RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima Multilaterali bejn ir-Repubblika ta’ l-Albanija, il-Bożnja u Ħerżegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, il-Komunità Ewropea, ir-Repubblika ta’ l-Iżlanda, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Renju tan-Norveġja, is-Serbja u l-Montenegro, ir-Rumanija u l-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo dwar it-Twaqqif ta’ Żona Ewropea ta’ Avjazzjoni Komuni (ECAA)

7.3.2007 - (COM(2006)0113 – C6‑0218/2006 – 2006/0036(CNS)) - *

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Eva Lichtenberger

Proċedura : 2006/0036(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0060/2007
Testi mressqa :
A6-0060/2007
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima Multilaterali bejn ir-Repubblika ta’ l-Albanija, il-Bożnja u Ħerżegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, il-Komunità Ewropea, ir-Repubblika ta’ l-Iżlanda, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Renju tan-Norveġja, is-Serbja u l-Montenegro, ir-Rumanija u l-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo dwar it-Twaqqif ta’ Żona Ewropea ta’ Avjazzjoni Komuni (ECAA)

(0218/2006 – COM(2006)0113 – C6‑0218/2006 – 2006/0036(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2006)0113)[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 80(2), flimkien ma’ l-Artikolu 300(2), l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 300(4) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, li f’konformità miegħu il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0218/2006),

–   wara li kkunsidra r-Regoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0060/2007),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-Ftehima;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex igħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tar-Repubblika ta’ l-Albanija, tal-Bożnja u Ħerżegovina, tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja, tar-Repubblika ta’ l-Iżlanda, ta’ dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tar-Renju tan-Norveġja, tas-Serbja u l-Montenegro, tar-Rumanija u tal-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo.

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Is-suġġett tad-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill huwa l-konklużjoni ta’ Ftehima Multilaterali dwar it-twaqqif ta’ Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni (ECAA). L-ECAA tkun tinkludi l-Istati Membri kollha tal-Komunità Ewropea; l-Iżlanda u n-Norveġja bħala membri taż-Żona Ekonomika Ewropea; u l-Albanija, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYRM), ir-Rumanija, is-Serbja u l-Montenegro u l-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK).

Fl-essenza tagħha l-ftehima taħseb għall-estensjoni progressiva ta’ l-“acquis” jew corpus ġuridiku tal-Komunità Ewropea dwar l-avjazzjoni lejn il-pajjiżi sħab. Hi sserraħ fuq il-premessa li l-avjazzjoni ċivili internazzjonali għandha karattru integrat. Għal din ir-raġuni l-ftehima hija waħda komprensiva fil-kopertura tagħha u għandha l-għan li toħloq Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni (ECAA) bbażata fuq in-non-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità, il-libertà ta’ l-istabbiliment, regoli komuni dwar is-sikurezza ta’ l-avjazzjoni, is-sigurtà, l-immaniġġjar tat-traffiku ta' l-ajru, il-kompetizzjoni, l-armonizzazzjoni soċjali kif ukoll kundizzjonijiet indaqs tal-kompetizzjoni. Tindirizza wkoll l-infurzar tal-ftehima permezz ta’ Kumitat Konġunt u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, is-soluzzjoni ta’ tilwimiet, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha u arranġamenti ta’ transizzjoni.

Dan jasal lill-Parlament fis-sura ta’ proċedura ta’ Konsultazzjoni skond l-Artikoli 80(2) u 300(2 u 4) tat-Trattat.

Il-ftehima hija asimmetrika fis-sens li kull wieħed mill-partijiet firmatarji tagħha għandu punt ta’ tluq differenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li qed tipproponi li tkun adottata u trasposta. Jidher ċar li l-Istati Membri ta’ l-UE diġà japplikaw l-“acquis”. L-istess hu minnu dwar l-Iżlanda u n-Norveġja bħala sħab fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-pożizzjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija bħala pajjiżi kandidati hija waħda distinta minħabba li huma se japplikaw il-korp tar-Regolamenti u d-Direttivi meta jsiru Stati Membri sħaħ. Madanakollu l-“partijiet assoċjati”, jiġifieri l-Albanija, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja u l-Montenegro u l-UNMIK jiffaċċjaw sfidi sostanzjali marbuta mal-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Avjazzjoni Komuni. Barra minn hekk, l-iżvilupp ġenerali tas-settur ta’ l-avjazzjoni fil-pajjiżi sħab ivarja b’mod sinjifikanti.

Il-kontenut tal-ftehima multilaterali

L-ewwel parti tittratta dwar il-funzjonament ġenerali ta’ l-ECAA, it-tieni parti (f’anness) telenka l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-partijiet kuntrattanti u t-tielet parti tikkonsisti fi protokolli ma’ kull waħda mill-partijiet assoċjati, liema protokolli jistabbilixxu arranġamenti tranżizzjonali li għandhom japplikaw għaliha.

Fil-ftehima, il-libertà ta’ l-istabbiliment tħaddan l-intrapriżi u l-individwi. L-Artikolu 11 dwar is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni jassigura konformità ma’ l-istandards internazzjonali tas-sikurezza. Is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq standards bażiċi komuni ddefiniti fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE. L-immaniġġjar tat-traffiku ta’ l-ajru se jkun ibbażat fuq estensjoni tas-Sema Ewropew Wieħed (Single European Sky), inkluża l-operazzjoni tas-sistema SESAR. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-monopolji ta’ l-Istat se jkunu aġġustati progressivament biex titneħħa d-diskriminazzjoni fl-akkwist u l-ikkummerċjar ta’ prodotti. Gradwalment, il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat se tkun allinjata ma’ l-“acquis” Komunitarju. Ftehimiet li jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni, l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jew għajnuna mill-Istat li tgħawweġ il-kompetizzjoni huma inkompatibbli mal-ftehima. Il-partijiet assoċjati huma obbligati li jistabbilixxu korpi pubbliċi indipendenti afdati bis-setgħat meħtieġa biex tkun assigurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehima f’dawn l-oqsma. Fejn l-għajnuna mill-Istat hija awtorizzata skond it-termini tal-ftehima din l-għajnuna għandha tkun trasparenti. Il-partijiet assoċjati għandhom ifasslu inventarju komprensiv ta’ l-iskemi ta’ għajnuna ta’ l-Istat.

Il-ftehima taħseb ukoll għall-infurzar u l-interpretazzjoni tagħha. Fejn id-dispożizzjonijiet tagħha huma identiċi mat-Trattat KE jew ma’ l-atti adottati taħtu l-interpretu aħħari se jkun il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Kumitat konġunt iffurmat minn rappreżentanti tal-partijiet kuntrattanti se jkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ftehima, is-soluzzjoni ta’ tilwimiet u r-reviżjoni ta’ l-Anness 1 ta' mal-ftehima li jelenka l-atti Komunitarji li għandhom ikunu implimentati.

Il-Protokolli

Mehmuż mal-ftehima hemm abbozz ta’ protokoll bejn il-partijiet kuntrattanti (il-Komunità Ewropea, l-Istati ta’ l-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda) u kull waħda mill-partijiet assoċjati (l-Albanija, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja u l-Montenegro u l-UNMIK). Meta tiffirma l-protokoll tagħha, kull waħda mill-partijiet assoċjati timpenja ruħha li ddaħħal ir-rekwiżiti tal-ftehima f’sekwenza ta’ fażijiet u kull protokoll jiddeskrivi liema elementi tal-ftehima għandhom jiddaħħlu f’kull fażi.

Għandu jkun innutat li f’kull protokoll l-elementi jiddaħħlu f’fażijiet differenti u għalhekk il-progress lejn Żona Ewropea ta’ Avjazzjoni Komuni mhux se jkun wieħed uniformi. Pereżempju sa tmiem l-ewwel perjodu tranżizzjonali l-Albanija se tkun firdet il-fornitur tagħha tas-servizzi tat-traffiku ta’ l-ajru mill-korp regolatorju nazzjonali u se tapplika użu flessibbli ta’ l-ispazju ta’ l-ajru. Il-Bożnja u Ħerżegovina m’hix se tkun obbligata tagħmel dan qabel tmiem it-tieni perjodu tranżizzjonali. Dawn id-differenzi fl-elementi inklużi fil-perjodi tranżizzjonali jirriflettu l-istat ta’ avvanz f’diversi oqsma operazzjonali tal-partijiet assoċjati. Għandu jkun innutat ukoll li l-Protokolli huma bla limiti fis-sens li m’hi mogħtija l-ebda skadenza. It-tieni fażi tranżizzjonali tibda meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-ewwel fażi tranżizzjonali.

Applikazzjoni proviżorja u implimentazzjoni finali

Il-Kunsill iddeċieda li l-ftehima għandha tkun applikata b’mod proviżorju, sakemm tkun irratifikata mill-partijiet kollha kkonċernati. Biex tibda topera l-applikazzjoni proviżorja huwa għandu jinforma lill-partijiet kollha firmatarji tal-ftehima li din hi l-intenzjoni tiegħu. Fil-ħin li dan qed jinkiteb, il-Kunsill għadu m'għamlux dan. L-applikazzjoni finali tal-ftehima tiddependi mir-ratifika tagħha minn kull wieħed mis-sebgħa u tletin pajjiż ikkonċernat, li jista’ jieħu ftit taż-żmien mhux ħażin. Għal xi pajjiżi, pereżempju l-Kroazja, l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehima mhix kostituzzjonalment possibbli. F’dan il-każ partikulari, u mas-Serbja, il-Kummissjoni għandha ftehim informali li b’mod amministrattiv l-awtoritajiet se jiffaċilitaw kull talba għall-aċċess li tista’ ssir mil-linji ta’ l-ajru ta’ l-UE sakemm issir ir-ratifika. L-Artikolu 28.2 tal-ftehima jipprovdi wkoll li fejn ftehimiet bilaterali eżistenti huma aktar flessibbli minn arranġamenti temporanji fil-kwistjoni tas-sjieda, drittijiet tat-traffiku u frekwenzi, f’dak il-każ għandha tapplika l-ftehima bilaterali. Madanakollu huwa ċar li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehima se tieħu xi ftit fit-tul.

Peress li m’hi stabbilita l-ebda skadenza għall-implimentazzjoni, il-Kummissjoni se jkollha sserraħ fuq l-approċċ tal-“karrotta” biex tassigura l-progress. Essenzjalment dan se jinvolvi l-forniment ta' pariri tekniċi, legali u maniġerjali għall-implimentazzjoni ta' l-"acquis" biex ikun permess aċċess reċiproku għas-suq. F’xi każijiet, il-prospett li pajjiż se jsir kandidat u n-negozjati assoċjati ma’ dan jistgħu jipprovdu impuls ulterjuri għall-implimentazzjoni sħiħa.

Konklużjoni

Ir-rapporteur tagħkom tappoġġja l-prinċipju ta’ Żona Ewropea ta’ Avjazzjoni Komuni u l-ftehima u l-protokolli meħtieġa biex ikun implimentat. Hija tagħraf illi approċċ tat-tip “daqs wieħed jiġi lil kulħadd” m’huwiex xieraq fir-rigward tal-pajjiżi assoċjati, minħabba d-differenzi tekniċi u oħrajn fis-setturi ta’ l-avjazzjoni tagħhom u minħabba l-isfida li tirrappreżenta l-implimentazzjoni ta’ l-“acquis" ta’ l-UE. Madanakollu hija tinsisti li l-Kummissjoni għandha tkun viġilanti u enerġetika hi u tippromwovi l-progress permezz tal-fażijiet tranżizzjonali sakemm tasal għall-implimentazzjoni sħiħa u definittiva. Hija jiddispjaċiha, f’dan il-każ, li l-Kunsill insista li jkun hemm format ta’ Kunsill u Stati Membri li jfisser Kumitat Konġunt wisq akbar milli altrimenti kien ikun meħtieġ bl-ispejjeż u l-burokrazija kollha li jġib miegħu.

PROĊEDURA

Titolu

Ftehima multilaterali dwar it-twaqqif ta’ Żona Ewropea ta’ Avjazzjoni Komuni (ECAA)

Referenzi

COM(2006)0113 - C6-0218/2006 - 2006/0036(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

30.6.2006

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

6.7.2006

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Eva Lichtenberger

17.5.2006

 

 

Diskussjoni fil-kumitat

24.1.2007

27.2.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

27.2.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

38

1

2

Membri preżenti għall-vot finali

Gabriele Albertini, Inés Ayala Sender, Etelka Barsi-Pataky, Paolo Costa, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Arūnas Degutis, Christine De Veyrac, Petr Duchoň, Saïd El Khadraoui, Mathieu Grosch, Georg Jarzembowski, Stanisław Jałowiecki, Dieter-Lebrecht Koch, Jaromír Kohlíček, Sepp Kusstatscher, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Erik Meijer, Josu Ortuondo Larrea, Willi Piecyk, Luís Queiró, Luca Romagnoli, Gilles Savary, Brian Simpson, Renate Sommer, Dirk Sterckx, Ulrich Stockmann, Silvia-Adriana Ţicău, Georgios Toussas, Yannick Vaugrenard, Marta Vincenzi, Lars Wohlin, Corien Wortmann-Kool, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Johannes Blokland, Zita Gurmai, Jeanine Hennis-Plasschaert, Anne E. Jensen, Aldo Patriciello

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Thijs Berman

Data tat-tressiq

7.3.2007                                          A6-0060/2007