RAPPORT dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006
26.3.2007 - (2007/2004(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Kurt Joachim Lauk
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-"Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006 - L-ewwel sena tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir Ekonomiku rivedut" (COM(2006)0304),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma tat-23 u ta' l-24 ta' Marzu 2001 filwaqt li jitlob għal reviżjoni regolari tas-sostenibilità fuq żmien twil tal-finanzi pubbliċi, inkluż tensjonijiet mistennija kkawżati mill-bidliet demografiċi li ġejjin,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sostenibilità fuq żmien twil tal-finanzi pubbliċi ta' l-UE (COM(2006)0574),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1056/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[1],
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2006 (COM(2006)0762),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-programmi ta' stabilità u konverġenza ta' l-Istati Membri għal bejn l-2006 u l-2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 dwar ir-reviżjoni tal-Patt ta' l-Istabilità u t-Tkabbir,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mat-tieni rapport dwar il-preparazzjonijiet prattiċi għat-tkabbir futur taz-zona ta' l-euro (COM(2005)0545) u d-Dikjarazzjoni Annwali dwar iz-Zona ta' l-Euro (COM(2006)0392),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar iz-zona ta' l-euro[2] u ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar ir-rapport annwali 2006 dwar iz-zona ta' l-euro[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0076/2007),
A. billi l-Istati Membri huma mistennija li jżommu l-iżbilanċi tal-baġit tagħhom taħt it-3% tal-GDP f'konformità mar-regoli li jikkonsolidaw il-munita waħda u billi dik ir-regola ġiet miksura b'mod regolari, billi kull meta l-iżbilanċ ikun ogħla minn 3% dan jista' jiġi ġġudikat b'mod aktar favorevoli jekk ikun marbut ma' tkabbir għoli u relazzjoni ta' dejn li tkun qed tonqos (minbarra d-dħul mill-privatizzazzjoni), filwaqt li tnizzel ukoll l-iżbilanċ annwali għal taħt it-3% fuq żmien medju,
B. billi t-twissijiet riċenti ta' l-OECD dwar l-iżbilanċ jistiednu lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq riformi sabiex jikkonsolidaw il-progress ekonomiku tagħhom billi jużaw l-irkupru ekonomiku sabiex inaqqsu l-iżbilanċi tal-baġit tagħhom u billi jagħmlu s-swieq tax-xogħol aktar kompetittivi,
C. billi l-medja ta' relazzjoni ta' dejn għaz-zona ta' l-euro kienet 70.6 % fl-2005 u madwar 69.4% fl-2006 u huwa maħsub li taqa' għal 68 % fl-2007; billi d-differenza bejn l-inqas u l-ogħla relazzjoni ta' dejn kienet f'eċċess ta' 100 punt perċentwali tal-GDP kemm fl-2005 kif ukoll fl-2006, u mistenni li tkun miżmuma l-istess firxa fl-2007; billi dawn iċ-ċifri għadhom ħafna ogħla mill-valur ta' referenza ta' 60 % għar-relazzjoni bejn id-dejn u l-GDP, li huwa wieħed miż-żewġ pilastri tal-Patt ta' l-Istabilità u t-Tkabbir (SGP),
D. billi l-medja ta' defiċit għaz-zona ta' l-euro kienet -2.6 % tal-GDP fl-2005 u madwar -2,0 % fl-2006 u huwa maħsub li taqa' għal -1.5 % fl-2007; billi l-firxa fir-relazzjoni ta' l-iżbilanċ kienet qrib ta' 9 punti perċentwali fl-2005 u fl-2006 u huwa mistenni li taqa' għal madwar 7 punti perċentwali fl-2007,
E. billi l-medja tar-rata ta' tkabbir tal-GDP għaz-zona ta' l-euro fl-2005 kienet ta' 1.4 % u madwar 2.6 fl-2006 u huwa maħsub li tkun ta' 2.1 % fl-2007; billi l-firxa fir-rata ta' tkabbir fl-2005 u fl-2006 kienet madwar 5 punti perċentwali u huwa maħsub li tibqa' madwar 5 punti perċentwali fl-2007; billi dawn ir-rati ta' tkabbir huma b'mod ċar inqas minn dawk ta' zoni oħra tad-dinja,
F. billi r-rata tal-qgħad fiz-zona ta' l-euro kienet ta' 8.6 % (12,600,000) fl-2005 u niżlet għal 8.1 % (11,900,000) fl-2006; billi r-rata tal-qgħad hija maħsuba li taqgħa għal 7.7 % (11,500,000) fl-2007 u billi l-waqgħa mistennija turi li t-tnaqqis ta' l-iżbilanċ iżid l-attività ekonomika u jnaqqas il-qagħad,
G. billi huwa maħsub li l-infiq marbut ma’ l-età jiżdied b'4 % tal-GDP sa' l-2050; billi, bħala riżultat, f'numru ta' Stati Membri l-infiq pubbliku marbut ma' l-età se jiżdied bil-5% sat-13% tal-GDP, li se jpoġġi pressjoni enormi fuq is-sostenibiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom, filwaqt li t-tkabbir huwa maħsub li jaqa' minn 2.4 % fil-perjodu 2004 sa 2010 għal 1.9 % fil-perjodu 2011 sa 2030 u jerġa' għal 1.2 % biss fil-perjodu 2031 sa 2050; billi t-tnaqqis fit-tkabbir u ż-żieda fl-infiq marbut ma' l-età jistgħu jipperikolaw il-ġid ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini Ewropej u l-koeżjoni soċjali tas-soċjetajiet tagħna, u jistgħu jpoġġu pressjoni għad-diżintegrazzjoni fuq l-Istituzzjonijiet Ewropej u fuq politiki komuni,
H. billi l-Kummissjoni u l-BĊE kull sentejn jevalwaw it-twettiq tal-kriterji ta' Maastricht għall-adozzjoni ta' l-euro ta' l-Istati Membri kollha li għandhom deroga,
Esperjenzi bl-SGP rivedut
1. Ifakkar li l-għan ewlieni ta' l-SGP huwa li jkun żgurat bilanċ baġitarju favorevoli jew għallinqas baġit ibbilanċjat fuq żmien medju, li huwa essenzjali fid-dawl ta' l-isfidi demografiċi li ġejjin;
2. Jilqa' l-fatt li numru kbir ta' Stati Membri għamlu sforz konsiderevoli sabiex jippruvaw jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' l-SGP; madankollu, jinnota li għadu kmieni wisq biex ikunu evalwati r-riżultati miksuba wara d-dħul fis-seħħ ta' l-SGP irrivedut;
3. Jaqsam mal-Kummissjoni t-tħassib tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-funzjoni preventiva ta' l-SGP, b'mod speċjali fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li għadhom ma rnexxielhomx jibbilanċjaw il-finanzi pubbliċi tagħhom;
4. Jibża li l-SGP rivedut, b'mod partikulari l-funzjoni korrettiva tiegħu, jekk ikun infurzat b'mod klementi, jinvolvi riskju ta' dejn pubbliku għoli u persistenti, li jista' joħloq theddida serja lill-finanzi pubbliċi bbilanċjati u lill-opportunitajiet ta' impieg;
5. Jisħaq li l-attitudni ta' l-Istati Membri lejn l-SGP rivedut għandu fl-aħħar jiddeċiedi s-suċċess jew il-falliment ta' l-SGP; iwissi li kull reviżjoni ulterjuri x'aktarx ma tiġix aċċettata mill-pubbliku jew minn atturi ekonomiċi;
6. Huwa mħasseb li firxiet differenti fost l-Istati Membri fl-oqsma ta' żbilanċ, ta' dejn u ta' tkabbir jistgħu jitwessgħu, u dan jista' jkollu l-effett li jdgħajfu l-munita waħda, ifixxklu t-tkabbir ekonomiku u jnaqqsu l-prospetti ta' l-impjieg; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw politiki ekonomiċi li jdejqu l-firxiet identifikati u jwasslu għal aktar konverġenza lejn defiċit u livelli ta' dejn aktar baxxi u lejn tkabbir ogħla;
7. Huwa mħasseb dwar il-pass bil-mod tat-tnaqqis tad-dejn pubbliku f'xi Stati Membri; jopponi proċeduri ta' żbilanċ inkonklussivi u li jibqgħu għaddejjin għal dejjem u għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaġixxu b'mod lvent u deċisiv; jissuġġerixxi li jinżammu l-kredibilità tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv u l-istandard wieħed ta' kif jiġu ġġudikati l-pajjiżi;
8. Jistaqsi sa liema punt it-tkabbir Ewropew jista' jkun ċikliku u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea bħala mod ta' kif jinħoloq l-impjieg; ifakkar lill-Istati Membri li t-tkabbir miżjud u aktar impjieg għandhom iwasslu għal żieda sostanzjali fid-dħul mit-taxxi, biex b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' żbilanċi eċċessivi filwaqt li jitħalla lok għal tnaqqis sostanzjali fid-dejn pubbliku;
9. Jenfasizza li vjolazzjonijiet ta' l-SGP jistgħu fl-aħħar idgħajfu l-politika monetarja komuni u jżidu mal-pressjoni biex jogħlew ir-rati ta' l-interessi; jenfasizza li Bank Ċentrali Ewropew indipendenti huwa essenzjali sabiex tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet, biex b'hekk jinħoloq qafas għall-politiki ekonomiċi li jwassal għal livelli għoljin ta' tkabbir u ta' impjieg;
10. Għalhekk, jara bżonn urġenti li l-Istati Membri jadattaw il-politiki fiskali tagħhom għar-rekwiżiti tal-Politika Ekonomika u Monetarja komuni sabiex jiżdied aktar il-ġid taċ-ċittadini Ewropej u li kalendarju u qafas baġitarji komuni għandhom japplikaw lill-Istati Membri kollha;
11. Jilqa' l-fatt li l-SGP rivedut jippermetti li jkunu żviluppati programmi ta' riforma li jkollhom skadenzi realistiċi u objettivi tal-baġit għall-perjodu medju ta' żmien;
12. Jaqbel li programmi ta' riforma magħmula apposta u adattati għall-ħtiġijiet ta' l-Istati Membri għandhom jippermettu għall-implimentazzjoni aħjar tal-funzjoni preventiva ta' l-SGP;
13. Jiddispjaċih li l-Istati Membri ma jisfruttawx is-sitwazzjoni ekonomika pożittiva tagħhom biżżejjed sabiex jimplimentaw riformi strutturali sinifikanti li jżidu l-effiċjenza tas-swieq fil-prodotti, fis-servizzi, fl-impjieg u fil-kapital u li fit-tul jassiguraw il-konsolidazzjoni fiskali, it-tkabbir ekonomiku u aktar impjieg;
L-isfidi li ġejjin
14. Ifakkar li l-SGP huwa l-istrument ewlieni u l-aktar b'saħħtu għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea; jisħaq li sakemm l-SGP huwa implimentat b'mod konsistenti u vigoruż il-politiki ekonomiċi jkomplu jwasslu għal aktar tkabbir u għal żieda fl-impieg;
15. Huwa allarmat bl-istimi tal-Kummissjoni li juru żieda drammatika fl-infiq marbut ma' l-età filwaqt li tkabbir fit-tul ta' żmien juru tnaqqis fil-futur, li, meta meħuda flimkien, inevitabbilment ipoġġu pressjoni enormi fuq is-sostenibiltà tal-finanzi pubbliċi ta' l-Istati Membri;
16. Huwa mħasseb li sitt Stati Membri huma kkonsidrati li jkunu esposti għal riskju għoli fir-rigward tas-sostenibilità fuq żmien twil tal-finanzi pubbliċi bħala riżultat ta' l-impatt li popolazzjonijiet li qed jixjieħu jkollhom fuq il-baġit, waqt li għaxar Stati Membri huma meqjusa li qed jiffaċċjaw riskju medju, u disgħa Stati Membri biss għandhom riskju baxx;
17. Iħeġġeġ li tiġi indirizzata sfida baġitarja Ewropea tant kbira; ifakkar li t-tnaqqis tad-dejn pubbliku għandu jitħaffef waqt il-perjodi ta' titjieb ekonomiku filwaqt li jiġu evitati miżuri proċiklikali u jiġu implimentati riformi strutturali u fiskali sabiex jitjieb ir-rendiment ekonomiku ta' l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw it-titjib attwali fl-ekonomija sabiex iwettqu r-riformi neċessarji fis-suq tax-xogħol u fis-settur tas-servizzi u biex inaqqsu l-piż amministrattiv minn fuq in-negozju; jikkunsidra li għad hemm lok u bżonn għal aċċelerazzjoni ulterjuri f'attività ta' investiment u jitlob li jsiru riformi strutturali u miżuri addizzjonali li jtejbu b'mod permanenti l-klima ta' l-investiment u jagħtu spinta lill-investiment;
18. Jitlob orjentazzjoni mill-ġdid ta' l-infiq pubbliku lejn l-akkumulazzjoni kapitali fiżika u umana u l-ħolqien ta' sħubijiet bejn il-gvern u l-privat li joperaw f'oqsma bħal ma huma l-innovazzjoni, l-enerġiji li jiġġeddu, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka, it-teknoloġiji ta' l-informatika, it-telekomunikazzjoni, u n-netwerks tat-trasport;
19. Jilqa' l-fatt li l-istimi magħmula mill-Istati Membri għall-2007 u għall-2008 inkorporaw iż-0.5% tat-tnaqqis tad-defiċit tal-GDP previst mill-SGP rivedut; jaqsam mal-Kummissjoni t-tħassib tagħha li l-aġġustament strutturali annwali medju għall-2006 ma jilħaqx dik il-mira; huwa konvint li minħabba l-prospetti ekonomiċi tajba hemm skop għal aġġustament strutturali li jaqbeż sew iż-0.5% rakomandat fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri;
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jevitaw stimi baġitarji mhux sostanzjati u sabiex jibqgħu lura minn miżuri ta' darba biss u mill-kontabilità kreattiva; jagħti parir lill-Kunsill sabiex jassigura li l-Istati Membri iqisu d-dejn pubbliku ġdid jew anti-kostituzzjonali jew illegali sa l-2015, b'hekk jużaw l-aħjar prattiki ta' ċerti Stati Membri u reġjuni fl-Unjoni Ewropea; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprepara studju dwar l-aħjar prattiki li jikkonċernaw il-governanza statistika ta' rappurtaġġ ta' dejta fiskali u ż-żamma tal-kotba ta' l-assi u r-responsabilitajiet pubbliċi fl-Istati Membri;
21. Jirrakkomanda li jiġi esplorat jekk għandux jiġi stipulat kalendarju uniformi għal proċeduri baġitarji madwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-ippjanar baġitarju jiġi estiż lil hinn mill-perjodu attwali ta' sena; huwa tal-fehma li l-ippjanar ta' l-Istati Membri għandu jkun ibbażat fuq suppożizzjonijiet uniformi rigward il-parametri ekonomiċi prinċipali li għandhom jiġu evalwati u stabbiliti b'mod uniformi madwar l-Unjoni Ewropea;
22. Iwissi lill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw statistiċi li huma ta' standard għoli lill-Kummissjoni sabiex jassiguraw li d-defiċit u d-dejn pubbliku jistgħu jitqabblu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkontrolla b'mod qawwi l-kwalità ta' l-istatistiċi rrappurtati mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu kull pass meħtieġ, inklużi miżuri penali, sabiex tassigura li l-Istati Membri jipprovdu statistiċi ta' kwalità għolja, ta' min joqgħod fuqhom, uniformi u komparabbli, filwaqt li jinkorporaw ir-responsabilitajiet preżenti u futuri kollha (bħal ma huma l-pensjonijet u l-kura tas-saħħa); jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittemm ix-xogħol tagħha bil-ħeffa;
23. Jaqbel mal-Kummissjoni li istituzzjonijiet indipendenti u regoli speċifiċi rigward il-bilanċ baġitarju għandhom influenza pożittiva ħafna fuq l-għanijiet fuq perjodu medju ta' żmien u fuq is-stabilità fuq żmien twil tal-finanzi pubbliċi bbilanċjati;
24. Jinnota li fir-rapport ta' konverġenza l-aktar riċenti f'Diċembru 2006 l-Kummissjoni tqis li l-maġġoranza ta' l-Istati Membri li ġew evalwati għamlu progress, iżda tqis li fil-preżent l-ebda wieħed ma jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji kollha biex jadotta l-euro;
25. Ifakkar li l-kriterji ta' Maastricht, li fuqhom il-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tagħha, għandhom jiġu applikati b'mod ugwali, jiġifieri mingħajr ma wieħed la jagħmilha iktar diffiċli għall-Istati Membri biex jidħlu fiz-zona euro, u lanqas ma jinterpreta l-kriterji b'mod klementi;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-vantaġġi li jiġu stabbiliti korpi nazzjonali indipendenti biex jieħdu ħsieb li jiddeterminaw il-livell annwali ta' żbilanċ b'mod konsistenti ma' l-objettiv ta' perjodu ta' żmien medju ta' baġit bilanċjat;
27. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex itejbu l-governanza ta' l-istatistika ta' rappurtaġġ ta' dejta fiskali permezz ta' rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar standards għall-UE kollha li jikkonċernaw istituti ta' l-istatistika, inklużi prinċipji dwar l-indipendenza professjonali, il-kunfidenzjalità, l-affidabilità, il-puntwalità tad-dejta, u l-adegwatezza tar-riżorsi ta' l-istituti ta' l-istatistika u drittijiet ta' monitoraġġ aħjar għall-Kummissjoni;
28. Iqis li hemm lok għal titjib fil-kontabilità ta' l-assi pubbliċi u ta' l-obbligi impliċiti sabiex jiżdiedu t-trasparenza u t-tqabbil u sabiex tiġi provduta bażi iżjed soda għat-teħid ta' deċiżjonijiet; iqis li l-Kummissjoni għandha tniedi inizjattiva f'dan il-qasam;
29. Jiddeplora n-nuqqas ta' koordinazzjoni politika fiz-zona ta' l-euro u jiġbed l-attenzjoni dwar id-diverġenza fil-politiki fiskali ta' l-Istati Membri fiz-zona ta' l-euro u huwa mħasseb dwar l-effetti antagonistiki possibbli ta' nuqqas ta' koordinazzjoni bħal dan; iħeġġeġ iżjed riċerka dwar tipi differenti ta' u miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' riformi strutturali u makroekonomiċi u dwar l-interazzjoni u l-impatt reċiproku waqt fażijiet differenti taċ-ċiklu ekonomiku sabiex jiġi identifikat l-aħjar mezz possibbli biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi waqt li fl-istess ħin tintlaħaq l-Istrateġija ta' Liżbona;
o
o o
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5.
- [2] Testi Adottati, P6_TA(2006)0240.
- [3] Testi Adottati, P6_TA(2006)0485.
NOTA SPJEGATTIVA
Dan it-Trattat jagħmilha ċar li żviluppi fil-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri ta' l-UE għandhom ikunu kkontrollati mill-qrib fuq livell ta' l-UE, minħabba l-fatt li, fost affarijiet oħra, finanzi pubbliċi vijabbli fuq żmien twil huma prekundizzjoni għat-tkabbir sostenibbli, għall-ħolqien ta' l-impjiegi u għall-istabilità makroekonomika. Barra minn hekk, finanzi pubbliċi sostenibbli huma kruċjali għall-kredibilità tal-munita komuni u għalhekk huma kwistjoni ta' interess komuni għall-Istati Membri kollha ta' l-UE. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiddefinixxu r-rekwiżiti għal finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli ġew irfinuti minn numru ta' regolamenti tal-Kunsill. Id-dokumenti ewlenin f'dan ir-rigward jinkludu, inter alia, il-Patt ta' Stabiltà u ta' Tkabbir ("Stability and Growth Pact" SGP), b'regolamenti sussegwenti li jemendaw id-dispożizzjonijiet ta' l-SGP, dikjarazzjonijiet solenni mill-Istati Membri sabiex iżommu mar-rapporti tal-Patt u tal-Kummissjoni b'evalwazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri individwali. Il-Parlament Ewropew jevalwa dawn id-dokumenti fl-isfond taż-żviluppi makroekonomiċi u baġitarji fl-Istati Membri, u jadotta r-rapport annwali tiegħu stess dwar il-finanzi pubbliċi fl-UE.
Ir-rapporteur jixtieq ifakkar li l-għan ewlieni tar-reviżjoni ta' l-SGP hu li titjieb il-prestazzjoni ta' l-Istati Membri sabiex jiġu evitati defiċits eċċessivi u b'hekk jgħin li tiġi assigurata s-stabilità sostenibbli bilanċjata tal-finanzi pubbliċi fuq perjodu ta' żmien medju sa perjodu ta' żmien twil, speċjalment fid-dawl ta' l-isfidi demografiċi li ġejjin.
Is-sejbiet tar-rapporteur huma simili għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Patt ta' Stabiltà u ta' Tkabbir rivedut qed jaħdem. Ġie msaħħaħ u l-irwol kruċjali tiegħu fil-koordinazzjoni tal-politiki ta' l-ekonomija u l-istabilità makroekonomika ġie enfasizzat.
Madankollu, ir-rapporteur huwa konxju li d-dikjarazzjoni tiegħu hija bbażata fuq sena biss esperjenza bil-patt rivedut . Din kienet sena ta' żvilupp ekonomiku pożittiv li rat impatt favorevoli fuq il-prestazzjoni fiskali ta' l-Istati Membri. Il-veru "stress-test" ta' l-SGP rivedut se jsir fis-snin li ġejjin - meta l-Kunsill u l-Kummissjoni jkollhom jassiguraw li l-Istati Membri fil-fatt jimplimentaw il-linji gwida kif miftehma fil-Kunsill. Huwa ċar li dan jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq ir-rieda tajba ta' l-Istati Membri, u jkun interessanti li wieħed josserva jekk fis-snin li ġejjin l-Istati Membri fil-fatt isegwux jew le l-miriet li huma stipulaw lilhom infushom, inkluż l-skansar ta' miżuri pro-ċiklikali.
F'dan il-kuntest ir-rapporteur jisħaq li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin:
- L-Istati Membri għandhom jikkonsolidaw il-baġits tagħhom fi żmienijiet tajba - jiġifieri fil-perjodu ta' tkabbir ekonomiku. Huwa neċessità li konsegwentament jintuża t-titjieb ekonomiku, inkluż id-dħul mit-taxxi mtejjeb, biex jitnaqqas sostanzjalment id-dejn pubbliku, biex jkun evitat li jinħolqu żbilanċi eċċessivi u biex ikun bħala mira baġit li jkollu bilanċ bis-"surplus". Dan jista' jsir mingħajr ma jkun affettwat is-servizz provdut mis-settur pubbliku u għandu jsostni l-istabilità ta' l-Euro filwaqt li joħloq ukoll kundizzjonijiet li jwasslu għat-tkabbir ekonomiku u l-ġenerazzjoni ta' l-impjieg. Bħalissa, tlieta biss mill-Istati Membri Ewropej juru baġit bis-surplus.
- Riformi strutturali għandhom jitkomplew u jkunu implimentati b'mod vigoruż. Riformi fuq is-suq tax-xogħol, aktar ftuħ tas-suq għas-servizzi, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni (inkluż tnaqqis sostanzjali tat-tariffi tar-"roaming") u kundizzjonijet imtejba għall-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp, jistgħu jiftħu l-potenzjal biex jistimula t-tkabbir u jwassal għal domanda akbar u bħala konsegwenza għal aktar impjieg.
- L-isfida ta' l-impatt li popolazzjoni li qed tixjieħ ikollha fuq il-baġit mhix indirizzata biżżejjed minn ebda mill-Istati Membri minkejja l-fatt li għandha l-impatt l-aktar sinifikanti fuq il-ġid futur taċ-ċittadini ta' l-UE. L-iżviluppi l-aktar riċenti jikkonfermaw li politika fiskali ta' konsegwenza tista' trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-impieg. Bħala kosekwenza ta' dan l-Istati Membri għandhom jistipulaw bħala rekwiżit kostituzzjonali jew legali li jkollhom baġit li m'hux f'defiċit. Dan huwa fundamentali għall-kontroll ta' l-isfidi futuri ta' l-infiq għoli marbut ma' l-età fl-Ewropa.
Barra minn hekk, ir-riforma ta' l-SGP introduċiet kunċetti, definizzjonijiet u prinċipji ġodda fil-funzjoni preventiva ta' l-SGP. Sabiex tiġi assigurata applikazzjoni konsistenti tar-regoli ġiet kjarifikata l-metodoloġija użata biex tistipula l-objettivi baġitarji fuq perjodu medju ta' żmien speċifiċi għall-pajjiż u, b'mod parallel, il-Kummissjoni bdiet xogħol fuq kif fil-futur responsabbiltajiet impliċiti jistgħu jitqiesu b'konnessjoni mad-determinazzjoni tagħhom. Ġew kjarifikati wkoll numru ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-definizzjoni tat-triq ta' aġġustament sabiex jintlaħqu l-objettivi baġitarji fuq terminu medju ta' żmien, inkluż il-kundizzjonijiet biex jitqiesu r-riformi strutturali fil-funzjoni preventiva ta' l-SGP.
L-evalwazzjoni tal-Kummissarju dwar it-tħaddim tal-funzjoni preventiva ta' l-SGP hija mħallta. Mil-lat pożittiv, l-objettivi baġitarji fuq perjodu medju ta' żmien differenzjati (MTO) li jirriflettu l-prinċipji bażiċi ekonomiċi speċifiċi għal kull pajjiż kienu stipulati fil-kuntest tal-Programmi aġġornati ta' Stabilità u Konverġenza ta' l-2005. Barra minn hekk, l-Istati Membri laħqu l-livell ta' l-impenn tagħhom biex jibbażaw l-istimi baġitarji tagħhom fuq suppożizzjonijiet makro-ekonomiċi realistiċi, u huwa ċar li naqas ir-rikors għal miżuri ta' darba biss. L-evalwazzjoni tal-Programmi aġġornati ta' Stabilità u Konverġenza ta' l-2005 wkoll indikat xi devjazzjonijiet mill-prinċipji miftiehma. Ta' min jinnota li, l-aġġustament strutturali fiskali maħsub għall-2006 mill-Istati Membri li għadhom ma ssodisfawx l-MTO tagħhom huwa inqas miż-0.5 fil mija tal-marka ta' kejl ('benchmark') miftehma fi żmien ir-riforma. Dan jagħti evidenza li l-ambjent ekonomiku konġenjali mhux qed jiġi sfruttat b'mod li jasal għall-MTO. Barra minn hekk, f'xi Stati Membri, l-aġġustament maħsub huwa magħmul b'lura u mhux b'konformità ma' miżuri konkreti. Hemm il-ħtieġa li l-Istati Membri jkomplu jtejbu l-isforzi tagħhom.
Fuq kollox, l-esperjenza ma' l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv hija waħda pożittiva. Ġie applikat b'mod notevoli aktar lok għall-ġudizzju sabiex jistipula skadenzi realistiċi sa meta l-Istati Membri jirranġaw id-defiċits eċċessivi tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat li jsiru sforzi fiskali sinifikanti. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma "fatturi rilevanti oħra" fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv ikkonfermat li l-SGP jibqa' qafas ibbażat fuq ir-regoli: mir-riforma, id-defiċits kollha li jkunu f'eċċess ta' 3% tal-GDP kienu meqjusa bħala eċċessivi. Madankollu, ir-rapporteur huwa mħasseb dwar il-pass bil-mod tat-tnaqqis tad-dejn pubbliku f'xi Stati Membri. Huwa kontra proċeduri ta' defiċit inkonklussivi u li jibqgħu għaddejjin għal dejjem u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaġixxu bil-ħeffa u b'mod deċisiv. Fl-aħħar nett, ir-riforma ta' l-SGP qanqlet politika ta' djalogu kostruttiva u trasparenti dwar il-każijiet ta' pajjiżi individwali fuq livell ta' UE, li taw sehmhom għal ħidma bla ostakli u effiċenti ta' l-SGP.
PROĊEDURA
Titolu |
dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006 |
|||||||||||
Numru tal-proċedura |
||||||||||||
Kumitat responsabbli |
ECON |
|||||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
BUDG |
|
|
|
|
|||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
BUDG |
|
|
|
|
|||||||
Koperazzjoni iktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
|||||||
Rapporteur(s) |
Kurt Joachim Lauk |
|
||||||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
||||||||||
Eżaminazzjoni fil-kumitat |
23.1.2007 |
30.1.2007 |
20.3.2007 |
|
|
|||||||
Data ta' l-adozzjoni |
21.3.2007 |
|||||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ - 0 |
33 2 0 |
||||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Ieke van den Burg, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Sophia in 't Veld, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Guntars Krasts, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Cristobal Montoro Romero, Joseph Muscat, Lapo Pistelli, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Manuel António dos Santos, Olle Schmidt, Lydia Shouleva, Margarita Starkevičiūtė, Sahra Wagenknecht |
|||||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Harald Ettl, Werner Langen, Andreas Schwab, Lars Wohlin |
|||||||||||
Sostituti(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
|||||||||||
Data tat-tressiq |
26.3.2007 |
|||||||||||
Kummenti |
|
|||||||||||