermina l-investiment ta' l-UE fir-reġjun għandu jkun ix-xewqa li xxerred in-negozju madwar il-ġganti ta' l-Asja.

Storja ta' żewġ Indji

Hekk kif l-ekonomija tespandi, is-salarji tal-professjonisti Indjani se jogħlew ħafna. Fi ftit żmien, 3.8 biljun dar se jkollha dħul annwali ta' £130K u dan joħloq żieda f'daqqa fl-infiq. Madankollu, il-benefiċċji m'humiex mifruxin b'mod ibbilanċat. Dawk li qed igawdu mill-prosperità fl-IT huma anqas minn 2%. Il-livell ta' faqar għadu għoli: 390 miljun jgħixu b'anqas minn $1 kuljum u kważi 40% huma illitterati.

Minkejja l-espansjoni mgħaġġla tas-settur tas-servizzi, l-agrikoltura għadha tiddomina, u tħaddem 65% tal-popolazzjoni. Il-liberalizzazzjoni tħalli lill-bdiewa jaffaċċjaw kompetizzjoni globali: u minħabba f'hekk ikollhom iraħħsu l-prezzijiet, filwaqt li t-tnaqqis fis-sussidji tal-gvern għollielhom il-prezzijiet tal-biedja. Il-bdiewa qed iduru għal kuntratti ta' biedja għall-esportazzjoni, minflok jipprovdu prodotti domestiċi, u dan qed iwassal għall-malnutrizzjoni f'zoni rurali foqra. Is-siti ta' l-intrapriżi jinsabu f'zoni urbani, u dan iwassal għal migrazzjoni fuq skala kbira u għalhekk il-faqar urban u l-kwartieri fqar jirriflettu proċess ta' żvilupp oblikwu. Biex wieħed ireġġa lura dawn ix-xejriet, hemm bżonn li jerġgħu jissaħħu l-agrikoltura u l-infrastruttura sabiex jiġi ġġenerat tkabbir fid-dħul f'zoni rurali.

It-tkabbir fl-istati tan-Nofsinhar u tal-Punent jiżboq lil dak fit-Tramuntana u fil-Lvant. Fil-Gurjarat, l-istat li qed jikber bl-aktar rata mgħaġġla, il-GSP rdoppja bejn l-1993 u l-2003 u l-prodott per capita żdied b'73% filwaqt li l-ifqar stat, il-Bihar, per capita żdied b'22% biss. L-iżbilanċi huma eżasperati bid-devoluzzjoni. Dan jaċċelera l-iżvilupp ta' l-istati aktar sinjuri iżda għandu l-effett oppost fuq l-istati aktar fqar. Il-kwalità tal-gvern hija fattur li jagħmel id-differenza, u dan jidher ċar fl-indiċi soċjali li qegħdin dejjem jitjiebu tar-Rajashan u tal-Kerala, li jgawdu minn tmexxija politika b'saħħitha u investiment għaqli. Sabiex tiġi żgurata koerenza, il-gvern ċentrali għandu jadotta politiki kumplimentari b'saħħithom li jridu jiġu applikati madwar l-istati kollha. Ir-riżorsi jridu jiġu ridirezzjonati lejn dawk ir-reġjuni li għadhom lura u lejn dawk il-gruppi soċjali b'nuqqas ta' rapprezentanza. L-isforzi ta' bini ta' kapaċitajiet għandhom ikunu ffokati fuq l-ifqar stati, sabiex ikunu jistgħu jużaw il-fondi b'mod effettiv.

L-Indja hija impenjata favur l-MDGs u qed issaħħaħ id-distribuzzjoni tas-servizzi soċjali. Madankollu, għad hemm dubji serji, bħall-inċidenza għolja ta' tħaddim ta' tfal u ta' HIV/AIDS. Il-koperazzjoni ta' l-UE fl-edukazzjoni u fis-saħħa rurali tista' tipprovdi fondi għal programmi ta' prijorità. L-Indja għandha ssaħħaħ l-integrazzjoni ma' l-ekonomija dinjija f'firxa dejjem usa' ta' manifattura u servizzi. L-UE tista' tindirizza t-tħassib dwar l-opportunitajiet indaqs billi taċċelera prodotti li jipprovdu għixien lin-nisa u billi tiffaċilita l-kummerċ fis-servizzi f'dawk is-setturi li jimpjegaw lin-nisa.

OPINJONI għall-Kumitat għall-Iżvilupp (31.5.2006)

tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ ta' l-UE ma' l-Indja
(2006/2034(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Filip Andrzej Kaczmarek

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu s-suġġerimenti li ġejjin:

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE u l-Indja kkommettew ruħhom li jsaħħu d-djalogu u l-impenn, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, bħala sħab strateġiċi fis-samit Indja-UE fis-7 ta' Settembru 2005, kif rifless fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt, li jinkludi wkoll koperazzjoni ta' żvilupp, li jagħti importanza lis-sostenibilità ambjentali u lill-koeżjoni soċjali u ekonomika; jitlob li jinżamm dialogu kontinwu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sħubija strateġika; f'dan il-kuntest jifraħ lill-Kummissjoni Nazzjonali Indjana għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-ħidma indipendenti u rigoruża tagħha f'dawn il-kwistjonijiet;

2.   Jilqa' r-rikonoxximent li qed jikber ta' l-importanza ta' l-ambjent ekonomiku estern, il-kummerċ u l-investiment fl-aħħar pjan fuq ħames snin ta' l-Indja dwar l-iżvilupp uman (2003-2007);

3.   Jirrikonoxxi s-suċċess importanti tal-Gvern ta' l-Indja biex jeqred il-faqar, iżda jinnota li minkejja t-tkabbir ekonomiku b'mod sostenut, għad hemm inugwaljanza kbira, b'xi 30% tal-popolazzjoni ta' l-Indja (aktar minn 400 miljun persuna) għadha tgħix taħt il-livell tal-faqar; jinsab partikularment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet żvantaġġati tal-popolazzjoni, b'mod partikulari n-nisa, it-tfal, dawk żvantaġġati u l-popolazzjoni rurali, eż. id-Daliti u l-Adivasis (tribuwijiet u popli indiġeni); jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu flimkien mal-gvern Indjan sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawk il-gruppi u biex jeżaminaw koperazzjoni futura bħala l-kontribuzzjoni tagħhom lejn it-tmiem tad-diskriminazzjoni tas-sessi u tal-kasti;

4.   Huwa impressjonat bl-effetti ta' żvilupp ta' tkabbir ekonomiku f'xi reġjuni ta' l-Indja u jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja riċerka dwar il-mudelli ewlenin u l-politiki nazzjonali/subnazzjonali bażiċi responsabbli għal effetti bħal dawn, sabiex jiġi ffaċilitat tagħlim transreġjonali u l-aħjar prattiki;

5.   Jenfasizza li koperazzjoni ekonomika u kummerċjali għandha tkun iffokata fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' għixien ta' l-Indjani foqra, barra li jenfasizza wkoll l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli;

6.   Jenfasizza li l-objettiv li jintlaħqu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs) u l-ġlieda kontra l-faqar għandhom jibqgħu element ċentrali fis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-samit li jmiss bejn l-UE u l-Indja fit-13 ta' Ottubru 2006 għandu jindirizza l-kwistjoni ta' l-MDGs; u jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi urġenti biex jiġi żgurat li minoritajiet bħad-Daliti u l-Adivasis u komunitajiet oħra emarġinati, tribujiet u kasti, ikunu jistgħu jnaqqsu d-distakk wiesa' mal-kumplament tal-popolazzjoni biex jintlaħqu l-MDGs;

7.   Jitlob lill-UE biex tappoġġja lill-potenzjal kummerċjali internazzjonali ta' l-Indja kif ukoll l-isforzi biex tiġbed investiment barrani dirett, b'mod partikulari billi ssaħħaħ l-għajnuna għall-kummerċ sabiex tindirizza l-intoppi infrastrutturali u amministrattivi, billi tistinka għal konklużjoni tad-WTO Doha Round li tiffaċilita l-iżvilupp fl-aħħar ta' l-2006, billi tuża l-pożizzjoni tagħha bħala mexxejja fil-grupp G20 sabiex tiżgura ftehim bilanċat bejn il-pajjiżi żviluppati, l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

8.   Jitlob għal taħditiet bejn l-UE u l-Indja dwar investiment sabiex tiġi meqjusa r-responsabiltà soċjali u politika ta' l-investituri barranin; jenfasizza li d-drittijiet ta' l-investituri għandhom imorru id f'id ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom u li l-investituri għandhom ta' l-anqas japplikaw l-istandards fundamentali tax-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol (ILO).

9.   Jikkunsidra li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lis-settur ta' l-SMEs fl-Indja, u għalhekk jissuġġerixxi li l-programmi kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-SMEs ta' l-Indja jistgħu jissaħħu permezz ta' miżuri li jgħinu fl-iffinanzjar ta' proġetti lokali bbażati fuq is-suq u proposti miċ-ċittadini;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u l-ambjent fil-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE ma' l-Indja 2002-2006, kif ukoll l-impenn tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt biex iżid il-koperazzjoni għall-iżvilupp fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni, bil-għan li tikber il-koperazzjoni għall-iżvilupp u biex jikkumplimenta programmi importanti tas-settur soċjali fl-Indja, inklużi miżuri speċifiċi li effettivament iġibu fit-tmiem id-diskriminazzjoni kontra gruppi soċjali anqas iffavoriti, partikolarment, in-nisa; jitlob bl-istess mod li tingħata spinta lill-miżuri li jippromwovu l-edukazzjoni tal-bniet bħala parti mill-pjan ta' azzjoni, u b'dan il-mod jintlaħqu l-MDGs 2 u 3;

11. Jilqa' l-fatt li l-politika ambjentali hija identifikata bħala waħda mis-setturi ta' koperazzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni Kongunt; madankollu, jitlob sabiex l-aspetti ambjentali jkomplu jiġu enfasizzati fil-koperazzjoni għall-iżvilupp;

12. Jenfasizza li ż-żieda fil-qerda ambjentali fl-Indja hija problema li qiegħda dejjem tikber b'konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali inkonċepibbli, b'mod partikulari għan-numru kbir ta' Indjani li jgħixu fil-faqar, u jenfasizza l-urġenza partikulari biex titkompla l-koperazzjoni ta' l-UE ma' l-Indja f'dan il-qasam;

13. Jitlob għal koperazzjoni bejn l-UE u l-Indja fil-qasam ta' l-impiegi u tal-politika soċjali biex tkun iffokata fuq il-problemi tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fix-xogħol, ta' xogħol furzat u ta' tħaddim ta' tfal - ladarba l-Indja għandha waħda mill-ogħla inċidenzi ta' tħaddim ta' tfal - u jitlob lill-UE biex tinkuraġġixxi lill-Indja biex tirratifika l-Konvenzjoni 182 ta' l-ILO dwar L-Agħar Forom ta' Tħaddim ta' Tfal, u l-Konvenzjonijiet C 138 dwar l-età minima biex wieħed ikun jista' jaħdem u C 98 dwar id-Dritt li Torganizza u Negozjati Kollettivi, li jkun ifisser pass pożittiv lejn l-abolizzjoni eventwali tat-tħaddim tat-tfal;

14. Iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi u timplimenta miżuri biex tiżgura l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-minoranzi, li ġew esklużi bil-kbir mill-ekonomija l-ġdida fl-Indja u li jiġu diskriminati fil-programmi ta' żvilupp u rkupru minn diżastri permezz ta', fost affarijiet oħrajn, il-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs f'impiegi f'kumpaniji privati u f'investituri bbażati fl-UE, l-inkuraġġiment ta' programmi li jinkludu lid-Dalit u l-użu ta' indikaturi biex titkejjel l-inklużjoni tad-Dalit fl-ekonomija l-ġdida;

15. Jenfasizza li l-UE għandha tagħmel pressjoni fuq il-gvern Indjan sabiex jindirizza, bl-akbar sens ta' urġenza, xogħol 'bonded', li jeffetwa miljuni ta' persuni fl-Indja;

16. Jenfasizza li l-koperazzjoni ta' l-UE għall-iżvilupp għandha tikkopera ma' l-Indja bħala donatur internazzjonali emerġenti permezz ta' skambji ta' esperjenza u koperazzjoni fi proġetti konkreti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li minn dak li tgħallmet mill-esperjenza ta' l-Indja, l-UE tista' tagħmel l-għajnuna għall-iżvilupp aktar effettiva u produttiva;

17. Iħeġġeġ lill-UE biex f'fora internazzjonali tippromwovi responsabiltà korporattiva akbar fost l-intrapriżi barranin stabbiliti fl-Indja, fl-istess ħin iħeġġeġ li jintleħaq ftehim mal-gvern Indjan biex titwaqqaf sistema effettiva għall-monitoraġġ tad-drittijiet tal-ħaddiema f'kumpaniji domestiċi u barranin ibbażati fl-Indja.

PROĊEDURA

Titlu

Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ ta' l-UE ma' l-Indja

Referenzi

2006/2034(INI)

Kumitat responsabbli

INTA

Opinjoni ta'
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE
16.2.2006

Koperazzjoni eqreb - data mħabbra fil-plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni:
  Data tal-ħatra

Filip Andrzej Kaczmarek
25.1.2006

Diskussa fil-kumitat

30.5.2006

25.4.2006

 

 

 

Data adottata

30.5.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Danutė Budreikaitė, Michael Gahler, Hélène Goudin, Filip Andrzej Kaczmarek, Glenys Kinnock, Ģirts Valdis Kristovskis, Maria Martens, José Javier Pomés Ruiz, Horst Posdorf, Frithjof Schmidt, Margrietus van den Berg, Mauro Zani

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Hélène Aubert, John Bowis, Manolis Mavrommatis, Zbigniew Zaleski

Sostituti skond ir-Regola 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Sajjad Karim, Francisco José Millán Mon, Ralf Walter

PROĊEDURA

Titlu

Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ ta' l-UE ma' l-Indja

Numru tal-Proċedura

2006/2034(INI)

Kumitat responsabbli
  Awtorizazzjoni tad-data mħabbra fis-seduta plenarja

INTA
16.2.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħtu/i opinjoni(jiet)
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE
16.2.2006

 

 

 

 

Opinjoni(ijiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Sajjad Karim
11.10.2005

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Diskussa fil-kumitat

21.3.2006

19.6.2006

 

 

 

Data adottata

12.7.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

26

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Jean-Pierre Audy, Enrique Barón Crespo, Daniel Caspary, Giulietto Chiesa, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Jacky Henin, Syed Kamall, Sajjad Karim, Alain Lipietz, Helmuth Markov, Javier Moreno Sánchez, Georgios Papastamkos, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Bogusław Rogalski, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Johan Van Hecke, Zbigniew Zaleski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Elisa Ferreira, Eugenijus Maldeikis, Antolín Sánchez Presedo, Mauro Zani

Sostituti skond ir-Regola 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Anne Ferreira, Sarah Ludford

Data tat-tressiq

20.7.2006

Kummenti (disponibbli f'lingwa waħda biss)