RAPPORT dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi, għall-perjodu 2007-2013, il-programm speċifiku "Ġustizzja Ċivili" bħala parti mill-programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja"

7.12.2006 - (COM(2005)0122 – C6‑0096/2005 – 2005/0040(COD)) - ***I

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Inger Segelström

Proċedura : 2005/0040(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0452/2006
Testi mressqa :
A6-0452/2006
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi, għall-perjodu 2007-2013, il-programm speċifiku "Ġustizzja Ċivili" bħala parti mill-programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja"

(COM(2005)0122 – C6‑0096/2005 – 2005/0040(COD))

(Proċedura ta' Kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0122)[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 61(c) u 67(2) tat-Trattat KE, skond liema l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6 0096/2005),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġit (A6 0452/2006),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emendi tal-Parlament[2] għall-

Proposta ta’

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Li tistabbilixxi, għall-perijodu 2007-2013, il-programm speċifiku “Ġustizzja Ċivili”
bħala parti mill-
programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61 (ċ) u l-Artikolu 67 (5) tiegħu,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[3]

(...)

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

(1)    Il-Komunità Ewropea stabbiliet għaliha nfisha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fejn huwa assigurat il-moviment ħieles tal-persuni. Għal dak l-għan, il-Komunità għandha tadotta, fost l-oħrajn, miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili meħtieġa biex is-suq intern jiffunzjona kif suppost.

(2)  Wara programmi preċedenti, bħal Grotius[4] u l-proġett Robert Schuman[5], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 743/2002[6] stabbilixxa, għall-perijodu mill-2002 sa l-2006, qafas ta' attivitajiet ġenerali tal-Komunità biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili.

(3)    Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussel fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 adottat il-Programm ta’ l-Aja "Insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea".

(3a)  Il-Kunsill u l-Kummissjoni f'Ġunju 2005 adottaw Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ l-Aja “Insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea”.

(4)    L-objettivi ambizzjużi stabbiliti mit-Trattat u l-Programm ta’ l-Aja għandhom jitwettqu permezz ta' l-istabbiliment ta’ programm flessibbli u effettiv li jiffaċilita l-ippjanar u l-implimentazzjoni.

(5)    Il-Programm tal-Ġustizzja Ċivili għandu jipprovdi għal inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għal azzjonijiet li jappoġġjaw organizzazzjonijiet li jippromwovu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, u għal azzjonijiet li jappoġġjaw proġetti speċifiċi.

(6)    Programm ġenerali tal-Ġustizzja Ċivili biex itejjeb il-fehim reċiproku tas-sistemi legali u ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri ser jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-ostakli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, u dan għandu jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

(6a) Skond il-Programm ta' l-Aja t-tisħiħ tal-kooperazzjoni reċiproka jitlob sforz espliċitu biex jitjieb il-fehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-sistemi legali differenti; in-netwerks Ewropej ta' l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandhom jistħoqqilhom attenzjoni speċjali u appoġġ f'dan ir-rigward;

(6b) Id-Deċiżjoni tipprevedi possibbiltà li l-attivitajiet ta' ċerti netwerks Ewropej ikunu ko-finanzjati sakemm in-nefqa ssir fis-segwitu ta' objettiv ta' interess ġenerali Ewropew. Madankollu, tali ko-finanzjar m'għandux jimplika li programm futur ser ikopri tali netwerks, u lanqas m'għandu jippreġudika netwerks Ewropej oħrajn milli jibbenefikaw minn appoġġ ta' l-attivitajiet tagħhom skond id-Deċiżjoni.

(7)    (...)

(8a) Billi kwalunkwe istituzzjoni, assoċjazzjoni jew netwerk li jirċievu għotja minn dan il-programm għandhom jirrikonoxxu l-appoġġ Komunitarju riċevut skond il-linji gwida ta' viżibbiltà li ser jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

(9)    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-durazzjoni tal-programm, li għandu jkun ir-referenza ewlenija għall-awtorità baġitarja fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u tmexxija finanzjarju tajjeb[7].

(10)  Peress li l-objettivi tal-Programm tal-Ġustizzja Kriminali ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba d-daqs jew l-effetti ta’ l-inizjattiva, jistgħu jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(10a) Għandhom jittieħdu wkoll miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa b'mod mhux dovut jew użati ħażin b'mod konformi mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet[8], (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni[9] u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)[10].

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[11], minn issa ’l quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002[12], li jħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità, għandhom jiġu applikati filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tas-sempliċità u tal-konsistenza fl-għażla ta’ l-istrumenti baġitarji, il-limitazzjoni fuq in-numru ta’ każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom, u l-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta’ riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma’ l-użu tagħhom.

(12)  Ir-Regolament Finanzjarju jeħtieġ li jkun provdut b’att bażiku biex ikopri għotjiet operattivi.

(13)  Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti fuq il-Kummissjoni[13] (...) filwaqt li ssir distinzjoni bejn dawk il-miżuri li huma soġġetti għall-proċedura tal-kumitat konsultattiv, fejn f'ċerti każijiet u bil-ħsieb ta' effiċenzja akbar, il-proċedura tal-kumitat konsultattiv tkun aktar adegwata.

(13a) imħassar

(14)  Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(15)  Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(16)  Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta Opinjoni dwar din id-Deċiżjoni[14].

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ħolqien tal-programm

1.      Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-programm speċifiku “Ġustizzja Ċivili”, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-programm", bħala parti mill-programm ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”, sabiex jikkontribwixxi għall-istabbiliment progressiv taż-żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja.

2.      Il-programm għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

3.      F’din id-Deċiżjoni, it-terminu “Stat Membru” għandu jfisser Stati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 2

Objettivi ġenerali

1.      Dan il-programm għandu jkollu dawn l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)    Li jippromwovi l-kooperazzjoni ġudizzjarja bl-għan li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona Ewropea ġenwina ta’ ġustizzja fi kwistjonijiet ċivili abbażi ta’ rikonoxximent reċiproku u kunfidenza reċiproka.

(b)    Li jippromwovi l-eliminazzjoni ta' ostakoli għall-funzjonament tajjeb ta' proċedimenti transkonfini (...) ċivili (...) fl-Istati Membri (...).

ċ)      Li jtejjeb il-ħajja ta’ kuljum ta’ individwi u ta' negozji billi jagħmilha possibbli għalihom li jasserixxu drittijiethom fl-Unjoni Ewropea kollha, l-aktar billi jippromwovi aċċess għall-ġustizzja.

(d)    Li jtejjeb il-kuntatti, l-iskambju ta' informazzjoni u n-netwerking bejn l-awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u l-professjonijiet legali, inkluż permezz ta' appoġġ għal taħriġ ġudizzjarju, bil-għan li jtejjeb il-fehim reċiproku fost tali awtoritajiet u professjonisti.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-objettivi u s-setgħat tal-Komunità Ewropea, l-objettivi ġenerali tal-programm jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-linji politiċi Komunitarji, u b’mod aktar speċifiku għall-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja.

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi

Il-programm għandu jkollu dawn l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

1       Li jrawwem il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li għandha l-għan li:

a)      tassigura ċ-ċertezza legali u ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja;

b)     tippromwovi l-għarfien reċiproku ta’ (...) deċiżjonijiet (...) f'każi ċivili u kummerċjali;

c)      telimina l-ostakli għal litigazzjoni transkonfini kkreati minn differenzi fil-liġi ċivili u fil-proċeduri ċivili u tippromwovi l-kompatibbiltà meħtieġa tal-leġislazzjoni għal dak l-għan;

d)     tiggarantixxi amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja billi tevita l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

2.      Li jtejjeb l-għarfien reċiproku tas-sistemi legali u ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri fi kwistjonijiet ċivili u jinkoraġġixxi u jsaħħaħ in-networking, il-kooperazzjoni reċiproka, l-iskambju u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni, esperjenza u l-aħjar prattiki.

3.      Li jassigura l-implimentazzjoni tajba, l-applikazzjoni korretta u konkreta u l-evalwazzjoni ta’ l-istrumenti Komunitarji fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

4.      Li jtejjeb l-informazzjoni dwar is-sistemi legali fl-Istati Membri u l-aċċess għall-ġustizzja.

5.  Li jippromwovi t-taħriġ tal-prattikanti legali fil-liġi ta’ l-Unjoni u Komunitarja (...).

6.      Li jevalwa l-kondizzjonijiet ġenerali meħtieġa għat-tisħiħ tal-kunfidenza reċiproka, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-indipendenza tal-ġudikatura[15].

7.      Li jiffaċilita l-operazzjoni ta’ network ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali maħluq mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2001/470/KE tat-28 ta’ Mejju 2001, li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [16].

Artikolu 4

Azzjonijiet

Bil-ħsieb li jsegwi l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, dan il-programm se jappoġġja t-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Programmi annwali ta' Ħidma:

1.      azzjonijiet speċifiċi mibdijjin mill-Kummissjoni, bħal studji u riċerka, stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika u stħarriġ, formulazzjoni ta’ indikaturi u metodoloġiji komuni, ġbir, żvilupp u disseminazzjoni ta’ data u statistiċi, seminars, konferenzi u laqgħat ta’ l-esperti, organizzazzjoni ta’ kampanji u avvenimenti pubbliċi, żvilupp u manutenzjoni ta' websajts, tħejjija u disseminazzjoni ta’ materjali ta’ informazzjoni, appoġġ lil u ġestjoni ta' networks ta’ esperti nazzjonali, attivitajiet ta’ analiżi, monitoraġġ u evalwazzjoni; jew

2.      proġetti transnazzjonali speċifiċi ta' interess Komunitarju preżentati minn awtorità jew kwalunkwe korp ieħor ta' Stat Membru, organizzazzjoni internazzjonali jew mhux governattiva, u li jinvolvu fi kwalunkwe każ ta' l-inqas żewġ Stati Membri jew mill-inqas Stat Membru wieħed u stat ieħor li jista' jkun pajjiż fil-proċess ta' adeżjoni jew kandidat(...); jew

3.  appoġġ għall-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew entitajiet oħrajn, li jsegwu għan ta’ interess ġenerali Ewropew skond l-objettivi ġenerali tal-programm, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi annwali ta’ ħidma.

4.      għotjiet operattivi biex jikko-finanzjaw nefqa assoċjata mal-programm ta' ħidma permanenti tan-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura u n-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm in-nefqa fis-segwitu ta' objettiv ta' interess ġenerali Ewropew bil-promozzjoni ta' skambji ta' fehmiet u esperjenza f'materji dwar il-ġurisprudenza, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-membri tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet ġudizzjarji u/jew konsultattivi rigward il-Liġi Komunitarja.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni

1.      Dawn il-pajjiżi li ġejjin, minn issa ’l quddiem imsejħin “pajjiżi parteċipanti”, jistgħu jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-programm: il-pajjiżi kandidati, kif ukoll il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent inklużi fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta’ l-assoċjazzjoni jew il-protokolli addizzjonali tagħhom marbutin mal-parteċipazzjoni fi programmi Komunitarji konklużi jew li ser jiġu konklużi ma’ dawk il-pajjiżi;

2.      Il-proġetti jistgħu jassoċjaw prattikanti mid-Danimarka, mill-pajjiżi kandidati li mhux qed jipparteċipaw f’dan il-programm fejn dan jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tagħhom għall-adeżjoni, jew minn pajjiżi terzi li mhux qed jieħdu sehem f’dan il-programm, fejn dan iservi l-għan tal-proġetti.

Artikolu 6

Gruppi ta' Mira

1.      Il-programm huwa mmirat lejn, fost l-oħrajn, prattikanti legali, l-awtoritajiet nazzjonali u ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni b’mod ġenerali.

2.      “Prattikanti legali” tfisser, fost l-oħrajn, imħallfin, prosekuturi, avukati, solicitors, nutara, persunal akkademiku u xjentifiku, uffiċjali tal-ministeri, uffiċjali tal-qorti, uffiċjali ġudizzjarji, interpreti tal-qorti u professjonisti oħrajn assoċjati mal-ġudikatura fil-qasam tal-liġi ċivili.

Artikolu 7

Aċċess għall-programm

Aċċess għal dan il-programm għandu jkun miftuħ għal istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, inklużi organizzazzjonijiet professjonali, universitajiet, istituzzjonijiet tar-riċerka u istituzzjonijiet tat-taħriġ legali u ġudizzjarju għall-prattikanti legali, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ l-Istati Membri.

(...)

Artikolu 8

Tipi ta’ intervent

1.      Il-finanzjament Komunitarju jista' jieħu l-forom legali li ġejjin:

 għotjiet,

 kuntratti ta’ akkwist pubbliku.

2.      L-għotjiet Komunitarji għandhom jingħataw wara sejħiet għal proposti (...) u għandhom ikunu pprovduti permezz ta' għotjiet operattivi u għotjiet għal azzjonijiet. Ir-rata massima ta' kofinanzjament se tiġi speċifikata fil-programmi annwali ta' ħidma[17].

3.      Barra minn hekk, huwa previst infiq għal miżuri li jakkumpanjaw, permezz ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku, f’liema każ il-fondi Komunitarji jkopru x-xiri ta’ servizzi u merkanzija. Dan se jkopri, fost l-oħrajn, in-nefqa fuq informazzjoni u komunikazzjoni, tħejjija, implimentazzjoni, monitoraġġ, iċċekkjar u evalwazzjoni ta’ proġetti, linji politiċi, programmi u leġislazzjoni.

Artikolu 9

Miżuri implimentattivi

1.      Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju Komunitarju skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002, minn issa 'l quddiem imsejjaħ ir-"Regolament Finanzjarju".

2.      Biex timplimenta l-programm, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta’ l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2, tadotta programm annwali ta’ ħidma li jispeċifika l-objettivi speċifiċi, il-prijoritajiet tematiċi, deskrizzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament previsti fl-Artikolu 8 u, jekk tkun meħtieġa, lista ta’ azzjonijiet oħrajn.

3.      Il-programm annwali ta’ ħidma se jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 A (2).

4.      Il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u allokazzjoni relatati ma’ għotjiet lil azzjonijiet għandhom jikkonsidraw, fost l-oħrajn, dawn il-kriterji li ġejjin:

(a)    il-konformità mal-programm annwali ta’ ħidma, l-objettivi ġenerali kif speċifikati fl-artikolu 2 u miżuri li ttieħdu fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikoli 3 u 4;

(b)    il-kwalità ta’ l-azzjoni proposta fir-rigward tal-konċepiment, l-organizzazzjoni, il-preżentazzjoni u r-riżultati mistennijin;

ċ)      l-ammont mitlub għall-finanzjament Komunitarju u l-adegwatezza tiegħu meta jitqiesu r-riżultati mistennijin;

(d)    l-impatt tar-riżultati mistennijin fuq l-objettivi ġenerali ddefiniti fl-Artikolu 2 u fuq miżuri li ttieħdu fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikoli 3 u 4.

5.  L-applikazzjonijiet għal għotjiet operattivi, imsemmijin fl-Artikolu 4 (3), għandhom jiġu vvalutati fid-dawl ta’:

a)      il-konsistenza ma’ l-objettivi tal-programm;

b)     il-kwalità ta’ l-attivitajiet ippjanati;

ċ)      l-effett multiplikatur probabbli fuq il-pubbliku ta’ dawn l-attivitajiet;

d)     l-impatt ġeografiku ta’ l-attivitajiet imwettqin;

e)      l-involviment taċ-ċittadini fl-organizzazzjoni tal-korpi kkonċernati;

f)      il-proporzjoni tal-kost/benefiċċju ta' l-attività proposta.

6.      Il-Kummissjoni għandha teżamina kull wieħed mill-abbozzi ta' azzjoni sottomessi lilha taħt l-Artikolu 4 (2) u (3). Deċiżjonijiet relatati ma' dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 10

Kumitat Amministrattiv

1.        Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat (aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat ta' l-Artikolu 10”).

2.        Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.      Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 10 A

Kumitat ta' Tmexxija

1.        Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat (aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat ta' l-Artikolu 10”).

2.        Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha. Il-perijodu previst fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit bħala tliet xhur.

3.      Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Kumplimentarjetà

1.      Se jitfittxu sinerġiji u komplementarjetà ma’ strumenti Komunitarji oħrajn, b’mod partikolari mal-programm speċifiku dwar il-ġustizzja kriminali tal-programm ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”, u l-programmi ġenerali “Is-Sigurtà u l-Ħarsien tal-Libertajiet” u “Is-Solidarjetà u l-Amministrazzjoni tal-Flussi tal-Migrazzjoni”. L-element statistiku ta’ l-informazzjoni dwar il-ġustizzja ċivili ser jiġi żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri, bl-użu kif meħtieġ tal-Programm Statistiku Komunitarju.

2.      Il-programm jista’ eċċezzjonalment jaqsam riżorsi ma’ strumenti Komunitarji oħrajn, b’mod partikolari l-programm speċifiku tal-ġustizzja kriminali tal-programm ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”, sabiex jimplimenta l-azzjonijiet li jilħqu l-objettivi taż-żewġ programmi (...).

3.  Operazzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni m'għandhomx jirċievu appoġġ finanzjarju għall-istess għan minn strumenti finanzjarji oħrajn ta' l-Unjoni/Komunitarji. Għandu jkun żgurat li l-benefiċjarji tal-programm għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar finanzjament irċevut mill-baġit Komunitarju u minn sorsi oħrajn, kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet kurrenti għal finanzjament.

Artikolu 12

Riżorsi Baġitarji

1.      Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument huwa stabbilit għal EUR [109.3 miljun] għall-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1.

2.      Ir-riżorsi baġitarji allokati għall-azzjonijiet previsti f’dan il-programm għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal kwalunkwe azzjoni ffinanzjata mill-programm, il-benefiċjarju għandu jressaq rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tax-xogħol. Għandu wkoll jiġi ppreżentat rapport finali fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta’ l-azzjoni. Il-Kummissjoni se tagħmel ir-rapporti disponibbli għall-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-kontenut tar-rapporti.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqin mill-Qorti ta’ l-Awdituri flimkien mal-korpi jew dipartimenti nazzjonali kompetenti tal-verifika skond l-Artikolu 248 tat-Trattat, jew kwalunkwe spezzjoni mwettqa skond l-Artikolu 279(ċ) tat-Trattat, uffiċjali u persunal ieħor tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fuq il-post, inklużi kontrolli ta' kampjun, fuq azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm.

3.      Il-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni għandhom jipprovdu b’mod partikolari għal sorveljanza u kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ fuq il-post, u verifiki mill-Qorti ta’ l-Awdituri.

4.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal perijodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni, il-benefiċjarju ta’ assistenza finanzjarja għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta’ appoġġ fir-rigward tan-nefqa fuq l-azzjoni.

5.      Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-kontrolli ta' kampjuni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li, jekk meħtieġ, ser jiġu aġġustati l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ l-assistenza finanzjarja oriġinarjament approvata kif ukoll l-iskeda ta’ żmien għall-pagamenti.

6.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li se jittieħed kull pass ieħor meħtieġ biex tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati jitwettqu sew u f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 14

Protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji Komunitarji

1.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta azzjonijiet iffinanzjati taħt id-Deċiżjoni preżenti jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji Komunitarji jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u permezz ta' l-irkupru ta’ l-ammonti mħallsa mhux kif dovut u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (Euratom, KE) Nru 2185/96, u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.  Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt dan il-programm, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur tad-dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż meta jinkiser obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-programm, li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew il-baġits amministrati minnhom, b’nefqa mhux iġġustifikata.

3.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont ta' assistenza finanzjarja mogħti għal azzjoni jitnaqqas, jiġi sospiż jew irkuprat jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew il-ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun soġġetta għal bidla li tmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-proġett.

4.      Jekk il-limiti ta’ żmien ma ġewx osservati jew jekk parti biss mill-assistenza finanzjarja allokata hija ġustifikata bil-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jintalab jissottometti osservazzjonijiet fi żmien perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza finanzjarja li jkun fadal tista' tiġi kkanċellata u jista' jintalab ħlas lura ta' somom diġà mħallsa.

5.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe pagament mhux dovut għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. L-interessi għandhom jiġu magħduda ma' kwalunkwe somma mhux imħallsa lura f'waqtha taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 15

Evalwazzjoni

1.      Il-programm għandu jiġi mmonitorat regolarment sabiex tkun segwita l-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet imwettqin taħt dan il-programm.

2.      Il-Kummissjoni għandha tassigura l-evalwazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-programm.

3.      Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

(a)    rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksubin u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm, inkluż dwar il-ħidma mwettqa mill-benefiċjarji ta' għotjiet operattivi msemmijin fl-Artikolu 4(4), sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2011;

(aa) preżentazzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm;

(b)    Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta’ dan il-programm sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Awissu 2012;

(ċ)    rapport ta' evalwazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 15 a

Pubblikazzjoni ta' azzjonijiet

Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' azzjonijiet iffinanzjati taħt dan il-programm b'deskrizzjoni qasira ta' kull proġett.

Artikolu 15b

Viżibilità

         Il-Kummissjoni għandha tistipula linji gwida biex tiżgura l-viżibilità tal-fondi mogħtija skond din id-Deċiżjoni.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Hi għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew                                          Għall-Kunsill

Il-President                                                                                    Il-President

________________________

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.
  • [2]               Dan it-test ġie pprovdut mis-servizzi tal-Kunsill u huwa suġġett għal verifika lingwistika legali.
  • [3]               ĠU C,, p.
  • [4]               ĠU L 287, 8.11.1996, p. 3.
  • [5]               ĠU L 196, 14.7.1998, p. 24.
  • [6]               ĠU L 115, 1.5.2002, p. 1.
  • [7]               ĠU C 139.14.6.2006, p. 1.
  • [8]               ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
  • [9]               ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.
  • [10]             ĠU L 136, 31/05/1999 P. 0001 - 0007.
  • [11]             ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [12]             ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.
  • [13]             ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
  • [14]             ĠU.....
  • [15]             Ara l-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' l-Aja (9778/2/05 JAI 207 REV 2, il-punt 4.1(a).
  • [16]             ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.
  • [17]             Fil-laqgħa tal-Kumitat dwar Kwistjonijiet ta' Liġi Ċivili fid-9 ta' Jannar 2006 xi delegazzjonijiet issuġġerew li t-test għandu jispeċifika rati ta' kofinanzjament u limiti massimi għal azzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Presidenza tissuġġerixxi li dawn il-kwistjonijiet ikunu solvuti fil-programm annwali ta' ħidma li għandu jkun adottat minn kumitat ta' ġestjoni (ara ĠU L 184 17.7.1999, p.23).

ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

21.11.2006

Mr Jean-Marie Cavada

Chairman

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

BRUSSELL

Suġġett:           Opinjoni dwar il-bażi legali tal-Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm speċifiku "Ġustizzja Ċivili" (COM(2005)01222005/0040(COD))[1]

Għażiż Sur Chairman,

Bl-ittra ta' l-10 ta' Novembru 2006, inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skond l-Artikolu 35(2) tar-Regoli ta' Proċedura biex jagħti opinjoni dwar il-bażi legali tal-proposta li tistabbilixxi l-programm tal-ġustizzja ċivili għall-2007-2013. Il-Kummissjoni pproponiet li tadotta l-Artikolu 61(c) tat-Trattat KE flimkien ma' l-Artikolu 67(2) bħala l-bażi legali għad-deċiżjoni, filwaqt li l-Kunsill issuġġerixxa li l-Artikolu 67(2) għandu jinbidel ma' l-Artikolu 67(5).

Il-proposta kkonċernata tfittex li tistabbilixxi għall-2007-2013 il-programm speċifiku "Ġustizzja Ċivili" fi ħdan il-programm ġenerali "Id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja" bil-għan li tingħata l-għajnuna għat-tisħiħ taz-zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-ħolqien ta' zona bħal din tkun tippermetti l-awtoritajiet ġudizzjarji biex jikkoperaw b'mod effettiv u biex tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess aħjar għall-ġustizzja mingħajr ma jitwaqqfu jew jiġu skuraġġati milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom minħabba kumplessitajiet u nuqqas ta' kompatibilitajiet fis-sistemi legali. Barra minn hekk, tkun ukoll tippermetti li jiġi stabbilit il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u l-iffunzjonar tajjeb tal-ġudikatura biex din titjieb kontinwament.

Huwa ċar mill-ġurisprudenza li saret fil-Qorti tal-Ġustizzja li l-għażla tal-bażi legali mhijiex għad-diskrezjoni tal-leġiżlatur tal-Komunità imma trid tiġi ddeterminata minn fatturi oġġettivi suġġett għal reviżjoni ġudizzjarja[2], bħal ma huma l-għan u l-kontenut tal-miżura msemmija[3]. Barra minn hekk, il-fattur deċiżiv għandu jkun l-objettiv ewlieni ta' miżura[4].

Jidher evidenti mill-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 tal-proposta, li jfisser, "għat-tħeġġiġ ta' kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li jingħata kontribut għall-ħolqien ta' zona Ewropea ġenwina tal-ġustizzja għal affarijiet ċivili bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-kunfidenza reċiproka; sabiex jitħeġġeġ l-aġġustament tas-sistemi ġudizzjarji eżistenti fl-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea...", li l-oġġett ewlieni tal-programm huwa fil-fatt li tiġi stabbilita kooperazzjoni ġudizzjarja għal affarijiet ċivili.

Apparti minn hekk, il-kontenut tal-proposta jikkonsisti l-iżjed minn varjetà ta' azzjonijiet bl-intenzjoni li jagħmel kooperazzjoni ġudizzjarja bħal din f'affarijiet ċivili possibbli, wara li jikkunsidra wkoll ir-relevanza tiegħu għall-ħolqien ta' zona ta’ libertà, sigurtà u gustizzja.

Mill-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq jidher li l-proposta għal deċiżjoni għandha tiġi bbażata fuq l-Artikolu 61(c) flimkien ma' l-Artikolu 67(5), sakemm il-miżuri msemmija fl-aħħar dispożizzjoni jikkorrispondu mat-tip ta' miżuri msemmija fil-programm propost. Barra minn hekk, huwa possibbli li l-Kummissjoni ħadet żball meta għażlet l-Artikolu 67(2) bħala l-bażi legali ta' l-att, billi jidher ċar mill-oġġett u l-kontenut tiegħu li għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 67(5).

Bħala konklużjoni, m'hemmx problema fir-rigward tal-kompatibilità bejn l-Artikolu 67(5) u l-Artikolu 61(c) - li jibqa' l-bażi legali konġunta għall-proposta. L-Artikolu 61(c) jiddefinixxi t-tip ta' miżuri li jridu jiġu adottati "sabiex tiġi stabbilita b'mod progressiv zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja", li kollha kemm huma jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni, filwaqt li l-Artikolu 67(5) jistabbilixxi l-proċedura li trid tintuża għall-adozzjoni ta' miżuri bħal dawn, b'mod partikolari l-kodeċiżjoni.

Fil-laqgħa tiegħu ta' l-20 ta' Novembru 2006, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali eżamina din il-kwistjoni u ddeċieda li l-Artikolu 61(c) flimkien ma' l-Artikolu 67(5) għandhom jitqiesu bħala l-bażi legali kif suppost għall-proposta msemmija[5].

Dejjem tiegħek,

Giuseppe Gargani

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.
  • [2]  Kawża 45/86, Kummissjoni v. Kunsill [1987] ECR 1439, para. 5.
  • [3]  Kawża C-300/89, Kummissjoni v. Kunsill [1991] ECR I-287, para. 10, u Kawża C-42/97, Parlament Ewropew v. Kunsill [1999] ECR I-869, para. 36.
  • [4]  Kawża C-377/98, L-Olanda v. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [2001] ECR I-7079, para. 27.
  • [5]  Dawk preżenti għall-votazzjoni finali: Giuseppe Gargani (chairman), Maria Berger, Carlo Casini, Rosa Díez González, Jean-Paul Gauzès, Manuel Medina Ortega, Gabriele Stauner, Jaroslav Zvěřina

OPINJONI tal-Kumitat għall-baġit (27.2.2006)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm speċifiku "Ġustizzja Ċivili" bħala parti mill-programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja"
(COM(2005)0122 – C6‑0096/2005 – 2005/0040(COD))

Rapporteur għal opinjoni: Neena Gill

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Kummissjoni pproponiet Intestatura 3 ġdida, “Iċ-Ċittadinanza, il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja”, fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju li jmiss ta' l-Unjoni (2007-2013) ippreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill[1] b'allokazzjoni totali ta' EUR 24,705 biljun li minnhom 65% ġew proposti sabiex jindirizzaw it-tlestija ta’ zona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005, "L-Isfidi tal-Politika u l-Mezzi Baġitarji ta' l-Unjoni Mkabbra 2007-2013"[2] il-Parlament Ewropew ippropona żieda ta' EUR 1 biljun (prezzijiet ta' l-2004) u speċifika li din għandha tkun iddedikata għad-drittijiet fundamentali u għall-ġlieda kontra l-kriminalità.

PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Din il-proposta hija waħda mill-erba’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jagħmlu l-programm qafas “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”[3], li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni f’April 2005 u li ġie propost għal perjodu bejn Jannar 2007 sa Diċembru 2013 b’allokazzjoni globali ta’ EUR 543 miljun f’approprijazzjonijiet ta’ impenn.. Erba' programmi speċifiċi huma stabbiliti bħala parti mill-programm qafas: Il-programm għall-ġlieda kontra l-vjolenza u għall-prevenzjoni tad-droga, il-programm għad-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza, il-programm għall-ġustizzja penali u l-programm dwar il-ġustizzja ċivili.

Il-proposta attwali għal programm dwar il-ġustizzja ċivili huwa ffukat l-aktar fuq il-promozzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' zona Ewropea awtentika dwar il-ġustizzja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali li tkun ibbażata fuq l-għarfien reċiproku u fuq il-fiduċja reċiproka. Prijoritajiet oħra tal-programm huma:

· Sabiex jippromwovi l-aġġustament tas-sistema ġudizzjarja eżistenti fl-Istati Membri għal sistema fejn l-Unjoni Ewropea tkun territorju mingħajr kontrolli tal-fruntieri, b'munita waħda, u bil-moviment ħieles ta' persuni, servizzi, prodotti u kapital;

· Sabiex jippromwovi l-aċċess għall-ġustizzja;

· Sabiex itejjeb il-kuntatti u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-professjonijiet legali, u sabiex jippromwovi t-taħriġ tal-membri tal-ġudikatura.

L-allokazzjoni finanzjarja għall-Fond speċifiku “Ġustizzja Ċivili” għall-perjodu 2007-2013 huwa ta' EUR 106.5 miljun li jinqasam kif ġej:

 

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014...

TOTAL

 

Impenji

 

 

Pagamenti

14,1

14,3

14,6

15,5

15,7

16

16,3

 

106,5

7,05

12,81

14,41

14,99

15,42

15,81

16,09

9,92

106,5

Il-proposta tal-Kummissjoni tista' tintlaqa’, peress li tfisser koperazzjoni ikbar u aħjar ibbażata fuq il-prinċipju ta' l-għarfien reċiproku u tal-bini tal-fiduċja, sabiex jiġi evitat li l-fruntieri bejn il-pajjiżi jkunu ta’ xkiel għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ liġi ċivili u kummerċjali jew għat-tressiq ta’ proċedimenti bil-qorti u l-infurzar tad-deċiżjonijiet. Ir-rapporteur għal opinjoni tinnota li, madankollu, l-abbozzar tal-proposta mhux ta' l-ogħla kwalità, l-aktar f'dak li jirrigwarda spjegazzjoni ċara tar-razzjonalizzazzjoni, fejn kien ikun utli t-tqassim iddettaljat tal-linji baġitarji li għandhom jingħaqdu flimkien, l-iffrankar stmat u fejn se jintużaw dawn il-flus.

Il-proposta tqajjem numru ta' kummenti:

1.   Għandu jkun innotat li l-ammont għall-qafas finanzjarju msemmi fl-Artikolu 12 f'dan l-istadju jista' jiġi kkunsidrat biss bħala wieħed indikattiv, ladarba għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar il-prospettiva finanzjarja. Għaldaqstant tressqet emenda addizzjonali għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u s-simplifikazzjoni, qed jiġi propost paragrafu ġdid li jispeċifika l-miżuri ta' implimentazzjoni għall-programm biex ikun diskuss fil-kumitat konsultattiv. Dan l-artikolu jinkludi l-programm ta' ħidma annwali, il-linji gwida u l-proposti għall-għażla ta' proġetti, fost miżuri oħra, biex jiġu adottati fi ħdan il-kumitat konsultattiv sabiex tiġi żgurata t-trasparenza. Għalhekk ġiet proposta emenda sabiex tibdel l-Artikolu 9, paragrafu 3.

3.   Sabiex ikun evitat ir-riskju li l-azzjonijiet tal-proposta preżenti jidħlu fuq l-azzjonijiet tal-programm ġenerali dwar "Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet" u tal-programmi speċifiċi korrispondenti tal-programm ġenerali dwar "Id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja", u "Is-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Fluss tal-Migrazzjoni", qed tiġi proposta emenda għall-Artikolu 11.

4.   Huwa importanti li jiġi żgurat skrutinju demokratiku permezz ta' arranġamenti xierqa għall-immonitorjar u l-evalwazzjoni tal-fond. F'dan ir-rigward tressqu diversi emendi għall-Artikoli 13 u 15.

EMENDI

Il-Kumitat għall-Baġit jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Abbozz Ta' Riżoluzzjoni Leġiżlattiva

Emenda 1

Paragrafu 1 a (ġdid)

1a.      Jirrimarka li l-approprjazzjonijiet indikati fil-proposta leġiżlattiva għal wara l-2006 huma suġġetti għad-deċiżjoni dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss;

Emenda 2

Paragrafu 1 b (ġdid)

1b.      Jistieden lill-Kummissjoni sabiex meta l-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss ikun adottat tippreżenta, jekk xieraq, proposta għall-aġġustament ta' l-ammont finanzjarju ta' riferenza tal-programm.

Ġustifikazzjoni

L-ammont ta’ riferenza għall-qafas finanzjarju ma jistax jiġi stabbilit qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-Prospettiva Finanzjarja. Meta tittieħed deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta' riferenza fir-rigward tal-limitu ta’ fuq xieraq għall-qafas finanzjarju kkonċernat..

Proposta għal deċiżjoni

Test propost mill-Kummissjoni[4]

 

 

Emendi tal-Parlament

Emenda 3

Artikolu 8, paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a. L-aċċess għall-finanzjament għandu jiġi faċilitat permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tad-dokumenti li jridu jiġu fornuti u permezz tal-ħolqien ta’ bażi ta’ dejta għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet.

Ġustifikazzjoni

Il-metodi u l-proċeduri jeħtieġ li jiġu simplifikati sabiex titħaffef it-trasparenza tal-proċedura ta’ l-għażla u sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għall-programm.

Emenda 4

Artikolu 9 paragrafu 3

3. Il-programm ta’ ħidma annwali ser ikun adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 (2).

3. Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm u li huma relatati mal-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 10 (2):

 

(a) il-programm annwali tax-xogħol;

 

(b) il-baġit annwali u t-tqassim ta' fondi bejn id-diversi azzjonijiet tal-programm;

 

(c) il-linji gwida ġenerali għall-implimentazzjoni tal-programm u l-kriterji u l-proċeduri ta’ l-għażla;

 

(e) l-arranġamenti għall-moniteraġġ u l-evalwazzjoni ta' l-azzjonijiet u għat-tixrid u t--trasferiment tar-riżultati;

 

(f) il-proposti għall-għażla tal-proġetti.

Ġustifikazzjoni

Il-pjan annwali ta' ħidma, il-baġit annwali u t-tqassim ta' fondi fost l-azzjonijiet, il-linji gwida ġenerali u l-proposti għall-għażla tal-proġetti jistgħu jiġu ppreżentati lill-Kumitat għal raġunijiet ta' trasparenza.

Emenda 5

Artikolu 11, paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet koperti b’din id-Direttiva jkunu kumplimentari ma' dawk koperti permezz tal-programmi msemmija fil-paragrafu 1 u li ma jidħlux fuq xulxin.

Ġustifikazzjoni

L-att leġiżlattiv għandu jkun aktar speċifiku u ċar sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-azzjonijiet tal-proposta preżenti jidħlu fuq, jew li jkun hemm finanzjament doppju fir-rigward ta’ l-azzjonijiet: tal-programm qafas għas-“Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet” tal-programmi speċifiċi l-oħra taħt il-programmi ġenerali dwar “Id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja” u l-programm qafas dwar “is-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”. Il-programm speċifiku preżenti se jikkoordina wkoll l-azzjonijiet tiegħu ma’ dawk relatati man-Netwerk Ġudizzjali Ewropew għall-Affarijiet Ċivili u Kummerċjali

Emenda 6

Artikolu 12, paragrafu 1

1. Il-baġit għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument huwa stabbilit għal EUR 109.3 miljun għall-perjodu stabbilit fl-Artikolu 1.

1. Il-baġit indikattiv għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument huwa stabbilit għal EUR 109.3 miljun għall-perjodu ta’ 7 snin li jibda fl-1 ta’ Jannar 2007 stabbilit fl-Artikolu 1.

Ġustifikazzjoni

L-ammont ta’ riferenza għall-qafas finanzjarju ma jistax jiġi stabbilit qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-Prospettiva Finanzjarja. Meta tittieħed deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta leġiżlattiva sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta' riferenza fir-rigward tal-limitu ta’ fuq xieraq għall-qafas finanzjarju kkonċernat (ara l-emenda għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva).

Emenda 7

Artikolu 13, paragrafu 1, subparagrafu 1a (ġdid)

 

Il-Kummissoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet koperti minn din id-Deċiżjoni jkunu suġġetti għal evalwazzjoni minn qabel, għal immoniterjar u għal evalwazzjoni ex post. Għandha tiżgura li l-programm ikun aċċessibbli u li jkun implimentat b'mod trasparenti.

Ġustifikazzjoni

Huwa meħtieġ li l-programm jiġi mmoniterjat u evalwat fil-mumenti xierqa, sabiex jiġi żgurat skrutinju demokratiku.

Emenda 8

Artikolu 13, paragrafu 1, subparagrafu 1b (ġdid)

 

 

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-ħin dwar l-implimentazzjoni tal-programm, b'mod partikulari dwar l-użu tar-riżorsi disponibbli.

Ġustifikazzjoni

Ikun xieraq li ż-żewġ fergħat ta' l-awtorità baġitarja jirċievu informazzjoni regolari u f'waqtha sabiex jiġi żgurat li l-programm jiġi mmoniterjat u evalwat b'mod effettiv.

Emenda 9

Artikolu 15 paragrafu 3

3. Il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

3. Il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

(a) rapport interim ta’ valutazzjoni fuq ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2011;

(a) rapport interim dettaljat ta’ valutazzjoni fuq ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm, tliet snin wara li tiġi adottata din id-Deċiżjoni;

(b) Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta’ dan il-programm, mhux aktar tard mit-30 ta’ Awissu 2012;

(b) Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta’ dan il-programm, b’mod li jingħata kas ta’ l-għanijiet tiegħu, tliet snin wara li tiġi adottata din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk il-Kummissjoni għandha kull sena tippreżenta rapport qasir li jimmoniterja s-sitwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-programm;

(c) Rapport dwar l-evalwazzjoni ex post, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014.

(c) Rapport dwar l-evalwazzjoni ex post, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, li jkopri l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm, meta tkun lesta l-implimentazzjoni tiegħu.

Ġustifikazzjoni

Huwa meħtieġ li l-programm jiġi mmoniterjat u evalwat fil-mumenti xierqa, sabiex jiġi żgurat skrutinju demokratiku.

PROĊEDURA

Titolu

Proposta ghal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm speċifiku “Il-ġlieda kontra l-vjolenza (Daphne) u l-prevenzjoni tad-droga u l-informazzjoni dwarha” bħala parti mill-programm ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”

 

Referenzi

COM(2005)0122 – C6‑0096/2005 – 2005/0040(COD)

Kumitat responsabbli

LIBE

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

22.6.2005

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Neena Gill

9.6.2005

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

25.1.2006

21.2.2006

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

21.2.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Herbert Bösch, Simon Busuttil, Bárbara Dührkop Dührkop, James Elles, Salvador Garriga Polledo, Ingeborg Gräßle, Louis Grech, Nathalie Griesbeck, Catherine Guy-Quint, Jutta D. Haug, Anne E. Jensen, Wiesław Stefan Kuc, Alain Lamassoure, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Mario Mauro, Jan Mulder, Gérard Onesta, Esko Seppänen, László Surján, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

PROĊEDURA

Titolu

Proposta ghal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm speċifiku “Ġustizzja Ċivili” bħala parti mill-programm ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”

Referenzi

COM(2005)0122 - C6-0096/2005 - 2005/0040(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

6.4.2005

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

22.6.2005

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

22.6.2005

BUDG

22.6.2005

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

JURI

24.10.2005

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Inger Segelström

6.6.2005

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Proċedura simplifikata – data tad-deċiżjoni

 

Bażi legali kkontestata
  Data ta' l-opinjoni tal-JURI

LIBE

10.11.2006

JURI

21.11.2006

 

Dotazzjoni finanzjarja emendata
  Data ta' l-opinjoni tal-BUDG

 

 

 

Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja

 

Konsultazzjoni mill-PE mal-Kumitat tar-Reġjuni - data tad-deċiżjoni fis-seduta plenarja

 

Eżami fil-kumitat

4.10.2005

1.6.2006

1.12.2005

23.10.2006

6.3.2006

22.11.2006

3.4.2006

18.4.2006

 

Data ta' l-adozzjoni

22.11.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

0

40

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Roberta Angelilli, Edit Bauer, Johannes Blokland, Mihael Brejc, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Elly de Groen-Kouwenhoven, Lilli Gruber, Lívia Járóka, Timothy Kirkhope, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Romano Maria La Russa, Claude Moraes, Inger Segelström, Ioannis Varvitsiotis, Donato Tommaso Veraldi, Manfred Weber, Stefano Zappalà, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Frieda Brepoels, Bárbara Dührkop Dührkop, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in 't Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Vincent Peillon, Marie-Line Reynaud

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Iratxe García Pérez, Esther Herranz García, Mary Honeyball, Ana Mato Adrover, Manolis Mavrommatis, María Isabel Salinas García, Alejo Vidal-Quadras

Data tat-tressiq

7.12.2006

Kummenti
(disponibbli b'lingwa waħda biss)