RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill, f'isem il-Komunità Ewropea, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni

26.10.2006 - (COM(2006)0082 – C6‑0105/2006 – 2006/0023(CNS)) - *

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Giusto Catania

Proċedura : 2006/0023(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0380/2006
Testi mressqa :
A6-0380/2006
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill, f'isem il-Komunità Ewropea, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni

(COM(2006)0082 – C6‑0105/2006 – 2006/0023(CNS))

(Proċedura ta’ konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2006)0082),

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tal-31 ta' Ottubru 2003,

–    wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b’mod partikolari l-Artikoli 47(2), 57(2), 95, 107(5), 179, 181a, 190(5), 195(4), 199, 207(3), 218(2), 223 l-aħħar paragrafu, 224 il-paragrafu ta' qabel ta' l-aħħar, 225a il-paragrafu ta' qabel ta' l-aħħar, 245(2), 248(4) l-aħħar paragrafu, 255(2), 255(3), 260 it-tieni paragrafu, 264 it-tieni paragrafu, 266 l-aħħar paragrafu, 279, 280, 283 u 300(2) l-ewwel paragrafu tiegħu,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, skond liema l-Kunsill ikkonsulta mal-Parlament (C6-0105/2006),

–    wara li kkunsidra r-Regoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju (A6-0380/2006),

1.  Japprova l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill kif emendata u japprova għeluq tal-ftehima;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-KummissjoniEmendi tal-Parlament

Emenda 1

Premessa 4 a (ġdida)

 

(4a) Huwa ta' l-akbar importanza li l-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux hekk, jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni mingħajr aktar dewmien,

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-korruzzjoni ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, is-sistema ġudizzjarja u tippermetti l-kriminalità organizzata tikber. Hija ta' ħsara għall-immaniġġjar trasparenti ta' affarijiet pubbliċi u ddgħajjef il-kunfidenza u l-kredibilità fl-istituzzjonijiet demokratiċi. Hi ta' spiss użata bħala mezz ta' influwenza jew tħaffif ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi jew amministrattivi. Għalhekk hi tinfirex permezz ta' burokrazija eċċessiva u nuqqas ta' linearità ta' proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet użati minn amministrazzjoni pubblika.

Tweġġa' aktar lil min hu fqir u għandha effett devastanti fuq l-iżvilupp: il-korruzzjoni twassal għal tnaqqis ta' effettività fl-għajnuna, għall-malnutrizzjoni, għal żbilanċ fis-sistemi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni, għal riskju akbar ta' negozju u għal inqas investiment dirett minn barra.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'dawn l-aħħar snin saret waħda mill-ogħla prijoritajiet politiċi ta' l-UE, kemm fl-affarijiet interni tagħha kif ukoll fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi kandidati jew ma' pajjiżi terżi.

Il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC)

Fl-2000, l-Assemblea Ġenerali tan-NU ddeċidiet li tistabbilixxi kumitat ad hoc sabiex ifassal strument legali internazzjonali kontra l-korruzzjoni li jkun indipendenti mill-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (UNTOC). Il-kumitat ad hoc innegozja il-Konvenzjoni bejn Jannar 2002 u Ottubru 2003. Il-KE rrappreżentat l-interessi tal-Komunità Ewropea u hija tal-fehma li l-objettivi stipulati mill-Kunsill intlaħqu. It-test tal-UNCAC ġie adottat f'Ottubru 2003. It-trattat daħal fis-seħħ f'Diċembru 2005 wara it-30 ratifikazzjoni.

Fil-15.09.05, il-KE u l-Presidenza tal-Kunsill iffirmaw il-Konvenzjoni f'isem il-Komunità Ewropea. L-Istati Membri kollha ta' l-UE ta' bħalissa u l-istati fi proċess ta' adeżjoni ffirmaw il-konvenzjoni, bl-eċċezzjoni tas-Slovenja u ta' l-Estonja. Ir-ratifikazzjoni diġà saret minn: l-Awstrija, il-Finlandja, Franza, l-Unġerija, il-Latvija, il-Polonja, is-Slovakja, Spanja, ir-Renju Unit, il-Bulgarija, ir-Rumanija, u l-Kroazja.

L-UNCAC hija pass ieħor 'l quddiem fi strateġija dinjija għal ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u tidħol perfettament fl-UNTOC. Għalhekk hu ta' importanza deċisiva, bl-għan li tiġi żgurata azzjoni effettiva sabiex tinqered il-kriminalità organizzata, li ż-żewġ konvenzjonijiet jiġu rratifikati kemm mill-Istati Membri kollha kif ukoll mill-UE.

L-iffirmar ta' l-UE tal-UNCAC u x-xewqa li tkun approvata l-konkluzjoni finali tagħha huma kompletament fuq il-linja t-tajba sabiex il-politika li tistabbilixxi żona komuni ta' ħelsien, ta' siġurtà u ta' ġustizzja timxi 'l quddiem.

l-Artikolu 29(2) tat-TUE jinkludi l-korruzzjoni fost t-tipi ta' kriminalità li hemm bżonn li jkunu evitati u miġġielda bl-għan li tiġi implimentata ż-żona komuni.

Aktar minn hekk, il-formulazzjoni ta' politika globali kontra l-korruzzjoni ssemmiet bħala għan ta' prijorità fil-Pjan ta' Azzjoni biex tkun miġġielda l-kriminalità organizzata, adottata mill-Kunsill fl-1997.

Kontenut tal-UNCAC

Il-Konvenzjoni tapplika għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta' korruzzjoni u għall-iffriżar, għall-qbid, għall-konfiskar u għar-ritorn tad-dħul minn offiżi.

Il-korruzzjoni tista' tiġi mħarrka wara l-fatt, imma l-ewwel u qabel kollox teħtieġ prevenzjoni. L-UNCAC fiha miżuri bħal:

§ kodiċi ta' kondotta għal uffiċjali pubbliċi, miżuri sabiex tkun żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura,

§ kriterji oġġettivi għar-reklutaġġ u għall-promozzjoni ta' ħaddiema taċ-ċivil, għal akkwist pubbliku,

§ promozzjoni tat-trasparenza u ta' l-akkontabilità fl-immaniġġjar ta' finanzi pubbliċi u fis-settur privat,

§ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

Titratta wkoll il-ħolqien ta' offiżi kriminali li għandhom x'jaqsmu ma' korruzzjoni u mal-koperazzjoni internazzjonali, filwaqt li tipprovdi għal sistema effettiva ta' assistenza legali reċiproka. Fil-preżent, ħafna kawżi ta' kontra il-korruzzjoni jiġu abbandunati għaliex in-nuqqas ta' koperazzjoni bejn il-pajjiżi jagħmilha impossibbli li tiġi segwita r-rotta tal-flus. F'dan l-aspett, il-konvenzjoni hi innovattiva ħafna minħabba l-inklużjoni, għall-ewwel darba, tal-kunċett ta' koperazzjoni internazzjonali għal-irkupru ta' assi misruqa. L-Istati Aderenti għandhom jikkoperaw fi kwistjonijiet kriminali f'varjetà ta' sitwazzjonijiet deskritti fil-Konvenzjoni. L-Istati Aderenti jistgħu wkoll imexxu investigazzjonijiet konġunti u jagħmlu użu ta' tekniki investigattivi speċjali bħal sorveljanza elettronika.

L-UNCAC fiha miżuri li jippromwovu l-irkupru ta' assi, li huwa pass fundamentali 'l quddiem. Il-Konvenzjoni żżid it-tama li fondi trasferiti barra mill-pajjiż minn kapijiet korrotti li jkun serqu mill-ġid nazzjonali, jistgħu jinġabu lura fil-pajjiżi minn fejn ikunu nsterqu. Din hi kwistjoni partikularment importanti għal ħafna pajjiżi li għadhom jiżviluppaw.

Istituzzjonijiet finanzjarji huma mħeġġa sabiex jivverifikaw l-identità ta' sidien ta' kontijiet b'valur għoli sabiex jagħmluha aktar diffiċli għal uffiċjali korrotti li jaħbu l-qliegħ illeċitu tagħhom.

Il-Konvenzjoni tistabbilixxi d-dritt tal-persuni li jkunu ġarbu ħsara mill-korruzzjoni biex jagħtu bidu għal proċeduri legali kontra l-partijiet responsabbli.

Konferenza ta' l-Istati Aderenti hi stabbilita biex ittejjeb il-koperazzjoni bejn l-Istati Aderenti, biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-Konvenzjoni u biex tippromwovi u tirrevedi l-implimentazzjoni tagħha.

Il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill

L-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill jipprovdi għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea. Il-proposta tapprova l-Konvenzjoni u tawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar persuna biex tiddepożita l-istrument ta' ratifika u biex tagħmel dikjarazzjoni tal-kompetenza tal-Komunità.

It-test tad-dikjarazzjoni qiegħed imfassal fl-Anness II tad-Deċiżjoni. Jinnota li l-Komunità għandha kompetenza esklussiva f'dik li hija l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess, biex tiżviluppa standards ta' kondotta għall-uffiċjali tagħha u tipprevjeni l-korruzzjoni. Id-dikjarazzjoni tgħid ukoll li l-Komunità għandha kompetenza fir-relazzjoni mas-suq intern u għal dan l-għan adottat miżuri biex tiżgura aċċess indaqs għall-għoti ta' kuntratti u swieq pubbliċi, biex tipprovdi għal standards għall-kontabilità u għall-verifika u miżuri dwar ħasil ta' flus.

L-opinjoni tar-Rapporteur

Il-UNCAC mhix dikjarazzjoni oħra dwar il-korruzzjoni; hi dokument li jitratta b'mod espliċitu ma' aspetti kritiċi tal-kwistjoni tal-korruzzjoni. Fid-dinja globalizzata tagħna, dan huwa l-ewwel strument verament globali mfassal biex jittratta l-korruzzjoni.

Mandankollu, il-Konvenzjoni hi r-riżultat ta' negozjati diffiċli u mhix perfetta. Minkejja dan, hu essenzjali li finalment tiġi adottata u implimentata.

Ir-rapporteur jiddispjaċih mill-fatt li l-UNCAC ma tkoprix b'mod sodisfaċenti kwistjonijiet bħall-kriminalizzazzjoni ta' tixħim passiv ta' uffiċjali pubbliċi internazzjonali u l-monitoraġġ effettiv tal-Konvenzjoni.

Mandankollu, il-potenzjal tal-Konvenzjoni hu ta' min jikkonsidrah u hu bidu tajjeb. F'dan l-istadju, ratifikazzjoni immedjata mill-UE hi importanti għaliex tiżġura l-parteċipazzjoni tagħha fil-konferenza li se tiltaqgħa biex tiddeċiedi dwar l-implimentazzjoni tal-UNCAC. Madankollu, il-PE jiddispjaċih li ġie kkonsultat biss. Huwa prinċipalment ta' l-opinjoni li, meta l-Komunità Ewropea issir firmatarja ta' ftehima internazzjonali, il-PE għandu jkun mistieden jagħti l-kunsens tiegħu.

Il-korruzzjoni hi ta' ħsara għall-prinċipji demokratiċi, u l-UNCAC tista' tkun mezz ta' ġlied kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, li hi r-raġuni għalfejn l-istrumenti kollha li hemm dispożizzjoni għalihom fit-Trattati jeħtieġ li jkollhom l-istess għan li jqisu l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni fattur sinifikanti fl-evalwazzjoni ta' l-effiċjenza ta' l-amministrazzjoni pubblika.

Ir-rapporteur jikkonsidra li, bl-għan li jiżgura l-effettività ta' l-istrumenti tal-UNCAC, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat li amministraturi pubbliċi joperaw b'mod trasparenti u jsaħħu l-koperazzjoni bejn l-istati membri fl-oqsma kollha tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż il-prevenzjoni u l-infurzar. L-OLAF għandu jkollu rwol importanti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. Għalhekk, ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti rapport lill-PE dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fuq bażi annwali u dan fi ħdan il-qafas tar-rapport annwali dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

Il-Kunsill għandu wkoll jippreżenta proposta għal deċiżjoni li tistabbilixxi Netwerk Ewropew Kontra l-Korruzzjoni mingħajr dewmien.

Aktar minn hekk, għandu jitwaqqaf korp magħmul minn avukati, akkademiċi legali u esperti rikonoxxuti biex ikunu ġaranti għat-trasparenza u l-imparzjalità ta' l-amministrazzjoni ta' l-UE fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jiżguraw li jsiru tfittxijiet kif suppost dwar l-assi ta' impjegati ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju ta' kunfidenzjalità. Korpi simili jistgħu jkunu stabbiliti fuq livelli nazzjonali u deċentralizzati ta' amministrazzjonijiet pubbliċi. Dawn ikunu jistgħu jassessjaw informazzjoni u dejta dwar nuqqas ta' qadi tad-dmir ta' l-imparzjalità u telf ta' dħul possibbli kkawżat minn uffiċjali pubbliċi.

Ir-rapporteur jilqa' u jsegwi b'interess l-inizzjattiva ta' l-Organizzazzjoni Globali ta' Parlamentarji kontra l-Korruzzjoni (GOPAC) biex tiżviluppa ideat u proposti għal kodiċi tal-kondotta għall-Parlamentarji, b'hekk telabora fuq il-paragrafu 8 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni.

Impjegati pubbliċi li huma suġġetti għal proċeduri legali jistgħu jiġu trasferiti għal post ieħor, biex jiġi evitat li l-offiża imsemmija terġa' tirrepeti ruħha. Jekk, però, xi ħadd jiġi mħarrek b'offiża li tippreġudika lil amministrazzjoni pubblika, għandu jkun possibbli li dan jitkeċċa.

L-irkupru ta' assi huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-UNCAC. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-tfittxija dwar l-assi ta' uffiċjali pubbliċi.

Ir-rapporteur jikkonsidra li l-attenzjoni għandha tiffoka mhux biss fuq l-impjegati ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE kollha, imma wkoll fuq l-oqsma politiċi. L-assi u d-dħul ta' l-MEPs u tal-Membri tal-Kummissjoni għandhom ikunu pubbliċi ukoll.

Il-kumpaniji privati għandhom jiġu wkoll investigati, imħarrka u jitniżżlu fuq lista ta' kumpaniji mhux affidabbli fil-każ ta' provi ta' prattiċi korrotti, irrispettivament mil-liema pajjiż ikunu ġejjin.

Il-Konvenzjoni hi kisba ta' importanza kbira li diġà rċiviet ħafna appoġġ, minħabba n-numru kbir ta' pajjiżi firmatarji. Imma l-impatt tal-Konvenzjoni se jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva tagħha. L-impenji diplomatiċi jridu jissarrfu f'azzjoni reali u trid tinħoloq kultura kontra l-korruzzjoni fuq il-livelli kollha tas-soċjetà.

Il-monitoraġġ ukoll se jkun essenzjali. Għalhekk, l-UE għandha ssib soluzjoni: jew tipparteċipa fil-GRECO, jew tinstalla mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' l-UE bbażat fuq reviżjonijiet bejn pari.

Ir-rapporteur jistieden lill-istati membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex jikkonfermaw l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, f'isem l-onestà, ir-rispett ta' l-istat tad-dritt, ta' l-akkontabilità u tat-trasparenza, għal dinja aħjar għal kulħadd.

ITTRA MINN SZABOLCS FAZAKAS, CHAIRMAN TAL-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Għażiż kollega,

Fit-3 ta' April 2006 il-Kunsill talab lill-Parlament Ewropew biex jagħti opinjoni, skond l-Artikolu 300, paragrafi 2 u 3, dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, dwar il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC)

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-bidu ddeċieda, fl-20 ta' April 2006, jagħti opinjoni, bi qbil ma l-Anness VI, V, paragrafu 5 tar-regoli ta' Proċedura tal-Parlament. Madankollu, minħabba r-restrizzjonijiet tal-ħin, il-kumitat irreveda d-deċiżjoni inizjali tiegħu u għażel li jħejji opinjoni f'forma ta' ittra fit-12 ta' Lulju 2006.

Sfond tal-proposta tal-Kummissjoni

Fir-Riżoluzzjoni 55/61 tagħha ta' l-4 ta' Diċembru 2000, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għarfet li jkun tajjeb li jkun hemm strument legali internazzjonali kontra l-korruzzjoni u ddeċidiet li tistabilixxi kumitat ad hoc għan-negozjat tat-tali strument. Negozjati dwar l-UNCAC, li l-Kummissjoni ħadet sehem attiv fihom meta kienu involuti l-elementi ta' kompetenza Komunitarja, tlestew f'Ottubru 2003.

It-test ta' l-UNCAC ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-58 sessjoni tiegħu f'Ottubru 2003, u nfetaħ għall-firem f'konferenza politika ta' livell għoli f'Mérida, il-Messiku mid-9 sal-11 ta' Diċembru 2003.

Peress li l-UNCAC m'hux miftuħ għall-firem biss mill-Istati iżda wkoll minn organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika, bħal ma hi l-KE, il-Kunsill awtorizza l-firma tiegħu, f'isem il-Komunità Ewropea. L-UNCAC ġiet iffirmata, f'isem il-Komunità Ewropea, fi New York fil-15 ta' Settembru, 2005.

Kontenut u skop ta' l-UNCAC

L-Artikolu 1 ta' l-UNCAC jistipula li

"L-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni huma:

(a)     li jiġu promossi u msaħħa miżuri sabiex jipprevenu u jikkombattu l-korruzzjoni b'mod aktar effiċjenti u effettiv;

(b)     li jiġu promossi, iffaċilitati u appoġġjati l-koperazzjoni internazzjonali u l-assistenza teknika fil-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż l-irkupru ta' assi;

(c)     biex jiġu promossi l-integrità, l-akkontabilità u l-immaniġġjar xieraq ta' affarijiet pubbliċi u propjetà pubblika."

L-UNCAC fiha dispożizzjonijiet dwar il-korruzzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità. Dawn id-dispożizzjonijiet huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità li japplikaw għall-amministrazzjoni pubblika tal-Komunità, u bl-acquis Komunitarju rilevanti.

1.  L-UNCAC fiha dispożizzjonijiet li jistipulaw obbligi fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tas-settur pubbliku tal-Istati Aderenti (Kapitolu II), li fil-prinċipju huma suxxettibbli li jiġu applikati lill-Komunità Ewropea, ladarba tkun saret parti mill-Konvenzjoni (Artikolu 67 paragrafu 2). Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 2 (a) tal-Konvenzjoni jiddefinixxi "uffiċjal pubbliku" bħala "kwalunkwe persuna li għandha mandat leġiżlattiv, eżekuttiv, amminsitrattiv jew ġudizzjarju ta' Stat Aderenti..." din id-definizzjoni għandha tinkludi uffiċjali tal-Komunità Ewropea ladarba din tkun daħlet tipparteċipa fil-Konvenzjoni.

2.  L-acquis Kommunitarju jagħmel dispożizzjonijiet għal miżuri sabiex ikun żgurat il-moviment ħieles ta' prodotti, kapital u servizzi li jinkludu leġiżlazzjoni ta' l-akkwist pubbliku bl-għan li jkunu żgurati t-trasparenza u l-aċċess indaqs tal-kandidati kollha għall-kuntratti pubbliċi u swieq tas-servizzi filwaqt li jiġu mxekkla l-frodi, il-korruzzjoni u kollużjoni bejn dawk li jippreżentaw offerti. L-aquis Kommunitarju jinkludi wkoll miżuri dwar kontabilità u verifika. Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jaffettwaw dawn l-istrumenti, il-Komunità għandha kompetenza esklussiva li taċċetta l-obbligi internazzjonali korrispondenti.

3.  L-UNCAC tipprovdi għal standard għoli ta' miżuri sabiex jiġġieldu l-ħasil tal-flus li jikkonformaw ma' l-acquis Kommunitarju fuq miżuri biex jipprevenu li s-sistema finanzjarja, flimkien ma' istituzzjonijiet u professjonijiet oħra kkunsidrati li huma vulnerabbli, jiġu użati għall-ħasil tal-flus. Il-Komunità hija kompetenti fir-rispett ta' miżuri li jikkonċernaw il-koperazzjoni bejn l-Unitajiet Finanzjarji ta' Intelliġenza permezz tat-tielet Direttiva ta' kontra l-ħasil tal-flus. F'dan il-kuntest għandu jiġi osservat ukoll li l-Kummissjoni ssottomettiet proposta għal Regolament dwar Għajnuna Amministrattiva Reċiproka għall-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Kommunità kontra frodi u kull tip ieħor ta' attivitajiet illegali, inkluż il-ħasil tal-flus relatati ma' frodi Kommunitarji u korruzzjoni fl-UE, ibbażat fuq l-Artikolu 280 TEC.

4.  Il-politika tal-Kommunità fl-isfera ta' azzjoni esterna, inkluż il-koperazzjoni għall-iżvilupp u l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi oħra, tikkumplimenta l-politiki mfittxija mill-Istati Membri u tinkludi dispożizzjonijiet għal kontra l-korruzzjoni, pereżempju l-Artikolu 97 tal-Ftehima ta’ Sħubija ta’ Kotonou tat-23 ta' Ġunju 2000, emendat fit-23 ta' Frar 2005, li jipprovdi għal proċedura ta' konsultazzjoni "f'każijiet serji ta' korruzzjoni" bil-possibilità aħħarija tas-sospenzjoni ta' l-għajnuna.

Fl-aħħarnett, l-acquis Kommunitarju jinkludi wkoll l-iżvilupp ta' politiki u prattiċi mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej. Barra minn hekk, jassigura li l-eżistenza ta' korpi xierqa li jipprevenu l-korruzzjoni, bħall-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF), il-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri, l-Ombudsman, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Parlament Ewropew (Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) kif ukoll l-eżistenza ta' proċeduri xierqa, bħla ma huma dawk stipulati fl-Artikoli 22 (a) u 22 (b) tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-iżvelar ta' informazzjoni.

Pożizzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

· jilqa' l-fatt li l-Kommunità Ewropea ffirmat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni;

· f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill jappoġġja r-Regolament dwar Għajnuna Amministrattiva Reċiproka (COM(2004)509 finali), li ġie adottat mill-Parlament fl-ewwel qari fit-23 ta' Ġunju 2005 (ĠU C 133 tat-8 ta' Ġunju 2005); jiddispjaċih li ma kienx infurmat dwar in-negozjati fuq bażi regolari;

· huwa prinċipalment ta' l-opinjoni li meta l-Komunità Ewropea issir firmatarja ta' ftehima internazzjonali, il-Parlament għandu jissejjaħ biex jagħti l-kunsens, aktar milli jkun ikkonsultat;

· barra minn hekk huwa ta' l-opinjoni li l-Uffiċċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF) se jkollu rwol importanti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-UNCAC; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti rapport lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni fuq bażi annwali, fi ħdan il-qafas tar-rapport annwali dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

Dejjem tiegħek,

Szabolcs Fazakas

PROĊEDURA

Titolu

proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill, f'isem il-Komunità Ewropea, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni

Referenzi

COM(2006)0082 – C6-0105/2006 – 2006/0023(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

28.3.2006

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE
3.4.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO
3.4.2006

CONT
3.4.2006

DEVE
3.4.2006

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

IMCO
18.4.2006

DEVE
30.5.2006

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Giusto Catania
3.4.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Proċedura simplifikata – data tad-deċiżjoni  Data tad-deċiżjoni

 

Bażi legali kkontestata
  Data ta' l-opinjoni tal-JURI

 

 

 

Dotazzjoni finanzjarja emendata
  Data ta' l-opinjoni tal-BUDG

 

 

 

Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja

 

Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat tar-Reġjuni – data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja

 

Eżami fil-kumitat

20.6.2006

12.9.2006

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

23.10.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Alfredo Antoniozzi, Edit Bauer, Johannes Blokland, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Lívia Járóka, Barbara Kudrycka, Henrik Lax, Sarah Ludford, Edith Mastenbroek, Inger Segelström, Ioannis Varvitsiotis, Stefano Zappalà, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Giorgos Dimitrakopoulos, Sophia in 't Veld, Bill Newton Dunn, Siiri Oviir, Hubert Pirker, Marie-Line Reynaud, Antonio Tajani, Rainer Wieland

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq

26.10.2006

 

Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss)