RAPPORT dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol ta' l-UE

15.3.2007 - (2006/2267(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Joost Lagendijk

Proċedura : 2006/2267(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0067/2007
Testi mressqa :
A6-0067/2007
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol ta' l-UE

(2006/2267(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-10 ta' Ġunju 1999,

–   wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għar-Reviżjoni ta' l-Istandards dwar Reviżjoni Komprensiva ta' l-implimentazzjoni ta' Standards, ippreżentat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-7 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Ottubru 2005 li japprova l-proposta tas-Segretarju Ġenerali sabiex jibdew it-taħdidiet dwar l-istatus tal-Kosovo,

–   wara li kkunsidra l-ħatra, fl-14 ta' Novembru 2005, tas-Sur Martti Ahtisaari bħala Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-proċess dwar l-istatus futur tal-Kosovo,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt tal-31 ta' Jannar 2006 li jenfasizzaw in-natura speċifika tal-problema tal-Kosovo – imsawra, skond il-konklużjonijiet, mill-isfaxxament tal-Jugożlavja u l-kunflitti li rriżultaw minnu, mit-tindif etniku u mill-ġrajjiet ta’ l-1999, u mill-perjodu fit-tul ta’ amministrazzjoni internazzjonali skond ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà – u li jitolbu sabiex il-kwistjoni tasal għal konklużjoni negozjata kmieni bħala l-aħjar triq li wieħed jista’ jieħu,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14/15 ta' Diċembru 2006, li jappoġġjaw bis-sħiħ l-isforzi ta' Martti Ahtisaari lejn soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-istatus u jaffermaw mill-ġdid li l-Unjoni tinsab lesta li tieħu rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-konklużjoni futura,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali/rakkomandazzjonijiet tar-Rappreżentant Speċjali għall-... ta'...,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6‑0067/2007),

A. billi l-prinċipji ta' gwida għal konklużjoni dwar l-istatus tal-Kosovo adottati mill-Grupp ta' Kuntatt fis-7 ta' Ottubru 2005 jenfasizzaw li konklużjoni negozjata għandha tkun prijorità internazzjonali u li, ġaladarba jibda, il-proċess ta' negozjati ma' jistax jiġi mblukkat u jrid jiġi konkluż; billi dawk il-prinċipji jistipulaw b’mod ċar li s-sitwazzjoni ma' tistax terġa' lura għal kif kienet qabel Marzu 1999, jew għal xi qasma fil-Kosovo, jew għal xi unjoni tal-Kosovo ma' xi pajjiż ieħor jew parti minn xi pajjiż ieħor,

B.  billi fid-disgħinijiet il-popolazzjoni tal-Kosovo kienet suġġetta għal atti sistematiċi ta' vjolenza u ripressjoni li fl-1999 kibru sal-punt tat-tkeċċija tal-massa tal-popolazzjoni ċivili, li wasslu sabiex il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jintervjeni u jqiegħed it-territorju taħt kontroll ċivili u ta' sigurtà internazzjonali; billi dan ħoloq sitwazzjoni li qatt ma kien hemm bħalha qabel fil-liġi internazzjonali,

C. billi l-ġrajjiet ta' Marzu 2004, li jridu jiġu kkundannati, juru ċar it-tensjonijiet persistenti fil-Kosovo bejn il-komunitajiet Albaniżi u dawk Serbi u l-bżonn li tinstab soluzzjoni li tiggarantixxi d-drittijiet taż-żewġ gruppi etniċi u ta' gruppi etniċi oħrajn, f’konformità mal-pubblikazzjonijiet ta’ l-OSCE, tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u ta’ organizzazzjonijiet oħra li għandhom kompetenzi fil-qasam tal-ħarsien tal-minoranzi,

D. billi d-determinazzjoni ta’ l-istatus futur tal-Kosovo se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tiegħu, it-tfaċċar ta’ klassi politika matura u l-iżvilupp fil-provinċja ta' soċjetà tolleranti u li ma fihiex segregazzjonijiet,

E.  billi minkejja l-ħafna rawnds ta' taħditiet li saru sfortunatament ma nstabet l-ebda konklużjoni negozjata aċċettabbli għaż-żewġ naħat, u filwaqt li jinnota l-fatt li r-Rappreżentant Speċjali tan-NU ppreżenta lill-Grupp ta’ Kuntatt il-proposti għall-konklużjoni, u billi jkun xieraq li dan ikun segwit minn perjodu ta' konsultazzjoni ulterjuri mal-partijiet,

F.  billi l-konklużjoni finali ma tistax tiġi nfurzata b'theddid ta' radikalizzazzjoni fil-Kosovo jew fis-Serbja iżda għandha tkun ir-riżultat ta' soluzzjoni li tqis l-interessi tal-partijiet kollha involuti,

G. billi aktar dewmien biex jiġi ddeterminat l-istatus tal-Kosovo jista’ jkollu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni, li diġà hija fraġli u mimlija tensjoni,

H. billi l-ġrajjiet ta' l-1999, l-amministrazzjoni internazzjonali interim fit-tul u l-fatt li bil-mod tfaċċaw u kkonsolidaw ruħhom l-Istituzzjonijiet Proviżorji ta' Awtogovernanza tal-Kosovo ħolqu sitwazzjoni eċċezzjonali li tagħmel l-integrazzjoni mill-ġdid tal-Kosovo mas-Serbja ħaġa mhux realistika,

I.   billi r-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja, minħabba r-rabtiet kulturali, reliġjużi u ekonomiċi mill-qrib tagħhom, għandhom jiġu żviluppati aktar fi spirtu ta’ sħubija u relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien fl-interess tal-popolazzjoni kollha tal-Kosovo u tas-Serbja,

J.   billi n-nuqqas ta' fiduċja bejn il-gruppi etniċi differenti, is-sitwazzjoni li għadha volatili u l-ħtieġa li jiġu żviluppati u konsolidati aktar istituzzjonijiet demokratiċi u multi-etniċi fil-Kosovo jitolbu li jkun hemm preżenza internazzjonali kontinwa għall-futur qarib,

K. billi l-komunità internazzjonali għandha tkompli tinvesti fl-edukazzjoni, speċjalment minħabba l-isfidi serji li qed tifaċċja l-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa tal-Kosovo,

L.  billi, minħabba l-pożizzjoni strateġika tal-Kosovo, l-Unjoni Ewropea jrid ikollha rwol ċentrali fil-monitoraġġ, fil-garanzija u fl-iffaċilitar ta' l-implimentazzjoni tal-konklużjoni dwar l-istatus kif ukoll fl-għajnuna għall-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta' istituzzjonijiet demokratiċi fil-Kosovo, bil-Parlament Ewropew jeżerċita r-responsabilitajiet tiegħu ta’ monitoraġġ,

M. billi l-kontribuzzjoni ta' l-UE trid tkun, madankollu, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta' konklużjoni, jitwettqu ċerti rekwiżiti minimi,

N. billi l-konklużjoni finali dwar l-istatus trid tkun kompatibbli ma' l-UE, i.e. għandha tipprovdi għal qafas kostituzzjonali li huwa komaptibbli mal-prospetti Ewropej tal-Kosovo u għandhom jippermettu lill-Unjoni li tuża l-firxa sħiħa ta' strumenti disponibbli għaliha,

1.  Jappoġġja l-proċess immexxi min-NU biex jiġi ddeterminat l-istatus finali tal-Kosovo u l-isforzi biex jiġi stabbilit qafas vijabbli li jiggarantixxi l-istabilità u l-ħarsien għall-komunitajiet kollha fil-Kosovo u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fit-tul li jsostni lilu nnifsu waħdu; japprova l-Proposta Komprensiva għal Soluzzjoni ta’ l-Istatus tal-Kosovo tas-Sur Ahtisaari u, fuq din il-bażi, jistenna lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jadotta malajr riżoluzzjoni ġdida li tieħu post ir-Riżoluzzjoni 1244;

2.   Huwa ta' l-opinjoni li l-unika konklużjoni sostenibbli għall-Kosovo hija dik li:

–    tagħti aċċess lill-Kosovo għal organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u b’hekk ikun jista’ jibda l-irkupru ekonomiku tiegħu u joħloq il-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ l-impjiegi;

- tipprevedi preżenza internazzjonali sabiex jinżamm il-karattru multi-etniku tal-Kosovo u sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi u s-sigurtà tal-popolazzjoni Serba u tal-popolazzjoni Roma u ta’ komunitajiet etniċi oħrajn;

- tipprovdi appoġġ internazzjonali sabiex ikun żgurat l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet effettivi u li jsostnu lilhom infushom waħedhom għall-popolazzjoni tal-Kosovo kollha kemm hi, u li jaħdmu skond l-istat tad-dritt u r-regoli fundamentali tad-demokrazija;

- tippermetti lill-Kosovo li jissodisfa x-xewqa tiegħu li jkun integrat fl-Ewropa, li fiż-żmien se twassal għal relazzjonijiet ta’ interdipendenza reċiproka mal-ġirien tiegħu;

3.  Iqis li kwalunkwe konklużjoni dwar l-istatus futur tal-Kosovo trid tkun skond il-liġi internazzjonali;

4.  Jesprimi t-tama li fis-Serbja ma jdumx ma jkun jista’ jiġi ffurmat gvern b’saħħtu u li jkun b’mod ċar favur l-Ewropa, li jinvolvi ruħu b’mod serju u pożittiv fit-tiftix għal soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-istatus tal-Kosovo; jenfasizza li tali gvern huwa meħtieġ ukoll għall-iskopijiet ta’ koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugożlavja u se jippermetti, taħt dawn il-kundizzjonijiet, il-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati dwar, u l-konklużjoni finali ta’, Ftehima ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn is-Serbja u l-Unjoni Ewropea;

5.   Jemmen li l-konklużjoni finali għandha tkopri, inter alia, l-aspetti li ġejjin:

- definizzjoni ċara ta' l-irwol u tal-mandat tal-preżenza internazzjonali ċivili u ta' sigurtà;

–    dispożizzjonijiet ċari dwar id-deċentralizzazzjoni li jagħtu awtonomija sostanzjali f'oqsma prinċipali bħall-edukazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà lokali u, fil-każ tal-muniċipalitajiet Serbi, jippermettu rabtiet diretti imma trasparenti ma' Belgrad; dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu finanzjarjament sostenibbli u m'għandhomx idgħajfu l-prerogattivi eżekuttivi u leġiżlattivi ta' Kosovo unitarju;

–    rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem inkluż l-obbligu li jiġu pprovduti garanziji kostituzzjonali għall-interessi vitali ta' minoranzi u refuġjati, u mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu salvagwardjati interessi bħal dawn;

–    il-ħarsien tas-siti kulturali u reliġjużi kollha;

- dispożizzjonijiet dwar il-ħolqien ta' Forza ta' Sigurtà interna tal-Kosovo li tkun armata b'mod ħafif, tkun multi-etnika u jkollha skop, kapaċità u funzjonijiet limitati, taħt is-sorveljanza stretta tal-Forza tal-Kosovo mmexxija min-NATO (KFOR);

–   garanziji internazzjonali għall-integrità territorjali ta’ l-Istati kollha ġirien;

6.  Jenfasizza li s-soluzzjoni fil-Kosovo ma tistabbilixxi l-ebda preċedent fil-liġi internazzjonali, peress li l-Kosovo ilu taħt il-governanza tan-NU mill-1999 u r-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà diġà kellha dispożizzjonijiet dwar il-ħtieġa li tiġi solvuta l-kwistjoni ta' l-istatus finali tal-Kosovo; jikkonkludi, għalhekk, li s-sitwazzjoni rigward il-Kosovo ma hija bl-ebda mod komparabbli mas-sitwazzjoni f’reġjuni oħra ta’ kunflitt li m’humiex taħt l-amministrazzjoni tan-NU;

7.  Jenfasizza li l-ftehima dwar il-futur tal-Kosovo trid tinkludi wkoll arranġamenti istituzzjonali speċifiċi għal Mitrovica li jiggarantixxu kompletament id-drittijiet u s-sigurtà tal-komunità Serba mingħajr ma jdgħajfu l-unità tal-Kosovo; jemmen li dawk l-arranġamenti għandhom ikunu sorveljati direttament mill-komunità internazzjonali, b'konsultazzjoni ma' Belgrad; ifakkar lis-Serbja, madankollu, li involviment bħal dan fil-Kosovo huwa marbut mal-koperazzjoni tas-Serbja fl-implimentazzjoni tal-konklużjoni dwar l-istatus finali;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, il-fatt li l-proposta Ahtisaari ssemmi awtonomija wiesgħa għall-komunità Serba u għal komunitajiet oħrajn, inkluż ammont sostanzjali ta' awtonomija muniċipali f'konformità mal-prinċipji Ewropej ta' sussidjarjetà u awtogovernanza;

9.  Huwa ta' l-opinjoni li l-komunità internazzjonali għandha tindirizza, sa fejn ikun possibbli, il-preżenza tagħha biex tgħin lill-awtoritajiet lokali:

–    fl-implimentazzjoni tat-termini tal-konklużjoni;

–    fl-iżvilupp ta' kapaċità istituzzjonali, amministrattiva, ġudizzjarja u tal-pulizija li tkun awtonoma u etnikament ibbilanċjata;

–    fil-kisba ta' progress fil-konformità ma' l-istandards tan-NU u mal-punti ta' referenza (benchmarks) ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni ta' l-UE;

10. Jemmen, għalhekk, li filwaqt li l-preżenza internazzjonali fil-Kosovo għandu jkollha ammont ta' persuni fi proporzjon max-xogħol tagħha, dan m'għandux jirriżulta fil-ħolqien ta' amministrazzjoni parallela jew fir-ripetizzjoni ta' l-amministrazzjoni eżistenti mmexxija min-NU;

11. Jenfasizza li l-komunità internazzjonali għandu jkollha poteri diretti korrettivi u, f'każijiet limitati, poteri ta' sostituzzjoni f'oqsma kruċjali bħal:

–    is-salvagwardja ta' l-interessi kruċjali tal-minoranzi;

–    il-ħarsien ta’ siti sensittivi;

–    is-sigurtà;

–    il-ġudikatura u l-istat tad-dritt usa', partikolarment fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

12. Jenfasizza li jenħtieġu aktar sforzi biex jiġi appoġġjat ir-ritorn ulterjuri ta' refuġjati u ta' persuni spustati madwar il-Kosovo; jenfasizza li opportunitajiet ta' xogħol huma essenzjali għar-ritorn sostenibbli u li l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli issa jrid isir prijorità; jenfasizza li r-refuġjati mhux Serbi u mhux Albaniżi, bħar-Roma u l-Ashkali, għandhom bżonn attenzjoni speċjali, inklużi l-persuni Roma spustati internament li qed jgħixu fil-kampijiet f’Kosovska Mitrovica;

13. Jappoġġja l-ħtieġa għal sistema edukattiva inklużiva u ġusta li se tippermetti li l-istudenti Roma u Ashkali jitagħlmu bil-lingwa Roma, b'hekk titrawwem l-identità u l-kultura ta' dawk il-komunitajiet tal-minoranzi;

14. Jenfasizza li deċiżjoni finali dwar l-istatus finali tal-Kosovo tista' tittieħed biss mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha, u b'mod partikulari dawk l-Istati Membri li huma wkoll membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jagħtu l-appoġġ sħiħ u attiv tagħhom biex tinstab soluzzjoni vijabbli għall-istatus futur tal-Kosovo;

15. Iqis li l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU hija wkoll kruċjali għall-parteċipazzjoni futura ta' l-UE fil-Kosovo, u li fin-nuqqas ta' tali riżoluzzjoni m'għandu jkun previst l-ebda involviment ikbar ta' l-UE;

16. Jinsab konvint li, fid-dawl ta’ l-irwol ċentrali tagħha fl-implimentazzoni tal-konklużjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tkun involuta b’mod deċiżiv fit-termini finali tal-konklużjoni;

17. Jemmen li l-Istati Membri għandhom jippruvaw jilħqu pożizzjoni unika dwar il-kwistjoni tal-Kosovo u għalhekk jistieden lill-Kunsill tal-Ministri sabiex jagħmel ħiltu biex jadotta pożizzjoni komuni dwar il-kwistjoni ta’ l-istatus li tispjega ċar ir-rekwiżiti minimi ta’ soluzzjoni għall-Kosovo li tkun sostenibbli u kompatibbli ma' l-UE;

18. Ifakkar li, skond l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Stati Membri rappreżentati fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jkunu mistennija li jżommu mal-pożizzjoni komuni u jżommu lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-UE infurmat regolarment dwar in-negozjati; jitlob ukoll li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat regolarment;

19. Jistieden lil dawk l-Istati Membri ta' l-UE li huma membri tal-Grupp ta' Kuntatt biex jaqsmu l-informazzjoni tagħhom mal-Kunsill tal-Ministri ta' l-UE u ma' l-Istati Membri l-oħrajn kollha, u biex itejbu l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni magħhom, għaliex l-UE kollha kemm hi se jkollha terfa' r-responsabilità internazzjonali u l-piż finanzjarju tal-konklużjoni finali;

20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri li qegħdin fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u, b'mod partikolari, il-Membri Permanenti sabiex ikollhom irwol kostruttiv, biex jagħmlu li jistgħu biex jiżguraw li ż-żewġ partijiet involuti jaġixxu b'mod flessibbli u sabiex jadottaw soluzzjoni għall-Kosovo li tkun ċara u sostenibbli, fuq l-istess linji tal-proposti tar-Rappreżentant Speċjali, kemm jista' jkun bil-ftehim taż-żewġ partijiet;

21. Huwa ppreparat li jagħmel ir-riżorsi addizzjonali meħtieġa disponibbli sabiex jiffinanzja l-involviment futur ta' l-UE fil-Kosovo bl-iskop li tiġi implimentata l-konklużjoni dwar l-istatus u b'appoġġ għall-prospetti Ewropej tal-Kosovo, bil-kundizzjoni li:

–    il-konklużjoni dwar l-istatus appoġġjata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tqis b'mod xieraq il-pożizzjoni komuni ta' l-Unjoni;

–    ikun hemm konsultazzjoni biżżejjed minn qabel dwar l-iskop, l-objettivi, il-mezzi u l-modalitajiet ta' dik il-missjoni, ħalli l-Parlament ikun assigurat li r-riżorsi jkunu fi proporzjon mal-ħidmiet;

–    dawk ir-riżorsi finanzjarji addizzjonali jkunu disponibbli skond il-kundizzjonijiet tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u mmaniġġjar finanzjarju sod ta' l-14 ta' Ġunju 2006[1]; u

–    konferenza dwar donaturi internazzjonali li ssir fi żmien xieraq;

22. Ifakkar dwar l-impenn, li daħlet għalih il-Presidenza Finlandiża f'isem il-Kunsill fir-rigward ta' l-adozzjoni tal-baġit għall-2007, biex il-Parlament ikun provdut b'informazzjoni ddettaljata dwar l-iskop, l-objettivi u l-implikazzjonijiet finanzjarji probabbli ta' l-operazzjoni li tista’ ssir fil-ġejjieni hekk kif l-ippjanar tal-missjoni jipproċedi;

23. Jinsab imħasseb dwar il-mod li bih se tiġi mmaniġġjata t-tranżizzjoni mill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) għall-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali l-ġdid; ifakkar lill-UNMIK li għandha tibqa' involuta fil-Kosovo sakemm l-Uffiċċju l-ġdid ikun organizzat u jkun qed jopera b'mod sħiħ; jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-UE sabiex isibu mod ta' kif jiġi evitat aktar telf ta' ħiliet internazzjonali f'oqsma kruċjali ta' l-amministrazzjoni, partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-Istituzzjonijiet Proviżorji ta' Awtogovernanza tal-Kosovo se jkollhom bżonn il-ħin u l-għajnuna sabiex jieħdu f'idejhom ċerti poteri leġiżlattivi u eżekuttivi mill-UNMIK;

24. Iħeġġeġ lill-OSCE biex tkompli fl-irwol ewlieni tagħha fil-Kosovo wara l-konklużjoni dwar l-istatus, fir-rigward, b'mod partikulari, tal-monitoraġġ u l-verifika tal-proċessi elettorali; jistieden, f'dan ir-rigward, kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-OSCE biex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom fil-qasam ta' l-istat tad-dritt, bi qsim ċar tal-ħidmiet fejn hija kkonċernata l-missjoni ESDP;

25. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-enfasi li tagħmel l-UE fuq il-ġudikatura u l-istat tad-dritt fil-fażi ta’ wara l-konklużjoni, u jenfasizza li se jkun meħtieġ trasferiment mingħajr xkiel tar-responsabilitajiet; jitlob li jiġi stabbilit qsim ċar u trasparenti tal-ħidmiet u tar-responsabilitajiet bejn il-qrati u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali tal-Kosovo u l-missjoni ppjanata ta’ l-UE għall-infurzar tal-liġi u l-ordni; jitlob għal responsabilità sħiħa u rispett sħiħ għall-istat tad-dritt fir-rigward ta' detenzjonijiet u azzjonijiet oħrajn mill-KFOR;

26. Jindika lill-awtoritajiet tal-Kosovo li l-komunità internazzjonali tistennihom

–    jikkonċentraw l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw il-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva meħtieġa sabiex finalment jieħdu f'idejhom ir-responsabilitajiet li s'issa kienu f'idejn l-UNMIK;

–    jelaboraw kunċett Kosovar ta' ċittadinanza li jibni b'mod espliċitu fuq il-karattru multilingwistiku u multi-etniku tar-reġjun, waqt li jipprovdi għall-komunitajiet etniċi varji li jikkostitwixxu l-popolazzjoni tal-Kosovo;

–    li jaħdmu bis-serjetà u b'mod kostruttiv lejn il-ħolqien ta' pajjiż u soċjetà li jkunu multi-etniċi, multikulturali, bi twemmin differenti u tolleranti li jirrispettaw id-drittjiet tal-gruppi etniċi kollha;

27. Jenfasizza f'dan il-kuntest li l-preżenza internazzjonali se tibqa' fil-Kosovo sakemm l-objettivi msemmija hawn fuq ikunu tassew integrati u jintlaħqu verament;

28. Huwa mħasseb ħafna dwar id-dimostrazzjonijiet vjolenti li saru dan l-aħħar fil-Kosovo, li qed jipperikolaw b'mod serju t-tkomplija bla xkiel tal-proċess li tinstab soluzzjoni paċifika għall-istatus futur tal-Kosovo; jistieden liż-żewġ naħat biex kemm jista' jkun irażżnu lilhom infushom u biex jagħmluha possibbli li jkun hemm konklużjoni paċifika tal-proċess dwar l-istatus;

29. Barra minn hekk ifakkar lill-awtoritajiet tal-Kosovo li, ladarba l-kwistjoni ta' l-istatus tiġi finalment solvuta, il-poplu tal-Kosovo se jkun irid lill-gvern tiegħu jittratta l-problemi li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tagħhom, bħal dawk relatati mas-sigurtà, l-iżvilupp ekonomiku, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, l-impjiegi, is-servizzi pubbliċi adegwati u l-ugwaljanza għal kulħadd f'għajnejn il-liġi;

30. Jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jaħdmu flimkien sabiex joħolqu kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku mtejjeb għall-benefiċċju tal-komunitajiet etniċi kollha fil-Kosovo; itenni l-ħtieġa għall-ħolqien ta' pjan ta' żvilupp ekonomiku fit-tul komprensiv u realistiku kif ukoll għal konformità sħiħa mal-prinċipji fundamentali ta' l-istat tad-dritt, u strateġija ddettaljata u b'riżorsi xierqa kontra l-korruzzjoni;

31. Jenfasizza l-bżonn li jingħata iktar appoġġ għall-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fuq il-bażi tal-Karta Ewropea għal Intrapriżi Żgħar, li kienet approvata mill-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura aċċess għall-Fondi Strutturali ta' l-UE, biex tipprovdi ffinanzjar aħjar għal proġetti relatati ma' l-SMEs u toħloq qafas istituzzjonali li jtejjeb il-koperazzjoni bejn il-Komunità u s-settur privat fil-Kosovo;

32. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-komunità Serba fil-Kosovo sabiex jirrikonoxxu li l-interessi tagħhom ikunu moqdija aħjar f'Kosovo demokratiku, deċentralizzat u ekonomikament vijabbli, u sabiex jinvolvu ruħhom fil-proċess ta' wara l-konklużjoni sabiex jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet tal-ftehima li huma ta' interess dirett għalihom jiġu implimentati b'mod sħiħ;

33. Jistieden lill-Gvern Serb sabiex jirrikonoxxi li l-futur jinsab fl-iżvilupp ta' rabtiet mill-qrib u trasparenti mal-Kosovo, fil-kuntest ta' integrazzjoni reġjonali aktar profonda u tal-prospett komuni ta' sħubija fl-UE fil-futur;

34. Jenfasizza li hija ta' l-ikbar importanza għall-istabilità u l-iżvilupp ulterjuri tar-reġjun kollu li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-istatus futur tal-Kosovo fuq il-bażi tal-proposti finali tas-Sur Ahtisaari; jistieden f'dan il-kuntest lill-gvernijiet ta' l-Istati kollha ġirien biex jagħtu kontribut pożittiv għal dan il-proċess u biex jirrispettaw il-fruntieri attwali ta' l-Istat; barra minn hekk, jappoġġja l-opinjoni li, fuq medda twila ta' żmien, is-soluzzjoni fir-rigward ta' l-istatus futur tal-Kosovo tinsab ukoll fil-fatt li kemm is-Serbja kif ukoll il-Kosovo mistennija jsiru parti mill-UE, flimkien mal-ġirien tagħhom, minħabba li l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea;

35. Itenni li t-tisħiħ sew tal-Kosovo fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jsaħħaħ, inter alia, ir-relazzjonijiet ekonomiċi tal-Kosovo ma' l-Istati Membri u mal-ġirien tagħhom fil-Balkani tal-Punent u jħaffef il-proċess ta' stabilizzazzjoni fir-reġjun;

36. Jilqa' b'sodisfazzjon il-firma tal-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles ma' l-Albanija, ma' l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, mal-Bożnja-Ħerżegovina u mal-Kroazja; iħeġġeġ lill-awtorijiet tal-Kosovo sabiex jimplimentaw kompletament dawk il-ftehimiet u jiżguraw li l-kummerċ ħieles mas-Serbja u l-Montenegro jkompli;

37. Jistieden lill-awtoritajiet Kosovari u Serbi biex jikkoperaw bis-sħiħ ma' xulxin u ma' l-ICTY sabiex jestradixxu lil dawk il-persuni li huwa allegat li huma kriminali tal-gwerra;

38. Jemmen li l-pubblikazzjoni tar-rapport tas-Sur Ahtisaari għandu jiġi akkumpanjat minn kampanja li twassal messaġġ immirata biex tispjega b'mod ċar u oġġettiv lill-popli kkonċernati, inkluzi ċ-ċittadini Serbi, il-kundizzjonijiet tal-konklużjoni proposta, u li messaġġ ta' koeżistenza paċifika jrid jiġi enfasizzat mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Kosovo; iqis li Kosovo li jirrikonoxxi d-drittjiet tal-maġġoranza u tal-minoranza se jgawdi minn stabilità u prosperità;

39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Serbja u lill-Istituzzjonijiet Proviżorji ta' Awtogovernanza tal-Kosovo, lill-UNMIK, lill-Membri tal-Grupp ta' Kuntatt, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-proċess dwar l-istatus futur tal-Kosovo.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (25.1.2007)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol ta' l-UE
(2006/2267(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Erika Mann

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.   Jikkunsidra li deċiżjoni fil-ħin u reċiprokament sodisfaċenti dwar l-istatus finali tal-Kosovo għandha ċans kbir li toħloq kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar, tnaqqas il-qgħad u tħajjar investiment dirett barrani sostanzjali (FDI);

2.   Jinnota li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-futur tal-Kosovo għandha tittieħed fid-dawl tal-kuntest usa' tas-sitwazzjoni politika fl-Ewropa tax-Xlokk, u li l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħmluha ċara li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-futur tal-Kosovo ma tridx titqies bħala preċedent minn oħrajn li jixtiequ jħeġġu seċessjoni minn stati oħra fir-reġjun, xi ħaġa li jaf ikollha effett ta' distabilizzazzjoni politika u ekonomika fir-reġjun;

3.   Itenni li t-tisħiħ sew tal-Kosovo fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAP) għandu, inter alia, isaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi tal-Kosovo ma' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u mal-ġirien tagħha fil-Balkani tal-Punent u jħaffef il-proċess ta' stabilizzazzjoni fir-reġjun;

4.  Ifakkar li l-konklużjoni sodifaċenti tal-proċess ta' riforma li għaddej bħalissa se jerġa jġib funzjonament tajjeb tas-suq, se jistimula t-tkabbir ekonomiku u se jgħin fiż-żamma ta' l-istabilità politkia fir-reġjun;

5.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-6 ta' April 2006 mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-Ftehima għall-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali (CEFTA) billi tiġi estiża l-konċessjoni tal-kummerċ bilaterali għall-imsieħba kollha; jilqa' l-inklużjoni fil-Ftehima tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-infiq tal-gvern, il-protezzjoni tal-propjetà intellettwali, il-kummerċ fis-servizzi, mekkaniżmu reġjunali biex isolvi t-tilwim u l-istabbiliment ta' zona UE-Balkani tal-Punent ta' akkumulazzjoni diagonali ta' oriġini, bħala l-ewwel stadju ta' parteċipazzjoni għal dawk il-pajjiżi fis-sistema ta' akkumulazzjoni Pan-Ewro-Med;

6.  Jilqa' l-firma tal-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles ma' l-Albanija, ma' l-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, mal-Bosnja u l-Herżegovina u mal-Kroazja; iħeġġeġ lill-awtorijiet temporanji tal-Kosovo sabiex jimplimentaw kompletament dawn il-ftehimiet u jiżguraw li l-kummerċ ħieles fis-Serbja u l-Montenegro jkompli;

7.   Iħeġġeġ l-UE biex tgħin il-proċess ta' stabilizzazzjoni billi tibqa' tagħti l-appoġġ tagħha (kemm f'termini finanzjarji u tekniċi) għall-kummerċ, l-investiment, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-Kosovo; jistieden l-UE u l-awtoritajiet temporanji tal-Kosovo biex jaħdmu flimkien sabiex joħolqu kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku mtejjeb għall-benefiċċju tal-komunitajiet etniċi kollha fil-Kosovo; itenni li għajnuna finanzjarja lill-Kosovo għandha tkun b'kundizzjoni fuq l-istabbiliment ta' pjan ta' żvilupp ekonomiku fuq tul ta' żmien twil li jkun komprensiv u realistiku kif ukoll l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet stipulati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244/99; jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn għal konformità sħiħa ma' l-istandards internazzjonali demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-rispett għall-minoranzi, u bil-prinċipji fundamentali ta' l-istat tad-dritt, u strateġija kontra l-korruzzjoni dettaljata u mogħnija kif suppost bir-riżorsi;

8.   Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jiżgura li l-Kummissjoni tkompli tilgħab rwol ewlieni fl-appoġġ ta' l-iżvilupp ekonomiku u strutturali futur fil-Kosovo; jirrakkomanda li l-attivitajiet u l-istaff tal-Kolonna ta' l-UE għall-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK's Pillar IV) jiġu inkorporati f'kwalunkwe korp istituzzjonali ġdid b'responsabilità għal kwistjonijiet ta' kummerċ u ekonomiċi fil-Kosovo jew li huma relatati mal-Kosovo u li jistgħu jinħolqu bil-għan li jiġi deċiż jew wara li jiġi deċiż l-istatus finali tal-Kosovo;

9.   Jenfasizza l-bżonn li jingħata iżjed appoġġ għall-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fuq il-bażi tal-Karta Ewropea għal Intrapriżi Żgħar approvata mill-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura aċċess għall-Fondi Strutturali ta' l-UE, biex tipprovdi ffinanzjar aħjar għal proġetti relatati ma' l-SME u toħloq qafas istituzzjonali li jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-Komunità u s-settur privat fil-Kosovo.

PROĊEDURA

Titolu

Il-futur tal-Kosovo u l-irwol ta' l-UE

Numru tal-proċedura

2006/2267(INI)

Kumitat responsabbli

AFET

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA
29.11.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data mħabbra fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Erika Mann
18.10.2006

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

18.12.2006

 

 

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

24.1.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+: 26

–:

0:

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Jean-Pierre Audy, Enrique Barón Crespo, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Jacky Henin, Syed Kamall, Sajjad Karim, Erika Mann, David Martin, Javier Moreno Sánchez, Caroline Lucas, Georgios Papastamkos, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Johan Van Hecke, Zbigniew Zaleski

Sostitut/i preżenti għall-votazzjoni finali

Panagiotis Beglitis, Małgorzata Handzlik, Jens Holm, Jörg Leichtfried, Eugenijus Maldeikis

Sostitut/i preżenti għall-votazzjoni finali skond ir-Regola 178(2)

Ignasi Guardans Cambó, Pia Elda Locatelli

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

PROĊEDURA

Titolu

Il-futur tal-Kosovo u l-irwol ta' l-UE

Numru tal-proċedura

2006/2267(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta’ l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

AFET

29.11.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

29.11.2006

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Joost Lagendijk

13.9.2006

 

Eżami fil-kumitat

19.12.2006

30.1.2007

12.3.2007

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

12.3.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

56

7

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Alma Anastase, Christopher Beazley, Angelika Beer, Panagiotis Beglitis, Bastiaan Belder, André Brie, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Hélène Flautre, Hanna Foltyn-Kubicka, Michael Gahler, Jas Gawronski, Bronisław Geremek, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Klaus Hänsch, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Bogdan Klich, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Emilio Menéndez del Valle, Willy Meyer Pleite, Francisco José Millán Mon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols i Germà, Cem Özdemir, Janusz Onyszkiewicz, Justas Vincas Paleckis, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, Bernd Posselt, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Katrin Saks, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, István Szent-Iványi, Antonio Tajani, Charles Tannock, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia I Cutchet, Giulietto Chiesa, Ryszard Czarnecki, Alexandra Dobolyi, Árpád Duka-Zólyomi, Glyn Ford, Lilli Gruber, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Jaromír Kohlíček, Antonio López-Istúriz White, Sarah Ludford, Erik Meijer, Doris Pack, Antonyia Parvanova, Lapo Pistelli, Frédérique Ries, Aloyzas Sakalas, Anders Samuelsen, Adrian Severin, Csaba Sándor Tabajdi

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Miloš Koterec

Data tat-tressiq

15.3.2007