RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li testendi għall-Istati Membri li mhumiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/.../KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles’)
14.9.2006 - (COM(2006)0243 – C6‑0180/2006 – 2006/0079(CNS)) - *
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Agustín Díaz de Mera García Consuegra
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li testendi għall-Istati Membri li mhumiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/.../KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles’)
(COM(2006)0243 – C6‑0180/2006 – 2006/0079(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2006)0243)[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, skond liema artikolu huwa ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6‑0180/2006),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6‑0277/2006),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk biħsiebu jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk biħsiebu jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-programm 'Pericles', il-programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ tal-Komunità għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar, ġie stabbilit permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2001, bil-għan li jappoġġja u jikkumplementa l-azzjonijiet mibdija mill-Istati Membri u l-programmi eżistenti għall-ħarsien ta' l-euro mill-iffalsifikar. Dawn il-miżuri jinkludu skambju ta' informazzjoni (seminars, laqgħat, workshops u konferenzi), korsijiet u skambju ta' staff, kif ukoll għajnuna teknika, xjentifika u operattiva.
Skond l-Artikolu 13(3)(a) tad-deċiżjoni 'Pericles', għandu jiġi ppreżentat rapport ta' evalwazzjoni dwar il-programm, flimkien ma' proposta xierqa dwar il-kontinwazzjoni jew l-adattament tal-programm. Dan l-ewwel rapport ġie magħmul u ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2004. Fit-8 ta' April 2005 l-Kummissjoni ppreżentat proposta li fuq il-bażi tagħha l-Kunsill estenda l-programm għas-sena finanzjarja 2006, flimkien ma' fondi totali ta' EUR 1 miljun, sakemm isir ftehim finali dwar il-prospettivi finanzjarji 2007-2013.
L-artikolu msemmi hawn fuq jesiġi wkoll li jiġi ppreżentat rapport dettaljat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2006, dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm: il-Kummissjoni wettqet dan l-obbligu fid-dokument tagħha tat-23 ta' Mejju 2006, li fih stqarret li r-riżultati kienu ġeneralment pożittivi, b'rata minima ta' falsifikar, bis-saħħa ta' preparazzjoni serja u ta' standards għoljin ta' koperazzjoni tas-servizzi konċernati.
Żgur li l-programm 'Pericles' qed jagħti kontribuzzjoni siewja fil-ħarsien ta' l-euro u fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, għalhekk dan għandu jitkompla bl-istess mod. B'mod partikulari, il-programm tejjeb il-kuxjenza dwar id-dimensjoni komunitarja ta' l-euro u, bis-saħħa tiegħu, il-parteċipanti setgħu jifhmu aħjar il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti relatati, bħall-elementi rilevanti tal-liġi komunitarja u tal-liġi Ewropea inġenerali. Madankollu, jistgħu jsiru xi modifikazzjonijiet żgħar ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni (li dejjem qed tiżdied iżda għadha mhix suffiċjenti) ta' oqsma oħra barra mill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi (banek, kmamar tal-kummerċ, avukati speċjalizzati).
Minkejja dan, b'livell globali ta' impenn ta' 80% ta' l-ammont ta' riferenza għall-perjodu 2002-2006, imqassam fuq 64 proġett li jkopru mhux anqas minn 76 pajjiż, u li l-analiżi dettaljata tagħhom tenfasizza l-kumplimentarjetà tal-livelli nazzjonali u dawk Komunitarji (48 inizjattiva joriġinaw mill-Istati Membri, 16 mill-Kummissjoni u/jew mill-OLAF), 'Pericles' laħaq l-għanijiet assenjati b'mod sħiħ: wieħed għandu jenfasizza, b'mod partikulari, li barra mill-Istati Membri u mill-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni (il-Bulgarija u r-Rumanija), dan il-programm ta l-possibiltà li jiġu identifikati zoni ġejografiċi sensittivi b'importanza partikulari għall-produzzjoni ta' flus foloz, bħall-Kolombja. Din il-firxa internazzjonali tal-programm wasslet għal titjib strutturali konsiderevoli, b'mod partikulari bit-twaqqif, f'pajjiżi differenti, ta' uffiċċji ċentrali nazzjonali bil-għan li jiġġieldu kontra l-iffalsifikar tal-flus.
Wieħed għandu jilqa' bil-ferħ ukoll il-parteċipazzjoni sistematika tal-Bank Ċentrali Ewropew, ta' l-Europol u ta' organizzazzjonijiet oħra Ewropej fl-azzjonijiet fi ħdan il-programm 'Pericles', kemm waqt il-fażijiet ta' evalwazzjoni jew ta' eżekuzzjoni (Europol u OLAF), kif ukoll waqt il-koordinazzjoni ma' azzjonijiet oħra ta' taħriġ garantiti mill-grupp ta' esperti dwar l-iffalsifikar ta' l-euro, li jgħaqqad speċjalisti mill-Istati Membri u mill-pajjiżi kandidati kollha (Europol, Interpol u OLAF).
Il-Kunsill, wara li adotta ftehim finali dwar il-prospettivi finanzjarji għall-perjodu 2007-2013 waqt il-laqgħa tiegħu tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, issa jipproponi li d-deċiżjoni 'Pericles' tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2001 tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2013, biex b'hekk taqbel mal-perjodu ta' validità ta' dawn il-prospettivi finanzjarji Komunitarji, u ssir possibbli l-koordinazzjoni ta' l-adozzjoni ta' programmi u tiġi evitata l-ħtieġa li jittieħdu miżuri bil-għan li jpattu għal xi nuqqasijiet. L-ammont annwali ta' EUR 1 miljun jibqa' ma jinbidilx; din l-estensjoni timplika baġit totali ta' EUR 7 miljun biex ikopri l-ħtiġijiet sa l-aħħar ta' l-2013.
F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rapporteur jipproponi li l-Parlament Ewropew japprova l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni mill-Kunsill ta' deċiżjonijiet li jemendaw u jestendu d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta' l-euro mill-iffalsifikar (il-programm 'Pericles') u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni tiġi estiża għall-Istati Membri li mhumiex parteċipanti.
PROĊEDURA
Titolu |
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li testendi għall-Istati Membri li mhumiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/.../KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles’) |
|||||||
Referenzi |
COM(2006)0243 – C6‑0180/2006 – 2006/0079(CNS) |
|||||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
12.6.2006 |
|||||||
Kumitat responsabbli |
LIBE 15.6.2006 |
|||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
ECON 15.6.2006 |
BUDG 15.6.2006 |
|
|
|
|||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
ECON 5.9.2006 |
BUDG 5.7.2006 |
|
|
|
|||
Koperazzjoni iktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
|||
Rapporteur(s) |
Agustín Díaz de Mera García Consuegra 20.6.2006 |
|
||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
||||||
Bażi legali kkontestata |
|
|
|
|||||
Dotazzjoni finanzjarja emendata |
|
|
|
|||||
Eżami fil-kumitat |
13.9.2006 |
|
|
|
|
|||
Data ta' l-adozzjoni |
13.9.2006 |
|||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+:39 –:1 0:0 |
|
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Alfredo Antoniozzi, Mihael Brejc, Michael Cashman, Jean-Marie Cavada, Charlotte Cederschiöld, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Lilli Gruber, Timothy Kirkhope, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Sarah Ludford, Jaime Mayor Oreja, Claude Moraes, Lapo Pistelli, Martine Roure, Ioannis Varvitsiotis, Donato Tommaso Veraldi, Stefano Zappalà, Tatjana Ždanoka |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Cappato, Bárbara Dührkop Dührkop, Maria da Assunção Esteves, Anne Ferreira, Roland Gewalt, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in 't Veld, Hubert Pirker, Antonio Tajani, Kyriacos Triantaphyllides |
|||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Thomas Wise |
|||||||
Data tat-tressiq |
14.9.2006 |
|||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
|||||||