RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd

28.3.2007 - (COM(2006)0587 – C6‑0402/2006 – 2006/0190(CNS)) - *

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Ioannis Gklavakis

Proċedura : 2006/0190(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0085/2007
Testi mressqa :
A6-0085/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd

(COM(2006)0587 – C6‑0402/2006 – 2006/0190(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2006)0587)[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0402/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6‑0085/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tbiddel il-proposta f'dan is-sens, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament ;

4.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-KummissjoniEmendi tal-Parlament

Emenda 1

ARTIKOLU 1, PUNT 1
Artikolu 11, paragrafu 6, inċiżi 1 u 2 (Regolament (KE) Nru 2371/2002)

- 4 % tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta' Jannar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2006 għall-Istati Membri li kienu parti mil-Komunità fl-1 ta' Jannar 2003, u 4 % tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-31 ta' Diċembru 2006 għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Komunità fl-1 ta' Mejju 2004, u,

- 10 % tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta' Jannar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2006 għall-Istati Membri li kienu parti mil-Komunità fl-1 ta' Jannar 2003, u 10 % tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-31 ta' Diċembru 2006 għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Komunità fl-1 ta' Mejju 2004, u,

- 4 % tat-tunnellaġġ irtirat mill-flotta bl-għajnuna pubblika mill-1 ta' Jannar 2007.

- 10 % tat-tunnellaġġ irtirat mill-flotta bl-għajnuna pubblika mill-1 ta' Jannar 2007.

Ġustifikazzjoni

L-allokazzjoni mill-ġdid proposta ta' 4% tat-tunnellaġġ maqbud bl-għajnuna pubblika hija baxxa wisq meta mqabbla mal-flotta tas-sajd kostali kollha u mhijiex biżżejjed sabiex itejjeb is-sikurezza, l-iġene, l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-prodotti abbord.

Emenda 2

ARTIKOLU 1, PUNT 2
Artikolu 13, paragrafu 1, punt (c), sotto-paragrafi 1a u 1b (ġdid) (Regolament (KE) Nru 2371/2002)

 

Minkejja dan, dan it-tnaqqis fl-enerġija, m’għandu taħt l-ebda ċirkustanza jnaqqas is-sikurezza l-abitabilità jew l-effiċjenza tas-sistemi ta’ l-ipproċessar tal-ħut tal-vapur,

 

Aktar minn hekk, peress li l-għan tat-tnaqqis hu li tiġi evitata kwanunkwe żieda fil-kapaċità tas-sajd tal-vapur, id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sotto paragrafu m’għandhomx jiġu kkunsidrati fejn il-magna tkun ġiet mibdula biex tiġi ffrankata l-enerġija u/jew biex ittejjeb l-effiċjenza tal-vapur f’oqsma oħra barra l-kapaċita tas-sajd, jew fejn ikun ġie deċiż li jintużaw aktar metodi ta’ sajd selettiv, fir-rigward ta’ l-użu tal-vapur.

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

Proposta tal-Kummissjoni

F'Ġunju 2006, wara l-ftehima politika miksuba fil-Kunsill dwar Fond ġdid Ewropew għas-Sajd, kien deċiż li jiġu mmodifikati żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament ibbażat fuq il-politika riveduta tas-sajd (2371/2002), li japplikaw għall-kapaċità tal-flotta tas-sajd. L-iskop ta' dawn il-modifikazzjonijiet jippermetti l-adattazzjonijiet tal-flotta bil-għan li din itejjeb is-sigurtà, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iġene u l-kwalità tal-prodotti abbord kif ukoll l-effiċjenza ta' l-enerġija.

B'mod konkret qed jiġi propost li jkunu mmodifikati żewġ Artikoli tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) nru 2371/2002: l-Artikolu 11, relatat ma' l-adattazzjoni tal-kapaċità tas-sajd, u l-Artikolu 13, dwar l-iskema tad-dħul/ħruġ u t-tnaqqis globali tal-kapaċità.

a) L-Artikolu 11 ġdid joffri l-possibilità li jkun utilizzat 4% mit-tunnellaġġ maqbud jew mit-tunnellaġġ li jkun għadu jrid jinqabad bl-għajnuna tal-pubbliku bil-għan li jipprovdi xogħlijiet ta' mmodernizzar tad-dgħajjes tas-sajd, fil-kuntest tal-bżonnijiet fl-oqsma tas-sigurtà u l-iġene kif ukoll għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda abbord.

b) Bl-iskop li tkun segwita l-politika attwali fil-qasam tat-tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd, l-Artikolu 13 ġdid se jżid dispożizzjoni li permezz tagħha, id-dispożizzjoni relatata mat-tnaqqis tas-saħħa tal-mutur u marbuta mas-sostituzzjoni tal-mutur bl-għajnuna tal-pubbliku ma tistax terġa' tiġi introdottta mill-ġdid.

Il-Kummenti tar-'rapporteur'

Ir-rapporteur jilqa’ b’sodisfazzjon l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-regolament baċiku dwar il-politika komuni tas-sajd fir-rigward tal-maniġment tal-kapaċità tal-flotta. L-emendi ser jagħtu lill-Istati Membri l-possibilità għal żieda limitata fil-kapaċità tal-flotta tagħhom bl-iskop li jittejbu s-sikurezza, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-iġene u l-kwalità tal-prodott abbord, kif ukoll l-effiċjenza ta’ l-enerġija.

Ir-'rapporteur' tagħkom iqis li l-modifikazzjoni li se ssir għal Artikolu 11, tqis li l-possibilitajiet li jiġu użati 4% tat-tunnellaġġ maqbud jew mit-tunnellaġġ li għad irid jinqabad bl-għajnuna tal-pubbliku huma ċari u pożittivi. L-iskop hu li jiġu provduti xogħlijiet ta' mmodernizzar tad-dgħajjes tas-sajd għal raġunijiet ta' sigurtà u iġene.

Ir-'rapporteur' tagħkom huwa ta' l-opinjoni li dan il-persentaġġ għandu jkun miftiehem minn qabel għad-dgħajjes iż-żgħar tas-sajd ta' mal-kosta, jiġifieri għad-dgħajjes li huma twal inqas minn 12 -il metru, f'din il-konsiderazzjoni doppja li s-settur ikkonċernat sofra ħafna mill-modifikazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tas-sajd u li l-vijabilità tiegħu mhix ċerta.

Ir-'rapporteur' tagħkom madanakollu huwa ta' l-opinjoni li l-possibilità li jerġa jiġi attribwit 4% tat-tunnellaġġ maqbud bl-għajnuna tal-pubbliku mhux se jwassal għal għajnuna reali għas-settur ikkonċernat għax hu jirrapreżenta aktar minn 80% tal-flotta tas-sajd. Għalhekk, għandu jkun hemm persentaġġ iktar baxx, li jinqasam fuq numru ħafna ikbar ta' dgħajjes.

Skond il-fajl tal-flotta tas-sajd tal-Komunità, 132 000 TB inqabbdu bl-għajnuna tal-pubbliku fl-2003, l-2004 u l-2005. Biex wieħed ikun aktar preċiż, 112 000 TB inqabbdu mill-Istati Membri l-antiki (6,27%) u wara Mejju 2004, 20 000 TB oħra nqabbdu mill-Istati Membri l-oħra (18,48%). 4% ta' dan il-persentaġġ hija ċifra baxxa ħafna meta wieħed iqis li din se titqassam fuq il-flotot tas-sajd ta' l-Istati Membri. Għal dawk l-Istati Membri li ftehmu dwar il-prijorità ta' l-immodernizzar tal-flotta tas-sajd ta' madwar il-kosta, din il-possibilità hija negliġibbli. Hawnhekk ta' min wieħed jinnota li t-tnaqqis tat-tunnellaġġ inkiseb prinċiparjament grazzi għall-iskemi ta' twaqqif definittiv ta' l-attivitajiet tas-sajd.

Ir-'rapporteur' tagħkom huwa ta' l-opinjoni li wara li l-modifikazzjoni konkreta ma kabbritx il-kapaċità tas-sajd tad-dgħajjes, żieda kkalkulata tal-persentaġġ propost - 10% tat-tunnellaġġ globali maqbud bl-għajnuna tal-pubbliku - tista' ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iġene abbord. Iktar importanti: dan itejjeb il-kompetittività tas-sajd madwar il-kosta, liema kompetittività għandha riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi importanti fuq il-popolazzjonijiet ta' madwar il-kosta.

Il-proposta tar-'rapporteur' tagħkom ma tinkludix spejjeż amministrattivi jew finanzjarji, iżda taqa' fil-kuntest ta' l-ispirtu tal-ftehima politika. Barra minn hekk, wieħed jista' jgħid li l-applikazzjoni tar-regoli ġodda ta' l-amministrazzjoni tal-flotta hija assigurata permezz tar-riżorsi umani u baġitarji eżistenti.

Rigward l-emenda għall-Artikolu 13(1)(c), qed tiġi introdotta dispożizzjoni ġdida skond liema dispożizzjoni, it-tnaqqis fis-saħħa tal-magna wara li din tiġi sostitwita bl-għajnuna tal-pubbliku ma tistax terġa tiġi introdotta. Id-dispożizzjoni l-ġdida kienet miżjuda sabiex tagħmel ir-Regolament il-ġdid kompatibbli ma' l-objettiv tat-tnaqqis tal-kapaċità tal-flotta tas-sajd, kif stabbilit ukoll fil-Fond Ewropew għas-Sajd.

B'mod konkret, hija tagħmel riferenza għall-Artikolu 25, paragrafu 3 tar-Regolament KE nru 1198/2006, skond it-termini ta' liema hemm offruta l-possibilità, wara l-1 ta' Jannar 2003 li jinbidlu l-muturi tad-dgħajjes tas-sajd permezz ta' għajnuna finanzjarja skond it-tip ta' dgħajsa: jekk id-dgħajjes li jintużaw għal sajd żgħir madwar il-kosta jiġifieri, jekk it-tul tagħhom ma jkunx ikbar minn 12 -il metru, il-mutur il-ġdid għandu jkollu l-istess saħħa daqs l-antik, filwaqt li għal dgħajjes ikbar, hemm previst tnaqqis ta' 20% fis-saħħa tal-muturi ġodda.

Ir-'rapporteur' tagħkom jgħid li huwa sodisfatt li dawk interessati jistgħu jibdlu l-muturi tad-dgħajjes tagħhom bl-għajnuna pubblika. Huwa madanakollu ta' l-opinjoni li marbut mat-tibdil tal-muturi tad-dgħajjes li huma itwal minn 12 -il metru, it-tnaqqis obbligatorju ta' 20% mis-saħħa tal-muturi huwa suxxettibbli għal riperkussjonijiet fuq is-sigurtà tad-dgħajsa u l-ekwipaġġ. Barra minn hekk, ċertu metodi tas-sajd huma tat-tip li saru prattikament impossibbli, u li se jkollhom konsegwenzi soċjali u ekonomiċi.

Ir-'rapporteur' tagħkom jaffirma li l-politika komuni għas-sajd adottat miżuri maħsuba sabiex inaqqsu l-kapaċità ta' sajd żejjed (over fishing). Dan huma ppruvat mir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità. Fl-2003, 2004 u 2005, inqabbdu 427 000 kW bl-għajnuna tal-pubbliku. Il-biċċa l-kbira tal-kapaċità tas-sajd irtirata – 373 000 kW – ġejja mill-Istati Membri ta’ l-UE-15. Il-kapaċità tas-sajd irtirata mill-Istati Membri ġodda permezz ta’ għajnuna pubblika mit-2 ta’ Mejju 2004 ’l hawn kienet ta’ 54 000 kW.

Ir-'rapporteur' tagħkom jaqbel mal-Kummissjoni li l-kapaċità tal-flotta tas-sajd għandha tibqa' fl-livelli għoljin meta mqabbla ma' l-istokks tal-ħut. Huwa jinsisti madanakollu li t-tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd, ma ssirx jekk hija ta' detriment għas-sigurtà tad-dgħajjes u ta' l-ekwipaġġ. L-għajnuniet tal-komunità għandhom ikunu adattati għal bżonnijiet li qed jiżviluppaw fis-settur tas-sajd u għandhom jiżguraw l-esplojtazzjoni sostenibbli ta' l-istokks tal-ħut kif ukoll il-konservazzjoni għal tul ta' żmien ta' l-attivitajiet tas-sajd.

KONKLUŻJONI

Ir-'rapporteur' jilqa' l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni li tipprovdi possibilitajiet - għalkemm limitati - għall-immodernizzar ta' dgħajjes tas-sajd fil-kuntest tar-rekwiżiti relatati mas-sikurezza, iġene u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord. Huwa, madanakollu ta' l-opinjoni li l-persentaġġ għandu jkun rivedut sabiex ikun jista' joffri lill-flotta tas-sajd tal-kosta possibilitajiet konkreti għall-immodernizzar. Rigward l-emenda għall-Artikolu 13, huwa jirrifjuta t-tnaqqis obbligatorju ta' 20% mis-saħħa tad-dgħajjes li huma itwal minn 12 -il metru minħabba li dan jipperikola is-sikurezza tad-dgħajjes u l-ekwipaġġi, filwaqt li jrendi ċertu metodi tas-sajd kważi impossibbli, b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali għall-industrija.

PROĊEDURA

Titolu

Il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd

Referenzi

COM(2006)0587 - C6-0402/2006 - 2006/0190(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

9.11.2006

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH

29.11.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

29.11.2006

 

 

 

Not delivering opinions

Data tad-deċiżjoni

ENVI

28.11.2006

 

 

 

Rapporteur(s)

Data tal-ħatra

Ioannis Gklavakis

13.12.2006

 

 

Eżami fil-kumitat

25.1.2007

27.2.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

22.3.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alfonso Andria, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Marie-Hélène Aubert, Iles Braghetto, Luis Manuel Capoulas Santos, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Duarte Freitas, Ioannis Gklavakis, Pedro Guerreiro, Ian Hudghton, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Marianne Mikko, Philippe Morillon, Seán Ó Neachtain, Willi Piecyk, Struan Stevenson, Catherine Stihler, Daniel Varela Suanzes-Carpegna

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vincenzo Aita, Ole Christensen, Jan Mulder, Thomas Wise