RAPPORT li jinkludi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tan-negozjati rigward id-deċiżjoni ta' qafas dwar il-protezzjoni ta' dejta personali fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'kwistjonijiet kriminali
11.12.2006 - (2006/2286(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur(s) Martine Roure
PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL
dwar l-iżvilupp tan-negozjati rigward id-deċiżjoni ta' qafas dwar il-protezzjoni ta' dejta personali fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'kwistjonijiet kriminali
Il-Parlament Ewropew
– wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill ippreżentata minn Martine Roure f'isem il-grupp PSE dwar l-iżvilupp tan-negozjati rigward id-deċiżjoni ta' qafas dwar il-protezzjoni ta' dejta personali fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'kwistjonijiet kriminali (B6‑0618/2006),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2006[1],
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Grupp ta' ħidma ta' l-Awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni ta' dejta personali (l-artikolu 29, id-Direttiva 95/46/KE) u tal-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni ta' dejta personali[2],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-protezzjoni tal-persuni fir-rigward ta' l-ipproċessar awtomatiku tad-dejta personali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' applikazzjoni tal-Ftehima ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża relatata mas-soppressjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni[3],
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Konferenza ta' l-Awtoritajiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta, u tal-Kontrollur Ewropew tal-protezzjoni tad-dejta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 114 paragrafu 3, u l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0456/2006),
A. billi l-Kunsill irrispetta impenn li ħa fis-27 ta' Settembru 2006 quddiem il-Parlament Ewropew biex jiġi mgħaġġel ir-rittmu tad-diskussjonijiet dwar il-proposta tad-deċiżjoni ta' qafas dwar il-protezzjoni ta' dejta personali fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'kwistjonijiet kriminali, u billi kważi wasal għal qbil dwar dan it-test,
B billi minkejja l-impenn li ttieħed mill-Presidenza fis-27 ta' Settembru quddiem il-Parlament Ewropew, il-pożizzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament Ewropew, adottata b'unanimita, tidher li ma ġietx meqjusa fin-negozjati li għaddejjin fi ħdan il-Kunsill,
C. billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ma kinux qed jiġu infurmati dwar l-istat tan-negozjati fi ħdan il-Kunsill,
D. minħabba l-opinijonijiet riżervati ta' l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta u d-dikjarazzjoni tagħhom f'Londra fit-2 ta' Novembru 2006, jitlob qafas koerenti ta' protezzjoni tad-dejta, fejn id-dejta tkun skambjata fl-Istati Membri, bejniethom, jew ma' pajjiżi terzi,
E. billi l-opinjonijiet tal-Kontrollur Ewropew tal-protezzjoni tad-dejta, u tal-Konferenza ta' l-Awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta jidhru li ma ġewx meqjusa waqt in-negozjati fil-Kunsill,
F. inkwetat ħafna minħabba d-direzzjoni li ħadu d-diskussjonijiet fil-Kunsill, l-Istati Membri jidhru li qed jimxu lejn ftehima dwar il-protezzjoni tad-dejta personali bbażata fuq l-iktar denominatur komuni baxx; jibża', anzi, li l-livell ta' protezzjoni tad-dejta huwa aktar baxx minn dak żgurat mid-direttiva 95/46/KE u mill-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa, u li l-implimentazzjoni ta' dik il-ftehima se jkollha impatt negattiv fuq il-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta personali fl-Istati Membri ta' l-UE mingħajr ma tistabbilixxi livell sodisfaċenti ta' protezzjoni fuq livell Ewropew;
G. billi t-test tad-deċiżjoni ta' qafas li qed jiġi diskuss bħalissa fil-Kunsill se jintroduċi regoli differenti għall-protezzjoni tad-dejta: dawk applikati mill-Istati li huma parti miz-zona Schengen, u dawk applikati mill-Istati Membri li mhumiex parti minn din iz-zona, differenzi li se jwasslu għal nuqqas ta' koerenza fl-istandards tal-protezzjoni tad-dejta fl-istess Unjoni Ewropea,
H. billi din il-proposta ta' deċiżjoni ta' qafas hija marbuta ħafna ma' l-implimentazzjoni tal-prinċipju tad-disponibilta, li huwa prijorita tal-Programme ta' The Hague,
I. Ifakkar li din il-proposta ta' deċiżjoni ta' qafas għandha, biż-żmien, tissostitwixxi l-Konvenzjoni 108, hawn fuq imsemmija, tal-Kunsill ta' l-Ewropa u tagħti lill-UE strument tagħha stess għall-protezzjoni tad-dejta fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija,
1. Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:
Prinċipji Ġenerali
a) jiżgura protezzjoni għolja tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej billi jinħoloq qafas legali ta' protezzjoni tad-dejta personali fl-oqsma koperti mit-Titolu VI tat-Trattat UE,
b) jikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tal-koperazzjoni Ewropea fl-oqsma tal-pulizija u tal-ġustizzja u jinforza mill-ġdid il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri billi jiżgura livell minimu u armonizzanti ta' protezzjoni ta' dejta,
c) jiżgura li d-deċiżjoni ta' qafas iġġib magħha valur miżjud Ewropew billi jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta fl-Istati Membri kollha,
d) jistabbilixxi prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta għat-tielet pilastru billi jerġa' jieħu l-prinċipji tad-direttivi komunitarji f'dan il-qasam, u jistabbilixxi regoli supplementari ta' protezzjoni ta' dejta filwaqt li jqis il-karatteristika speċifika tal-ħidma ġudizzjarja u tal-pulizija,
e) jiggarantixxi l-prinċipji ta' l-iskop u tal-proporzjonalita li jipprevedu li kwalunkwe ndħil fil-ħajja privata ta' ċittadin għandu jkun neċessarju u ġustifikat, u kwalunkwe proċessar ieħor tad-dejta għandu jirrispetta l-għan prinċipali li għalih ġiet miġbura d-dejta, b'konformita mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem,
f) jattribwixxi kamp ta' applikazzjoni kbir lid-deċiżjoni ta' qafas li se tkopri l-protezzjoni tad-dejta fil-kuntest ta' proċessar nazzjonali, li l-għan tagħha huwa l-istess bħal dak tad-Direttiva 95/46/KE jiġifieri li tkun kapaċi tipprovdi liċ-ċittadini b'livell għoli ta' protezzjoni f'zona ta' liberta, sikurezza u ġustizzja u li telimina diskrepanzi bejn il-livelli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna u tal-livelli ta' sikurezza ta' fajls u sistemi ta' dejta, diskrepanzi li jtellfu t-trasmissjoni u l-iskambju ta' dejta bejn l-Istati Membri differenti,
Standards minimi għall-protezzjoni tad-dejta fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni ġudizzjarja u dak tal-pulizija
g) l-istandards preżenti ta' protezzjoni tad-dejta m'għandhomx jiddgħajfu billi jiġi adottat test li ma jkoprix id-direttiva 95/46/CE u l-Konvenzjoni 108, li ssemmiet qabel, tal-Kunsill ta' l-Ewropa, li torbot legalment lill-Istati Membri, b'mod partikolari:
- jinżamm id-dritt għall-informazzjoni u għall-aċċess għad-dejta tal-persuni interessati u d-dritt għall-appell skond l-Artikolu 5, punt a) u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni 108,
- jinżamm livell għoli ta' protezzjoni ta' dejta sensittiva, b'konformità ma' l-istandards eżistenti fl-ewwel pilastru; ukoll il-prinċipju ta' projbizzjoni u l-użu ta' kategoriji partikolari ta' dejta, minbarra eċċezzjonijiet limitati, għandu jiġi dejjem żgurat; jiġi żgurat livell għoli ħafna ta' protezzjoni tad-dejta f'dak li jikkonċerna l-ipproċessar ta' dejta bijometrika u dik dwar DNA,
- tinżamm id-distinzjoni bejn it-tipi differenti ta' dejta (dejta dwar vittmi, suspettati, xħieda, eċċ.) sabiex ikun possibbli l-ipproċessar u l-garanziji differenti u speċifiċi skond t-tip tad-dejta, b'mod partikolari rigward dawk li mhumiex suspettati,
h) ikun ikkunsidrat il-fatt li differenza kbira ħafna fil-livelli ta' protezzjoni tad-dejta bejn l-ewwel u t-tielet pilastru se jkollu mhux biss effett negattiv fuq id-dritt taċ-ċittadini għall-protezzjoni tad-dejta iżda wkoll fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll fuq l-effiċjanza tal-ħidma tal-pulizija,
i) tiġi żgurata l-kwalità tad-dejta; għandha tiġi trasmessa biss dejta li tkun a priori eżatta, fuq rikjesta preliminari motivata minn awtorità kompetenti,
j) tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-regoli Ewropej dwar il-konfidenzjalità tad-dejta,
Ipproċessar u trasferiment ulterjuri tad-dejta
k) jiġu stabbiliti limiti u garanziji speċifiċi rigward l-ipproċessar ulterjuri u t-trasferiment ta' dejta lil awtoritajiet oħra li mhumiex awtoritajiet kompetenti filwaqt li jiġi żgurat il-prinċipju ta' l-iskop finali,
l) dwar l-iskambju tad-dejta ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi jinsisti li jkun inkluż fil-qasam ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni qafas, sabiex jiġi żgurat, jekk ikun hemm bżonn permezz tan-negozjati ta' ftehimiet internazzjonali adatti, livell xieraq ta' protezzjoni tad-dejta; jintalab bl-istess mod li l-kwalità tad-dejta li tasal minn pajjiżi terzi tiġi evalwata, ukoll fuq il-bażi tal-protezzjoni tad-drittijiet fondamentali,
m) jiġu stabbiliti garanziji speċifiċi rigward it-trasferiment u l-użu ta' dejta miġbura minn partijiet privati u pproċessata fil-qafas ta' funzjoni pubblika; jiġu ffissati sanzjonijiet, inklużi penalitajiet, għal kull użu ħażin tad-dejta pproċessata f'dan il-kuntest,
Osservazzjonijiet speċifiċi
2. Jikkunsidra li f'relazzjoni daqshekk sensittiva u diversa bħal dik li teżisti bejn l-awtorità pubblika u ċ-ċittadin, l-aċċettazzjoni waħeda tal-persuna ma tistax tkun ikkunsidrata bħala bażi legali suffiċjenti biex ikun ġustifikat l-ipproċessar ulterjuri, għal skopijiet ta' sigurtà, tad-dejta ta' din il-persuna ħlief fil-każ ta' sitwazzjonijiet eċċezzjonali, speċifiċi, definiti u regolati minn qabel bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u jfakkar li d-Direttiva 95/46/CE tissokta tapplika fl-ipproċessar kollu ulterjuri rilevanti fl-ewwel pilastru;
3. Jikkunsidra neċessarja l-konsultazzjoni obbligatorja ta' l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta (konformi mad-Direttiva 95/46CE) kif ukoll tan-netwerk istituzzjonali Ewropew tagħhom, il-"Grupp ta' Ħidma Artikolu 29", fil-qafas tal-preparazzjoni tal-miżuri kollha regolatorji jew amministrattivi dwar il-protezzjoni tad-dejta;
4. Itenn l-appell tiegħu li l-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali jinvolvu ruħhom fil-fond fid-diskussjonijiet li għaddejjin fil-Kunsill, u li tiġi kkunsidrata l-opinjoni adottata unanimament mill-Parlament Ewropew,
5. Jistieden lill-Kunsill li jadotta d-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta, filwaqt li jikkunsidra kif jixraq il-pożizzjoni msemmija qabel, adottata unanimament mill-Parlament; itenni li l-Parlament Ewropew iqis bħala essenzjali l-adozzjoni ta' deċiżjoni qafas adegwata dwar il-protezzjoni tad-dejta fit-tielet pilastru qabel ma jiġu adottati d-deċiżjoni dwar il-VIS u r-regolamenti dwar il-VIS,
6. Jappella li jinżammu, fid-deċiżjoni qafas, ir-regoli dettaljati dwar is-sigurtà tad-dejta, mqabblin mar-regoli stipulati fil-Konvenzjoni Europol;
7. Jirriżerva l-possibiltà li jiddiskuti mal-parlamenti nazzjonali l-opinjoni tiegħu fil-ġejjieni dwar it-test tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta, meta l-Kunsill ikun iddefinixxa l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni;
8. Jappella għall-adozzjoni malajr tad-deċiżjoni qafas iżda javża li l-għaġġla fid-deċiżjonijiet m'għandhiex twassal biex il-livell tal-protezzjoni tad-dejta jitbaxxa, u li l-artikoli li jagħtu problemi ma jridux jiġu sempliċement ikkanċellati jew simplifikati;
9. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-Kunsill ta' l-Ewropa.
- [1] Testi adottati f'dik id-data, P6_TA(2006)0370
- [2] ĠU C 47 tal-25.2.2006, p. 27.
- [3] ĠU L 239 tal-22.9.2000, p. 19.
PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI (B6‑0618/2006) (21.11.2006)
imressqa b'konformita ma' l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura
minn Martine Roure
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-protezzjoni ta' dejta personali fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'kwistjonijiet kriminali
Il-Parlament Ewropew
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu adottat fis-27 ta' Settembru 2006[1],
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-grupp ta' ħidma ta' l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni ta' dejta personali (id-direttiva 95/46/KE, l-artikolu 29) u tal-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni ta' dejta personali[2],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-protezzjoni tal-persuni fir-rigward ta' l-ipproċessar awtomatiku tad-dejta personali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' applikazzjoni tal-Ftehima ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża relatata mas-soppressjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill irrispetta l-impenn tiegħu li ħa fis-27 ta' Settembru 2006 quddiem il-Parlament biex jiġi mgħaġġel ir-rittmu tad-diskussjonijiet dwar il-proposta tad-deċiżjoni-qafas dwar il-protezzjoni ta' dejta personali fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'kwistjonijiet kriminali, u billi kważi wasal għal qbil dwar dan it-test,
B. billi minkejja l-impenn meħud mill-Presidenza fis-27 ta' Settembru 2006 quddiem il-Parlament, l-opinjoni tal-Parlament - għalkemm adottata unanimament - qisha ma ġietx meqjusa fin-negozjati li qed isiru fi ħdan il-Kunsill,
C. billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ma kienux qed jiġu infurmati dwar l-istat tan-negozjati fi ħdan il-Kunsill,
D. minħabba li l-opinjonijiet riżervati li ġew espressi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta personali, kif ukoll id-dikjarazzjoni tagħhom li saret Londra fit-2 ta' Novembru 2006, fejn dawn talbu għat-twaqqif ta' qafas koerenti tal-protezzjoni tad-dejta personali, kemm jekk dawn ikunu skambjati fuq livell nazzjonali, bejn l-Istati Membri u jew ma' pajjiżi terzi,
E. billi t-tħassib estrem tiegħu jikkonċerna d-direzzjoni li qed jieħdu d-diskussjonijiet fil-Kunsill,
1. Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:
a) jiddispjaċih li l-Istati Membri qed jimxu lejn ftehima dwar il-protezzjoni tad-dejta personali bbażata fuq l-iktar denominatur komuni baxx; jibża', anzi, li l-implimentazzjoni ta' dik il-ftehima se jkollha impatt negattiv fuq il-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta personali fl-Istati Membri ta' l-UE mingħajr ma tistabbilixxi livell sodisfaċenti ta' protezzjoni fuq livell Ewropew;
b) ifakkar li din il-proposta ta' deċiżjoni qafas għandha, meta jiġi ż-żmien, tissostitwixxi l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa Nru 108 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali; madankollu, iqis illi t-test li qed jiġi diskuss bħalissa ma jikkumparax mal-Konvenzjoni Nru 108 u hemm riskju li jkun ta' dannu għall-istandards eżistenti ta' protezzjoni tad-dejta; jispera li d-deċiżjoni qafas ġġib magħha valur miżjud Ewropew billi tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta fl-Istati Membri kollha;
c) jikkunsidra wkoll li, skond in-negozjati fil-Kunsill bħalissa, id-deċiżjoni qafas li ġiet proposta se toħloq inkonsistenzi f'ċerti standards ta' protezzjoni tad-dejta bejn l-Istati li huma firmatarji għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehima ta' Schengen, li jimplimentaw l-Konvenzjoni Nru 108, u dawk li mhumiex firmatarji;
d) jispera li d-deċiżjoni qafas se jkollha kamp ta' applikazzjoni wiesa' li jkopri l-protezzjoni tad-dejta fil-kuntest ta' proċessar nazzjonali, li l-għan tagħha huwa l-istess bħal dak tad-Direttiva 95/46/KE jiġifieri li tipprovdi liċ-ċittadini b'livell għoli ta' protezzjoni f'zona ta' liberta, sikurezza u ġustizzja u li telimina diskrepanzi bejn il-livelli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna u tal-livelli ta' sikurezza ta' fajls u sistemi ta' dejta li jtellfu t-trasmissjoni u l-iskambju ta' dejta bejn l-Istati Membri;
e) itenn li għandhu jkun inkluż ukoll l-iskambu ta' dejta ma' awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi (mhux ta' l-UE) fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni qafas bil-ħsieb li jkun żgurat livell xieraq ta' protezzjoni tad-dejta, u jekk hemm bżonn, permezz ta' negozjar ta' ftehimiet internazzjonali xierqa;
f) jispera li r-regoli futuri ta' l-Unjoni Ewropea jiżguraw livell għoli ħafna ta' protezzjoni għal dejta sensittiva, partikularment rigward l-ipproċessar ta' dejta bijometrika u dik relatata mad-DNA;
g) jemmen li, fil-qafas ta' relazzjoni sensittiva u inugwali bħal dik li teżisti bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadin, il-kunsens ta' individwu mhux biżżejjed biex ikun meqjus bħala bażi legali suffiċjenti biex jiġġustifika l-ipproċessar sussegwenti ta' dejta personali għal għanijiet ta' sigurtà, u jfakkar li d-Direttiva 95/46/KE tkompli tapplika għall-ipproċessar sussegwenti kollu bbażat fuq l-ewwel pilastru;
h) jirriżerva l-possibilta li jiddiskuti mal-parlamenti nazzjonali l-opinjoni tiegħu fil-ġejjieni dwar it-test tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, meta l-Kunsill ikun iddefinixxa l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni;
2. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u gvernijiet ta' l-Istati Membri.
- [1] P6_TA(2006)0370.
- [2] ĠU C 47 tal-25.2.2006, p. 27.
- [3] ĠU L 239 tal-22.9.2000, p. 19.
PROĊEDURA
Titolu |
L-iżvilupp tan-negozjati rigward id-deċiżjoni ta' qafas dwar il-ħarsien ta' dejta personali fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'kwistjonijiet kriminali |
||||||||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||||||||
Proposta (i) bażi ta' rakkomandazzjoni |
|
|
|||||||||||
Kumitat responsabbli |
LIBE |
||||||||||||
Data tad-deċiżjoni għat-tfassil tar-rapport |
23.11.2006 |
||||||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
|
|
|
|
|
||||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
||||||||
Koperazzjoni iktar mill-qrib |
|
||||||||||||
Rapporteur(s) |
Martine Roure |
|
|||||||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
|||||||||||
Eżami fil-kumitat |
27.11.2006 |
11.12.2006 |
|
|
|
||||||||
Data ta' l-adozzjoni |
11.12.2006 |
||||||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 0 1 |
|||||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Johannes Blokland, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Elly de Groen-Kouwenhoven, Adeline Hazan, Ewa Klamt, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Sarah Ludford, Edith Mastenbroek, Hartmut Nassauer, Martine Roure, Luciana Sbarbati, Inger Segelström, Ioannis Varvitsiotis, Donato Tommaso Veraldi, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka |
||||||||||||
Suppléant(s) présent(s) au moment du vote final |
Marco Cappato, Richard Corbett, Camiel Eurlings, Ignasi Guardans Cambó, Jeanine Hennis-Plasschaert, Sophia in 't Veld, Javier Moreno Sánchez, Marie-Line Reynaud, Kyriacos Triantaphyllides, Rainer Wieland |
||||||||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marie-Arlette Carlotti, Kartika Tamara Liotard, Yannick Vaugrenard |
||||||||||||
Data tat-tressiq |
11.12.2006 |
||||||||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
|
||||||||||||