RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-addattament tad-dispożizzjonijiet rigward il-Qorti tal-Ġustizzja fl-oqsma koperti mit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

27.3.2007 - (COM(2006)0346 – C6-0304/2006 – 2006/0808(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: József Szájer

Proċedura : 2006/0808(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0082/2007
Testi mressqa :
A6-0082/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-addattament tad-dispożizzjonijiet rigward il-Qorti tal-Ġustizzja fl-oqsma koperti mit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

(COM(2006)0346 – C6-0304/2006 – 2006/0808(CNS))

(Proċedura ta’ konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, annessa mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2006)0346 - C6-0304/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 67(2), it-tieni inċiż, tat-Trattat KE, skond liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta l-Parlament,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0046/2007),

1.  Japprova l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob il-ftuħ tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni skond id-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ l-4 ta’ Marzu 1975 jekk il-Kunsill ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa’ jikkonsulta l-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-abbozz ta' deċiżjoni b’mod sostanzjali;

5.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jgħaġġel l-attivazzjoni tal-klawżoli "passarelle" sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-Titolu IV tat-Trattat, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni li diġa stieden lill-Kunsill sabiex ineħħi dawn ir-restrizzjonijiet fuq is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Analiżi

Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura ta' deċiżjoni preliminari hija "essenzjali għall-preservazzjoni tal-karattru tal-liġi Komunitarja stabbilita mit-Trattat u għadha l-għan li tiżgura li f'kull ċirkostanza din il-liġi tkun ugwali fl-Istati kollha tal-Komunità".1

Billi l-Artikolu 234 jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja u dwar il-validità ta' azzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Artikolu 68(1) inaqqas il-possibilità li jsiru riferenzi għal deċizjonijiet preliminari dwar il-miżuri bbażati fuq it-Titolu IV tat-Trattat KE (Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment ħieles tal-persuni) lill-Qrati u lit-Tribunali "li fil-liġi nazzjonali m'hemmx rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet tagħhom". Barra minn hekk, l-Artikolu 68(2) jistipula li l-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kwalunkwe miżura jew deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 62(1) relatata maż-żamma tal-liġi u ta' l-ordni u għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, dispożizzjoni riflessa fil-kuntest ta' l-acquis tax-Schengen permezz ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll li jintegra dak l-acquis fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar, l-Artikolu 68(3) jipprovdi għal speċi ta' proċedura ta' deċiżjoni preliminari li ssir, mhux mill-Qrati nazzjonali, imma mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru fuq kwistjoni ta' interpretazzjoni tat-Titolu IV jew ta' azzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet ibbażati fuq dan it-titolu.

Mill-perspettiva tal-kompetenza f'oqsma ta' koperazzjoni ġuridika f'affarijiet ċivili tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, u partikularment fil-liġi internazzjonali privata, huwa notevoli li l-"komunitarizzazzjoni" tal-konvenzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fl-oqsma ċivili u kummerċjali u fil-qasam matrimonjali permezz tar-Regolamenti Numru 44/2001 u 1347/2000 fissru pass lura meta mqabbla mal-protokolli ta' qabel ta' dawk il-konvenzjonijiet, li taw il-ġuriżdizzjoni li jintalbu deċiżjonijiet preliminari anki lill-Qrati ta' l-Appell u mhux biss lill-Qrati ta' l-aħħar istanza[1].

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 67(2)[2] jintuża sabiex l-Artikolu 68 isir bla effett. Tiproponi wkoll li l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll li jintegra s-Schengen acquis għandu jieqaf japplika.

Bħala riżultat, il-Qorti tista' tapplika r-regoli standard ta' l-Artikolu 234 mingħajr restrizzjoni għat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari minn Qrati ta' l-aħħar istanza biss.

Il-proposta għandha:

· tiżgura applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja f'dan il-qasam ukoll;

· trendi possibbli t-tisħiħ tal-protezzjoni ġudizzjarja f'oqsma li huma partikularment sensittivi f'termini ta' drittijiet ta' bniedem;

· tagħti rimedju għall-pass rigressiv fil-protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili kopert mill-Artikolu 65 bħala riżultat tat-Trattat ta' Amsterdam;

· tippermetti lis-sistema ġuridika tal-Komunità li tiffunzjona b'mod normali f'dan il-qasam.

B'mod aktar speċifiku, il-proposta għandha twassal għal interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-KE - għalhekk għal sistema ta' protezzjoni ġudizzjarja uniformi - fil-qasam kopert mit-Titolu IV.

Għal darba oħra, l-applikazzjoni tad-deċiżjoni preliminari għat-Titolu IV għandu jsaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni kkonċernati. Attwalment, persuni li jaħsbu li d-drittijiet fundamentali tagħhom ġew miksura minn att Komunitarju magħmul taħt dak it-Titolu jistgħu jirreferu l-kwistjoni għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk ma jkollhomx aktar rimedji nazzjonali fis-sens li jkollhom jieħdu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti għal appell finali. L-ispiża sabiex isir dan tista' taqta' qalb il-persuna offiża, u dan jista' jkun ta' dannu għall-ġustizzja. Il-kompatibilità tal-pożizzjoni preżenti ma' l-obbligi ta' l-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija diskutibbli. Jekk il-proposta tiġi aċċettata, anki l-Qrati nazzjonali tal-prim istanza jkunu jistgħu jirreferu punt għal deċiżjoni preliminari.

Għandu jkun innutat li l-Kummissjoni enfasizzat li r-riferenzi addizjonali li rriżultaw għal deċiżjonijiet preliminari f'dan il-qasam mhux se jżidu t-tagħbija ta' xogħol tal-Qorti b'mod mhux raġjonevoli jekk titpoġġa l-affidibilità fuq l-effiċjenza tal-mezzi ta' organizzazzjoni interna li ġew adottati u l-possibilitajiet il-ġodda maħluqa mit-Trattat ta' Nizza, bħall-proċedura mgħaġġla.[3]

L-aktar ħaġa importanti hija li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi l-ħolqien ta' tip ta' proċedura ġdida - il-proċedura ta' deċiżjoni preliminari b'urġenza - li għandha tippermetti li każ ikun trattat f'anqas ħin milli dak neċessarju għall-proċedura mgħaġġla. Taħt dik il-proċedura, il-każijiet li jeħtieġu li jkunu trattati partikolarment malajr, jingħataw lil Kamra speċjali li ssegwi proċedura simplifikata, possibilment kontro-bilanċata mill-opportunità ta' eżami mill-ġdid.

Konklużjonijiet

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-proposta tal-Kummissjoni għandha tkun imfaħħra u għandha tittenna t-talba tal-Parlament lill-Kunsill sabiex ineħħi r-restrizzjonijiet fuq is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kuntest tat-Titolu IV tat-TKE. Ta' bilħaqq, il-Parlament diġà stieden lill-Kunsill sabiex "jadotta b'urġenza, sabiex jikkonforma ma' l-opinjoni tal-Parlament, l-abbozz ta' deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 67(2) TKE fir-rigward tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-Titolu IV tat-TKE u jagħmel kollox sabiex iħaffef l-immaniġġjar tad-deċiżjonijiet preliminari"[4].

Ir-rapporteur tiegħek jikkunsidra li l-attivazzjoni tal-"passerelle" stipulata fl-Artikolu 67 hija neċessarja sabiex in-nuqqas demokratiku li għadu jikkaratterizza z-zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jkun irranġat u jitwessa' l-ambitu tal-protezzjoni ġudizzjali fl-oqsma sensittivi koperti mit-Titolu IV tat-Trattat KE bħala reazzjoni għat-tkabbir tal-poter ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji.

  • [1]  Ara Lenaerts, Arts, Maselis, Bray (ed.), Procedural Law of the European Union, Sweet & Maxwell, Londra, 2006, f'22-001.
  • [2]  Artikolu 67:
    1. 1. Waqt perjodu transizzjonali ta' ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, il-Kunsill għandu jieħu azzjoni simultanjament fuq proposta tal-Kummissjoni jew fuq l-inizzjattiva ta' Stat Membru u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.
    2. Wara dan il-perjodu ta' ħames snin:
    - il-Kunsill għandu jieħu azzjoni fuq proposti mill-Kummissjoni; il-Kummisjsoni għandha teżamina kwalunkwe talba magħmula minn Stat Membru sabiex tressaq proposta lill-Kunsill,
    - il-Kunsill, unanimament u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jieħdu deċiżjoni bil-għan li z-zona jew partijiet miz-zona fl-ambitu ta' dan it-Titolu jkunu mmexxija mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 u jadatta d-dispożizzjonijet relatati mas-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja. ....
  • [3]  Taħt il-proċedura mgħaġġla għal deċiżjonijiet preliminari, il-President ta' l-ECJ jista' jiddeċiedi, b'mod eċċezzjonali, fuq talba tal-Qorti nazzjonali dwar proposta minn Imħallef-Rapporteur u wara li jisma' l-Avukat Ġenerali, li japplika proċedura mgħaġġla fejn iċ-ċirkostanzi li għalihom issir riferenza sabiex ikun stabbilit li deċiżjoni fuq il-kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti hija ta' natura urġenti b'mod eċċezzjonali. Il-Presient jiffissa immedjatament id-data għas-smigħ, li tiġi notifikata lil kull parteċipant possibbli, li jista' jippreżenta rikors dwar il-każ jew nota ta' osservazzjonijiet f'mhux anqas minn 15-il jum.
  • [4]  Ara P6_TA-PROV(2006)0525, awtur Cavada

PROĊEDURA

Titolu

Adattament tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat KE dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Referenzi

COM(2006)0346 - C6-0304/2006 - 2006/0808(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

20.9.2006

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

28.9.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

28.9.2006

 

 

 

Opinjoni mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

LIBE

19.12.2006

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

József Szájer

2.10.2006

 

 

Eżami fil-kumitat

27.2.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

20.3.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-vot finali

Marek Aleksander Czarnecki, Cristian Dumitrescu, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio Masip Hidalgo, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Mogens N.J. Camre, Nicole Fontaine, Janelly Fourtou, Jean-Paul Gauzès, Eva Lichtenberger, Arlene McCarthy, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Michel Rocard, Gabriele Stauner, József Szájer, Jacques Toubon

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Toine Manders

Data tat-tressiq

27.3.2007