RAPPORT dwar ir-relazzjonijiet ta' l-EU mal-Gżejjer tal-Paċifiku - Strateġija għal sħubija msaħħa

9.10.2006 - (2006/2204(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Nirj Deva


Proċedura : 2006/2204(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0325/2006
Testi mressqa :
A6-0325/2006
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-relazzjonijiet ta' l-EU mal-Gżejjer tal-Paċifiku - Strateġija għal sħubija msaħħa

(2006/2204(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Mejju 2006 bl-isem "ir-Relazzjonijiet ta' l-UE mal-Gżejjer tal-Paċifiku - Strateġija għal Sħubija Msaħħa" (COM(2006)0248),

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija ta' l-UE għall-Paċifiku adottata mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fis-17 ta' Lulju 2006,

–    wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-Gruppi ta' Stati ta' l-Affrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) u l-Komunita Ewropea ffirmata f'Kotonu fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-'Ftehima ta' Kotonu'),[1]

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 89 tal-Ftehima ta' Kotonou, li jipprovdi li "dispożizzjonijiet u miżuri speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti sabiex jappoġġjaw l-Istati gżejjer ta' l-ACP fl-isforzi tagħhom sabiex jegħlbu d-diffikultajiet naturali u ġeografiċi u ostakli oħra li jxekklu l-iżvilupp tagħhom sabiex jgħinuhom iżidu r-rati ta' l-iżvilupp rispettivi tagħhom",

–    wara li kkunsidra r-rapport mill-Proġett tal-Millenju tan-NU: 'Ninvestu fl-Iżvilupp: Pjan Prattiku biex jinkisbu l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp' ,

–    wara li kkunsidra l-istqarrija Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea, 'Il-Konsensus Ewropew'[2],

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna approvata fit-2 ta' Marzu 2005 mill-Ministri ta' pajjiżi żviluppati u ta' dawk li qed jiżviluppaw responsabbli biex jippromwovu l-iżvilupp u mill-Kapijiet ta' istituzzjonijiet għall-iżvilupp multilaterali u bilaterali,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet dwar Sħubija Ekonomika (EPAs)[3],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0325/2006),

A.  Wara li kkunsidra l-involviment storiku tal-pajjiżi Ewropej fir-reġjun tal-Paċifiku,

B.  B. Billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-gżejjer tal-Paċifiku ħadu l-indipendenza relattivament reċentement,

C.  Billi l-UE għandha preżenza sinifikanti fir-reġjun minħabba t-Territorji Barranin tal-Kaledonja l-Ġdida, tal-Polineżja Franċiża, Wallis u Futuna (Franza) u l-Gżejjer Pitcairn (Renju Unit),

.     billi l-Moviment għal Paċifiku Mingħajr Nukleari u Indipendenti(NFIP) qiegħed jagħmel kampanji biex jitwaqqaf l-ittestjar nukleari fir-reġjun u għar-rispett tad-dinjità tal-popli indiġeni tiegħu.

E.   Billi l-UE hija donatur sostanzjali għar-reġjun, bl-għajnuna totali mogħtija, mid-dħul ta' l-ewwel pajjiżi Gżejjer tal-Paċifiku sa l-ewwel Konvenzjoni ta' Lomé fl-1975, taqbeż il-EUR 1.8 biljun,

F.   Wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Pjan tal-Paċifiku mis-16-il pajjiż membru tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali, billi jiffoka fuq it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, it-tmexxija tajba u s-sigurtà permezz tar-reġjonaliżmu, u li jagħti l-opportunità li jitkattru r-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u l-Paċifiku,

G   Billi l-pajjiżi tal-Paċifiku jiffaċċjaw problemi sinifikanti li jiġu minn tkabbir tal-popolazzjoni għoli, provvista insuffiċjenti ta' x-xogħol tas-sengħa, tkabbir ekonomiku baxx, tensjonijiet etniċi, diskrepanzi soċjo-ekonomiċi, fallimenti tal-governanza u l-impatt ta' tendenzi ekonomiċi globali, li jqajmu tħassib dwar aktar żidiet fil-povertà u l-instabilità fir-reġjun,

H.  Billi r-reġjun tal-Paċifiku għandu ħafna riżorsi naturali, madankollu għandu sistemi ta' pussess ta' art kumplikati ħafna li f'xi każijiet jistgħu jkunu ostakli għall-iżvilupp,

I.    Billi l-Istati ta' l-ACP tal-Paċifiku huma demokraziji totali, bl-eċċezzjoni tat-Tonga li hija monarkija kostituzzjonali,

1.  1. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa l-ewwel strateġija ta' l-UE għall-Paċifiku wara 30 sena ta' koperazzjoni, li ssegwi mill-iffirmar ta' l-ewwel Konvenzjoni ta' Lomé fl-1975 u mill-Ftehima ta' Kotonou f'Ġunju ta' l-2000;

2.  Jenfasizza li, bħala donatur ewlieni lir-reġjun, l-UE għandha l-opportunità li toħloq strateġija li għandha tappoġġja lill-pajjiżi tal-Paċifiku sabiex jilħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs);

3.  Jenfasizza l-eteroġeneità tar-reġjun u għalhekk jappella għall-flessibiltà fl-istrateġija tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp tingħata skond il-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali, u b'hekk jinkiseb benefiċċju massimu kemm għall-pajjiżi l-aktar żviluppati u kif ukoll għal dawk inqas żviluppati fil-Paċifiku;

4.  Japprova l-fehma tal-Kummissjoni li hemm bżonn ta' djalogu politiku mtejjeb fil-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku, li l-kapijiet tagħhom adottaw ftehima ġdida li tistabbilixxi l-Forum bħala organizzazzjoni intergovernattiva skond il-liġi internazzjonali; fl-istess ħin, jenfasizza li kull żieda fid-djalogu fuq il-livell reġjonali għandha wkoll tindirizza l-bżonnijiet tal-pajjiżi l-aktar foqra tar-reġjun;

5.   Jisħaq li kull strateġija għandha tindirizza b'mod suffiċjenti l-bżonnijiet ta' żvilupp tal-pajjiżi gzejjer tal-Paċifiku kollha, speċjalment l-aktar foqra, sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-MDGs;

6.   Jagħraf li l-Paċifiku għandu abbundanza ta' riżorsi naturali, b'mod speċjali is-sajd, il-minerali u l-foresti, u li f'ħafna pajjiżi tar-reġjun, l-agrikoltura u t-turiżmu huma l-apoġġ prinċipali ta' l-ekonomija; għalhekk, jisħaq li l-iżvilupp ekoloġikament u ekonomikament sostenibbli għandu jkun fil-qalba ta' kwalunkwe strateġija relatata ma' dawn is-setturi fundamentali; jenfasizza li l-isfruttar tar-riżorsi naturali għandu jikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni ta' dħul għall-popolazzjoni kollha tal-pajjiżi tal-gżejjer tal-Paċifiku u jappoġġja b'mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar;

7.   Jenfasizza l-importanza ta' tmexxija tajba fis-settur tas-sajd sabiex ikunu skoraġġuti s-sajd żejjed u t-tekniki tas-sajd distruttivi u sabiex jiġi evitat li l-perikli għall-ambjent jeqirdu l-ħajja tal-baħar, b'mod partikolari fil-każ tas-sajd għat-tonn, fejn il-Paċifiku għandu waħda miz-zoni tas-sajd l-aktar għonja fid-dinja;

8.   Ifaħħar l-approċċ reġjonali li ħadu l-pajjiżi Gżejjer tal-Paċifiku għall-immaniġġjar tas-sajd għat-tonn fir-reġjun tagħhom, u jinkuraġġixxi lill-UE biex tinnegozja kwalunkwe ftehima dwar it-tonn mar-reġjon kollu, aktar milli ma' Stati individwali;

9.   Jagħraf l-importanza li jiġi impost ħlas ta' liċenzji għas-sajd tat-tonn estensiv fiz-Zoni Ekonomikament Esklussivi (EEZs) tal-pajjiżi fir-reġjun, li huma sors ewlieni ta' dħul għall-pajjiżi tal-Gżejjer tal-Paċifiku, speċjalment il-pajjiżi bi dħul baxx bħal ma huma l-Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikronesja, u t-Tuvalu; madankollu, jinsab imħasseb dwar in-numru baxx ta' qabdiet attwalment ipproċessati fost l-EEZs u t-tnaqqis fil-qligħ b'riżultat ta' dan;

10. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi biex tippromwovi t-tmexxija sostenibbli tas-sajd billi tappoġġja l-immonitorjar, il-kontroll u s-sistemi ta' sorveljanza tar-reġjun, u sabiex issaħħaħ il-kapaċità li tikkumbatti s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

11. Jirrakkomanda li aktar pajjiżi żviluppati tal-gżejjer tal-Paċifiku jkomplu jiżviluppaw l-iproċessar lokali, b'hekk joħolqu aktar impjiegi u jesploraw il-possibiltà li l-Bank Ewropew għall-Investiment jagħti self b'imgħax baxx lil intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tal-Paċifiku sabiex tiżdied il-kapaċità ta' l-iproċessar, u jinħolqu flotot nazzjonali sabiex iġibu aktar dħul lir-reġjun; jilqa' l-evalwazzjoni tar-riżorsi tal-ħut u tal-kapaċitajiet ta' sajd mwettqa mill-Aġenzija tas-Sajd tal-Forum tal-Ġżejjer Tal-Paċifiku (FFA), jitlob, fejn hemm skop għal żieda fil-kapaċità, sabiex il-flotot lokali jiġu estiżi;

12. Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni ekoloġika u ta' l-impatt soċjali ta' attivitajiet illegali u attivitajiet industrijali li jinvolvu l-qtugħ illegali tas-siġar fuq skala kbira u l-kummerċ relatat tagħhom fil-pajjiżi Tal-Paċifiku;

13. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq l-implimentazzjoni rapida tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u ftehimiet relatati, speċjalment il-programm ta' ħidma dwar zoni protetti, li huwa strument effettiv biex tiġi evitata qerda ulterjuri jew degradazzjoni tal-foresta u ta' l-ekosistemi tal-baħar fir-reġjun tal-Paċifiku;

14. Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ għal immaniġġjar responsabbli ekoloġikament u soċjalment u għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' min joqgħod fuqhom li jistgħu jipprovdu garanziji kredibbli lill-konsumaturi Ewropej li l-prodotti ta' l-injam li jinbiegħu fis-suq ta' l-UE huma magħmula minn sorsi ta' l-injam sostenibbli; jenfasizza l-importanza li tiġi mċaqilqa l-paradigma mill-attivitajiet industrijali li jinvolvu l-qtugħ illegali tas-siġar fuq skala kbira għal proġetti ta' forestrija ekoloġika biex jiġi ġenerat dħul għall-komunitajiet lokali u appoġġ biex jittaffa l-faqar;

15. Japprova l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fl-Oċean tal-Paċifiku Ċentrali u tal-Punent iffirmata f'Settembru ta' l-2000 bil-għan li tintlaħaq is-sostenibiltà fit-tul tas-sajd tat-tonn, bħala sinjal ta' koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-gżejjer tal-Paċifiku u n-nazzjonijiet tas-sajd f'ilmjiet imbiegħda;

16. Jenfasizza li hemm bżonn ta' investiment sostanzjalment akbar fl-immaniġġjar ta' depożiti minerali, sors vitali ta' kambju barrani kemm għall-pajjiżi tal-gżejjer tal-Paċifiku l-aktar żviluppati kif ukoll għal dawk inqas żviluppati, sabiex jiġi evitat it-tnaqqis prematur tar-riżorsi, kif ġara fin-Nauru matul 50 sena ta' sfruttament kontinwu tal-minjar tal-fosfat;

17. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura, b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-gżejjer tal-Paċifiku, li l-gvernijiet differenti jiżvelaw kompletament fir-rapporti finanzjarji annwali li jippubblikaw, it-taxxi u d-dazji kollha mħallsa mill-kumpaniji taż-żejt, tal-minjieri u tal-gass fir-reġjun;

18. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ekonomika li t-turiżmu għandu għar-reġjun, peress li wieħed mill-aħjar kwalitajiet tal-gżejjer tal-Paċifiku huwa l-pajsaġġ idilliku tagħhom; jenfasizza li kull inkoraġġiment għat-turiżmu fir-reġjun għandu jimxi id f'id ma' aktar pussess lokali tas-servizzi tat-turiżmu, sabiex tiġi żgurata s-sostenibiltà tas-settur tat-turiżmu u sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-ekonomija lokali;

19. Jagħraf il-benefiċċji li t-twaqqif tas-servizzi tal-linji ta' l-ajru bi prezzijiet baxxi ġab lill-ekonomiji tal-gżejjer tal-Paċifiku, u jitlob li jiġi eliminat ix-xkiel għall-politiki ta' "open skies" filwaqt li jiġi żviluppat it-trasport bl-ajru b'mod razzjonali sabiex jiġu minimizzati l-emmissjonijiet u impatti ambjentali oħrajn ta' aktar vjaġġar bl-ajru;

20. Jisħaq li fil-biċċa l-kbira tal-każi huma biss l-aktar pajjiżi għonja b'infrastruttura aktar żviluppata u b'konnessjonijiet bl-ajru aktar frekwenti li jiġbdu numri sinifikanti ta' turisti kull sena; jenfasizza li f'dawn il-każi l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkompli tiġi użata sabiex tiffinanzja l-infrastruttura u tinkoraġġixxi t-turiżmu sostenibbli;

21. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel enfasi, fi proġetti implimentati taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fuq appoġġ għas-sitemi ta' l-edukazzjoni u ta' taħriġ tekniku ta' l-Istati fir-reġjun li l-iżvilupp tagħhom qed jiġi mxekkel minn nuqqasijiet f'dan il-qasam;

22. Jagħraf l-importanza ta' l-agrikoltura bħala sors primarju ta' dħul, inkluż id-dħul mill-esportazzjoni, u bħala mezz ta' għajxien, u ta' l-impieg fir-reġjun;

23. Jenfasizza li l-globalizzazzjoni, flimkien ma' telf mill-aċċess preferenzjali għas-suq ta' l-UE, x'aktarx ikollhom impatt ekonomiku profond fuq ir-reġjun, speċjalment fuq il-Fiġi;

24. Jisħaq li f'pajjiżi inqas żviluppati li jibqgħu jeżistu fuq l-agrikoltura bħala mezz ta' għajxien, għandu jkun hemm tranżizzjoni gradwali mill-produzzjoni ta' uċuħ ewlenin għal dik tal-produzzjoni ta' uċuħ għall-qligħ sabiex jipprovdi aktar prodotti agrikoli għall-esportazzjoni, u li l-vijabilità tat-twaqqif ta' l-ipproċessar ta' l-ikel u tas-servizzi ta' l-ippakkjar għandhom ikunu eżaminati;

25. Jenfasizza li x-xogħol tas-sengħa huwa prerekwiżit importanti għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi Tal-Paċifiku u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex t appoġġja oqfsa ta' politika nazzjonali li għndhom l-għan li jipprovdu faċilitajiet għal taħriġ vokazzjonali u taħriġ maħsub biex jappoġġja l-industriji lokali fil-pajjiżi Tal-Paċifiku;

26. Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intra-reġjonali ma' l-UE, anke skond arranġamenti kummerċjali reġjonali bħal ma huma l-Ftehimiet ta' Kummerċ tal-Pajjiżi tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PICTA), il-Ftehima tal-Paċifiku għal Relazzjonijiet Ekonomiċi iktar fil-qrib (PACER) li hi proposta, u l-Ftehima dwar Sħubija Ekonomika (EPA), bħala mezz li tiżdied il-prosperità ekonomika fir-reġjun;

27. Minħabba l-ispejjeż ta' l-immaniġġjar u l-amministrazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali ta' dan it-tip, inkluża l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija għall-Paċifiku mill-pajjiżi Gzejjer tal-Paċifiku u organizzazzjonijiet reġjonali bħas-Segretarjat tal-Forum Paċifiku, jitllob lill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika għall-implimentazzjoni f'waqtha u effettiva ta' ftehimiet bħal dawn;

28. Japprova l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sinifikat ta' parteċipanti reġjonali ewlenin bħal ma huma l-Awstralja, New Zealand, l-Istati Uniti u l-Ġappun, peress li huma kontributuri importanti għall-Paċifiku u msieħba kummerċjali miegħu, u li r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u dawn il-pajjiżi għandhom jitjiebu minħabba aktar involviment fil-Paċifiku;

29. Japprova l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tindika li koordinazzjoni għall-provvediment ta' l-għajnuna aktar mill-qrib ma' l-imsieħba l-oħra fir-reġjun, bħal ma huma l-Awstralja u New Zealand, għandha żżid l-effettività tal-provvediment ta' l-għajnuna;

30. Jenfasizza l-fatt li r-reġjun tal-Paċifiku huwa wieħed li għandu sinifikat geo-politiku, u jesprimi tħassib li rivalitajiet interstatali jistgħu jrawmu għajnuna ta' kwalità baxxa, u marbuta mal-politika, għad-detriment ta' żvilupp aktar fit-tul, tas-sostenibilità tar-riżorsi u tal-governanza tajba;

31. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi s-sitemi ta' pussess ta' art, speċjalment f'Papwa-Ginea l-Ġdida, l-Gżejjer Solomon u l-Vanwatu u l-Kaledonja l-Ġdida (Territorju Barrani ta' Franza) huma kumplikati ħafna u huma ostakli reali għall-iżvilupp; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inizjattivi nazzjonali dwar riforma ta' l-art imwettqa minn dawk il-pajjiżi u dak it-territorju;

32. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibda politiki biex tattakka t-tixrid rapidu ta' l-HIV/AIDS fir-reġjun, li qed jikber ħafna fil-pajjiżi bħall-Papwa-Ginea l-Ġdida;

33. Jiġbed l-attenzjoni għall-erba' pajjiżi fir-reġjun li huma affettwati mill-malarja, il-Papwa Ginea l-Ġdida, il-Gżejjer Solomon, il-Vanwatu u t-Timor tal-Lvant; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa programmi sabiex tegħleb din il-problema, filwaqt li tassigura li hemm protezzjoni xierqa mill-malarja, pereżempju, billi jkunu provduti filoxxi tas-sodda għal kontra l-malarjalill-pajjiżi milquta;

34. Jisħaq li, sabiex ikun żgurat il-provvediment effiċjenti ta' l-għajnuna, hija vitali l-governanza tajba mar-reġjun tal-Paċifiku kollu sabiex wieħed jimpedixxi l-korruzzjoni, waħda mill-ostakli prinċipali li jfixklu milli jintlaħqu l-MDGs, kif ukoll biex jinkiseb żvilupp sostenibbli; jisħaq li għandhom jitwaqqfu istituzzjonijiet nazzjonali u proċeduri trasparenti u b'saħħithom sabiex l-għajnuna għall-iżvilupp tilħaq lir-riċevituri intenzjonati fir-reġjun;

35. Jaqbel ma' l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-instabilità u l-kunflitt politiku jista' jkun devastanti għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun, speċjalment min dħul mitluf mit-turiżmu u mill-qerda ta' infrastruttura ekonomika;

36. Jenfasizza li l-isħubija msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-gzejjer tal-Paċifiku għandha tiġi riflessa f'appoġġ akbar għall-parlamenti ta' l-Istati konċernati bil-ħsieb li jissaħħu l-kapaċitajiet u l-irwol tagħhom titħaddan stabilità politika reġjonali;

37. Jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabilità ta' l-istati tal-gżejjer tal-Paċifiku għad-diżastri naturali u l-effetti devastanti għall-ekonomiji tagħhom; u għalhekk japprova s-sejħa tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' programm reġjonali għal preparazzjoni f'każ ta' diżastri;

38. Japprova l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-istati tal-gżejjer tal-Paċifiku għandhom interess kbir li jagħmlu xi ħaġa dwar il-bidla fil-klima, minħabba l-effett potenzjali li għandhom fuq ir-reġjun il-livelli tal-baħar li jogħlew; jieħu nota tal-Qafas ta' Azzjoni tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar it-Tibdil fil-Klima 2006-2015 bħala mekkaniżmu reġjonali biex ikunu appoġġjati reazzjonijiet għat-tibdil fil-klima, u jitlob għal żieda fid-djalogu bejn l-UE u r-reġjun tal-Paċifiku bil-ħsieb li jsir xi ħaġa dwar it-tibdil fil-klima u tħassib relatat;

39. Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni kurrenti f'Timor tal-Lvant li f'dawn l-aħħar ġimgħat kien imfarrak bil-vjolenza u jesprimi t-tama li l-Kummissjoni, b'ħidma mill-qrib mal-komunità internazzjonali, tgħin lill-mexxejja tat-Timor tal-Lvant biex jindirizzaw il-problemi bażiċi li jikkontribwixxu għall-kriżi, inklużi l-bżonn ta' stabilità politika, ir-rikonċiljazzjoni fost sezzjonijiet differenti tas-soċjetà u l-faqar;

40. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija ta' l-UE għall-Paċifiku tas-17 ta' Lulju 2006 u l-enfasi tagħhom dwar l-eradikazzjoni tal-faqar, il-kisba ta' l-MDGs, l-iżvilupp ta' riżorsi umani u l-kwistjonijiet ta' saħħa; madankollu, jiddeplora li l-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu mingħajr ma stenna l-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew;

41. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri ta’ l-UE u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-istati tal-gżejjer tal-Paċifiku.

  • [1]  Ftehima ta' sħubija bejn, fuq naħa waħda, il-Membri tal-grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku u fuq in-naħa l-oħra l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3).
  • [2]  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [3]  Testi Adottati, P6_TA(2006)0113.

NOTA SPJEGATTIVA

L-Istrateġija ta' l-2006 tal-Kummissjoni ser tkun l-ewwel strateġija formali f'aktar minn tletin sena ta' relazzjonijiet bejn l-UE u l-Paċifiku, li timmira biex jissaħħaħ id-djalogu politiku, tipprovdi enfasi akbar fuq il-koperazzjoni ta' l-iżvilupp u żżid l-l-effettività tal-forniment ta' l-għajnuna.

Storikament, l-Ewropa kellha aktar influwenza fir-reġjun tal-Paċifiku minħabba t-tmexxija kolonjali u r-rabtiet kulturali, u aktar reċenti permezz tal-Konvenzjoni ta' Lomé u l-Ftehima ta' Cotonou, li jorbtu l-EU mal-pajjiżi ta' l-ACP politikament u permezz ta' koperazzjoni fl-iżvilupp u l-kummerċ.

Bħala reġjun qed isir aktar dinamiku kemm ekonomikament u politikament u qed jadatta għaż-żieda fis-saħħa taċ-Ċina. Ħafna mill-gżejjer tal-Paċifiku sabu ruħhom mimlija b' abbundanza ta' riżorsi naturali, kemm jekk minerali jew tas-sajd, filwaqt li oħrajn ħadu vantaġġ mill-pajsaġġ idilliku tagħhom sabiex jakkumulaw kambju barrani permezz tat-turiżmu.

L-Oċean Paċifiku jkopri 35% tal-wiċċ tal-pjaneta. Il-Pożizzjoni tal-pajjiżi gżejjer fil-Paċifiku ta' l-ACP u t-territorji Franċiżi u Ingliżi lilhinn mix-xtut, filwaqt li ġġib benefiċċji kbar lir-reġjun permezz tas-sajd u t-turiżmu, ġabet ukoll konsegwenzi negattivi, peres li l-pajjiżi u t-terrirorji jsibu lilhom infushom iżolati permezz ta' "tirannija ta' distanza". Fi ħdan ir-reġjun, il-Papwa Ginea l-Ġdida hija mbiegħda 4,500km minn Samoa u 8,000km mill-Polineżja Franċiża. Żviluppi fit-telekomunikazzjonijiet, fl-ivjaġġar bl-ajru u fl-infrastruttura għenu sabiex jittaffew xi ftit dawn il-problemi.

Il-gżejjer tal-Paċifiku huma vulnerabli għall-maltempati qawwija b'ħafna minnhom jinsabu fil-post minn fejn jgħaddu ċikluni qawwija. Tsunami u eruzzjonijiet vulkaniċi jseħħu ta' sikwit f' pajjiżi bħall-Papwa Ginea l-Ġdida, u jistà jkollhom effett devastanti fuq l-iżvilupp.

Ħafna mill-gżejjer huma politikament fraġli bħal ma' rajna mill-kolpi militari fil-Fiġi, fil-kunflitt fil-Papwa Ginea l-Ġdida u attwalment permezz ta' l-nkwiet li seħħ fit-Timor tal-Lvant. Fatt inkwetanti huwa li l-HIV/AIDS issa bdew jinfirxu fir-reġjun.

Meta tqis li l-gżejjer tal-Paċifiku huma pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-UE tipprovdi madwar kwart ta' l-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-reġjun, huwa vitali li jkollna politika koerenti għal relazzjonijiet mal-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku. Bħala l-akbar donaturi, l-UE għandha l-opportunità li toħloq strateġija li ssostni lill-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku sabiex jilħqu l-Miri ta' l-Iżvilupp tal-Millennju sa l-2015.

Żvilupp sostenibbli f'setturi ewlenin

Ir-Reġjun tal-Paċifiku sab ruħu mimli b' abbundanza ta' riżorsi naturali speċjalment fir-rigward ta' sajd, minerali u foresti, filwaqt li l-agrikultura u t-turiżmu huma vitali għat-tkabbir ekonomiku f' ħafna mill-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku. Jekk imħaddma bil-għaqal, dawn is-setturi għandhom il-potenzjal li jġibu tkabbir sostenibbli fuq perjodu twil ta' żmien fir-reġjun. Għalhekk, huwa vitali li kwalunkwe strateġija għar-reġjun tippromwovi l-iżvilupp ekoloġiku u ekonomiku b' mod sostenibbli ta' dawn is-setturi ewlenin u tiżgura li l-popolazzjoni kollha tal-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku tibbenefika mill-isfruttar tar-riżorsi naturali.

Fit-tfassil ta' strateġija għar-reġjun, għandu jiġi rikonoxxut li l-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku, għalkemm huma kollha klassifikati bħala pajjiżi li qed jiżviluppaw, ivarjaw kemm ekonomikament u kif ukoll politikament.

Għal ħafna mill-gżejjer tal-Paċifiku, il-prodotti agrikoli tagħhom huma l-prodotti primarji ta' l-esportazzjoni fis-swieq internazzjonali, billi jfornu prodotti bħal-zokkor, kopra, banana, ġewż ta' l-indi u żejt magħmul mill-palm. Filwaqt li għal oħrajn, ta' spiss jiġri li l-iżgħar u l-aktar gżejjer iżolati, kull attività agrikola ssir fuq bażi sempliċiment ta' sussistenza, li tipprovdi ikel, xogħol, u dħul għal dawn il-gżejjer li huma ifqar.

Jeżiżtu wkoll differenzi bejn il-gżejjer rispettivi tal-Paċifiku rigward id-depożiti minerali. Xi wħud minħabba tmexxija ħażina rnexxielhom kważi jeżawrixxu r-riżorsi tagħhom, u issa qed jiddependu fuq l-importazzjoni biss, filwaqt li oħrajn, imtertqa bil-kunflitti rnexxielhom jibdlu l-fortuni ekonomiċi tagħhom billi jisfruttaw b'suċċess il-prezzijiet għoljien tal-prodotti.

Waħda mill-akbar sfidi li r-reġjun qed jiffaċċja hija l-immaniġġjar sostenibbli tas-sajd. It-tonn huwa abbundanti b'mod speċjali fil-Paċifiku, b'terz tal-qabda dinjija tinqabad fl-istati gżejjer tal-Paċifiku fiz-Zona Ekonomika Eslussiva (EEZ), li hija stmata madwar 2 biljun Ewro. Il-maġġoranza tat-tonn hu maqbud b'sajd f'ilmijiet mbiegħda, li jirrekjedi li l-flotot iħallsu miżati għal-liċenzja sabiex jistadu fl-EEZ, u b'hekk jinħoloq sors kbir ta' dħul ta' flus għal ħafna mill-gżejjer. Il-Papwa Ginea l-Ġdida, il-Fiġi, il-Gżejjer Solomon, Samoa, il-Polineżja Franċiża, u Kiribati kollha ħadu vantaġġ mill-miżati tal-liċenzji billi waqqfu flotot nazzjonali għal-ipproċessar. Għaldaqstant, huwa stmat li wieħed minn ħamsa tal-qabda tat-tonn biss huwa attwalment ipproċessata fiz-Zona.

It-turiżmu għandu tendenza li jiffavorixxi l-gżejjer l-aktar żviluppati, dawk bl-aktar pożizzjoni geografika favorevoli u b'infrastruttura avvanzata - ħafna mill-gżejjer għandhom 'runways', iżda ammont limitat huma fil-fatt ta' standard tajjeb għall-inżul ta' l-ajruplani ġett tal-passiġġieri. Tensjonijiet politiċi u kunflitti reċenti fuq il-gżejjer raw in-numru ta' turisti jonqos drammatikament, ħaġa li tenfasizza n-neċessità għad-demokrazija u t-tmexxija tajba fir-reġjun sabiex tiġi żgurata s-sostenibiltà ta' dan is-settur ewlieni.

Meta wieħed iqis id-differenzi li jeżistu bejn il-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku, huwa essenzjali li kwalunkwe strateġija għar-reġjun għandu jkollha biżżejjed flessibiltà sabiex tiżgura li l-għajnuna għall-iżvilupp tkun imqassma skond il-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali, u b'hekk jinkiseb l-impatt massimu kemm għal dawk il-pajjiżi l-aktar żviluppati u kif ukoll għal dawk anqas żviluppati. Aktar djalogu mal-gżejjer tal-Paċifiku u koperazzjoni eqreb ma' l-imsieħba fir-reġjun jistgħu jkunu ta' benefiċċju fiż-żieda ta' l-effettività tal-forniment ta' l-għajnuna biss.

PROĊEDURA

Titolu

Ir-relazzjonijiet ta' l-EU mal-Gżejjer tal-Paċifiku - Strateġija għal sħubija msaħħa

Numru tal-proċedura

2006/2204(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta’ l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

DEVE
7.9.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH
7.9.2006

ITRE
7.9.2006

ENVI
7.9.2006

INTA
7.9.2006

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

PECH

ITRE
12.9.2006

ENVI
6.9.2006

INTA
11.9.2006

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Nirj Deva
21.3.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

10.7.2006

 

28.8.2006

 

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

3.10.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Alessandro Battilocchio, Margrietus van den Berg, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Nirj Deva, Alexandra Dobolyi, Michael Gahler, Filip Andrzej Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, Horst Posdorf, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Anna Záborská, Mauro Zani.

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Milan Gaľa, Manolis Mavrommatis, Anne Van Lancker, Anders Wijkman, Gabriele Zimmer.

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Eżami fil-kumitat

9.10.2006

Kummenti (informazzjoni disponibbli b’lingwa waħda biss)