RAPPORT dwar il-gżejjer u r-restrizzjonijiet naturali u ekonomiċi fil-kuntest tal-politika reġjonali
2.3.2007 - (2006/2106(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Francesco Musotto
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-gżejjer u r-restrizzjonijiet naturali u ekonomiċi fil-kuntest tal-politika reġjonali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-regolamenti li jirregolaw il-Fondi Strutturali għall-Perjodu 2007-2013,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Sevilja fil-21-22 ta’ Ġunju 2002,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Brussell fl-14-15 ta’ Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Settembru 2003 dwar ir-reġjuni strutturalment żvantaġġjati (gżejjer, reġjuni tal-muntanji, reġjuni b’densità baxxa ta’ popolazzjoni) fil-kuntest tal-politika dwar il-koeżjoni, u l-prospetti istituzzjonali tagħhom[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tat-13 ta' Marzu 2002 tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-problemi tar-reġjuni gżejjer fl-Unjoni Ewropea fil-kuntest tat-tkabbir[3],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tas-7 ta’ Lulju 2005 tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-għajnuniet Statali reġjonali[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6‑0044/2007),
A. Billi l-Parlament Ewropew spiss ġibed l-attenzjoni għall-qagħda serja ta’ gżejjer li qed ibatu minn akkumulazzjoni ta’ żvantaġġi u saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mgħejuna biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet u li jitnaqqsu d-differenzi reġjonali,
B. Billi l-kunċetti ta' l-ibgħad periferiji u ta' l-insularità m'għandhomx jitħalltu wieħed ma' l-ieħor, anke jekk ħafna reġjuni fl-ibgħad periferiji huma wkoll gżejjer; billi d-dispożizzjonijiet speċifiċi ta' l-Artikolu 299 tat-Trattat KE, li pprovdew bażi legali soda għall-miżuri li għandhom jittieħdu għall-proviżjon ta' kumpens effettiv biex jgħin lir-reġjuni fl-ibgħad periferiji, għandhom ikunu distinti mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 158 tat-Trattat KE u mid-Dikjarazzjoni fit-Trattat ta' Amsterdam dwar ir-reġjuni gżejjer, li qatt ma kienu s-suġġett ta' miżuri ta' implimentazzjoni li b'riżultat tagħhom kien hemm żbilanċi fl-iżvilupp ekonomiku bejn il-qalba ta' l-UE, fuq naħa, u l-gżejjer fil-periferija tagħha fuq in-naħa l-oħra,
C. Billi l-koeżjoni, bħala waħda mill-objettivi ewlenin ta’ l-UE, għandha l-għan li tiżgura l-iżvilupp multi-ċentrali u armonjuż billi tnaqqas id-differenzi reġjonali u tneħħi x-xkiel għall-iżvilupp, inklużi ostakli li huma marbuta ma' żvantaġġi naturali u ġeografiċi,
D. Billi l-prinċipju tal-koeżjoni territorjali kompla jiġi kkonsolidat fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali 2007-2013, u billi dak il-prinċipju jikkostitwixxi parti integrali mill-politika ta’ koeżjoni li jkun xieraq li tinżamm u tissaħħaħ fil-ġejjieni u li għandu bħala l-objettiv tiegħu l-integrazzjoni multi-ċentrali tat-territorju ta' l-UE sabiex ikunu żgurati opportunitajiet ugwali għar-reġjuni kollha u l-popolazzjonijiet tagħhom,
E. Billi l-immigrazzjoni illegali mill-baħar hija waħda mill-problemi prinċipali li qed tiffaċċja l-UE u billi, f'din l-aħħar sena, il-pressjoni tal-migrazzjoni kienet partikolarment intensa fuq il-fruntieri esterni tal-baħar ta' l-Unjoni, u b'mod partikulari fuq il-gżejjer tal-Mediterran, li fuqhom jaqa' piż sproporzjonat, sempliċiment minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom,
F. Billi l-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Brussell fl-14-15 ta' Diċembru 2006 enfasizza l-ħtieġa li l-immigrazzjoni tkun indirizzata globalment, u li l-isforzi li saru s'issa jeħtieġ li jkunu rduppjati, b'mod partikulari f'uħud mir-reġjuni gżejjer ta' l-UE, peress li dawn jikkostitwixxu l-fruntieri tal-baħar u r-rotot ta' migrazzjoni ta' l-UE,
1. Jemmen li l-insularità hija kemm karatteristika ġeokulturali li potenzjalment tista' tkun sfruttata minn strateġija għall-iżvilupp, u żvantaġġ permanenti li minħabba fih is-sitwazzjoni rigward il-kompetittività ta' dawn ir-reġjuni ssir aktar diffiċli;
2. Jirrikonoxxi li numru ta' dispożizzjonijiet konkreti favur reġjuni li huma żvantaġġati strutturalment ġew inkorporati fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali 2007-2013; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kunsill ma aċċettax proposti importanti oħrajn mill-Parlament, bħall-possibilità li tiżdied ir-rata ta' kofinanzjar għal zoni affettwati minn aktar minn żvantaġġ ġeografiku jew naturali wieħed;
3. Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-perjodu ta' programmar 2007-2013 dwar il-programmi operattivi tar-reġjuni gżejjer, inklużi dawk ta' l-objettiv 2, biex jisfruttaw għalkollox il-mezzi li permezz tagħhom ikollhom il-possibilità li jwettqu miżuri relatati ma' xogħlijiet ta' infrastruttura li huma meħtieġa ħafna;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi li ngħatat lid-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni fil-linji gwida strateġiċi tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni għall-perjodu 2007-2013; jinnota, b'mod partikulari, li l-appoġġ għad-diversifikazzjoni ekonomika taz-zoni bi żvantaġġi naturali huwa inkluż fost il-prijoritajiet għall-perjodu ta' programmar li jmiss; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet maniġerjali ta' l-Istati Membri kkonċernati biex iqisu bis-sħiħ din il-prijorità fit-tlestija ta' l-oqfsa strateġiċi ta' referenza nazzjonali u tal-programmi operattivi tagħhom;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti kas speċjali u tindirizza s-sitwazzjoni ta' gżejjer u reġjuni oħrajn żvantaġġati strutturalment fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni ta’ l-Ippjanar Spazjali (l-ESPON), tagħti attenzjoni speċjali lill-qagħda tar-reġjuni, u b'mod partikulari l-gżejjer, li għandhom żvantaġġi naturali; iqis li għarfien sod u sħiħ tal-qagħda fil-gżejjer huwa essenzjali jekk wieħed irid li l-karatteristiċi speċjali tagħhom jitqiesu b'mod sodisfaċenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi speċifiċi li jippermettu l-ġbir ta' dejta rilevanti li tikkonċerna l-gżejjer fil-livell lokali, li wara tingħadda lill-EPSON;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-informazzjoni statistika li kisbet matul l-istudji kollha ta' l-2003 li kkonċernaw il-gżejjer; jemmen li xogħol ulterjuri għandu jkun orjentat lejn definizzjoni ta' indikaturi statistiċi aktar adattati biex jipprovdu stampa statistika ċara tal-livell ta' żvilupp, u fehim sodisfaċenti tar-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi u naturali, u b'mod partikulari fejn hemm diffikultajiet akkumulati, bħal ktajjen ta’ muntanji, gruppi ta' gżejjer, u każijiet ta' insularità doppja; jisħaq li dawn l-indikaturi għandhom ukoll jippermettu evalwazzjoni mtejba tad-differenzi bejn dawn ir-reġjuni u l-bqija ta' l-UE kif ukoll evalwazzjoni tad-differenzi li jeżistu f'dawn ir-reġjuni nfushom; jistieden lill-Kummissjoni biex tirreġistra u tirrapporta dwar dawn l-indikaturi fuq bażi regolari, flimkien ma' eżempji ta' l-aħjar prattika;
8. Jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni tisħaq fuq is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer u tar-reġjuni periferali fil-linji gwida għall-għajnuna nazzjonali għar-reġjuni għall-2007-2013 u fil-linji gwida dwar għajnuna statali u kapital tar-riskju għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; iqis, madankollu, li sabiex jiġi trattat b'mod aktar sodisfaċenti l-iżvantaġġ permanenti ta' territorji bħal dawn, għandu jkun hemm aktar flessibilità fl-implimentazzjoni ta' politiki eżistenti u futuri ta' għajnuna statali, iżda tali flessibilità m'għandiex toħloq distorzjonijiet mhux aċċettabbli fis-suq fl-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-approċċ tagħha sabiex tqis aktar il-ħtieġa tal-gżejjer li jgawdu minn aċċess għas-suq wieħed b'kundizzjonijiet indaqs mar-reġjuni fil-kontinent; iqis, f'dan ir-rigward, li kollegamenti tat-trasport imtejba għandhom ikunu azzjoni ta' prijorità f'dan il-qasam, b'mod speċjali fil-każ ta' portijiet u ajruporti;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità li tippermetti li tingħata għajnuna statali lil reġjuni gżejjer fejn b’mod ċar l-ispejjeż tal-fjuwil u ta’ l-enerġija jaffettwaw ħażin il-kompetittività tal-komunitajiet li jgħixu fihom; jinnota, b'mod partikulari, li tlugħ u nżul sinifikanti fil-prezz tal-fjuwil jista' jwassal biex it-trasportazzjoni bejn ir-reġjuni gżejjer u l-Ewropa kontinentali tkun piż aktar minn qabel; jemmen li, fil-linji gwida li jmiss għall-għajnuna nazzjonali għar-reġjuni, sistema li tippermetti għajnuna għall-operat għandha tkun estiża għar-reġjuni gżejjer kollha li mhumiex stati gżejjer jew gżejjer ġewwiena;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji u tippreżenta lill-Parlament, fuq bażi regolari, "evalwazzjoni tal-ħtiġijiet speċjali" tar-reġjuni gżejjer fejn tqis kwistjonijiet ta' interess speċifiku għall-gżejjer u tipproponi miżuri kif jistgħu jkunu indirizzati; jaħseb li analiżi bħal din għandha tiffoka b'mod partikulari fuq l-impatt fuq il-gżejjer ta' l-implimentazzjoni tal-politika reġjonali, inklużi l-livelli ta' investiment, it-tixrid ta' attività ekonomika, in-nuqqas ta' xogħol, l-infrastruttura tat-trasport (l-aktar il-portijiet u l-ajruporti), pressjonijiet ambjentali u l-livell globali ta' integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-gżejjer fis-suq wieħed;
11. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw ħarsien effettiv tal-karatteristiċi ambjentali, kulturali u soċjali speċjali tar-reġjuni gżejjer permezz ta' miżuri, bħat-tfassil ta' pjanijiet għall-iżvilupp reġjonali xierqa u l-ikkontrollar ta' l-attività tal-bini u l-kostruzzjoni, u barra minn hekk, biex jadottaw, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, programmi integrati li jissalvagwardjaw il-wirt kulturali u r-riżorsi ambjentali;
12. Japprova l-metodu transettorjali li qed jintuża għall-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji, kif rifless fil-green paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra", u jinsisti li dan il-metodu għandu jkun applikat l-iktar għal gżejjer li jikkostitwixxu parti fundamentali tad-dimensjoni marittima ta' l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex testendi l-metodu transsettorjali għal politiki oħrajn sabiex dawn iqisu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tar-reġjuni gżejjer, b'hekk tagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li jintegraw bis-sħiħ u jgawdu l-benefiċċji tas-suq intern u l-Istrateġija ta' Liżbona;
13. Jiġbed attenzjoni speċjali għal gżejjer 'il bogħod minn ċentri kbar ta' popolazzjoni li, għalhekk, jesperjenzaw diffikultajiet ta' aċċess u fil-forniment ta' servizzi u jkollhom aktar spejjeż, b'mod partikulari fir-rigward tat-trasport, li jqegħdhom fi żvantaġġ kompetittiv;
14. Jinkoraġġixxi l-isforzi li saru lejn politika marittima Komunitarja olistika, li se titwessa' lil hinn mill-fruntieri legali ta' l-UE, u għaldaqstant se tistabbilixxi, bis-saħħa tal-pożizzjoni ġeopolitika vantaġġjuża tal-gżejjer tal-Komunità, relazzjonijiet kummerċjali, ekonomiċi u politiċi u koperazzjoni teknika (skambju ta' għarfien u kompetenzi) b'saħħithom mal-pajjiżi ġirien fuq il-bażi tal-liġi marittima internazzjonali, ir-rispett u l-benefiċċju reċiproku;
15. Iqis li l-gżejjer jiffaċċjaw spejjeż għal kull ras ogħla mill-medja fir-rigward ta' l-infrastruttura tat-trasport u ta' l-ambjent kif ukoll rigward il-ħtiġijiet ta' enerġija tagħhom u ta' spiss isibuha aktar bi tqila biex jimplimentaw ċerti partijiet ta' l-acquis li forsi ma jqisux bis-sħiħ il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tadotta metodu aktar flessibbli lejn il-gżejjer fit-tfassil tal-politika u fil-leġiżlazzjoni, li l-implimentazzjoni tagħhom taf tkun piż partikularment kbir għall-gżejjer;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, fi ħdan id-Direttorat-Ġenerali tal-Politika Reġjonali, unità amministrattiva għall-gżejjer, fuq il-mudell ta' l-unità amministrattiva attwali għall-ibgħad reġjuni, sabiex ikun żgurat li l-karattateristiċi speċjali u l-ħtiġijiet tal-gżejjer, u tal-popolazzjonijiet permanenti u staġjonali tagħhom, jingħata każ tagħhom b'mod sistematiku fl-iżvilupp tal-politika li għandha l-għan li tilħaq koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, u fl-implimentazzjoni ta' miżuri, b'mod partikulari fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, l-iżgurar ta' provvisti ta' l-ilma adegwati, is-sorveljanza ta' zoni tal-fruntiera reġjonali u l-ħarsien ta' l-ambjent fraġili tal-gżejjer;
17. Jixtieq jara lill-Kummissjoni tisfrutta aktar il-possibilità li joffri t-Trattat KE għall-addattament tal-politiki Komunitarji li jafu jħallu effetti negattivi fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali ta' dawn ir-reġjuni, bil-għan li, kemm jista' jkun, ikun hemm rimedju għall-problemi ewlenin li jaffettwaw speċifikament kull reġjun jew grupp ta' reġjuni gżejjer;
18. Iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk l-oqsma ta' attività ekonomika li huma aktar prevalenti fil-gżejjer, notevolment l-agrikoltura, is-sajd, it-turiżmu u s-snajja'; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-inizjattivi ta' politika tagħha jqisu dejjem aktar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-gżejjer f'dawn l-oqsma;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra liema huma l-aġġustamenti meħtieġa għat-test investitur fis-suq" għall-għajnuna statali sabiex ikunu riflessi r-realtajiet tal-ħajja fil-gżejjer u reġjuni remoti oħrajn fejn jista' jkun impossibbli li jinstab jew ikun evalwat investitur fis-suq għaliex m'hemm l-ebda wieħed fiz-zona; huwa wkoll improbabbli li jintlaħaq il-livell medju ta’ dħul għal settur partikulari minħabba d-daqs żgħir u n-natura remota tas-swieq, u għalhekk għall-gżejjer remoti huwa impossibbli li jgħaddu minn dan it-test;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina b'mod partikulari l-impatt tal-bidla fil-klima fuq reġjuni gżejjer u, b'mod speċjali, it-taħrix tal-problemi attwali, bħan-nixfa, u biex tippromwovi, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji xierqa jew miżuri oħrajn li jindirizzaw dawn il-problemi;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid il-kundizzjonijiet relatati ma' kuntratti pubbliċi li jikkonċernaw it-trasport sabiex jitneħħa kwalunkwe ostakolu fir-rigward ta' l-obbligi li jiġi provdut servizz pubbliku sabiex ikunu ffaċilitati kollegamenti tat-trasport mar-reġjuni gżejjer;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità lis-sigurtà ta' l-enerġija tal-gżejjer u lill-iffinanzjar għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti sabiex għall-produzzjoni ta' l-enerġija bl-użu ta' teknoloġiji ġodda u sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u biex ikun promoss l-użu effiċjenti ta' l-enerġija, waqt li jitħares l-ambjent u l-isbuħija naturali tiegħu;
23. Jinkoraġġixxi lill-komunitajiet tal-gżejjer biex jużaw l-Ewroreġjuni jew netwerks Ewropej simili għall-immaniġġjar tal-koperazzjoni interreġjonali, l-iskambju ta’ prattika tajba kif ukoll l-iżvilupp ta’ proġetti transkonfinali u integrazzjoni aħjar tal-komunitajiet tal-gżejjer fiz-zoni ekonomiċi ta' madwarhom;
24. Jinkoraġġixxi lill-komunitajiet tal-gżejjer biex jużaw il-faċilitajiet finanzjarji u ta' mmaniġġjar pprovduti minn JASPERS (Għajnuna Konġunta fl-Appoġġ għall-Proġetti fir-Reġjuni Ewropej) u JEREMIE (Riżorsi Konġunti Ewropej għall-Intrapriżi Mikro sa Medji), sabiex jisfruttaw ir-riżorsi disponibbli għall-iżvilupp reġjonali u jkattru t-tkabbir fost intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju li jinkoraġġixxu d-diversifikazzjoni ta' l-ekonomiji tal-gżejjer u jippromwovu t-tkabbir organiku permezz ta' żvilupp sostenibbli; jinkoraġġixxi wkoll l-implimentazzjoni fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, ta' l-inizjattiva għal "leġiżlazzjoni aħjar" bl-idea li, fost affarijiet oħra, jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti amministrattivi, notevolment f'dak li għandu x'jaqsam mat-tressiq u l-evalwazzjoni ta' applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja;
25. Jirrikonoxxi r-riżultat pożittiv milħuq rigward l-implimentazzjoni, għall-ewwel darba, ta' riżorsi Ewropej għall-kontrolli tal-fruntieri, u jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta reċenti tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta' Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (COM(2006)0401), bl-għan li tingħata għajnuna operattiva u teknika b'mod rapidu lil kwalunkwe Stat Membru li jitlob din l-għajnuna; jemmen, madankollu, li l-attivitajiet ta' timijiet bħal dawn ikunu effettivi biss jekk ikollhom kompetenzi definiti b'referenza, kif dovut, għall-kompetenzi ta' l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (FRONTEX); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-ħtieġa li jinħoloq korp Ewropew għall-għassa tal-kosta sabiex jgħin, b'mod parallel, lil dawn ir-reġjuni u lill-Istati Membri fis-sorveljanza tal-fruntieri esterni ta' l-UE;
26. Jerġa' jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi u l-attivitajiet li jsiru mill-FRONTEX u jitlob li din tissorvelja, fuq bażi kontinwa, l-impatt ta' l-immigrazzjoni illegali fuq il-komunitajiet tal-gżejjer; jitlob lill-Kummissjoni u lill-FRONTEX biex jieħdu fil-pront azzjoni ta' appoġġ għall-gżejjer sabiex itaffu l-pressjoni immedjata li għandhom biex jittrattaw il-problema waqt li jiżguraw ir-rispett dovut għad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi meħtieġa għall-azzjoni rapida u effettiva; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' koordinazzjoni u koperazzjoni iktar b'saħħithom u mill-qrib bejn il-gżejjer, u l-bżonn ta' aktar involviment min-naħa ta' dawn ir-reġjuni fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex titfa' enfasi partikulari fuq l-iżvilupp tal-broadband u biex tippromowovi miżuri għas-soluzzjoni tad-diffikultajiet speċifiċi fil-provvediment ta' servizzi f'reġjuni gżejjer, bħas-servizzi għall-kura tas-saħħa u s-servizzi mediċi online, il-governanza elettronika u servizzi liċ-ċittadini;
28. Iqis li t-turiżmu jirrappreżenta riżors ewlieni għall-ħolqien tal-ġid għall-parti l-kbira tal-gżejjer, billi għandu influwenza diretta fuq it-tkabbir ta' setturi oħrajn (l-agrikoltura, il-kummerċ, is-servizzi, is-sajd), u li hu imperattiv li tkun stabbilita politika integrata li tkun kapaċi tiżgura s-sostenibilità tat-turiżmu fil-gżejjer; jemmen li din il-politika trid tkun akkumpanjata minn kampanja Ewropea ta' informazzjoni organizzata tajjeb u immirata lejn ċittadini Ewropej permezz tal-ħolqien ta' tikketta ta' kwalità u ta' oriġini mill-gżejjer, u t-twelid jew l-iżvilupp ulterjuri ta' setturi ta' attività oħrajn fil-gżejjer; jistieden lill-Kummissjoni, b'dan l-iskop, biex twettaq analiżi transsettorjali li tagħti attenzjoni partikulari lill-opportunitajiet ta' appoġġ għat-turiżmu sostenibbli fi ħdan l-istrateġiji reġjonali tal-gżejjer li huma 'l bogħod miċ-ċentri ta' popolazzjoni;
29. Jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istituzzjonijiet l-oħrajn jiddedikaw is-sena 2010 bħala s-Sena Ewropea tal-Gżejjer;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
1. INTRODUZZJONI:
Hekk kif l-Unjoni tkompli tikber, b'mod li qed tespandi l-fruntieri esterni tagħha biex jifirxu mill-Baħar Barents għall-Mediterran u mill-Oċean Indjan għal-Atlantiku, issir ċara l-importanza tal-gżejjer fil-politiki komunitarji ewlenin kollha . Madankollu, minkejja l-pożizzjoni fuq quddiem nett li l-gżejjer għandhom f’termini ta’ koeżjoni territorjali, relazzjonijiet esterni, koperazzjoni lil hinn mill-fruntieri, turiżmu u kultura, l-Unjoni s’issa ftit għamlet sforz biex tadatta l-politiki tagħha biex tagħti kas tad-diffikultajiet partikulari li bosta gżejjer, jekk mhux kollha, iridu jaffrontaw biex jirnexxilhom jikkompetu ma' l-ekwivalenti tagħhom fl-art ewlenija.
Dawn id-diffikultajiet jaqgħu f’żewġ kategoriji distinti: L-ewwel nett, dawk li jiddistingwu lill-gżejjer minn xulxin:
Hekk, ħames reġjuni gżejjer[1] għandhom popolazzjonijiet li jaqbżu l-500.000 (Sqallija, Sardinja, il-Gżejjer Kanarji, il-Gżejjer Baleariċi u Reunion) u jirrappreżentaw 75% tal-popolazzjoni Ewropea li tgħix fuq gżejjer[2]. Mill-bqija tal-gżejjer, sebgħa huma fil-livell NUTs 3 u sitta għandhom popolazzjonijiet ta’ inqas minn 100.000. Bla dubju d-daqs relattiv u l-pożizzjoni ġeografika mbagħad se jaffettwaw kemm il-possibilitajiet reali għall-iżvilupp ekonomiku kif ukoll it-tip ta’ prodotti u attivitajiet li jistgħu jsiru. Bl-istess mod id-distribuzzjoni ta’ l-età fis-soċjetà lokali għandha effett dirett fuq il-piżijiet soċjali u fuq l-istatistika tal-qgħad. Ngħidu aħna, f’Réunion il-popolazzjoni qed tikber u l-persuni ta’ taħt il-15-il sena jagħmlu 35% tal-popolazzjoni. Fit-tramuntana ta’ l-Eġew 25% tal-popolazzjoni qabżu s-60. Ukoll, filwaqt li f’xi gżejjer il-popolazzjoni qed tikber, oħrajn, bħall-Gżejjer tal-Punent ta’ l-Iskozja, ibatu minn livell għoli ta' migrazzjoni. Id-differenzi fil-klima minħabba l-pożizzjoni ġeografika jistimulaw prodotti tal-biedja li huma differenti bil-kbir.
Allura kif jistgħu gżejjer b’karatteristiċi differenti bħal dawn jippretendu li jiġu trattati bħala klassi għaliha ta’ reġjuni li jixirqilha kunsiderazzjoni partikulari? It-tweġiba tinsab fit-tieni kategorija ta’ diffikultajiet li jaffettwaw lill-biċċa l-kbira tal-gżejjer, jekk mhux lil kollha kemm huma:
Lista mhux kompluta għal kollox ta’ dawn id-diffikultajiet tista’ tkun din:
Ø Prezzijiet ogħla minħabba l-effett fuq xulxin tas-swieq priġunieri u l-ispejjeż addizzjonali għat-trasport,
Ø Pagi baxxi minħabba li hemm aktar domanda milli opportunitajiet,
Ø Aċċess diffiċli għas-Suq Wieħed,
Ø Skarsezza ta’ materja prima (li spiss tiġi impurtata),
Ø Spejjeż ogħla għall-enerġija,
Ø Spiss it-terren ikun diffiċli (muntanji),
Ø Nuqqasijiet fl-infrastruttura,
Ø Migrazzjoni u immigrazzjoni,
Ø Varjetà limitata ta’ attivitajiet (spiss limitati għall-biedja, is-sajd, it-turiżmu),
Ø Vulnerabilità għal perikli ambjentali li jistgħu jaffettwaw lit-turiżmu (tsunami, ċikluni, terremoti, tixrid taż-żejt, kunflitti reġjonali).
Ix-xokkijiet ekonomiċi ġeneralment jolqtu agħar lill-ekonomiji tal-gżejjer milli lir-reġjuni fuq l-art ewlenija li jsofru l-istess problema. Dan jiġri minħabba li l-ekonomiji tagħhom huma karatterizzati minn dipendenza fuq għadd limitat ta’ attivitajiet li jirriflettu l-iskarsezza tar-riżorsi li għandhom. Ir-riżultat hu li l-abilità tagħhom li jirreaġixxu pożittivament għall-bidla ekonomika hija limitata bil-kbir u s-soluzzjoni spiss tkun katastrofika. Hekk, fl-art ewlenija tnaqqis f’settur partikulari ta’ attività spiss jista’ faċilment ipatti għalih is-suq tax-xogħol f’reġjun fil-qrib. Fi gżira kwalunkwe kriżi kbira fl-attività predominanti se tidher fl-istatistiki jew permezz ta’ l-emigrazzjoni.
Ukoll, bosta gżejjer, anki dawk li għandhom livell għoli ta’ qgħad, jista’ jkollhom bżonn jirreklutaw għal servizzi li l-popolazzjoni lokali ma tkunx kapaċi tforni. Tobba, infermiera u inġiniera se jkollhom ipattu għall-iżvantaġġi tal-ħajja iżolata, inklużi pagi iktar baxxi, u servizzi tas-saħħa u faċilitajiet edukattivi ta’ inqas kwalità, b’benefiċċji mhux tanġibbli bħall-klima, l-ambjent u l-istil tal-ħajja. Meta jkunu qed jiżnu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi, kumpaniji fuq l-art ewlenija jistgħu joqogħdu lura milli jinvestu minkejja l-pagi aktar baxxi jew l-art orħos meta jqisu dan flimkien ma’ l-ispejjeż addizzjonali biex ikollhom aċċess għas-Suq Wieħed, jew aċċess għal istituti ta’ riċerka, universitajiet, jew, għal darb’oħra, kuntatti ma’ industriji simili jew relatati.
2. IR-REĠJUNI L-AKTAR ‘IL-BOGĦOD MIĊ-ĊENTRU U L-BQIJA:
Għandha ssir distinzjoni bejn miżuri biex jindirizzaw lill-gżejjer b’mod ġenerali u dawk li jindirizzaw lir-reġjuni li huma l-aktar ‘il-bogħod miċ-ċentru. Fl-2002 il-Kunsill Ewropew ta’ Sevilja[3] stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi metodu koerenti u globali biex jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi tar-reġjuni li huma l-aktar ‘il-bogħod miċ-ċentru (li, ta' min jgħid, ħadu prominenza meta saru membri Spanja u l-Portugall)[4]. Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-politika Strutturali li wettqet wara t-tkabbir, il-Kummissjoni żammet tliet oqsma prijoritarji għal azzjoni. Dawn kienu l-kompetittività, l-aċċessibilità u l-kumpens għal restrizzjonijiet oħra. Hekk, bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew, ir-regolamenti l-ġodda jipprovdu għal żieda fir-rati ta' intervent favur dawn ir-reġjuni. Bl-adozzjoni ta’ l-Artikolu 299(2) ġdid issa hemm qafas legali distint għall-gżejjer u għar-reġjuni li qegħdin l-aktar ‘il-bogħod miċ-ċentru, li 6 minnhom huma gżejjer. Fil-każ ta’ gżejjer, biex issir differenza minn mar-reġjuni li jinsabu l-aktar ‘il-bogħod miċ-ċentru, ikun xieraq li jiġi nnutat li d-dispożizzjonijiet adottati f’Amsterdam qatt ma ġew applikati. Wara li saru protesti, it-Trattat ta’ Nizza afferma mill-ġdid il-ħtieġa ta’ miżuri speċifiċi favur ir-reġjuni gżejjer, “fil-limiti tar-riżorsi baġitarji disponibbli.”
Minkejja l-isforzi li saru permezz tal-politika reġjonali, il-pożizzjoni relattiva tar-reġjuni gżejjer fil-klassifika tal-PGD reġjonali kemm kemm tħarrket fl-għoxrin sena li għaddew. B’mod ġenerali l-Istati Membri rrikonoxxew in-natura speċifika ta’ dawn it-territorji u dan huwa rifless fl-istejtus politiċi/amministrattivi li ngħatawlhom. Hekk, 15-il reġjun gżira għandhom stejtus speċifiku.
L-ewwel nett xi reġjuni gżejjer, minħabba l-qagħda partikulari tagħhom fil-kostituzzjoni tal-pajjiżi omm tagħhom, setgħu jinnegozjaw kundizzjonijiet partikulari meta pajjiżhom daħal fl-unjoni. Dan huwa l-każ ta’ għadd ta’ gżejjer Franċiżi, Daniżi, Olandiżi, Spanjoli, Finlandiżi jew Brittanniċi. Oħrajn, li ma kellhomx l-istrumenti legali meħtieġa, ma rnexxilhomx jinfluwenzaw in-negozjati. Ir-riżultat huwa grad wiesa’ ta’ eteroġenjità, f’xi każi b’sitwazzjonijiet għal kollox differenti fl-istess Stat Membru.
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-2007-2013, l-eżistenza ta’ għadd ta’ riferenzi għall-gżejjer għandha tintlaqa’ b’sodisfazzjon, u b’mod speċjali d-dispożizzjonijiet li ngħataw lil gżejjer żgħar (b’inqas minn 5000 abitant). Madankollu, in-nuqqas ta’ flessibilità fil-qasam ta’ l-għajnuniet għat-tħaddim, u speċjalment l-għajnuniet għat-tħaddim biex ipattu għall-ispejjeż żejda relatati mat-trasport, huwa ta’ min jiddispjaċih dwaru, speċjalment minħabba li huwa aċċettat fil-każ ta’ nħawi bi ftit li xejn popolazzjoni.
3. POLITIKI OĦRA TA’ L-UE:
A. Trasport u enerġija: Il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru u bil-baħar li seħħet fis-snin disgħin hija punt kruċjali għall-gżejjer. Il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħraf b’mod speċifiku l-ispeċifiċitajiet tal-gżejjer, b’mod partikulari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-obbligi tas-servizz pubbliku u, fejn applikabbli, tipprovdi għal proċedura ta’ sejħa għall-offerti fil-livell ta’ l-UE. Organizzazzjonijiet tal-gżejjer jikkritikaw xi ftit is-sejħa miftuħa għall-offerti għax jgħidu li hija miftuħa wisq u ma tippermettix li jkun hemm ammont ta’ protezzjoniżmu għall-industriji lokali. [5] Kritika aktar serja hija dik immirata lejn il-limitu ta' 5 snin li ġie impost fuq il-kuntratti ta' servizz pubbliku. Dan il-perjodu huwa meqjus bħala qasir wisq biex jippermetti lill-kumpaniji jirkupraw l-investiment tagħhom (iżda, ukoll, l-istess ħaġa tapplika fi bnadi oħra). It-tlugħ u l-inżul staġjonali fil-popolazzjoni, li f’bosta reġjuni gżejjer qed jiżdied, jitlob għal titjib vast fl-infrastruttura li għandha x’taqsam mat-trasport. Dan huwa rikonoxxut fil-Green paper tal-Kummissjoni dwar il-politika Marittima, u kien il-kunsiderazzjoni ewlenija meta ġie propost investiment, ngħidu aħna, fl-ajruport f’Palermo.
It-tlugħ u l-inżul fl-ispejjeż ta’ l-enerġija jaffettwa lill-gżejjer direttament. Dan m’huwiex minnu biss fir-rigward ta' l-ispejjeż għat-trasport, li jista' jkollu l-effett li jillimita l-għadd ta’ turisti li jitħajru jmorru matul kwalunkwe sena partikulari, iżda wkoll fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju li jipprovaw jikkompetu ma' kumpaniji simili fuq l-art ewlenija. Filwaqt li anki dawn ta’ l-aħħar jistgħu jkunu affettwati mill-istess tlugħ u nżul, l-effett negattiv b’mod ġenerali se jkun iżgħar. Dan jixhdu l-fatt li, b’mod ġenerali, il-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija fuq l-art ewlenija jkunu qed jaħdmu kważi bil-kapaċità sħiħa tagħhom għal 12-il xahar filwaqt li l-istallazzjonijiet fil-gżejjer jistgħu jaħdmu bil-kapaċità sħiħa tagħhom biss fl-istaġun turistiku. Madankollu, dawn li jidhru bħala żvantaġġi tista’ xi kultant tonqsilhom l-importanza tagħhom minħabba vantaġġi inerenti. Hekk, f’dawn l-aħħar snin, riżorsi ta’ enerġija li jinsabu qrib tal-gżejjer, ngħidu aħna ż-żejt tal-Baħar tat-Tramuntana, servew bħala bonus konsiderevoli għall-gżejjer ta' l-Orkneys u Shetland.
Il-possibilità li wieħed jisfrutta l-vantaġġi naturali tal-gżejjer għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija li tiġġedded hija wkoll fattur ta’ l-esponiment relattiv tagħhom għar-riħ, tal-mewġ tal-baħar, ta’ l-esponiment għax-xemx u tal-mod relattivament faċli u l-ispejjeż relattivament baxxi biex l-enerġija prodotta tiġi fornuta lill-art ewlenija. Meta wieħed jevalwa l-vantaġġi ta’ l-iżvilupp ta’ din it-tip ta’ installazzjoni, għandu jingħata kas ta’ l-effetti ambjentali li kwalunkwe installazzjoni jista’ jkollha fuq is-sbuħija naturali taz-zona li tkun maħsuba għall-installazzjoni tagħha u l-effett konkomitanti fuq il-kummerċ turistiku.
B. Turiżmu u kultura: It-turiżmu huwa l-attività dominanti fil-biċċa l-kbira tal-gżejjer Ewropej. Filwaqt li t-turiżmu għandu effetti kemm diretti kif ukoll indiretti fuq l-ekonomija lokali (l-industrija tal-bini, il-programmi infrastrutturali kif ukoll iċ-ċentri tal-vaganzi għat-turisti, il-lukandi, ir-ristoranti eċċ.), għandu wkoll effett negattiv dirett u indirett fuq ir-riżorsi naturali ta' l-ambjent[6], jew, ukoll, fuq is-servizzi[7]. Xejriet riċenti fit-turiżmu juru tendenza għal waqfiet iqsar fi kwalunkwe zona partikulari. Ir-riżultat hu li l-ispejjeż tat-trasport isiru element importanti fl-għażla ta’ destinazzjoni. Għaldaqstant, it-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar huwa element importanti biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex id-destinazzjonijiet li huma gżejjer jibqgħu kompetittivi. Wieħed mill-iktar attributi importanti li jiġbdu t-turiżmu lejn il-gżejjer ta’ l-Ewropa huwa l-varjetà tal-kulturi tagħhom. Dan mhux rifless biss fil-monumenti storiċi u fil-kapolavuri arkitettoniċi uniċi li jistgħu joffru lil min iżurhom iżda wkoll fil-mod li żviluppaw l-abitanti ta’ kif jgħixu u jaħsbuha biex jittrattaw mad-diffikultajiet u l-vantaġġi partikulari li impona fuqhom l-ambjent ta’ gżira li jgħixu fih. Naturalment, dawn l-aspetti kulturali speċifiċi jeżistu wkoll f'bosta reġjuni fuq artijiet ewlenin, iżda fil-gżejjer dawn id-differenzi mill-art ewlenija spiss jidhru aktar preċiżament minħabba d-distanza bejnhom u l-art ewlenija. Huwa importanti li dawn id-differenzi jkunu mħarsa kontra l-influwenza, xi kultant qawwija żżejjed, tal-viżitaturi staġjonali.
Bit-tixjiħ ġenerali tal-popolazzjoni Ewropea, hemm it-tieni tendenza li taggrava l-ispiża tas-servizzi. Din hija ż-żieda ta’ residenzi sekondarji. Filwaqt li dawn spiss ikunu ta’ benefiċċju għall-komunità lokali minħabba li l-bini u l-manutenzjoni tagħhom joħolqu l-impjiegi, spiss ikunu proprjetà ta’ persuni rtirati. Iż-żieda fin-numri ta’ persuni xjuħ f’komunità żgħira żżid l-għadd u l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa li jridu jkunu disponibbli. Fil-każ tal-gżejjer din l-ispiża addizzjonali ma tistax tinqasam faċilment ma’ komunitajiet oħra ġirien.
C. Bidla fil-klima: Il-bidla fil-klina hija theddida kbira għall-pjaneta kollha; madankollu, minħabba d-daqs relattiv, il-pożizzjoni ġeografika u ta’ spiss ir-riżalt tagħhom, il-gżejjer qegħdin fuq quddiem nett fejn jidħlu t-theddidiet tal-livelli tal-baħar li jogħlew, tat-tsunami, tat-telfien ta’ ekosistemi marittimi, ta’ l-għargħar, tat-tbaħħir, ta’ l-akwakultura u ta’ proġetti ta’ inġinerija marittima bħat-tagħmir għall-mewġ u għall-marea. Huwa mistenni li nofs l-artijiet mistagħdra ta’ l-Ewropa se jisparixxu qabel l-2020. Matul l-għaxar snin li għaddew in-nefqa fuq il-protezzjoni tal-kosta żdiedet bi 33%[8]. Fl-2006 l-Kummissjoni pproponiet direttiva dwar l-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta' l-għargħar[9] li dwaru l-kumitat tagħna ta opinjoni.
D. Sigurtà, intern u relazzjonijiet esterni: Wieħed ikun qed jinjora ‘l-istorja jekk jagħmel ta' bir-ruħu li l-gżejjer m’għandhomx sehem ċentrali x'jagħtu biex jiddefendu l-fruntieri esterni ta’ l-Ewropa. Permezz tal-pożizzjoni fiżika tagħhom il-gżejjer joffru servizzi indispensabbli lill-istati li jagħmlu parti minnhom u lill-Unjoni kollha kemm hi. Hekk, huma jagħmlu moniteraġġ ta' l-ispazju marittimu u ta’ l-ajru li jestendu bil-wisq lil hinn mill-konfini ta’ l-Ewropa kontinentali. Dan huwa partikularment importanti fil-każ tat-territorji li jinsabu l-aktar ‘il-bogħod miċ-ċentru, li jagħtu lill-Unjoni opportunitajiet fir-rigward ta’ kontinenti u ibħra oħra, u l-possibilità li tisfrutta riżorsi naturali potenzjali kbar bħas-sajd, iż-żejt jew, ukoll, enerġiji li jiġġeddu.
Bħala fruntieri esterni ta’ l-Unjoni, bosta gżejjer jagħtu sehem sinifikanti fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali tad-drogi u tal-bnedmin, u l-ħasil tal-flus. Kwalunkwe indeboliment tal-bażi ekonomika, soċjali jew politika fundamentali ta’ l-aktar reġjuni esposti inevitabbilment jinħass mill-art ewlenija.
E. Immigrazzjoni illegali: L-immigrazzjoni illegali hija waħda mill-ikbar diffikultajiet li trid taffronta l-Unjoni u, bla dubju, kif rajna dan l-aħħar, il-gżejjer qegħdin fuq quddiem nett fejn tidħol id-difiża kontra din il-problema. Lampedusa, Malta, il-Gżejjer Kanarji u l-Gżejjer tal-Kap Verde, ilkoll qed ibatu taħt il-piż ta’ l-immigrazzjoni illegali. Dis-sena biss, il-Gżejjer Kanarji ta’ Spanja laqgħu 10.000 migrant, u dan huwa d-doppju tan-numru li laqgħu fl-2005. Bla dubju l-Unjoni qed tindirizza l-problema permezz ta’ rondi konġunti fuq il-baħar u jrid jingħad li sar progress sinifikanti fl-iżvilupp ta’ sistema integrata ta’ l-UE għall-ġestjoni tal-fruntiera li tinkludi l-ħolqien tal-FRONTEX[10] u l-ħolqien ta’ kodiċi komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw iċ-ċaqliq tal-persuni mill-fruntieri. Il-presidenza Finlandiża dan l-aħħar ipproponiet l-adozzjoni ta’ l-istrateġija ta’ l-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri.
Madankollu, li tittaffa l-pressjoni immedjata biex tiġi indirizzata din il-problema filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett xieraq għall-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità personali huwa piż kbir ħafna fuq ir-riżorsi limitati tal-gżejjer konċernati. Bla dubju, fil-livell inizjali, ir-responsabilità hija ta’ wieħed mill-Istati Membri. Madankollu, kif issa ġie rikonoxxut, huwa xieraq li ċerti Stati Membri ma jġorrux piż eċċessiv sempliċiment minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Il-problema Spanjola, Taljana u Griega hija waħda Ewropea li teħtieġ tweġiba fil-livell Komunitarju. Teħtieġ, kif saħaq il-viċi president tal-Kummissjoni Franco Frattini, ‘solidarjetà fl-azzjoni’ u dan se jkun jeħtieġ riżorsi sustanzjali. F’dan il-kuntest nilqa’ bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħloq erba’ fondi finanzjati sustanzjalment[11] b’mod li qed tagħti realtà viżibbli lill-kunċett tas-‘solidarjetà fl-azzjoni’.
4. DISPONIBILITÀ TAD-DEJTA U L-UŻU TA’ INDIKATURI OĦRA MINBARRA L-PGD:
Il-PGD per capita u l-qgħad huma meqjusa bħala mhux biżżejjed biex titkejjel il-qagħda soċjoekonomika tar-reġjuni gżejjer. Dan minħabba li l-PGD jinqasam fuq il-bażi tal-kategoriji NUTs, u dan iwassal għal tagħwiġ sinifikanti. Il-PGD m’hux ibbażat fuq territorji omoġenji u jiddiskrimina kontra l-iżgħar reġjuni. Barra minn hekk, jikkastiga lit-territorji li jesperjenzaw migrazzjoni sinifikanti, trasferimenti pubbliċi u trasferimenti ta’ fondi privati.
Il-gżejjer ibatu minn dipendenza qawwija fuq is-settur pubbliku. F’aktar minn nofs il-gżejjer is-settur pubbliku jirrappreżenta 'l fuq minn 25% ta' l-impjiegi. Konsegwentement, l-ispiża per capita tas-servizzi essenzjali (saħħa, edukazzjoni, trasport, servizzi ta’ l-infrastruttura) hija ogħla b’mod sinifikanti. Filwaqt li din is-sitwazzjoni effettivament tiżgura distribuzzjoni tal-pagi u tal-ġid, għandha t-tendenza li xxekkel l-iżvilupp tas-settur privat.
Il-limiti tagħha, madankollu, fl-aħħar ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha dwar il-politika Marittima[12] li fiha tiddikjara:
“Għalkemm il-PGD huwa tradizzjonalment użat bħala indikatur tal-produzzjoni ekonomika, illum huwa rikonoxxut ħafna li t-tkabbir tiegħu fih innifsu ma jirriflettix il-benesseri soċjali.” Tkompli tgħid, “Il-Kummissjoni temmen li għandu jsir studju komprensiv sabiex tali stimi[13] jsiru disponibbli”
Sa riċentement ħafna, l-insuffiċjenza ta’ l-indikaturi użati biex jiġu evalwati l-ekonomiji tal-gżejjer kienet moħbija minħabba l-fatt li maġġoranza kbira minnhom kienu qed jirċievu assistenza massima bħala reġjuni ta’ l-Objettiv 1. Madankollu, it-tkabbir li għaddej, bl-effett statistiku konkomitanti tiegħu, enfasizza l-ħtieġa ta’ indikaturi statistiċi aktar immirati biex ikejlu l-ħtiġijiet tar-reġjuni gżejjer. Il-Kummissjoni Ewropea kienet ilha taf bil-problema għal xi żmien u fl-2003 kkummissjonat għadd ta’ studji dwar il-qagħda tar-reġjuni li għandhom żvantaġġi naturali. Sfortunatament, minn dik id-data ‘l hawn, ma sar l-ebda sforz ieħor biex it-tagħrif statistiku jiġi aġġornat jew sfruttat. B’dan f’moħħu, ir-rapporteur tagħkom jirrakkomanda bil-qawwa li l-programm ta’ ħidma ta’ l-ESPON jagħti attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tar-reġjuni li għandhom restrizzjonijiet naturali, u lill-gżejjer b'mod partikulari. Ix-xogħol jista’ jiġi orjentat fid-direzzjonijiet li ġejjin:
v Id-definizzjoni ta’ indikaturi statistiċi aktar adattati biex jipprovdu fehim sodisfaċenti tar-realtajiet tar-reġjuni kkonċernati, partikularment f’każi ta’ diffikultajiet akkumulati bħar-ringieli tal-muntanji u l-arċipierki;
v L-evalwazzjoni tad-differenzi bejn dawn ir-reġjuni u l-bqija tal-Komunità;
v Il-moniteraġġ ta’ l-effetti tal-politiki komunitarji fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet lokali.
5. TMEXXIJA:
Bosta kwistjonijiet li jaffettwaw lir-reġjuni kollha ta’ l-UE jeħtieġu rispons minn bosta livelli ta’ gvern, minn dak nazzjonali għal dak reġjonali sa dak lokali. Minħabba l-iżolament tagħhom u t-territorju li hu limitat fid-daqs, il-kapaċità tar-rispons tal-gżejjer trid tkun veloċi u effettiva. F’dan ir-rigward ir-rapporteur tagħkom japprezza r-rikonoxximent mill-Kummissjoni Ewropea tal-fatt li l-metodu settorjali li għal żmien twil kien użat ħafna fl-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji mhux sodisfaċenti u jilqa’ bi pjaċir il-metodu transettorjali adottat fil-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-politika marittima.
F’dan il-kuntest nipproponi li jinħoloq intergrupp parlamentari b’responsabilità għall-gżejjer. Il-grupp ikun jittratta kwistjonijiet bħal:
· It-titjib tal-politiki eżistenti kif jiġu implimentati fir-reġjuni gżejjer;
· Il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet sabiex jiġu ppreżentati emendi għal-leġiżlazzjoni li jiżguraw li jingħata kas ta’ l-ispeċifiċitajiet tal-gżejjer.
6. GĦAJNUNIET STATALI:
Bħala regola ġenerali l-Għajnuniet Statali huma inkompatibbli mas-suq wieħed. Madankollu, kif rajna hawn fuq, ċerti reġjuni b’karatteristiċi strutturali permanenti li jxekklu l-iżvilupp jistgħu u jkun xieraq li jibbenefikaw minn assistenza sabiex ikunu jistgħu jikkompetu b’suċċess mar-reġjuni fuq l-art ewlenija li l-aktar li rnexxew. Jekk l-iżvantaġġi jkunu permanenti (terren imħatteb, distanza mill-art ewlenija, spejjeż addizzjonali għat-trasport), ikun xieraq li l-assistenza finanzjarja mogħtija permezz tal-fondi strutturali tkun ukoll permanenti, mhux temporanja u li titneħħa bil-ftit il-ftit fuq perjodu speċifikat. Tabilħaqq l-eżempju huwa mogħti fil-każ tar-reġjuni li huma periferali b’mod estrem[14]. Id-diffikultajiet partikulari ta’ kull gżira, grupp ta’ gżejjer jew il-gżejjer kollha meqjusa bħala grupp, għandhom jitqiesu każ b'każ u, anki iktar importanti, politika b'politika. F’dan il-kuntest, li wieħed jistudja l-possibilità li jagħti għajnuniet statali fl-oqsma tat-trasport u ta’ l-enerġija jwassal biex jiġu stimulati l-ekonomiji tal-gżejjer, minħabba li t-tlugħ u l-inżul ta’ dan l-aħħar fil-prezzijiet ta’ l-enerġija affettwaw ħażin il-kompetittività tal-produzzjoni tal-gżejjer. Il-linji gwida għall-perjodu 2007-2013 jirrikonoxxu l-irwol importanti li jista’ jkollhom l-għajnuniet Statali biex jgħinu lir-reġjuni jegħlbu r-restrizzjonijiet ikkaġunati minn żvantaġġi immutabbli, bil-kundizzjoni li ma jgħawġux il-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest il-pożizzjoni tal-gżejjer hija enfasizzata u l-eliġibilità kondizzjonali tagħhom imsaħħa. Madankollu, l-għajnuniet statali għal proġetti infrastrutturali kbar għadhom mhux eliġibbli minkejja x-xewqa espressa tal-Parlament favur il-maqlub. Fil-kuntest tal-gżejjer, il-ħtieġa li titħalla tali assistenza sabiex jitjiebu t-trasport u l-konnettività tidher minnha nnifisha.
7. KOPERAZZJONI LI TAQSAM IL-FRUNTIERI:
Kif ġie rrimarkat f’rapport ta’ dan l-aħħar minn dan il-kumitat dwar l-Ewroreġjuni, il-biċċa l-kbira tal-gżejjer Ewropej, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, qegħdin f’pożizzjoni fuq quddiem nett fir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE. Għal darba dan jaħdem favurihom għax jippermettilhom li jipparteċipaw b’mod sħiħ fi proġetti li jaqsmu l-fruntieri kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha. Fil-fehma tar-rapporteur tagħkom, l-Ewroreġjuni għandhom rwol importanti kemm fi proġetti lokali ta’ tpartit ta’ l-aħjar prattika kif ukoll fil-koperazzjoni li taqsam il-fruntieri u huma utli b’mod partikulari fil-kuntest tal-gżejjer.
- [1] Stati Gżejjer mhux inklużi
- [2] Sors: Eurisles
- [3] 21-22 ta’ Ġunju 2002
- [4] Programm ta’ soluzzjonijiet Speċifiċi biex jilqgħu għall-Bogħod u l-Insularità (il-POSEI)
POSEIDON (1989) POSEICAN (1991)
Dikjarazzjoni tat-Trattat ta’ Maastricht dwar ir-reġjuni li jinsabu l-aktar ‘il-bogħod miċ-ċentru
Artikolu 299(2) Trattat ta’ Amsterdam - [5] Din il-kritika tista’ titqajjem minn kwalunkwe reġjun irrispettivament min-natura speċifika tiegħu
- [6] bħalma hu l-ilma ħelu
- [7] L-isptarijiet, partikularment dawk ta’ l-anzjani, il-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, it-telekomunikazzjonijiet, aktar urbanizzazzjoni, rimi ta’ l-iskart
- [8] Green paper dwar il-Politika Marittima – in-nefqa żdiedet minn Euro 2.5 biljun fl-1986 għal 3.2 biljun fl-2006.
- [9] COM(2006)0015.
- [10] Frontex (l-Aġenzija tal-Fruntieri Esterni ta’ l-UE).
- [11] Il-fond Ewropew għall-integrazzjoni, il-fond Ewropew għar-ritorn, il-fond Ewropew għar-refuġjati, il-fond Ewropew għall-Ġestjoni tal-Fruntieri Esterni
- [12] COM(2006)0275.
- [13] Statistiki ambjentali u soċjoekonomiċi f’format kostali. Ara wkoll il-Politika tal-Kummissjoni dwar iz-Zona Kostali.
- [14] Ara §30 tal-Linji Gwida
PROĊEDURA
|
Titolu |
Il-gżejjer u r-restrizzjonijiet naturali u ekonomiċi fil-kuntest tal-politika reġjonali |
|||||||||||
|
Numru tal-proċedura |
||||||||||||
|
Kumitat responsabbli |
REGI |
|||||||||||
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
|
|
|
|
|
|||||||
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
|||||||
|
Koperazzjoni aktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
|||||||
|
Rapporteur(s) |
Francesco Musotto |
|
||||||||||
|
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
||||||||||
|
Eżami fil-kumitat |
6.11.2006 |
19.12.2006 |
|
|
|
|||||||
|
Data ta' l-adozzjoni |
27.2.2007 |
|||||||||||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ - 0 |
41 1 1 |
||||||||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Tiberiu Bărbuleţiu, Jean Marie Beaupuy, Antonio De Blasio, Gerardo Galeote, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Pedro Guerreiro, Zita Gurmai, Marian Harkin, Jim Higgins, Filiz Husmenova, Alain Hutchinson, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Jamila Madeira, Mario Mantovani, Sérgio Marques, Miguel Angel Martínez Martínez, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Maria Petre, Markus Pieper, Bernard Poignant, Elisabeth Schroedter, Stefan Sofianski, Catherine Stihler, Margie Sudre, Oldřich Vlasák |
|||||||||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Brigitte Douay, Den Dover, Emanuel Jardim Fernandes, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Francesco Musotto, Ljudmila Novak, Francisca Pleguezuelos Aguilar |
|||||||||||
|
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
Simon Busuttil, Wolf Klinz, Thomas Wise |
|||||||||||
|
Data tat-tressiq |
2.3.2007 |
|||||||||||
|
Kummenti |
|
|||||||||||