RAPPORT dwar l-adeżjoni tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea
27.11.2006 - (2006/2115(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Pierre Moscovici
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-adeżjoni tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea
(2006/2115 (INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-trattat ta' adeżjoni ffirmat bejn ir-Rumanija u l-Unjoni Ewropea[1] fil-25 ta' April 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti kollha ta' minn wara li nbeda l-proċess ta' tkabbir sa llum, b'mod partikolari l-aħħar riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija[2]
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fi Brussell tal-15 u tas-16 ta' Ġunju 2006,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni dwar it-tkabbir tas-17 ta' Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2006 dwar ir-Rumanija (COM(2006)0549) u r-rapporti ta' moniteraġġ tagħha ta' qabel,
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' korrispondenza bejn il-Parlament Ewropew u l-President tal-Kummissjoni dwar l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew fl-evalwazzjoni ta' l-attivazzjoni eventwali ta' waħda mill-klawsoli ta' salvagwardja tat-trattat ta' adeżjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l- Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6‑0421/2006),
A. billi l-adeżjoni tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea tirrapreżenta żvilupp storiku kbir li jġib miegħu bidla kbira fl-isfond ekonomiku, soċjali u ċivili tal-pajjiż, u billi din l-adeżjoni se jkollha impatt pożittiv fuq il-popolazzjoni Rumena, kif ukoll fuq l-iżvilupp tal-koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea,
B. billi l-integrazzjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea se tikkontribwixxi għall-istabilità u l-propserità tax-Xlokk ta' l-Ewropa,
C. billi l-inkorporazzjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea se ssaħħaħ id-dimensjoni politika u kulturali tal-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea,
D. billi l-ewwel stadju tal-ħames tkabbir fl-2004 ġab riperkussjonijiet ta' benefiċċju kemm għall-Istati Membri anzjani kif ukoll għal dawk ġodda, u li dan se jkun bla dubju l-każ ukoll tat-tkabbir attwali li se jwassal għat-tmiem tiegħu l-ħames tkabbir,
E. billi wara r-rapport tal-Kummissjoni f'Mejju ta' l-2006 wieħed jista' jerga' jinnota titjib sinifikkattiv, kif jixhed l-aħħar rapport ta' monitorjar tas-26 ta' Settembru,
F. billi r-Rumanija qed tkompli l-isforzi tagħha biex tissodisfa l-kundizzjonijiet li jitlob t-trattat ta' adeżjoni sabiex issir Membru ta' l-Unjoni f'Jannar 2007, flimkien mal-Bulgarija, u billi l-Parlament Ewropew dejjem esprima l-appoġġ tiegħu għas-sħubija simultanja taż-żewġ pajjiżi,
1. Tifraħ lill-Kummissjoni Ewropea għas-serjetà u d-dixxiplina fix-xogħol kollu tagħha ta' moniteraġġ tar-riformi;
2. Jifraħ lir-Rumanija u jilqa' l-adeżjoni tagħha fl-1 ta' Jannar 2007, jistenna b'ħerqa l-wasla tal-35 Membru tal-Parlament Ewropew tagħha kif ukoll tal-Kummissarju u l-uffiċjali tagħha fl-istituzzjonijiet Ewropej, u jirrikonoxxi l-kontribut eċċellenti li taw l-Osservaturi tar-Rumanija fil-Parlament Ewropew minn Settembru 2005;
3. Jistqarr li dan it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea jinkorpora, bħal dawk ta' qabel, l-ideat dwar l-unità u s-solidarjetà Ewropea li huwa ta' benefiċċju għall-imseħbin kollha u li jippermetti l-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, l-ugwaljanza, il-pluraliżmu u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni;
4. jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni rrakomandat, fir-rapport tagħha tas-26 ta' Settembru, li għandu jkun hemm adeżjoni simultanja tal-Bulgarija u tar-Rumanija;
5. Jilqa' l-progress konsiderevoli li sar mill-pajjiż minn wara r-rapport ta' Mejju 2006 u għalhekk japprova d-data proposta ta' l-1 ta' Jannar 2007 għall-adeżjoni tar-Rumanija, iżda jfakkar lill-awtoritajiet Rumeni li hemm bżonn li jżommu l-pass attwali ta' riformi wara l-adeżjoni;
6. Jilqa' l-isforzi li għamlet ir-Rumanija biex tiżgura l-implimentazzjoni ta' għadd kbir ta' riformi rigward l-adeżjoni tagħha u jifraħ lill-Awtoritajiet Rumeni għall-progress kollu li sar f'terminu ta' żmien hekk ristrett;
7. Ifakkar li l-proċess tar-riformi huwa ta' benefiċċju għar-Rumanija fil-kuntest ta' l-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea u li dan jikkontribwixxi biex jikkonsolida l-prosperità ekonomika u s-sigurtà tal-pajjiż;
8. Jinnota li sar progress sostanzjali f'dawk l-oqsma li fir-rapport tagħha ta' Mejju 2006 il-Kummissjoni identifikat li kienu jeħtieġu azzjoni immedjata – ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-twaqqif ta' aġenziji ta' pagamenti u tas-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u ta' Kontroll u ta' l-interkonnettivita tas-sistemi ta' ġbir ta' taxxi;
9. Jinnota b'sodisfazzjon li r-Rumanija għandha ekonomija tas-suq vijabbli bi tkabbir ta' kwazi 7% tal-PGD u rata ta' qgħad ta' madwar 5.5%;
10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiftħu s-swieq tax-xogħol tagħhom lill-ħaddiema Rumeni mill-1 ta' Jannar 2007, f'konformità ma' l-ispirtu sħiħ tal-libertà ta' moviment għall-ħaddiema garantit fil-liġi Komunitarja;
11. Jenfasizza, rigward it-trasferimenti finanzjarji tal-ġejjieni mill-UE u l-ħtieġa ta' ffinanzjar konġunt mir-Rumanija, li r-ridistribuzzjonijiet baġitarji m'għandhomx isiru esklussivament a skapitu ta' l-infiq soċjali, jew iwasslu għal tnaqqis f'dan;
12. Iħeġġeġ lill-Gvern Rumen biex jikkonsolida r-riformi li beda, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Rumeni biex iżidu l-isforzi tagħhom, b'mod partikulari fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal, l-integrazzjoni tal-minoritajiet, speċjalment il-gruppi Roma u Ungeriżi, u tat-trattament ta' persuni b'diżabilità mentali; jitlob lir-Rumanija biex tieħu passi immedjati f'dan ir-rigward biex tirrimedja n-nuqqasijiet billi tissodisfa r-rekwiżiti tar-Rapporti Komprensivi ta' Monitoraġġ ta' l-2005 u l-2006 tal-Kummissjoni u tar-riżoluzzjonijiet adottati fl-2004 u fl-2005;
13. Jinnota li minn wara r-rapport ta' Mejju 2006 tal-Kummissjoni sar progress dwar il-kwistjoni tal-minoritajiet; ifakkar li l-pożizzjoni tiegħu dwar il-minoritajiet fir-Rumanija hija bbażata fuq il-prinċipji ta' rispett, għarfien u appoġġ għall-minoritajiet, u fuq it-tneħħija ta' kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontrihom; jixtieq jara l-liġi dwar il-minoritajiet approvata mill-aktar fis possibli, u li din tkun tirrispetta l-kriterji politiċi; jinnota li ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tar-Razziżmu u l-Ksenofobija se jkompli l-monitoraġġ tiegħu rigward il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni marbuta miegħu wara l-adeżjoni, kif huwa jagħmel għall-Istati Membri kollha;
14. Dwar il-minorità Roma:
iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Rumeni biex jikkonsolidaw ir-riformi li għamlu fl-oqsma tal-ħarsien mill-vjolenza istituzzjonali, it-titjib ta' l-istandards ta' l-għixien u ta' l-akkomodazzjoni, u l-aċċess għall-impjieg u għas-sistema tal-kura tas-saħħa, billi jassiguraw iffinanzjar adegwat;
15. Dwar il-minorità Ungeriża:
jistieden lill-Awtoritajiet Rumeni biex iqisu l-aspettattivi tal-minorità Ungeriża, f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u ta' l-awto-governanza kulturali, b'mod partikulari billi jassiguraw iffinanzjar adegwat għat-titjib ta' l-istandards edukattivi;
16. jissuġġerixxi li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern iwettaq segwitu tar-riformi magħmula dwar l-adozzjoni u dwar il-ħarsien tat-tfal fir-Rumanija, mill-1 ta' Jannar 2007;
17. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problema serja u kontinwa tal-vjolenza fuq in-nisa, li qed ikollha implikazzjonijiet kbar fit-traffikar tan-nisa u fl-isfruttament sesswali tagħhom fil-pajjiż u lil hinn minnu (800,000 vittma fis-sena skond l-istatistika prodotta mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern) u l-vjolenza domestika, u jitlob lill-gvern sabiex jieħu miżuri deċiżivi b'risposta għal din il-problema, fir-rigward tal-prevenzjoni, il-kuxjenza u kontromiżuri b'koperazzjoni mal-pubbliku ġenerali, ma' l-NGOs relevanti, mal-ġudikatura u mal-pulizija fuq livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;
18. Jinnota li r-Rumanija għandha bżonn tħaffef l-ipproċessar ta' talbiet marbuta mar-restituzzjoni tal-proprjetajiet ikkonfiskati mir-reġim kommunista, b'mod speċjali għall-proprjetajiet tal-knisja u tal-komunità, sabiex dan ma jibqax imwaħħal fil-livell leġiżlattiv; jenfasizza li, għal dan l-għan, hemm bżonn li jitwaqqaf Fond funzjonali tal-Proprjetà;
19. Jitlob lill-awtoritajiet Rumeni biex jagħmlu sforzi akbar għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien ta' l-ambjent, u jitlob li ssir konsultazzjoni mal-pajjiżi ġirien u applikazzjoni qawwija ta' l-istandards fl-ispirtu tal-leġiżlazzjoni rilevanti ta' l-UE (pereżempju d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart mill-industrija ta' estrazzjoni[3]), b'attenzjoni partikulari lil proġetti kbar ta' estrazzjoni li għandhom implikazzjonijiet ambjentali sostanzjali, bħal fil-każ ta' Rosia Montana;
20. Jinnota li l-Kummissjoni identifikat tliet oqsma li minn wara r-rapport ta' Mejju 2006 sar fihom progress sostanzjali, imma li fihom għad hemm bżonn sforzi akbar:
- ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
- l-assorbiment u l-immaniġġjar ta' l-għajuna mill-Unjoni fil-qasam ta' l-agrikultura u tal-Fondi Strutturali;
- l-applikazzjoni ta' l-acquis Komunitarju f'ċerti oqsma tas-sikurezza ta' l-ikel;
21. Jenfasizza li fost dawn it-tliet oqsma, il-finalizzar tar-riforma ġudizzarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma essenzjali u jridu għalhekk jingħataw attenzjoni partikulari ħafna mill-awtoritajiet Rumeni;
22. Jappoġġja l-introduzzjoni mill-Kummissjoni tal-mekkaniżmi ta' verifika u ta' għajnuna fil-progress f'dawn l-oqsma, imsejsa b'mod partikulari fuq l-identifikazzjoni ta' kriterji speċifiċi, u jinkuraġġixxi bil-ħerqa l-Gvern Rumen biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-aspettativi stipulati biex jiġi evitat rikors għall-klawsoli ta' salvagwardja;
23. Ifakkar li għalkemm ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri temporanji matul l-ewwel tliet snin wara l-adeżjoni, miżuri simili kienu ġew applikati wkoll fl-aħħar proċess ta' tkabbir għall-benefiċċju ta' dawk kollha konċernati; jittama li dawn il-mekkaniżmi ma jiġux applikati jekk mhux fl-oqsma speċifiċi ħafna li pproponiet il-Kummissjoni Ewropea u dan għal żmien limitat; jiġbed l-attenzjoni li miżuri xierqa sabiex ikun żgurat l-operat tajjeb tal-politiki ta' l-UE jistgħu jitneħħew biss meta l-punti ta' riferenza, kif stipulati mill-Kummissjoni, ikunu ġew issodisfati bis-sħiħ;
24. Jistenna r-rapport tal-Kummissjoni li tħabbar għal Ġunju 2007 dwar il-progres li jkun sar mill-pajjiż fir-riforma tas-settur ġudizzjarju u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jappella lir-Rumanija biex tiddedika l-kapaċitajiet kollha tagħha biex jittieħdu l-mizuri kollha meħtieġa;
25. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tirrapporta, b'mod sistematiku, lill-Parlament dwar il-progress magħmul mir-Rumanija fix-xhur li ġejjin u li l-Parlament għandu jkun assoċjat (mill-qrib) fil-mekkaniżmu ta' monitoraġġ proposta mill-Kummissjoni wara l-adeżjoni;
26. Jenfasizza li l-Gvern Rumen jeħtieġ li jkun konxju tal-ħtieġa li japprofitta ruħu bis-sħiħ miż-żmien li baqa' biex ikompli l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ ir-riżultati li nkisbu;
27. Iħeġġeġ ir-ratifika mgħaġġla tat-Trattat ta' l-Adeżjoni miż-żewġ Stati Membri li għad iridu jirratifikawh;
28. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi ffinanzjar adegwat għal kampanji ta' informazzjoni bil-għan li jtejbu l-livell ta' għarfien pubbliku rigward l-adeżjoni tar-Rumanija (u tal-Bulgarija);
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Rumanija.
- [1] ĠU L 157, 21.6.2005, p. 11.
- [2] Testi adottati, P6_TA(2006)0262.
- [3] ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (22.11.2006)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar l-adeżjoni tar-Rumanija
(2006/2115(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Kinga Gál
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
1. Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib sinjifikanti li għamlet ir-Rumanija fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern minn Mejju 2006, meta saru ir-rapporti ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni dwar il-qagħda ta' preparazzjoni għas-sħubija fl-UE tal-Bulgarija u tar-Rumanija;
2. Jinnota li, minkejja l-isforzi serji li saru mir-Rumanija fl-aħħar xhur biex jintlaħqu l-kriterji ta' adeżjoni ta' l-UE, il-progress f'ċerti oqsma għadu ma kienx sodisfaċenti għal kollox, u jħeġġeġ lir-Rumanija biex tieħu passi immedjati biex tegħleb in-nuqqasijiet; iqis li mhux biżżejjed li sempliċiment jiġi adottat qafas legali imma għandu jiġi segwit b'implimentazzjoni xierqa fil-livelli kollha;
3. Jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet Rumeni sabiex jagħmlu użu sħiħ tax-xhur li baqa' qabel l-adeżjoni sabiex bla dewmien jimplimentaw l-impenji kollha li ħadu u biex l-isforzi ta' dan it-tip jitkomplew wara l-adeżjoni sabiex jiġu prodotti riżultati konkreti, speċjalment fl-oqsma li ġejjin:
– ir-Rumanija għandha bżonn iżżomm il-pass attwali ta' implimentazzjoni ta' riformi ġudizzjarji sabiex jiġu żgurati aktar riżultati, trasparenza u effiċjenza tanġibbli fil-proċess ġudizzjarju, partikularment billi jissaħħu l-kapaċità u r-responsabilità tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura; hemm bżonn aktar progress sabiex jiġi żgurat li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi jkunu totalment konsistenti fil-qrati kollha; l-impatt tal-kodiċijiet il-ġodda tal-proċedura ċivili u dik kriminali għandu jiġi moniterjat; in-nuqqasijiet maniġerjali tal-Prosekutur Pubbliku għandhom jiġu indirizzati;
– fil-qasam ta' l-amministrazzjoni pubblika, l-Ordinanzi ta' Emerġenza għandhom ikunu limitati għal ċirkustanzi eċċezzjonali u sostitwiti b'liġijiet maħsuba sabiex jiġu preżervati l-irwol leġiżlattiv u s-setgħat ta' sorveljanza tal-Parlament, u sabiex tiġi garantita n-natura mhux diskriminatorja tal-liġi elettorali;
– ir-Rumanija jeħtieġ li tkompli fl-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod speċjali fil-livell lokali, sabiex turi s-sostenibilità u l-irriversibilità tal-progress pożittiv li diġà sar;
– l-isforzi attwali huma meħtieġa biex tibda topera s-sistema integrata għall-maniġġjar tal-fruntieri, biex titkompla l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv relatat mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u biex tiġi faċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin; hemm bżonn ukoll li jiġi miġġieled it-trattament ħażin waqt il-kustodja u fil-ħabsijiet u li tiġi rigorużament moniterjata l-applikazzjoni tal-qafas legali, inklużi l-Kodiċi Kriminali l-ġdid u l-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali l-ġdid;
– fir-rigward tal-ħarsien tat-tfal, it-trattament ta' persuni b'diżabilità u s-sistema tal-kura tas-saħħa mentali, il-promozzjoni ta' servizzi ta' kwalità tajba u aċċess akbar għall-edukazzjoni u l-impjiegi tridu tkun prijorità sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u t-trattament tat-tfal u ta' dan it-tip ta' nies fil-ħajja ta' kuljum tagħhom;
– fir-rigward tar-restituzzjoni tal-proprjetà konfiskata mir-reġim kommunist, ir-Rumanija jeħtieġ li tħaffef il-proċessar tat-talbiet; hemm bżonn ta' rieda politika akbar fir-rigward tar-restituzzjoni tal-proprjetà, b'mod speċjali l-proprjetà tal-knisja u tal-komunità, sabiex dan il-proċess ma jeħilx fil-livell ta' sempliċi leġiżlazzjoni; it-twaqqif ta' Fond għall-Proprjetà li jiffunzjona huwa neċessarju biex jinkiseb dan il-għan;
4. Jirrikonoxxi l-progress sinifikanti li sar mir-Rumanija f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien tat-tfal, imma jtenni l-preokkupazzjoni tiegħu dwar in-numru għoli ta' tfal abbandunati kull sena, ħafna minnhom fi kliniċi pedjatriċi, inviżibbli f'termini legali u għalhekk estremament vulnerabbli għat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rumeni biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu reġistrazzjoni sistematika tat-twelidiet; iqis li t-tfal abbandunati kollha għandhom id-dritt għall-opportunità li jkollhom familja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Rumeni biex, jekk ikun hemm bżonn, jawtorizzaw l-adozzjonijiet internazzjonali, bi qbil mal-Konvenzjoni ta' The Hague dwar il-Ħarsien tat-Tfal u l-Koperazzjoni fir-rigward ta' l-Adozzjoni bejn il-Pajjiżi; itenni t-talbiet ripetuti tiegħi biex l-1092 każ ta' tfal abbandunati li għalihom saret applikazzjoni għall-adozzjoni jiġu risolti fl-aħjar interessi tat-tfal u waqt li jitqiesu r-relazzjonijiet stabbiliti bejn dawk it-tfal u l-familji adottivi prospettivi tagħhom;
5. Jistieden lill-Gvern Rumen biex jieħu passi ulterjuri fil-qasam tal-ħarsien tal-komunitajiet tal-minoranzi, peress li r-rapport ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni ta' Settembu 2006 jistqarr li f'dak il-qasam jista' jiġi rrapurtat progress limitat biss u peress li l-implimentazzjoni mhix kompletament sodisfaċenti; jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni jsemmi li ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tar-Razziżmu u l-Ksenofobija (EUMC, dak li fil-futur hu mistenni li jissejjaħ l-Aġenzija ta' l-UE għad-Drittijiet Fundamentali) se jkompli l-monitoraġġ tiegħu wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fir-rigward tal-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni relatata u ta' l-appoġġ ta' l-integrazzjoni pożittiva tal-komunitajiet tal-minoranzi; f'dan il-kuntest:
– l-abbozz ta' liġi dwar l-istatut tal-minoranzi nazzjoni, li qed jiġi diskuss fil-Parlament Rumen, għandu jiġi adottat kemm jista' jkun malajr bi qbil ma' l-istandards relevanti Ewropej f'forma li hija aċċettabbli għall-minoranzi nazzjonali, biex jiġu żgurati l-preżervazzjoni, l-iżvilupp u l-espressjoni ta' l-identitajiet etniċi, kulturali, lingwistiċi u reliġjużi tal-minoranzi nazzjonali;
– f'dak li għandu x'jaqsam mas-sitwazzjoni tal-minoranza tar-Roma, hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri biex jittjiebu l-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom, biex titneħħa s-segregazzjoni mill-kampjijiet tar-Roma u biex tiġi promossa l-ugwaljanza fl-impjiegi permezz ta' implimentazzjoni stretta ta' politiki ta' non-diskriminazzjoni sabiex jittejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol; każi speċifiċi ta' vjolenza istituzzjonali kontra r-Roma u ta' assalt kontra r-Roma, bħal rejds tal-pulizija, li għandhom jiġu investigati mill-awtoritajiet kompetenti, komplew jiġu rrapurtati xhur qabel l-adeżjoni; hemm bżonn ukoll ta' sforzi ulterjuri sabiex jitjieb l-aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura tas-saħħa li huma ta' kwalità u mhux segregati;
– f'dak li għandu x'jaqsam mal-minoranza Ungeriża, hemm bżonn jittieħdu miżuri oħra, kif mitlub fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew, sabiex jiġi żgurat li din il-minoranza titħares bi qbil mal-prinċipji tas-sussidjarjetà, l-awto-governanza kulturali u amministrattiva, b'din ta' l-aħħar applikabbli għaċ-ċittadini u l-komunitajiet lokali kollha, bla distinzjoni minħabba raġunijiet etniċi; l-awtoritajiet Rumeni għandhom jappoġġaw b'mod sħiħ l-edukazzjoni ogħla għall-minoranza Ungeriża billi jipprovdu l-mezzi finanzjarji meħtieġa;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib, qabel u wara l-adeżjoni, l-implimentazzjoni ta' l-impenji li ħadet ir-Rumanija fir-rigward tal-ħarsien tal-minoranzi;
7. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' l-impenji li ħadet ir-Rumanija; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-funzjonar tal-mekkaniżmu ta' koperazzjoni u ta' verifika fil-qasam tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u dwar il-progress li sar mir-Rumanija fir-rigward tal-punti ta' referenza ('benchmarks') f'dan il-qasam u fl-oqsma kollha l-oħra meqjusa mill-Kummissjoni;
8. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex b'mod sħiħ tinvolvi lill-Parlament Ewropew u lill-kumitati relevanti tiegħu jekk hija tkun qed tikkunsidra li tattiva l-klawżola ta' salvagwardja li jipprovdi għaliha l-Artikolu 38 ta' l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta' Adeżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-liġi kriminali skond it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fi kwistjonijiet ċivili skond it-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
PROĊEDURA
Titolu |
L-Adeżjoni tar-Rumanija |
||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||
Kumitat responsabbli |
AFET |
||||||
Opinjoni mogħtija minn |
LIBE |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
|
||||||
Rapporteur għal opinjoni |
Kinga Gál |
||||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
|
||||||
Eżami fil-kumitat |
12.9.2006 |
5.10.2006 |
6.11.2006 |
22.11.2006 |
|
||
Data ta’ l-adozzjoni |
22.11.2006 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 0 0 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Roberta Angelilli, Edit Bauer, Johannes Blokland, Mihael Brejc, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Elly de Groen-Kouwenhoven, Lilli Gruber, Lívia Járóka, Timothy Kirkhope, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Claude Moraes, Inger Segelström, Ioannis Varvitsiotis, Donato Tommaso Veraldi, Stefano Zappalà, Tatjana Ždanoka |
||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ignasi Guardans Cambó, Bárbara Dührkop Dührkop, Sophia in 't Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Vincent Peillon, Marie-Line Reynaud |
||||||
Sostitut/i preżenti għall-votazzjoni finali skond ir-Regola 178(2) |
Pilar Ayuso, Iratxe García Pérez, Esther Herranz García, Mary Honeyball, Antonio López-Istúriz White, Ana Mato Adrover, Manolis Mavrommatis, María Isabel Salinas García, Alejo Vidal-Quadras |
||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
|
||||||
OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (9.10.2006)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar l-adeżjoni tar-Rumanija
(2006/2115(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Rodi Kratsa-Tsagaropoulou
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2006 dwar l-adozzjoni internazzjonali fir-Rumanija[1],
1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjorja rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi kif indikata mill-Kummissjoni fir-rapport ta' progress tagħha ta' Mejju 2006 dwar ir-Rumanija;
2. Jilqa' bi pjaċir it-twaqqif ta' Kumitat Parlamentari Rumen għall-opportunitajiet indaqs (Deċiżjoni 39/2004) bil-għan li jimplimenta u jimmoniterja l- konformità mal-prinċipju ta' ugwaljanza skond il-liġi Rumena u li jippromwovih fl-oqsma kollha tal-politika governattiva;
3. Jilqa' bi pjaċir il-passi pożittivi li saru dan l-aħħar lejn it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għal impjiegi, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol[2], u jħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi biex iħaffu l-proċess ta' l-adozzjoni ta' l-acquis communautaire kollu li hu relatat mat-trattament ugwali u biex jimplimentawh b'mod aktar effiċjenti u komplet;
4. Jinnota li r-Rumanija ratifikat il-Konvenzjoni ta' The Hague dwar l-Adozzjoni bejn il-pajjiżi, li tipprovdi salvagwardji vitali fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal u tagħti preminenza tad-drittijiet tat-tfal u jenfasizza li f'Ġunju 2001, l-awtoritajiet Rumeni introduċew moratorju (b'effett retroattiv mill-1 ta' Diċembru 2000) fuq l-adozzjonijiet internazzjonali, li mill-1 ta' Jannar 2005 ġie sostitwit minn liġi dwar il-ħarsien tat-tfulija u għalhekk irriżultat fl-interruzzjoni f'daqqa ta' divrsi eluf ta' applikazzjonijiet għall-adozzjoni;
5. Jindika lill-awtoritajiet Rumeni li:
1. Fil-paragrafu 23 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar kemm hi lesta r-Rumanija għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea, il-Parlament ħeġġeġ lill-Gvern Rumen biex jieħu deċiżjoni dwar il-każi ta' applikazzjonijiet għal adozzjoni internazzjonali li saru waqt il-moratorju ta' Ġunju 2001,
2. Il-Parlament adotta dikjarazzjoni bil-miktub b'408 firem li titlob lill-aworitajiet Rumeni biex bla dewmien jerġgħu jibdew iqisu l-każi pendenti, fl-aħjar interessi tat-tfal;
iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rumeni biex jikkunsidraw kif inhu xieraq l-opinjonijiet tal-Parlament;
6. Jilqa' bi pjaċir l-isforzi biex in-nisa jkunu inkorporati fil-ħajja pubblika, kemm fil-Gvern Rumen u kemm fost l-osservaturi mibgħuta lill-Parlament Ewropew, imma jitlob li jsiru sforzi akbar f'dan il-qasam, waqt li jenfasizza l-bżonn li tittejjeb ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-livelli politiċi kollha (10.66% biss minn dawk li ġew eletti waqt l-aħħar elezzjonijiet parlamentari kienu nisa), u jħeġġeġ lil kull partit politiku, organizzazzjoni governattiva u msieħeb soċjali biex jipprowovu l-involviment tan-nisa fil-proċeduri u l-organizzazzjonijiet għat-teħid ta' deċiżjonijiet;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problema serja u kontinwa tal-vjolenza fuq in-nisa, li qed ikollha implikazzjonijiet kbar fit-traffikar tan-nisa u fl-isfruttament sesswali tagħhom fil-pajjiż u lil hinn minnu (800,000 vittma fis-sena skond l-istatistika prodotta mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern) u l-vjolenza domestika, u jistieden lill-gvern sabiex jieħu miżuri deċiżivi b'risposta għal din il-problema, fir-rigward tal-prevenzjoni, il-kuxjenza u kontromiżuri b'koperazzjoni mal-pubbliku ġenerali, ma' l-NGOs relevanti, mal-ġudikatura u mal-pulizija fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;
8. Jenfasizza l-irwol importanti li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Opportunitajiet Indaqs qed tintalab li jkollha u jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurata n-natura indipendenti tal-baġit u l-kompetenzi tagħha, li tingħata r-riżorsi umani xierqa u li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet l-oħra involuti;
9. Jenfasizza l-bżonn li tiġi żviluppata statistika relatata ma' kwistjonjiet ta' generu billi tinġabar dejta diżaggregata f'kull qasam ta' attività, sabiex jiġu stabbiliti politiki nazzjonali għall-ġeneru;
10. Jenfasizza l-bżonn li s-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet Roma tinbidel billi jitnaqqsu l-marġinalizzazzjoni u l-vulnerabilità tagħhom, speċifikament fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, ta' l-impjiegi, ta' l-akkomodazzjoni, ta' l-edukazzjoni u tal-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika.
PROĊEDURA
Titolu |
L-adeżjoni tar-Rumanija |
||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||
Kumitat responsabbli |
AFET |
||||||
Opinjoni mogħtija minn |
FEMM |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib – data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
0.0.0000 |
||||||
Rapporteur għal opinjoni |
Rodi Kratsa-Tsagaropoulou |
||||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
|
||||||
Eżami fil-kumitat |
12.9.2006 |
4.10.2006 |
|
|
|
||
Data ta' l-adozzjoni |
4.10.2006 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+:17 –:0 0:0 |
|
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Emine Bozkurt, Hiltrud Breyer, Edite Estrela, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Zita Gurmai, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Urszula Krupa, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Amalia Sartori, Eva-Britt Svensson, Corien Wortmann-Kool, Anna Záborská |
||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Anna Hedh, Bernadette Vergnaud |
||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
||||||
- [1] Testi Adottati ta' dik id-data, P6_TA(2006)0336.
- [2] ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15.
PROCEDURE
Title |
Accession of Romania to the European Union |
|||||||||||
Procedure number |
||||||||||||
Committee responsible |
AFET |
|||||||||||
Committee(s) asked for opinion(s) |
LIBE |
FEMM |
|
|
|
|||||||
Not delivering opinion(s) |
PETI 20.11.2006 |
AFCO 18.5.2006 |
JURI 21.6.2006 |
CULT 29.5.2006 |
PECH 13.6.2006 |
|||||||
|
AGRI 30.5.2006 |
REGI 30.5.2006 |
TRAN 15.5.2006 |
IMCO 12.7.2006 |
ITRE 30.5.2006 |
|||||||
|
ENVI 16.5.2006 |
EMPL 21.6.2006 |
ECON 15.5.2006 |
CONT 20.6.2006 |
BUDG 05.7.2006 |
|||||||
|
INTA 30.5.2006 |
DEVE 28.8.2006 |
|
|
|
|||||||
Rapporteur(s) |
Pierre Moscovici |
|
||||||||||
Previous rapporteur(s) |
- |
|
||||||||||
Discussed in committee |
13.11.2006 |
22.11.2006 |
|
|
|
|||||||
Date adopted |
23.11.2006 |
|||||||||||
Result of final vote |
+ - 0 |
51 0 1 |
||||||||||
Members present for the final vote |
Panagiotis Beglitis, Bastiaan Belder, André Brie, Elmar Brok, Philip Claeys, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Georgios Karatzaferis, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Francisco José Millán Mon, Pierre Moscovici, Pasqualina Napoletano, Baroness Nicholson of Winterbourne, Tobias Pflüger, Paweł Bartłomiej Piskorski, Mirosław Mariusz Piotrowski, Bernd Posselt, Raül Romeva i Rueda, Jacek Emil Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Gitte Seeberg, Marek Siwiec, István Szent-Iványi, Charles Tannock, Paavo Väyrynen, Jan Marinus Wiersma, Luis Yañez-Barnuevo García, Josef Zieleniec |
|||||||||||
Substitute(s) present for the final vote |
Laima Liucija Andrikienė, Francisco Assis, Alexandra Dobolyi, Árpád Duka-Zólyomi, Kinga Gál, Milan Horáček, Tunne Kelam, Jaromír Kohlíček, Alexander Lambsdorff, Doris Pack, Aloyzas Sakalas, Csaba Sándor Tabajdi |
|||||||||||
Substitute(s) under Rule 178(2) present for the final vote |
Adamos Adamou, Panayiotis Demetriou, Antonio López-Istúriz White, Marios Matsakis, Neil Parish, Luisa Fernanda Rudi Ubeda, Kyriacos Triantaphyllides |
|||||||||||
Date tabled |
27.11.2006 |
|||||||||||
Comments |
|
|||||||||||