RAPPORT dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina
20.7.2006 - (2005/2161(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Bastiaan Belder
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-30 anniversarju, fl-2005, tat-twaqqif ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra l-Isħubija Strateġika UE-Ċina li tnediet fl-2003,
– wara li kkunsidra l-qafas legali ewlieni għal relazzjonijiet maċ-Ċina, jiġifieri l-Ftehima ta' l-1985 dwar Kummerċ u Koperazzjoni bejn il-KE u ċ-Ċina, li tkopri r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u l-programm ta' koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' politika tal-Kummissjoni, intitolat “Sħubija li qed timmatura: interessi u sfidi komuni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina”, approvat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta' Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra l-ewwel dokument ta' politika li qatt ħarġet iċ-Ċina dwar l-UE, maħruġ fit-13 ta' Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra d-djalogu politiku bejn l-UE u ċ-Ċina li twaqqaf b'mod formali fl-1994 bħala għarfien ta' l-istatus taċ-Ċina bħala poter emerġenti fix-xena internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li nbeda f'Jannar 1996, li ġie interrott u nbeda mill-ġdid fl-1997, iż-żjara tat-Trojka f'Xinjiang f'Ottubru 2005, li saret fil-qafas tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, u s-Seminar ta' Djalogu UE-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Londra f'Diċembru 2005, bil-Parlament Ewropew bħala osservatur,
– wara li kkunsidra d-Djalogi Settorjali li għadhom sejrin bejn iċ-Ċina u l-Kummissjoni Ewropea, bħad-djalogu li nbeda dan l-aħħar dwar ix-xogħol u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (IPR),
– wara li kkunsidra l-Ftehima dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-UE u ċ-Ċina li daħlet fis-seħħ fl-2000 u ġġeddet fl-2004,
– wara li kkunsidra l-ftehima dwar koperazzjoni fil-programm ta' l-UE Galileo li jirrigwarda n-navigazzjoni bis-satellita,
– wara li kkunsidra t-8 Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar f'Beijing f'Settembru 2005 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fi tmiem is-Samit, u d-9 Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li se jsir fil-Finlandja fit-tieni nofs ta' l-2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Bidla fil-Klima, maħruġa fit-8 Samit bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra s-sessjoni ta' l-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu (5-14 ta' Marzu 2006) u r-rapport tal-gvern tal-Prim Ministru Wen Jiabao li ġie ppreżentat waqt il-kungress,
– wara li kkunsidra l-iktar żewġ laqgħat interparlamentari riċenti bejn il-PE u ċ-Ċina li saru f'Beijing, Shanghai u Hainan f'Marzu 2004 u fi Brussell f'Ottubru 2005 rispettivament,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet riċenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina[1], tat-8 ta' Settembru 2005 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikulari fir-rigward tal-libertà tar-reliġjon[2], tat-28 ta' April 2005 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2004 u l-politika ta' l-UE dwar il-kwistjoni[3] u tal-11 ta' April 2002 dwar Strateġija ta' l-UE fir-rigward taċ-Ċina[4],
– wara li kkunsidra l-embargo ta' l-armi ta' l-UE introdott wara l-inċidenti ta' trażżin tal-protesti fi Tiananmen f'Ġunju 1989, kif appoġġjat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2006[5] dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tas-CFSP,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, iċ-Ċina u t-Tajwan u dwar is-sigurtà fil-Lvant Imbiegħed[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar it-Tibet u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Novembru 2004[7], tat-13 ta' Jannar 2005[8], u tas-27 ta' Ottubru 2005[9] dwar il-każ tal-Lama Tenzin Delek Rinpoche, li huwa maqful fil-ħabs u ttorturat u b'hekk fil-periklu li jitlef ħajtu,
– wara li kkunsidra n-nuqqas ta' progress fid-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6‑0257/2006),
A. billi l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina hija ta' importanza kbira fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina,
B. billi l-kredibilità, il-valuri demokratiċi u r-responsabilità għandhom jikkostitwixxu l-bażi fondamentali tar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,
C. billi t-tisħiħ tar-relazzjoni ta' l-UE maċ-Ċina huwa kruċjali biex jintlaħqu sfidi globali bħall-bidla fil-klima, is-sigurtà u n-non-proliferazzjoni,
D. billi ċ-Ċina fiha nnifisha tikkostitwixxi l-ikbar sfida fil-globalizzazzjoni tal-kummerċ u billi qed tesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi ħafna, b'rata li tilħaq madwar 9% fis-sena,
E. billi l-iżvilupp ekonomiku qawwi taċ-Ċina, flimkien ma' l-isħubija permanenti tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-isħubija tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), qed iġiegħel lill-pajjiż jerfa' responsabilità internazzjonali li qiegħda dejjem tiżdied,
F. billi l-UE hija l-ikbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina u l-ikbar investitur f'dak il-pajjiż na u billi ċ-Ċina hija t-tieni l-ikbar sieħba kummerċjali ta' l-UE; billi r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi qed idellu l-kwistjoni ta' riformi demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,
G. billi sħubija fid-WTO toħloq lista ta' drittijiet u obbligi kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina; billi, barra minn hekk, ħafna minn dawn l-obbligi għadhom m'humiex qed jiġu applikati u implimentati b'mod xieraq min-naħa Ċiniża, b'mod partikulari dawk li jirrigwardaw il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, it-trattament nazzjonali u t-trasparenza,
H. billi 70% tal-prodotti foloz li jinqabdu fis-suq Ewropew joriġinaw miċ-Ċina, u billi kull sena madwar ħames miljun biċċa lbies u aċċessorji foloz jiġu kkonfiskati mis-servizzi tad-dwana,
I. billi l-MES (Market Economy Status - Status ta' Ekonomija tas-Suq) huwa strument ekonomiku aktar milli strument politiku; billi ċ-Ċina għandha ttejjeb il-prestazzjoni tagħha biex tingħata l-MES,
J. billi relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina jeħtieġu aċċess reċiproku għas-suq stabbilit fuq il-bażi legali tar-regoli tad-WTO u fuq il-kompetizzjoni ugwali u ġusta,
K. billi "djalogi settorjali" bejn l-UE u ċ-Ċina żdiedu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin,
L. billi t-tmexxija Ċiniża, fil-White Paper tagħha dwar "Il-Bini ta' Demokrazija Politika fiċ-Ċina" (2005) tikkonferma l-preminenza tal-Partit Komunista Ċiniż (CCP) fis-sistema governattiva soċjalista taċ-Ċina,
M. billi r-Renju Nofsani preżenti qed igawdi minn netwerk kumpatt ta' qrati mifrux madwar il-pajjiż, li jixhed progress sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni tletin sena ilu,
N. billi waqt is-sessjoni ta' l-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu (5-14 ta' Marzu 2006) kelliem għall-Qorti Suprema tal-Poplu ddikjara li ċ-Ċina mhux se tabolixxi l-piena tal-mewt, li għaliha l-pajjiż jiġi kkritikat fix-xena internazzjonali, għax ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (PRC) għadha pajjiż li qed jiżviluppa fil-fażi bikrija tas-soċjaliżmu,
O. billi n-numru ta' eżekuzzjonijiet li twettqu huwa sigriet ta' l-istat fiċ-Ċina, iżda billi, skond stimi mogħtija minn ġuristi Ċiniżi, madwar 8,000 persuna jmutu b'dan il-mod kull sena,
P. billi fl-2005 l-awtoritajiet tas-sigurtà Ċiniżi rreġistraw 87,000 “każ ta' laqgħat pubbliċi b'attendenza kbira ħafna”, żieda ta' 6.6% fuq l-2004,
Q. billi, skond twissijiet minn xjentisti soċjali lokali, il-politiki tat-tmexxija Ċiniża għal soċjetà armonjuża u l-bini ta' rħula soċjalisti ġodda jirriflettu l-istadju ta' tranżizzjoni perikoluż tal-PRC għal ekonomija tas-suq,
R. billi l-PRC introduċiet politika ta' "tarbija waħda" fl-1976, li bħalissa qed tiġi diskussa taħt it-titolu intriganti "Iċ-Ċina se tixjieħ qabel ma tistagħna?",
S. billi ċ-Ċina keċċiet lill-Fondazzjoni Friedrich Naumann minn Beijing fl-1996,
T. billi f'Marzu 2004 ċ-Ċina inkludiet fil-kostituzzjoni tagħha dispożizzjoni li bis-saħħa tagħha għandhom jiġu rispettati u garantiti mill-istat id-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina ffirmat imma ma rratifikatx il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
U. billi qed ikun hemm rapporti disturbanti kontinwi dwar priġuneriji politiċi, b'mod partikulari ta' membri ta' minoranzi reliġjużi u etniċi, allegazzjonijiet ta' tortura, l-użu mifrux ta' xogħol sfurzat, l-użu ta' spiss tal-piena tal-mewt u r-repressjoni sistematika tal-libertà tar-reliġjon, tal-libertà tal-kelma u tal-midja, inkluż l-internet,
V. billi regolamenti ġodda dwar affarijiet reliġjużi daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2005,
W. billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar L-Għajbien Sfurzat jew Mhux Volontarju irrimarka li l-laqgħa tiegħu f'Ġinevra f'April 2006 kien jikkoinċidi ma' għeluq snin (17-il sena) Gedhun Choekyi Nyim, il-Panchen Lama tat-Tibet, li nħataf miċ-Ċiniżi kontra r-rieda tiegħu u tal-ġenituri tiegħu meta kellu sitt snin,
X. billi, kważi għaxar snin wara li saret it-talba inizjali, iż-żjara fil-PRC mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tortura fl-aħħar seħħet bejn l-20 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru 2005; billi, madankollu, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin ma ġiex milqugħ għal żjara li kellha ssegwi ż-żjara li għamel fiċ-Ċina il-predeċessur tiegħu f'Novembru 1994, u billi ċ-Ċina naqset milli toħroġ stedina permanenti lill-proċeduri tematiċi kollha tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
Y. billi, fl-Appell Globali 2006 tiegħu, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) kompla jitlob lill-PRC biex toħroġ regolamenti xierqa dwar refuġjati nazzjonali, u għal iktar aċċess għal persuni li qed jitolbu kenn u li jafu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali,
Z. billi, skond l-Annwali 2005 tal-Qorti Suprema tal-Poplu, madwar 400 ċittadin ġew ikkundannati għal reati politiċi fl-2004, 25% iktar mis-sena ta' qabel,
AA. billi skond il-Fondazzjoni Dui Hua, li ngħatat "stejtus speċjali ta' konsultazzjoni" mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU, il-PRC bħalissa għandha bejn 3,000 u 3,500 persuna fil-ħabs għar-reat ta' "theddida għas-sigurtà pubblika",
AB. billi l-portal ta' l-internet "Google" issottometta ruħu għar-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Ċiniżi, u ċaħad l-aċċess għal siti ta' l-internet li jkun fihom elementi ta' kritika u kliem bħal "Taiwan", "indipendenza", "Tibet" jew "Tiananmen",
AC. billi fl-14 ta' Marzu 2006 is-servizzi ta' l-aħbarijiet barranin Reuters u BBC rrappurtaw dwar ittra miftuħa (bid-data tat-2 ta' Marzu 2006) miktuba minn diversi persuni li qabel kienu membri importanti tas-CCP, fejn ikkritikaw it-tisħiħ taċ-ċensura ta' l-istampa,
AD. billi l-kampanja fir-Reġjun Awtonomu ta' Xinjiang Uighur li tindirizza t-"tliet elementi ta' ħażen" li huma l-estremiżmu reliġjuż, is-separatiżmu u t-terroriżmu għadha għaddejja u wasslet għal numru kbir ta' arresti, skond il-midja mmexxija mill-istat,
AE. billi, minħabba kontrolli stretti tal-Gvern Ċiniż fuq informazzjoni dwar, jew aċċess għal, inħawi Tibetani fiċ-Ċina, huwa diffiċli li wieħed jidditermina b'mod preċiż l-ammont ta' abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem,
AF. billi t-tmexxija Ċiniża tenfasizza "il-qawmien paċifiku" jew "l-iżvilupp paċifiku" taċ-Ċina fir-rigward ta' l-apparenza mill-ġdid tal-PRC fix-xena dinjija,
AG. billi l-possibilità li ssir reunifikazzjoni tal-PRC mat-Tajwan għandha tinżamm ħajja; billi din il-possibilità trid tiġi segwita b'mod paċifiku bis-saħħa tad-djalogu u d-diplomazija, kif ukoll billi titqies ir-rieda tal-popli fuq iż-żewġ naħat,
AH. billi l-kawżi għaliex qed tiħżien ir-relazzjoni bilaterali bejn iċ-Ċina u l-Ġappun huma politiċi, mhux ekonomiċi,
AI. billi l-approċċ preżenti Amerikan lejn iċ-Ċina bħala poter li qed jikber jista' jiġi kkaraterizzat mill-kunċett ta' “congagement”, li hija taħlita ta' żewġ strateġiji: it-trażżin (containment) u l-impenn (engagement),
AJ. billi l-impenn u l-influwenza taċ-Ċina fl-Afrika żiedu b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar għaxar snin,
AK. billi ċ-Ċina tapprofitta minn rabtiet finanzjarji u kummerċjali sostanzjali mar-Repubblika Iżlamika ta' l-Iran (esplorazzjoni u importazzjoni taż-żejt u gass/esportazzjoni ta' armi), u tappoġġja l-imġiba mhux koperattiva u provokattiva ta' l-Iran fir-rigward tal-kwistjoni nukleari,
AL. billi ċ-Ċina qed tikkopera ma' pajjiżi ġirien tagħha fil-kuntest ta' l-Organizzazzjoni ta' Shanghai għal Koperazzjoni (SCO),
AM. billi ċ-Ċina u l-ASEAN iddeċidew fl-2002 li jistabbilixxu z-zona ta' kummerċ ħieles ASEAN-Ċina,
AN. billi f'dawn l-aħħar ftit snin il-Kummissjoni u l-Parlament flimkien kienu b'mod kostanti qed jiffukaw l-attenzjoni fuq il-Macao u l-Hong Kong,
Koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina
1. Jistenna b'ħerqa l-bidu ta' l-Isħubija Strateġika UE-Ċina u l-koperazzjoni iktar mill-qrib li l-isħubija se toħloq fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jifformulaw politika konsistenti u koerenti dwar iċ-Ċina;
2. Jistieden liċ-Ċina u lill-UE biex jistabbilixxu l-isħubija u r-relazzjoni bilaterali tagħhom fuq il-bażi fondamentali tat-trasparenza, tal-kredibilità, ta' l-istabilità u tar-responsabilità; iħeġġeġ kemm liċ-Ċina kif ukoll lill-UE biex itejbu l-koperazzjoni tagħhom fuq din il-bażi sabiex ikollhom rwol stabbli, responsabbli u kredibbli fi ħdan il-komunità internazzjonali;
Sitwazzjoni ekonomika
3. Jinnota li l-UE, wara t-tkabbir, għaddiet lill-Ġappun biex saret l-ikbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina u li, fl-istess waqt, iċ-Ċina telgħet mit-tielet sieħba kummerċjali ta' l-UE biex saret it-tieni l-ikbar, wara l-Istati Uniti;
4. Jinnota li fl-2005, il-bilanċ fil-kummerċ taċ-Ċina laħaq il-USD 102 biljuni, li huwa iktar minn darbtejn l-ammont tas-sena ta' referenza preċedenti (USD 32 biljun); li fl-2005, ir-riżervi ta' muniti laħqu madwar USD 819-il biljun - żieda ta' USD 209 biljuni meta mqabbel mas-sena preċedenti; li jekk din ix-xejra tkompli, x'aktarx iċ-Ċina se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha 'l fuq minn USD 1 biljun fir-riżervi ta' muniti barranin fl-aħħar ta' l-2006, u b'hekk ikollha l-ikbar ħażna ta' muniti barranin fid-dinja; li tbassiriet inizjali għall-2006 jindikaw dħul ta' kapital ta' madwar USD 50 biljun, primarjament f'investimenti diretti privati fit-tul; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li ċ-Ċina bdiet tnaqqas ir-rabta (pegging)tal-munita tagħha (Renminbi) mad-dollaru Amerikan u b'hekk mhix kontra l-possibilità ta' evalwazzjoni mill-ġdid tal-munita; jaħseb li għandhom jittieħdu bis-serjetà twissijiet dwar nuqqas ta' ħlas supplimentari fuq riskju għal operazzjonijiet ta' self;
5. Jinnota l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel taċ-Ċina, li jagħmilha r-raba' l-ikbar ekonomija fid-dinja f'termini ta' dollari, anke meta bħalissa hija evalwata inqas; b'hekk jistieden lill-Kummissjoni biex teżerċita pressjoni politika u ekonomika bil-ħsieb li ġġib flessibilità fir-rata tal-kambju tal-munita Ċiniża, li qed tintrabat ma' valur baxx artifiċjalment, sitwazzjoni li tmur kontra l-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ dinji; jistieden liċ-Ċina sabiex b'mod gradwali tifflowtja r-rata tal-kambju tagħha; jistieden liċ-Ċina biex tissostitwixxi l-irbit fiss tal-munita tagħha mad-dollaru b'rabta ma' basket ta' muniti, inkluż l-euro;
6. Jagħraf li ċ-Ċina hija iktar minn suq li qed jikber malajr; jenfasizza l-fatt li r-rivoluzzjoni teknoloġika preżenti ta' pajjiż ta' dan id-daqs għandha implikazzjonijiet enormi fuq l-ekonomija globali;
7. Huwa tal-fehma li żvilupp ekonomiku bbilanċjat huwa ta' importanza kbira kemm għaċ-Ċina kif ukoll għall-UE; jenfasizza l-fatt li l-istaġnar ta' l-ekonomija Ċiniża minħabba tkabbir mhux ikkontrollat huwa theddida serja kemm għall-istabilità interna taċ-Ċina kif ukoll għall-benesseri ta' l-ekonomija globali;
8. Jilqa' l-fatt li fil-ħarifa 2006 il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva li tippubblika dokument ta' strateġija dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali fuq medda twila ta' żmien ta' l-Unjoni maċ-Ċina sabiex tantiċipa b'mod iktar adegwat l-impatt tat-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u biex tevita li jsiru deċiżjonijiet ad hoc, b'hekk tgħin biex tiżgura li ċ-Ċina ma tibqax titqies bħala theddida, iżda bħala sfida u bħala sieħba li qed tevolvi;
9. Jenfasizza li relazzjoni kummerċjali dejjem iktar pożittiva għandha wkoll twassal għal riformi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u jirrikonoxxi li, sakemm m'hemmx kodiċi ta' kondotta li jorbot legalment dwar l-esportazzjoni ta' armi u sakemm is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili u politiċi - inkluża l-kwistjoni ta' Pjazza Tiananmen - ma jiġux indirizzati b'mod xieraq, l-UE m'għandhiex tneħħi l-embargo fuq l-armi;
10. Jistieden liċ-Ċina biex tiżviluppa klima ta' investiment solida u kredibbli għall-kummerċ u l-industrija barranin u sabiex tingħata prijorità assoluta lit-titjib tas-sigurtà legali għal kumpaniji barranin;
11 Ifakkar liċ-Ċina li aktar ftuħ tas-swieq tagħha għal kumpaniji u investimenti barranin, speċjalment fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, tal-banek u tas-servizzi finanzjarji jrid jitqies bħala parti integrali ta' l-isħubija strateġika; jistieden liċ-Ċina biex tirriforma s-suq u s-sistema ekonomika tagħha kif xieraq, u biex tikkonforma b'mod iktar rigoruż mar-regoli dwar l-anti-dumping u biex tinforzahom b'mod iktar strett;
12. Huwa tal-fehma li fil-qafas ta' l-isforzi biex is-sistema bankarja Ċiniża tiġi mmodernizzata u liberalizzata, l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib ma' l-awtoritajiet Ċiniżi bil-ħsieb li jiġu adottati standards ta' kontabilità internazzjonali u l-istandard ta' Basel II, li għandhom jiżguraw iktar sigurtà għal investituri mill-UE;
13. Jilqa' l-modernizzazzjoni mgħaġġla tas-settur finanzjarju Ċiniż; jenfasizza, madankollu, l-importanza kbira li tiġi żgurata tranżizzjoni bla skossi sabiex tiġi evitata kwalunkwe instabilità finanzjarja li jista' jkollha konsegwenzi fuq is-swieq finanzjarji globali; jissuġġerixxi, b'mod partikulari, li għandha tiġi evitata 'tellieqa sal-qiegħ' li tinvolvi konkorrenza regolatorja li tagħmel ħsara bejn is-swieq finanzjarji globali; jissuġġerixxi, bil-kontra, li regolaturi ewlenin madwar id-dinja għandhom jippromwovu standards ta' l-ogħla kwalità; ifakkar li l-UE nnifisha hija impenjata favur il-konverġenza globali ta' standards fl-oqsma tal-kontabilità (International Financial Reporting Standards - Standards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju), tal-verifika (International Standards on Auditing - Standards Internazzjonali tal-Verifika), rekwiżiti ta' kapital għall-istituzzjonijiet ta' kreditu (Basel II), il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu (Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Finanzjarju kontra l-Ħasil tal-Flus (Financial Action Task Force on Money Laundering (FATF)) u r-regolamentazzjoni tas-suq tas-sigurtajiet (Standards ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tas-Sigurtajiet (International Organization of Securities Commissions)); jirrimarka li l-UE tkun lesta toffri l-esperjenza u l-għajnuna tagħha lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jimplimentaw konverġenza meta tkun meħtieġa;
14. Huwa tal-fehma li ċ-Ċina qed tiffaċċja żbilanċ konsiderevoli fl-iżvilupp reġjonali u iktar żbilanċi fid-dħul ġenerali tan-nies, u li t-tmexxija Ċiniża ġdida għandha timpenja ruħha biex tiffaċċja dawn il-problemi bl-għajnuna u l-kompetenza tal-Kummissjoni;
15. Jistieden liċ-Ċina biex tuża proċedura trasparenti u ġusta fl-għoti ta' kuntratti għall-akkwisti pubbliċi li tagħti lil organizzazzjonijiet barranin opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw;
16. Huwa tal-fehma li l-piraterija u l-iffalzifikar ta' prodotti u marki Ewropej minn industriji Ċiniżi jikkostitwixxu ksur serju tar-regoli internazzjonali tal-kummerċ; iħeġġeġ liċ-Ċina biex issaħħaħ b'mod sinifikanti l-ħarsien tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPR) u ta' invenzjonijiet barranin; jistieden liċ-Ċina biex tenforza l-liġijiet preżenti dwar il-ħarsien ta' l-IPR; jilqa' l-ħolqien tal-katedra ta' l-IPR fl-Università ta' Beijing;
17. Jirrikonoxxi l-importanza li għandu għaċ-Ċina l-Isejtus ta' Ekonomija tas-Suq (MES); jenfasizza, madankollu, il-fatt li l-MES huwa strument ekonomiku aktar milli strument politiku; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tnaqqas l-indħil ta' l-istat fl-ekonomija u biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha fir-rigward tal-konformità żbilanċjata ma' sistemi ta' governanza korporattiva u ta' kontabilità u l-qafas mhux effettiv relatat ma' proċeduri ta' falliment;
18. Jinnota li l-problemi riċenti fis-settur taż-żraben juru l-ħtieġa li ċ-Ċina tadotta politika anti-dumping iktar xierqa; jenfasizza l-urġenza ta' tali politika fil-kuntest ta' l-isħubija taċ-Ċina fid-WTO;
19. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrikonoxxu li d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw is-setturi tat-tessuti, tal-ħwejjeġ u taż-żraben huma sistemiċi, u jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tirrivedi l-istrateġija ekonomika u kummerċjali tagħha fir-rigward taċ-Ċina, biex tikkoreġi l-iżbilanċji attwali u biex tantiċipa l-isfidi;
20. Jistieden liċ-Ċina biex tadotta politika ekonomika bbażata iktar fuq il-konsum soċjali (edukazzjoni, saħħa, pensjonijiet, eċċ) u domestiku u inqas fuq l-investiment u l-esportazzjoni;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-awtoritajiet Ċiniżi fil-kampanja tagħhom kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-piraterija ta' prodotti;
Is-sitwazzjoni interna
22. Huwa wkoll tal-fehma li l-iżvilupp futur taċ-Ċina bħalissa huwa diffiċli tbassru u se jiddipendi l-iktar fuq kwistjonijiet domestiċi bħall-iżvilupp ulterjuri bla xkiel ta' l-ekonomija u t-titjib gradwali ta' l-istandards ta' l-għajxien tal-maġġoranza tal-popolazzjoni;
23. Jenfasizza l-fatt li l-modernizzazzjoni soċjo-ekonomika mgħaġġla tal-PRC għandha titwettaq flimkien mal-pluraliżmu politiku u l-modernizzazzjoni istituzzjonali meħtieġa u li din tista' tmantni lilha nnifisha minn sorsi indiġeni bħax-xogħlijiet tar-riformaturi liberali ta' lejn tmiem is-seklu 19, u speċjalment il-ħsibijiet bażiċi ta' Sun Yat-sen;
24. Jinnota li s-sigurtà soċjali, is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, id-dritt li tifforma trejdjunjins, ir-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali jirrappreżentaw sfidi ewlenin għall-ġejjieni taċ-Ċina; jistieden liċ-Ċina biex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' qafas ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta' miżuri effettivi fil-ġlieda kontra kull forma ta' skjavitù modern, ħaddiema tfal u l-isfruttar, b'mod partikulari ta' ħaddiema nisa, sabiex tiżgura r-rispett għad-drittijiet fondamentali tal-ħaddiema u biex tiskuraġġixxi d-dumping soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal djalogu strutturat f'dawn l-oqsma mal-kontropartijiet tagħha fiċ-Ċina;
25. Japprova tmiem id-diskriminazzjoni soċjo-ekonomika terribbli fiċ-Ċina kontra l-150 miljun ħaddiem migrant mill-kampanja, murija bil-pubblikazzjoni uffiċjali fit-28 ta' Marzu 2006 tal-linji gwida ġodda tal-gvern, għalkemm sfortunatament għadu mhux ċar jekk is-sistema ta' reġistrazzjoni mill-iktar dibattibbli li hija applikata għalihom hix se tibqa' fis-seħħ;
26. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Macao u f'Hong Kong u jittama li l-aspetti li jagħmlu kuraġġ taż-żewġ esperjenzi jservu ta' eżempju u jistimulaw biex il-proċess politiku Ċiniż jimxi 'l quddiem;
27. Jirraġuna li sakemm is-CCP mhix suġġetta għall-ordni ta' stat kostituzzjonali, il-partit se jibqa' stat ġo stat u b'hekk ikun vulnerabbli ħafna għal każijiet serji ta' abbuż tal-poter bħall-ħażen nazzjonali ta' korruzzjoni fi ħdan l-istruttura politika, u tali sitwazzjoni ddgħajjef il-possibilità li tinħoloq soċjetà bbażata fuq l-istat tad-dritt;
28. Jingħaqad mal-kritika, espressa fil-ġurnali ta' l-avukati taċ-Ċina, li l-Artikolu 126 tal-Kostituzzjoni Ċiniża għandu jinkludi wkoll projbizzjoni fuq l-indħil tas-CCP jew tal-gvern Ċiniż fl-operat tal-ġustizzja;
29. Jistenna li jsiru sforzi ġodda biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, u jittama li l-bidla gradwali ta' mħallfin mhux kwalifikati ma' ġuristi kompetenti twaqqaf il-korruzzjoni endemika fi ħdan il-ġudikatura u b'hekk titqawwa l-fiduċja popolari f'din l-istituzzjoni fondamentali ta' l-istat;
30. Jilqa' l-wegħda li għamel il-President tal-Qorti Suprema tal-Poplu waqt l-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu li minn Lulju 2006 appelli kontra sentenzi li jimponu l-piena tal-mewt se jibdew isiru f'qorti miftuħa; jistenna li din il-wegħda sseħħ;
31. Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tabolixxi l-piena tal-mewt u tiddikjara moratorju effettiv fir-rigward tal-persuni li diġà ġew ikkundannati; jinnota s-sinjal sinifikanti li taw il-ġuristi Ċiniżi li l-piena tal-mewt għandha tiġi imposta biss f'każi fejn isiru reati serji u vjolenti, bil-maqlub tas-sitwazzjoni preżenti, fejn 68 reat jistgħu jwasslu għall-piena tal-mewt, u li nofshom ma jinvolvux reati kapitali; huwa mħasseb dwar il-fatt li ċ-Ċina twettaq iktar eżekuzzjonijiet minn kull pajjiż ieħor fid-dinja; jistieden liċ-Ċina biex tippubblika l-figuri uffiċjali ta' l-eżekuzzjonijiet li saru fis-sena 2005/2006;
32. Jappoġġja bil-qawwa t-talba tal-Professur Liu Renwen, ġurista u membru ta' l-Akkademja Ċiniża tax-Xjenzi Soċjali, biex jintemm il-kummerċ illegali fl-organi ta' persuni ġġustizzjati, billi jiġu imposti dispożizzjonijiet u kontrolli stretti;
33. Huwa mħasseb serjament dwar l-azzjoni qawwija li tittieħed mill-awtoritajiet kontra "aġitaturi"; jinnota li, skond Blue Paper maħruġa mill-Akkademja tax-Xjenzi Soċjali ta' Beijing, raġunijiet għal protesti tal-massa jinkludu b'mod partikulari problemi ambjentali serji ħafna li jipperikolaw is-saħħa u l-eżistenza ta' ħafna bdiewa f'reġjuni li ġew industrijalizzati riċentement, kif ukoll esproprjazzjonijiet tal-mistħija ta' raba' għal skopijiet ta' bini, biex ma nsemmux l-arbitrarjetà u l-korruzzjoni ta' l-awtoritajiet lokali;
34. Jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern Ċiniż li jnaqqas id-distakk li qed jikber fid-dħul ekonomiku bejn il-popolazzjonijiet tar-reġjuni kostali u dawk tal-kampanja, li jiġu ffaċċjati problemi ambjentali serji, li titwettaq amministrazzjoni aħjar tar-riżorsi naturali u li jiġu żviluppati u stimulati teknoloġiji iktar effiċjenti;
35. Jiġbed l-attenzjoni fuq l-impatt tat-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina fuq ir-riżorsi naturali u fuq l-ambjent lokali u globali; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħares l-ambjent u b'mod partikulari biex jiżgura l-provvisti ta' l-ilma għax-xorb għall-popolazzjoni u biex jieħu azzjoni kontra t-tniġġis atmosferiku u biex tinżamm il-bijodiversità; isejjaħ għal djalogu intensiv bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea dwar riżorsi naturali u l-ambjent;
36. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jissorveljaw mill-qrib il-programmi ta' investiment tagħhom favur il-kampanja, fil-kuntest tal-biża' espressa minn riċerkaturi Ċiniżi li membri lokali tal-partit jinterpretaw referenzi għal "irħula ġodda" bħala sejħa għal proġetti ta' bini minn fuq dahar il-bdiewa, u meta wieħed iqis il-fatt pruvat li s'issa, għoxrin fil-mija biss tas-sussidji ta' l-istat għas-settur agrarju fil-fatt waslu għand il-bdiewa li kienu intitolati għalihom;
37. Huwa mħasseb dwar rapporti riċenti ta' abbużi serji kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem fl-inħawi Tibetani taċ-Ċina, inklużi t-tortura, l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni arbitrarja, l-arrest fid-dar u tipi oħra ta' sorveljanza mhux ġudizzjarja ta' dissidenti, detenzjoni mingħajr proċess legali pubbliku, repressjoni tal-libertà tar-reliġjon u restrizzjonijiet arbitrarji fuq il-libertà tal-moviment; huwa mħasseb ħafna dwar l-intensifikazzjoni tal-kampanja hekk imsejħa "edukazzjoni patrijottika" minn Ottubru 2005 fil-monasteri u l-kunventi tat-Tibet, l-isfurzar tat-Tibetani biex jiffirmaw stqarrijiet li jiddenunzjaw lid-Dalai Lama bħala separatist perikoluż u jipproklamaw it-Tibet bħala "parti miċ-Ċina", inkluż l-arrest ta' membri tal-kleru mill-Monasteru ta' Drepung f'Novembru 2005 għax irrifjutaw li jiddenunċjaw lid-Dalai Lama; jistieden liċ-Ċina biex tħalli korp indipendenti jkollu aċċess għall-Gedhun Choekyi Nyima, il-Panchen Lama tat-Tibet, u għall-ġenituri tiegħu, kif mitlub mill-Kumitat għad-Drittijiet tat-Tfal tan-NU; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jintensifika l-parteċipazzjoni pożittiva tiegħu f'negozjati dwar it-talbiet tad-Dalai Lama għall-awtonomija tat-Tibet;
38. Jieħu nota li l-politika ta' "tarbija waħda" taċ-Ċina rriżultat fi żbilanċ fit-tqassim tal-popolazzjoni; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirrikonoxxi l-fatt li l-bilanċ futur bejn il-partijiet tal-popolazzjoni li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux se jkollu effetti ekonomiċi kbar; jenfasizza l-fatt li l-UE qed tiffaċċja wkoll il-problema ta' popolazzjoni li qed tixjieħ; jistieden liċ-Ċina biex taħsibha mill-ġdid dwar l-implimentazzjoni konkreta tal-politika tagħha ta' "tarbija waħda" sabiex tieħu ħsieb l-iżvantaġġi ekonomiċi u soċjali ta' dik il-politika;
39. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jipprovdu miżuri li jħarsu l-benesseri ta', u jwaqqfu l-krudeltà fuq l-annimali, speċjalment fir-rigward tat-trobbija ta' l-annimali għall-pil tagħhom; iħeġġeġ liċ-Ċina biex twaqqaf l-abbuż ta' l-annimali għal skopijiet ta' mediċina tradizzjonali, kif isir fil-każ tal-qrun tar-rinoċeronte u l-bili ta' l-orsijiet;
Drittijiet tal-Bniedem
40. jenfasizza l-fatt li t-twettiq tad-drittijiet bażiċi mill-PRC jirrikjedi t-twaqqif ta' Qorti Kostituzzjonali, li mingħajrha l-emendi kostituzzjonali, bħal dik ta' Marzu 2004 dwar id-drittijiet tal-bniedem, jibqgħu fil-biċċa l-kbira simboliċi biss;
41. Jenfasizza li ċittadini Ċiniżi għandu jkollhom il-jedd legali għad-drittijiet bażiċi tagħhom, u jħeġġeġ lill-qrati biex jindirizzaw bis-sħiħ inġustizzji ċari fuq il-bażi tal-Kostituzzjoni, b'hekk jitwettaq proċess legali f'saħħtu li issa, bil-mod il-mod, qed iżid fil-momentum;
42. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-istat jastjeni milli jirregola r-reliġjon u l-esperessjoni reliġjuża; jafferma l-ħtieġa, partikolarment fil-kuntest tat-taħdidiet bejn uffiċjali Ċiniżi dwar id-definizzjoni ta' "reliġjon" u speċjalment ta' "reliġjon legali", ta' liġi komprensiva dwar ir-reliġjon li tilħaq l-istandards internazzjonali u tiggarantixxi libertà reliġjuża ġenwina;
43. Jikkundanna l-kuntradizzjoni bejn il-libertà kostituzzjonali tat-twemmin (iddikjarata fl-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni) u l-indħil kontwinwu ta' l-Istat fl-affarijiet ta' komunitajiet reliġjużi, b'mod partikulari fir-rigward tat-taħriġ, l-għażla, il-ħatra u l-indottrinazzjoni politika tal-ministri tar-reliġjon; jikkundanna l-fatt li l-Istat jagħti d-dritt ta' eżistenza legali lil ħames reliġjonijiet biss u barra minn hekk, ipoġġihom taħt il-kontroll ta' l-assoċjazzjonijiet reliġjużi "patrijottiċi", jipproteġi attivitajiet reliġjużi "normali" (zhengchang) biss u jagħmel ir-reġistrazzjoni uffiċjali tagħhom suġġetta għall-aċċettazzjoni tal-prinċipji li huma l-bażi tat-"Tliet Awtonomiji";
44. Jistieden lill-Kunsill biex jgħarraf lill-Parlament dwar miżuri li ttieħdu bħala segwitu għad-dikjarazzjoni li saret fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-destin ta' bosta isqfijiet maqfulin il-ħabs fil-PRC minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet tal-PRC biex jeħilsu minnufih li dawk il-membri kollha tal-Knisja Nisranija li għadhom qed jiġu ttrattati b'mod inġust u li qed jiġu ppersegwitati;
45. Jinnota li attwalment hemm iktar Insara madwar iċ-Ċina li jipprattikaw ir-reliġjon f'postijiet "illegali" (kemm fi knejjes Protestanti ġo djar kif ukoll ma' gruppi Kattoliċi sigrieti leali lejn il-Vatikan) milli jattendu postijiet tat-talb "patrijottiċi", u li ż-żewġ gruppi ta' prattikanti, magħmulin minn ċittadini li josservaw il-liġi, ma jikkostitwixxu l-ebda theddida għas-sigurtà pubblika; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jieqaf mill-persekuzzjoni u mill-priġunerija ta' gruppi Nsara bħal dawn; isostni li Nsara li ma jidentifikawx ruħhom mal-"knejjes patrijottiċi" għandhom id-dritt li jipprattikaw ir-reliġjon fil-libertà;
46. Jikkundanna l-ksur serju tal-libertà reliġjuża bl-ordinazzjoni illegali riċenti ta' isqfijiet (30 ta' April 2006, Kunming - Yunnan; 3 ta' Mejju 2006, Wuhan - Anhui), ikkaġunat mhux ftit mill-pressjoni qawwija u mit-theddid minn korpi mhux tal-Knisja li ġie sottomess għalihom il-kleru Kattoliku leali lejn il-Vatikan;
47. Huwa tal-fehma li l-aħħar ordinazzjonijiet inaqqsu mill-kredibilità ta' l-istqarrijiet riċenti ta' l-awtoritajiet Ċiniżi dwar ir-rieda tagħhom li jħejju t-triq għal djalogu sinċier u kostruttiv bejn il-PRC u s-Santa Sede; jirrimarka, għalhekk, dwar il-ħtieġa li tiġi rispettata l-libertà tal-Knisja u tinżamm l-awtonomija ta' l-istituzzjonijiet tagħha minn kwalunkwe indħil estern, li, barra milli jiġi espress f'imġiba li tmur kontra t-talbiet negozjati miż-żewġ naħat, idgħajjef il-kunfidenza fi djalogu reċiproku u progress fil-libertà fiċ-Ċina;
48. Jirrimarka li r-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura, wara li temm il-missjoni tiegħu, irringrazzja lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għall-koperazzjoni, iżda ċanfar lill-Ministeri tas-Sigurtà ta' l-Istat u tas-Sigurtà Pubblika għax ostakolaw jew irrestrinġew l-isforzi tiegħu biex jiġbor tagħrif;
49. huwa mħasseb bil-kbir dwar l-istqarrija tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura li l-prattika tat-tortura għadha mifruxa fiċ-Ċina, sitwazzjoni ta' min jikkundannaha li fil-fatt qed tiġi rrikonoxxuta dejjem iżjed minn uffiċjali tal-Gvern u f'rapporti, kif ukoll mil-"livell palpabbli ta' biża' u awtoċensura" li huwa osserva waqt intervisti mad-detenuti;
50. Japprova r-rakkomandazzjonijiet preliminari tar-Rapporteur Speċjali dwar tal-Gvern Ċiniż, eż. dwar riforma tal-liġi kriminali billi jiġi miżjud ir-reat tat-tortura skond id-definizzjoni fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Kastig Krudili, Inuman jew Degradanti Ieħor, kif ukoll l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti għall-ilmenti għal detenuti li huma suġġetti għat-tortura u trattament ħażin;
51. Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jirrivedi l-verdetti li ngħataw għar-reat ta' "theddida għas-sigurtà pubblika", meta wieħed iqis li fil-maġġoranza l-kbira tal-każi, l-akkużat ma kien għamel xejn ħlief li jeżerċita b'kuraġġ id-dritt kostituzzjonali fondamentali tiegħu li jikkritika fil-miftuħ il-politiki tal-Gvern u tas-CCP;
52. Għal darb'oħra jistieden lill-Gvern tal-PRC biex itejjeb il-kundizzjonijiet ta' priġunerija fil-ħabsijiet tiegħu u biex iwaqqaf u jabolixxi t-tortura ta' detenuti;
53. Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress sostanzjali fir-rigward tal-ħelsien ta' priġunieri politiċi detenuti minħabba l-involviment tagħhom fid-dimostrazzjonijiet ta' Pjazza Tiananmen u, bl-istess mod, jiddispjaċih li l-awtoritajiet Ċiniżi jkomplu jinjoraw sejħiet għal inkjesta sħiħa u imparzjali dwar il-ġrajjiet ta' l-1989; isejjaħ għal evalwazzjoni mill-ġdid uffiċjali tal-ġrajja ta' Pjazza Tiananmen mill-awtoritajiet Ċiniżi, il-pubblikazzjoni tal-lista ta' priġunieri politiċi u l-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet tagħhom;
54. Jingħaqad mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, mal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jabolixxi l-"Edukazzjoni mill-ġdid permezz tax-Xogħol" u forom simili ta' "edukazzjoni mill-ġdid" sfurzata ta' detenuti fil-ħabsijiet, f'ċentri ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess fil-qorti u fi sptarijiet psikjatriċi;
55. Jikkundanna b'mod partikulari l-eżistenza tal-kampijiet tax-xogħol sfurzat ta' Laogai mifruxin madwar il-pajjiż, li fihom il-PRC żżomm bħala detenuti attivisti favur id-demokrazija, attivisti fil-qasam tax-xogħol u membri ta' minoranzi mingħajr proċess ġust, li jiġu sfurzati jaħdmu f'kundizzjonijiet tal-biża' u mingħajr trattament mediku; huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li l-priġunieri ta' Laogai huma sfurzati jiċħdu l-libertà reliġjuża u l-fehmiet politiċi tagħhom, li għadhom isiru eżekuzzjonijiet f'dawn il-kampijiet u li qed jinkisbu illegalment organi mill-priġunieri maqtula; huwa mħasseb li Stati Membri ta' l-UE jistgħu jkunu qed jimportaw kwantitajiet imdaqqsa ta' prodotti magħmulin jew partijiet minnhom immanifatturati minn ħaddiema sfurzati fil-kampijiet Ċiniżi ta' Laogai; jilqa' r-riżoluzzjoni ta' l-2005 tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta' l-Istati Uniti li tikkundanna l-kampijiet ta' Laogai bħala strument għas-soppressjoni mwettqa mill-gvern Ċiniż; jistieden liċ-Ċina biex tippreżenta stqarrija bil-miktub li tgħid li kwalunkwe prodott esportat ma ġiex immanifatturat minn ħaddiema sfurzati f' xi kamp ta' Laogai u, jekk l-ebda assigurazzjoni ma tista' tingħata, jinsisti li l-Kummissjoni tipprojbixxi l-importazzjoni ta' tali prodotti fl-UE;
56. Jistieden lill-PRC biex tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra ta' l-1951 dwar l-Istejtus tar-Refuġjati u l-Protokoll ta' l-1967 mehmuż magħha, u biex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jitħalla jkollu aċċess sħiħ għall-persuni mill-Korea ta' Fuq li qed ifittxu kenn u li jafu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;
57. Jikkundanna b'mod qawwi d-detenzjoni u t-tortura ta' prattikanti tal-Falun Gong fil-ħabsijiet, f'kampijiet ta' "Edukazzjoni mil-ġdid permezz tax-Xogħol", fi sptarijiet psikjatriċi u fi "skejjel għall-edukazzjoni legali"; huwa mħasseb dwar rapporti li organi ta' prattikanti detenuti tal-Falun Gong tneħħew b'operazzjonijiet kirurġiċi u nbiegħu lil sptarijiet; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex itemm id-detenzjoni u t-tortura ta' prattikanti tal-Falun Gong u li jeħlishom minnufih;
58. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-każijiet numerużi ta' ksur tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfajliet li jirriżultaw mill-konformità sfurzata mal-politika tal-Gvern Ċiniż dwar l-ippjanar tal-familja, inklużi aborti selettivi, sterilizzazzjoni sfurzata, u l-abbandun ta' tfajliet fuq skala enormi;
59. Iħeġġeġ liċ-Ċina biex mingħajr iktar dewmien tirratifika u timplimenta l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
60. Jaqbel mal-messaġġ importanti mwassal fl-ittra miftuħa tar-Reuters/BBC imsemmija aktar 'il fuq - li sfortunatament inżammet mistura mill-pubbliku ġenerali fiċ-Ċina - li l-politika preżenti taċ-ċensura qiegħda xxekkel l-iżvilupp politiku taċ-Ċina;
61. Jesprimi tħassib qawwi dwar it-trażżin attwali min-naħa tal-PRC tal-libertà ta' l-espressjoni u l-aċċess ħieles għall-Internet; jirrepeti t-talbiet tiegħu lil Beijing biex tieqaf milli tintimida, twaqqaf jew titfa' fil-ħabs lil dawk li jiddefendu l-libertà ta' l-espressjoni, kemm jekk ir-ripressjoni hija diretta lejn ġurnalisti jew attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll jekk tibblokkja siti ta' l-internet li ma jikkonformawx maċ-ċensura ta' l-istat sabiex ikun impossibbli li tintuża l-informazzjoni; jikkundanna, għalhekk, il-liġi dwar iċ-ċensura ta' l-Internet li għaddiet mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu u l-eżistenza ta' sistemi ta' ċensura ta' l-Internet magħrufin kollettivament bħala "Il-Firewall il-Kbir taċ-Ċina"; jagħmel stedina b'mod partikulari biex is-sit AsiaNews.it jerġa' jitħalla jkun online mingħajr dewmien - jew għallinqas li ma jkunx blokkjat - meta wieħed iżomm f'moħħu li barra milli hu sors eċċellenti ta' informazzjoni dwar l-Asja u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, is-sit jgħin ukoll biex irawwem id-djalogu bejn il-Vatikan u l-PRC u b'hekk l-unità tal-Knisja Ċiniża;
62. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-politiki irresponsabbli tal-kumpaniji ewlenin ta' l-Internet Yahoo u Google li b'mod dirett u indirett baxxew rashom għat-talbiet tal-Gvern Ċiniż għal ċensura ;
63. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jiftħu mill-ġdid l-uffiċċju tal-Fondazzjoni Friedrich Naumann f'Beijing, sabiex il-Fondazzjoni titħalla tkompli bix-xogħol tagħha għall-iżvilupp u d-demokrazija;
64. Jirrikonoxxi l-influwenza globali li qed tiżdied taċ-Ċina iżda b'mod partikulari f'pajjiżi differenti bħall-Belorussja, il-Venezwela, is-Sudan, iż-Żimbabwe, il-Myanmar, l-Iran u l-Korea ta' Fuq, li r-rekord tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem l-UE tikkritika b'mod qawwi;
65. Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-Kunsill ta' l-UE biex itejbu d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem billi jintroduċu l-interpretazzjoni simultanja waqt il-laqgħat; jitlob li Membri tal-Parlament Ewropew ikunu involuti b'mod iktar attiv fid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem flimkien mal-kollegi tagħhom mill-parlament Ċiniż;
66. Jiddispjaċih li l-awtoritajiet f'Xinjiang b'mod regolari jiġbru flimkien individwi u organizzazzjonijiet li allegatament huma involuti fit-"tliet elementi ta' ħażen", li tagħmilha diffiċli li wieħed jiddetermina jekk rejds, detenzjonijiet jew kundanni ġudizzjarji partikulari humiex immirati lejn dawk li qed ifittxu b'mod paċifiku li jesprimu l-fehmiet politiċi u reliġjużi tagħhom jew lejn dawk li huma involuti fil-vjolenza; iqis bħala kontroproduttiva l-qerda minn uffiċjali ta' kotba bil-lingwa Uighuriża, bil-għan li jgħawġu l-fatti storiċi u jrawmu sentiment ta' separatiżmu etniku;
67. Ħerqan biex jiltaqa' mal-Kap Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong li ġie elett permezz ta' sistema elettorali bbażata fuq il-prinċipji tad-demokrazija b'aktar minn partit wieħed, ir-responsabilità tal-gvern lejn il-leġiżlatura u l-governanza ġenwinament effettiva, li se tkun ta' benefiċċju ċar għan-nies kollha ta' Hong Kong;
Politika barranija/Relazzjonijiet mal-ġirien
68. Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib tad-dinja ta' barra, speċjalment il-ġirien reġjonali ta' Beijing, fir-rigward tar-rata ta' tkabbir b'ċifri doppji kull sena min-nofs id-90ijiet fin-nefqa militari taċ-Ċina; jirrakkomanda b'mod qawwi - kif approvat minn bosta riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew - li l-embargo ta' l-armi ta' l-UE kontra ċ-Ċina għandu jinżamm sakemm ma jsirx iktar progress fuq kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem; ifakkar f'dan il-kuntest fil-ħtieġa li tiġi inkluża f'aktar negozjati dwar il-Politika Ewropea dwar il-Viċinanzi u dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni, l-adeżjoni għall-embargo ta' l-UE fuq il-kummerċ fl-armi mal-PRC;
69. Jenfasizza r-rabta diretta bejn l-interess ovvju taċ-Ċina li tikseb aċċess għall-ogħla teknoloġija militari Ewropea u li jitneħħa l-embargo fuq l-armi kontra l-PRC, rabta li għandha konsegwenzi sinifikanti għall-koeżjoni tar-relazzjoni transatlantika u l-pożizzjoni fis-suq fl-Ewropa ta' l-industrija ta' l-armi ta' l-ogħla teknoloġija;
70. Jesprimi tħassib dwar il-profondità tal-koperazzjoni maċ-Ċina fil-programm Galileo u jsejjaħ biex tiġi introdotta iktar protezzjoni biex ikun żgurat li ċ-Ċina, u msieħba oħrajn, ma jkunux jistgħu jittrasferixxu teknoloġiji sensittivi li jintużaw fil-programm għal applikazzjonijiet militari;
71. Josserva li l-Liġi taċ-Ċina kontra s-Seċessjoni ta' l-14 ta' Marżu 2005 u l-istazzjonar preżenti ta' iktar minn 800 missila mal-kosta fix-xlokk tal-PRC li tħares lejn it-Tajwan igiddbu l-prinċipju ta' reunifikazzjoni paċifika; jistieden liċ-Ċina u lit-Tajwan biex jistabbilixxu fiduċja u rispett reċiproku u biex ifittxu bażi komuni waqt li jqiegħdu fil-ġenb id-differenzi li jeżistu bejniethom, biex jistabbilixxu l-bażi politika neċessarja għal żvilupp paċifiku u sod tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Fliegu, biex jibdew mill-ġdid djalogu dwar dawk ir-relazzjonijiet sabiex jissaħħu l-iskambji u l-koperazzjoni ekonomika, sabiex isir progress b'mod partikulari fuq it-"tliet ħolqiet diretti" bejn iż-żewġ naħat tal-Fliegu ta' Tajwan (il-posta, it-trasport u l-kummerċ);
72. Huwa tal-fehma li fir-rigward ta' l-għażla possibbli ta' proċess paċifiku ta' reunifikazzjoni maċ-Ċina, ir-rieda u l-approvazzjoni ta' 23 miljun ċittadin tat-Tajwan żgur li jridu jitqiesu fin-negozjati maċ-Ċina dwar l-istejtus tat-Tajwan; jirrimarka li l-bidu ta' proċess demokratiku ġenwin fil-PRC jista' jgħin biex titnaqqas it-tensjoni u titlesta t-triq għall-kontinwazzjoni ta' djalogu sostanzjali bejn iż-żewġ naħat;
73. Jistieden liċ-Ċina biex tappoġġja l-possibilità li t-Tajwan ikollu l-istejtus ta' osservatur fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, sabiex tipproteġi s-saħħa tal-poplu tat-Tajwan, ta' rappreżentanti internazzjonali u ħaddiema barranin fuq il-gżira, u tal-popolazzjoni kollha tad-dinja; ifakkar f'dan il-kuntest li infezzjonijiet bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi, il-malarja, is-SARS, u riċentement, l-influwenza avjana ma jafux fruntieri u jeħtieġu koperazzjoni mad-dinja kollha - kif ukoll, u speċjalment, mat-Tajwan bħala wieħed mill-iktar ċentri internazzjonali importanti fil-Paċificu tal-Punent; itenni s-sejħa tiegħu biex it-Tajwan ikun rappreżentat aħjar f'laqgħat u f'organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tasal fi tmiemha l-esklużjoni mhux ġusta ta' 23 miljun ruħ mill-komunità internazzjonali;
74. Jikkonkludi li r-relazzjoni problematika bejn Beijing u Tokjo hija kkawżata minn sens reċiproku ta' sfida: Il-Ġappun qed iħossu sfidat mill-qawmien ekonomiku taċ-Ċina u ċ-Ċina mit-tentattiv tal-Ġappun biex ikollu rwol politiku ikbar u iktar attiv fir-reġjun; jistieden liż-żewġ pajjiżi biex ma jagħmlux azzjonijiet li jistgħu joffendu t-tifkira storika jew is-sensibilitajiet tal-pajjiż l-ieħor;
75. Jilqa' l-inizjattiva Amerikana għall-bidu ta' djalogu strateġiku ma' l-Ewropa dwar il-qawmien taċ-Ċina - element ewlieni ġdid fil-politika tad-dinja "l-ġdida" lejn id-dinja "l-antika" - u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw, flimkien ma' l-Istati Uniti, kunsens strateġiku dwar kif għandha tiġi ttrattata ċ-Ċina;
76. Jenfasizza l-importanza globali tar-relazzjonijiet taċ-Ċina fil-qasam ta' l-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu kif ukoll dawk li qed jitfaċċaw issa; jiġbed l-attenzjoni għall-impatt fuq is-suq dinji ta' l-enerġija taż-żieda fil-konsum ta' enerġija fiċ-Ċina, li se timxi id f'id mat-tkabbir ekonomiku tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkludu kwistjonijiet dwar l-enerġija fl-istrateġija fit-tul tagħhom għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina biex meta jkun xieraq iqajmu l-kwistjoni fil-kuntatti tagħhom maċ-Ċina;
77. Jirrikonoxxi l-importanza ekonomika speċjali tal-Kontinent Afrikan għall-PRC (30% ta' l-importazzjoni taż-żejt/suq li qed jikber għal tagħmir militari Ċiniż), iżda jħeġġeġ lit-tmexxija Ċiniża biex tirrispetta r-responsabilitajiet taċ-Ċina bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u biex fir-relazzjonijiet tagħha ma' stati Afrikani tippromwovi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prevenzjoni ta' kunflitti;
78. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet taċ-Ċina biex ikollhom rwol attiv sabiex jitkattar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u ssir bidla demokratika fil-Burma/Myanmar;
79. Jistenna li l-PRC tapplika l-proklamazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni nukleari b'mod konkret fir-relazzjonijiet ta' influwenza li ċ-Ċina għandha ma' l-Iran; jenfasizza li pożizzjoni deċiżiva tal-PRC fir-rigward ta' l-Iran tista' turi r-rieda u l-ħila taċ-Ċina li tieħu fuqha responsabilità internazzjonali;
80. Jilqa' l-impenn taċ-Ċina għat-Taħdidiet bejn is-Sitt Partiti, u jħeġġeġ lill-gvern Ċiniż biex jagħmel iktar biex jippromwovi s-sigurtà u l-istabilità fl-Asja tal-Lvant, b'mod partikulari fil-peniżola Koreana, u biex ikollu rwol iktar proattiv fil-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea;
Konklużjonijiet
81. Jikkonkludi li relazzjoni ekonomika u kummerċjali kredibbli, stabbli u responsabbli bejn l-UE u ċ-Ċina għandha tkun ibbażata, fuq in-naħa Ewropea, fuq l-iżvilupp ta' strateġija fit-tul u, fuq in-naħa Ċiniża, fuq l-iżvilupp ta' klima soda ta' investiment, fuq it-titjib fis-sigurtà legali għal kumpaniji barranin, fuq il-ftuħ kontinwu tas-swieq tagħha, u qabel kollox, fuq l-osservanza ta' regoli ġusti u ugwali dwar il-kummerċ u fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tad-WTO, inkluża l-konformità mal-ftehimiet tat-TRIPS fir-rigward tal-ħarsien ta' l-IPR;
82. Jasal għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni ġewwiena taċ-Ċina għandha titjieb billi jissaħħaħ il-proċess indiġenu ta' demokratizzazzjoni, billi tiżdied il-professjonalità tal-ġudikatura, billi tiġi abolita l-piena tal-mewt u billi jiġi implimentat moratorju ġenerali fuq il-piena kapitali, u fuq kollox, billi jiġi implimentat il-programm soċjali tal-Gvern, approvat mill-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu, favur il-komunitajiet tal-kampanja li għadhom lura sabiex tinqeda l-popolazzjoni taċ-Ċina u tiġi promossa l-istabilità fir-reġjun, u billi jitħarsu l-minoritajiet u d-diversità kulturali, speċjalment fir-reġjuni tat-Tibet u ta' Xinjiang;
83. Jikkonkludi li politika kredibbli u responsabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem tista' tiġi stabbilita mill-ġdid fiċ-Ċina biss billi jiġu rispettati d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini tagħha, kif iddikjarati fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari;
84. Jasal għall-konklużjoni li ċ-Ċina tista' tikkontribwixxi b'mod qawwi għal relazzjonijiet kredibbli, stabbli u responsabbli ma' pajjiżi barranin u fil-viċinanzi billi tirrikonoxxi l-pożizzjoni ewlenija tagħha bħala parti interessata serja fis-sistema ta' tkattir tal-liġi u l-paċi internazzjonali, pass ewlieni li l-UE tista' tippromwovi b'mod sinifikanti billi tifformula ma' l-Istati Uniti kunsens strateġiku komuni dwar iċ-Ċina;
o
o o
85. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti għas-sħubija, lill-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-awtoritajiet tat-Tajwan.
- [1] Testijiet Adottati, P6_TA(2005)0381.
- [2] Testijiet Adottati, P6_TA(2005)0339.
- [3] ĠU C 45 E, 23.2.2006, p 107.
- [4] ĠU C 127 E, 29.5.2003, p 652.
- [5] Testijiet Adottati, P6_TA(2006)0037.
- [6] ĠU C 157 E, 6.7.2006, p 471.
- [7] ĠU C 201 E, 18.8.2005, p 122.
- [8] ĠU C 247 E, 6.10.2005, p 158.
- [9] Testijiet Adottati, P6_TA(2005)0416.
OPINJONI tal-kumitat għall-affarijiet ekonomiċi u monetarji (23.2.2006)
għall-Kumitat għall-Affarjiet Barranin
dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina
(2005/2161(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Karsten Friedrich Hoppenstedt
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jitlob lill-Kumitat għall-Affarjiet Barranin, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota li l-flussi ta' kummerċ u investiment dinji huma intensi u qed ikomplu jikbru, b'mod li progressivament l-ekonomiji ta' l-UE u tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iċ-Ċina) qed ixebilku f'xulxin; ifakkar li mill-1978 'il hawn, il-kummerċ totali bejn l-UE u ċ-Ċina żdied b'iktar minn erbgħin darba u li ċ-Ċina hija t-tieni l-ikbar sieħba kummerċjali ta' l-UE; ifakkar li fl-2004, l-UE saret l-ikbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, ikbar mill-Istati Uniti u mill-Ġappun, u li f'dawn l-aħħar ħames snin, l-investiment annwali minn kumpaniji fl-UE fiċ-Ċina kien ta' medja ta' EUR 3.5 biljuni, li jwassal għall-istokk totali ta' Investimenti Barranin Diretti ta' l-UE ta' iktar minn EUR 30 biljun;
2. Jinnota li fl-2005, il-bilanċ fil-kummerċ taċ-Ċina laħaq il-USD 102 biljuni, li huwa iktar mid-doppju tas-sena ta' referenza preċedenti (USD 32 biljun); li fl-2005, ir-riżervi ta' muniti ammontaw għal bejn wieħed u ieħor USD 819-il biljun - żieda ta' USD 209 biljuni meta mqabbla mas-sena ta' qabel; jekk din it-tendenza tkompli, iċ-Ċina hija mistennija li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha 'l fuq minn USD 1 biljun fir-riżervi ta' muniti barranin fl-aħħar ta' l-2006, u bis-saħħa ta' dan ikollha l-ikbar ħażna ta' muniti barranin fid-dinja; it-tbassir inizjali għall-2006 juri fluss 'il ġewwa ta' madwar USD 50 biljun, l-aktar f'investimenti privati diretti fuq medda ta' żmien twil; jilqa', fir-rigward ta' dan, il-fatt li ċ-Ċina bdiet tnaqqas l-irbit tal-kambju tagħha (Renminbi) mad-dollaru Amerikan u għalhekk m'hijiex kontra l-possibilità ta' evalwazzjoni mill-ġdid tal-munita; huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu bis-serjetà twissijiet dwar ħlasijiet supplimentari fuq riskju mhux suffiċjenti għal attivitajiet ta' self;
3. Jixtieq ifakkar lill-Istituzzjonijiet ta' l-UE u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri biex jikkunsidraw l-interessi tal-Komunità; b'mod partikulari, jixtieq jirrimarka li f'ambjent ta' kummerċ ħieles, miżuri ta' protezzjoniżmu ma jaħdmux u jservu biss biex jirrestrinġu l-kummerċ ħieles u l-għażla tal-konsumatur, biex jgħollu l-prezzijiet u biex jagħlqu negozji fl-UE; jinnota li, fuq medda ta' żmien twil, il-benefiċċji totali li jiġu minn kummerċ ħieles bilaterali huma ogħla mill-benefiċċji fuq medda ta' żmien qasir li jiġu mill-protezzjoniżmu; jixtieq ifakkar li l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja jridu jkunu konsegwenza ta' theddida li teżisti jew immedjata ta' diżordni fis-suq; jirrimarka li, fejn tidħol iċ-Ċina, minn dejjem kien ċar li ma kienx hemm theddida jew il-preżenza ta' diżordni fis-suq; jinnota li fil-kummerċ internazzjonali, huma ta' l-ogħla prijorità l-ippjanar, il-fiduċja, il-kapaċità li l-kundizzjonijiet jitbassru u l-konformità mat-termini kuntrattwali; iqis il-globalizzazzjoni bħala domanda-xokk fil-makroekonomija li tista' tiġi mqabbla ma' l-invenzjoni tal-magna li taħdem bl-istim jew tan-newl; għalhekk jirrakkomanda bidla strutturali, li trid tkun kompatibbli soċjalment permezz ta' l-użu ta' perjodi tranżitorji; ifakkar li kważi 50 intrapriża kummerċjali minn pajjiżi differenti ta' l-UE waqqfu programm għas-sorveljanza ta' l-istandards soċjali fil-pajjiżi fornituri; jinnota, b'mod partikulari, li l-koperazzjoni mal-pajjiż fornitur iċ-Ċina qed tkun ta' suċċess kbir; jinnota li konformità ma' ċerti standards soċjali se tkun kundizzjoni kruċjali għall-ġejjieni tal-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina;
4. Jirrimarka li minkejja l-bidliet riċenti, l-irbit tar-Renminbi mad-dollaru fuq livell baxx ħafna huwa wieħed mill-iktar aspetti problematiċi tar-relazzjonijiet taċ-Ċina ma' l-imsieħba internazzjonali tagħha, li b'mod inevitabbli jkollu impatt fuq l-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi ta' l-UE; huwa tal-fehma li l-UE għandha tipparteċipa b'mod attiv permezz tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) fid-djalogu dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tar-Renminbi u tappoġġja l-ifflowtjar gradwali tal-kontroll tar-Renminbi, li jreġġa' lura l-ekwilibriju monetarju u jnaqqas kemm jista' jkun it-turbulenza fl-ekonomija taċ-Ċina;
5. Jirrakkomanda li l-Qafas Regolatorju Ewropew jiġi adattat għall-bidliet strutturali sabiex isir tfaddil importanti u jinħoloq ambjent li huwa favur l-innovazzjoni bħala kundizzjoni minn qabel għat-tkabbir u l-kompetittività ta' l-UE f'konkorrenza maċ-Ċina;
6. Jirrimarka dwar iż-żieda sinifikanti fil-bilanċ kummerċjali favur iċ-Ċina, li wasslet għal żieda kbira fir-riżervi tagħha ta' muniti barranin; japprova d-deċiżjoni tal-Gvern Ċiniż li jimponi iktar kontrolli stretti sabiex jiġi ristrett il-fluss 'il ġewwa ta' kapital spekulattiv u japprova l-ħtieġa li jinstabu mezzi iktar effettivi biex jintużaw ir-riżervi kbar ta' muniti barranin li għandu l-pajjiż;
7. Jirrakkomanda li jittieħdu miżuri biex titkompla l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fiċ-Ċina sabiex jiġu protetti s-swieq ta' l-UE u l-interessi finanzjarji ta' l-UE mill-frodi, l-iffalsifikar, it-tixħim u tipi oħra ta' reati finanzjarji;
8. Jirrimarka li l-iffinanzjar ta' investimenti produttivi, il-koltivazzjoni ta' l-innovazzjoni, l-appoġġ lill-SMEs u l-promozzjoni tas-swieq ta' l-assikurazzjoni u tal-pensjonijiet ilkoll jeħtieġu swieq finanzjarji sodi, miftuħin u vibranti, kif ukoll politika tal-kambju li tiżgura kompetizzjoni globali ġusta, li hija regolata b'mod xieraq, bi standards għoljin ta' ħarsien ta' l-investitur; jilqa' l-fatt li mill-2004 'l hawn qed isir djalogu strutturat dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina u huwa tal-fehma li l-UE għandha tgħin liċ-Ċina fuq kwistjonijiet ta' politika ġenerali dwar il-kompetizzjoni u fi kwistjonijiet legali u tekniċi li jikkonċernaw il-politika tal-kompetizzjoni;
9. Jinnota li waqt li negozji domestiċi għadhom jiddominaw il-qasam ta' l-assikurazzjoni, b'sehem ta' 90% tas-suq, is-suq qed jikber bejn wieħed u ieħor bi 30% fis-sena, u fl-istess ħin qed joħloq iktar opportunitajiet għall-parteċipanti fis-suq min-naħa ta' l-UE; jinnota wkoll li assikuraturi ta' l-UE huma ottimisti dwar il-prospetti futuri tagħhom u li l-2004 esperjenzat rati ta' tkabbir fid-dħul għal assikuraturi barranin; jirrikonoxxi l-isforzi kbar li saru mill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippubblikaw regolamenti dwar il-Ġestjoni ta' Fondi ta' Garanzija ta' l-Assikurazzjoni, biex japprovaw fondi ta' assikurazzjoni domestika lill-investimenti minn barra, f'konformità mal-Kummissjoni Regolatorja ta' l-Assikurazzjoni taċ-Ċina (CIRC) u l-Amminstrazzjoni ta' l-Istat tal-Kambju (SAFE); jilqa' l-konkorrenza bbilanċjata bejn assikuraturi domestiċi u barranin; għalhekk jitlob għal iktar kjarifikazzjonijiet fl-oqsma ta' l-assikurazzjoni fuq il-ħajja u assikurazzjonijiet oħrajn kif ukoll fil-qasam tar-rijassikurazzjoni; jitlob ukoll li s-suq għal intrapriżi konġunti fl-assikurazzjoni bankarja jiġi rivedut sabiex jiġi żviluppat metodu li huwa konformi ma' l-istandards tas-suq internazzjonali;
10. Huwa tal-fehma li fil-qafas ta' l-isforzi biex is-sistema bankarja Ċiniża tiġi mmodernizzata u liberalizzata, l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib ma' l-awtoritajiet Ċiniżi bil-ħsieb li jiġu adottati standards ta' kontabilità internazzjonali u l-istandards ta' Basel II, li għandhom jiżguraw iktar sigurtà għal investituri mill-UE;
11. Josserva l-isforzi impressjonanti li saru mill-awtoritajiet Ċiniżi biex jimmodernizzaw is-settur finanzjarju tagħhom, u jinnota li għalkemm aġġustamenti ta' tranżizzjoni jafu jkunu diffiċli fuq medda ta' żmien qasir, l-impatt pożittiv fuq medda ta' żmien twil b'mod ġenerali se jikkumpensa għall-investimenti; jappoġġja l-istrateġija ta' l-UE biex issaħħaħ il-koperazzjoni permezz tat-tnedija ta' djalogi, ftehimiet u intrapriżi tan-negozju konġunti multipli ġodda;
12. Jinnota li f'dawn l-aħħar snin is-sistema bankarja Ċiniża kibret b'rata mgħaġġla; dan it-tkabbir wasal id f'id mal-ftuħ gradwali tas-settur bankarju u finanzjarju għal interessi barranin; li dan qed isir skond il-prinċipji bażiċi tal-Ftehima tad-WTO u l-perjodi ta' tranżizzjoni li ngħataw liċ-Ċina meta ssieħbet mad-WTO; li ħafna banek kummerċjali Ċiniżi diġà ġew awtorizzati biex jaħdmu ma' entitajiet barranin li jsellfu l-flus; li, fl-aħħar, iktar minn 400 bank u istituzzjoni finanzjarja internazzjonali fetħu fergħat jew rappreżentanzi fiċ-Ċina; jistieden liċ-Ċina biex tkompli dan il-proċess, biex tnaqqas iktar ir-restrizzjonijiet li għad fadal fuq banek barranin fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' klijenti, oqsma tan-negozju u attivitajiet reġjonali u fl-aħħar mill-aħħar li jiġu mneħħija għal kollox sabiex jinħoloq iktar skop għal żvilupp għal banek barranin jew banek li għandhom kapital barrani; barra minn hekk, jistieden liċ-Ċina biex tħalli l-banek kollha barranin u dawk b'taħlita ta' kapital lokali u barrani biex iwettqu tranżazzjonijiet mal-klijenti f'Renminbi, u, fil-futur qrib li jneħħu r-restrizzjonijiet kollha fuq tranżazzjonijiet f'Renminbi li jwettqu banek barranin madwar iċ-Ċina; barra minn hekk, jistieden liċ-Ċina biex barra milli tnaqqas ir-regoli dwar aċċess għas-suq għal banek barranin jew banek b'kapital lokali u barrani li ġew implimentati s'issa, tnaqqas ukoll il-kontrolli fuq istituzzjonijiet finanzjarji barranin, u b'rabta ma' dan, li tnaqqas ir-rekwiżiti għal kapital għall-istabbiliment ta' istituzzjonijiet finanzjarji barranin mil-livell preżenti li huwa għoli wisq sabiex dawn l-intrapriżi jkollhom aċċess effettiv għas-suq;
13. Jilqa' l-modernizzazzjoni mgħaġġla tas-settur finanzjarju Ċiniż; jenfasizza, madankollu, l-importanza kbira li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel sabiex tiġi evitata kwalunkwe instabilità finanzjarja li jista' jkollha konsegwenzi fuq is-swieq finanzjarji globali; jissuġġerixxi b'mod partikulari li għandha tiġi evitati 'tellieqa sal-qiegħ' bejn swieq finanzjarji globali li tinvolvi kompetizzjoni regolatorja li tkun ta' ħsara; jissuġġerixxi, għal kuntrarju, li regolaturi ewlenin madwar id-dinja għandhom jippromwovu standards ta' l-ogħla kwalità; ifakkar li l-UE nnifisha hija impenjata għall-konverġenza globali ta' l-istandards fl-oqsma tal-kontabilità (Standards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju), tal-verifika (Standards Internazzjonali tal-Verifika), rekwiżiti ta' kapital għall-istituzzjonijiet ta' kreditu (Basel II), tal-ħasil ta' flus u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu (Grupp ta' Ħidma Finanzjarju kontra l-Ħasil ta' Flus (FATF)) u r-regolamentazzjoni tas-suq tas-sigurtajiet (Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Istandards tal-Kummissjonijiet tas-Sigurtajiet); jirrimarka li l-UE tkun lesta toffri l-esperjenza u l-għajnuna tagħha lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jimplimentaw konverġenza meta tkun meħtieġa;
14. Japprezza ħafna l-inizjattiva ta' l-awtoritajiet u n-negozji taċ-Ċina u ta' l-UE biex isaħħu l-koperazzjoni, notevolment permezz tat-twaqqif ta' djalogu annwali dwar kwistjonijiet fis-settur makroekonomiku u finanzjarju u dwar l-organizzazzjoni ta' assemblea għad-diskussjoni dwar is-swieq kapitali, u l-objettiv li jinħolqu programmi sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet regolatorji finanzjarji strateġiċi bejn ir-regolaturi finanzjarji u l-parteċipanti fis-suq; jissuġġerixxi li dawn id-diskussjonijiet jiffokaw fuq kwistjonijiet regolatorji komuni li jiffaċċjaw dawk li jfasslu l-politika fuq iż-żewġ naħat u l-influwenza tar-regolazzjoni fuq sħubiji kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina; jissuġġerixxi wkoll li l-isfidi kbar ta' interdipendenza li dejjem qed tiżdied tas-swieq finanzjarji f'ambjent tan-negozju li qed jiġi globalizzat isaħħu l-ħtieġa li dawk li jfasslu l-politika u regolaturi jikkoperaw kmieni kemm jista' jkun fuq kwistjonijiet li qed jitfaċċaw; jenfasizza l-importanza ta' l-evoluzzjoni mgħaġġla ta' l-industriji tas-servizzi finanzjarji taċ-Ċina u ta' l-UE, l-importanza ta' dawn is-swieq għall-iżvilupp ekonomiku, u l-isfidi li dawn l-iżviluppi joħolqu għar-regolazzjoni u s-sorveljanza; jissuġġerixxi li t-temi speċifiċi li qed jitfaċċaw u li huma ta' interess reċiproku jinkludu:
· it-tisħiħ tal-koperazzjoni 'upstream' fil-qasam tar-regolamentazzjoni finanzjarja bejn l-UE u ċ-Ċina fil-kuntest ta' swieq finanzjarji globalizzati,
· prinċipji ġenerali tar-regolamentazzjoni finanzjarja u l-importanza ta' infurzar effettiv,
· riformi fis-sigurtajiet bankarji, fil-pensjonijiet u fil-fondi għall-investiment, u
· kwistjonijiet dwar it-tmexxija korporattiva, il-kontabilità, il-verifika u kontra l-ħasil tal-flus;
15. Jenfasizza li iktar titjib u żvilupp tas-swieq finanzjarji fiċ-Ċina jirrikjedi tnaqqis fil-mekkaniżmi burokratiċi restrittivi, iktar trasparenza fl-għoti ta' kuntratti pubbliċi, b'mod speċjali fir-rigward ta' intrapriżi barranin, u politika dwar l-għajnuna ta' l-Istat li tiżgura kompetizzjoni ġusta;
16. Huwa tal-fehma li l-istandards globali żviluppati mill-FATF għandhom jiġu użati bħala l-punt ta' referenza globali u għandhom jiġu implimentati madwar id-dinja; japprezza l-parteċipazzjoni taċ-Ċina fl-FATF bħala osservatur u l-impenn tagħha biex timplimenta l-40 Rakkomandazzjoni riveduta u d-9 Rakkomandazzjonijiet Speċjali;
17. Jenfasizza li l-iżvilupp ekonomiku massiv ta' l-industrija Ċiniża b'mod inevitabbli se jwassal għal iktar domanda għaż-żejt u b'hekk għal żieda fil-prezzijiet taż-żejt; huwa tal-fehma li l-UE trid toqgħod attenta b'mod partikulari għal dan il-parametru u taħdem mill-qrib ma' l-awtoritajiet Ċiniżi biex isir skambju ta' kompetenza fis-setturi tas-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u l-adozzjoni ta' standards komuni dwar l-ambjent u l-enerġija bil-għan li jintlaħaq żvilupp sostenibbli;
18. Jinnota l-mixja ta' l-ekonomija Ċiniża lejn is-setturi ta' l-innovazzjoni teknoloġika u r-riċerka waqt li ċ-Ċina qed tipprepara għal-Logħob Olimpiku ta' l-2008, li bis-saħħa tiegħu sar progress sostanzjali f'setturi ta' l-ekonomija Ċiniża bħat-telekomunikazzjoni, l-industrija tal-karozzi u t-trasport; jappoġġja aktar koperazzjoni u azzjoni reċiproka bejn l-UE u ċ-Ċina fl-oqsma tat-tekonoloġija, tar-riċerka u ta' l-iżvilupp, bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività taż-żewġ ekonomiji u tiġi promossa soċjetà msejsa fuq l-għarfien;
19. Jemmen li riżultat li jkun ta' benefiċċju reċiproku mir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina fl-oqsma tal-kummerċ u ta' l-investiment jeħtieġ mhux biss ftuħ reċiproku tas-swieq, iżda wkoll impenn miż-żewġ naħat li jirrikonoxxu u jirrispettaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-regoli tal-kompetizzjoni u standards soċjali u ambjentali;
20. Huwa tal-fehma li, minħabba l-interpenetrazzjoni globali tas-swieq kapitali u finanzjarji, movimenti ta' flus min-naħa waħda mill-bank nazzjonali taċ-Ċina jista' jkollhom konsegwenzi sostanzjali għall-UE; jirrakkomanda għalhekk koperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-ECB u l-Bank Ċentrali taċ-Ċina sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' stabilità finanzjarja, tkabbir ekonomiku, rati tal-kambju u l-ħolqien ta' riżervi;
21. Jemmen li sħubija fid-WTO se tappoġġja u tgħaġġel il-proċess ta' riforma u żvilupp ekonomiku taċ-Ċina nnifisha, u li se ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, pereżempju fir-rigward ta' aċċess għas-swieq ta' prodotti u servizzi u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali b'rispett għall-istandards internazzjonali; japprova l-politika taċ-Ċina bbażata fuq ir-razzjonalizzazzjoni tal-kwoti, it-tnaqqis ta' l-ostakoli fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u l-liberalizzazzjoni gradwali tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tinnegozja mal-Gvern Ċiniż dwar iktar tneħħija ta' regoli restrittivi fuq investituri barranin u l-protezzjoniżmu persistenti ta' ċerti setturi;
22. Jixtieq ifakkar li, waqt li jirrispetta l-impenji taċ-Ċina u jinnota l-isħubija tagħha fid-WTO, l-UE hija waħda mill-iktar swieq miftuħa fid-dinja; joffri l-esperjenza tiegħu fit-twaqqif tas-suq intern biex jgħin u jsaħħaħ il-proċess ta' riformi u żvilupp ekonomiku taċ-Ċina nnifisha; jissuġġerixxi li f'dan il-proċess, objettiv ewlieni għandu jkun li jiġi żgurat li l-ftuħ tas-suq ikun ġust u li l-ebda piż żejjed ma jiġi impost fuq il-partijiet barranin li jixtiequ jipparteċipaw fis-suq Ċiniż;
23. Jinnota li l-iżvilupp mgħaġġel ħafna tas-suq Ċiniż tal-karozzi f'dawn l-aħħar snin qed iservi ta' kuntrast kbir mas-swieq l-oħra madwar id-dinja li fil-biċċa l-kbira huma statiċi; jinnota wkoll li bejn l-1999 u l-2003, iċ-Ċina żiedet b'iktar minn tliet darbiet il-produzzjoni tagħha ta' karozzi tal-passiġġieri u rduppjat il-produzzjoni tagħha ta' trakkijiet; huwa tal-fehma li fuq medda ta' żmien twil, l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel taċ-Ċina huma mistenni li jiġi rifless f'żieda kontinwa fid-domanda għal vetturi, u jinnota li xi previżjonijiet jaraw liċ-Ċina ssir it-tieni l-ikbar suq tal-vetturi fid-dinja sal-2006; jinnota li ċ-Ċina tikkostitwixxi wieħed mill-iktar swieq emerġenti promettenti għall-manifatturi ta' vetturi fl-UE u b'hekk diġà ġibdet livell għoli ta' investiment mill-UE mill-bidu tad-90ijiet; jirrimarka li l-ostakoli li ffaċċjaw fiċ-Ċina l-manifatturi ta' vetturi mill-UE jieħdu ħafna suriet differenti, inklużi ostakoli sostanzjali li ma jinvolvux tariffi (NTBs); jitlob għalhekk biex jitkompla l-monitoraġġ ta' l-iżviluppi fin-negozju u fir-regolamentazzjoni taċ-Ċina bil-għan li jiġi evalwat iċ-ċans ta' soluzzjoni pożittiva għal xi tilwima possibbli fid-WTO jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx;
24. Jikkundanna n-numru kbir ta' prodotti foloz immanifatturati u mibjugħa fiċ-Ċina u l-fatt li l-bejgħ ta' dawn il-prodotti foloz qed jiżdied b'mod stabbli, peress li dan huwa sors ta' tħassib għal produtturi ta' l-UE fir-rigward tal-possibilità li jinvestu l-kompetenzi tagħhom fis-suq Ċiniż; jilqa' b'rabta ma' dan il-mod kif imxew il-qrati ċivili taċ-Ċina, li riċentement adottaw metodu iktar strett għal każijiet ta' piraterija ta' prodotti u jittama li dan l-intervent mill-awtoritajiet Ċiniżi jiġi estiż mat-territorju kollu taċ-Ċina u jkopri kull tip ta' prodott u l-kummerċ f'dawn il-prodotti;
25. Huwa tal-fehma li jkun ta' siwi li mhux biss tiġi promossa aktar koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward tas-servizzi pubbliċi, iżda wkoll tiġi promossa koperazzjoni reċiproka fuq livell ta' intrapriża privata sabiex standards komuni ta' kondotta kummerċjali jiġu żviluppati gradwalment;
26. Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni msaħħa fis-swieq tal-merkanzija sabiex jiġu identifikati minn qabel, u jiġu evitati, imbokkaturi ta' provvisti u tmewwiġ sinifikanti fil-prezz.
PROĊEDURA
Titolu |
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina | |||||
Numru tal-proċedura |
||||||
Kumitat responsabbli |
AFET | |||||
Opinjoni mogħtija minn |
ECON | |||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib – data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
Le | |||||
Rapporteur għal opinjoni |
Karsten Friedrich Hoppenstedt | |||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
| |||||
Eżami fil-kumitat |
22.11.2005 |
24.1.2006 |
13.2.2006 |
|
| |
Data ta’ l-adozzjoni |
20.2.2006 | |||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
27 2 0 | ||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Ieke van den Burg, David Casa, Jonathan Evans, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in 't Veld, Wolf Klinz, Guntars Krasts, Astrid Lulling, Cristobal Montoro Romero, Joseph Muscat, John Purvis. Karin Riis-Jørgensen, Dariusz Rosati, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Sahra Wagenknecht | |||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Harald Ettl, Klaus-Heiner Lehne, Thomas Mann, Diamanto Manolakou, Corien Wortmann-Kool | |||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
| |||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
| |||||
PROĊEDURA
Titolu |
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina | ||||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||||
Kumitat responsabbli Awtorizzazzjoni tad-data mħabbra fis-seduta plenarja |
AFET 29.9.2005 | ||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 29.9.2005 |
INTA 29.9.2005 |
|
|
| ||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
INTA 11.10.2005 |
|
|
|
| ||||
Koperazzjoni akar mill-qrib Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
|
|
|
|
| ||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Bastiaan Belder 6.9.2005 |
| |||||||
Eżami fil-kumitat |
2.5.2006 |
20.6.2006 |
12.7.2006 |
|
| ||||
Data ta’ l-adozzjoni |
12.7.2006 | ||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ - 0 |
42 14 2 | |||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Vittorio Agnoletto, Angelika Beer, Panagiotis Beglitis, Bastiaan Belder, André Brie, Elmar Brok, Marco Cappato, Philip Claeys, Simon Coveney, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Camiel Eurlings, Jas Gawronski, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Toomas Hendrik Ilves, Georgios Karatzaferis, Ioannis Kasoulides, Bogdan Klich, Vytautas Landsbergis, Cecilia Malmström, Willy Meyer Pleite, Francisco José Millán Mon, Pasqualina Napoletano, Baroness Nicholson of Winterbourne, Raimon Obiols i Germà, Cem Özdemir, Tobias Pflüger, Mirosław Mariusz Piotrowski, Paweł Bartłomiej Piskorski, Poul Nyrup Rasmussen, Raül Romeva i Rueda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Emil Saryusz-Wolski, István Szent-Iványi, Konrad Szymański, Antonio Tajani, Charles Tannock, Paavo Väyrynen, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Josef Zieleniec | ||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Árpád Duka-Zólyomi, Milan Horáček, Georg Jarzembowski, Tunne Kelam, Achille Occhetto, Doris Pack, Athanasios Pafilis, Aloyzas Sakalas, Anders Samuelsen | ||||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Fernando Fernández Martín, Mario Mauro | ||||||||
Data tat-tressiq – A6 |
20.7.2006 | ||||||||