RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94
27.11.2006 - (COM(2006)0111 – C6‑0104/2006 – 2006/0046(COD)) - ***I
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Fernand Le Rachinel
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta ghal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94
(COM(2006)0111 – C6‑0104/2006 – 2006/0046(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2006)0111),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6‑0104/2006),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6‑0417/2006),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tikkonsultah jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Test propost mill-Kummissjoni | Emendi tal-Parlament |
Emenda 1 ARTIKOLU 1 Artikolu 4, paragrafu 3 (Regolament (KE) Nru 417/2002) | |
Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 417/2002, il-paragrafu 3a li jmiss għandu jiddaħħal: |
L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 417/2002, huwa sostitwit b'li ġej: |
3a. L-ebda tanker li jġorr prodotti taż-żejt tqil m'hu awtorizzat itajjar bandiera ta' Stat Membru, għajr jekk ikun tanker taż-żejt b'żewġt ibwieq. |
‘3. L-ebda tanker li jġorr prodotti taż-żejt tqil m'hu awtorizzat itajjar bandiera ta' Stat Membru, għajr jekk ikun tanker taż-żejt b'żewġt ibwieq. L-ebda tanker li jġorr prodotti taż-żejt tqil, irrispettivament mill-bandiera li jkun qed itajjar, m'hu awtorizzat li jidħol jew joħroġ mill-portijiet jew mit-terminals 'il bogħod mix-xtut jew li jankra f'zoni taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, għajr jekk ikun tanker taż-żejt b'żewġt ibwieq.' |
Ġustifikazzjoni | |
Kieku nħoloq paragrafu ġdid, 3a, kien ikun hemm il-bżonn li jinbidlu r-referenzi kollha għall-paragrafu 3 fit-testi tar-regolament attwali u għall-paragrafi 4 u 5 ta' l-Artikolu 4. Parti mill-emenda ('heavy grades of oil' fit-test Ingliż) hija purament lingwistika u tikkonċerna biss il-lingwa Ingliża. L-abbozz tal-verżjoni oriġinali ta' dan ir-regolament, sar bil-Franċiż - it-terminu 'produits pétroliers lourds' fl-Artikolu 4(3) paragrafu 3 li għandu jintuża hawnhekk ma ġiex tradott tajjeb. |
NOTA SPJEGATTIVA
Il-proposta tal-Kummissjoni
Fl-2002 ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 li l-għan tiegħu kien li jintroduċi rekwiżiti ta' tankers b'żewġt ibwieq jew ta' tankers b'disinn ekwivalenti għal tankers b'buq wieħed. Dan ir-regolament jinkludi kalendarju għall-irtirar gradwali ta' tankers b'buq wieħed. Dan ir-regolament jispeċifika li sena wara d-data ta' kunsinna tal-vapur, l-ebda tanker b'buq wieħed m'hu awtorizzat itajjar il-bandiera ta' Stat Membru ta' l-Unjoni. Ir-regolament jistipula wkoll li wara din id-data, l-ebda tanker, tkun xi tkun il-bandiera tiegħu, m'hu awtorizzat jidħol fil-portijiet ta' Stat Membru ta' l-Unjoni, għajr jekk huwa tanker b'żewġt ibwieq.
Wara l-għarqa tat-tanker "Prestige" f'Novembru 2002, sar neċessarju li jiġi aċċellerat l-irtirar gradwali ta' tankers b'buq wieħed. Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 daħal fis-seħħ f'Ottubru 2003, u jipprojbixxi b'effett immedjat it-trasport ta' żejt tqil fit-tankers b'buq wieħed li huma destinati għall-portijiet ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, jew li se jitilqu minn dawn il-portijiet.
Fl-istess ħin, l-għan ta' l-Unjoni huwa li ddaħħal dawn ir-regoli ġodda fil-liġi internazzjonali, b'mod aktar konkret fil-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1973 dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri, kif modifikata mill-Protokoll ta' l-1978 konnessa magħha (MARPOL 73/78). F'Diċembru 2003, ġew adottati xi emendi għall-Anness I ta' MARPOL 73/78, li għamlu dan l-Anness koerenti mar-rekwiżiti fuq il-livell Ewropew, iżda jippermettu wkoll numru ta' eżenzjonijiet:
· Eżenzjonijiet mir-Regolament 13G (kalendarju għall-irtirar gradwali ta' tankers b'buq wieħed): Ir-Regolament Nru 417/2002 ma jippermettix l-użu ta' eżenzjonijiet. Madankollu, f'dak li jikkonċerna serje oħra ta' eżenzjonijiet, is-sitwazzjoni hija differenti;
· Eżenzjonijiet mir-Regolament 13H (il-projbizzjoni tat-trasport ta' prodotti taż-żejt tqil fit-tankers b'buq wieħed). Vapur li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru u li jaħdem barra mill-portijiet jew mit-terminals 'il bogħod mix-xtut li huma taħt il-ġuriżdizzjoni Komunitarja jista' jibbenefika mill-eżenzjonijiet u xorta jkun konformi mar-Regolament emendat 417/2002.
Fl-2003, il-Presidenza Taljana għamlet dikjarazzjoni f'isem il-15-il Stat Membru lill-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO), fejn ħabbret li l-Istati Membri ma kinux se jawtorizzaw tankers li jtajru l-bnadar tagħhom li jużaw xi waħda minn dawn l-eżenzjonijiet.
Dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li din ix-xewqa politika ma tikkorrispondix għall-possibiltà legali ta' eżenzjoni mir-Regolament 13H. Hija tipproponi li dan ir-Regolament 417/2002 jiġi emendat sabiex jikkjarifika li l-ebda tanker li jġorr prodotti taż-żejt tqil m'hu awtorizzat itajjar il-bandiera ta' Stat Membru, għajr jekk huwa tanker b'żewġt ibwieq, u b'dan il-liġi Komunitarja tkun konformi mad-dikjarazzjoni tal-Presidenza Taljana.
Għandu jkun enfasizzat ukoll, li vapuri li jtajru l-bandiera ta' pajjiż terz ma jistgħux jidħlu f'port li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni Komunitarja anki jekk iridu jużaw xi waħda minn dawn l-eżenzjonijiet.
Kummenti
(a) Ir-rapporteur irċieva kummenti dwar din il-proposta mingħand l-INTERTANKO, li hija assoċjazzjoni internazzjonali ta' proprjetarji indipendenti ta' tankers taż-żejt.
L-INTERTANKO saħqet l-importanza li l-awtoritajiet Ewropej jipprovdu ambjent ta' negozju stabbli sabiex l-industriji ta' l-UE jkunu jistgħu jmorru 'l quddiem. Ladarba tkun stabbilita leġiżlazzjoni jew ikun stabbilit regolament l-INTERTANKO tittama li dawn jitħarsu fil-maġġoranza tal-każi sakemm m'hemmx raġunijiet b'saħħithom biżżejjed biex dan ma jsirx. L-Assoċjazzjoni tħoss li m'hemmx raġuni li minħabba fiha r-Regolament irid ikun emendat.
(b) Rigward il-pożizzjoni ta' l-Istati Membri, il-Greċja biss topponi l-inizjattiva leġiżlattiva li jitneħħew l-eżenzjonijiet.
L-ewwelnett, il-Greċja sostniet li d-dikjarazzjoni tal-Presidenza Taljana ma tistax torbot lill-Istati Membri, għaliex mhijiex ibbażata fuq proċedura formali li tinkludi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-Greċja ssostni, b'mod konvenjenti, li l-konvenzjoni MARPOL 73/78 diġà tippermetti lill-partijiet kontraenti, inklużi pajjiżi terzi, li jirrifjutaw l-aċċess għall-portijiet tagħhom għall-vapuri minkejja li jużaw l-eżenzjonijiet imsemmija hawn fuq. Il-Greċja ma tarax raġuni urġenti biex dawn ikunu totalment esklużi fuq il-livell Ewropew, peress li pajjiżi terzi huma liberi li jagħżlu jekk jaċċettawx jew ma jaċċettawx it-tankers b'buq wieħed fil-portijiet tagħhom. It-tieni, il-punt kruċjali għall-Greċja huwa l-kwistjoni tax-xogħol. Il-Greċja tibża' li l-unika konsegwenza ta' l-adozzjoni ta' dan ir-regolament hija li numru ta' tankers Griegi (23 skond l-awtoritajiet Griegi) jibdlu l-bandiera tagħhom li b'mod kważi awtomatiku jkun ifisser telf ta' madwar 300 impjieg fil-Greċja.
(c) Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) ma xtaqx jagħti opinjoni formali dwar din il-proposta. Madankollu, iċ-'Chairman' ta' dan il-Kumitat, is-Sur Gilles Chichester, f'ittra liċ-'Chairman' tal-Kumitat TRAN, is-Sur Paolo Costa, stqarr li l-Kumitat tiegħu jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea filwaqt li ddeskriva r-regolament propost bħala risposta adegwata għat-talba tal-Parlament Ewropew sabiex jiġu rtirati gradwalment it-tankers b'buq wieħed kif diġà kien ġie mitlub ħafna drabi.
Il-pożizzjoni tar-rapporteur
Ir-rapporteur għandu idea ċara tal-kwistjoni fuq il-bażi ta' l-argumenti spjegati hawn fuq. Huwa minnu li l-istabiltà tal-qafas legali hija ta' importanza kbira għas-settur privat, ekonomiku u kummerċjali, iżda din l-istabiltà trid tiġi kkumparata mal-vantaġġi li tkun emendata l-leġiżlazzjoni għal aktar ċarezza u koerenza politika globali. Ir-rapporteur iħoss li l-bidliet proposti mill-Kummissjoni sempliċiment jikkonfermaw dak li diġà huwa rispettat u applikat mill-parti l-kbira ta' l-Istati Membri.
Ir-reazzjonijiet u l-oppożizzjoni li ġew espressi mill-Greċja jridu, ovvjament, jitqiesu, anki jekk wieħed għandu jfakkar, li l-kwistjoni tikkonċerna biss xi għoxrin tanker. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 417/2002 li qed jiġi applikat bħalissa jispeċifika kalendarju għall-irtirar gradwali tat-tankers b'buq wieħed minn issa sa l-2015 (Artikolu 4). Hija għal din ir-raġuni li l-kontroversja li qalgħet il-Greċja tikkonċerna biss il-perjodu bejn issa u d-data ta' l-iskadenza, jiġifieri massimu ta' kważi għaxar snin. Għal dan il-perjodu huwa important li wieħed jenfasizza li d-dħul fis-seħħ ta' regolament ġdid ma jimplikax obbligu li dawn it-tankers jintremew. Fil-fatt, ir-regolament kif ġie emendat jipprojbixxi biss it-trasport ta' prodotti taż-żejt tqil. Għalhekk ikun possibbli li dawn il-vapuri jintużaw biex jittrasportaw prodotti oħra. Fl-aħħarnett, huwa raġonevoli li wieħed jafferma li bidla ipotetika tal-bandiera ta' tankers Griegi mhux bilfors twassal għal telf ta' impjiegi.
Wara li qies l-argumenti kollha, ir-rapporteur tagħkom huwa ta' l-opinjoni li l-proposta hija raġonevoli u għandha tiġi appoġġjata mill-kumitat tagħna. L-objettiv ta' l-ogħla sikurezza marittima irid ikollu prijorità fuq l-interessi l-oħra, huma x'inhuma. Fil-fatt, ir-riskju ta' għarqa ta' tanker li jtajjar bandiera ta' Stat Membru barra mill-portijiet tagħna huwa ħafna iktar importanti mir-restrizzjonijiet imposti fuq madwar għoxrin tanker għal perjodu limitat. Għandu jkun possibbli li jintlaħaq ftehim mal-Kunsill fl-ewwel qari ta' dan id-dokument.
Ir-rapporteur tagħkom qed iressaq emenda teknika li xorta hija appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea. Din l-emenda tipprova tevita li jkun hemm bżonn ta' modifiki fir-referenzi. It-tieni parti ta' l-emenda hija ta' natura lingwistika u tikkonċerna biss il-verżjoni Ingliża. L-emenda ma tibdilx is-sens ġenerali tat-test.
PROĊEDURA
Titolu |
Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/9 |
||||||||||
Referenzi |
COM(2006)0111 – C6-0104/2006 – 2006/0046(COD) |
||||||||||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
27.3.2006 |
||||||||||
Kumitat responsabbli |
TRAN |
||||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
|
|
|
|
|
||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
||||||
Koperazzjoni iktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
||||||
Rapporteur(s) |
Fernand Le Rachinel |
|
|||||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
|||||||||
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
|
||||||||||
Bażi legali kkontestata |
|
|
|
||||||||
Dotazzjoni finanzjarja emendata |
|
|
|
||||||||
Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja |
|
||||||||||
Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat tar-Reġjuni - data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja |
|
||||||||||
Eżami fil-kumitat |
10.10.2006 |
|
|
|
|
||||||
Data ta' l-adozzjoni |
22.11.2006 |
||||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ – 0 |
45 0 0 |
|||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriele Albertini, Margrete Auken, Philip Bradbourn, Michael Cramer, Arūnas Degutis, Christine De Veyrac, Petr Duchoň, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Luis de Grandes Pascual, Ewa Hedkvist Petersen, Jeanine Hennis-Plasschaert, Stanisław Jałowiecki, Georg Jarzembowski, Dieter-Lebrecht Koch, Jörg Leichtfried, Fernand Le Rachinel, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Erik Meijer, Robert Navarro, Seán Ó Neachtain, Janusz Onyszkiewicz, Josu Ortuondo Larrea, Willi Piecyk, Luís Queiró, Reinhard Rack, Renate Sommer, Ulrich Stockmann, Marta Vincenzi, Corien Wortmann-Kool |
||||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Johannes Blokland, Markus Ferber, Anne E. Jensen, Sepp Kusstatscher, Antonio López-Istúriz White, Helmuth Markov, Francesco Musotto, Aldo Patriciello, Ari Vatanen |
||||||||||
Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Brian Simpson |
||||||||||
Data tat-tressiq |
27.11.2006 |
||||||||||
Kummenti |
|
||||||||||