RAPPORT dwar il-ħarsien tal-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali f'reġjuni rurali u gżejjer
20.7.2006 - (2006/2050(INI))
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Nikolaos Sifunakis
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-ħarsien tal-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali f'reġjuni rurali u gżejjer
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' l-UNESCO tas-16 ta' Novembru 1972 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-3 ta' Ottubru 1985 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Arkitettoniku ta' l-Ewropa (Granada),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-16 ta' Jannar 1992 dwar il-Ħarsien tal-Wirt Arkitettoniku ta' l-Ewropa (Valletta),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ ta' l-20 ta' Ottubru 2000 adottat mill-Kunsill ta' l-Ewropa (Firenze),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Faro),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Mejju 1972 dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali Ewropew[1], ta' l-14 ta' Settembru 1982 dwar il-ħarsien tal-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku Ewropew[2], tat-28 ta' Ottubru 1988 dwar il-konservazzjoni tal-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku tal-Komunità[3], tat-12 ta' Frar 1993 dwar il-preservazzjoni tal-wirt arkitettoniku u l-ħarsien tal-beni kulturali[4] u tas-16 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea[5],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 508/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-programm Culture 2000[6],
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2005 fl-ewwel qari bil-mira li tiġi adottata d-Deċiżjoni Nru .../2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm Culture 2007 (2007-2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6 0000/2006),
A. billi l-wirt kulturali huwa element ewlieni fl-identità u fl-iżvilupp storiku tal-ġnus ta' l-Ewropa,
B. billi l-'wirt kulturali' jinkludi kemm elementi tanġibbli kif ukoll intanġibbli, li b'mod kostanti jistagħnew mill-kontribuzzjonijiet kulturali u kreattivi ta' kull ġenerazzjoni suċċessiva,
C. billi l-wirt kulturali jinkludi kemm il-wirt arkitettoniku kif ukoll il-wirt naturali ikkaratterizzati mill-mod ta' għajxien tal-bniedem matul iż-żminijiet u f'postijiet differenti,
D. billi l-Unjoni Ewropea hija ddedikata għall-ħidma li tippromwovi u tikkonserva d-diversità kulturali u l-kwalità tal-ħajja u tipproteġi l-ambjent,
E. billi l-konservazzjoni ta' bosta elementi tal-wirt kulturali toħloq il-pedament għal aktar żvilupp soċjali u ekonomiku u b'hekk issaħħaħ il-ħarsien ambjentali, l-opportunitajiet ta' xogħol u l-integrazzjoni Ewropea,
F. billi l-wirt kulturali huwa ta' importanza sinifikanti f'zoni rurali li, filwaqt li jagħmlu 90% tat-territorju Ewropew, qed ibatu mill-konsegwenzi ta' l-abbandun, tat-tnaqqis fil-popolazzjoni u ta' l-istaġnar ekonomiku,
G. billi l-gżejjer Ewropej, b'mod partikulari l-iżgħar fosthom, irnexxielhom bejn wieħed u ieħor jippreservaw mingħajr bidliet il-konfigurazzjonijiet oriġinali tagħhom u l-wirt kulturali konsiderevoli tagħhom jeħtieġu appoġġ, ħarsien u promozzjoni,
H. billi huwa importanti li jiġu konservati u żviluppati mhux biss monumenti iżda wkoll elementi kulturali oħrajn li jiffurmaw u jagħmlu possibbli kundizzjonijiet ta' l-għajxien xieraq għall-abitanti ta' l-UE tal-lum,
I. billi l-wirt kulturali Ewropew fis-sħuħija tiegħu, indipendentement mid-dimensjoni Ewropea, nazzjonali jew lokali tiegħu, huwa ta' valur fondamentali għaċ-ċittadini Ewropej,
1. Jistieden lill-Kunsill biex jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-kontribuzzjoni tal-wirt kulturali għall-integrazzjoni Ewropea fir-rigward ta' l-identità u n-nazzjonalità Ewropea, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, l-iskambji interkulturali u d-diversità kulturali;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tfassil ta' l-abbozz tal-proposti leġiżlattivi tagħha, timplimenta b'mod effettiv il-klawsola orizzontali ta' l-Artikolu 151(4) tat-Trattat KE fir-rigward tal-kultura, u tikkunsidra fid-dettall l-implikazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni proposta għall-kultura u għall-wirt kulturali bil-għan li tiżgura li miżuri għall-promozzjoni tagħhom ikunu inkorporati fil-politiki ta' l-Unjoni Ewropea;
3. Huwa tal-fehma li l-wirt kulturali jrid jitħares bħala xi ħaġa sħiħa indiviżibbli li teħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri konġunti ta' ħarsien;
4. Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jkun hemm approċċ integrat lejn l-ambjent kulturali, naturali u arkitettoniku kemm f'zoni urbani kif ukoll f'dawk rurali waqt li jisħaq li hemm bżonn li tingħata attenzjoni b'mod partikulari għall-wirt kulturali Ewropew f'zoni rurali;
5. Jenfasizza wkoll li trid tingħata attenzjoni partikulari għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt naturali u arkitettoniku taz-zoni ta' gżejjer Ewropej;
6. Huwa tal-fehma li kull azzjoni li tittieħed f'zoni rurali u ta' gżejjer trid tqis dawn il-prinċipji li ġejjin:
- bilanċ sostenibbli bejn il-popolazzjoni u l-ambjent,
- approċċ integrat għal zoni li tradizjonalment huma agrikoli,
- parteċipazzjoni mill-popolazzjoni lokali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki u l-alinjament bejn il-fehmiet tagħhom u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet ċentrali;
- djalogu kontinwu ma' organizzazzjonijiet soċjali, privati u volontarji li huma involuti b'mod attiv fil-qasam tal-wirt kulturali,
7. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet kulturali u mhux governattivi biex jieħdu azzjoni biex jipproteġu u jirrijabilitaw il-wirt kulturali ta' l-Ewropa, b'mod partikulari komunitajiet żgħar tradizzjonali, u li titqajjem kuxjenza mal-pubbliku dwar l-importanza ta' dan;
8. Jaħseb li l-fatturi li għandhom jitqiesu sabiex jiġi żviluppat dan is-settur partikolari, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, għandhom jinkludu:
- stħarriġ sistematiku tal-wirt rurali,
- il-ħolqien ta' qafas leġiżlattiv biex jiġi garantit il-ħarsien tiegħu, li jinkorpora inċentivi għall-konservazzjoni ta' bini u komunitajiet tradizzjonali u għal miżuri li jiżguraw li attivitajiet fir-rigward ta' bini ġdid ikunu kompatibbli ma' bini storiku li jinsab fil-viċinanzi u ma' l-arkitettura lokali,
- għajnuna finanzjarja għar-restawr ta' monumenti lokali u t-tkomplija ta' metodi tradizzjonali tal-biedja,
- restawr komprensiv ta' abitazzjonijiet tradizzjonali u ta' forom tradizzjonali ta' l-arkitettura, li jinvolvu l-użu xieraq ta' materjali moderni u l-inkorporazzjoni ta' utilitajiet moderni fi strutturi tradizzjonali b'mod li ma jaffettwawx il-karattru tagħhom,
- konservazzjoni tal-kompetenza lokali u tal-professjonijiet tradizzjonali,
9. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipprovdu meta meħtieġ inċentivi għat-twaqqigħ jew il-modifikazzjoni ta' bini li jistona u li jnaqqas mill-mertu, tal-karattru arkitettoniku partikolari tal-komunità jew lokalità fejn jinsabu jew ma' l-ambjent naturali u bini ieħor fil-viċinanzi;
10. Jistieden lill-Istati Membri, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jippromwovu l-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali tagħhom permezz tal-fondi strutturali u ta' inizjattivi li jeżistu bħal LEADER +, URBAN II u INTERREG III li fil-perjodu finanzjarju li jmiss (2007-2013) se jiġu inkorporati fl-istrumenti finanzjarji l-ġodda ta' koeżjoni politika u tal-politika agrikola komuni;
11. Jistieden lill-Istati Membri biex iżommu f'moħħhom li strateġiji ta' inċentivi finanzjarji jridu jinvolvu koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali u korpi u istituzzjonijiet lokali oħrajn (mingħajr ma wieħed jinsa li l-biċċa l-kbira tal-wirt reġistrat huwa reliġjuż) waqt li jfittxu biex jipproteġu u jtejbu l-ambjent naturali u kulturali tal-lokalitajiet ikkonċernati;
12. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' turiżmu alternattiv sostenibbli, li jagħtu prijorità lil komunitajiet tradizzjonali żgħar bl-għajnuna ta' strumenti finanzjarji tal-Komunità bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għas-Sajd, eċċ;
13. Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tal-programmi Komunitarji preżenti, bħall-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, biex jippromwovu miżuri biex jappoġġjaw is-snajja', l-arti applikata u l-attivitajiet professjonali, b'mod partikulari dawk li huma fil-periklu li jisparixxu u li huma meħtieġa għal restawr u konservazzjoni xierqa tal-wirt arkitettoniku;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu t-taħriġ għal professjonisti speċjalizzati fl-użu u fil-ġestjoni ta' l-ispazju, ta' l-arkitettura, tar-restawr u t-tiswija tal-bini u attivitajiet relatati, sabiex jiġu kkonservati l-kwalitajiet partikulari tal-wirt kulturali waqt li jkunu konformi mal-ħtiġijiet tal-lum; jistieden ukoll li jkun hemm miżuri biex jittejjeb it-taħriġ ta' ħaddiema tas-sengħa u ta' fornituri ta' materjali tradizzjonali u għall-għażla ta' metodi li jinvolvu l-użu kontinwu tagħhom;
15. Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) biex tappoġġja l-isforzi biex jiġu żviluppati għodod, tekniki u metodi ġodda ta' konservazzjoni tal-wirt kulturali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jipprovdux fondi Komunitarji għal proġetti li jista' jintwera biċ-ċar li se jwasslu għall-qerda ta' elementi ta' valur tal-wirt kulturali tagħna;
17. Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas ta' programmi Komunitarji preżenti, biex tadotta miżuri li jiffaċilitaw aktar aċċessibilità u jinkoraġixxu kumpaniji żgħar, snajja' u tradizzjonijiet u drawwiet lokali, b'mod indipendenti permezz ta' kampanja kbira biex jiġu promossi rħula u komunitajiet fl-Istati Membri, sabiex tikkontribwixxi b'mod deċiżiv lejn l-iżvilupp ta' l-ekonomija lokali u l-esodu rurali;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-qsim u l-iskambju ta' esperjenzi f'dan il-qasam permezz ta' konferenzi u laqgħat internazzjonali;
19. Jistieden lill-Kummissjoni, l-aktar fi ħdan il-qafas tal-programm 'Culture' (2007-2013) biex tagħti l-opportunità lil netwerks ta' sħab fl-Istati Membri varji li jimplimentaw proġetti plurijennali biex jippromwovu komunitajiet tradizzjonali restawrati mill-ġdid b'popolazzjoni ta', ngħidu aħna, inqas minn 1000 ruħ;
20. Iqis li miżuri bħal dawn se jippermettu li jiġu organizzati attivitajiet kulturali li jfittxu li jiżviluppaw il-wirt kulturali ta' dawn il-komunitajiet bil-mira iktar fit-tul li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn komunitajiet tradizzjonali fl-Ewropa u jkunu jistgħu jiżviluppaw il-kulturi lokali speċifiċi tagħhom flimkien mad-dimensjoni Ewropea tagħhom;
21. Jixtieq l-iżvilupp fil-ġejjieni ta' azzjoni favur komunitajiet żgħar tradizzjonali simili għal dik li tistitwixxi l-bliet kapitali tal-kultura;
22. Iqis li l-'Premju ta' l-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali' li huwa amministrat mill-'Europa Nostra' huwa inizjattiva ta' valur li għandha titkompla fil-ġejjieni; jaħseb li f'dan ir-rigward għandha tiġi introdotta kategorija ġdida ta' premji għall-aqwa restawr f'sens ġenerali ta' komunità tradizzjonali sabiex dawk il-komunitajiet li jirnexxielhom jikkonservaw bis-sħiħ jew parti mill-elementi tradizzjonali tagħhom jitħeġġu jsaħħu l-isforzi tagħhom f'dan il-kamp;
23. Jilqa' l-proposta riċenti fi ħdan il-qafas tal-Kunsill għat-tfassil ta' lista tal-wirt kulturali Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġjaha; huwa tal-fehma li f'dan il-kuntest, trid tingħata importanza partikulari lill-wirt kulturali lokali ta' zoni rurali u gżejjer, u jridu jitqiesu wkoll l-aspetti intanġibbli tal-wirt kulturali; huwa tal-fehma li pajjiżi kandidati għandhom ukoll jiġu mistiedna biex jipparteċipaw f'din l-inizjattiva;
24. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu 'Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali' sabiex il-pubbliku Ewropew isir iktar konxju ta' l-importanza li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi promoss il-wirt kulturali tagħhom;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkooperaw mal-Kunsill ta' l-Ewropa bil-għan li jsir iktar promozzjoni ta' komunitajiet tradizzjonali u tal-wirt arkitettoniku f'zoni rurali u gżejjer bħala parti mill-inizjattiva 'Jiem Ewropej tal-Wirt Kulturali' sabiex il-pubbliku Ewropew isir iktar konxju tal-valur ta' monumenti arkitettoniċi lokali;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Lejn strateġija komprensiva għall-wirt kulturali ta' l-Unjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea tkun irnexxiela ssawwar identità Ewropea komuni meta ċ-ċittadini tagħha jkunu konvinti li għandhom sehem mill-istess kultura. Huwa għalhekk essenzjali li politiki ta' l-Unjoni Ewropea jagħtu prijorità lill-għarfien tal-wirt kulturali naturali u arkitettoniku u l-konsegwenzi tagħhom għal ġenerazzjonijiet futuri bħala parti minn storja komuni u sors ta' ispirazzjoni għall-ġejjieni.
Il-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali jridu jitqiesu bħala parti integrali ta' l-objettivi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat KE.
L-Unjoni Ewropea trid ukoll tadotta approċċ komprensiv lejn il-wirt kulturali sabiex id-dispożizzjonijiet li jipproteġuh ikunu inklużi fl-oqsma kollha ta' politika.
L-Artikolu 151(4) tat-Trattat KE jiddikjara 'li l-Komunità għandha tqis fl-azzjoni tagħha aspetti kulturali taħt dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, l-aktar biex tkun rispettata u titmexxa ’l quddiem id-diversità tal-kulturi tagħha. B'mod effettiv dan ifisser li l-kultura trid titqies f'kull kamp fir-rigward tal-politiki ta' l-Unjoni Ewropea. Dan huwa importanti b'mod partikulari fir-rigward tal-wirt kulturali li, minn natura tagħha nnifisha, trid titqies fir-rigward ta' politiki ta' l-Unjoni Ewropea fl-oqsma ta' l-agrikoltura, tar-reġjuni, ta' l-ambjent, tar-riċerka, ta' l-edukazzjoni u oħrajn.
Din il-klawsola orizzontali tat-Trattat hija l-muftieħ għal azzjoni effettiva mill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex jipproteġu u jikkonservaw il-wirt kulturali.
Meta l-Kummissjoni tfassal proposti leġiżlattivi, id-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Edukazzjoni u l-Kultura jrid jikkunsidra aktar l-impatt tagħhom fuq il-kultura u fuq il-wirt kulturali sabiex id-dimensjoni orizzontali tal-kultura titwettaq fil-prattika f'mod iktar xieraq fil-politiki kollha ta' l-Unjoni Ewropea.
2. Rikonoxximent tal-wirt kulturali taz-zoni rurali u gżejjer
Ir-rapport jenfasizza n-natura speċifika u l-importanza tal-wirt kulturali naturali u arkitettoniku ta' l-Ewropa, bil-ħsieb tal-ħafna benefiċċji li jistgħu jitnisslu f'termini soċjali, ambjentali u ekonomiċi mill-integrazzjoni Ewropea.
B'mod iktar speċifiku, ir-rapport jipprova jimmarka l-isfidi li jinħolqu mir-rabta ma' dan l-aspett inqas magħruf tal-wirt kulturali, jiġifieri l-wirt kulturali Ewropew taz-zoni rurali u gżejjer, li jeħtieġu iktar ħarsien, u li tingħata attenzjoni partikulari lil komunitajiet tradizzjonali żgħar.
Madwar 90% tat-territorju ta' l-Ewropa mkabbra hija magħmula minn art għall-biedja li fiha riżervi prezzjużi ta' ħajja selvaġġa u beni kulturali. Minkejja dan, ħafna politiki li jirrigwardaw zoni rurali jonqsu li jirriflettu biżżejjed in-natura speċifika u l-ħtiġijiet attwali tagħhom. It-tkabbir mgħaġġel taz-zoni urbani għandu mhux biss implikazzjonijiet ekonomiċi iżda wkoll ambjentali, soċjali u kulturali, li jaffettwaw il-wirt kulturali ta' zoni rurali, li jibqgħu jagħmlu parti importanti tat-tifkira kollettiva Ewropea tagħna u li huma sors ta' kreatività.
It-tendenza preżenti hija li l-iktar li l-akbar attenzjoni tingħata lil eżempji promettenti tal-wirt kulturali tagħna, jiġifieri l-isbaħ monumenti, dawk il-bliet antiki li huma konservati l-aħjar u siti arkeoloġiċi. Waqt li l-konservazzjoni kontinwa tagħhom hija essenzjali, trid tingħata wkoll attenzjoni simili lil zoni Ewropej rurali u gżejjer, b'mod partikulari lil komunitajiet tradizzjonali żgħar.
Madankollu, dan il-wirt kulturali ta' valur qed jiddgħajjef il-ħin kollu mill-progress soċjali u teknoloġiku, minn metodi moderni tal-biedja, mill-esplojtazzjoni ekonomika mingħajr rażan u mill-iżvilupp tal-bini u l-indifferenza tal-bnedmin.
Għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm kuxjenza dwar l-importanza ta' mezz ta' ħajja naturali u tal-ħtieġa ta' amministrazzjoni fit-tul tal-wirt kulturali f'zoni rurali biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej kollha.
Politika effettiva f'dan il-qasam trid tkun imsejsa fuq dawn il-prinċipji li ġejjin:
a. bilanċ sostenibbli bejn il-popolazzjoni u l-ambjent,
b. approċċ integrat lejn zoni li huma tradizzjonalment agrikoli, li jmur lil hinn mill-interessi settorjali li jduru magħhom u li jinvolvi konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-popolazzjoni lokali,
c. parteċipazzjoni mill-popolazzjoni lokali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki u l-alinjament bejn il-fehmiet tagħhom u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet ċentrali;
3. Il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali f'zoni rurali u gżejjer
Il-proposti speċifiċi li fih dan ir-rapport jippruvaw jiżguraw li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet kulturali mhux governattivi jieħdu miżuri speċifiċi biex jipproteġu u jiżviluppaw il-wirt naturali u arkitettoniku kulturali ta' l-Ewropa, b'mod partikulari f'zoni rurali u gżejjer u f'komunitajiet tradizzjonali żgħar.
Il-proposti tagħha jinkludu dawn l-elementi li ġejjin:
- stħarriġ sistematiku tal-wirt kulturali f'zoni rurali u gżejjer
- it-tfassil ta' qafas leġiżlattiv biex il-wirt jiġi kkonservat,
- l-iffinanzjar għar-restawr ta' monumenti lokali u t-tkomplija ta' metodi tradizzjonali tal-biedja,
- miżuri komprensivi għar-restawr ta' l-arranġamenti arkitettoniċi oriġinali ta' komunitajiet tradizzjonali, u jitranġaw dawk l-interventi preċedenti li marru kontra dan il-għan,
- taħriġ ta' professjonisti involuti fl-użu u fil-ġestjoni ta' l-ispazju, ta' l-arkitettura, tar-restawr ta' bini u attivitajiet relatati kif għandha tiġi kkonservata l-kwalità speċifika tal-wirt waqt li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-lum,
- taħriġ u appoġġ għal nies tas-snajja' u fornituri ta' materjali tradizzjonali u l-użu ta' metodi li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid tagħhom.
4. Azzjonijiet fuq livell ta' l-Unjoni Ewropea
Meta wieħed iqis l-iffinanzjar mhux adegwat immirat lejn programmi kulturali tal-Komunità, approprjazzjonijiet addizzjonali jridu jinstabu minn strumenti Komunitarji oħrajn biex jiġi protett il-wirt kulturali.
Għalhekk għandha tingħata aktar attenzjoni lill-wirt kulturali, li għandu jiġi integrat b'mod sħiħ fil-politiki u l-istrumenti finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea, inklużi l-politika agrikola komuni u l-politika ta' koeżjoni, riċerka u kultura, eċċ.
(a) Il-politika agrikola komuni
L-iżvilupp rurali sar it-tieni pilastru tal-politika agrikola komuni fil-Komunità. Miżuri biex jittejbu l-ambjent, il-pajsaġġ u l-kwalità tal-ħajja f'zoni rurali huma wieħed mill-prijoritajiet stipulati fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar strateġiji Komunitarji għall-iżvilupp rurali (2007-2013).
L-inizjattiva Komunitarja LEADER+, li fil-perjodu ta' ffinanzjar li ġej (2007-2013) se tagħmel parti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tat kontribut kbir lejn l-iżvilupp tal-wirt kulturali u arkitettoniku f'zoni rurali. B'mod simili l-iżvilupp tat-turiżmu rurali, li huwa wieħed mill-objettivi tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, jaf ukoll jgħin fil-konservazzjoni u fil-promozzjoni tal-wirt ta' zoni rurali u gżejjer.
Ir-rapporteur jaħseb li fil-ġejjieni Stati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar ta' l-approprjazzjonijiet tal-politika agrikola komuni.
(b) Politika ta' koeżjoni
Il-fondi strutturali, flimkien ma' l-inizjattivi Komunitarji li diġà jeżistu URBAN II u INTERREG III, li fil-perjodu ta' ffinanzjar li ġej (2007-2013) se jagħmlu parti mill-istrumenti finanzjarji ġodda tal-politika ta' koeżjoni, ukoll qed jagħtu kontribut ewlieni lejn il-konservazzjoni u l-iżvilupp tal-wirt kulturali.
Madankollu, l-użu tal-fondi strutturali għal proġetti ta' wirt kulturali jvarja b'mod qawwi minn Stat Membru għal ieħor. Skond il-Qafas ta' Sostenn Komunitarju pajjiżi bħall-Greċja u l-Portugall waqqfu programmi operattivi li huma speċifikament kulturali, waqt li pajjiżi oħrajn naqqsu milli juru interess simili.
Stati Membri għalhekk iridu jitħeġġu jużaw il-fondi strutturali biex jippromwovu l-wirt kulturali tagħhom.
(c) Il-Programm 'Culture 2007' (2007-2013)
L-iskop u l-iffinanzjar tal-programm 'Culture 2000' li sal-lum appoġġja b'mod sinifikanti proġetti ta' wirt kulturali huma limitati. Ukoll, dan il-programm ma jiffinanzjax proġetti li għandhom bħala għan ir-restawr ta' bini jew monumenti.
Għalhekk tkun idea tajba li jiġu eżaminati possibilitajiet ġodda skond il-programm il-ġdid Culture 2007 (2007-2013).
Meta wieħed iqis li netwerks ta' sħab fl-Istati Membri jingħataw l-opportunità li jippreżentaw proġetti plurijennali skond il-programm Culture, għandha tingħata konsiderazzjoni lill-ħolqien ta' netwerk ta', ngħidu aħna, ħames jew aktar komunitajiet tradizzjonali restawrati bis-sħiħ b'popolazzjoni taħt l-elf ruħ li jinsabu fi Stati Membri differenti.
F'dan il-każ jistgħu jittieħdu miżuri biex jiġi promoss il-wirt kulturali tagħhom bil-għan li tiżdied il-koperazzjoni bejn komunitajiet tradizzjonali fl-Ewropa, sabiex ikunu jistgħu jippromwovu mhux biss il-kulturi lokali speċifiċi tagħhom iżda wkoll id-dimensjoni Ewropea tagħhom.
5. Koperazzjoni mal-Kunsill ta' l-Ewropa
Il-Kunsill ta' l-Ewropa, permezz tal-bosta inizjattivi tiegħu, li ħafna minnhom isiru f'koperazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea, għandu rwol importanti fil-konservazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew.
Eżempju wieħed ta' dan huwa l-istabbiliment tal-Jum Ewropew għall-Wirt Kulturali, meta monumenti u siti li s-soltu huma magħluqin għall-pubbliku għall-bqija tas-sena jiftħu l-bibien tagħhom għal viżitaturi. B'rabta ma' dan jista' jkun possibbli li jiżdiedu l-iniżjattivi għall-iżvilupp ta' komunitajiet tradizzjonali u tal-wirt arkitettoniku ta' zoni rurali u gżejjer sabiex il-pubbliku Ewropew isir iktar konxju tal-valur ta' monumenti lokali.
Huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri jqisu l-ħafna Konvenzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-konservazzjoni tal-wirt kulturali, arkeoloġiku u arkitettoniku ta' l-Ewropa u jsaħħu l-koperazzjoni tagħhom ma' dan il-korp skond l-Artikolu 151(3) tat-Trattat KE.
6. Azzjonijiet oħra
Fl-aħħarnett, il-wirt kulturali Ewropew jista' jiġi promoss permezz ta' inizjattivi speċifiċi bħal:
(a) l-introduzzjoni ta' 'Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali' bl-objettiv li ċ-ċittadini Ewropej isiru iktar konxji ta' l-importanza tal-promozzjoni tal-wirt kulturali tagħhom, waqt li ssir dispożizzjoni għall-miżuri meħtieġa;
(b) B'rabta mal-'Premju ta' l-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali' li huwa mmexxi minn Europa Nostra, tista' tiġi introdotta kategorija ġdida ta' premji għall-aqwa restawr ġenerali ta' komunità tradizzjonali, li jkunu ta' inċentiv ewlieni biex juru dak li wettqu komunitajiet li kkonservaw l-elementi tradizzjonali kollha tagħhom jew parti minnhom.
PROĊEDURA
Titolu |
mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħarsien tal-wirt naturali, arkitettoniku u kulturali f'reġjuni rurali u gżejjer
| |||||
Referenzi |
||||||
Bażi legali |
Artikolu 45 | |||||
Kumitat responsabbli |
CULT 16.3.2006 | |||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
REGI 16.3.2006 |
|
|
|
| |
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
REGI 20.4.2006 |
|
|
|
| |
Rapporteur(s) |
Nikolaos Sifunakis 3.10.2005 |
| ||||
Rapporteur(s) preċedenti
|
|
| ||||
Eżami fil-kumitat |
20.3.2006 |
29.5.2006 |
13.7.2006 |
|
| |
Data ta' l-adozzjoni |
13.7.2006 | |||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26
1 | ||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Badia I Cutchet, Ivo Belet, Guy Bono, Marie-Hélène Descamps, Jolanta Dičkutė, Věra Flasarová, Hanna Foltyn-Kubicka, Milan Gaľa, Claire Gibault, Vasco Graça Moura, Lissy Gröner, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Manolis Mavrommatis, Marianne Mikko, Ljudmila Novak, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Christa Prets, Pál Schmitt, Nikolaos Sifunakis, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Henri Weber, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal | |||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Erna Hennicot-Schoepges, Nina Škottová | |||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
| |||||
Data tat-tressiq |
20.7.2006 |
| ||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
2 sostituti tal-PPE kienu preżenti, iżda ġie kkunsidrat vot wieħed biss għall-votazzjoni finali. | |||||