RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde
22.11.2006 - (COM(2006)0363 – C6-0282/2006 – 2006/0122(CNS)) - *
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Duarte Freitas
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde
(COM(2006)0363 – C6-0282/2006 – 2006/0122(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill (COM(2006)0363)[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 37 u 300(2) tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0034/2006),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġit u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0395/2006),
1. Japprova l-proposta għal regolament tal-Kunsill kif emendata u japprova l-konklużjoni tal-ftehima;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tar-Repubblika ta' Kap Verde.
Test propost mill-Kummissjoni | Emendi tal-Parlament |
Emenda 1 Artikolu 3 A (ġdid) | |
|
Artikolu 3A Waqt l-aħħar sena ta' validità tal-Protokoll u qabel ma tiġi konkluża xi ftehima ġdida jew ma tiġi estiża l-ftehima attwali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tal-ftehima u l-kundizzjonijiet skond liema ġiet implimentata. |
Ġustifikazzjoni | |
Il-Parlament u l-Kunsill għandhom ikunu infurmati mill-Kummissjoni rigward ir-rapport ta' evalwazzjoni ġenerali għall-ftehima konċernata. Qabel ma jsir dan m'għandhomx jittieħdu passi biex tiġi negozjata ftehima ġdida dwar is-sajd jew biex tiġi estiża l-ftehima attwali. | |
Emenda 2 Artikolu 3 b (ġdid) | |
|
Artikolu 3b |
|
Il-Kummissjoni għandha tevalwa kull sena jekk l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom joperaw taħt il-Protokoll ikunux ikkonformaw mar-rekwiżiti ta' rappurtaġġ; |
Ġustifikazzjoni | |
Bastimenti li ma jikkonformawx ma' l-iżjed rekwiżit bażiku - ir-rappurtaġġ dwar dak li jinqabad - m'għandhomx jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju mill-UE. | |
Emenda 3 Artikolu 3 c (ġdid) | |
|
Artikolu 3c |
|
Kull sena il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-riżultati tal-programm settorjali plurijennali deskritt fl-Artikolu 7 tal-Protokoll. |
Ġustifikazzjoni | |
Sabiex jiġi evalwat jekk il-kumpens imħallas mill-UE hux ġustifikat kif suppost u jekk fil-fatt jippromwovix l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd f'Kap Verde, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament kull sena. |
- [1] Għadha mhux ippublikata fil-ĠU.
NOTA SPJEGATTIVA
FTEHIMIET TA' SAJD MA' PAJJIŻI TERZI:
Il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' sajd bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi tmur lura għas-snin sebgħin, wara li sar tibdil fil-Liġi tal-Baħar. F'dak iż-żmien, l-Istati Membri ddeċidew li jittrasferixxu l-kompetenza tagħhom f'dan il-qasam lill-Komunità (Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Novembru 1976), u minn dak iż-żmien, dehru l-ftehimiet ta' sajd fost il-kompetenzi esklussivi tal-Komunità.
Skond il-Politika Komuni għas-Sajd (CFP) il-ġdida, il-ftehimiet ta' sajd iridu jikkontribwixxu biex titjieb il-governanza globali fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar is-sajd permezz ta' l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali internazzjonali attwali u billi jissaħħu u jkunu promossi l-mekkaniżmi ta' koperazzjoni reġjonali. Għandhom jiżguraw ukoll approċċ bażat fuq sħubija mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Ladarba l-aċċess għall-flotta Komunitarja għall-stokk żejjed fiz-Zoni Ekonomiċi Esklussivi ta' pajjiżi terzi ġie mħaddan bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' l-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika esterna għas-sajd, hu mixtieq li tiġi żgurata l-konformità ma' għanijiet fundamentali oħra tas-CFP.
In-negozjazzjoni u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' sajd ma' pajjiżi terzi, kif ukoll it-tiġdid possibbli tagħhom, jilħqu l-għan globali għaż-żamma u s-salvagwardja tal-attivitajiet ta' sajd tradizzjonali tal-flotta Komunitarja, inkluża l-flotta għas-sajd fl-ilmijiet imbegħda. Dawn il-ftehimiet jippermettu wkoll li jiġu żviluppati relazzjonijiet fi spirtu ta' sħubija bl-intenzjoni li jissaħħaħ l-esplojtar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd 'il barra mill-ilmijiet Komunitarji, waqt li jitqiesu l-kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi marbuta ma' dawn il-proċessi.
FTEHIMIET TA' KOPERAZZJONI UE-ACP
L-ewwel ftehima bejn il-KE u l-pajjiżi tal-Grupp ACP ġiet konkluża fl-1957, flimkien mat-Trattati li waqqfu l-KE li ġew firmati f'Ruma, u ġiet segwita bil-Konvenzjonijiet Yaoundé I (1963) u Yaoundé II (1969).
Kien biss fl-1977, wara l-indipendenza, li r-Repubblika ta' Kap Verde ngħaqdet ma' dan il-mekkaniżmu ta' koperazzjoni mal-KE taħt il-Konvenzjoni Lomé I (ir-raba' EDF).
FTEHIMIET TA' SAJD UE-KAP VERDE
L-ewwel ftehima ta' sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde ġiet firmata fl-24 ta' Lulju 1990. Din il-ftehima, li kellha kamp ta' applikazzjoni ġenerali, kienet regolata minn protokolli speċifiċi ta' tliet snin li kienu jistipulaw l-obbligi u l-kontributi tal-partijiet kontraenti. Minn dak iż-żmien, ġew implimentati erba' protokolli: Protokoll I, mill-1999-1994; Protokoll II, mill-1994-1997; Protokoll III, mill-1999-2000; Protokoll IV, mill-2001-2004, sussegwentement estiż sat-30 ta' Ġunju 2005.
Fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, il-Ftehima ta' Sħubija attwali se tħassar u tissostitwixxi l-Ftehima ta' Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde li ilha fis-seħħ mill-24 ta' Lulju 1990.
L-IKTAR PROTOKOLL RIĊENTI (IV)
L-iktar protokoll riċenti li ġie implimentat fil-kuntest globali tal-Ftehima ta' Sajd bejn iż-żewġ partijiet ippermettiet lill-flotta Komunitarja biex taqbad 7000 tunnellata ħut fl-ilmijiet ta' Kap Verde. Il-kontribut finanzjarju dirett li tħallas lil Kap Verde (fit-tliet snin li oriġinalment dam il-Protokoll) wasal għal madwar EUR 2 040 000 (madwar 225 miljun escudo ta' Kap Verde).
EUR 280 000 oħra (bejn wieħed u ieħor 31 miljun escudo ta' Kap Verde) saru disponibbli biex jiġu finanzjati miżuri tekniċi u ta' taħriġ, b'mod speċifiku:
- Il-finanzjament ta' programmi xjentifiċi jew tekniċi biex jiġi promoss ftehim aħjar tar-riżorsi tas-sajd fiz-zona ekonomika esklussiva ta' Kap Verde (EUR 50 000);
- Il-finanzjament ta' premijiet għal studju u taħriġ prattiku fid-diversi dixxiplini xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi relatati mas-sajd (EUR 20 000);
- Il-kontribut biex jiġu koperti l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni f'korsijiet ta' taħriġ jew f'laqgħat internazzjonali dwar is-sajd (EUR 30 000);
- Il-kontribut lejn programmi ta' finanzjament biex jiġu żviluppati kontroll ta' kwalità għall-prodotti tas-sajd u monitoraġġ u sorveljanza tas-sajd (EUR 180 000).
FTEHIMA TA' SĦUBIJA ĠDIDA BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TA' KAP VERDE
Għanijiet:
L-għan ewlien tal-Ftehima ta' Sħubija ġdida huwa t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde, biex b'hekk jinħoloq qafas ta' sħubija li fih jistgħu jiġu żviluppati politika ta' sajd sostenibbli u esplojtazzjoni responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiz-zona għas-sajd ta' Kap Verde.
Il-ftehima l-ġdida għandha l-intenzjoni li tintegra l-investiment Ewropew f'Kap Verde, li tippromwovi l-iżvilupp ta' l-ekonomija ta' Kap Verde u li tiggarantixxi s-sorveljanza fl-ilmijiet ta' Kap Verde u l-integrazzjoni tal-ħaddiema ta' Kap Verde fil-flottot Ewropej.
Il-ftehima għalhekk tipprevedi li titħeġġeġ koperazzjoni ekonomika, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u fis-setturi relatati.
Zona ġeografika ta' applikazzjoni:
Il-ftehima attwali tapplika, min-naħa, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skond il-kundizzjonijiet stipulati f'dak it-Trattat, u mill-oħra, għat-territorju ta' Kap Verde.
Fuq il-bażi ta' dik il-ftehima, il-bastimenti Komunitarji jistgħu jistadu fiz-zona ekonomika esklussiva ta' Kap Verde lil hinn minn 12-il mil nawtiku mil-linja ta' bażi.
Perjodu ta' applikazzjoni, opportunitajiet għas-sajd u avvanzi u miżati li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti:
Il-ftehima attwali tapplika għal perjodu ta' ħames snin mid-data meta tidħol fis-seħħ u tista' tiġġedded għal perjodi addizjonali ta' ħames snin. Hija akkumpanjata minn Protokoll u anness li jistipulaw, għall-perjodu bejn l-1 ta' Settembru 2006 u l-31 ta' Awissu 2011, l-opportunitajiet għas-sajd u l-kontribut finanzjarju li tipprovdi għalihom il-Ftehima ta' Sħubija, flimkien mal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet ta' sajd mill-bastimenti Komunitarji fiz-zona għas-sajd ta' Kap Verde.
Il-Protokoll il-ġdid jippermetti sajd għat-tonn biss u l-liċenzji għas-sajd tnaqqsu minn 117 għal 84 bastiment għas-sajd Ewropew.
L-opportunitajiet għas-sajd huma:
- bastimenti għas-sajd tat-tonn bit-tartarun li jservu wkoll ta' friżers: 25 bastiment (Spanja 12; Franza 13), tnaqqis ta' 32% meta mqabbel mal-protokoll preċedenti;
- bastimenti li jistadu għat-tonn bil-qażba: 11-il bastiment (Spanja 7; Franza 4), tnaqqis ta' 39% meta mqabbel mal-protokoll preċedenti;
- bastimenti għas-sajd bil-konz tal-wiċċ: 48 bastiment (Spanja 41; Portugall 7), tnaqqis ta' 23% meta mqabbel mal-protokoll preċedenti;
Dawn il-liċenzji kollha huma relatati mas-sajd għat-tonn.
Avvanzi u miżati li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti:
- EUR 35 għall-bastimenti għas-sajd bit-tartarun u bil-konz (meta mqabblin mal-EUR 25 preċedenti) għal kull tunnellata ta' tonn li tinqabad fiz-zona għas-sajd ta' Kap Verde. Il-bastimenti li jistadu għat-tonn bil-qażba żammew miżata ta' EUR 25 minħabba n-natura artiġjanali tas-sajd tagħhom. L-avvanzi annwali ġew stabbiliti f'ammont ta' EUR 3950 għal kull bastiment għas-sajd tat-tonn bit-tartarun, EUR 500 għal kull bastiment għas-sajd tat-tonn bil-qażba u EUR 2900 għal kull bastiment għas-sajd bil-konz tal-wiċċ.
(+ 38 %, + 25 % u + 38 % rispettivament).
Kontribut finanzjarju u metodi ta' ħlas:
Il-Komunità qed tagħti lil Kap Verde kontribut finanzjarju uniku kalkulat fuq il-bażi ta' żewġ komponenti relatati:
(a) Aċċess għall-bastimenti Komunitarji għaz-zoni għas-sajd ta' Kap Verde
(b) Appoġġ finanzjarju Komunitarju biex jiġu promossi s-sajd responsabbli u l-esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi għas-sajd fl-ilmijiet ta' Kap Verde.
Għall-perjodu tal-Ftehima, il-Komunità impenjat ruħha biex tħallas EUR 325 000 fis-sena għal kull 5000 tunnellata ħut li jinqabdu u EUR 60 000 fis-sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' l-inizjattivi li ttieħdu fil-kuntest tal-politika għas-sajd settorjali ta' Kap Verde.
It-total ta' dawn l-ammonti huwa ta' EUR 385 000 u għandu jitħallas annwalwment mill-Komunità waqt il-perjodu ta' applikazzjoni tal-Protokoll.
Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju jrid isir sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2006 għall-ewwel sena u mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2007, 2008, 2009 u 2010 għas-snin ta' wara.
80% ta' l-ammont totali tal-kontribut finanzjarju stabbilit, i.e. EUR 308 000, irid jiġi allokat kull sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi biex jiġi promoss is-sajd sostenibbli u responsabbli fil-kuntest tal-politika għas-sajd settorjali mfassla mill-Gvern ta' Kap Verde.
Dan ifisser li l-Ftehima l-ġdida m'għadhiex tkopri miżuri mirati; minklok tipprevedi appoġġ finanzjarju globali għall-implimentazzjoni ta' inizjattivi li ttieħdu fil-kuntest tal-politika għas-sajd settorjali li tfasslet mill-Gvern ta' Kap Verde.
Il-Ftehima l-ġdida tipprevedi wkoll sistema ta' inċentivi għall-bastimenti Komunitarji li jħottu fil-portijiet ta' Kap Verde.
Monitoraġġ u Kontroll:
- Il-Protokoll dwar is-Sistema għall-Monitoraġġ tal-Bastimenti annessa mal-Ftehim tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ b'satellita tal-bastimenti għas-sajd Komunitarji li joperaw fiz-zona ekonomika esklussiva ta' Kap Verde, biex b'hekk tiġi sodisfatta talba li ilha pendenti min-naħa ta' Kap Verde.
Is-sistema għal-lokalizzazzjoni tal-bastimenti għandha tkun fis-seħħ sa mhux aktar tard minn 15-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehima.
- Il-Ftehima tipprevedi wkoll l-istabbiliment ta' Kumitat Konġunt biex jimmoniterja l-applikazzjoni tagħha.
Konklużjonijiet
Din il-ftehima tifforma parti mill-approċċ ġdid bażat fuq sħubija għad-dimensjoni esterna tal-politika komuni għas-sajd, kif proposta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u approvata mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Lulju 2004. Il-ftehimiet ta' sħubija l-ġodda huma intenzjonati biex jikkontribwixxu għall-konsistenza ta' l-għanijiet derivati mill-politiki għas-sajd, għall-ambjent u għall-koperazzjoni għall-iżvilupp. L-iskop hu li jiġu rikonċiljati l-ħarsien ta' l-interess ta' l-industrija tas-sajd Ewropea u l-manteniment tal-flotta tagħha fl-ilmijiet imbegħda - bir-rispett dovut għall-prinċipji ta' sajd responsabbli u sostenibbli - bil-ħolqien jew it-titjib tal-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jesplojtaw ir-riżorsi tal-baħar tagħhom, waqt li jiżdied il-valur miżjud lokali tagħhom u waqt li jiġi żgurat li jitħallas prezz ġust għall-opportunitajiet għas-sajd li jingħataw lill-flotta Komunitarja.
Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-mod kif jitpoġġa l-kliem jirrifletti s-sustanza reali tal-Ftehima, f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasparenza, u sabiex issir għassa kontra l-possibilità ta' tilwim u ftehim ħażin fl-implimentazzjoni u l-kontroll, li jistgħu jagħmlu ħsara kemm lill-flotta Komunitarja u kemm lir-relazzjonijiet ta' sajd bejn l-UE u pajjiżi terzi.
Ir-rapporteur jilqa' r-rispett komplet li ntwera għas-sovranità ta' Kap Verde fil-miżuri kollha li se jittieħdu taħt il-Ftehima u l-enfażi li tpoġġiet fuq id-djalogu politiku li għaddej bejn il-partijiet, kemm direttament u kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali relevanti, bil-ħsieb li jiġi trasferit u maqsum l-għarfien meħtieġ biex jiġu garantiti l-immaniġġjar responsabbli tar-riżorsi għas-sajd, l-iżvilupp tas-settur tas-sajd f'Kap Verde u l-promozzjoni tal-koperazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi tal-Komunità u ta' Kap Verde, liema relazzjonijiet ilhom jeżistu għal kważi 25 sena.
Ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, għal darb'oħra, il-Parlament ma ntalabx għall-opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett fi żmien utli, xi ħaġa li ta' spiss tagħmel il-konsultazzjoni utli u f'waqtha tal-Parlament diffiċli jew anke impossibbli (data għall-ewwel ħlas: 30 ta' Novembru 2006).
20.11.2006
(CNS)
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġit (20.11.2006)
għall-Kumitat għas-Sajd
dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehima ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde
(COM(2006)0363 – – C6‑0282/2006 – 2006/0122(CNS))
Rapporteur għal opinjoni: Helga Trüpel
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Din il-proposta mill-Kummissjoni hija l-iżjed sforz riċenti mill-isforzi kontinwi sabiex il- "ftehimiet dwar is-settur tas-sajd" jinbidlu fi "ftehimiet ta' sħubija dwar is-settur tas-sajd" hekk kif jiskadu l-protokolli ta' dawk ta' l-ewwel.
Il-protokoll il-ġdid se jippermetti aċċess għall-ibħra tal-Kap Verde għall-flotta tat-tonn ta' l-UE mill-1 ta' Settembru 2006 sal-31 ta' Awissu 2011 kif ġej:
|
2006-2011 |
2001-2005 |
|
Skejjen tas-sajd bit-tartarun |
25 (Spanja, Franza) |
37 |
|
Skejjen tas-sajd bil-konz tal-wiċċ |
48 (Spanja, Portugall) |
63 |
|
Skejjen li jistadu bil-konz |
11 (Spanja, Franza) |
18 |
|
Total |
84 |
118 |
|
Din tirrappreżenta tnaqqis fl-aċċess ta' kważi 30% fin-numru ta' bastimenti tas-sajd għat-tonn. L-ammont ta' tonn li l-flotot jistgħu jaqbdu huwa mnaqqas minn 7 000 tunnellata fis-sena għal 5 000 tunellata. Iżjed minn hekk, il-protokoll preċedenti kien jippermetti lill-Portugiżi jibagħtu diversi bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ f'din iz-zona, iżda din il-possibilità issa twaqqfet. Bħala kumpens għad-dritt tas-sajd, l-UE se tħallas lill-gvern tal-Kap Verde € 385 000 fis-sena. Dan jirrifletti l-fatt li inqas bastimenti se jitħallew jaqbdu inqas ħut għax il-kumpens stipulat fil-protokoll preċedenti kien € 680 000.
Minbarra l-kontribuzzjoni ta' l-UE, is-sidien tal-bastimenti jridu jħallsu miżati tal-liċenzja u l-Kummissjoni tikkalkula li għall-Kap Verde dawn jistgħu jammontaw għal € 243 450 oħra. Skond l-impenn ta' l-UE li żżid is-sehem ta' l-industrija fl-ispejjeż ta' dawn il-ftehimiet, il-miżata li s-sidien tal-bastimenti jħallsu għal kull tunnellata tonn li jiddikjaraw li jaqbdu żdiedet għal € 35 mill-€ 25 taħt il-protokoll ta' qabel. Filwaqt li żieda fis-sehem mill-ispejjeż trid tinġarr mis-settur, u din għandha tkun milqugħa, ta' min jinnota li f'ċerti ċirkostanzi, bħal meta l-kwota tat-tonn ma tintużax kollha, din l-iskema ġdida ta' ħlas tista' tfisser li l-pajjiż terz b'kollox jirċievi inqas flus.
Wieħed mill-iżviluppi potenzjalment ta' benefiċċju tal-"ftehimiet ta' sħubija dwar is-settur tas-sajd" hija bidla fil-mod kif jiġu allokati l-fondi. Skond ftehimiet preċedenti, il-pajjiż terz kellu jimpenja ruħu li jonfoq ammonti fissi ta' flus kull sena f'oqsma speċifiċi. Għalhekk, għall-protokoll preċedenti, il-Gvern tal-Kap Verde kellu jonfoq ċerti somom fuq programmi bħal riċerka xjentifika, monitoraġġ u sorveljanza u għat-titjib tal-kontroll fuq il-kwalità tal-prodotti tas-sajd. Il-Kummissjoni kellha diffikultà kbira biex tiżgura li l-flus jintefqu skond dawn l-impenji. Dan ma kienx ta' għajnuna għat-trasparenza jew għar-responsabbilità tal-ftehimiet u lanqas biex ikun hemm industriji tas-sajd responsabbli.
Fil-ftehimiet ġodda ta' sħubija, madankollu, se jkun hemm iżjed flessibilità. Se jkun hemm Kumitat Konġunt li jistabbilixxi "programm settorjali għas-sajd" plurijennali li se jiddeċiedi kif għandhom jintefqu, kull sena, it-80% tal-kumpens totali (i.e. € 308 000) li l-Kap Verde alloka għall-iżvilupp ta' sajd responsabbli. Għandhom jiġu ffissati għanijiet għall-programm u għandhom jiġu żviluppati proċeduri li jevalwaw kull sena r-riżultati miksuba. Dan l-approċċ il-ġdid għandu l-potenzjal li jtejjeb l-immaniġġjar tal-ftehim u, jekk l-informazzjoni ssir pubblika, it-trasparenza tiegħu wkoll. Il-Kumitat għall-Baġit jinsisti li jinżamm mgħarraf dwar dawn l-evalwazzjonijiet. Minħabba li dan huwa żvilupp ġdid fil-protokolli, għadu kmieni wisq biex jingħad jekk hux se jkun utli u jekk hux se jwassal għal sajd iżjed responsabbli u sostenibbli fil-Kap Verde. Għalhekk irridu nsegwu dan l-iżvilupp b'attenzjoni.
Aspett ieħor tal-ftehimiet ta' sħubija ġodda ta' l-UE dwar is-settur tas-sajd huwa l-ħtieġa li ssir evalwazzjoni ex post dettaljata tal-protokoll preċedenti. Il-Parlament irċieva s-sommarju eżekuttiv ta' l-evalwazzjoni u fih xi kummenti ta' tħassib li jkun xieraq li l-Kumitat għall-Baġit jagħtihom attenzjoni. Il-konsulenti nnotaw li:
• huwa diffiċli li jiġi evalwat l-impatt tas-sajd ta' l-UE fuq il-klieb il-baħar;
• ir-rapportar dwar il-qbid għal ċerti segmenti huwa fqir;
• m'hemmx tagħrif dwar is-segment tas-sajd tal-qiegħ, ftit li xejn dwar is-segment tas-sajd bil-konz u tagħrif mhux sħiħ dwar l-iskejjen tas-sajd bil-konz tal-wiċċ;
• ġeneralment l-ispeċi tat-tonn jinqabdu b'mod eċċessiv;
• il-qbid ta' fkieren huwa ta' tħassib.
Xi wħud minn dawn il-preokkupazzjonijiet ġew indirizzati waqt in-negozjati, minħabba li n-numru ta' bastimenti tas-sajd tat-tonn kien tnaqqas marġinalment u l-iskejjen tas-sajd bil-konz tal-qiegħ ma ġewx inklużi fil-protokoll il-ġdid, iżda l-Kummissjoni għandha tissorvelja dawn il-flotot sabiex tiżgura li jissolvew il-problemi l-oħrajn.
Minħabba li problema rikurrenti ewlenija f'din il-ftehima, kif ukoll f'diversi oħrajn, hija n-nuqqas ta' rappurtaġġ kif xieraq tal-qbid, qiegħda tiġi proposta emenda bil-għan li l-bastimenti li ma jirrappurtawx il-qbid tagħhom ma jibbenefikawx mill-għajnuna finanzjarja tal-Komunità.
EMENDI
Il-Kumitat għall-Baġit jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:
Test propost mill-Kummissjoni | Emendi mill-Parlament |
Emenda 1 Artikolu 3 a (ġdid) | |
|
Artikolu 3a |
|
Il-Kummissjoni għandha tevalwa kull sena jekk l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom joperaw taħt dan il-Protokoll ikunux ikkonformaw mar-rekwiżiti tar-rappurtaġġ; |
Ġustifikazzjoni | |
Bastimenti li ma jikkonformawx ma' l-iżjed rekwiżit bażiku, li jirrappurtaw dak li jaqbdu, m'għandhomx jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja ta' l-UE. | |
Emenda 2 Artikolu 3 b (ġdid) | |
|
Artikolu 3b |
|
Il-Kummissjoni għandha tgħarraf kull sena lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-riżultati tal-programm settorjali plurijennali deskritt fl-Artikolu 7 tal-Protokoll. |
Ġustifikazzjoni | |
Sabiex tevalwa jekk il-kumpens imħallas mill-UE jkunx intuża tajjeb u jekk fil-fatt ikunx jippromwovi l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd f'Kap Verde, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament kull sena. | |
Emenda 3 Artikolu 3 c (ġdid) | |
|
Artikolu 3c |
|
Qabel l-iskadenza tal-Protokoll u qabel il-bidu ta' negozjati ġodda għal xi tiġdid possibbli, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni ex post tal-Protokoll, li għandha tinkludi analiżi ta' l-ispejjeż u tal-benefiċċji. |
Ġustifikazzjoni | |
Evalwazzjoni tal-protokoll preżenti hija neċessarja qabel ma jibdew negozjati ġodda sabiex ikun magħruf liema bidliet, jekk ikun hemm, għandhom jiddaħħlu fi kwalunkwe tiġdid possibbli. |
PROĊEDURA
Titolu |
Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehima ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde |
||||||
Referenzi |
COM(2006)0363 – C6‑0282/2006 – 2006/0122(CNS) |
||||||
Kumitat responsabbli |
PECH |
||||||
Opinjoni mogħtija minn
|
BUDG |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
|
||||||
Rapporteur għal opinjoni: Data tal-ħatra |
Helga Trüpel 4.9.2006 |
||||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
|
||||||
Eżami fil-kumitat |
20.11.2006 |
|
|
|
|
||
Data ta' l-adozzjoni |
20.11.2006 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Reimer Böge, Simon Busuttil, Gérard Deprez, Brigitte Douay, Bárbara Dührkop Dührkop, James Elles, Louis Grech, Nathalie Griesbeck, Catherine Guy-Quint, Anne E. Jensen, Alain Lamassoure, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Mario Mauro, Jan Mulder, Gérard Onesta, Giovanni Pittella, Wojciech Roszkowski, Antonis Samaras, Esko Seppänen, László Surján, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter |
||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Hans-Peter Martin, Margarita Starkevičiūtė |
||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
||||||
(CNS)
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (5.10.2006)
għall-Kumitat għas-Sajd
dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima għas-Sħubija fis-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde
(COM(2006)0363 – C6‑0282/2006 – 2006/0122(CNS))
Rapporteur għal opinjoni: Luisa Morgantini
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-politiki ta' l-Unjoni Ewropea tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u ta' l-industriji tas-sajd komuni għandhom ikunu konsistenti, kumplimentari u kkoordinati, fil-waqt li flimkien jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-faqar tal-pajjiżi kkonċernati u għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom.
L-UE impenjat ruħha li tiżgura s-sostenibilità tas-settur tas-sajd fid-dinja kollha, kif ġie ddefinit fis-samit tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-2002 f'Johannesburg, billi ssostni jew treġġa' għal li kienu l-livelli ta' l-istokks bil-għan li jrendu l-produzzjoni massima sostenibbli.
L-UE aċċettat il-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-preżenza ta' l-UE f'zoni tas-sajd imbiegħda hija objettiv leġittimu, iżda wieħed għandu jiftakar li l-interessi tas-settur tas-sajd ta' l-UE jmisshom ikunu protetti b'mod parallel ma' l-interessi tan-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw li magħhom huma ffirmati ftehimiet dwar is-sajd.
Għalhekk aħna nilqgħu r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE tat-22 ta' Ġunju 2006 dwar is-settur tas-sajd u l-aspetti soċjali u ambjentali tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari kemm-il darba din tqis li l-ħarsien ta' l-interessi tas-sajd ta' l-UE u ta' l-ACP iridu jkunu kkoordinati, ma' l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali min-naħa u ma' l-għajxien tal-komunitajiet kostali li jiddependu mis-settur tas-sajd min-naħa l-oħra.
Inkomplu nisħqu fuq ir-referenza li saret fil-Ftehima dwar is-Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-ACP-UE għall-osservazzjoni tal-Ftehima ta' Cotonou. Ninsistu li għandu jittieħed kont sħiħ ta' l-Artikolu 9 tal-Ftehima ta' Kotonou, dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, it-tmexxija tajba u l-istat tad-dritt, u nilqgħu il-garanziji mogħtija mis-servizzi tal-Kummissjoni lill-Kumitat dwar l-Iżvilupp bl-effett li dawn għandhom iqisu l-kontenut ta' l-Artikolu 9 meta jkunu qed jinnegozjaw il-ftehimiet ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi pajjiżi li qed jiżviluppaw li m'humiex fl-ACP.
Il-ftehima proposta se tieħu post il-Ftehima bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde, li daħlet fis-seħħ f'Settembru 1991.
Il-ftehima proposta ġiet konkluża għal perjodu ta' ħames snin mid-data li fiha jitlestew il-proċeduri xierqa ta' adozzjoni. Tista' tiġi mġedda.
Il-protokoll għall-ftehima proposta jagħti possibbiltajiet ta' sajd għall-qbid tat-tonn bl-iskejjen tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, bl-iskejjen tas-sajd tat-tonn bit-tartarun li jintużaw bħala friżer u bl-iskejjen li jistadu bil-konz minn Spanja, il-Portugall u Franza, suġġett għal total ta' 84 liċenzja.
Il-kumpens finanzjarju hu ffissat għal EUR 325,000 fis-sena u jkopri l-piż ta' qabda ta' 5,000 tunnellata fis-sena. Ammont speċifiku ta' EUR 60,000 fis-sena hu mmirat għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi meħuda fil-kuntest tal-politika settorjali tas-setturi tal-ħut ta' Kap Verde.
Jekk b'kollox il-kwantità totali ta' qabdiet taqbeż il-5,000 tunnellata fis-sena, il-kontribuzzjoni finanzjarja tista' tkun irduppjata.
Il-miżati tas-sidien tal-vapuri jistgħu joħolqu dħul annwali addizzjonali ta' madwar EUR 243,500 miljun għal Kap Verde.
Aħna nilqgħu b'sodisfazzjon ir-rabta msemmija ma' l-inizjattivi nazzjonali u nisperaw li dawn ikunu jistgħu jinkludu l-iffinanzjar ta' proġetti ta' infrastruttura lokali għall-ipproċessar u għall-ikkummerċjalizzar tal-ħut, biex b'hekk il-popolazzjoni lokali tiżviluppa lil hinn mis-sajd li jservi biss biex wieħed ikollu x'jiekol.
Aħna nilqgħu wkoll il-fatt li l-ftehima hija bbażata fuq l-evalwazzjoni ta' l-industriji lokali tas-sajd u li trawwem koperazzjoni xjentifika u teknika ma' l-awtoritajiet lokali. Ir-riżoluzzjoni ta' l-ACP-UE msemmija hawn fuq tikkunsidra li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riżorsi għandha tkun prekundizzjoni għall-aċċess għas-sajd, u li evalwazzjoni annwali tar-riżorsi għandha tkun kundizzjoni sabiex jinkisbu aktar permessi tas-sajd. Aħna nħaddnu dan u nitolbu ż-żewġ partijiet sabiex iqisuh.
Aħna ma naqblux mal-proċedura adottata għal din il-ftehima għaliex il-Parlament kellu jkollu sehem fil-mandat tan-negozjati, li l-Kunsill ta lill-Kummissjoni, u għandu jiġi infurmat bl-iżvilupp tan-negozjati. Kap Verde jwettaq l-irwol politiku reġjonali importanti u għalhekk hu possibbli li l-Ftehima tkun eżempju għal negozjati oħra li jkunu għaddejjin fl-istess reġjun. Kap Verde applika wkoll għal stejtus speċjali t'assoċjazzjoni mal-KE u l-analiżi politika f'waqtha li l-Parlament għamel tal-ftehima proposta kienet ta' importanza liema bħalha.
Il-Parlament kien ikkonsultat dwar il-ftehima proposta f'Lulju 2006, seba' xhur wara li kien ingħata bidu għall-ftehima bil-għan li tiġi fis-seħħ fl-1 ta' Settembru. Il-Parlament għandu joġġezzjona u għandu jinsisti li dan huwa inaċċettabbli.
Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jilħqu ftehima dwar il-kundizzjonijiet li jagħtu ċans reali lill-Parlament sabiex jiġi kkonsultat. Fin-nuqqas ta' ftehima simili, il-Kumitat għas-Sajd għandu jmexxi r-reazzjoni tal-Parlament lejn l-istatus quo preżenti, inkluża l-għażla li jivvota kontra ftehimiet ippreżentati skond il-proċedura preżenti.
Għalhekk aħna nilqgħu d-deċiżjoni meħuda mill-Kumitat għall-Iżvilupp sabiex tkun organizzata seduta ta' smigħ fl-2007 dwar il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-settur tas-sajd u l-irwol li l-Parlament iwettaq fil-proċeduri bħala l-ewwel pass f'dik id-direzzjoni.
EMENDI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:
Test propost mill-Kummissjoni[1] | Emendi mill-Parlament |
Emenda 1 Premessa 2 a (ġdida) | |
|
(2a) Il-kumpens finanzjarju tal-KE għandu jintuża għall-iżvilupp tal-popolazzjonijiet kostali li huma dipendenti fuq is-sajd u kif ukoll għall-ħolqien ta' industriji żgħar lokali ta' ffriżar u pproċessar; |
PROĊEDURA
Titolu |
Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima għal Sħubija dwar is-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde |
||||||
Referenzi |
(COM(2006)0363 – C6‑0282/2006 – 2006/0122(CNS)) |
||||||
Kumitat responsabbli |
PECH |
||||||
Opinjoni minn |
DEVE |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
|
||||||
Rapporteur għal opinjoni: |
Luisa Morgantini |
||||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
|
||||||
Eżami fil-kumitat |
3.10.2006 |
|
|
|
|
||
Data ta' l-adozzjoni |
3.10.2006 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 0 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Alessandro Battilocchio, Margrietus van den Berg, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Nirj Deva, Alexandra Dobolyi, Michael Gahler, Filip Andrzej Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, Horst Posdorf, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Anna Záborská, Mauro Zani |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Milan Gaľa, Manolis Mavrommatis, Anne Van Lancker, Anders Wijkman, Gabriele Zimmer |
||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
|
||||||
Titolu |
Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima għal Sħubija dwar is-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde |
|||||
Referenzi |
(COM(2006)0363 – C6‑0282/2006 – 2006/0122(CNS)) |
|||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
1.9.2006 |
|||||
Kumitat responsabbli |
PECH |
|||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
BUDG 7.9.2006 |
DEVE 7.9.2006 |
|
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
|
Koperazzjoni aktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
|
Rapporteur(s) |
Duarte Freitas 27.9.2006 |
|||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|||||
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni Data tad-deċiżjoni |
|
|||||
Bażi legali kkontestata |
|
|
|
|
|
|
Dotazzjoni finanzjarja emendata |
|
|
|
|
|
|
Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat tar-Reġjuni |
|
|
|
|
|
|
Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat tar-Reġjuni - data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja |
|
|
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
2.10.2006 |
21.11.2006 |
|
|
|
|
Data ta' l-adozzjoni |
21.11.2006 |
|||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: 15 –: 0 0: 3 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elspeth Attwooll, Iles Braghetto, Luis Manuel Capoulas Santos, David Casa, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Alfred Gomolka, Pedro Guerreiro, Heinz Kindermann, Albert Jan Maat, Rosa Miguélez Ramos, Catherine Stihler, Margie Sudre, Daniel Varela Suanzes-Carpegna |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Chris Davies, Duarte Freitas |
|||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ole Christensen, Siiri Oviir |
|||||
Data tat-tressiq |
22.11.2006 |
|||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
|||||
- [1] Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.