Proċedura : 2006/0194(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0432/2006

Testi mressqa :

A6-0432/2006

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2006 - 8.11
CRE 13/12/2006 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0562

RAPPORT     *
PDF 207kWORD 160k
29.11.2006
PE 380.843v02-00 A6-0432/2006

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)

(COM(2006)0564 – C6‑0423/2006 – 2006/0194(CNS))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Jim Higgins

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)

(COM(2006)0564 – C6‑0423/2006 – 2006/0194(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2006)564)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6‑0423/2006),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 35 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġit (A6‑0432/2006),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummisjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tbiddel il-proposta tagħha, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.   Iħeġġeġ lill-Kunsill biex, filwaqt li jikkunsidra l-bidla proposta fil-bażi legali tal-proposta tal-Kummissjoni, jevita kwalunkwe dewmien fl-allokazzjoni tal-Fond Internazzjonali għall-Irlanda;

4.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni  Emendi tal-Parlament

Emenda 1

Ċitazzjoni 1

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 159 tiegħu,

(Din l-emenda tikkonċerna t-test kollu. L-adozzjoni tagħha tkun teħtieġ bidliet korrispondenti fit-test kollu.

Ġustifikazzjoni

Hemm dubji serji rigward il-bażi legali: l-IFI għandha l-għan li tippromwovi "l-avvanz ekonomiku u soċjali". Għalhekk dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq l-Art. 159 (koeżjoni). Dan huwa rilevanti billi l-Art. 159 jistipula proċedura ta' kodeċiżjoni.

(1)

Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Il-Komunità Ewropea ilha tagħti kontribut lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (IFI) sa mill-1989, tliet snin wara t-twaqqif tiegħu bi ftehima bejn il-gvernijiet tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda. Fl-aħħar ta' l-2006 l-appoġġ ta' l-UE se jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 57% tal-kontribuzzjonijiet annwali, biex b'hekk l-Unjoni ssir l-akbar donatur tal-Fond. Il-fond għandu l-għan li jagħti kontribut lill-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 10(a) tal-Ftehima Anglo-Irlandiża tal-15 ta' Novembru 1985 li jistipula li "ż-żewġ gvernijiet għandhom jikkoperaw sabiex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ dawk l-oqsma taż-żewġ partijiet ta’ l-Irlanda li sofrew l-aktar mill-konsegwenzi ta’ l-instabilità tas-snin riċenti, u se jikkunsidraw il-possibilità li jiżguraw appoġġ internazzjonali għal dan ix-xogħol".

Żewġ għanijiet qed imexxu x-xogħol ta' l-IFI; il-promozzjoni ta' l-avvanz ekonomiku u soċjali, u l-inkoraġġiment tal-kuntatt, bid-djalogu u tar-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fl-Irlanda kollha.

Bħala strument li jwassal għal dan l-għan ta' paċi u ta' rikonċiljazzjoni fil-livell bażiku permezz ta' l-appoġġ ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-IFI jikkomplementa l-azzjoni mwettqa mill-Programmi ta' l-UE għall-Paċi u għar-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u fir-Reġjun fuq il-Fruntiera ta’ l-Irlanda ("PEACE I" 1995-1999, "PEACE II" 2000-2006 u "PEACE III" 2007 - 2013).

Il-Bord tal-Fond jinħatar b'mod konġunt mill-Gvernijiet tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda u jikkonsisti minn 'Chairman' u sitt membri li jissorveljaw id-direzzjoni u l-operat ta' l-IFI. Il-Bord huwa megħjun minn Kumitat Konsultattiv ta' uffiċjali maħtura miż-żewġ Gvernijiet. L-amministrazzjoni tal-Fond issir permezz ta' Segretarjat, immexxi minn Diretturi Ġenerali Konġunti bbażati f'Belfast u f'Dublin. Fejn xieraq, Dipartimenti tal-Gvern u korpi pubbliċi jaħdmu bħala aġenziji amministraturi tal-Fond, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar. Il-Bord jirrappreżenta lill-komunitajiet fiż-żewġ naħat ta’ l-Irlanda u bħala medja jiltaqa’ erba’ darbiet fis-sena. Il-Kummissjoni għandha l-istatus ta' osservatur fuq il-Bord, flimkien ma' pajjiżi donaturi oħra (l-Istati Uniti, il-Kanada, in-New Zealand u l-Awstralja) u hija rappreżentata fil-laqgħat kollha tal-Bord. Bħalissa, l-attivitajiet ta' l-IFI qed jitwettqu permezz ta' programmi u ta' skemi varji li jistgħu jinġabru taħt tliet titoli: ir-riġenerazzjoni ta’ żoni żvantaġġjati, il-bini tal-kapaċità tal-komunità u l-iżvilupp ekonomiku. Illum-il-ġurnata l-IFI qed jikkonċentra iżjed fuq proġetti li jagħtu aktar importanza lill-poplu (madwar 30% tar-riżorsi tiegħu) bħal ma huma interventi li għandhom x'jaqsmu ma' l-edukazzjoni.

Fl-2005 saret evalwazzjoni tal-Fond, imqanqla mir-rikonoxximent li l-livell kurrenti ta' appoġġ internazzjonali ma jistax jibqa' jinżamm b'mod indefinit. L-istrutturi u l-prijoritajiet tiegħu ġew miflija bir-reqqa sabiex il-missjoni tiegħu terġa tiġi definita fid-dawl tar-realtajiet il-ġodda. L-evalwazzjoni rriżultat fl-adozzjoni ta' qafas strateġiku, "Sharing this Space", li se jtemm il-ħajja tal-Fond fl-2010. Għaldaqstant, tnediet il-fażi finali ta' l-attivitajiet tal-Fond (2006-2010). L-għanjiet ta' l-IFI matul l-aħħar ħames snin tal-ħidma tiegħu jinkludu:

●         il-bini u t-twettiq ta’ viżjoni ta’ futur wieħed għall-Irlanda ta' Fuq u għaż-żewġ naħat tal-gżira;

●         il-promozzjoni ta’ għarfien bejn il-komunitajiet differenti fl-Irlanda;

●         it-tħaffif ta' l-integrazzjoni bejn il-komunitajiet;

●         il-bini ta' alleanzi ma’ aġenziji oħra, sabiex ikun zgurat li l-ħidma fit-tul ta' l-IFI titkompla wara l-2010 u li l-kompetenza tinqasam ma’ ħaddiema għall-paċi f'reġjuni oħra.

Fil-futur, il-programmi appoġġjati mill-IFI ser jinġabru f'erba' temi: il-bini tal-pedamenti, il-bini ta' pontijiet, l-integrazzjoni tal-komunitajiet u t-tħollija ta' patrimonju.

Il-proposta tal-Kummisjoni

Il-pakkett ta' proposti għall-adozzjoni jinkludi:

●         proposta għal Regolament tal-Kunsill li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010);

●         Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport għall-Fond Internazzjonali għall-Irlanda skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005.

Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tinnota li l-fażi finali taħseb biex tiffoka fuq oqsma bl-akbar ħtieġa u tfittex li tiżgura li x-xogħol ikun sostenibbli fuq medda itwal ta' żmien. Il-Kummissjoni tipproponi li l-kontribuzzjonijiet ta' l-UE lill-IFI ta' €15-il miljun fis-sena jkomplu għal perjodu ulterjuri ta' 4 snin. Għalhekk il-perjodu ġdid propost għandu jintemm fl-2010, u b'hekk jintemm fl-istess żmien ta' tmiem il-ħajja tal-Fond.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ li r-Regolament il-ġdid tal-Kunsill għandu jirrifletti l-osservazzjonijiet li saru fir-rapport tal-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk li jsaħħu l-interazzjoni bejn l-għanijiet u l-koordinazzjoni ma' l-intervenzjonijiet tal-Fondi Strutturali, b'mod speċjali mal-Programm il-ġdid PEACE u mad-dispożizzjoni dwar l-għeluq.

Evalwazzjoni ta' l-IFI

L-evalwazzjoni mwettqa skond l-Artikolu 5 tar-Regolament kurrenti tal-Kunsill(1) li jħaddem il-kontribuzzjoni ta' l-UE lill-IFI tikkonferma l-ħtieġa ta' appoġġ ulterjuri għall-attivitajiet, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-interazzjoni bejn l-għanijiet u l-koordinazzjoni ma' l-intervenzjonijiet tal-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-Programm PEACE.

Is-segwenti konklużjoni tal-Presidenza, b'riferenza għall-IFI, ġiet adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fil-15/16 ta' Diċembru 2005:

Il-Kunsill Ewropew innota l-ħidma importanti mwettqa mill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda fil-promozzjoni tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni. Huwa stieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa bil-għan li jitkompla l-appoġġ ta' l-UE għall-Fond hekk kif dan jibda l-fażi finali u kruċjali tal-ħidma tiegħu sa l-2010.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li il-Prospettiva Finanzjarja assigurat it-tkomplija tal-programm PEACE fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Kontei fuq il-Fruntiera ta' l-Irlanda.

B’rikonoxximent għall-isforz speċjali li sar għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, ser jiġi allokat l-ammont totali ta' € 200 miljun għall-programm PEACE għall-perjodu 2007-2013. Dan il-programm ser jiġi implimentat b’konformità sħiħa maż-żieda fl-intervenzjonijiet tal-Fondi Strutturali.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija fi qbil sħiħ ma' din it-talba u għandha tintlaqa'; madankollu, kif kien il-każ tal-proposta preċedenti tal-Kummissjoni lill-Kunsill(2), hija ħasra li qed tintbagħat lill-Parlament Ewropew f'dan l-istadju daqshekk tard. Barra minn hekk, ir-rapporteur iqajjem tħassib li fil-komunità, kemm tat-Tramuntana kif ukoll tan-Nofsinhar, għad hemm sens li l-Fond huwa l-ewwel u qabel kollox organizzazzjoni appoġġjata mill-Istati Uniti, minkejja l-fatt li d-donatur ewlieni hija l-UE. Kif irrakkomandat mill-Parlament fir-rapport tiegħu ta' l-10 ta' Diċembru 2004(3), rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tutilizza kompletament l-Artikolu 4 b'koperazzjoni tal-Bord tal-Fond, sabiex jiġu ddeterminati proċeduri ta' pubbliċità u ta' informazzjoni sabiex il-kontribut tal-Komunità lill-proġetti finanzjati mill-Fond ikunu pubbliċi. Ir-rapporteur jemmen li jista' u għandu jsir aktar sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni u jinnota li l-Kummissjoni għandha d-dover li tassigura li l-kontribuzzjonijiet ta' l-Ewropej li jħallsu t-taxxi ikunu rikonoxxuti b'mod xieraq.

Konklużjoni

It-tkomplija tal-Fond ġiet fi żmien meta l-Gvern tal-Gran Brittanja u dak ta' l-Irlanda ffissaw linji gwida definittivi sabiex il-partiti politiċi fl-Irlanda ta' Fuq jaqblu mal-proposti għat-twaqqif ta' istituzzjonijiet li kienu ddiġeneraw. Hemm aktar ottimiżmu li n-negozjati kurrenti se jwasslu għal eżekuttiv fejn il-poter ikun maqsum.

Madankollu, is-sitwazzjoni politika u soċjali tar-reġjun għadha fraġli u l-livell kontinwu ta' vjolenza u ta' diviżjoni jitfa' pressjoni għaż-żamma ta' livell ta' l-isforzi mill-UE sabiex jiġu promossi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Peress li l-IFI se jispiċċa fl-2010 kull Regolament futur li jkopri l-kontribuzzjoni KE għandu jassigura li jkunu saru arranġamenti xierqa għall-egħluq ta' l-IFI, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta' ġestjoni soda u effettiva tal-finanzi.

B'rispett sħiħ tal-bżonn li jitkompla l-kontribut finanzjarju tal-Komunità lill-IFI, ir-rapporteur iħeġġeġ li din il-proposta tiġi approvata malajr, u mingħajr emendar, sabiex ikun possibbli li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007.

(1)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 ta' l-24 ta' Jannar 2005 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda, ĠU L 030, 03.02.2005.

(2)

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2005-206) COM(2004)0632.

(3)

A6-0071/2004 ta' l-10.12.2004.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

Is-Sur Gerardo Galeote

Chairman

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

BRUSSELL

Suġġett:           Opinjoni dwar il-bażi legali tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill rigward il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lejn il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)
(COM(2006)0564 finali – 2006/0194(CNS))

Għażiż Sur Chairman,

Permezz ta' ittra tat-8 ta' Novembru 2006 u skond l-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kumitat għall-Baġits talab lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur li nkun iċ-Chairman tiegħu, sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-aktar bażi legali xierqa għall-proposta imsemmija hawn fuq.

Fl-ewwel skambju ta' opinjonijiet magħmula fil-Kumitat tal-Baġits, tqajjmet il-kwistjoni dwar jekk il-bażi legali proposta - l-Artikolu 308 - għandiex tkun sostitwita b'mod aktar xieraq bl-Artikolu 159 tat-Trattat KE.

Jidher ċar mill-każistika kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-għażla tal-bażi legli mhix fid-diskrezzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju imma għandha tkun iddeterminata minn fatturi oġġettivi li huma suġġetti għal stħarriġ ġudizjarju, bħall-għan u l-kontenut tal-miżura kkonċernata(1). Barra minn hekk, il-fattur deċiżiv għandu jkun l-objettiv prinċipali tal-miżura(2).

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 308 tat-Trattat KE huwa bażi legali xierqa biss meta m'hemmx Artikolu ieħor tat-Trattat li jagħti s-setgħa neċessarja lill-Komunità(3). Għalhekk, qabel tintgħażel din id-dispożizzjoni bħala bażi legali, il-leġiżlatur Komunitarju għandu jistabilixxi li m'hemm l-ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat li tagħti s-setgħa neċessarja għall-miżura proposta.

Kif indikat b'mod ċar fil-premessa 1, l-objettivi ta' l-IFI huma "l-promozzjoni ta' l-avvanz ekonomiku u soċjali u l-inkoraggiment għal-kuntatt, djalogu u rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u t-tradejunjonisti madwar l-Irlanda".

Sabiex ikun hemm konsistenza ma' dan l-approċċ, l-għan tal-Regolament propost huwa mniżżel fil-premessa 10 ("Assistenza mill-Fond tkun ikkunsidrata effettiva biss sakemm iġġib titjib ekonomiku u soċjali sostenibbli u ma tintużax bħala sostitut ta' nfiq pubbliku jew privat ieħor") u fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 2 ("Il-kontribuzzjoni għandha tkun użata b'tali mod li ġġib magħha titjib ekonomiku u soċjali sostenibbli fl-oqsma kkonċernati. M'għandiex tintuza bħala sostitut għal infiq pubbliku jew privat ieħor").

Il-kontenut globali tal-proposta prinċiparjament dwar l-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea lill-Fond Internazjonali għall-Irlanda bil-għan li jkun promoss l-avvanz ekonomiku u soċjali fiz-zoni kkonċernati ta' l-Irlanda ta' Fuq.

Mill-konsiderazzjonijiet hawn fuq, isegwi li l-aspetti tal-proposta li jikkonċernaw it-titjib ekonomiku u soċjali sostenibbli huwa predominanti u jikkostitwixxu l-fatturi objettivi prinċipali, jekk mhux l-uniku, għad-determinazzjoni tal-bażi legali. Dawk il-fatturi kollha jindikaw b'mod ċar l-Artikolu 159 tat-Trattat KE bħala l-unika bażi legali possibbli.

Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-programm PEACE tal-Komunità Ewropea, li għandu l-istess għand bħall-IFI, twaqqaf fi ħdan l-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali (ara l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li stipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali: "Taħt l-Objettiv 1, programm PEACE li jappoġġa l-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq għandu jkun stabbilit għas-snin 2000 sa l-2004 għall-benefiċċju ta' l-Irlanda ta' Fuq u z-zoni tal-fruntiera ta' l-Irlanda(4)).

Din hija prova indiskutibbli li l-istrumenti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali jistgħu jimmiraw lejn il-promozzjoni tal-paċi inter-komunitarja u tar-rikonċiljazzjoni u li, konsegwentement, kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja bl-istess għan - bħall-kontribuzzjoni lill-IFI - tista' taqgħa fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni ekonomika u soċjali. Bħala riżultat, it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat KE jipprovdi l-bażi legali l-aktar xierqa għall-proposta kkonċernata: fil-fatt, dik id-dispożizzjoni tirreferi b'mod ċar għal "azzjonijiet speċifiċi [li] juru li huma neċessarji barra mill-Fondi u mingħajr preġudizzju tal-miżuri deċiżi fil-qafas tal-politiki Komunitarji l-oħra". Aktar minn hekk, l-Artikolu 159(3) jagħmel il-proċedura ta' kodeċiżjoni applikabbli għall-proċess ta' deċiżjoni relevanti, għalhekk jagħti rwol aktar b'saħħtu lill-Parlament Ewropew.

Minn-naħa l-oħra, din il-konklużjoni - jiġifieri l-applikabilità ta' l-Artikolu 159(3) - tidher li hija ssuġġerita mill-kliem innifsu tal-proposta li qed tiġi kkunsidrata: it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 jirreferi għall-missjoni ta' l-IFI bħala "sabiex tikkomplementa l-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, u speċjalment dawk tal-programm PEACE", fejn din il-komplementarjetà tqajjem b'mod ċar l-għan taż-żewġ inizzjattivi. Fi kliem ieħor, peress li għandhom l-istess objettivi, kemm il-programm PEACE u kemm il-kontribuzzjoni lill-IFI għandhom ikollhom l-istess bażi legali.

Barra minn hekk, il-premessa 9 ("Hija vitali sabiex tkun żgurata koordinazzjoni xierqa bejn l-attivitajiet tal-fond u dawk iffinanzjati mill-Fondi Strutturali Komunitarji stipulati mill-Artikolu 159 tat-Trattat, partikularment il-programm PEACE") turi li, għalkemm l-għażla ta' l-Artikolu 308 bħala l-bażi legali tal-proposta, il-Kummissjoni probabilment kellha l-Artikolu 159 f'moħħha.

Minħabba l-applikabilità ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat KE bħala l-aktar bażi legali speċifika u xierqa, l-Artikolu 308 m'għadux rilevanti. Kif intwera, l-Artikolu 308 huwa applikabbli biss meta huwa neċessarju "fl-andament ta' l-operat tas-suq komuni", li ovvjament mhux il-każ - għallinqas mhux direttament - meta l-għan huwa l-promozzjoni tal-paċi inter-komunitarja u r-rikonċiljazzjoni. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tipprovdi biss għal konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, flimkien ma' vot unanimu tal-Kunsill.

Fil-laqgħa tiegħu ta' l-20 ta' Novembru 2006, wara li sema' s-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew u lir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali eżamina din il-kwistjoni u ddeċieda b'mod unanimu li t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat KE għandu jkun ikkunsidrat bħala l-unika bażi legali skond il-liġi għall-proposta msemmija hawn fuq(5).

Dejjem tiegħek,

Giuseppe Gargani

22.11.2006

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġit

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)

(COM(2006)0564 – C6‑0423/2006 – 2006/0194(CNS))

Rapporteur għal opinjoni: Janusz Lewandowski

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (IFI) twaqqaf fl-1986 sabiex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 10(a) tal-Ftehima Anglo-Irlandiża tal-15 ta' Novembru 1985. L-objettivi tal-Fond huma li jippromwovi avvanz ekonomiku u soċjali, u li jinkoraġġixxi kuntatt, djalogu u rikonċiljazzjoni bejn nazzjonalisti u unjonisti fl-Irlanda kollha".

L-Unjoni Ewropea bdiet tikkontribwixxi għall-IFI fl-1989. L-iffinanzjar tal-KE issa jirrappreżenta 48% tal-kontribuzzjonijiet annwali għall-Fond. Għall-perjodu 2005 sa 2006 EUR 15-il miljun intrabtu mill-baġit tal-Komunità għal kull waħda mis-snin 2005 u 2006, b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) 177/2005 ta' l-24 ta' Jannar 2005 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji Komunitarji lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda. Ir-Regolament se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.

L-IFI tikkumplementa l-azzjoni meħuda mill-Programmi għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda u r-Reġjun tal-Fruntiera ta' l-Irlanda (PEACE I 1995-1999, PEACE II 2000-2006 u PEACE III 2007-2013). In 2005 the structures and priorities of the IFI were reviewed; ġie deċiż li l-fond ma jieqaf fl-2010.

Għal dan il-perjodu finali ta' attivitajiet tal-Fond, il-Kummissjoni issa adottat Proposta għal Regolament li tissuġġerixxi li l-kontribuzzjonijiet ta' l-UE ta' EUR 15-il miljun fis-sena lill-Fond Internazzjonali ta' l-Irlanda jitkomplew għal erba' snin, u jispiċċaw fl-2010.

Fl-abbozz tal-baġit 2007, il-Kunsill qiegħed 15-il miljun fir-riserva għall-IFI.

Emendi proposti mir-rapporteur:

* L-għan ta' l-Emenda 2 huwa li tinbidel il-bażi legali: Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat KE (li huwa artikolu ġenerali li jintuża jekk ma hemmx bażi legali oħra - konsultazzjoni). Madankollu hemm xi dubji serji: l-IFI għandha l-għan li tippromwovi "l-avvanz ekonomiku u soċjali". L-Artikolu 159 (koeżjoni) għalhekk jista' jkun bażi legali aktar adegwata. Dan huwa rilevanti billi l-Artikolu 159 jistipula proċedura ta' kodeċiżjoni.

* L-Emendi 3-5 jassiguraw li l-Awtorità Baġitarja tibqa' tkun infurmata dwar ir-riżultati attwali u l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet iffinanzjati skond dan ir-Regolament.

EMENDI

Il-Kumitat għall-Baġit jistieden lill- Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva

Emenda 1

Paragrafu 1 a (ġdid)

1a. Iqis li l-allokazzjoni finanzjarja indikata fil-proposta leġiżlattiva għandha tkun kompatibbli mal-limitu massimu ta' l-intestatura 1b tal-qafas finanzjarju plurjennali ġdid (MFF) u jirrimarka li l-ammont annwali se jiġi deċiż fi ħdan il-proċedura baġitarja annwali skond id-dispożizzjonijiet ta' punt 37 ta' IIA tas-17 ta' Mejju 2006;

Proposta għal regolament

Test propost mill-Kummissjoni(6)  Emendi tal-Parlament

Emenda 2

Ċitazzjoni 1

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 159 tiegħu,

Ġustifikazzjoni

Hemm dubji serji rigward il-bażi legali: l-IFI għandha l-għan li tippromwovi "l-avvanz ekonomiku u soċjali". Għalhekk dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq l-Art. 159 (koeżjoni). Dan huwa rilevanti billi l-Art. 159 jistipula proċedura ta' kodeċiżjoni.

Emenda 3

Paragrafu 5 a (ġdid)

 

Artikolu 5a

 

Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Awtorità Baġitarja, liema rapport għandu jinkludi evalwazzjoni tar-riżultati ta' l-attivitajiet tal-Fond, u jqis l-iżviluppi fil-proċess tal-paċi fl-Irlanda ta' Fuq. Ir-rapport għandu jinkuldi, fost affarjiet oħra:

(a) ħarsa lejn l-attivitajiet tal-Fond;

(b) lista ta' proġetti li rċevew l-għajnuna;

(c) evalwazzjoni tan-natura u ta' l-impatt ta' l-attivitajiet tal-Fond, b'mod partikulari rigward l-għanijiet tiegħu u l-kriterji stipulati fl-Artikoli 2 u 8;

(d) evalwazzjoni ta' l-azzjoni meħuda mill-Fond biex tiġi assigurata l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' l-intervenzjonijiet tal-Fondi Strutturali, b'kunsidrazzjoni partikulari ta' l-obbligi skond l-Artikoli 3 u 4;

(e) anness li juri r-riżultati tal-verifikazzjonijiet u l-kontrolli magħmula mill-Kummissjoni skond l-obbligu msemmi fl-Artikolu 7.

Ġustifikazzjoni

Din hija parti mir-Regolament eżistenti dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda. Madankollu, din ma ġietx inkluża mill-Kummissjoni fil-proposta l-ġdida. Billi l-obbligi ta' informazzjoni tal-Kummissjoni huma essenzjali għall-Awtorità Baġitarja, dan l-Artikolu għandu jiġi stabbilit mill-ġdid.

Emenda 4

Artikolu 6, paragrafu 1, fażi introduttorja

Sat-30 ta’ Ġunju 2008 l-aktar tard, il-Fond għandu jippreżenta lill-Kummissjoni l-istrateġija tiegħu għall-għeluq ta’ l-attivitajiet tal-Fond, inklużi:

Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2008, il-Fond għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Baġitarja l-istrateġija tiegħu għall-għeluq ta’ l-attivitajiet tal-Fond, inklużi:

Ġustifikazzjoni

L-Awtorità Baġitarja għandha tkun infurmata dwar l-implimentazzjoni u l-istrateġija għall-għeluq tal-Fond.

Emenda 5

Artikolu 9

Rapport finali jista’ jitressaq lill-Kummissjoni sitt xhur qabel id-data tal-konklużjoni mbassra fl-istrateġija għall-għeluq fil-punt (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6 jew sitt xhur wara l-aħħar ħlas tal-Komunità, skond liema minnhom isseħħ l-ewwel, u għandu jinkludi t-tagħrif kollu meħtieġ li għandu jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna u l-milja ta’ l-għanijiet.

Rapport finali għandu jitressaq lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Baġitarja sitt xhur qabel id-data tal-konklużjoni mbassra fl-istrateġija għall-għeluq fil-punt (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6 jew sitt xhur wara l-aħħar ħlas tal-Komunità, skond liema minnhom isseħħ l-ewwel, u għandu jinkludi t-tagħrif kollu meħtieġ li għandu jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna u l-milja ta’ l-għanijiet.

Ġustifikazzjoni

L-Awtorità Baġitarja għandha tkun infurmata dwar l-implimentazzjoni u l-istrateġija għall-għeluq tal-Fond.

PROĊEDURA

Titolu

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010);

Referenzi

COM(2006)0564 – C6-0423/2006 – 2006/0194(CNS)

Kumitat responsabbli

REGI

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG
0.0.0000

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur
  Data tal-ħatra

Janusz Lewandowski
25.10.2006

Rapporteur preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

22.11.2006

 

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

22.11.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Simon Busuttil, Markus Ferber, Salvador Garriga Polledo, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Janusz Lewandowski, Antonis Samaras, László Surján, Herbert Bösch, Paulo Casaca, Bárbara Dührkop Dührkop, Szabolcs Fazakas, Louis Grech, Catherine Guy-Quint, Vladimír Maňka, Giovanni Pittella, Yannick Vaugrenard, Ralf Walter, Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Anne E. Jensen, Jan Mulder, Kyösti Virrankoski.

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

(1)

Każ 45/86, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill [1987] ECR 1439, paragrafu 5

(2)

Każ C-377/98, L-Olanda vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [2001] ECR I-7079, paragrafu 27.

(3)

Każ C-45/86, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill [1987] ECR 1439, paragrafu 13

(4)

ĠU L 161, 26.06.1999, p. 1. Bħala rikonoxximent ta' l-isforz speċjali fil-proċess ta' paċi, il-programm PEACE alloka appoġġ addizjonali mill-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007 sa l-2013 skond il-paragrafu 22 ta' l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7. 2006, paġna 25)

(5)

Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Giuseppe Gargani (chairman), Maria Berger, Carlo Casini, Rosa Díez González, Jean-Paul Gauzès, Manuel Medina Ortega, Gabriele Stauner, Jaroslav Zvěřina

(6)

Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.


PROĊEDURA

Titolu

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)

Referenzi

COM(2006)0564 – C6-0423/2006 – 2006/0194(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

15.11.2006

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

REGI
29.11.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG
29.11.2006

JURI
29.11.2006


 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni


 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja


 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Jim Higgins
6.11.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni  Data tad-deċiżjoni

 

Bażi legali kkontestata
  Data ta' l-opinjoni tal-JURI

BUDG

8.11.2006

/

JURI
20.11.2006

Dotazzjoni finanzjarja emendata
  Data ta' l-opinjoni tal-BUDG

BUDG
22.11.2006

/

 

Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
- data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja

 

Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat tar-Reġjuni - data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja

 

Eżami fil-kumitat

16.11.2006

 

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

23.11.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Jean Marie Beaupuy, Graham Booth, Bairbre de Brún, Gerardo Galeote, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Pedro Guerreiro, Gábor Harangozó, Konstantinos Hatzidakis, Jim Higgins, Mieczysław Edmund Janowski, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Miroslav Mikolášik, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Bernard Poignant, Elisabeth Schroedter, Grażyna Staniszewska, Salvatore Tatarella, Vladimír Železný

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, László Surján, Marta Vincenzi

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Hannu Takkula, Kyösti Virrankoski

Data tat-tressiq

29.11.2006

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza