RAPPORT dwar l-integrazzjoni tas-sostenibilità fil-politiki ta' koperazzjoni għall-iżvilupp

21.12.2006 - (2006/2246(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Danutė Budreikaitė

Proċedura : 2006/2246(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0474/2006
Testi mressqa :
A6-0474/2006
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-integrazzjoni tas-sostenibilità fil-politiki ta' koperazzjoni għall-iżvilupp

(2006/2246(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 177, 178, 179, 180 u 181 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Imġedda ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata mill-Kunsill Ewropew fi Vjenna fis-16 ta' Ġunju 2006, u l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata preċedentement mill-Kunsill Ewropew f'Gothenburg fl-2001 u d-dimensjoni esterna ta' l-Istrateġija miżjuda mill-Kunsill Ewropew f'Barċellona fl-2002,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Johannesburg adottat mis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda 21 adottata fil-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, li saret f'Rio de Janeiro fl-1992,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija ffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 mill-Membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP) min-naħa u mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, b'mod partikulari l-Artikoli 19, 23 u 32 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju adottata min-NU fl-2000, ir-Rapport tan-NU ta' l-2005 dwar 'L-Investiment fl-Iżvilupp', u l-Objettivi ta' Żvilupp għall-Millennju (MDGs),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna adottata fit-2 ta' Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra l-Kunsens ta' Monterrey ta' l-2002 dwar il-finanzjament għall-iżvilupp,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem ta' 'L-Għajnuna ta' l-UE: Inwassluha aktar, b'mod aħjar u aktar malajr' (COM(2006)0087), u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-11 ta' April 2006, ibbażati fuqha,

–   wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp iffirmat fl-20 ta' Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-istrateġija ta' l-UE 'L-UE u l-Afrika: Lejn sħubija strateġika', adottata mill-Kunsill Ewropew fi Brussell fil-15-16 ta' Diċembru, 2005 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi 'Sħubija UE-Karibew għat-Tkabbir, l-Istabilità u l-Iżvilupp' (COM(2006)0086),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Dwar ir-reviżjoni ta' l-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli: Pjattaforma għall-Azzjoni' (COM(2005)0658),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Reviżjoni għas-sena 2005 ta' l-Istrateġija ta' l-UE għal Żvilupp Sostenibbli: Ħarsa Lura u Orjentazzjoni għall-Futuri (COM(2005)0037), u l-Anness tagħha (SEC(2005)0225)),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp: It-tħaffif tal-progress biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju' (COM(2005)0134),

–   wara li kkusidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'L-immaniġġjar ta' l-ilma fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw politika u prijoritajiet tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE' (COM(2002)0132),

–   wara li kkunsidra l-Inizjattiva dwar l-Ilma ta' l-UE (EUWI) li tnediet fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg (WSSD) fl-2002,

–   wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Enerġija adottata fid-WSSD, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Dwar l-iżvilupp fil-futur ta' l-Inizjattiva ta' l-UE għall-Enerġija u l-modalitajiet għall-istabbiliment ta' Faċilità għall-Enerġija għall-pajjiżi ACP (COM(2004)0711),

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u s-sitt reġjuni tal-pajjiżi ACP li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-2008,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma ta' Doha, adottat mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fit-2 ta' Awissu 2004,

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-erbatax-il sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, tat-22 ta' April 2005 u l-1-12 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mis-Sur Almunia lill-membri tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Indikaturi ta' żvilupp sostenibbli għall-kontroll ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli' (SEC(2005)0116),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Strateġija ta' l-UE għall-Afrika: Lejn patt Ewro-Afrikan biex ikun aċċellerat l-iżvilupp fl-Afrika' (COM(2005)0489),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Li tħaffef il-progress lejn il-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - Finanzjament għall-Iżvilupp u Effikaċja ta' l-Għajnuna' (COM(2005)0133),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Aċċellerazzjoni tal-progressi għall-kisba ta' l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp: Il-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea' (COM(2005)0132),

–   wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp 'L-iżvilupp Ekonomiku fl-Afrika - Nerġgħu nikkunsidraw l-Irwol ta' l-Investiment Barrani Dirett' ta' l-2005,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Ekonomiku 2004 dwar l-Afrika li jġib l-isem 'Niftħu l-Potenzjal għall-Kummerċ ta' l-Afrika' mill-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Afrika,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u għall-Iżvilupp (OECD) li jġib l-isem 'Il-Linjigwida DAC: Strateġiji għall-Iżvilupp Sostenibbli',

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li ġġib l-isem 'Evalwazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli' tat-28 ta' April 2004,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Il-Bidla fil-Klima fil-Kuntest tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp' (COM(2002)0085),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni, li jġib l-isem 'L-integrazzjoni ta' fatturi ambjentali f'oqsma oħra ta' politika - bilanċ tal-proċess ta' Cardiff' (COM(2004)0394),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Ġlieda kontra l-Faqar Rurali: politika u approċċ tal-Komunità Ewropea għall-iżvilupp rurali u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw' (COM(2002)0429),

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sintesi dwar l-'Evalwazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Ambjent u l-Foresti 2493/2000 u 2494/2000' ta' Novembru 2004,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal 'Regolament tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta' skema volontarja ta' liċenzji FLEGT (Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Iggvernar u Kummerċ) skema ta' liċenzji għall-importazzjoni fil-Komunità Ewropea' (COM(2004)0515),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni li jġib l-isem 'L-integrazzjoni ta' l-ambjent fil-koperazzjoni ekonomika u għall-iżvilupp tal-KE' (SEC(2001)0609),

–   wara li kkunsidra 'Il-Linjigwida OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali', 2000,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 1999 dwar standards ta' l-UE għal intrapriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw: lejn Kodiċi ta' Mġiba Ewropew[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar intrapriżi ta' daqs żgħir u medju f'pajjiżi li qed jiżviluppaw[2] ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar 'L-effettività ta' l-għajnuna u l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-aspetti ambjentali ta' l-iżvilupp sostenibbli[4] u tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar l-istrateġija riveduta għall-iżvilupp sostenibbli[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0474/2006),

A. billi l-Iżvilupp Sostenibbli kif definit mir-rapport Brundtland (1987) ifisser li l-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti għandhom jiġu ssodisfati mingħajr ma tkun kompromessa l-ħila ta' ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom; filwaqt li hu meħtieġ, b'mod partikulari biex tkun salvagwardjata l-kapaċità tad-dinja li ssostni l-ħajja fid-diversità kollha tagħha, ikunu rispettati l-limiti tar-riżorsi naturali tal-pjaneta u jkunu promossi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli sabiex tinħall ir-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u d-degradazzjoni ambjentali,

B. billi l-kunċett ta' Żvilupp Sostenibbli kien objettiv fundamentali ta' l-UE mill-1997 meta kien inkorporat bħala prinċipju ta' bażi fit-Trattat, u għalhekk għandu jkun il-bażi tal-politiki u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni Ewropea,

C. billi l-kunċett ta' l-Iżvilupp Sostenibbli ma jqisx li kwistjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi huma kontradittorji iżda li jiddependu minn xulxin u jsaħħu lil xulxin,

D. billi wieħed mill-objettivi ewlenin ta' l-Istrateġija mġedda ta' l-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli huwa li jippromwovi l-Iżvilupp Sostenibbli mad-dinja kollha b'mod attiv,

E. billi l-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE hija mmirata biex trawwem l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali sostenibbli ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-integrazzjoni bla problemi u gradwali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija, u biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,

F. billi t-tkomplija ta' tendenzi mhux sostenibbli kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw f'ħafna oqsma bħar-riżorsi ta' l-art, it-trasport, il-bidla fil-klima, is-sajd, it-tnaqqis tal-bijodiversità jew il-konsum ta' riżorsi għandha fuq kollox effett negattiv għall-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

G. billi iktar minn biljun ruħ, l-aktar fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), jgħixu f'faqar kbir b'inqas minn $1 kuljum, u bejn 1.5 u 3 biljun ruħ jgħixu taħt il-limitu tal-faqar ta' $2 kuljum,

H.  billi tnejn minn kull tliet persuni fqar fid-dinja jgħixu f'żoni rurali u jiddependu fuq riżorsi naturali għall-għixien tagħhom[6], il-foresti jappoġġjaw l-għixien ta' 90 fil-mija ta' aktar minn biljun persuna li jgħixu f'faqar estrem[7], u iktar minn biljun persuna madwar id-dinja, l-iktar f'komunitajiet fqar, jiddependu fuq il-ħut biex jissupplixxu ta' l-inqas 30 fil-mija tal-proteini tagħhom mill-annimali[8];

I.   billi l-flussi ta' Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għall-Afrika huma ħafna anqas mill-massimu ta' l-1990 u huwa stmat, skond rapport tan-NU, li hemm nuqqas ta' bejn US$20-25 biljun fis-sena,

J. billi l-Istati Membri ta' l-UE impenjaw ruħhom li tintlaħaq il-mira ta' l-ODA ta' 0.7% tad-dħul gross nazzjonali (GNI) sa l-2015, u l-Istati Membri ġodda li jżidu l-ODA/GNI tagħhom b'0.33% sa l-2015,

K. billi l-qerda tal-faqar tista' twassal għal mudelli sostenibbli ta' konsum u mmaniġġjar tar-riżorsi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jekk magħha jsiru sforzi għal livelli aħjar ta' edukazzjoni, saħħa u kapaċità istituzzjonali; billi l-ġlieda kontra l-faqar tagħti riżultati pożittivi biss jekk ir-riżorsi ambjentali u naturali jkunu mmaniġġjati b'mod sostenibbli,

L. billi konformità ma' standards demokratiċi, u t-twaqqif u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet ta' l-Istat trasparenti u effiċjenti u b'mod partikulari ta' kapaċità amministrattiva, huma kruċjali biex jiġu ttrattati b'mod effettiv l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,

M. billi l-korruzzjoni tfixkel l-effettività ta' l-għajnuna, u għalhekk tfixkel il-politiki ta' l-UE għall-iżvilupp u hija ostaklu serju għall-iżvilupp f'pajjiżi msieħba ta' l-UE,

N. billi jinħtieġu approċċi ġodda biex is-swieq jaħdmu biex jintlaħaq l-Iżvilupp Sostenibbli u s-settur privat għandu jaħdem biex jinħolqu soċjetajiet ġusti u sostenibbli,

O. billi n-nuqqas ta' sistemi legali effettivi u ta' drittijiet ekonomiċi u ta' proprjetà intellettwali huwa ostaklu kbir biex jiġi stabbilit ambjent ta' investiment li jista' jwassal għal żvilupp ekonomiku sod, u b'hekk għal progress soċjali f'ħafna LDCs,

P.  billi politiki ta' żvilupp sodi u għajnuna sostanzjali għall-iżvilupp huma importanti, iżda ma jbiddlu xejn u sakemm ma jissarrfux b'mod effettiv f'azzjonijiet ta' żvilupp koerenti fil-pajjiżi li qed jibbenefikaw u jindirizzaw b'mod sostenibbli l-opportunitajiet u t-theddid ambjentali,

Q. billi studju riċenti tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Bank Dinji li jġib l-isem 'Żvilupp Ekonomiku fl-Afrika - Nerġgħu Nikkunsidraw l-Irwol ta' l-Investiment Barrani Dirett' juri li r-rabta ta' l-għajnuna mal-ħarsien ambjentali tista' tnaqqas il-faqar b'mod effettiv,

R. billi l-qtugħ illegali ta' siġar jikkawża ħsara ambjentali, jiswa lill-gvernijiet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biljuni ta' dollari fi dħul mitluf, jippromwovi l-korruzzjoni, ifixkel l-istat tad-dritt u l-governanza tajba u jservi ta' finanzjament għal kunflitti bl-armi,

S. billi 2.6 biljun ruħ, jew aktar minn 40% tal-popolazzjoni tad-dinja, m'għandhomx aċċess għas-sanità bażika, u billi biljun ruħ jużaw għejun mhux sikuri ta' ilma tax-xorb,

T. billi t-tkomplija tat-tniġġis, tad-degradazzjoni u tat-tnaqqis tar-riżorsi naturali tista' twassal għal sitwazzjonijiet ta' kunflitt f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw,

U. billi l-ekonomiji ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddgħajfu minħabba oxxillazzjonijiet tal-prezzijiet ta' l-enerġija u jbatu minn nuqqas ta' diversifikazzjoni ta' l-enerġija, u ħafna drabi dawn il-pajjiżi jonfqu porzjon sinifikanti mill-qligħ tagħhom mill-kummerċ fuq l-importazzjoni ta' enerġija, xi ħaġa li taffettwa ħażin l-iżvilupp stabbli ta' l-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi,

V. billi tkabbir qawwi tal-popolazzjoni huwa wieħed mill-isfidi għall-Iżvilupp Sostenibbli minħabba l-użu ħażin ta' riżorsi naturali, u dan iwassal għal degradazzjoni ambjentali serja,

1.  Jilqa' l-fatt li l-Istrateġija Mġedda a ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli ttenni l-promozzjoni ta' l-Iżvilupp Sostenibbli mad-dinja kollha bħala waħda mill-objettivi ewlenin tagħha;

2.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jistabbilixxi l-qerda tal-faqar fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli bħala objettiv primarju u predominanti tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE;

3.  Iqis li l-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-qerda tal-faqar filwaqt li jkun żgurat il-ħarsien ambjentali huma fost l-isfidi l-iktar kruċjali tal-politiki ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE u ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jitwaqqfu objettivi soċjali u ambjentali, li jinkludu l-ħarsien ta' l-ambjent u l-aċċess ġust u t-tqassim tal-benefiċċji tar-riżorsi umani;

4.  Jisħaq li bidla lejn aċċess iktar ġust għar-riżorsi naturali ta' l-enerġija u għat-tqassim tagħhom hija kundizzjoni bil-quddiem għall-Iżvilupp Sostenibbli u element intrinsiku tad-dinjità tal-bniedem;

5.  Jilqa' l-inklużjoni fil-proposta għal Strument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) ta' programm tematiku għall-immaniġġjar ambjentali u sostenibbli tar-riżorsi naturali inkluża l-enerġija mill-2007 'il quddiem;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li t-tliet komponenti ta' l-Iżvilupp Sostenibbli, jiġifieri l-ħarsien ambjentali, l-ekwità u l-koeżjoni soċjali u l-prosperità ekonomika, jiġu integrati kif suppost u implimentati fil-politiki kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi dan il-proċess regolarment;

7.  Jitlob mekkaniżmi msaħħin għall-kontroll tal-progress biex jintlaħqu l-miri li saru fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Johannesburg u ta' l-MDGs, bħal impenn akbar għall-Iżvilupp Sostenibbli, bl-integrazzjoni ta' l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' l-Iżvilupp Sostenibbli u l-promozzjoni ta' l-istat tad-dritt u ta' l-istituzzjonijiet pubbliċi u oħrajn;

8.  Ifakkar li l-Iżvilupp Sostenibbli huwa kwistjoni transversali li teħtieġ tisħiħ tal-koerenza politika fl-oqsma kollha sabiex jiġi żgurat li jaħdmu bla problemi;

9.  Jisħaq li hemm bżonn aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-iżviluppi mhux sostenibbli kurrenti, b'mod partikulari dawk li jwasslu għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra, it-tnaqqis tar-riżorsi ta' ħut u t-telf tal-bijodiversità; rigward it-telf tal-bijodiversità, iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jieħdu l-miżuri xierqa biex fil-fatt jintlaħaq l-objettiv li jispiċċa t-telf tal-bijodiversità sa l-2010;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tintegra tħassib ambjentali bħall-immaniġġjar tar-riżorsi naturali f'oqsma ewlenin tal-politiki ta' żvilupp;

11. Jistieden il-Kummissjoni biex tirranġa l-mod li bih tipprovdi l-għajnuna biex jiġi konformi ma' l-istrateġiji nazzjonali ta' l-Iżvilupp Sostenibbli tal-pajjiżi li lilhom tipprovdi dik l-għajnuna;

12. Jistieden lill-UE biex tagħti parir lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kif jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jevalwaw l-impatti ambjentali tar-riżorsi naturali tagħhom u tal-politiki ta' mmaniġġjar tar-riżorsi, li mbagħad tista' tiġi implimentata bħala parti minn programmi ta' koperazzjoni ma' dawk il-pajjiżi;

13. Itenni l-importanza kritika tal-kontroll ta' l-impatt ekoloġiku dinji ta' l-UE, peress li juri l-impenn ta' l-UE għall-promozzjoni ta' l-Iżvilupp Sostenibbli mad-dinja kollha;

14. Jenfasizza l-importanza li titħares il-bijodiversità u jissuġġerixxi li dan il-ħarsien jew ikun miżjud bħala kwistjoni ewlenija fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, jew ta' l-anqas jingħata enfasi speċjali fil-qasam dwar l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-pajjiżi ACP biex tipprevjeni 'dumping' illegali ta' skart tossiku kemm b'operazzjoni lokali kif ukoll b'operaturi internazzjonali li joriġinaw u joperaw fl-UE;

16. Jenfasizza l-urġenza li tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadattaw għall-isfidi tal-bidla fil-klima u biex jieħdu l-passi neċessarji għal appoġġ imsaħħaħ għall-investiment f'teknoloġiji nodfa u effiċjenti fid-dinja li qed tiżviluppa; jirrikonoxxi wkoll l-urġenza għall-UE biex tasal u tmur lil hinn mill-miri tagħha ta' tnaqqis fl-emissjonijiet biex tgħin tillimita l-bdil perikoluż fil-klima, li jkollu impatt fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw u bl-iktar mod serju fuq l-ifqar;

17. Jistieden lill-UE biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tgħin lill-imsieħba li qed jiżviluppaw biex jonoraw l-impenji li daħlu għalihom matul in-negozjati dinjija reċenti dwar l-istrateġija ta' l-Iżvilupp Sostenibbli u b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, li minnha l-persuni huma l-ewwel li jsofru (Kyoto, Monterrey, Doha, Johannesburg);

18. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp u t-tixrid tat-teknoloġiji ta' enerġija alternattiva u jenfasizza l-urġenza li jiżdied b'mod sostanzjali s-sehem globali tas-sorsi ta' enerġija li tiġġedded;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proġetti ma' korporazzjonijiet Ewropej speċjalizzati fl-enerġija li tiġġedded li jiffaċilitaw u jtejbu t-trasferiment u l-użu ta' sorsi ta' enerġija li m'humiex ta' ħsara għall-ambjent għall-użu individwali jew ta' kumpaniji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

20. Jenfasizza li l-infrastrutturi jistgħu jkunu element essenzjali ta' l-Iżvilupp Sostenibbli jekk ikunu konformi mal-linjigwida ambjentali u soċjali u jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-Assessjar Strateġiku Ambjentali u l-Assessjar ta' l-Impatt Ambjentali jsiru u jkunu disponibbli għall-pubbliku għal kull programm u proġett li jieħu għajnuna finanzjarja mill-EU, b'mod partikolari is-Sħubija ġdida Infrastrutturali bejn l-UE u l-Afrika li se tipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti ta' infrastruttura trans-konfinali, li jista' jgħin biex jingħalqu l-qsim fi proġetti reġjonali infrastrutturali u li - skond il-kunsens Ewropew - għandu jagħti lill-Istati Membri kollha l-opportunità li jissottomettu proposti ta' proġetti xierqa, irrispettivament mill-kontribuzzjoni diretta;

21. Jinnota li s-sostenibilità ekonomika ta' kull proġett infrastrutturali - jekk xieraq, flimkien ma' riformi f'politika ta' ħlasijiet - għandha tiġi assigurata u s-sostenibilità ekoloġika m'għandhiex tiġi mhedda;

22. Jirrikonoxxi n-numru ta' riżorsi ta' l-ilma komuni u bejn il-fruntieri fl-Afrika, il-vulnerabilità tar-riżorzi ta' l-ilma għall-bidla fil-klima, għat-teħid żejjed, u għat-tniġġiż; jistieden il-Kummissjoni biex tippromwovi l-immaniġġjar integrat tar-riżors ta' l-ilma fi ħdan is-Sħubija Infrastrutturali biex tkun assigurata l-provvista ta' l-ilma għas-saħħa tal-bniedem u għas-sostenibilità ekoloġika;

23. Jirrikonoxxi li l-impatti ambjentali u soċjali ta' proġetti kbar infrastrutturali jistgħu jkunu serji; jissuġġerixxi li l-kriterji pprovduti mill-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi, li tinkludi analiżi ta' għażliet u parteċipazzjoni tal-pubbliku, jiffurmaw il-bażi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward ta' proġetti kbar ta' digi;

24. Jitlob żieda fis-sehem ta' l-għajnuna għall-iżvilupp għal proġetti konnessi maż-żieda ta' l-għarfien tan-nies dwar kwistjonijiet ambjentali u ta' saħħa;

25. Jiddispjaċih li d-dimensjoni esterna ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli mhix marbuta iktar mill-qrib ma' kwistjonijiet ta' saħħa pubblika bħall-HIV/AIDS u t-tuberkolożi; jisħaq li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu ttrattati fl-UE u l-bqija tad-dinja;

26. Jisħaq li l-involviment tas-soċjetà ċivili, ta' l-NGOs u b'mod partikulari tan-nisa fid-dibattitu u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-Iżvilupp Sostenibbli huwa vitali biex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar il-kwistjoni; jinsisti dwar l-importanza ta' l-edukazzjoni biex jitrawmu għażliet ekoloġiċi sostenibbli, b'mod speċjali fost l-ifqar popolazzjonijiet;

27. Jistieden il-Kummissjoni biex tagħti appoġġ għall-bini ta' kapaċità u għall-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u popli indiġeni fil-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw fl-aċċess, fil-kontroll u fl-immaniġġjar tar-riżorsi naturali;

28. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni mtejba għandha bżonn trasparenza fil-provvista ta' informazzjoni relevanti u aċċessibilità aħjar għad-dokumenti ta' l-UE;

29. Jitlob it-twaqqif ta' indikaturi ta' l-iżvilupp sostenibbli biex jiġu applikati fir-rigward ta' politiki ta' l-UE għall-iżvilupp koperattiv u għal rappurtar u mekkaniżmi ta' insegwiment aktar b'saħħithom relatati mal-bijodiversità u s-sostenibilità ambjentali;

30. Jitlob impenn iktar serju minn Stati Membri ġodda u antiki biex jintlaħaq l-objettiv ta' kontribuzzjoni ta' 0.7% ta' l-ODA/GNI lill-koperazzjoni għall-iżvilupp;

31. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm kompatibiltà bejn ftehimiet ambjentali multilaterali bħall-Protokoll ta' Kyoto u l-qafas tad-WTO, b'mod partikulari fir-rigward l-applikazzjoni ta' l-Artikolu XX tal-GATT dwar zoni ta' eċċezzjonijiet ġenerali li saru skond miżuri bħal: (b) miżuri meħtieġa biex iħarsu l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, ta' l-annimali jew tal-pjanti; u (g) miżuri konnessi mal-konservazzjoni ta' riżorsi naturali li jinħlew jekk miżuri bħal dawn jidħlu fis-seħħ flimkien ma' restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jew il-konsum domestiċi; jerġa' jafferma l-irwol ta' l-istudju ta' l-impatt tas-sostenibiltà ambjentali għal proposti ta' kummerċ;

32. Jistieden lill-USA, iċ-Ċina u l-Indja sabiex jirratifikaw il-Protokoll ta' Kjoto u, flimkien ma' l-UE, sabiex jassumu responsabilità għall-Iżvilupp Sostenibbli madwar id-dinja;

33. Jisħaq li l-UE għandha terġa' tqis l-effett tas-sussidji għall-esportazzjoni fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari fuq l-LDCs, u għandha żżid l-isforzi tagħha biex tabolixxihom permezz ta' negozjati kummerċjali internazzjonali;

34. Jerġa' jafferma l-importanza li jittaffa d-dejn ta' l-LDCs li l-gvernijiet tagħhom jirrispettaw il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

35. Jemmen li n-Netwerk Ewropew ta' Żvilupp Sostenibbli jista' jkun punt ta' riferiment għall-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri permezz ta', mekkaniżmi ta' reviżjoni bejn il-pari, per eżempju;

36. Jemmen li t-twaqqif ta' korp permanenti konsultattiv u ta' monitoraġġ dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li jkun jinkludi Stati Membri u rappreżentanti tas-soċjetà ċivika li jiskrutinizza l-integrazzjoni tal-kunċett tal-politiki u programmi ta' l-UE, b'enfażi partikolari fuq il-koperazzjoni għall-iżvilupp, ikun ta' importanza kbira ġenerali u kruċjali għall-appoġġ tal-Grupp ta' Ħidma Intern bejn is-Servizzi tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni Ambjentali fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp;

37. Jenfasizza li pajjiżi żviluppati għandhom ikunu minn ta' l-ewwel fil-promozzjoni tal-kunċett ta' l-Iżvilupp Sostenibbli;

38. Jenfasizza li l-Iżvilupp Sostenibbli jimxi id f'id ma' l-istituzzjonijiet sostenibbli, għalhekk huma meħtieġa miżuri konstrinġenti, bħal pereżempju r-rabta bejn tat-tnaqqis fid-dejn mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba; jemmen li dan jista' jikkawża dinamika 'donor-donor' u jikkostitwixxi koperazzjoni għall-iżvilupp ibbażata fuq il-prinċipji ta' l-ugwaljanza, is-sħubija u l-proprjetà;

39. Jisħaq l-importanza li jissaħħu l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) bħala għodda ewlenija biex ikun promoss l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; għalhekk jitlob sforzi intensifikati flimkien ma' l-awtoritajiet tal-pajjiż msieħba fit-tfassil ta' politiki, programmi u proġetti li jiffavorixxu l-iżvilupp ta' SMEs, li joperaw bi qbil mal-prinċipji ta' l-Iżvilupp Sostenibbli; jtenni l-proposta tiegħu biex jiġu appoġġjati u ffinanzjati istituzzjonijiet reġjonali li jippromwovu l-SMEs;

40. Jistieden lill-Istati Membri ta' l-OECD biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jżidu l-aċċess għal flussi ta' investiment u swieq meħtieġa u permezz ta' programmi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp iktar effettivi;

41. Jinkoraġġixxi enfasi fuq il-GDP meta jitkejjel il-progress fis-soċjetà li jrid ikun bilanċjat minn tħassib ugwali dwar l-aspetti kwalitattivi tat-tkabbir, peress li dan huwa rekwiżit bil-quddiem għall-Iżvilupp Sostenibbli;

42. Jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri komplementari bħal miżuri fiskali sostenibbli u akkwist pubbliku u t-tnaqqis u l-eliminazzjoni progressiva ta' sussidji li joħoqlu distorzjoni fil-kummerċ u jagħmlu ħsara lill-ambjent;

43. Jistieden lis-settur privat ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u ta' pajjiżi żviluppati biex jadattaw u jikkomettu ruħhom għal kodiċi ta' mġiba għall-kumpaniji li jiddeskrivu l-impenn bażiku tagħhom fil-qasir għall-objettiv ta' l-Iżvilupp Sostenibbli;

44. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja u tirrapporta regolarment dwar l-effettività tal-Kodiċi ta' Mġiba għal Intrapriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari fir-rigward l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti għall-Iżvilupp Sostenibbli;

45. Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni li tippromwovi internazzjonalment kwistjonijiet ta' Responsabilità Soċjali ta' l-Intrapriżi (CSR); madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-valur tas-CSR billi tfassal regoli li jorbtu iktar għal kumpaniji Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari fir-rigward l-istandards fundamentali tax-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-ħarsien ambjentali;

46. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tibbaża l-programmi ta' żvilupp tagħha fuq it-trasparenza u r-responsabilità, peress li ħafna drabi l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw issaħħaħ tendenzi mhux sostenibbli, pereżempju f'oqsma bħall-qtugħ illegali ta' siġar; u jenfasizza l-ħtieġa li jkun appoġġjat l-użu ta' għassiesa kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jingħataw biżżejjed riżorsi għal proġetti bħal dawn;

47. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem ma' l-Istati Membri biex tidentifika u tressaq il-qorti lil dawk ħatja li jimpurtaw illegalment injam u prodotti ta' l-injam mis-sors, u tagħti appoġġ lill-Istati Membri ta' l-ACP f'azzjonijiet biex jitwaqqaf il-kummerċ u s-suq ta' tali prodotti;

48. Itenni l-importanza ta' Investiment Barrani Dirett għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu l-politiki għall-iżvilupp tagħhom b'mod li jtejjeb il-qagħda kurrenti ta' l-istituzzjonijiet ekonomiċi u l-ambjent ta' investiment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

49. Jikkunsidra li l-awtoritajiet lokali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jkunux dejjem f'pożizzjoni li jipprovdu kwantità ta' finanzjament meħtieġ biex isiru investimenti kbar fil-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta' netwerks infrastrutturali, per eżempju għall-provvista ta' l-ilma jew biex tipprovdi sanità, u għalhekk injezzjonijiet supplimentari ta' kapital privat biss, permezz tas-sħubija pubblika-privata, jkunu jistgħu jipprovdu l-kwantità meħtieġa ta' finanzjament;

50. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ b'saħħtu lill-iskema ta' liċenzjar FLEGT u lil ftehimiet imfassla ta' Sħubija Volontarja (VPAs); jemmen illi għandha tingħata attenzjoni partikolari biex il-pajjiżi msieħba jiġu persważi biex jiffirmaw il-VPAs u jissieħbu fl-iskema ta' liċenzjar, filwaqt li tkun evitata l-possibiltà li dawk l-imsieħba jaħarbu l-iskema billi jesportaw lil pajjiżi terzi, fejn m'hemmx skemi ta' liċenzjar;

51. Jenfasizza l-importanza li jtejjeb id-djalogu soċjali ma' negozji lokali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jitħaddnu koperazzjoni u responsabilitajiet komuni biex ikun hemm konsum u produzzjoni sostenibbli u appoġġ għat-tagħlim f'dan ir-rigward bejn il-pajjiżi tan-nofsinhar u bejn dawk tat-tramuntana u nofsinhar;

52. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel enfażi partikolari waqt in-negozjati għall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika fuq strateġiji li jħaddnu diversifikazzjoni akbar fl-esportazzjoni mill-pajjiżi ta' l-ACP u tagħti appoġġ lil mudelli ta' tkabbir u żvilupp li huma ambjentalment sostenibbli u soċjalment ġusti;

53. Jerġa' jafferma li għal pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aċċess għal sorsi ta' l-enerġija huwa prijorità ewlenija; f'dan ir-rigward, jitlob li jkun promoss l-aċċess għall-enerġija permezz ta' l-Inizjattiva ta' l-UE dwar l-Enerġija u billi jkun aġġornat il-profil ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija f'programmi ta' żvilupp;

54. Jenfasizza illi, f'kuntest ta' tkabbir urban anarkiku, l-ilma u s-sanità urbana hija kwistjoni ta' żvilupp importanti, peress li prattiki tajba fil-qasam ta' iggvernar domestiku lokali jistgħu jinbnew madwar is-servizzi pubbliċi lokali;

55. Jistieden lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex tkun assigurata l-esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi ta' l-ilma tagħhom, biex jiddeċentralizzaw l-immaniġġjar ta' l-ilma għal livel lokali sabiex jinvolvu l-utenti u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonjiet fil-formolazzjoni tal-politiki ta' l-ilma f'livell kemm jista' jkun qrib il-bżonnijiet taċ-ċittadin;

56. Jistieden lill-awtoritajiet lokali fl-EU sabiex jiġu nkorraġiti jużaw parti mid-dħul mill-ħlasijiet ta' l-utenti għall-provvista tas-servizzi ta' l-ilma u s-sanità sabiex jieħdu miżuri ta' koperazzjoni deċentralizzati biex jiffinanzjaw proġetti biex jitjieb l-aċċess ta' l-ilma għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

57. Jistieden lill-UE sabiex tfassal strateġiji biex jinkoraġixxu triq ta' żvilupp ekonomiku u agrikolu kompatibbli maż-żamma jew it-tisħiħ ta' standard għoli ta' kwalità ta' l-ilma, mill-ilma ta' taħt l-art għall-ilma fornut lill-konsumatur finali;

58. Iqis li huwa neċessarju li l-kunċett ta' Żvilupp Sostenibbli jiġi integrat fil-proċess ta' riċerka u innovazzjoni;

59. Jistieden lill-partijiet kollha biex jistabbilixxu objettivi konkreti ta' żvilupp sostenibbli għaż-żmien qarib u għat-tul u biex jimmoniterjaw il-progress li sar fil-kisba ta' dawn l-objettivi;

60. Jemmen li fil-qafas ta' Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD) u fir-rigward ta' l-immigrazzjoni, l-Istati Membri jaslu għal ftehim komuni biex jiffaċċjaw l-isfida ta' l-immigrazzjoni; ifakkar f'dan ir-rigward li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-fondi mibgħuta u għall-bidla ta' politiki li jikkawżaw 'brain-drain' fi proċessi ta' 'brain-gain'. jenfasizza li l-UE m'għandhiex tikkawża effetti ta' 'brain-drain' għal tul ta' żmien li huma ta' ħsara għal pajjiżi li qed jiżviluppaw;

61. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.

  • [1]  ĠU C 104, 14.4.1999, p.180.
  • [2]  Testi Adottati, P6_TA(2006)0231.
  • [3]  Testi Adottati, P6_TA(2006)0141..
  • [4]  Testi Adottati, P6_TA(2006)0020.
  • [5]  Testi Adottati, P6_TA(2006)0272
  • [6]  WWF (2004) L-Għajnuna ta' l-UE: Tnaqqis tal-Faqar permezz ta' Ambjent Sostenibbli: Għaliex l-Għajnuna ta' l-UE għandha tindirizza kif jixraq ir-rabta bejn il-faqar u l-ambjent?
  • [7]  Il-Bank Dinji (2002) Strateġija tal-Foresta Riveduta għall-Grupp tal-Bank Dinji, 31.10.2002.
  • [8]  FAO (2002). L-Istat tas-Sajd u Akwakultura Dinji. FAO, Ruma, l-Italja.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-raġuni fundamentali primarja ta' l-Iżvilupp Sostenibbli hija li tippermetti lill-ġenerazzjoni preżenti li tlaħħaq mal-bżonnijiet tagħha mingħajr ma tikkomprometti l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jlaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom. Il-kunċett ta' Żvilupp Sostenibbli huwa prinċipju ġenerali tal-liġi ta' l-UE u fih innifsu għandu jirregola l-politiki kollha ta' l-UE. Fi ħdan l-UE l-Iżvilupp Sostenibbli huwa promoss kemm ġewwa l-Unjoni u dejjem aktar fl-azzjonijiet esterni kollha ta' żvilupp.

Qafas Internazzjonali u Ewropew ta' Żvilupp Sostenibbli

L-importanza ta' l-Iżvilupp Sostenibbli ġiet irrikonoxxuta mill-komunità internazzjonali fl-Aġenda 21 (Konferenza ta' l-Ambjent u l-Iżvilupp tan-NU f' Rio de Janeiro fl-1992) u fil-Programm ta' Azzjoni Johannesburg (Samit Dinji, Johannesburg, fl-2002). Dan huwa wieħed mill-MDGs promossi mill-UE u ġie kkunsidrat mill-UE bħala parti essenzjali ta' l-istrateġiji tagħha għall-iżvilupp mill-2001.

Ir-Reviżjoni riċenti ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDS) adottata f'Ġunju 2006 timmira li tistipola approċċ koerenti sabiex jintlaħaq Żvilupp Sostenibbli fuq skala globali. Ir-reviżjoni tirrikonoxxi l-isfidi li jintlaħqu l-objettivi ta' l-Iżvilupp Sostenibbli wkoll fid-dinja li għadha qed tiżviluppa.

Bl-ispirtu li jiġi ffaċilitat aktar l-iżvilupp globali, dan ir-rapport jenfasizza l-bżonn li l-kunċett ta' sostenibilità jintrabat aktar mill-qrib mal-politika ta' l-UE għall-koperazzjoni fl-iżvilupp u sabiex l-politika ta' żvilupp f'oqsma ewlenin timxi lejn direzzjoni aktar sostenibbli.

Kwistjonijiet ċentrali għall-Iżvilupp Sostenibbli

L-Iżvilupp Sostenibbli huwa magħmul minn tliet aspetti prinċipali, jiġifieri it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-ekwità u l-koeżjoni soċjali (Konferenza ta' Rio 1992 u l-objettivi prinċipali ta' l-SDS ta' l-UE ta' l-2006). It-tliet aspetti tas-sostenibilità huma interdipendenti u għandhom jiġu diġà kkunsidrati flimkien fl-istadju li fih tiġi fformulata l-politika.

Il-kisba ta' objettivi relatati mas-sosteniblità, bħal m'huma l-objettivi ta' Kyoto, tiddependi fuq l-isforzi komuni tan-nazzjonijiet kollha tad-dinja u skond ir-Reviżjoni 2006 jistgħu jinkisbu biss permezz ta' promozzjoni fl-istess waqt ta' tmexxija tajba, rispett għad-drittijiet tal-bniedem, demokrazija, integrazzjoni reġjonali, permezz tal-qirda ta' mard li jista' jiġi trażmess u billi jiġu ffaċilitati l-iżvilupp rurali u s-sikurezza ta' l-ikel. Il-kisba ta' progress globali reali għalhekk titlob l-integrazzjoni tal-prinċipju ta' l-Iżvilupp Sostenibbli fl-aspetti kollha tal-koperazzjoni ta' żvilupp: appoġġ baġitarju, bini ta' kapaċità istituzzjonali, koperazzjoni teknika u istituzzjonali u trasferiment ta' għarfien espert, għotjiet u self mogħtija lis-settur privat.

B'konsegwenza, dan ir-rapport jitlob riflessjoni aktar fil-fond dwar l-implikazzjonijiet tal-politika ta' żvilupp u jissuġġerixxi li l-proġetti eżistenti jkunu suġġetti għal evalwazzjoni dwar l-impatt ambjentali u li jiġu żviluppati indikaturi ċari ta' Żvilupp Sostenibbli għall-immoniterjar tal-proġetti kollha ta' żvilupp. Huma mixtieqa wkoll aktar trasparenza u mmoniterjar ta' l-użu eventwali ta' allokazzjonijiet ODA, speċjalment dawk settorali u dawk relatati mal-baġit.

Ħtieġa ta' sostenibilità f'pajjiżi li qed jiżviluppaw

Huwa meħtieġ li s-sostenibilità tiġi inkorporata fil-politika ta' żvilupp fil-livell ta' l-UE u dak nazzjonali sabiex jiġi evitat li koperazzjoni fl-iżvilupp issir intrapriża vojta u b'viżjoni magħluqa.

Persuni li joqogħdu fil-kampanja f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddependu bil-qawwi fuq l-ambjent tad-dawra tagħhom u fuq tekniki agrikoli primittivi għall-għajxien tagħhom, u bħala riżultat it-tnejn li huma jsofru minn deforestazzjoni, telf ta' ħamrija, u t-tnaqqis prematur ta' riżorsi naturali u tal-bijodiversità, kif ukoll jikkontribwixxu għal dawn il-fatturi. Is-sorsi ta' enerġija li jintużaw iniġġżu jew inkella ma jeżistux, fatt li jtellef milli jkun hemm standards bażiċi ta' iġjene u saħħa u ta' ilma nadif. It-tkabbir ekonomiku f'kundizzjonijiet daqstant mhux sostenibbli huwa diffiċli jekk mhux impossibbli. Huwa għalhekk li l-UE fil-politika tagħha ta' żvilupp għandha tikkonċentra fuq il-promozzjoni ta' mudelli sostenibbli ta' konsum, li jippromwovu l-użu ta' sorsi lokali ta' enerġija aktar nodfa u sostenibbli sabiex jippermettu standard ogħla ta' għajxien, kif ukoll fuq il-promozzjoni ta' kontroll lokali aħjar fuq ir-relazzjoni bejn it-tkabbir fil-popolazzjoni u kemm kapaċi jiflaħ l-ambjent.

L-aspett soċjali ta' l-Iżvilupp Sostenibbli jitlob li s-sostenibilità tinkiseb ukoll fi kwistjonijiet ta' saħħa. Il-ġlieda kontra l-pandemiċi bħal m'huma l-Aids u l-malarja għandha tkun ċentrali għall-koperazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, għaliex dawn jirriżultaw f'demografija li mhix sostenibbli: persentaġġ għoli ta' tfal u persentaġġ baxx ta' adulti li huma b'saħħithom, edukati, u ekonomikament attivi. L-għarfien ta' individwi għandu għalhekk jiġi dirett lejn is-saħħa u l-iġjene personali kif ukoll lejn il-konsegwenzi ekoloġiċi ta' l-aġir ta' kuljum tagħhom, li hija r-raġuni għaliex ammont sinifikanti ta' għajnuna għall-iżvilupp għandu jmur għall-appoġġ ta' l-edukazzjoni. Ikun xieraq li l-UE twettaq reviżjoni kritika tal-politiki ta' edukazzjoni fi ħdan il-qafas ta' żvilupp sostenibbli fl-istati li qed jiżviluppaw.

Enerġija sostenibbli u Prattiċi Korporattivi Tajbin

L-UE għandha żżid id-djalogu u l-koperazzjoni teknoloġika tagħha mas-settur industrijali ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u speċjalment ma' l-SMEs sabiex tiġi kkumbattuta d-degradazzjoni ta' l-ambjenti lokali. It-trasferiment ta' teknoloġija moderna u l-promozzjoni ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija jippromwovu l-istabilità makroekeonomika kif ukoll jipproteġu l-ambjent u s-saħħa individwali permezz ta' tnaqqsi fl-użu ta' fjuwils fossili impurtati u għaljin u permezz ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Anke permezz ta' tisħiħ fil-qafas istituzzjonali nazzjonali l-UE tista' tippromwovi l-kapaċità ta' SMEs li jirreaġixxu b'mod favorevoli għat-tħassib dwar l-ambjent.

Madanakollu, m'humiex biss l-intrapriżi lokali li jridu jirrispettaw l-ambjent iżda wkoll kumpaniji internazzjonali. Il-Kodiċi ta' Mġiba għall-intrapriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jiġi infurzat b'mod strett u kwistjonijiet ta' repsonsabilitajiet soċjali ta' kumpaniji għandhom jiġu promossi globalment. Tkabbir ekonomiku u diversifikazzjoni ekonomika aktar nodfa u aktar sostenibbli li jirrispettaw ir-riżorsi naturali u l-bijodiversità jistgħu jinkisbu l-aħjar permezz ta' żieda fl-FDI u fl-ODA għal skemi ta' żvilupp li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u allura billi tingħata għajnuna lill-gvernijiat ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jinkorporaw prinċipji ta' żvilupp sostenibbli fl-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp.

Kapaċità Istituzzjonali

L-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun prijorità fl-istrateġija ta' kisba ta' ambjent sostenibbli. Minħabba l-prinċipju ta' pussess lokali fir-rigward ta' proġetti ta' żvilupp, kwistjonijiet ekoloġiċi u riformi relatati mas-sostenibilità jistgħu jiġu inkorporati fl-istrateġiji nazzjonali għat-tnaqqis fil-faqar u fil-ftehimiet ta' sħubija ta' l-UE ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw biss permezz tal-kapaċità ta' l-istituzzjonijiet ta' l-istat li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

Il-promozzjoni tat-tmexxija tajba u ta' l-istat tad-dritt hija importanti b'mod speċjali għaliex hija biss tassiguraw l-implimentazzjoni xierqa fil-livelli statali u lokali tar-riformi relatati mat-tnaqqis tal-faqar u tevita t-tberbiq ta' għajnuna għall-iżvilupp minħabba uffiċjali irresponsabbli u korrotti. Il-miżuri kollha maħsuba għall-bini tal-kapaċità, bħal m'huma l-appoġġ għar-riformi istituzzjonali, amministrattivi u legali ta' l-infrastruttura tan-netwerks, u l-għajnuna diretta lejn l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi għandhom iqisu l-impatti li l-miżuri maħsuba għandhom fuq is-sostenibilità ekonomika u soċjali (jew politika).

Poltiki ta' l-UE relatati

Billi l-Iżvilupp Sotenibbli huwa prinċipju ġenerali u għandu jirregola l-politiki kollha ta' l-UE huwa ħasra li diversi oqsma oħra ta' politika ma' jsegwux ir-regoli ta' tkabbir sostenibbli. L-UE għandha tikkunsidra l-irwol ċentrali tal-politiki agrikoli sostenibbli fl-iżvilupp tal-bniedem u l-effett negattiv li s-sussidji ta' l-UE fuq l-esportazzjoni għandhom fuq l-ekonomiji ta' l-LDC.

L-UE tista' wkoll tevita li timporta prodotti primarji mmanifatturati b'modi li m'humiex sostenibbli u li jikkostitwixxu ksur ta' ftehimiet internazzjonali, u tista' tipprova tillimita t-'telf ta' mħuħ' f'pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jkollha politika komuni ta' immigrazzjoni koerenti. Il-koerenza politika għandha teżisti mhux biss fl-oqsma ċentrali tal-koperazzjoni ta' żvilupp iżda fl-oqsma politiċi kollha. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ impenn aktar serju mill-Istati Membri kollha anke f'oqsma ċentrali, bħal fiż-żieda ta' l-għajnuna għall-iżvilupp għal 0,7% tal-PGN (GNP).

PROĊEDURA

Titolu

L-integrazzjoni tas-sostenibiltà fil-politiki ta' koperazzjoni għall-iżvilupp

Numru tal-proċedura

2006/2246(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta’ l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

DEVE
26.10.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Danutė Budreikaitė
30.5.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

2.10.2006

6.11.2006

19.12.2006

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

19.12.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

30

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Alessandro Battilocchio, Margrietus van den Berg, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Fernando Fernández Martín, Michael Gahler, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Horst Posdorf, Toomas Savi, Pierre Schapira, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Anna Záborská, Mauro Zani

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

John Bowis, Milan Gaľa, Fiona Hall, Alain Hutchinson, Linda McAvan, Manolis Mavrommatis, Anne Van Lancker, Zbigniew Zaleski, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Sornosa Martínez

Data tat-tressiq

21.12.2006

Kummenti
(disponibbli b’lingwa waħda biss)