RAPPORT dwar strateġija ta’ qafas ġdida għall-multilingwiżmu

23.10.2006 - (COM(2005)0596,2006/2083(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Bernat Joan i Marí

Proċedura : 2006/2083(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0372/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar strateġija ta’ qafas ġdida għall-multilingwiżmu

(COM(2005)0596,2006/2083(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 149, 151 u 308 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Jannar 2003 dwar il-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali : l-irwol tar-reġjuni Ewropej u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO u l-Kunsill ta' l-Ewropa[1] u r-referenza li hemm fiha għad-diversità lingwistika fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1934/2000/KE tas-17 ta' Lulju 2000 dwar is-Sena Ewropea tal-Lingwi 2001[2],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2002 dwar il-promozzjoni tad-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-objettivi tas-Sena Ewropea tal-Lingwi 2001[3],

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew tal-Minoranzi tal-Kunsill ta' l-Ewropa, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali , li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Frar 1998,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Settembru 2003 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-ilsna Ewropej reġjonali u dawk użati inqas - l-ilsna tal-minoritajiet fl-UE - fil-kuntest tat-tkabbir u tad-diversità kulturali[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0372/2006),

A.  billi r-rispett għad-diversità lingwistika u kulturali huwa prinċipju bażiku ta' l-UE u huwa mħaddan f'dawn it-termini fl-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea: 'L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika',

B.  billi l-multilingwiżmu huwa karatteristika speċjali ta' l-UE li Tagħmilha eżempju ċar kif ukoll komponent bażiku tal-kultura Ewropea,

C. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Jannar 2003, imsemmija hawn fuq, għamel sejħa biex l-Artikolu ġdid li ġej jiddaħħal fit-Trattat KE: 'Il-Komunità għandha, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha, tirrispetta u tippromwovi d-diversità lingwistika fl-Ewropa, inklużi l-lingwi reġjonali jew tal-minoranzi bħala espressjoni ta' dik id-diversità, billi tinkuraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u permezz ta' l-użu ta' strumenti xierqa oħra għall-avvanz ta' dan l-għan',

D. billi l-promozzjoni tal-multilingwiżmu f'Ewropa pluralista hija fattur essenzjali fl-integrazzjoni kulturali, ekonomika u soċjali, li tkabbar il-kapaċitajiet taċ-ċittadini u tiffaċilita l-mobilità tagħhom,

E.  billi xi ilsna Ewropej huma mitkellma wkoll f'għadd kbir ta' pajjiżi li m'humiex membri u jikkostitwixxu rabta importanti bejn popli u nazzjonijiet ta' reġjuni differenti fid-dinja,

F.  billi teżisti abilità partikulari ta' wħud mill-ilsna Ewropej li jistabbilixxu komunikazzjoni diretta immedjata ma' bnadi oħra tad-dinja,

G. billi d-diversità lingwistika tista' tkun element ta' koeżjoni soċjali u għajn ta' tolleranza, aċċettazzjoni tad-differenzi, identifikazzjoni u fehim reċiproku bejn il-popli,

H. billi l-multilingwiżmu għandu jfittex ukoll li jippromwovi r-rispett għad-diversità u t-tolleranza bil-ħsieb li jitwaqqaf it-tfaċċar ta' kwalunkwe kunflitt attiv jew passiv bejn komunitajiet ta' ilsna differenti fl-Istati Membri,

I.   billi l-lingwi kollha, bħala mezz preminenti għall-aċċess għal kultura, huma mod distint kif tkun ipperċepita u deskritta r-realtà u għalhekk għandhom ikunu jistgħu jgawdu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom,

J.   billi, sabiex jiġi nkuraġġit it-tagħlim ta' ilsna oħra u għalhekk sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' "l-ilsien omm +2", huwa importanti li wieħed ikun jaf bil-prinċipji li wieħed jitgħallem jitkellem kif ukoll jifformula u jikseb kunċetti bażiċi fit-tfulija bikrija, li jsostnu l-kompetenza fl-ilsien omm,

K. billi l-lingwi reġjonali u tal-minoranzi huma teżor kulturali kbir u, meta wieħed iqis li dawn jikkostitwixxu wirt kulturali komuni, l-appoġġ biex ikunu ppreservati għandu jittejjeb,

L.  billi l-Parlament u l-Kumitat tar-Reġjuni indirizzaw il-kwistjoni ta' l-importanza ta' lingwi użati anqas f'ħafna okkażjonijiet u billi fil-preżent m'hemm l-ebda dispożizzjoni legali fil-livell ta' l-UE dwar lingwi Ewropej reġjonali u użati inqas,

M. billi għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-promozzjoni ta' l-aċċess għat-tagħlim ta' l-ilsna għal persuni f'ċirkustanzi żvantaġġjati jew iebsa jew dawk b'diżabilitajiet,

Kummenti Speċifiċi dwar l-Istrateġija ta' Qafas

1.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni, u b'mod partikulari l-Istrateġija ta' Qafas ġdida, sabiex tinkuraġġixxi l-għarfien ta' l-ilsna u sabiex tieħu vantaġġ kulturali u soċjoekonomiku minnu;

2.  Huwa tal-fehma li, sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti mill-istrateġija ta' Liżbona, huwa essenzjali li jittejbu l-kwalità, l-effettività u l-aċċessibilità tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Unjoni Ewropea billi jiġi promoss it-tagħlim ta' ilsna barranin;

3.  Jagħraf l-importanza strateġika ta' l-Ilsna Ewropej Dinjija bħala mezz ta' komunikazzjoni u ta' solidarjetà, koperazzjoni u investiment ekonomiku u, għaldaqstant, bħala waħda mil-linji gwida politiċi ewlenin tal-politika Ewropea dwar il-multilingwiżmu;  

4.  Jilqa' bi pjaċir l-objettiv fuq perjodu ta' żmien twil tal-Kummissjoni biex ittejjeb ħiliet lingwistiċi individwali, b'riferenza għall-mira stabbilita fl-2002 fil-Kunsill Ewropew ta' Barċellona biex iċ-ċittadini jitgħallmu mill-inqas żewġ lingwi barranin minbarra l-lingwa nattiva tagħhom;

5.  Ifakkar lill-Istati Membri ta' l-UE, għal dak il-għan, li huwa neċessarju li jittieħdu miżuri xierqa biex tiġi promossa politika ġenwina dwar l-abilitajiet biex wieħed jitgħallem ilsna barranin; barra minn hekk, jirrijafferma li t-tagħlim ta' l-ilsna minn kmieni huwa ta' importanza konsiderevoli, u għandu jkun imsejjes fuq metodi effettivi skond l-aqwa tekniki disponibbli;

6.  Huwa tal-fehma li hemm nuqqas ta' dejta dettaljata u ta' min joqgħod fuqha u ta' indikaturi adegwati marbuta mas-sitwazzjoni attwali ta' kompetenza fil-lingwi barranin fl-Istati Membri u għalhekk jilqa' l-proposta għal Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika; dak l-indikatur għandu jinkludi l-ilsna uffiċjali kollha ta' l-UE u jista', jekk ikun fattibbli mill-aspett proċedurali, jiġi estiż lil hinn mill-ħames ilsna l-iktar mitkellma biex jinkludu l-ilsna l-oħra ta' l-UE, sabiex tinkiseb stampa vera tal-kompetenza lingwistika;

7.  Jemmen li proposti għall-multilingwiżmu m'għandhomx ikunu limitati għall-ilsna uffiċjali ewlenin / ta' l-Istati Membri;

8.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni biex tagħti liċ-ċittadini tagħha aċċess għal-leġiżlazzjoni, il-proċeduri u t-tagħrif ta' l-UE fl-ilsna tagħhom stess; madanakollu dan għandu jinkludi kemm jista' jkun mill-ilsna ta' l-Istati Membri użati miċ-ċittadini ta' l-UE; b'dan il-mod id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ċ-ċittadini għandu jkollhom dritt għall-aċċess għall-UE fi lsienhom stess mingħajr l-ebda xkiel issir realtà; dan ikun pass importanti biex titnaqqas id-distanza bejn l-UE u bosta miċ-ċittadini tagħha, li huwa l-għan ewlieni tal-Pjan D għad-Demokrazija, għad-Djalogu u għad-Dibattitu;

9.  Huwa tal-fehma li b'konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-lingwi użati għall-informazzjoni għall-konsumaturi fil-Komunità (COM(1993)0456), l-UE għandha tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-politika lingwistika, li permezz tiegħu l-UE, fl-implimentazzjoni tar-reġim lingwistiku tagħha stess jew permezz tal-leġiżlazzjoni settorjali, m'għandhiex tbiddel il-leġiżlazzjoni lingwistika eżistenti f'kull Stat Membru fit-territorju tiegħu kollu jew f'parti minnu.

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra biex jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-għodda diġitali u teknoloġiċi ġodda għat-traduzzjoni fis-siti tagħhom fuq l-Internet sabiex jippermettu liċ-ċittadini Ewropej li jkollhom aċċess għal, u jiksbu mill-Internet, tagħrif dwar l-Ewropa fl-ilsna tagħhom stess;

11. Huwa tal-fehma li jkun xieraq li jiġu pprovduti l-aktar opportunitajiet wiesa' għall-migranti biex jitgħallmu l-ilsien jew l-ilsna tal-pajjiżi fejn ikunu qed joqogħdu, kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni ta' dawk il-pajjiżi, bil-ħsieb li jiġu integrati soċjalment u kulturalment sal-punt fejn dan ikun meħtieġ, bl-użu ta' metodi li nstab li kienu effettivi fit-tagħlim ta' l-ilsna u għall-integrazzjoni taċ-ċittadini migranti u sabiex jippermettilhom jiġu mgħallma bl-ilsien omm tagħhom bħala mod kif jippreservaw ir-rabtiet tagħhom mal-pajjiż tan-nisel tagħhom;

12. Jilqa' bi pjaċir l-idea li l-Istati Membri jkunu inkuraġġiti jistabbilixxu Pjanijiet Nazzjonali, għax jirrikonoxxi l-bżonn ta' ppjanar lingwistiku fil-livell ta' l-Istati Membri; dan se jwassal għat-tisħiħ ta' ħafna mil-lingwi użati anqas u biex jitrawwem għarfien dwar l-importanza tad-diversità lingwistika; jissuġġerixxi li l-Pjanijiet ta' l-Istati Membri jinkludu l-lingwi reġjonali jew il-lingwi użati anqas f'kull Stat Membru u jeżaminaw il-possibilità li adulti interessati jitgħallmu dawn l-ilsna, u jinkludu dawn il-proġetti bħala eżempji ta' l-aħjar prattika;

13. Jappoġġja azzjoni għal taħriġ aħjar ta' l-għalliema, anki għal għalliema mhux ta' l-ilsna u għal dawk vokazzjonali, u jżid li jkun xieraq li l-għadd ta' ilsna mgħallma kemm fl-iskejjel kif ukoll barra minnhom jiżdied sabiex jippermetti lill-għalliema tal-ġejjieni jitgħallmu, u sussegwentement jgħallmu, diversità akbar ta' ilsna taħt l-istess kundizzjonijiet, kemm-il darba jkun hemm espressjoni ta' interess f'din id-direzzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, li t-taħriġ ta' l-ilsna huwa essenzjali għall-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-mobilità mhux biss għall-istudenti iżda wkoll għall-ħaddiema kollha li jkunu qed ifittxu xogħol f'wieħed mill-Istati Membri;

14. Iħeġġeġ biex tingħata attenzjoni partikulari lill-promozzjoni tat-tagħlim ta' l-ilsna għal persuni f'ċirkustanzi żvantaġġjati jew iebsa u għal persuni b'diżabilitajiet;

15. Jilqa' bi pjaċir l-użu akbar ta' Tagħlim Integrat tal-Kontenut u l-Lingwa (Content and Language Integrated Learning - CLIL), fejn l-istudenti jitgħallmu suġġett permezz ta’ lingwa barranija, u jistieden lill-Istati Membri biex jiffurmaw netwerk ta' l-aħjar prattiki, b'mod partikulari billi janalizzaw ir-riżultati miksuba mill-korsijiet ta' immersjoni f'pajjiżi multilingwi;

16. Jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla għandhom sehem aktar attiv fil-promozzjoni tal-multilingwiżmu mhux biss fost l-istudenti u l-istaff, iżda wkoll fost il-komunità lokali iktar wiesgħa, u għalhekk jemmen li għandhom ikunu inkuraġġiti r-rabtiet bejn l-universitajiet u l-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali;

17. Huwa tal-fehma li l-lingwa użata fil-korsijiet ta' l-Erasmus għandha tkun dik uffiċjali tas-sistema edukattiva fil-pajjiż jew fir-reġjun li jospita l-kors, u li għandu jkun żgurat li l-istudenti ta' l-Erasmus jilħqu livell ta' profiċjenza f'dik il-lingwa li jippermettilhom li jsegwu kif xieraq il-korsijiet mogħtija f'dik il-lingwa;

18. Jilqa' bi pjaċir l-enfasi fuq attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku fir-rigward ta' teknoloġiji ta' l-informatika relatati mal-lingwi fl-ambitu tas-7 Programm ta’ Qafas għar-Riċerka sabiex jittejjeb il-multilingwiżmu permezz tat-teknoloġija ġdida ta' l-informatika;

19. Jappoġġja l-proposti għall-multilingwiżmu fis-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni ta' kontenut u għarfien multilingwi; hemm numru li qed jikber ta' teknoloġiji li se jiffavorixxu użu ikbar tal-lingwi kollha, inklużi dawk li mhux daqstant użati; it-teknoloġija toffri l-akbar potenzjal biex ikun żgurat spazju soċjali u lingwistiku għal-lingwi kollha ta' l-Ewropa;

20. Jappoġġja l-proposti biex ikunu żviluppati professjonijiet u industriji marbuta mal-lingwi; il-lingwi Ewropej kollha se jkollhom bżonn ta' teknoloġiji ġodda bħall-ipproċessar tad-diskors, ir-rikonoxximent tal-vuċi eċċ., kif ukoll xogħol fuq it-terminoloġija, l-iżvilupp tat-tagħlim tal-lingwi, ċertifikazzjoni u ttestjar; inkella ilsna li jintużaw inqas se jitħallew lura u l-ispazju soċjali lingwistiku tagħhom jittieħed mil-lingwi aktar mitkellma - b'mod speċjali l-Ingliż;

21. Jappoġġja Standard Ewropew għas-Servizzi tat-Traduzzjoni u jemmen li għandu jkun hemm politika proattiva għall-iżvilupp ta' servizzi ta' traduzzjoni għal-lingwi użati anqas;

22. Jilqa' bi pjaċir il-proposta għal aktar trasparenza fit-tagħlim, l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni ta' l-ilsna permezz tal-pubblikazzjoni ta' inventarju tas-sistemi attwalment disponibbli;

Miżuri Proposti

23. Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet Ewropej biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom maċ-ċittadini fil-lingwi nazzjonali tagħhom stess, irrispettivament minn jekk il-lingwa inkwistjoni għandhiex stejtus uffiċjali fil-livell ta' l-Istat Membru jew ta' l-UE;

24. Jitlob li jkun hemm pjan lingwistiku ta' l-UE u legiżlazzjoni lingwistika ta' l-UE li jkunu ċari u koerenti; hemm bżonn ta' att leġiżlattiv lingwistiku ta' l-UE sabiex tinħoloq bażi legali għad-drittijiet lingwistiċi kemm fuq bażi kollettiva kif ukoll fuq bażi individwali; fuq il-bażi ta' tali leġiżlazzjoni jista' jitfassal pjan ta' l-UE dwar il-lingwi sabiex ikunu żgurati d-diversità lingwistika u d-drittijiet lingwistiċi;

25. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tibqa' timplimenta l-proposti stabbiliti fir-Rapport Ebner, safejn huma fattibbli, u biex tgħarraf lill-Parlament regolarment dwar ir-riżultati;

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita u tippromwovi l-aċċess għat-tagħrif u għall-finanzjament għal entitajiet applikanti li jfittxu li jippromwovu l-multilingwiżmu permezz ta' netwerks u/jew proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni mill-2007 'l quddiem;

o

o o

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

  • [1]  ĠU 92 E, 16.4.2004, p. 322.
  • [2]  ĠU L 232, 14.9.2000, p. 1.
  • [3]  ĠU C 50, 23.2.2002, p. 1.
  • [4]  ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 243.

NOTA SPJEGATTIVA

Sommarju tal-Komunikazzjoni

Il-Komunikazzjoni tafferma mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni għall-multilingwiżmu u tipproponi azzjonijiet speċifiċi. Jinnutaw li l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq ‘l-unità fid-diversità’ u li minbarra l-21 lingwa 'uffiċjali' ta’ l-UE, hemm madwar 60 lingwa indiġena minbarra lingwi mitkellma minn komunitajiet ta’ migranti. Din id-diversità hija meqjusa bħala 'għajn ta’ għana' li jwasslu għal 'solidarjetà akbar' u għal 'fehim reċiproku'.

B'riferenza għad-definizzjoni tagħhom ta' multilingwiżmu li tinkludi 'l-koeżistenza ta’ komunitajiet b'ilsna differenti f’żona ġeografika waħda' jipproponu politiki maħsuba biex 'jippromwovu klima li twassal għall-espressjoni sħiħa tal-lingwi kollha, fejn it-tagħlim ta’ varjetà ta’ lingwi jista’ jirnexxi.'

B'riferenza għal-lingwi użati anqas, il-Kummissjoni tinnota li hi kienet tipprovdi l-appoġġ finanzjarju ewlieni lill-Uffiċċju Ewropew għal-Lingwi Użati Anqas (European Bureau for Lesser-Used Languages - EBLUL) u għan-netwerk Mercator. Tinnota l-istudju dwar il-ħolqien possibbli ta’ Aġenzija Ewropea għat-Tagħlim tal-Lingwi u d-Diversità Lingwistika, li kellha l-appoġġ sħiħ tal-PE, iżda l-Kummissjoni għażlet Netwerk ta’ Ċentri għad-Diversità tal-Lingwa, li fir-rigward tiegħu tgħid, b'mod ftit li xejn konvinċenti, li 'se teżamina l-possibilità li tiffinanzjah fuq bażi multiannwali permezz tal-programm propost għal Tagħlim Tul il-Ħajja Kollha (Lifelong Learning programme)'.[1]

Fost il-proposti jsemmu l-bżonn ta' 'pjanijiet nazzjonali' biex jippromwovu l-multilingwiżmu u pjuttost b'nofs qalb, li 't-tagħlim ta’ lingwi reġjonali jew minoritarji għandu jitqies ukoll kif xieraq'.

Barra minn hekk, jelenkaw għadd ta' miżuri li ntlaqgħu pożittivament, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ġodda bħall-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza fil-Lingwa, studju dwar l-aħjar prattika, riċerka, u aktar użu tat-Tagħlim Integrat tal-Kontenut u l-Lingwa (Content and Language Integrated Learning - CLIL).

It-III Taqsima titkellem dwar l-ekonomija multilingwi u kif il-ħiliet fil-lingwi jagħmlu lill-UE aktar kompetittiva waqt li tirrikonoxxi li l-ħila li wieħed jitkellem il-lingwa tal-klijent hija ta' ġid għan-negozju. It-test jidher li qed jirreferi għal-'lingwi uffiċjali biss'.

Ir-IV Taqsima tenfasizza l-multilingwiżmu fir-relazzjonijiet tal-Kummissjoni maċ-ċittadini. Minħabba li l-UE tadotta leġiżlazzjoni li torbot direttament liċ-ċittadini tagħha, huwa għalhekk prerekwiżit għal-leġittimità demokratika u t-trasparenza ta’ l-Unjoni li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ l-istituzzjonijiet tagħha u jaqraw il-liġi ta’ l-UE fil-lingwa li jgħidulha 'l-lingwa nazzjonali' tagħhom, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-proġett Ewropew 'mingħajr ma jiltaqgħu ma’ xi ostakolu tal-lingwa.' Madanakollu, filwaqt li dan hu ta' min ifaħħru, jidher li jinkludi biss il-lingwi 'uffiċjali'. Jiżbaljaw meta jgħidu li ċ-ċittadini kollha għandhom aċċess universali għall-proġett ta' l-UE meta lingwi bla stat u reġjonali, li uħud minnhom għandhom aktar nies li jitkellmuhom minn lingwi ta' stati membri, huma fil-fatt esklużi. Huwa inkredibbli li meta l-UE qed tfittex li tersaq eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha qed teskludi 10%[2] minnhom mill-bidu minħabba n-nuqqas ta' politika lingwistika inklusiva.

Mill-bqija, il-proposti li ssemmew huma milqugħa bi pjaċir, imma biss jekk jinkludu l-lingwi 'Reġjonali' jew tal-Minoranzi (RMLs).

Kunsiderazzjonijiet dwar multilingwiżmu reali

Id-diversità lingwistika fl-Ewropa issa hija uffiċjalment rikonoxxuta (eż. fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, fl-abbozz tal-Kostituzzjoni) u appoġġjata (eż. il-Kriterji ta’ Copenhagen ta' l-1993) iżda fir-realtà hemm ħafna lingwi li qed jitilfu n-nies li jitkellmuhom, kollass fit-trasmissjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, nuqqas ta' edukazzjoni permezz tal-lingwa u ħafna kelliema mingħajr id-dritt li jużaw il-lingwa tagħhom fi kwalunkwe kapaċità uffiċjali.

Aktar minn hekk, il-falliment tal-Kostituzzjoni ta' l-UE, li kellha diversi klawsoli li jiżguraw appoġġ għal-Lingwi Użati Anqas (Lesser-Used Languages - LUL), ma ngħatax rikonoxximent biżżejjed fir-rigward ta' l-impatt li kellu fuq il-promozzjoni ta' lingwi użati anqas u biex jintrebħu drittijiet għal dawk il-lingwi. Wasal iż-żmien li tkun evalwata mill-ġdid it-tattika mingħajr l-abbozz tal-kostituzzjoni, xenarju li ħalla lil-lingwi użati anqas mingħajr bażi legali xierqa għall-promozzjoni jew għall-iffinanzjar. Dan ifisser li organizzazzjonijiet mhux governattivi bħall-EBLUL issa għandhom jiffokaw fuq modi oħra kif jiżguraw diversità lingwistika sinifikattiva.

Dak li hu meħtieġ, lil hinn mit-trattati internazzjonali eżistenti bħall-Karta Ewropea għall-Lingwi Reġjonali jew tal-Minoranzi tal-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, hija leġiżlazzjoni li torbot li jkun fiha d-dritt ta' dawk li jitkellmu lingwi użati anqas, kemm b'mod individwali kif ukoll kollettiv, li jmexxu ħajjithom bil-lingwa tagħhom, li jirċievu edukazzjoni bil-lingwa tagħhom u li jkunu mħarsa minn stati membri ostili li l-politiki tagħhom jheddu l-lingwi użati anqas u li jfittxu li jassimilaw lin-nazzjon mingħajr stat u/jew lill-minoranza nazzjonali.

Riċerka reċenti turi li l-preżenza ta' lingwa użata anqas fi stat hija ta' benefiċċju ekonomiku għalih. Ibbażata fuq il-premessa tal-vantaġġi tal-bilingwiżmu LUL/lingwa uffiċjali, ir-riċerka turi li nies bilingwi għandhom ħiliet konjittivi akbar u jikkostitwixxu popolazzjoni b'ħiliet aħjar. Investiment fil-bilingwiżmu u fil-multilingwiżmu huwa għalhekk investiment fil-kapital soċjali.

Il-Komunikazzjoni, filwaqt li għandha intenzjonijiet tajba u fiha diversi proposti innovattivi li għandhom jintlaqgħu tajjeb, tibqa' ambigwa dwar il-kwistjoni ta' lingwi mhux uffiċjali u, fl-agħar aspett tagħha, tittraskura is-sitwazzjoni gravi li jinsabu fiha ħafna lingwi Ewropej li huma fil-periklu. Minbarra dan, mill-perspettiva ta' l-ippjanar u l-iżvilupp lingwistiku ma tagħmel l-ebda progress ċar fir-rigward tal-ħolqien ta' diversità lingwistika sinifikattiva li, bħala valur ewlieni ta' l-UE, hija essenzjali jekk l-UE għandha l-għan li tasal għal multilingwiżmu reali.

Ir-regoli attwali biex jinkiseb iffinanzjar mill-UE jaħdmu b'mod li jeskludi l-gruppi li jitkellmu lingwi mitkellma inqas, kemm jekk huma ta' l-istati membri u kemm jekk le. Wara l-Pjan ta' Azzjoni, il-Komunikazzjoni dwar il-Multilingwiżmu hija s-sinjal tat-twarrib definittiv finali ta' kwalunkwe idea li jingħataw fondi iżolati għall-protezzjoni mir-riskju lill-proġetti għal-lingwi użati anqas, xenarju li effettivament se jwassal għall-emarġinazzjoni akbar tal-lingwi użati anqas, speċjalment dawk l-aktar fil-periklu. Il-proposti tal-Kummissjoni juru bidla paradigmatika mill-politika preċedenti ta' qabel is-sena 2000 ta' appoġġ dirett għal-lingwi użati anqas (permezz tal-linja B tal-baġit ) lejn politika li fiha l-komunitajiet li jitkellmu lingwi ta' minoranza jridu jikkompetu fis-'suq miftuħ' mal-lingwi l-kbar. Kif dawn jistgħu jagħmlu dan m'huwiex ċar. Il-lingwi akbar għandhom organizzazzjonijiet sostanzjali b'baġits kbar, eż. il-British Council kellu 750 miljun euro fl-2005 biex jippromwovi l-Ingliż - ħafna iktar mill-baġit għall-Estonjan, l-Iżvediż, il-lingwa Ċeltika ta' Wales u ċ-Ċelitiku Skoċċiż.

Hemm bżonn li jkun hemm simplifikazzjoni amministrattiva fir-rigward ta' applikazzjonijiet għal għotjiet proporzjonali ma' l-ammont ta' l-għotjiet, politika proattiva favur il-lingwi użati anqas fl-allokazzjoni tal-fondi u l-introduzzjoni mill-ġdid ta' fondi iżolati għall-protezzjoni mir-riskju, iffinanzjar dirett (inklużi fondi li jingħataw minn qabel) mingħajr kofinanzjament. Barra minn hekk, bl-iżviluppi fl-informatika, il-Lingwi Mhux Daqstant Użati (Less Widely used Languages - LWULs) ma jiħdux fondi minħabba l-enfasi fuq il-lingwi mitkellma aktar.

Jekk 'il-lingwa tagħmilna umani', kif jgħid il-Kummissarju Figel, lingwi użati anqas u dawk li jitkellmuhom jeħtieġu l-istejtus li jmur ma' dik id-dikjarazzjoni. Jekk l-UE temmen fl-islowgans ta' Unità fid-Diversità u li l-lingwi kollha huma ugwali mela hemm bżonn ta' politika u leġiżlazzjoni lingwistika ta' l-UE li jkunu koerenti u sinifikattivi, li jħaddnu d-drittijiet lingwistiċi biex jiżguraw li l-lingwi Ewropej kollha jkunu mħarsa u jingħataw spazju soċjali u lingwistiku li fih jistgħu jirnexxu. Waqt li hemm regoli u regolamenti dwar il-lingwi, s'issa m'hemm l-ebda politika lingwistika koerenti li torbot legalment għall-UE, la fil-livell ta' l-istituzzjonijiet u lanqas fl-istati membri.

Id-dispożizzjonijiet għad-drittijiet lingwistiċi tal-bniedem m'humiex ugwali fl-UE. Din l-anomalija hija aggravata iktar bil-mod kif l-istati għall-adeżjoni jridu jissodisfaw kriterji minimi dwar id-drittijiet lingwistiċi fir-rigward ta' lingwi użati anqas u minoranzi nazzjonali. Iżda, hemm stati membri 'antiki' li kieku kienu fil-proċess li japplikaw biex isiru membri ta' l-UE llum, assolutament ma jissodisfawx il-kriterji. Din l-anomalija mhix ġusta ma' l-istati membri l-ġodda u lanqas mal-komunitajiet RML u barra minn hekk turi li l-UE timxi b'żewġ kejlijiet.

Għax aktar multilingwiżmu jfisser li jkun hemm politiki proattivi favur il-lingwi Ewropej mhux daqstant użati inklużi lingwi ta' l-Istati Membri bħall-Estonjan u d-Daniż, kif ukoll lingwi nazzjonali bħall-ilsien Bask u l-lingwa Ċeltika ta' Wales.

Ma tantx huwa utli, kif il-Kummissjoni tirrikonoxxi, li aktar nies ikunu multilingwi meta t-tieni jew it-tielet lingwa tagħhom hija l-Ingliż. Dan se jwassal għal predominanza u tisħiħ saħansitra ikbar ta' l-użu ta' l-Ingliż bħala l-lingua franca ta' l-UE. Li għandha tkun qed tinkuraġġixxi, pereżempju, huwa fejn in-nies ikunu jistgħu jitgħallmu ilsna minbarra l-grupp lingwistiku tagħhom, bħal nies li jitkellmu bl-ilsien Ċeltiku ta' Wales li jitgħallmu l-Pollakk. It-tagħlim ta' l-Ingliż huwa fih innifsu industrija dinamika u li tagħmel il-qligħ, stati fejn l-Ingliż huwa l-ilsien omm (eż. ir-Renju Unit - l-Ingilterra, l-Istati Uniti) diġà qed jibbenefikaw minn dan, u m'għandux bzonn ta' aktar għajnuna mill-UE.

Barra minn hekk, hemm bżonn tinħoloq lista ta' lingwi Ewropej fil-periklu sabiex il-lingwi l-iktar fil-bżonn ikunu jistgħu jiġu identifikati, u permezz ta' politiki proattivi, jirċievu l-akbar għajnuna.

Hemm bżonn ta' Ombudsman ta' l-UE għal-Lingwi fuq il-mudell tal-Kummissarju Kanadiż għal-Lingwi. Fil-Kanada l-Kummissarju Kanadiż għal-Lingwi Uffiċjali jippromwovi u jappoġġja l-għanijiet ta' l-Att Kanadiż dwar il-Lingwi Uffiċjali; jinvestiga ilmenti dwar drittijiet lingwistiċi; jivverifika istituzzjonijiet tal-gvern federali biex jiżgura l-konformità tagħhom ma' l-Att dwar il-Lingwi Uffiċjali; jiżgura li d-drittijiet lingwistiċi jibqgħu jingħataw attenzjoni ewlenija mill-mexxejja tal-gvern; u jippromwovi l-użu taż-żewġ lingwi uffiċjali fil-gvern federali u fis-soċjetà Kanadiża. [3]

Minkejja li l-Kummissjoni warrbet l-Aġenzija għad-Diversità Lingwistika u għat-Tagħlim tal-Lingwi, ta' min jinsisti mill-ġdid fuq il-ħolqien tagħha bl-isem ġdid ta' Aġenzija għall-Multilingwiżmu. Parti mill-mandat tagħha jkun jinkludi t-twaqqif ta' netwerk dwar ċentri speċjalizzati fir-riċerka u l-promozzjoni tad-diversità lingwistika.

Il-lingwi Ewropej kollha għandhom isiru lingwi uffiċjali fl-UE. Dan ikun parti minn pjan lingwistiku ta' l-UE u jista' jintlaħaq billi jitnaqqas in-numru ta' lingwi operattivi b'mod sħiħ kif de facto diġà hija s-sitwazzjoni. Sempliċiment mhux aċċettabbli li jkun hemm lingwi ta' l-istat biss. Stejtus uffiċjali għal-lingwa ta' dak li jkun jibgħat messaġġ ċar liċ-ċittadini Ewropej kollha li huma se jkunu ttrattati ndaqs u jista' biss itejjeb il-konnessjoni bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha. Madwar 10% (46 miljun) tal-popolazzjoni ta' l-UE, il-kelliema tal-lingwi reġjonali u tal-minoranzi ta' l-UE, huma mġiegħla jużaw l-ilsien ta' l-Istat Membru u mhux l-ilsien nattiv tagħhom meta jkollhom x'jaqsmu ma' l-UE.

Il-Komunikazzjoni tistipula li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ l-UE 'bil-lingwa nazzjonali tagħhom stess' u jieħdu sehem fil-proġett ta' l-UE 'mingħajr ma jiltaqgħu ma’ xi ostakolu tal-lingwa', iżda immedjatament tikkontradixxi lilha nnifisha billi tirrestrinġi dawn il-lingwi għal-lingwi uffiċjali[4] ta' l-istati membri biss. Qed teskludi madwar 10% tal-popolazzjoni ta' l-UE f'daqqa. Il-lingwa Ċeltika ta' Wales hija l-lingwa nazzjonali ta' Wales, l-ilsien Bask huwa l-lingwa tan-nazzjon Bask, iżda dawn ma jistgħux jintużaw. Biex tintlaħaq il-leġittimità demokratika u t-trasparenza l-UE trid tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tagħha fil-lingwi Ewropej kollha. Din id-dikjarazzjoni tagħti lok għal mistoqsijiet kbar dwar eżattament il-Kummissjoni x'tiddefinixxi bħala 'multilingwiżmu' - qed titkellem biss dwar lingwi uffiċjali? Jekk hu hekk, din id-definizzjoni mhix aċċettabbli.

  • [1]  Madankollu, id-diskors tas-Sur Figel waqt il-konferenza reċenti dwar l-ilsna reġjonali u minoritarji fl-edukazzjoni implika li dan issa huwa aktar probabbli li jseħħ.
  • [2]  Hemm madwar 46 miljun persuna fl-Ewropa, li jagħmlu madwar 10% tal-popolazzjoni ta' l-UE, li jitkellmu ilsna reġjonali jew minoritarji.
  • [3]  Ara http://www.ocol-clo.gc.ca/rights_droits.asp?Lang=English, http://canadaonline.about.com/cs/bilingualism/g/commol.htm
  • [4]  Il-lingwi li għandhom jintużaw fl-UE huma attwalment iddeterminati mir-regola Nru. 1 tat-Trattat KEE ta' l-1958.

PROĊEDURA

Titolu

Strateġija ta’ qafas ġdida għall-multilingwiżmu

Numru tal-Proċedura

2006/2083(INI)

Kumitat responsabbli
  Awtorizzazzjoni tad-data mħabbra fis-seduta plenarja

CULT
6.4.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE
6.4.2006

EMPL
6.4.2006

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

ITRE
25.4.2006

EMPL

14.12.2005

 

 

 

Tisħiħ tal-koperazzjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Bernat Joan i Marí

23.1.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

20.6.20006

 

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

9.10.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

26

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia I Cutchet, Ivo Belet, Guy Bono, Marielle De Sarnez, Marie-Hélène Descamps, Jolanta Dičkutė, Hanna Foltyn-Kubicka, Milan Gaľa, Vasco Graça Moura, Lissy Gröner, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Bernat Joan i Marí, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Pál Schmitt, Nikolaos Sifunakis, Thomas Wise

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ignasi Guardans Cambó, Gyula Hegyi, Reino Paasilinna, Sérgio Sousa Pinto, Grażyna Staniszewska, Catherine Trautmann, Alejo Vidal-Quadras Roca

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Harald Ettl, Gérard Onesta

Data tat-tressiq

23.10.2006

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)