RAPPORT dwar l-integrazzjoni ta' l-Istati Membri Ġodda fil-Politika Komuni għall-Agrikoltura

1.3.2007 - (2006/2042(INI))

Kumitat għall-Biedja u l-Izvilupp Rurali
Rapporteur: Csaba Sándor Tabajdi

Proċedura : 2006/2042(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0037/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-integrazzjoni ta' l-Istati Membri Ġodda fil-Politika Komuni għall-Agrikoltura

(2006/2042(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill 1268/1999/KE tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar l-appoġġ Komunitarju għal miżuri ta' qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp agrikolu u rurali fil-pajjiżi applikanti ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni[1]

- wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblia ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovejna u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti fit-Trattati li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea[2],

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003/KE tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett fi ħdan il-Politika Komuni għall-Agrikoltura u jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa[3]

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2004 li tadotta jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblia ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika Ungeriża, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblia tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovanja u r-Repubblika Slovakka u t-tibdil fit-Trattati li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea wara r-riforma fil-Politika Komuni għall-Agrikoltura[4],

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill 864/2004/KE tad-29 ta' April 2004 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill 1782/2003/KE tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ diretti taħt il-politika agrarja komuni u jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u jadattah minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ma' l-Unjoni Ewropea,[5]

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005/KE tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Komuni għall-Agrikoltura[6],

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005/KE ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)[7],

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta' l-20 ta' Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-settur taz-zokkor[8]

- wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda tas-17 ta' Mejju 2006[9]

- wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda u jikkoreġi r-regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi r-regoli komuni għall-iskemi ta' appoġġ dirett fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ favur il-bdiewa u li jirrevedi r-regolament (KE) Nru 1698/2005 rigward l-appoġġ għall-iżvilupp rurali permezz tal-Fondi Agrikoli Ewropej għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)[10],

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali (A6-0037/2007),

A. billi t-tkabbir ta' l-2004 żied sostanzjalment fl-UE iz-zona agrikola (b’madwar 27%), l-għadd ta’ l-impriżi tal-biedja (b’madwar 60%), u l-għadd ta’ ħaddiema agrikoli (b’madwar 57%) biex b’hekk saħħaħ il-potenzjal tal-produzzjoni tagħha u kabbar l-irwol tal-l-biedja, u billi ż-żieda tar-rendiment għal kull ettaru għall-produzzjoni ta' ikel u ta'-għalf tippermetti li tinkiseb art biżżejjed għall-produzzjoni tal-bijomassa; billi dan ikkontribwixxa biex jiddiversifika aktar in-nisġa agrikola u rurali Ewropea; billi dan il-proċess aċċentwa u kkonsolida ruħu bl-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija,

B.  billi l-agrikoltura ta' l-Istati Membri Ġodda hija differenti ħafna meta titqabbel ma' dik ta' l-UE-15 f'dak li jirrigwarda l-istrutturi u l-produżżjoni tagħha, kif ukoll fid-daqs ta' l-irziezet, u billi meta titqabbel ma' dik ta' l-Istati Membri antiki l-agrikoltura baqgħet lura f'termini ta' effiċjenza ġenerali, ta' livell ta' żvilupp teknoloġiku, ta' livelli u strutturi ta' produzzjoni u tal-grad ta' integrazzjoni vertikali u orizzontali,

C  billi vis à vis l-UE-15 l-agrikoltura għandha rwol ekonomiku u soċjali aktar sostanzjali fil-biċċa kbira ta' l-Istati Membri Ġodda, peress li l-kontribuzzjoni tas-settur għall-GNI u l-proporzjon ta' impjegati fis-settur huwa ogħla mill-medja ta' l-UE,

D. billi f'ċerti Stati Membri Ġodda l-agrikoltura ta' sussistenza u ta' semi-sussistenza għandha rwol importanti fil-livell soċjali, kulturali u ambjentali,

E.  billi l-Istati Membri Ġodda kienu integrati b'suċċess u bla ntoppi fis-suq intern, u taw kontribut sinifikanti fiż-żieda tal-kummerċ Ewropew ta' l-agrikoltura u ta' l-ikel; billi l-Istati Membri Ġodda introduċew u nfurzaw b'mod xieraq regoli veterinarji, fitosanitarji, regoli tas-sikurezza ta' l-ikel, ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq u regoli orizzontali oħra u għalhekk ma kienx neċessarju li jkunu applikati miżuri speċifiċi ta' salvagwardja,

F.  billi l-Istati Membri Ġodda kellhom iħallsu prezz soċjali u ekonomiku għoli biex jadattaw għar-regoli tal-Politika Komuni għall-Agrikoltura (CAP) u biex jintegrawhom u jadattaw ruħhom għall-ambjent kompetittiv fl-UE; billi l-fondi ta’ qabel l-adeżjoni koprew b'mod parzjali biss l-ispejjeż tal-proċess ta' l-adattament u ta’ l-integrazzjoni qabel l-adeżjoni; billi l-adeżjoni ma’ l-UE kixfet il-problemi ġenerali ekonomiċi u problemi tal-kompetittività ta’ l-Istati Membri Ġodda, u billi l-Politika Komuni għall-Agrikoltura ma kkontribwitx biex jissolvew dawn il-problemi,

G. billi l-Politika Komuni għall-Agrikoltura (CAP) ikkawżat żviluppi u tibdiliet konsiderevoli fil-biedja ta' l-Istati Membri Ġodda, u billi qamu xi problemi u tensjonijiet prinċipalment minħabba l-fatt li r-regoli tal-CAP ma jappoġġawx biżżejjed l-iżvilupp ta' settur agrikolu bbilanċjat u sostenibbli, speċjalment fejn jolqtu t-trobbija ta' l-annimali, l-ortikultura u l-integrazzjoni upstream u downstream,

H.  billi l-Att ta' l-Adeżjoni introduċa perjodu twil għad-dħul gradwali (disa’ snin), flimkien ma' livell inizjali baxx (25% tal-livell applikabbli fl-UE) għall-pagamenti diretti għall-Istati Membri Ġodda, filwaqt li r-regoli dwar is-suq intern u l-kontribuzzjoni baġitarja japplikaw għal kollox għalihom; billi l-livelli ta' spejjez u ta' dħul fl-Istati Membri Ġodda ma jiġġustifikawx dan il-grad ta' divrenzjar bir-riżultat ta' kundizzjonijiet ta' kompetittività mhux indaqs għall-bdiewa ta' l-Istati Membri Ġodda,

I    billi l-problemi li għandhom jiġu indirizzati fl-Istati Membri Ġodda huma primarjament dawk li jitolbu tibdiliet strutturali għat-tisħiħ tal-kompetittività; billi l-miżuri tal-Politika Komuni għall-Agrikoltura li jgħinu d-dħul u jiggarantixxu l-prezzijiet ikkontribwew b’mod sinifikanti għal dan it-tisħiħ,

J.    billi l-Kummissjoni u l-Kunsill damu jew ma dehrux ħerqana biex jifhmu l-problemi speċifiċi ta’ l-Istati Membri Ġodda u biex joffru l-għajnuna meħtieġa (pereżempju rigward problemi dwar is-suq tal-frott u tal-ħaxix, speċjalment rigward il-frott ta’ bla għadma, iċ-ċirasa u t-tuffieħ, il-projbizzjoni min-naħa tar-Russja u l-Ukrajna mhux ġustifikata ta’ l-esportazzjonijiet Pollakki, il-modifikazzjonijiet u l-abolizzjonijiet proposti għal regoli għal intervent rigward il-qamħirrum u l-importazzjoni ta' l-għasel minn pajjiżi terzi),

K. billi fl-Istati Membri Ġodda hemm numru tabiħaqq żgħir ta' produtturi propjetarji fis-setturi agroalimentari u hemm abbuż tal-pożizzjoni dominanti mill-katina ta' distribuzzjoni, hekk li dan jillimita serjament il-kompetittività tal-bdiewa, kif ukoll il-possibiltajiet għall-koperazzjoni u l-integrazzjoni tagħhom,

L.  billi 8 minn kull 10 Stati Membri Ġodda għażlu l-iskema ta' pagament ta' zona waħda (SAGS) għal pagamenti diretti,

M. billi l-bżonn ta' assistenza fiskali Komunitarja fl-iżvilupp rurali ta' l-Istati Membri Ġodda kien sinifikattivament ogħla mill-allokazzjonijiet tal-baġit disponibbli għall-perjodu 2004-2006, waqt li fl-istess ħin ir-regoli ta' implimetazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali llimitaw l-użu dinamiku tar-riżorsi Komunitarji disponibbli; billi dawn il-fatturi naqqsu konsiderevolment l-impatt tat-tieni pilastru tal-CAP fl-Istati Membri Ġodda, u jistgħu jippersistu anki matul il-prospettivi finanzjarji ġodda,

Integrazzjoni mingħajr diffikultajiet, sitwazzjoni ta' gwadann għal kulħadd

1.  Jilqa' l-integrazzjoni sħiħa u mingħajr diffikultajiet tas-setturi tal-biedja u ta' l-ikel ta' l-Istati Membri Ġodda fis-suq komuni ta' l-Unjoni Ewropea;

2.  Jenfasizza li, minkejjja li t-tkabbir ta' l-2004 ħoloq disturbi fis-swieq tal-biedja u ta' l-ikel ta' ċerti Stati Membri, b'mod ġenerali huwa kkontribwixxa ħafna għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali stabbli fil-25 Stat Membru;

3.  Josserva li s-settur agrikolu u ta' l-ikel, kemm fl-Istati Membri Ġodda u kemm fil-qodma, ibbenefika għall-inqas parzjalment mit-tkabbir - il-partijiet interessati fl-Istati Membri Ġodda bbenefikaw mil-livell ogħla ta’ għajnuna għall-biedja u miż-żieda fil-possibilitajiet għall-kummerċ, filwaqt li s-setturi agroalimentari u tal-kummerċ internazzjonali ta' l-Istati Membri l-qodma kibru u kien hemm livell ogħla ta’ investiment u żieda fil-fatturat fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut, b’mod partikulari hekk kif beda jersaq it-tkabbir;

4.  Josserva li l-integrazzjoni ta' l-Istati Membri Ġodda, kollox ma’ kollox, għandha titqies li rnexxiet iżda li dan mhux dejjem jidher ċar minħabba li mhux l-impriżi agrikoli kollha raw id-dħul tagħhom jiżdied; jenfasizza li ż-żieda fil-prezzijiet tax-xiri u dik fis-sussidji ġew parzjalment ibbilanċjati biż-żidiet kbar fl-ispejjeż tal-produzzjoni (pereżempju biż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, ta’ l-enerġija, tal-fertilizzanti, tal-prodotti fitofarmaċewtiċi u tal-makkinarju);

5.  Jenfasizza l-fatt li t-tkabbir ma żiedx il-livell ta' riskju fis-sikurezza ta' l-ikel, fis-saħħa ta' l-annimali u l-pjanti u jinnota li f'dan ir-rigward l-istandards u l-effiċjenza tax-xogħol ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri Ġodda, f'ċerti aspetti, huma 'l fuq mill-medja ta' l-UE;

6.  Josserva li t-tkabbir ta' l-2004 ma imponiex piż eċċessiv fuq il-baġit tal-CAP u li ma kienx jeħtieġ bidliet sinifikanti fil-baġit ta' l-UE, imma deċiżjonijiet sabiex jiġi ffriżat is-suq u ż-żamma ta' l-ammont ta' pagamenti diretti u l-Prospettivi Finanzjarji għall 2007 - 2013 jitolbu sagrifiċċju bbażat fuq il-prinċipju ta' solidarjetà mill-UE-15 mill-2007 'il quddiem; jenfasizza minbarra hekk l-għadd ta' deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005 li l-produtturi ta' l-UE -15 kellhom jiffaċċjaw ukoll bl-implimentazzjoni ta' politiki għat-tisħiħ tat-tieni pilastru, bħad-deċiżjoni tad-modulazjoni volontarja u l-qtugħ baġitaju ieħor minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija;

7. Jiddispjaċih li ma ġewx ivvutati aktar approprijazzjonijiet għat-tkabbir, kemm fl-2004 u kemm fl-2007, imqar talanqas sa l-ammonti li kienu ġew previsti inizjalment;

L-implimetazzjoni tal-Politika Komuni għall-Agrikoltura fl-Istati Membri Ġodda

8.  Jinnota li d-differenzi konsiderevoli bejn is-setturi agrikoli ta' l-Istati Membri l-Ġodda jirriżultaw f'differenzi fl-impatt ta' l-applikazzjoni tal-CAP u fil-firxa u l-qawwa ta' l-isfidi li dawn qed jiffaċċjaw;

9. Jinnota li wara t-tkabbir ta' l-UE b'għaxar Membri Ġodda fl-2004, id-dispożizzjonijiet Komunitarjii ma ġewx adattati kif xieraq għas-sitwazzjonijiet ġodda ta' ċerti swieq (dawk pereżempju tal-frott bla għadam u tal-lamtu);

10. Jinnota li l-adattament għall-kundizzjonijiet u għar-regoli tas-suq intern u l-applikazzjoni tal-CAP - speċjalment rigward regoli veterinarji, fitosanitarji, regoli ta' sikurezza ta' l-ikel, ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq u ta' regoli orizzontali oħra - irriżultaw fi sforzi konsiderevoli mitluba mill-bdiewa u mill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri Ġodda;

11. Iqis li għal bosta xhur il-Kummissjoni ma tatx importanza xierqa għall-embargo fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli Pollakki għall-Ukrajna u għar-Russja u li ma ħaditx passi effikaċji biex dan jitneħħa;

12. Josserva li, minkejja li l-programmi ta' finanzjamenti ta' l-UE għal qabel l-adeżjoni kkontribwew għat-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-CAP, u minkejja li l-programmi ta' sħubija nstabu utli, l-objettivi inizjali ntlaħqu biss sa ċertu punt u l-miżuri Komunitarji kellhom effikaċja limitata;

13. Ifakkar li l-programm Sapard beda b'dewmien konsiderevoli u l-iskop kien limitat ukoll, prinċipalment minħabba r-rekwiżiti kumplikati u n-nuqqas ta' deċiżjonijiet fil-ħin min-naħa tal-Kummissjoni u ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri Ġodda;

14. Josserva li xi Stati Membri Ġodda jiffaċċjaw diffikultajiet konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-programmi Komunitarji għall-iżvilupp rurali minħabba l-komplessità tar-regoli speċifiċi tagħhom u l-piż amministrattiv ta' l-immaniġġjar tagħhom;

15. Itenni li, peress li l-pagamenti diretti għandhom irwol sostanzjali fl-iżvilupp u fl-addattament tas-settur agrikolu ta' l-Istati Membri Ġodda, il-livell baxx tagħhom fl-ewwel ftit snin tal-perjodu ta' implimentazzjoni progressiva inizjali mhux biss fixkel l-addattament neċessarju, imma ħoloq ukoll kundizzjonijiet mhux ugwali għall-kompetizzjoni fis-suq intern, sitwazzjoni li għadd ta' intraprendituri ma kellhomx il-mezzi ekonomiċi biex jiffaċjawha;

16. Jenfasizza l-irwol importanti ta' programmi għall-iżvilupp rurali, kemm sabiex ikun hemm orjentazzjoni ġdida għall-intrapriżi agrikoli lejn is-swieq - pereżempju, fil-qasam ta' l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom stess jew fil-qasam tat-turiżmu - u kemm sabiex jimplimentaw soluzzjonijiet alternattivi għall-qligħ għal dawk l-intrapriżi li jabbdandunaw il-produzzjoni agrikola oriġinali tagħhom minħabba raġunijiet ekonomiċi;

17. Jinnota li l-livelli differenti ta' pagamenti diretti bejn l-UE-10 u l-UE -15 ma ħolqux l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u għalhekk il-produtturi f'bosta Stati Membri Ġodda sofrew telf fis-suq domestiku tagħhom, sitwazzjoni ħafna drabi kkawżata mill-kompetizzjoni b'riżultat taż-żidiet fl-importazzjoni u l-esportazzjoni minn pajjiżi terzi wara l-bidliet li seħħew fis-sistema doganali;

18. Jinnota li r-riżervi li esprimiet il-Kummissjoni dwar l-Istati Membri Ġodda u l-ħażniet eċċessivi li kien jingħad li kellhom waqt l-adeżjoni, kif ukoll it-theddid ta' sanzjonijiet finanzjarji kbar, fil-biċċa kbira tal-każi kienu bla bażi u r-riżultat ta' kalkoli żbaljati, u fis-swieq agrikoli ma ġew osservati ebda żbilanċji minħabba ħażniet apparentement eċċessesivi;

19. Jenfasizza li l-Istati Membri Ġodda kienu mġiegħla japplikaw l-iskema ta' pagamenti diretti nazzjonali u komplimentari (CNDP, top-up), li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala forma ta' finanzjament konġunt u kważi rinazzjonalizzazzjoni tal-pagamenti diretti Komunitarji u dan wassal għal diffikultajiet politiċi u ekonomiċi serji f'diversi Stati Membri Ġodda għax din l-iskema imponiet piż serju fuq il-baġits nazzjonali u llimitat l-possibilità li jkunu applikati skemi ta' għajnuna mill-Istat;

20. Jenfasizza li minħabba l-limitazzjonijiet tal-baġit, kontra l-objettivi ġenerali tal-baġit u l-prinċipji tal-CAP u kontra l-modulazzjoni fl-UE-15, il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri Ġodda ġew imġiegħla jergħu jgħaqqdu flimkien parti mill-allokazzjonijiet Komunitarji għall-iżvilupp rurali sabiex jiffinanzjaw il-pagamenti diretti nazzjonali supplimentari (CNDP) kif permess mill-Att ta' Adeżjoni;

21. Jirreferi għall-opinjoni ta' wħud mill-Istati Membri Ġodda li pagamenti kompletament diżakkoppjati ma jikkontribwux kompletament għall-iżvilupp bilanċjat u għas-sostenibilità fit-tul ta' l-agrikoltura tagħhom u li l-preferenzi tas-settur u/jew pagamenti opzjonali akkoppjati għad jistgħu ikunu temporanjament neċessarji f'ċerti Stati Membri sa l-2013 u għandhom jiġu kkunsidrati jekk jintalbu; rigward dan jirreferi għall-prattika li rnexxiet ta' CNDPs kompletament jew parzjalment akkoppjati u l-miżuri ta' għajnuna temporanja mill-Istat;

22. Josserva li l-maġġoranza ta' l-Istati Membri Ġodda jixtiequ jkomplu l-applikazzjoni tas-SAPS fit-tul kemm jista' jkun, għaliex il-bidla għal Skema ta' Pagament Uniku (SPS) tkun tfisser piż amministrattiv u tekniku kbir u wara kollox din xorta tista' tidħol fil-futur f'politika ta' pagamenti mhux akkoppjati;

23. Jemmen li huwa neċessarju li wieħed jimplimenta regoli u rekwiżiti ta’ kundizzjonalità rigward prattiki b’saħħithom tal-biedja u l-kundizzjonijiet ambjentali tajbin, kemm fl-Istati Membri Ġodda kif ukoll fil-qodma; jipproponi li r-regoli ta’ kundizzjonalità jiddaħħlu bil-mod il-mod, hekk li jkunu ddaħħlu kollha sa tmiem il-perjodu ta’ dħul gradwali; jipproponi wkoll li l-Istati Membri Ġodda jingħataw il-possibilità li jipposponu l-applikazzjoni tar-regoli ta' kundizzjonalità sa l-aħħar tal-perjodu tad-dħul gradwali tal-pagamenti diretti; jipproponi wkoll li r-rekwiżiti rigward il-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba jibqgħu fis-seħħ għall-inqas matul il-perjodu tas-SAPS minħabba li l-maġġoranza ta' l-Istati Membri Ġodda jistgħu jkollhom diffikultajiet sabiex jirnexxilhom jikkonformaw mar-regoli ta' kundizzjonalità, li huma kumplessi u li jiswew ħafna flus;

24. Jilqa' l-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tas-SAPS sa l-aħħar ta' l-2010 u dwar l-involviment ta' l-Istati Membri Ġodda fl-iskema ta' għajnuna għall-uċuħ tar-raba' għall-enerġija;

25. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tas-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-CAP, ta' l-iskemi għal pagamenti diretti u tal-programmi għall-iżvilupp rurali, tagħti attenzjoni partikulari għall-problemi li jiffaċċjaw l-Istati Membri Ġodda u biex tipproponi soluzzjonijiet xierqa, mingħajr madankollu ma titbiegħed mir-regolamenti li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-CAP;

26. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra aktar il-problemi u t-tħassib ta' l-Istati Membri Ġodda fid-deċiżjonijiet tagħha fi ħdan il-qafas tal-CAP;

27. Jistqarr li huwa mħasseb ħafna mill-proposta reċenti tal-Kummissjoni li mill-2007 titneħħa kompletament l-iskema ta' għajnuna għall-qamħirrun; jinnota li l-mod kif ġiet ippreżentata l-proposta huwa kontra l-prinċipji fundamentali ta' l-UE meta wieħed iqis iż-żmien meta dan sar, in-nuqqas ta' evalwazzjoni sodisfaċnti - b'mod partikulari rigward il-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-setturi taċ-ċereali u fuq il-pagamenti diretti għaz-zoni - u n-nuqqas ta' alternattivi jew perjodu ta' tranżizzjoni; iqis li din l-abolizzjoni prematura ta' skema ta' għajnuna għall-qamħirrun se jkolla konsegwenzi serji;

28. Iqis li fl-ispirtu tar-riforma tal-PAC ta' l-2003, tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' pagamenti għaz-zoni għal tkabbir ta' frott bla għadam għall-ipproċessar li għandhom ikunu marbuta ma' parteċipazzjoni obbligatorja f'attivtajiet ta' gruppi agroalimentari, jew ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi, u li jkollhom l-obbligu li jbiegħu dawn il-prodotti b'kuntratti kummerċjali hekk li tkun tista' tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-frott bla għadam u tittejjeb il-qagħda ta' bdiewa fl-Istati Membri, b'mod partikulari fil-Polonja;

29. Jikkunsidra li huwa neċessarju aktar bdil fil-produzzjoni agrikola u fin-"nisġa" rurali ta' l-Istati Membri Ġodda u jenfasizza li r-regoli tal-CAP u l-għajnuna Komunitarja għandhom jassisstu din il-proċedura; jenfasizza li huwa kruċjali li dawn il-bidliet isiru bil-galbu, għaliex is-soċjetàjiet rurali li huma marbuta ma' l-agrikoltura u l-ekonomija ta' l-Istati Membri Ġodda ma jistgħux jittolleraw bdil rapidu u drastiku fl-istruttura tal-produzzjoni u ta' l-impjiegi tagħhom;

Il-Futur tal-CAP fl-Unjoni Ewropea Mkabbra

30. Jenfasizza li fl-UE mkabbra mhux possibbli bil-CAP preżenti li jiġu solvuti parti sostanzjali tal-problemi agrikoli u problemi relatati mal-biedja; iqis li s-separazzjoni tal-pagamenti diretti imposti mid-WTO isaħħaħ b'mod ġenerali l-orjentament tas-suq ta' l-agrikoltura Ewropea, imma l-pagamenti diretti diżakkoppjati ma jikkontribwixxux bis-sħiħ għall-istabbilment ta' settur agrikolu sostenibbli u ta' soċjetà rurali, la fl-Istati Membri Ġodda u lanqas f'parti konsiderevoli ta’ l-UE-15; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati kemm miżuri supplimentari kif ukoll soluzzjonijiet apposta għall-applikazzjoni ta' l-iskema għall-pagamenti diretti;

31. Huwa ta' l-opinjoni li, speċjalment fl-Istati Membri u fir-reġjuni fejn impriżi speċjalizzati għandhom irwol deċiżiv fl-agrikoltura, is-sistema attwali ta' pagamenti diretti tippromwovi wisq ir-raba' għall-koltivazzjoni tal-wiċċ, ma tgħinx b'mod xieraq l-implimetazzjoni ta' sistema sostenibbli għat-trobbija ta' l-annimali u ma tippromwovix u ma tiffaċilitax il-bidliet strutturali neċessarji;

32.  Jinnota li, fil-każ ta’ xi wħud mill-Istati Membri Ġodda, f’xi oqsma l-livelli ta’ kwota allokati wasslu għall-iffriżar jew saħansitra għat-tnaqqis tal-produzzjoni agrikola, u li l-fatt li l-pagamenti separati kienu marbuta ma' livell aktar dgħajjef tal-kwoti kkostitwixxa żvantaġġ ieħor rigward is-sussidji għall-Istati Membri Ġodda, flimkien ma’ l-iżvantaġġ l-ioeħor tad-dħul gradwali; jinnota wkoll li l-problema teżisti wkoll f’xi wħud mill-Istati Membri l-qodma;

33. Jemmen li l-kisba ta' l-objettivi tal-CAP hija mxekkla fl-Istati Membri Ġodda wkoll minħabba l-livell insufiċjenti ta' finanzjament għall-iżvilupp rurali, min-nuqqas ta' sistema effiċjenti ta' l-immaniġġjar tar-riskji u l-kriżijiet u mir-regoli Komunitarji riġidi dwar l-għajnuna mill-Istat;

34. Jenfasizza li l-politika agrikola għandha tinżamm fuq il-livell Komunitarju fil-qafas tal-CAP riformata u għandha tevita r-rinazzjonalizzazzjoni; madankollu jenfasizza li għandhom jiġu applikati miżuri speċifiċi bbażati fuq il-principju tas-sussidjarità; huwa ta' l-opinjoni li huwa neċessarju li l-iskop, l-objettivi, l-għanijiet, u l-prinċipji tal-CAP ikunu riveduti, inkluż il-mudell agrikolu Ewropew, hekk li jiġu kkunsidrati l-objettivi u l-bżonnijiet tal-biedja, taz-zoni rurali, tal-bdiewa, tal-konsumaturi u tas-soċjetà kollha fl-Unjoni mkabbra ta' 27 pajjiż sabiex ikunu determinati r-riżorsi finanzjarji neċessarji u sabiex tkun żgurata l-allokazzjoni adegwata, ekwitabbli u ġustifikata kif xieraq;

35. Jenfasizza li l-fatturi possibbli kollha (pereżempju l-konsegwenzi ta' deċiżjonijiet finanzjarji adottati, ir-riformi fil-CAP, l-esperjenzi ta' l-Istati Membri Ġodda, id-diversità u l-varjetà ta' l-agrikoltura Ewropea) għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq fir-riforma futura tal-CAP, partikularment waqt "l-eżami mediku tal-CAP' u l-evalwazzjoni f'nofs il-perjodu fl-2008 - 2009 tal-Prospettivi Finanzjarji ta' l-2007 - 2013;

36. Jenfasizza wkoll li huwa imperattiv li jiġu evitati deċiżjonijiet imposti, li għandhom l-iskop biss li jitnaqqas il-livell ta' ffinanzjar Komunitarju jew sabiex jinżamm l-status quo finanzjarju bejn l-Istati Membri;

37. Huwa tal-fehma li l-produzzjoni tal-bijomassa u tal-bijoenerġija se jkollha sehem strateġiku fil-ġejjieni tal-qasam tal-biedja fl-UE; jitlob għalhekk li jkun hemm finanzjament xieraq min-naħa ta’ l-UE sabiex tiġi promossa l-produzzjoni tal-bijomassa fuq art li m’għadhiex meħtieġa għat-tkabbir ta’ l-ikel u ta’ l-għalf; f’dan ir-rigward ifakkar fil-kapaċitajiet kbar ta’ l-Istati Membri Ġodda, u l-potenzjal għal produzzjoni ikbar ta’ l-UE mkabbra;

38. Jenfasizza li l-milja tal-bżonnijiet speċifiċi ta' l-Istati Membri u tar-reġjuni, inklużi problemi u diffikultajiet fl-Istati Membri Ġodda, għandhom jiġu sodisfatti fuq il-bażi ta' sussidjarjetà bl-użu ta' l-istrumenti mfassla apposta li ġejjin:

a)  L-introduzzjoni ta' sistema ta' pagamenti diretti riveduta, inkluża l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda bħal possibiltajiet ta' tgħaqqid mill-gdid volontarju biex jintużaw biss minn dawk l-Istati Membri li jqisuh neċessarju biex jilħqu l-għanijiet soċjali, ta' xogħol u ta' sostenibilità; l-estensjoni tal-pagamenti għas-setturi ġodda u għall-benefiċjarji l-ġodda, pereżempju għal frott bla għadam għall-ipproċessar fi ħdan is-sistema riveduta ta' inviloppi finanzjarji nazzjonali u ffinanzjar Komunitarju sħiħ,

b)             L-introduzzjoni ta' miżuri tas-suq addizjonali, mhux obbligatorji, reġjonali u temporanji b'iffinanzjar Komunitarju,

c)  L-applikazzjoni ta' sistema ta' invilopp nazzjonali mill-baġit Komunitarju fis-setturi li jridu jiġu rriformati (ta' l-inbid, il-frott u l-ħxejjex);

d)  Appoġġ aħjar u spinta qawwija għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, kif ukoll l-abolizzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tfixkel dawn l-iżviluppi;

e)  Spinta għall-koperazzjoni transkonfinali bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi,

f)              L-introduzzjoni ta' sistema effiċjenti ta' immaniġġjar ta' kriżi u riskji agrikoli b'assistenza finanzjarja Komunitarja, imħallsa mill-inviloppi nazzjonali;

g)  It-tisħiħ tas-suq intern permezz ta' regoli komuni għal standards komuni ta' kwalità, kommerċjalizzazjoni, kompetizzjoni, sikurezza ta' l-ikel, ambejnt u regoli għall-benesseri tal-bhejjem;  

h)  It-tisħiħ tas-sistema ta' l-iżvilupp rurali u l-iffinanzjar tagħha;

i)   Iż-żieda tal-flessibilità tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat (eżempju t-twessigħ ta' l-ambitu ta' l-eżenzjonijiet ta' kategorija, iż-zieda tal-livell "de minimis");

39. Iqis li trid tkun żgurata l-kompatibilità mad-WTO waqt in-Negozjati tar-Round ta' Doha bħala parti mill-offerta ta' l-UE għat-tnaqqis ta' l-ostakoli għall-kummerċ jew għall-iskambju għal qbil mal-manteniment ta' livelli interni ta' appoġġ tal-membri l-oħra tad-WTO;

40. Ifakkar li l-implimentazzjoni ta' dazji supplimetari fi ħdan il-mekkaniżmu ta' klawsoli ta' salvagwardja speċjali (CSS) tista' tikkostitwixxi miżura ta' protezzjoni effikaċi kontra l-importazzjoni abbużiva jew l-importazzjoni bi preżżijiet ta' dumping fis-setturi sensittivi, li fosthom hemm dawk ta' l-Istati Membri Ġodda; jitlob lill-Kummissjoni biex fi ħdan iċ-ċiklu attwali ta' negużjati tad-WTO fil-lista ta' konċessjonijiet ta' l-UE toħloq il-kundizzjonijiet għal bidla fil-firxa ta' l-ambitu tas-CSS; ifakkar li ċerti Stati Membri Ġodda kellhom il-possibilità li japplikaw is-CSS f'setturi sensittivi ta' l-agrikoltura li m'humiex inklużi fil-lista attwali ta' konċessjonijiet ta' l-UE;

41. Jistenna li l-CAP futura mhux biss tikkunsidra l-bżonnijiet ta' UE mkabbra imma li l-immaniġġjar tagħha jsir aktar faċli; jistenna li tnaqqas it-tagħbija amministrattiva tal-bdiewa u ta' l-awtoritajiet nazzjonali u li tappoġġja l-produzzjoni ta' prodotti sikuri li huma mmirati lejn is-suq, filwaqt li tiżgura l-futur tal-biedja sostenibbli;

42. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha sabiex iniedu diskussjoni animata u li jressqu proposti li jħarsu 'l quddiem sabiex jibnu futur sostenibbli għall-biedja fl-Unjoni Ewropea mkabbra;

43. Japprova l-intenzjoni tal-Kummissjoni li għall-futur tal-CAP wara l-2013 tipproponi perspettiva għal perjodu twil li tagħraf tajjeb l-opportunità unika offruta mill-fatt li fit-tletin sena li ġejjin il-kummerċ dinji ta' prodotti agroalimentari huwa previst li jkun id-doppju tat-tkabbir komplessiv mistenni fil-kummerċ dinji, filwaqt li jiġi żgurat żvilupp armonjuż ta' l-agrikoltura fit-territorji kollha ta' l-UE u li bis-saħħa ta' l-isforzi ta' l-Istati ta' l-UE-15, flimkien ma' dawk ta' l-Istati Membri godda, jippermetti li l-agrikoltura taqdi l-funzjoni produttiva tagħha u l-funjzonijiet l-oħra tagħha;

44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti nazzjonali u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 161. 26.6.1999, p. 87.
  • [2]  ĠU L 236, 23.1.2003, p. 33.
  • [3]  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.
  • [4]  ĠU C 93, 19.01.2001, p. 1.
  • [5]  ĠU L 161, 30.4.2004, p. 48.
  • [6]  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.
  • [7]  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.
  • [8]  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1.
  • [9]  ĠU C 139 ta' l-14.6.2006, p.1.
  • [10]  COM(2006)0500.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-konsegwenzi prinċipali tas-sħubija u l-applikazzjoni tal-Politika Komuni għall-Agrikoltura (CAP) fl-Istati Membri Ġodda (NMS), inkluż l-impatt ġenerali fuq l-integrazzjoni Ewropea

Karatteristiċi Ġenerali

Fl-Istati Membri Ġodda, il-biedja għandha rwol importanti fl-ekonomija nazzjonali u fil-ħajja rurali. Dejta ta' l-2004 turi li 22% taz-zona totali ta' l-Istati Membri Ġodda hija ddedikata għall-biedja, filwaqt li fl-UE-15 din hija biss 4%. Fl-Istati Membri Ġodda, il-proporzjon ta' ħaddiema fil-biedja mill-popolazzjoni totali fl-età tax-xogħol hija 13%, filwaqt li fl-UE-15 hija 1.6%. Il-sehem tal-biedja fil-Prodott Gross Domestiku (GDP) huwa ta' 2.8% u 1.6% rispettivament. F'ċerti zoni rurali fl-Istati Membri Ġodda, il-biedja hija l-unika sors ta' dħul.

Il-livell medju tal-produzzjoni agrikola fl-Istati Membri Ġodda hija ħafna anqas mill-medja ta' l-UE-15. Il-biedja hija kkaratterizzata minn proporzjon kbira ta' intrapriżi żgħar, semi-sussistenti, intrapriżi part-time b'livell baxx ta' teknoloġija tal-produzzjoni u ta' kapital investit. Minħabba effiċjenza aktar baxxa, il-produzzjoni titlob numru notevolment akbar ta' unitajiet ta' xogħol. L-integrazzjoni orizzontali u vertikali hija limitata. In-numru ta' koperattiv u organizzazzjonijiet tal-produtturi huwa inadegwat; il-bdiewa m'humiex il-propjetarji ta' negozju ta' l-ipproċessar ta' l-ikel. Il-produzzjoni anqas intensiva hija żvantaġġ f'dak li jirrigwarda l-kompetittività; madankollu tippreżenta anqas periklu għall-ambjent u tgħin fil-manteniment tal-bijodiversità.

Il-biedja fl-Istati Membri Ġodda hija kkaratterizzata wkoll minn diversità kbira fil-kundizzjonijiet naturali u ekonomiċi. Għalhekk hemm ukoll differenzi konsidereovli fl-istruttura tal-produzzjoni. Fil-Polonja, il-biċċa l-kbira ta' l-agrikoltura hija bbażata fuq irziezet ta' skala żgħira u medja mmexxijin minn familji, b'taħlita ta' attivitajiet li jinvolvu raba' koltivabbli, mergħat u t-trobbija ta' l-annimali. Fl-Ungerija u fl-Estonja, għandhom irwol konsiderevoli l-irziezet speċjalizzati. Fis-Slovenja jiddominaw l-irziezet tal-familja żviluppati tajjeb tat-tip Ewropew. Ir-Republika Ċeka u s-Slovakkja għandhom struttura tal-produzzjoni omoġenea u relattivament żviluppata. Il-maġġoranza ta' l-irziezet fl-Istati Baltiċi għandhom ukoll attivitajiet diversi. Il-biedja Ungeriża għandha struttura doppja, b'intrapriżi agrikoli kbar li jaħdmu biswit bosta rziezet tal-familja żgħar u ineffiċjenti. L-agrikoltura ta' Ċipru u ta' Malta hija kkaratteriżżata mill-produzzjoni Mediterranja. L-ortikultura hija settur importanti fil-Polonja u fl-Ungerija.

Uħud mill-iżvantaġġi tal-politika ta' l-agrikoltura tal-passat għadhom evidenti għax fl-era komunista l-agrikoltura żviluppat għal għexieren ta' snin f'direzzjoni totalment differenti minn dik tal-CAP. Wara li kien hemm bdil fir-reġim inħolqu aktar problemi mill-waqa' tas-swieq tradizzjonali, mill-bdil fil-pussess tal-proprejtà u fl-istrutturi tal-produzzjoni, in-nuqqas kbir ta' kapital, l-integrazzjonijiet insuffiċjenti, is-sussidji nazzjonali ta' livell baxx u strutturati b'mod insuffiċjenti.

Huwa evidenti li bidliet oħra sinifikanti fl-ekonomija agrikola u rurali ta' l-Istati Membri Ġodda huma inevitabbli. Minħabba l-possibilitajiet limitati fis-suq intern u fi swieq terzi, it-tnaqqis kwantitattiv tal-produzzjoni huwa soluzzjoni vjabbli biss fil-każ ta' prodotti li s-suq għolla l-prezz tagħhom. Żieda fl-effiċjenza tirriżulta fil-konċentrazzjoni ta' rziezet u fit-tnaqqis fl-impjiegi. Il-possibilitajiet għad-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali huma limitati għax iz-zoni rurali ta' l-Istati Membri Ġodda ma jigbdux biżżejjed kapital. Il-qgħad li joriġina mill-biedja joħloq problema kbira. Bdil malajr u drastiku ħafna fil-produzzjoni u fl-istruttura ta' l-impjiegi jikkawża tensjonijiet politiċi u ekonomiċi li ma jistgħux ikunu mmaniġġjati.

Integrazzjoni mingħajr diffikultajiet, sitwazzjoni ta' gwadann miż-żewġ aspetti

L-adeżjoni ta' għaxar Stati Membri Ġodda żiedet in-numru ta' konsumaturi Ewropej bi kważi 20%. Iz-zona agrikola utilizzata u n-numru ta' ħaddiema fl-agrikoltura żdiedu b'27% u 57% rispettivament.

Din il-"big-bang" ma ħolqitx disturbi fis-suq ħieles ta' l-UE, la fl-Istati Membri l-qodma u lanqas fil-ġodda. Fl-UE-15, it-tkabbir ma rriżultax f'bidliet traċċabbli fil-biedja u l-prezzijiet ta' l-ikel u r-relazzjonijiet stabbiliti tajjeb tas-swieq, il-produzzjoni ġenerali u l-mudelli tal-konsum. Prodotti mill-Istati Membri Ġodda ma tawx bidu għal "dumping" fil-pajjiżi ta' l-UE-15, parzjalment minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-kummerċ agrikolu u ta' l-ikel kien ħieles mid-dazji u mis-sussidji sa minn qabel it-tkabbir. Għalkemm l-investigazzjoni relevanti tal-Kummissjoni għadha ma spiċċatx, stħarriġ fis-suq juri li fl-Istati Membri Ġodda l-operaturi ma akkumulawx stokks spekulattivi qabel l-adeżjoni.

Sa ċertu punt, permezz ta' l-assistenza ta' l-UE ta' qabel l-adeżjon, l-Istati Membri Ġodda saħħew is-sistema nazzjonali tagħhom tas-sikurezza ta' l-ikel, u s-sistemi veterinarji u fitosanitarji tagħhom. L-isforzi kkonċentraw fuq il-kontroll fuq il-fruntieri ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, fuq il-biċċeriji u fuq l-istabbilimenti ta' l-ipproċessar ta' l-ikel. Ix-xogħol preparatorju li sar bir-reqqa żgura li t-tkabbir ma rriżultax fiż-żieda tal-livell ta' riskju f'dawn l-oqsma fl-UE. Wara l-adeżjoni ma tfaċċja l-ebda każ fejn kien ikkunsidrat il-bżonn li tittieħed miżura ta' salvagwardja.

Il-biedja fl-Istati Membri Ġodda bbenefikat mis-sħubija u mill-applikazzjoni tal-CAP. Fis-settur taċ-ċereali, tal-pitravi, taċ-ċanga u tal-ħalib, ir-regoli tal-CAP stabbilew il-prezzijiet fis-swieq. Id-dħul mill-biedja żdied konsiderevolment fl-Istati Membri Ġodda, partikularment f'dawk il-pajjiżi u l-irziezet fejn ir-raba' koltivabbli u fejn it-trobbija ta' l-annimali li jirgħu huma dominanti. Żdiedu biss ċertu prezzijiet ta' l-agrikoltura u ta' l-ikel, għaliex minn qabel l-adeżjoni kienet diġà saret proċedura ta' approprijazzjoni ta' prezzijiet. L-aktar żieda ta’ dħul sinifikanti kienet fil-Polonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fir-Repubblika Ċeka.

L-Istati Membri qodma bbenefikaw prinċipalment mit-tneħħija tal-fruntieri interni. L-esportaturi ta' l-UE-15 żiedu s-sehem tagħhom fis-suq ta' l-Istati Membri Ġodda, speċjalment fil-każ ta' prodotti proċessati. Is-sħubija pprovdiet ukoll kundizzjonijiet aħjar għall-investituri ta' l-UE-15 fis-settur agrikolu u ta' l-ikel. Dawn l-opportunitajiet jikkompensaw b'mod ġeneruz il-piż limitat u addizzjonali għall-finanzjament tal-CAP li ġarrbu l-Istati Membri l-qodma.

Minkejja l-importanza u d-dimensjoni storika tiegħu, it-tkabbir ta' l-2004 ma ħtieġx bidliet kbar jew tqal għall-immaniġġjar u l-finanzjament tal-CAP. Mis-sena 2000 sa l-adeżjoni l-Istati Membri Ġodda rċevew għajnuna mis-Sapard b'baġit annwali ta' 520 miljun Euro, ftit aktar minn 1% tal-Fond Ewropew għall-Garanzija u l-Gwida Agrikola (EAGGF). Fil-perjodu ta' bejn l-2004 sa l-2006, l-Istati Membri Ġodda rċevew madwar 5-8% ta' l-allokazzjonijiet ta' l-EAGGF. Dan il-qafas baġitarju eżistenti kellu riservi biżżejjed u l-interessi ta' l-Istati Membri UE-15 ma ġewx mhedda. Id-dħul gradwali ta' pagamenti diretti fl-Istati Membri Ġodda jgħin biex inaqqas il-piż finanzjarja fuq l-Istati Membri. Anki sa l-aħħar tal-prospettiva finanzjarja ta' l-2007-2013 is-sehem ta' pagamenti diretti u ta' l-approprjazzjonijiet għall-iżvilupp rurali għall-Istati Membri Ġodda mill-baġit ta' l-UE-27 se jitla' biss sa 19%, filwaqt li fit-12-il Stat Membru Ġdid se jkun hemm kważi 30% taz-zona agrikola użata u 50% tal-ħaddiema tal-biedja.

Il-finazjament futur tal-CAP fl-UE-27 se jsir f'ambjent politiku u fiskali ġeneralment negattiv. Id-deċiżjoni dwar il-qafas finanzjarju ta' l-2007-2013 kkonfermat id-deċiżjoni tas-Samit ta' Brussell għal l-iffriżar tal-baġit għall-pagamenti diretti u għall-miżuri tas-suq fuq il-livell ta' l-UE-15 fl-2002, u laħqet ftehim għal tnaqqis drastiku ta' l-allokazzjonijiet għall-iżvilupp rurali għall-Istati Membri l-qodma. Huwa probabbli ħafna li mill-2008 'il quddiem, is-sorsi finanzjarji disponibbli ma jkunux jistgħu jippermettu l-allokazzjoni ta' pagamenti diretti fil-livell stipulat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti.

L-applikazzjoni tal-Politika Komuni għall-Agrikoltura fl-Istati Membri l-Ġodda

Fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni l-pajjiżi kandidati għamlu sforzi konsiderevoli sabiex idaħħlu l-acquis communautaire u jistabbilixxu l-qafas istituzzjonali neċessarju għall-applikazzjoni tal-CAP. Programmi ta' ġemellaġġ iffinanzjati mill-UE pprovdew assistenza siewja f'dan il-proċess. Madankollu, il-politiki nazzjonali għall-biedja u għall-iżvilupp rurali ta' qabel is-sħubija ma ħejjewx b'mod effiċjenti lill-bdiewa u lis-soċjetà rurali għall-opportunitajiet u l-isfidi l-ġodda, għaliex il-pajjiżi kandidati kkonċentraw fuq l-akbar problemi u ma kienx hemm biżżejjed sorsi nazzjonali ta' finanzjament. L-UE pprovdiet assistenza għall-iżvilupp agrikolu u rurali tal-pajjiżi kandidati, iżda minħabba rekwiżiti kkumplikati u nuqqas ta' deċiżjonijiet f’waqthom, il-programm Sapard beda b'dewmien konsiderevoli u parti kbira mill-allokazzjonijiet intużat biss wara l-adeżjoni.

L-aktar bidla sinifikanti u evidenti tas-sħubija fl-UE fil-biedja ta' l-Istati Membri Ġodda kienet l-introduzzjoni ta' pagamenti diretti. Għalkemm bosta pajjiżi kandidati applikaw skemi simili, il-pagamenti Komunitarji diretti stabbilew sistema ġdida ta' appoġġ fl-Istati Membri Ġodda, speċjalment f'dak li jirrigwarda d-daqs tagħhom, ir-regoli ta' distribuzzjoni u l-benefiċċjarji milquta. Sabiex ikun hemm livell ugwali għall-bdiewa, kull Stat Membru Ġdid japplika pagamenti diretti nazzjonali komplimentari (CNDP) kif permess mill-Att ta' Adeżjoni. Imma minbarra l-piż serju li dawn jitfgħu fuq il-baġit nazzjonali, huma jwarrbu r-riżorsi nazzjonali mill-iskemi approvati mill-KE għal għajnuna mill-istat, li jistgħu jkunu essenzjali fl-għajnuna għall-bidliet neċessarji fis-settur li għalihom m'hemm ebda riżorsi jew hemm biss riżorsi limitati mill-Komunità. Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri Ġodda kellhom jużaw l-għażla tal-modulazzjoni negattiva (jerġgħu jgħaqqdu flimkien is-sorsi finanzjarji għall-żvilupp rurali sabiex jitħallas is-CNDP).

Tmien Stati Membri Ġodda għażlu l-iskema ta' pagament ta' zona waħda (SAPS) minħabba l-fatt li ma kenux ippreparati għat-tħaddim tas-sistema sofistikata ta' pagamenti diretti fl-UE-15. B'mod ġenerali, is-sistema ta' pagamenti SAPS ibbażata fuq iz-zona, kompletament separata u b'rata fissa, kienet suċċess. Kemm il-bdiewa u kemm l-awtoritajiet nazzjonali huma kuntenti bir-regoli u l-kondizzjonijiet sempliċi. Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri Ġodda jixtiequ jkomplu s-SAPS sakemm dan ikun possibbli minkejja xi żvantaġġi tas-sistema. Madankollu, uħud mill-Istati Membri Ġodda jikkunsidraw li ċertu pagamenti maqgħuda huma neċessarji, għallinqas temporanjament, għall-orjentament tal-bidliet fil-produzzjoni agrikola. Dawn il-pajjiżi ħolqu b'suċċess bosta invilloppi tas-CNDP, b'pagamenti magħquda kompletament jew parzjalment għas-setturi fejn il-pagamenti SAPS ġabu magħhom żvantaġġi kbar (pereżempju, it-tabakk, il-ħalib u ċ-ċanga).

Emendi fil-leġiżlazzjoni tal-KE, introdotti bir-riforma taz-zokkor, jiffaċilitaw il-bidla mis-SAPS għall-SPS. Fost oħrajn, jippermettu lill-Istati Membri Ġodda biex jiddevjaw mill-mudell SPS li jidher ċar li huwa mudell reġjonali. Madankollu. il-Kummissjoni għadha ma għamlitx proposta dwar ir-regoli dettaljati tal-bidla, speċjalment f'dak li jirrigwarda r-regoli tas-CNDP. Din l-inċertezza ġġiegħel lill-Istati Membri Ġodda jkomplu bl-applikazzjoni tas-SAPS.

L-iskema ta' l-iżvilupp rurali tilħaq biss parti mill-aspettativi ta' l-Istati Membri Ġodda. Is-sistema preżenti tikkontribwixxi biss parzjalmenti għall-milja ta' miri miftehma b'mod komuni. Huma m'humiex orjentati biżżejjed lejn żvilupp sostenibbli u lejn soluzzjoni tal-problemi 'ilhinn mill-biedja. Is-sorsi Komunitarji huma limitati u r-regoli kkumplikati. Għalkemm regoli Komunitarji adottati riċentement jippermettu l-modulazzjoni volontarja tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri Ġodda wkoll, ftit huwa dawk li probabbli se jużaw din l-għażla sakemm ikun għadu għaddej il-perjodu ta' dħul gradwali tal-pagamenti diretti.

Bil-għajnuna ta' pagamenti diretti, ta' miżuri għall-iżvilupp rurali u ta' skemi approvati ta' għajnuna mill-istat, l-Istati Membri Ġodda jistgħu joħolqu sistema aktar xierqa għall-iżvilupp tas-soċjetà agrikola u rurali tagħhom. Il-bidliet riċenti fil-leġiżlazzjoni u fil-proposti (eżempju r-riforma taz-zokkor, l-estenzjoni ta' l-applikazzjoni tas-SAPS, l-impjanti ta' l-enerġija) kollha jikkontribwixxu għal dan il-għan. Imma jeħtieġ aktar faċilitizzazzjoni ta' ċerti regoli. Huwa rrakkomandat li l-applikazzjoni tar-regoli ta' kundizzjonalità fl-Istati Membri Ġodda jkunu posposti sakemm jilħqu jiffaċċjaw id-dħul bil-mod tal-pagamenti diretti. L-immaniġġjar tal-programmi ta' żvilupp rurali jista' jsir anqas diffiċli mingħajr ħsara għalll-prinċipji ġenerali.

L-effetti tal-CAP fuq is-setturi ta' l-agrikoltura differenti fl-Istati Membri Ġodda jvarjaw ħafna. Il-biedja taċ-ċereali saret tieħu l-akbar sehem mill-applikazzjoni tal-CAP. Is-sistema ta' intervenzjonijiet u ta' garanzija tal-prezz b'għajnuna bbażata fuq zoni tippermetti lill-bdiewa li jagħmlu użu mill-vantaġġi komparattivi ta' l-art tagħhom u hija mistennija aktar żieda fil-produzzjoni. Fis-settur taċ-ċanga u tal-ħalib is-sitwazzjoni tvarja. Arranġamenti speċifiċi b'pagamenti għall-prodotti tal-ħalib, taħt il-forma ta' 'top-up' li beda bir-rata ta' 85% fl-2004, għenu sabiex il-produzzjoni tal-ħalib tinżamm f'bosta pajjiżi. L-opportunitajiet għat-tkabbir taċ-ċanga huma limitati jekk is-CNDP tkun imqassma fuq bażi ta' zona. Is-settur tal-laħam tal-majjal u tal-laħam tat-tjur qed jiffaċċjaw sfidi estremi għax ma jirċievu prattikament ebda għajnuna Komunitarja u l-livell ta' assistenza nazzjonali huwa limitat ukoll. L-ispejjeż tal-produzzjoni żdiedu minħabba l-għoli fil-prezzijiet ta' l-għalf, filwaqt li l-prezzijiet tal-produtturi baqgħu fuq l-istess livell. Is-settur tal-frott u tal-ħaxix huwa importanti biss f'ċertu Stati Membri Ġodda. L-importazzjoni ta' prodotti tal-frott u tal-ħaxix ta' kwalità baxxa hija tabilħaqq sfida għall-bdiewa. Hemm biss minoranza tal-produtturi li huma membri ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, hekk li jista' jippermettilhom li jirċievi għajnuna Komunitarja.

Wieħed mill-argumenti l-aktar importanti favur id-dħul bil-mod tal-pagament diretti kienu dawk relatat mal-livelli differenti ta' żvilupp, mal-livell ta' l-għixien, u speċjalment mal-livelli ta' spejjeż u mal-fatt li l-bdiewa fl-Istati Membri Ġodda jeħtieġu anqas kumpens għad-dħul. Ġie mwiegħed ukoll li d-diskriminazzjoni fil-pagamenti diretti se tkun kumpensata biż-żieda fl-allokazzjonijiet għall-iżvilupp rurali. Madankollu, il-figuri attwali jonqsu mill-jsaħħu l-kunċett oriġinali u l-aspettativi għal aktar finanzjament mit-tieni pilastru kienu illużorji. Fil-Prospettivi Finanzjarji ta' l-2007-2013 hemm żbilanċ serju fl-allokazzjoni tar-riżorsi. Il-livell medju ta' għajnuna Komunitarja għall-biedja u għall-iżvilupp rurali għall-Istati Membri Ġodda se jkun biss ta' 29-33% għal kull bidwi u ta' 62-64% għal kull ettaru meta mqabbel ma' dak ta' l-Istati Membri l-qodma matul is-seba' snin.

Tabella I. turi kif il-livell ta' pagamenti diretti u ta' allokazzjonijiet għall-iżvilupp rurali għal kull ettaru ta' zona agrikola użata fl-Istati Membri Ġodda tersaq viċin dik ta' l-UE-15. Wara l-2013 mhux se jkun hemm differenzi kbar. Madankollu, jekk tiġi kkunsidrata l-għajnuna għal kull bidwi, id-differenza tibqa' waħda sinifikkattiva (Tabella II).

Tabella I.

Tabella II.

Il-Futur tal-CAP fl-Unjoni Ewropea Mkabbra

It-tkabbir ta' l-2004 żied id-diversità ta' l-agrikoltura Ewropea u llimita aktar il-possibilità ta' applikazzjoni ta' regoli komuni. Il-bżonnjiet li dejjem jinbidlu u l-karatteristiċi ta' UE mkabbra għandhom ikunu kkunsidrati fir-riformi futuri tal-CAP. Hemm bżonn imperattiv li jiġu stipulati objettivi u miri ġodda sabiex tkun żgurata sostenibbilità fit-tul, ikunu ssodisfati l-bżonnijiet lokali u reġjonali tal-biedja u tas-soċjetà rurali u l-aspettativi tal-konsumaturi, ta' dawk li jħallsu t-taxxi, u ta' l-ambjentalisti, eċċ.

L-esperjenzi ta' l-Istati Membri Ġodda wrew li hemm bżonn ta' aktar riformi tal-CAP. L-istatistika turi żvilupp ġenerali konsidervoli fid-dħul mill-biedja ta' l-Istati Membri Ġodda. L-aktar li jibbenefikaw mill-pagamenti diretti huma l-produzzjoni taċ-ċereali u t-trobbija ta' l-annimali li jirgħu. Il-fenomenu magħruf tal-"produzzjoni għas-sussidji" jiġi nnotat ukoll fl-Istati Membri Ġodda. Għalkemm huma diżakkopjati, il-pagamenti tas-SAPS iħaffu l-konċentrazzjoni ta' l-irziezet u jsaħħu r-raba' koltivabbli.

L-esperjenzi ta' l-Istati Membri Ġodda ma jikkonfermawx kompletament il-kunċett ta' separazzjoni totali tal-pagamenti diretti, promossa mill-Kummissjoni, għax l-Istati Membri mhumiex favur is-sistema ta' pagamenti sempliċi u b'rata waħda. Ħafna minnhom għandhom l-intenzjoni li għal ċerti setturi jagħmlu użu mill-għażliet li tipprovdi l-leġiżlazzjoni riċenti.

Waqt "l-eżami tas-saħħa" għandhom jiġu mfittxija aktar għażliet u fejn possibbli dawn għandhom jiġu awtorizzati, inklużi l-pagamenti diretti lil setturi u lil benefiċċjari li bħalissa huma esklużi. L-inviloppi SPS jistgħu jkunu kkunsidrati bħala għajnuna finanzjarja Komunitarja u kumpens għad-dħul mill-biedja ta' l-Istati Membri. Filwaqt li jikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika, id-diffikultajiet u r-rekwiżiti tal-biedja lokali, kull Stat Membru għandu joħloq is-sistema ta' kumpens għad-dħul l-aktar konvenjenti billi juża l-'menu ta' għażliet' stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fost l-għażliet ġodda jista' jkun hemm aktar għajnuna għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, kontribuzzjoni għal sistemi ta' riskju agrikolu effiċjenti u għall-immaniġġjar ta' kriżijiet. Il-Kummissjoni trid tissorvelja l-applikazzjoni sabiex tevita kull tip ta' distorsjoni. Dan il-kunċett mhux se jirrinazzjonalizza l-CAP. Hemm bżonn ta' sistema aktar flessibbli minflok il-kundizzjonijiet ġenerali ta' kompromess li ma taħdem tajjeb xejn. Ta min jinnota li dan il-kunċett huwa kompletament ġdid. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana hija bbażata fuq l-istess prinċipji u hemm proposta għal sistema parzjalment simili fil-każ tar-riforma ta' l-inbid.

L-immaniġġar tal-programmi għall-iżvilupp rurali jrid jitħaffef ukoll. Sabiex jintlaħqu l-aspettativi tal-konsumaturi u ta' dawk li jħallsu t-taxxi, l-istandards Komunitarji u r-regoli dwar il-kwalità, is-sikurezza ta' l-ikel u l-benesseri ta' l-annimali għandhom jissaħħu kontinwament.

Pass ieħor importanti għandu jkun iż-żieda fil-flessibilità tar-regoli ta' għajnuna mill-istat. Eżenzjonijiet wiesgħa biżżejjed ta' blokki ta' kategorija definiti b'mod ċar u żieda konsiderevoli tal-livell 'de minimis' se jipprovdu l-flessibilità neċessarja lill-Istati Membri Ġodda, mingħajr ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni ssosni li regoli għal pagamenti diretti diżakkopjati huma neċessarji għall-milja ta' l-impenji tad-WTO dwar appoġġ intern. L-imsieħba fin-negozjati tad-WTO, speċjalment l-Istati Uniti ta' l-Amerika, huma interessati fil-manteniment tal-livell intern ta' l-appoġġ tagħhom u f'aktar tnaqqis fil-protezzjoni tas-suq. L-UE tista' taqbel ma' dawn l-isforzi jekk l-imsieħba fin-negozjati jaqblu wkoll li ċerta parti biss mill-pagamenti diretti ta' l-UE jkunu diżakkopjati u b'hekk ikunu jistgħu jagħmlu parti mill-'kaxxa l-ħadra'.

Huwa importanti li r-riformi futuri tal-CAP ikunu motivati mill-għan li jintlaħqu l-bżonnijiet tal-biedja u tal-popolazzjoni rurali ta' l-Istati Membri u li tkun żgurata s-sostenibbilità tagħhom u jsir sforz sabiex ikun hemm simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv u jagħtu prijorità għal ħolqien ta’ sistema ta' produzzjoni kompletament konformi ma' l-aspettativi tal-konsumaturi fi ħdan qafas ta' baġit definit.

Kummenti finali tar-Rapporteur

Ir-Rapporteur jixtieq jesprimi r-rikonoxximent tiegħu għall-kontribut u l-għajnuna mogħtija fit-tħejjija ta' dan ir-rapport lill-Membri tal-Parlament Ewropew, lill-Istitut Ungeriż għar-Riċerka dwar l-Ekonomija Agrikola, lill-ministeri ta' l-agrikoltura u lill-kumitati parlamentarji għall-agrikoltura fir-Repubblika Ċeka, fir-Repubblika ta' l-Estonja, fir-Repubblika ta' Ċipru, fir-Repubblika tal-Latvja, fir-Repubblika tal-Litwanja, fir-Repubblika Ungeriża, fir-Repubblika ta' Malta, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika tas-Slovenja u fir-Repubblika Slovakka.

PROĊEDURA

Titolu

L-integrazzjoni ta' l-Istati Membri Ġodda fil-CAP

Numru tal-Proċedura

2006/2042(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI
16.2.2007

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Csaba Sándor Tabajdi
23.11.2005

 

Eżami fil-kumitat

12.7.2006

3.10.2006

19.12.2006

27.2.2007

 

Data ta' l-adozzjoni

27.2.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Vincenzo Aita, Peter Baco, Sergio Berlato, Thijs Berman, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Giuseppe Castiglione, Dumitru Gheorghe Mircea Coşea, Gintaras Didžiokas, Michl Ebner, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Lutz Goepel, Esther Herranz García, Elisabeth Jeggle, Tchetin Kazak, Atilla Béla Ladislau Kelemen, Heinz Kindermann, Diamanto Manolakou, Véronique Mathieu, Mairead McGuinness, María Isabel Salinas García, Willem Schuth, Czesław Adam Siekierski, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella, Witold Tomczak, Donato Tommaso Veraldi, Bernard Piotr Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Bernadette Bourzai, Béla Glattfelder, Gábor Harangozó, Wiesław Stefan Kuc, Astrid Lulling, Albert Jan Maat

Data tat-tressiq

1.3.2007

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...