RAPPORT dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni
27.11.2006 - (2006/2135(INI))
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Věra Flasarová
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– waqt li jafferma mill-ġdid il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3(2), 13, 137(1)(i) u 141 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea proklamata fl-2000, u b'mod partikulari l-Artikolu 23 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ta' l-1950,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Ġunju 2005 bit-titlu "In-Non-diskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs għal kulħadd - Strateġija qafas" (COM(2005)0224),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' d-19 ta' Frar 2004 (COM(2004)0115) u l-14 ta' Frar 2005 (COM(2005)0044) dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar Koperazzjoni Ewropea ulterjuri fl-assikurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja (2006/143/KE)[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2003 bit-titolu "L-irwol ta' l-universitajiet fl-Ewropa ta' l-għarfien" (COM(2003)0058),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 1998 dwar koperazzjoni Ewropea fl-assikurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja (98/561/KE)[2],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa, u b'mod partikulari ir-riżoluzzjoni u l-pjan ta' azzjoni tiegħu adottat fis-Sitt Konferenza Ministerjali Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel li saret fi Stokkolma fit-8 u d-9 ta' Ġunju 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Ateni li saret fil-Konferenza Ewropea dwar in-Nisa fis-Setgħa ta' l-1992, li stqarret li "n-nisa jirrappreżentaw nofs it-talenti u l-ħiliet potenzjali ta' l-umanità",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Konferenza tal-Ministri għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi li saret fil-Lussemburgu fl-4 ta' Frar 2005,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs), b'mod partikulari MDG3 dwar il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-trawwim tas-setgħat (empowerment) tan-nisa bħala prerekwiżit għal, fost affarijiet oħra, il-kisba ta' l-ugwaljanza fil-livelli kollha ta' edukazzjoni u fl-oqsma kollha tax-xogħol,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Anċillari tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), adottata fl-1999, li tgħid li individwi jew gruppi ta' individwi, taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Aderenti, li jiddikjaraw li huma vittmi ta' ksur ta' kwalunkwe mid-drittijiet stipulati fil-Konvenzjoni minn dak l-Istat Aderenti jista' jippreżenta kommunikazzjonijiet lill-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottati f'Beijing, kif ukoll id-dokumenti sussegwenti li rriżultaw minnhom li ġew adottati fis-Sessjonijiet Speċjali suċċessivi tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5 u Beijing + 10 dwar azzjonijiet u inizjattivi addizzjonali biex jiġu implimentati d-Dikjarazzjoni ta' Beijing adottata fid-9 ta' Ġunju 2000 u u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata fil-11 ta' Marzu 2005,
– wara li kkunsidra d-dokument "L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel: kontribuzzjonijiet lejn l-organizzazzjoni ta' attivitajiet fuq livell Ewropew għas-snin 2004-2005",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2003 bit-titolu "Lejn strateġija qafas tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (2001-2005) (COM(2000)0413),
– wara li kkunsidra r-rapporti u d-diskors tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Marzu 2006 bit-titolu "Pjan ta’ Direzzjoni (roadmap)għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa 2006-2010" (COM(2006)0092),
– wara li kkunsidra r-rapporti ta' monitoraġġ Edukazzjoni għall-Kulħadd ta' l-UNESCO tas-snin 2003/2004, 2005 u 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni ta' persuni Roma fl-Unjoni Ewropea[3] u ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea[4],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Deċennju ta’ Inklużjoni tar-Roma 2005-2015, iffirmata f’Sofia fit-2 ta’ Frar 2005,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0416/2006),
A. billi l-istatistiċi mill-Istati Membri jindikaw proporzjon aktar baxx ta' nisa minn irġiel li jiksbu kwalifiki post-terzjarji, u billi huwa rappurtat ukoll li numru iżgħar ta' nisa qed jiddedikaw ħin għat-tagħlim matul il-ħajja kollha fis-sistemi varji minħabba diversi restrizzjonijiet relatati mal-ġeneru,
B. billi x-xogħol tad-dar u tal-familja għadu jsir l-aktar min-nisa, u b’riżultat ta' dan, il-ħin disponibbli għalihom għal aktar taħriġ u għat-tagħlim matul il-ħajja kollha huwa limitat,
C. billi l-aċċess għall-edukazzjoni, u b’mod partikulari l-edukazzjoni għolja, huwa speċjalment diffiċli għal żgħażagħ minn familji bi dħul baxx, li jwassal għal tisħiħ tal-preferenza tradizzjonali lejn l-edukazzjoni tas-subien,
D. billi l-progress sinifikanti li sar fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni huwa prinċipalment relatat ma’ żviluppi kwantitattivi pożittivi, jiġifieri żieda fin-numru ta’ nisa li jiksbu aċċess għall-livelli kollha ta’ edukazzjoni, mingħajr żviluppi kwalitattivi korrispondenti rigward l-għażla ta’ korsijiet u speċjalizzazzjoni, l-aktar minħabba l-perċezzjonijiet soċjali u l-irwoli tradizzjonali tas-sessi,
E. billi l-edukazzjoni hija valur importanti Ewropew, dritt fundamentali, u strument ewlieni għall-inklużjoni soċjali; billi l-preġudizzji kontra n-nisa edukati għadhom jeżistu fis-soċjetà, u billi n-nisa edukati għad għandhom opportunitajiet limitati biex jilħqu l-potenzjal fil-ħajja professjonali u pubblika,
G. billi f'ċerti kulturi għadhom jeżistu preġudizzji tradizzjonali u reliġjużi li jillimitaw l-aċċess tal-bniet u tat-tfajliet għall-edukazzjoni,
G. Billi l-midja b’mod ripetut tipperpetwa l-isterjotipi tal-ġeneri, u b’hekk issaħħaħ l-immaġnijiet tradizzjonali tan-nisa,
H. billi l-aċċess għall-edukazzjoni għal bniet u tfajliet minn minoranzi nazzjonali, u b’mod partikulari dawk mill-minoranza Roma, jew għal bniet u tfajliet minn gruppi immigranti huwa partikularment limitat,u/jew sikwit karatterizzat minn diskriminazzjoni u segregazzjoni fl-iskejjel, anke fi programmi ta’ tagħlim rimedjali, bi ftit riżorsi, ħaddiema mhux motivati jew imħarrġa, infrastruttura fqira u programmi edukattivi kif ukoll metodi ta’ ttestjar inadegwati,
I. billi ħafna Stati Membri għandhom nuqqas ta’ baġits edukattivi b'fondi adegwati, u billi fl-istess ħin ħafna mill-għalliema huma nisa,
1. Jiġbed l-attenzjoni li l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet u n-nisa huwa dritt uman u element essenzjali għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi l-oħra kollha;
2. Jilqa' l-fatt li medja ta' tmienja minn kull għaxar t'ibniet li jistudjaw fi skejjel ta' edukazzjoni għolja fl-Istati Membri jispiċċaw l-istudji tagħhom u li l-istatistiċi jindikaw opportunitajiet indaqs għaż-żewġ sessi fir-rigward tal-kisba ta' edukazzjoni għolja u livell ogħla ta' motivazzjoni fost in-nisa meta ma jkunux ristretti minħabba raġunijiet ta’ ġeneru;
3. Jiġbed l-attenzjoni li fl-edukazzjoni u r-riċerka, in-nisa jgħaddu l-irġiel bħala numru ta’ gradwati (59%), madankollu il-preżenza tonqos b’mod konsistenti meta huma jitilgħu fil-karriera, minn 43% ta’ dottorati għal 15% biss ta’ professuri;
4. Jilqa' b’sodisfazzjoni il-fatt li ttieħdu diversi passi prattiċi bħala parti mill-Proġett tal-Millennju tan-NU sabiex titnaqqas l-inugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward ta' l-aċċess għall-edukazzjoni, u li l-kwistjoni ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni għaż-żewġ sessi qed tiġi diskussa b'mod miftuħ fl-Istati Membri;
5. Jilqa' r-riforma tas-sistema edukattiva ta' l-università li tirriżulta mill-istrateġija ta' Liżbona u li hija relatata b'mod partikulari mat-tagħlim matul il-ħajja kollha, li jipprovdi lit-tfajliet bl-opportunità sabiex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom;
6. Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-kwalità ta' l-edukazzjoni skolastika, ippubblikat fl-2000, li janalizza 16-il indikatur, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni mill-perspettiva tal-ġeneru;
7. Jilqa' l-ħolqien maħsub ta' Istitut għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, li l-attivitajiet tiegħu għandhom jinkludu l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni fir-rigward ta' l-aċċess għall-edukazzjoni għaż-żewġ sessi fl-Istati Membri individwali madwar il-dinja kollha;
8. Jirrakomanda li l-politika fil-qasam ta’ l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ta’ statistiċi divrenzjati skond il-ġeneru, sabiex jidhru u jissolvew l-inugwaljanzi li għadhom jeżistu għall-kisba ta’ l-aċċess u għall-kisba ta’ ċerti kwalifiki akkademiċi għolja, anke fil-livell post-terzjarju u fir-riċerka xjentifika, kif ukoll fil-qasam tat-tagħlim matul il-ħajja kollha;
9. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni għal nisa u rġiel li qed jieħdu ħsieb it-tfal, u għall-ġenituri li interrompew il-proċess tal-kisba ta’ kwalifiki sabiex ikollhom it-tfal;
10. Jirrakkomanda djalogu ma’ l-imsieħba soċjali, bil-għan li jimmotivahom sabiex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għal titjib fl-aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim matul il-ħajja kollha għal nisa li interrompew it-taħriġ tagħhom u għal nisa li m’għandhomx ħafna kwalifiki.
11. Jirreferi għall-fatt li d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa għadha ta’ livell daqstant għoli li mhux aċċettabbli, u mhux qed turi sinjali sinjifikanti li ser tonqos; isemmi l-fatt li bħala medja, in-nisa jaqalgħu 15% inqas mill-irgiel, u dan huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ leġiżlazzjoni dwar pagi indaqs kif ukoll numru ta’ inugwaljanzi strutturali bħas-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol, differenzi fix-xejriet tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, sistemi preġudikati ta’ evalwazzjoni u ta’ ħlas, u sterjotipi;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jużaw il-mezzi kollha disponibbli sabiex jeqirdu l-isterjotipi komuni li jiddiskriminaw kontra n-nisa fil-post tax-xogħol, xi ħaġa li hija evidenti b’mod partikulari fil-qasam tax-xjenza u tat-teknoloġija, fejn in-nisa għandhom rappreżentanza verament fqira, u sabiex tingħata attenzjoni partikulari lill-kwistjonijiet tal-ġeneru u biex id-dejta tiġi monitorjata u evalwata b’mod regolari;
13. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu l-aċċess tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabilità u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’intrapriżi pubbliċi kif ukoll privati, u sabiex jagħtu attenzjoni partikulari lill-pożizzjonijiet akkademiċi;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, tippromwovi l-prinċipji ta’ l-ugwaljanza u ta’ aċċess indaqs għall-edukazzjoni għall-bniet, u b’mod partikulari fil-politiki tagħha ta’ viċinanza u għajnuna għall-iżvilupp;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-pożizzjoni ta’ għalliema nisa f’livella ogħla tas-sistema edukattiva u f’ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet edukattivi, fejn il-kollegi maskili tagħhom għadhom fil-maġġoranza;
16. Jisħaq dwar il-bżonn li ssir riforma tas-sillabu fil-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni u fil-kontenut tal-kotba ta’ l-iskola; jirrakkomanda li t-taħriġ ta' l-għalliema u ta' ħaddiema edukattivi oħra jkun dirett lejn l-ilħuq tar-rekwiżiti ta' politika bilanċjata dwar il-ġeneri, u li kwistjonijiet tal-politika tal-ġeneri jsiru parti mit-taħriġ ta' l-għalliema fil-fakultajiet fejn jitħarrġu l-għalliema u fakultajiet oħra;
17. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jwettqu politika għall-minoranzi nazzjonali, etniċi u kulturali, u b’mod partikulari l-minoranza Roma, li tippermetti aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità u kundizzjoni indaqs fl-edukazzjoni għas-subien u l-bniet, inklużi programmi pre-skolari u programmi mingħajr eżamijiet, u li tingħata attenzjoni partikulari lil approċċ multikulturali li jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ tfajliet u bniet minn minoranzi u minn gruppi immigranti fis-sistema edukattiva regolari, bil-għan li tiġi missielta d-diskriminazzjoni doppja;
18. Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu kull azzjoni meħtieġa biex iħarsu d-drittijiet ta' l-immigranti nisa u l-immigranti bniet u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni li dawn jiffaċċjaw fil-komunità ta' oriġini tagħhom, billi jiċħdu kull xorta ta' relattiviżmu kulturali u reliġjuż li jista' jikser id-drittjiet fundamentali tan-nisa;
19. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jappoġġaw it-trawwim ta’ kuxjenza dwar l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni fil-livelli kollha, b’mod partikulari fost komunitajiet vulnerabbli, bl-għan li tiġi eliminata kull forma ta' oreġudizzju li jeffettwa l-aċċess għall-edukazzjoni tal-bniet u tat-tfajliet;
20. Jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jadattaw il-programmi ta’ studji tagħhom għall-bżonnijiet ta’ żgħażagħ li jaħdmu, u ta’ dawk il-persuni, b’mod partikulari bniet u nisa, li jieħdu ħsieb tfal żgħar jew li qegħdin fuq liv tal-maternità; iqis li l-possibilitajiet tekniċi attwali jagħmluha possibbli li jinstabu soluzzjonijiet xierqa;
21. Jitlob għal aktar sforzi sabiex bniet u tfajliet li jkunu tajbin ħafna fil-konjizzjoni jiġu rikonoxxuti u pprovduti b’appoġġ aħjar;
22. Jilqa' l-implimentazzjoni u l-użu ta' programmi edukattivi ffinanzjati mill-fondi ta' l-UE, kif ukoll minn sorsi oħra li jinkludu s-settur li l-għan tiegħu m'huwiex il-profitt, biex jibbenefikaw l-edukazzjoni ta’ bniet u tfajliet minn familji li huma soċjalment żvantaġġati; b'mod partikulari, jilqa' l-użu ta' programmi u fondi ta' appoġġ eżistenti, kif ukoll it-tiftixa għal forom ġodda ta' finanzjament; fl-istess ħin, jenfasizza l-ħtieġa li fl-Istati Membri kollha, isir investiment akbar fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ bil-ħsieb tal-ġejjieni;
23. Jipproponi li fil-baġit tagħhom, l-Istati Membri jużaw l-istrument ta’ bbaġitjar skond il-ġeneru, u b’hekk ipattu għal inġustizzji speċifiċi għall-ġeneri, li fuq kollox ser ikunu ta’ benefiċċju għall-qasam ta’ l-edukazzjoni;
24. Jirrakkomanda li l-Istati Membri joħolqu u jimmonitorjaw politiki edukattivi nazzjonali li jippermettu lill-bniet kollha, kif ukoll lis-subien, sabiex jidħlu, jibqgħu u jtemmu l-edukazzjoni obbligatorja, filwaqt li jiżguraw li jibqgħu l-iskola sakemm jilħqu l-età minima legali sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol;
25. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa vitali ta' evalwazzjoni preċiża ta' dejta ta' statistika dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneri, kif ukoll ma’ aspetti oħra ta’ diskriminazzjoni multipla bħalma hi l-etniċità, b'mod partikulari minħabba li mhux dejjem teżisti dejta ta’ statistika divrenzjata skond il-ġeneri fir-rigward tat-tfal u taż-żgħażagħ; iqis li din għandha tkun waħda mill-ħidmiet, fost oħrajn, ta' l-Istitut ġdid għall-Ugwaljanza tal-Ġeneri;
26. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-preżentazzjoni pożittiva tal-kategoriji tal-ġeneri fil-midja billi jippreżentaw immaġni dinjituża tan-nisa u l-irġiel, li tkun ħielsa mill-preġudizzju u l-kunċetti mgħawġa li jispiċċaw ibaxxu jew inaqqsu mill-valur ta' wieħed mis-sessi jew tat-tnejn li huma;
27. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu adattati teknoloġiji ġodda fil-qasam ta' taħriġ dwar il-ħtiġijiet ta' l-edukazzjoni tan-nisa, pereżempju l-possibilità ta' tagħlim mill-bogħod bl-użu tat-teknoloġija tal-kompjuters;
28. Jistieden lill-Istati Memnri u lill-Kummissjoni sabiex bħala parti mill-istrateġija ta' Liżbona, jieħdu passi sabiex tintemm il-qasma diġitali skond il-ġeneri, bil-għan li tikber is-soċjetà ta' l-informatika permezz ta’ miżuri għall-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u azzjonijiet li jipprovdu aċċess aktar faċli għan-nisa, billi tingħata spinta lill-kisba ta' kapaċitajiet elettroniċi, jiġu mwettqa programmi li jipprovdu għal azzjonijiet speċifiċi sabiex jiġu inklużi nisa minn gruppi vulnerabbli u jpattu għall-iżbilanċi bejn zoni urbani u dawk rurali;
29. Jirrakkomanda lill-Istati Membri li jiżviluppaw programmi aktar flessibbli ta’ tagħlim matul il-ħajja kollha, sabiex in-nisa li jaħdmu u l-ommijiet ikunu jistgħu ikomplu l-edukazzjoni tagħhom fi programmi li jaqblu ma’ l-iskeda tagħhom, u b’hekk jippermettu lin-nisa li jkollhom aċċess akbar għall-edukazzjoni u l-opportunitàli jipparteċipaw fi programmi edukattivi alternattivi sabiex ikunu jistgħu isiru aktar indipendenti u jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-soċjetà b’mod sinjifikanti, u b’hekk jippromwovu aktar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
It-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea m'għandux biss aspetti soċjali, kulturali u ekonomiċi, iżda jippreżenta sfida biex jiġu solvuti l-problemi tan-nuqqas ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri f'diversi reġjuni fl-Ewropa. Dawn il-kwistjonijiet huma prominenti fost il-prijoritajiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona. Fir-rapport tiegħi jiena niffoka fuq il-valur li wieħed jikseb edukazzjoni u li din l-edukazzjoni tissaħħaħ tul il-ħajja kollha sabiex wieħed ikun jista' juża l-potenzjal kollha tiegħu fis-soċjetà. Għalkemm ilha li ġiet ippruvata li n-nisa u t-tfajliet mhumiex inqas kapaċi mill-irġiel u l-ġuvintur fil-qasam ta' l-edukazzjoni, hemm numru ta' raġunijiet għalfejn nisa u tfajliet huma żvantaġġati fir-rigward ta' l-aċċess għall-edukazzjoni, b'mod partikulari għal edukazzjoni terzjarja u tagħlim matul il-ħajja. Dawn ir-raġunijiet ġieli huma kkunsidrati naturali u relatati mal-karatteristiċi bijoloġiċi tal-mara. Madankollu, is-soċjetà Ewropea hija żviluppata biżżejjed kulturalment u ekonomikament li għandha għad-dispożizzjoni tagħha miżuri li jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikattiv, jew saħansitra jeqirdu, l-ostakoli oġġettivi maħluqa mill-irwol bijoloġiku u mill-irwol fil-familja, biex ma nsemmux l-ostakoli maħluqa minn tradizzjonijiet b'għeruq sodi u preġudizzji reliġjużi jew ibbażati fuq sess.
A. Informazzjoni bażika dwar is-sitwazzjoni fir-rigward ta' l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfajliet u għall-bniet
F'termini ta' opportunitajiet ugwali għaż-żewġ ġeneri, hemm seba' fatturi ewlenin li jwasslu għal diskriminazzjoni kontra t-tfajliet u l-bniet fir-rigward ta' l-aċċess għall-edukazzjoni: (1) konsiderazzjonijiet ekonomiċi f'familji żvantaġġati soċjalment fejn tiġi ffavorita l-edukazzjoni tas-subien; (2) preġudizzji bbażati fuq sess fl-għażla tal-kamp ta' studju; (3) raġunijiet oġġettivi bbażati fuq sess li jwaqqfuhom milli jtemmu l-istudji tagħhom; (4) raġunijiet bbażati fuq sess li jwaqqfu lit-tfajliet milli jgħollu l-livell tal-kwalifiki tagħhom bis-saħħa ta' aktar studju; (5) preġudizzji soċjali kontra nisa edukati; (6) livell iktar baxx ta' għarfien professjonali ta' nisa b'edukazzjoni terzjarja; (7) preġudizzji reliġjużi li jżommu lin-nisa milli jilħqu l-potenzjal tagħhom fis-soċjetà f'ċerti pajjiżi; (8) diffikultajiet ta' aċċess għall-edukazzjoni għal bniet u tfajliet li ġejjin minn sfond ta' immigranti jew li jagħmlu parti minn minoritajiet etniċi.
Fl-2004, tmienja minn kull għaxar tfajliet li kienu qed jistudjaw f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja fl-Istati Membri ta' l-UE spiċċaw l-istudji tagħhom. Din ir-rata hija ogħla milli tas-subien, fejn il-figura hija biss ta’ tliet kwarti, li jagħti prova li l-bniet u t-tfajliet mhumiex inqas motivati jew inqas kapaċi mis-subien u mill-ġuvintur fil-kisba ta' edukazzjoni. Madankollu, il-proporzjon ta' bniet u tfajliet li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom jew li jsegwu karriera akademika jonqos. Waqt li l-proporzjon ta' nisa b'edukazzjoni ta' livell universitarju, meta mqabbel ma' rġiel, huwa ta' 59% għal 41%, 43% biss minn dawk li jiksbu dottorat, u 15% biss minn dawk li jsiru professuri, huma nisa. Dawn il-figuri juru n-nuqqas sinifikanti ta' ugwaljanza bejn is-sessi f'termini ta' tagħlim matul il-ħajja kollha. Sitwazzjoni simili teżisti għal nisa fil-qasam tat-tkomplija ta' l-edukazzjoni barra mill-kamp akkademiku wara li jtemmu l-istudji universitarji tagħhom, li tikkonferma li ż-żewġ fenomeni għandhom l-istess kawżi, li huma ġejjin minn nuqqas ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri li għandu għeruq sodi.
Ir-raġunijiet 'naturali' li jillimitaw l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni terzjarja, għall-kwalifiki akademiċi u għat-tagħlim matul il-ħajja jinkludu l-fatt li l-mara tkun omm u li jkollha familja. Li dawn il-vantaġġi jitqiesu bħala ostakoli oġġettivi huwa każ tradizzjonali ta' nuqqas ta' ftehim fil-qasam ta' l-opportunitajiet indaqs, li japplika fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ta' l-UE u fil-fatt huwa fenomenu li jeżisti fid-dinja kollha. Barra minn hekk, din il-fehma hija mħaddna b’mod indaqs kemm mill-irġiel kif ukoll min-nisa.
It-trobbija tat-tfal u l-kura tal-familja f'xi każijiet iwasslu biex in-nisa jonqsu fl-interess tagħhom li jkomplu jsegwu l-proċess edukattiv. Ħafna nisa li jinterrompu l-istudji tagħhom meta jkollhom it-tfal jabbandunaw għal kollox l-idea li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom.
Minkejja l-politika ta' l-UE li tistinka biex ittejjeb is-sitwazzjoni soċjali tal-familji, jibqa' persentaġġ kbir ta' familji li qegħdin f'sitwazzjoni li toqtol kull possibilità li huma jipprovdu edukazzjoni terzjarja għat-tfal tagħhom. Sfortunatament, mhux dejjem huwa possibbli li tinstab soluzzjoni għall-iżvantaġġi soċjali bis-saħħa ta' l-għajnuna ta' l-istat jew b'fondi mill-UE fil-forma ta' boroż ta' studju, għotjiet, self u tipi oħra ta' appoġġ. Fost familji li huma soċjalment żvantaġġati, tippersisti l-opinjoni li l-edukazzjoni hija lussu li huma ma jaffordjawhx. Kif dejjem jiġri minħabba l-preġudizzji tradizzjonali lejn iż-żewġ sessi, is-subien sikwit jingħataw preferenza fuq il-bniet.
Fl-għażla tal-qasam ta' studju, hemm numru ta' preġudizzji stabbiliti dwar id-dispożizzjoni 'naturali' taż-żewġ sessi, li jqisu li s-subien huma ġeneralment iktar kapaċi mill-bniet f'affarijiet tekniċi. Jekk dan huwa l-każ, xorta hemm ċerti oqsma ta' studju fejn wieħed mill-ġeneri jiddomina għad-detriment ta’ l-ieħor. Din il-perspettiva taffettwa wkoll l-għażla ta' impjieg li ssir sussegwentament għaliex għad baqa' numru ta' sterjotipi dwar x'inhuwa xogħol 'xieraq', kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.
Aktar minn hekk, teżisti l-idea mifruxa li xogħlijiet 'tipikament' tan-nisa huma mħallsin inqas. Dan l-isterjotip jikkonċerna professjonijiet bħal infermiera jew għalliema ta' l-iskejjel primarji jew sekondarji. Ħafna professjonijiet huma suġġetti għal dan it-tip ta’ nuqqas ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Problema ewlenija li tiddiskrimina kontra n-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni hija l-pożizzjoni ta' nisa edukati u kwalifikati fl-ambjent professjonali. Fil-post tax-xogħol, nisa li huma kkwalifikati biex jieħdu rwol maniġġerjali jitqiesu mill-irġiel bħala theddida potenzjali. Din hija marbuta wkoll mal-kunċett tradizzjonali li huma l-irġiel li jaqilgħu l-għixien prinċipali tal-familja, u għaldaqstant jaqilgħu aktar. Mara li taspira għal pożizzjoni ogħla f'ambjent professjonali, u għalhekk għal paga ogħla, hija persuna li qed tikser ir-regoli u li qed tieħu riżorsi mingħand l-irġiel.
Problema simili hija l-pożizzjoni fil-familja ta' nisa edukati u li jkunu rnexxew. F'dan il-qasam ukoll, hemm opinjoni prevalenti li miż-żewġt isħab, ir-raġel huwa dak li għandu jirnexxi l-aktar. Anke għal ħafna nisa dan il-mudell huwa meqjus bħala mudell naturali, u n-nisa nfushom jagħmlu li jistgħu biex jevitaw il-problemi. Nuqqas ta' qbil ta' dan il-tip bejn l-isħab ikun raġuni ħafna drabi moħbija, u għalhekk iktar serja, għall-isfaxxax tar-relazzjoni. In-nisa jsibu ruħhom f'sitwazzjoni diffiċli, li sikwit isolvuha billi jċedu l-karriera u l-edukazzjoni tagħhom.
Għalkemm m'hemmx restrizzjoni legali fuq l-Istati Membri ta' l-UE dwar l-aċċess tat-tfajliet u tal-bniet għall-edukazzjoni, jinqalgħu ostakoli fejn jidħlu tradizzjonijiet reliġjużi u d-dogma, jew fejn in-nuqqas tradizzjonali ta' ugwaljanza bejn is-sessi għandha għeruq sodi. Dawn l-aspetti huma prevalenti b'mod partikulari fl-inħawi rurali ta' l-Ewropa, f'reġjuni b'sensibilità reliġjuża qawwija u f'pajjiżi fejn il-kwistjoni ta' opportunitajiet ugwali għad trid tingħata iktar attenzjoni.
Wieħed mill-fatturi li jirrestrinġi l-aċċess għall-edukazzjoni huwa l-mobilità ta' l-istudent. L-istudju, b'mod partikulari f'istituzzjoni ta' edukazzjoni terzjarja, ta' sikwit jinvolvi n-neċessità ta' l-ivvjaġġar, li jfisser li anke hawnhekk, jidħlu fatturi li joħolqu żvantaġġ għall-bniet u għat-tfajliet meta mqabbla mas-subien u ma’ l-irġiel. F'ħafna pajjiżi Ewropej għadu diffiċli għan-nisa u t-tfajliet li jivvjaġġaw waħedhom mingħajr inkwiet daqs is-subien u l-irġiel. In-nisa u t-tfajliet jistgħu jiġu meqjusa bħala oġġett ta’ interess sesswali jew jistgħu jisfaw vittmi ta' vjolenza.
Aċess għall-edukazzjoni għall-bniet u għat-tfajliet minn gruppi immigranti jew membri ta' minoritajiet etniċi jew nazzjonali huwa limitat. Dan il-fatt ħafna drabi huwa r-riżultat ta' fatturi kwantitattivi relatati man-numru ta' istituzzjonijiet edukattivi li joffru edukazzjoni fil-lingwi ta' dawk il-gruppi, u għalhekk m'huwiex evidenza ta' dikriminazzjoni diretta. Madankollu, persuni minn dawn il-gruppi għandhom ċertu żvantaġġ minħabba raġunijiet lingwistiċi jekk jiġu mgħallma fi skejjel li jużaw lingwa li għalihom hija lingwa barranija. Din hija problema partikulari għall-popolazzjoni tar-Roma f'ċerti Stati Membri ta' l-UE, minħabba li, minħabba li ma teżistix sistema edukattiva bl-ilsien tar-Roma, it-tfal Roma jridu jitgħallmu f'lingwa li mhux tagħhom.
B. Politika komunitarja dwar id-diskriminazzjoni kontra t-tfajliet u l-bniet fir-rigward ta' l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni
Il-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fondamentali tal-liġi Komunitarja, stipulat fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) tat-Trattat u kkjarifikat mill-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Skond it-Trattat, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija waħda mill-ħidmiet u objettivi speċifiċi tal-Komunità, u l-Komunità għandha tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza f'kull qasam ta' azzjoni Komunitarja.
Fost dokumenti oħra, il-Kummissjoni ppubblikat 'Pjan ta’ Direzzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006 - 2010', li l-kapitolu 5 tiegħu jinkludi riferenza għall-eliminazzjoni ta' sterjotipi sesswali fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-kultura. Id-dokument jindika li, fl-Istati Membri ta' l-UE, qed tkompli t-tendenza li jingħelbu sterjotipi komuni fil-qasam ta' l-opportunitajiet ugwali fix-xogħol. Il-politika ta' l-UE, skond ir-rapport, trid tqis il-fatt li sterjotipi sesswali għandhom ikunu miġġielda minn età żgħira, anke fir-rigward tad-diskriminazzjoni tat-tfajliet u tan-nisa żgħażagħ fl-edukazzjoni. Politika dwar l-opportunitajiet ugwali għandha għalhekk tibda mill-ambjent ta' l-iskola u mit-trobbija fil-familja. It-taħriġ ta' għalliema u ħaddiema fl-edukazzjoni fi fakultajiet tat-taħriġ ta' l-għalliema u fi fakultajiet oħra għandu jiġi adattat għal dan il-għan. Fil-preparazzjoni ta' għalliema futuri għall-ħajja professjonali, għandha ssir iktar enfasi fuq kwistjonijiet tal-ġeneri. Is-sistema ta' edukazzjoni u ta' taħriġ għandha tipprovdi liż-żgħażagħ b'edukazzjoni xierqa u bilanċjata irrispettivament mill-ġeneru, u l-kwistjoni tal-ġeneri għandha tiġi riflessa bil-mod kif il-kontenut tal-kotba ta' l-istudju jiġi strutturat u fit-tfassil ta' dawn il-kotba f'kull tip ta' skola u kurrikula.
Dan ir-rapport jikkonċentra fuq l-aspetti l-aktar viżibbli ta' diskriminazzjoni possibbli kontra l-bniet u t-tfajliet fir-rigward ta' l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni. Ir-rapporteur huwa konxju li l-UE m'hijiex unità omoġenika fir-rigward ta' l-approċċ u l-għarfien tal-kwistjonijiet tal-ġeneri, pjuttost dawk id-differenzi li jeżistu huma riżultat tat-tradizzjonijiet kulturali u r-reliġjoni. Filwaqt li dawn id-differenzi reġjonali se jisparixxu gradwalment bħala riżultat ta' żviluppi fl-Istati Membri ta' l-UE kollha, se jerġgħu jiżdiedu bid-dħul ta' aktar Stati Membri li mistennija jidħlu fil-futur qrib. Dawn l-Istat Membri ġodda b'mod partikulari ċertament se jżidu aspetti ġodda u kumplessi għall-kwistjonijiet tal-ġeneri minħabba li l-parti l-kbira minnhom se jkunu pajjiżi influenzati mis-sitwazzjoni kumplikata kulturali u reliġjuża fil-Balkani. Għalhekk ir-rapporteur huwa ta' l-opinjoni li l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall-kwistjonijiet tal-ġeneri, mhux anqas fil-qasam ta' l-edukazzjoni, se tkompli tikber fl-Unjoni Ewropea.
PROĊEDURA
Titolu |
Diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni |
|||||||||||
Numru tal-proċedura |
||||||||||||
Kumitat responsabbli |
FEMM |
|||||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħtu opinjoni |
CULT 15.6.2006 |
|
|
|
|
|||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
CULT 12.7.2006 |
|
|
|
|
|||||||
Rapporteur(s) |
Věra Flasarová 24.4.2006 |
|
||||||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
||||||||||
Eżami fil-kumitat |
12.9.2006 |
4.10.2006 |
13.11.2006 |
|
|
|||||||
Data ta' l-adozzjoni |
13.11.2006 |
|||||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ - 0 |
22 0 0 |
||||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Hiltrud Breyer, Maria Carlshamre, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Lívia Járóka, Piia-Noora Kauppi, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Marie-Line Reynaud, Teresa Riera Madurell, Raül Romeva i Rueda, Amalia Sartori, Eva-Britt Svensson, Anne Van Lancker, Corien Wortmann-Kool, Anna Záborská |
|||||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Anna Hedh, Zita Pleštinská |
|||||||||||
Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
Albert Deß |
|||||||||||
Data tat-tressiq |
27.11.2006 |
|||||||||||
Kummenti |
|
|||||||||||
- [1] ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.
- [2] ĠU L 270, 7.10.1998, p. 56.
- [3] ĠU C 45 E, 16.4.2004, p. 129.
- [4] Testi Adottati, 1.6.2006, P6_TA(2006)0244.