RAPPORT dwar il-kontribut tal-politika reġjonali tal-ġejjieni għall-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
30.3.2007 - (2006/2104(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Mieczysław Edmund Janowski
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kontribut tal-politika reġjonali tal-ġejjieni għall-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 158, 159 u 160 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni [1] u l-corrigendum tagħhom[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1084/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar ragruppament Ewropew ta’ koperazzjoni territorjali (REKT)[6],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni[7],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)[8],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2013 sa 2013)[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-10 ta’ Marzu 2005 dwar ix-xjenza u t-teknoloġija – Linjigwida għal politika tal-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea li tappoġġja r-riċerka[10],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013’ (COM(2005)0299),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu ‘Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE' (COM(2006)0502),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu ‘Iktar Riċerka u Innovazzjoni – Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Strateġija Komuni’ (COM(2005)0488),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu ‘Il-politika tal-koeżjoni u l-ibliet: il-kontribut ta’ l-ibliet għat-tkabbir u għall-impjiegi fir-reġjuni’ (COM(2006)0385),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘It-tielet rapport dwar il-progress fuq il-koeżjoni: Lejn sħubija ġdida għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni’ COM(2005)0192),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona tat-23 ta’ Marzu 2000,
- wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi Zgħar, approvata fil-Kunsill Ewropew ta’ Feira tad-19-20 ta’ Ġunju 2000,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa bit-titolu ‘Wasal iż-żmien li ningranaw: is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi’ (COM(2006)0030),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa informali f’Lahti fl-20 ta’ Ottubru 2006, bit-titolu ‘Ewropa moderna, miftuħa għall-innovazzjoni’ (COM(2006)0589),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bit-titolu ‘L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija: aktar passi lejn il-ħolqien tiegħu.’ (COM(2006)0276),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu ‘Reġjuni lejn Bidla Ekonomika’ (COM(2006)0675),
– wara li kkunsidra r-rapport lill-Kummissjoni mill-grupp ta' esperti indipendenti dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp, immexxi minn Esko Aho, intitolat 'Noħolqu Ewropa Innovattiva' (Jannar 2006), ir-rapport finali tal-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka (ERAB) intitolat 'Nistimulaw il-potenzjal reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni' (Novembru 2005) u r-rapport tal-Kummissjoni ‘Strateġiji u Azzjonijiet Innovattivi: ir-riżultati ta' 15-il sena esperjenza reġjonali' (Ottubru 2005),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress ta’ l-Innovazzjoni Ewropea għall-2006 (TrendChart),
– wara li kkunsidra l-pożizzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġit (A6‑0096/2007),
A. billi, barra milli tkopri l-approvazzjoni ta’ proġetti u l-immaniġġjar ta’ Fondi Strutturali, il-politika reġjonali għandha rwol fil-bini tal-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-UE, li jinvolvi medda ta’ miżuri komplimentari xjentifiċi u teknoloġiċi, legali u finanzjarji, ekonomiċi u kummerċjali, organizzazzjonali u amministrattivi, ta’ l-enerġija u ambjentali, ta’ l-edukazzjoni u soċjali, u ta’ saħħa u kulturali mmirati biex jiżguraw koeżjoni ġenwina fi ħdan il-Komunità,
B. billi l-investiment minnu nnifsu ma jiġġarantix żvilupp imma jista', meta politiki xierqa jkunu implimentati u miżuri favur it-tkabbir jiġu appoġġjati, isir għodda vitali ta' l-iżvilupp,
C. billi l-bini tal-kapaċità ta' innovazzjoni għandu jservi biex inaqqas id-differenzi bejn reġjuni, u b’hekk jitpoġġa fil-prattika l-prinċipju tas-solidarjetà soċjali u ta’ l-iżvilupp armonjuż,
D. billi ċ-ċittadini għandhom ikunu l-punt li fuqu l-azzjoni ta’ l-innovazzjoni għandha tiffoka; billi l-iżvilupp sħiħ u armonjuż tagħhom huwa l-element ewlieni għall-implimentazzjoni b’suċċess għall-politiki kollha, u billi l-bażi għall-azzjoni kollha min-naħa ta' l-UE għandha tkun il-benesseri ta’ l-abitanti tagħha (definita b'mod wiesa' f'termini ta' kwalità ta' ħajja u ta’ ħajja twila), bħala membri ta' komunitajiet lokali u reġjunali u, fl-istess ħin, ċittadini ta' l-Istati Membri,
E. billi aċċess indaqs għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini u billi taħriġ kontinwu għandu jingħata aktar importanza u l-ħaddiema għandhom jingħataw opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid,
F. billi l-innovazzjoni fi ħdan l-UE għandha tkun mifhuma bħala proċess dinamiku u interattiv li jinvolvi partijiet interessati varji anke, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, partijiet interessati reġjunali u lokali,
G. billi l-innovazzjoni tista’ tfisser ukoll li jerġa' jibda jsir użu minn prattiki tajbin, ippruvati u ttestjati li ilhom jintużaw għal ħafna ġenerazzjonijiet, u billi fi ftit każijiet il-miżuri ta’ innovazzjoni jistgħu jiġu mmirati biss lejn reġjuni speċifiċi,
H. billi wħud mill-miżuri jirrikjedu spiża kbira, filwaqt li oħrajn jitolbu biss ftit ideat u/jew l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni tajba u ċara li trid tkun osservata,
I. billi l-mira ta' l-Istrateġija ta' Liżbona hija li l-UE ssir l-ekonomija l-iktar kompetittiva fid-dinja sa l-2010, li tinkludi ż-żieda fin-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp għal 3% tal-GDP u billi ċentri reġjonali u lokali għandhom ikunu aktar attivi fl-involviment tagħhom fl-implimentazzjoni prattika ta' l-Istrateġija ta' Liżbona,
J. billi minn 60 sa 70% tal-leġiżlazzjoni Komunitarja hija implimentata fuq livell lokali u reġjonali,
K. billi l-Fondi Strutturali għandhom jintużaw b’mod flessibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati aspetti speċifiċi ta’ reġjuni individwali,
L. billi ġew introdotti strumenti varji ta’ ffinanzjar, inklużi l-inizjattivi l-ġodda Jaspers, Jeremy u Jessica, u billi l-azzjoni ta’ l-EIB sservi bħala lieva utli għall-iżvilupp permezz tar-razzjonalizzazzjoni tan-nefqa,
M. billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għandhom irwol vitali fil-bini tal-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-UE, minħabba, fost affarijiet oħra, il-flessibilità u l-veloċità ta’ reazzjoni tagħhom għal teknoloġiji ġodda u metodi ta’ ħidma ġodda,
N. billi l-SMEs iridu jitqiesu bħala wieħed mill-muturi ewlenin għall-innovazzjoni fl-Ewropa u billi l-Istati Membri u l-UE impenjaw ruħhom biex isaħħu l-ispirtu ta’ innovazzjoni f’intrapriżi żgħar u l-kapaċitajiet teknoloġiċi tagħhom kif ukoll biex idaħħlu privattiv Komunitarju li jkun aċċessibbli għalihom,
O. billi l-iżvilupp sostenibbli tal-qasam ta' l-enerġija jirrappreżenta wieħed mill-ikbar sfidi għall-UE,
P. billi l-attività ekonomika, kif ġeneralment mifhuma, tinkludi wkoll il-biedja,
Q. billi s-settur tas-servizzi jiġġenera porzjon sinifikanti (xi 70%) tad-dħul ta’ l-Istati Membri,
R. billi t-tbassiriet demografiċi għall-UE (rata tat-twelid baxxa u popolazzjoni li qed tixjieħ) huma sfida soċjali għall-UE u jiftħu opportunitajiet kbar għal azzjonijiet innovattivi fl-Istati Membri, inkluż fil-qasam tas-servizzi,
S. billi hemm bżonn li jinħolqu kundizzjonijiet xierqa li għandhom x’jaqsmu ma’ trasport, telekomunikazzjonijiet u infrastruttura tan-netwerk ta’ l-informazzjoni,
T. billi l-parteċipanti l-oħra fil-‘logħba’ ekonomika u politika globali m’humiex qed joqogħdu jħarsu u qed ifittxu wkoll soluzzjonijiet ġodda, u billi l-innovazzjoni tista’ tkun ass peress li tagħmel l-ekonomija ta’ l-UE aktar attraenti u aktar kompetittiva u toħloq rabtiet bejn ir-reġjuni ta’ l-UE,
U. billi l-innovazzjoni m'għandhiex titqies biss f'termini purament formali, u billi jeżisti 'feedback effect' fejn politika reġjonali mwettqa kif jixraq trawwem innovazzjoni f'ħafna direzzjonijiet li minn naħa tagħha mbagħad tikkawża żvilupp reġjonali aktar mgħaġġel u armonjuż, u b'hekk tikkontribwixxi lejn il-koeżjoni fl-UE,
V. billi l-innovazzjoni hija waħda mit-tliet prijoritajiet ta’ l-UE msemmija fil-Linji gwid Strateġiċi Komunitarji (2007-2013),
Politika dwar kapital uman, edukazzjoni, xjenza u riċerka
1. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw fir-reġjuni ta’ l-UE opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha ta’ aċċess għall-edukazzjoni f’kull livelli, li se jagħtu spinta lill-abbiltà tan-nies biex jaħsbu b'mod innovattiv u kreattiv u biex jiżgura żvilupp personali bilanċjat (kemm intellettwali u kif ukoll fiżiku), anki fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' mudelli ta’ mġiba attivi, etiċi u favur is-soċjetà;
2. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati miksuba sal-lum u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iħaddnu l-iżvilupp ta’ ċentri reġjonali akkademiċi u ta’ riċerka xjentifika, kif ukoll ċentri ta’ eċċellenza f’zoni differenti u koperazzjoni aktar mill-qrib bejn ċentri bħal dawn, speċjalment bejn ċentri ta’ eċċellenza stabbiliti u dawk li qed jiżviluppaw, iżda wkoll permezz ta’ strutturi ta’ netwerk miftuħin għal pajjiżi terzi, kif ukoll skambji mtejba ta’ riċerkaturi u studenti, filwaqt li jitqies l-aċċess xieraq għal riċerkaturi nisa;
3. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jippromwovu proġetti ta' riċerka li s-sejbiet tagħhom ikollhom applikazzjonijiet prattiċi, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali;
4. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-fatt li, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni demografika attwali fl-UE, u l-fatt li s-soċjetà Ewropea qed tixjieħ, persuni anzjani għandhom jiġu inkoraġġuti biex ikunu involuti aktar mill-qrib f'miżuri innovattivi, sabiex b'hekk l-għarfien u l-esperjenza tagħhom jiġu utilizzati b'mod tajjeb;
5. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jieħdu passi aktar effettivi biex jidentifikaw żgħażagħ b'talenti u jagħtuhom l-opportunità biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet xjentifiċi u intellettwali tagħhom, u jipprovdu wkoll appoġġ komprensiv għall-avvanz ta' riċerkaturi żgħażagħ;
6. Jenfasizza li l-bidla demografika toħloq ukoll opportunitajiet għall-ekonomija ta’ l-UE; jirriferi għall-attivitajiet innovattivi fis-setturi ta' l-informatika u tal-mediċina, fid-domotika (domotics), fit-telematika u fil-biċċa l-kbira tas-setturi tas-servizzi, tat-trasport u tal-kura, kif ukoll fl-ippjanar reġjonali; ifakkar li ħafna mill-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom setgħa biżżejjed biex jimplimentaw politiki f'dawn l-oqsma;
7. Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-awtoritajiet reġjonali li, bil-ħsieb li jitrawwem spirtu aktar b'saħħtu ta' innovazzjoni, il-komunitajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu galvanizzati permezz ta' kampanja pluridirezzjonali biex jiġi stabbilit djalogu mas-soċjetà, u mal-qasam tan-negozju b'mod partikulari, ibbażat fuq il-prinċipju ta' approċċ 'minn isfel għal fuq';
8. Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni hija essenzjali għall-ħolqien ta’ l-impjiegi fl-Ewropa;
9. Huwa tal-fehma li prerekwiżit essenzjali għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ innovazzjoni fl-UE, inklużi r-reġjuni u t-territorji l-aktar ’il bogħod, reġjuni muntanjużi u gżejjer kif ukoll zoni rurali, huwa aċċess bil-‘broadband’ bla tfixkil u b’xejn – jew irħis ħafna – għal
(a) informazzjoni amministrattiva (fil-livelli kollha ta' l-amministrazzjoni), li jagħmilha possibbli biex il-parti l-kbira tal-formalitajiet amministrattivi, inklużi formalitajiet relatati man-negozju, ikunu jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ l-Internet, u
(b) informazzjoni xjentifika, ekonomika, legali u kulturali, li tkun suġġetta għal rispett xieraq tal-prinċipji tal-propjetà intellettwali (disponibiltà usa' ta' libreriji elettroniċi),
u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżguraw aċċess universali għal informazzjoni bħal din u biex jimmassimizzaw l-aċċess għal xogħol ibbażat fuq it-teknologiji ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni (ICT), li jista' jgħin fil-ġlieda kontra l-qgħad u li huwa partikularment importanti għal persuni li ċ-ċirkustanzi personali jew professjonali tagħhom jirrikjedulhom li jaħdmu jew jistudjaw mill-bogħod u għal min jiddeċiedi jaħdem id-dar, speċjalment min irabbi t-tfal, persuni b'diżabiltà u persuni li jagħtu l-kura;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, f'koperazzjoni mal-korpi settorjali, bħall-Kmamar ta’ l-Industrija u tal-Kummerċ u Ċentri ta' Informazzjoni oħrajn, biex jistabbilixxu 'one-stop shops' konġunti ta' l-informazzjoni; jenfasizza li dan jista’ jsir mingħajr ma jintnefqu iktar riżorsi billi jiġu rriformati netwerks ta' l-informazzjoni eżistenti; jinnota, fl-aħħarnett, li b'dan il-mod kumpaniji u istituzzjonijiet tar-riċerka jistgħu jiksbu minn punt wieħed informazzjoni dwar il-politika ta' l-innovazzjoni, tar-riċerka u ta' l-iżvilupp reġjonali fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u ta' l-UE;
11. Iqis li, bil-ħsieb li tingħata spinta lill-innovazzjoni madwar l-UE, huwa essenzjali li jingħata appoġġ wiesa' lill-attivitajiet relatati ma' invenzjonijiet, u bħala estensjoni ta' dan, lill-attivitajiet relatati ma' privattivi u liċenzji, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex idaħħlu privattiva Ewropea u biex jiġi żgurat rispett għad-drittijiet ta' l-awtur (strateġija għad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali), u biex jiġġieldu l-plaġjariżmu u l-iffalsifikar b’mod vigoruż u effettiv, u biex jaħdmu għal soluzzjonijiet globali f'dan il-qasam, ibbażati l-aktar fuq mudelli Ewropej;
12. Jiġbed l-attenzjoni li miżuri ta' l-iżvilupp u l-innovazzjoni jinkludu wkoll l-innovazzjoni organizzativa u marbuta mas-servizzi li mhix teknoloġika; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill dwar il-Kompetittività tal-5 ta' Diċembru 2006 ddeċieda li jfassal linja gwida dwar il-politika ta' l-innovazzjoni marbuta mas-servizzi u mhux teknoloġika; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-impriżi kkonċernati f'dan il-proċess; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali biex jintroduċu miżuri biex jappoġġjaw l-innovazzjoni mhux teknoloġika;
13. Huwa tal-fehma li gruppi ta’ innovazzjoni u ċentri ta’ eċċellenza, sal-lum, taw riżultati tajbin u li dawn għandhom ikunu supplimentati bil-konklużjonijiet stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘L-għerf fil-prattika: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE’; iqis li d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni intitolat ‘Strateġiji u azzjonijiet innovattivi’ (li jinkludi l-“vawċer ta’ innovazzjoni”) u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-ERAB għandhom ikunu kkunsidrati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex irawmu l-iżvilupp ta’ gruppi bħala mezz biex ikunu stabbiliti rabtiet bejn ċentri ta’ riċerka xjentifika, ċentri ta’ edukazzjoni, negozji u komunitajiet lokali;
14. Iqis li l-iżvilupp dinamiku ta’ l-innovazzjoni fil-livell reġjonali, b’mod partikulari f’oqsma ta’ industriji tradizzjonali jew waħdanin, jista’ jkun mezz effettiv sabiex ikunu kkontrollati r-rilokazzjonijiet jew l-effetti tagħhom meta huma ma jkunux jistgħu jiġu evitati u sabiex jiġu inkoraġġuti l-impjiegi reġjonali;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex irawmu koperazzjoni billi joħolqu pjattaformi teknoloġiċi Ewropej li jipprovdu opportunità sabiex jinġabru attivitajiet ta’ innovazzjoni permezz tal-ħolqien ta’ rabtiet transkonfinali u transreġjonali bejn l-industrija u n-negozju u l-gruppi ta’ riċerka xjentifika u finanzjarji;
16. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinħolqu punti u zoni ta’ innovazzjoni reġjonali u li dawn ikunu marbuta permezz ta’ netwerks ma’ strutturi li jikkorrispondu f’reġjuni u Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi;
17. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp taħt is-Seba’ Programm ta’ Qafas żdied b’madwar 40%; jenfasizza, madankollu, li l-livell attwali ta’ nfiq fuq riċerka u żvilupp għadu baxx b’mod perikoluż u li l-approprjazzjonijiet baġitarji tal-Komunità assenjati għal dan l-iskop huma ’l bogħod milli jkunu sodisfaċenti, u jistieden lill-Istati Membri sabiex iżidu b’mod konsiderevoli kemm jista’ jkun malajr il-persentaġġ tal-GDP li jonfqu fuq l-R&D kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell reġjonali, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-flus jiġu użati b’mod razzjonali, skond l-għan li għalih huma indikati;
18. Jesprimi tħassib għall-fatt li, għalkemm l-awtoritajiet ta’ l-UE jirrikonoxxu l-importanza kruċjali li jippromwovu l-innovazzjoni, l-approprjazzjonijiet allokati għar-riċerka u l-iżvilupp m’humiex suffiċjenti biex jintlaħqu l-bżonnijiet reali ta’ l-Unjoni u b’hekk tkun żgurata l-kompetittività tagħha;
19. »Iqis li l-iffinanzjar strutturali huwa wieħed mill-mezzi sinifikanti li jsostnu l-kapaċità għall-innovazzjoni u li jnaqqsu l-ispariġġ ekonomiku bejn ir-reġjuni, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom iżidu l-persentaġġ tar-riżorsi ta’ l-iffinanzjar strutturali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, assenjati għar-riċerka u l-invenzjonijiet;
20. Jara l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT) bħala opportunità ġdida li ma tħallix li jkun hemm ‘brain drain’ u li tagħti lir-riċerkaturi Ewropej ta’ talent ċans uniku sabiex iwettqu riċerka xjentifika fl-ogħla livell u bħala sors ta’ appoġġ potenzjali għal istituzzjonijiet reġjonali ta’ riċerka xjentifika; għalhekk jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iħaffu l-ħolqien ta’ l-EIT u b’hekk jagħtu spinta lill-kompetittività u l-potenzjal tal-Komunità fit-‘trijanglu ta’ l-għerf’ magħmul mill-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni;
21. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tifformula strateġija biex jinħoloq suq tax-xogħol Ewropew komuni u kompetittiv għar-riċerkaturi, u sabiex l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jimplimentaw dik l-istrateġija b’tali mod sabiex ir-riċerkaturi jingħataw l-opportunità ta’ żvilupp professjonali permezz ta’ prospettivi ta’ karriera xierqa u passi sabiex tkun iffaċilitata l-mobilità;
22. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jagħtu appoġġ komprensiv, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom lill-SMEs (inklużi miżuri sabiex il-proċeduri amministrattivi u s-sistema tat-taxxa u miżuri li jikkonċernaw proċeduri ta’ provvista pubblika jiġu razzjonalizzati), minħabba li huma l-mezzi l-aktar kreattivi u dinamiċi għall-innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva, u b’hekk jistgħu ikabbru b’mod potenzjali l-kompetittività ekonomika ta’ l-Ewropa u titjieb il-qagħda tas-suq tax-xogħol;
23. Jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess ta’ l-SMEs għall-finanzjament mill-Fondi Strutturali sabiex tiżdied l-effiċjenza f’sens ta’ nfiq tan-nefqa ta’ l-UE għall-pubbliku; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li għandha tkun promossa diversifikazzjoni akbar tal-finanzjament u li għandhom isiru sforzi partikolari sabiex il-potenzjal tal-kapital ta’ riskju jkun żviluppat iktar bi sħiħ;
24. Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex irawmu u jappoġġjaw koperazzjoni reġjonali bejn ċentri ta’ riċerka xjentifika u negozji ta’ kull daqs, żgħar, medji u kbar, inklużi fejn possibbli, l-istituzzjonijiet ta’ l-ekonomija soċjali; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex iqisu l-prinċipju ta’ l-Innovazzjoni Miftuħa (koperazzjoni bejn l-industrija, l-SMEs u l-gvern fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ gruppi) bħala mutur għall-iżvilupp reġjonali;
25. Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għandhom irwol ewlieni biex jinkisbu ta’ l-objettivi ta’ Liżbona, partikolarment fil-qasam ta’ l-innovazzjoni;
26. Iqis il-Fond Strutturali bħala għodda vitali bħala appoġġ għall-kapaċità ta’ innovazzjoni, u b’mod partikolari sabiex tinkiseb koeżjoni u jitnaqqsu l-ispariġġi ekonomiċi bejn ir-reġjuni; jipproponi li l-ammont allokat mill-Fondi Strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni jiżdied b’mod konsiderevoli;
27. Jirrikonoxxi li, f’kundizzjonijiet lokali u reġjonali, mikrointrapriżi u industriji tas-snajja’ huma partikolarment importanti għal politika favur l-innovazzjoni u għandhom ikunu appoġġjati billi jkun hemm koperazzjoni ma’ stabbilimenti ta’ riċerka pubbliċi u privati, speċjalment fl-oqsma ta’ teknoloġija baxxa u medja; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżentalu u lill-Kunsill programm ta’ azzjoni rigward tali intrapriżi u jissuġġerixxi li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jappoġġjawhom billi jużaw Fondi Strutturali, ukoll fl-ambitu tat-taħriġ ta’ studenti, juri dispjaċir iżda li l-ebda miżura operattiva ma kienet proposta għalihom; konsegwentement, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżguraw li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi u l-ħtiġijiet ta’ dawn l-intrapriżi meta jkunu definiti prijoritajiet fl-istrateġija;
28. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex joħolqu kundizzjonijiet li jsaħħu l-koperazzjoni interreġjonali u transkonfinali fil-qasam ta’ l-innovazzjoni, filwaqt li jissuġġerixxi simplifikazzjoni massima ta’ proċeduri amministrattivi rigward il-finanzjament ta’ tali koperazzjoni;
29. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jieħdu l-azzjoni innovattiva li hija essenzjali fis-settur tas-sevizzi fis-sens wiesa’ tal-kelma, li tinkludi servizzi pubbliċi;
30. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bil-ħsieb li ssir implimentazzjoni effettiva ta’ politika favur l-innovazzjoni fir-reġjuni, sabiex jagħmlu użu tajjeb tal-komplimentarjetà tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-finanzjament disponibbli taħt is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-riċerka kif ukoll l-ewwel Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni;
31. Huwa tal-fehma li, bi qbil mal-pressjoni soċjali b’saħħitha għal dan, il-burokrazija għandha titnaqqas b’mod radikali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrevedu, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi, il-liġi Komunitarja, nazzjonali, reġjonali u lokali minn dak il-lat u sabiex iwettqu simplifikazzjonijiet estensivi u, kull fejn ikun possibbli, sabiex jistandardizzaw il-proċeduri amministrattivi, partikolarment dawk marbuta mal-bidu jew mat-tmexxija ta’ attività ekonomika (punti ta’ kuntatt waħdanin);
32. Huwa tal-fehma li għandha tingħata għajnuna istituzzjonali lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħidma tagħhom favur l-innovazzjoni u jissuġġerixxi li l-Istati Membri jikkunsidraw li jagħtuhom, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat adottati mill-Kummissjoni, id-dmirijiet u s-setgħat l-iktar wesgħin possibbli flimkien ma’ mezzi xierqa ta’ finanzjament tagħhom infushom, ta’ sussidji jew ta’ għotjiet, li għandhom jiffaċilitaw l-isforzi sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet possibbli għar-residenti lokali;
33. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex meta jfittxu metodi biex jimplimentaw investimenti u proġetti favur l-innovazzjoni, jippromwovu u jagħmlu aktar użu ta’ soluzzjonijiet li jinvolvu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat (PPPs) u sabiex fl-istess ħin jużaw l-aħjar prattiki żviluppati f’pajjiżi u reġjuni oħra, f’konformità mal-prinċipju tal-valur għall-flus;
34. Jenfasizza l-bżonn għal sistema estensiva ta’ PPPs sabiex jissupplimentaw il-finanzjament pubbliku li jkun sar disponibbli mill-Istati Membri u l-Komunità; jinnota li s-suċċess ta’ attivitajiet bħal dawn se jiddependi essenzjalment fuq li jkun hemm rabta bejn l-atturi potenzjali;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta wieħed iqis il-possibilità ta’ tensjonijiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika dwar l-għajnuna mill-Istat, min-naħa l-waħda, u l-appoġġ ta’ proġetti bħal dawn mill-Fondi Strutturali, min-naħa l-oħra, sabiex tieħu azzjonijiet bil-għan li jitnaqqsu dawn it-tensjonijiet b’referenza għall-PPP, kif ukoll kwistjonijiet oħra, inkluża l-infrastruttura għall-kollegament ‘broadband’ ta’ l-Internet;
36. Iqis li, bil-għan li jkunu implimentati politiki favur l-innovazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali, jeħtieġ li jitħaffef ix-xogħol ta’ ġbir ta’ kapital, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex joħolqu mekkaniżmi ta’ finanzjament li jissodisfaw il-ħtiġijiet reali, flimkien ma’ sistema għall-immaniġġjar tar-riskji involuti fi proġetti innovattivi; jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, l-importanza f’termini ta’ innovazzjoni ta’ l-inizjattivi l-ġodda ta’ finanzjament introdotti b’mod konġunt mill-EIB u l-EIF (Jaspers, Jeremie u Jessica) u jqis li informazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika u effettiva ta’ dawn l-inizjattivi għandha tinxtered b’mod wiesa’ kemm jista’ jkun fil-livell reġjonali;
37. Jenfasizza, madankollu, li s-sistema attwali ta' kapital ta' riskju ma tissodisfax il-ħtiġijiet ta' l-iffinanzjar ta' l-innovazzjoni ta' impriżi żgħar u mikro, b'mod partikulari fil-każ ta' innovazzjoni mhux teknoloġika; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment u lill-Fondi Ewropew ta' l-Investiment biex jidentifikaw metodi ta' ffinanzjar li huma xierqa għal dawn l-impriżi u industriji ta' xogħol mid-dar, billi jadattaw kapital ta' riskju jew ifasslu, jekk meħtieġ, strumenti finanzjarji innovattivi oħrajn; jirrimarka li l-inizjattiva Jeremie m'għandhiex tkun limitata għall-appoġġ ta' l-innovazzjoni fit-teknoloġiji l-għoljin biss, u jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jiżguraw li tappoġġja wkoll l-innovazzjoni fit-teknoloġiji ta' livell baxx u medju;
38. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex ma jiffukawx biss fuq proġetti ewlenin u ċentri ta' eċċellenza, iżda biex jagħtu kas ukoll proġetti iżgħar f'reġjuni inqas vantaġġjati u biex jipprovdu għal mekkaniżmi adattati ta' mikrokreditu;
39. Jirrikonoxxi r-rabta bejn l-innovazzjoni u l-moviment ta' malajr u sikur ta' persuni u oġġetti, li teħtieġ l-involviment ta' komunitajiet reġjonali fil-forniment ta' infrastruttura għat-trasport, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ikunu innovattivi b'mod tekniku u organizzattiv fil-qasam tat-trasport, b'mod partikulari fil-każ tat-trasport pubbliku kemm fil-livell lokali kif ukoll f'dak reġjonali;
40. Jinsab kuntent li, flimkien mal-Kunsill u l-Kummissjoni, qed jitratta l-problemi ta' l-enerġija ta' l-UE u, qed jirrealizza li l-politika ta' l-enerġija taqa', fil-prinċipju, fi ħdan l-isfera nazzjonali u għandha influwenza sinifikanti fuq l-innovazzjoni fi ħdan l-ekonomija, iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-aspetti reġjonali ta' dik il-politika, inklużi l-edukazzjoni dwar l-enerġija, li għandha tirriżulta fi sforzi akbar sabiex l-użu ta' l-enerġija jiġi razjonalizzat u sabiex tiġi prodotta enerġija 'nadifa' billi jintużaw elementi ġeografiċi u sorsi ta' enerġija lokali u fi promozzjoni ta' bini ji juża l-eneġija b'mod 'intelliġenti' (energy-intelligent), ta' ekonomija li timxi l-aktar fuq sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, ta' sistema ta' trasport li tisfruttal-possibilitajiet ta' kumbinazzjonijiet intermodali b'mod aktar effiċjenti u proċessi aktar effiċjenti ta' użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ; jisħaq l-irwol pożittiv li l-SMEs għandhom f'din il-kwistjoni; Zoni urbani u rurali u l-ambjent
41. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, bil-għan li tittieħed azzjoni kontra it-telf ta' popolazzjoni minn ċerti zoni minħabba l-iżvantaġġi strutturali tagħhom (bħal pereżempju privazzjoni soċjali u qgħad), sabiex iwettqu politika ta' kumpens interreġjonali b'mod aktar effettiv, filwaqt li jqisu l-iżvilupp ta' l-innovazzjoni fl-ekonomiji reġjonali, li jsaħħaħ il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-Komunità u jikkontribwixxi lejn il-kisba ta' koeżjoni territorjali ġenwina;
42. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet reġjonali għall-fatt li, biex ikun possibbli ambjent favorevoli għall-innovazzjoni, il-poplu jrid ikollu kundizzjonijiet ta' għajxien tajbin, li jfisser li jrid ikun iggarantit livell xieraq ta' sigurtà, kura tas-saħħa u ħarsien ambjentali, djar diċenti, aċċess għall-edukazzjoni, il-kultura u s-servizzi, eċċ;
43. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali, minħabba l-irwol ewlieni taz-zoni urbani bħala l-postijiet fejn tgħix il-maġġoranza taċ-ċittadini ta' l-UE kif ukoll bħala ċentri ta' inovazzjoni lokali u reġjonali, biex jappoġġjaw l-ippjanar ta' l-ispazju għal perjodu ta' żmien twil li joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għall-użu razzjonali u armonjuż ta' l-ispazju urban u għal żvilupp urban sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ekonomiċi, ta' 'housing' u ta' rikreazzjoni u wkoll il-bżonnijiet tal-ħarsien ta' l-ambjent;
44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw inizzjattivi li jiżguraw azzjoni innovattiva favur l-ambjent (eko-innovazzjoni) skond il-linjigwida għal strateġija sotenibbli, li jikkontribwixxu fost affarijiet oħra għall-iżvilupp reġjonali sostenibbli; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-potenzjal sinifikanti ta' l-SMEs għal dan it-tip ta' innovazzjoni;
45. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali, minħabba l-fatt li z-zoni rurali li fihom tgħix madwar 20% mill-popolazzjoni tal-Komunità huma ta' importanza deċiżiva għas-sikurezza ta' l-ikel ta' l-UE, biex jinkludu l-kiwstjonijiet ta' produzzjoni u proċessar ta' ikel agrikolu u l-kundizzjonijiet ta' għajxien ta' l-abitanti ta' zoni rurali fi ħdan il-kamp ta' politika ta' innovazzjoni;
Il-prattika tajba u l-konsolidazzjoni tal-politika ta' innovazzjoni
46. Jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol tal-Kummissjoni sal-lum fl-evalwazzjoni tal-politika ta' innovazzjoni fil-livell ta' l-Istati Membri (eż. ir-Rapport dwar il-Progress ta' l-Innovazzjoni Ewropea) u jistedinha b'mod sistematiku biex tanalizza l-livell ta' żvilupp ta' reġjuni individwali, filwaqt li tuża l-iktar indikaturi ta' l-innovazzjoni oġġettivi disponibbli; jissuġġerixxi li analiżi u evalwazzjonijiet u l-aqwa prattiki rilevanti jiġu ppreżentati fir-raba' rapport perjodiku dwar il-koeżjoni li qed jitfassal bħalissa;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex tikkonsolida Oqfsa Strateġiċi ta' Riferiment Nazzjonali (NSRFs), li għandhom jinkludu Strateġiji Reġjonali għall-Innovazzjoni (RISs) sabiex tingħata aktar prominenza lill-innovazzjoni, u biex tgħaqqadhom f'sistema komuni u koerenti għall-UE kollha;
48. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati li nkisbu s'issa b'rabta ma' l-iskambju ta' l-esperjenza u l-aħjar prattika bejn ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali permezz ta' netwerks ta' koperazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ kontinwu għall-iżvilupp ta' netwerks bħal dawn u għat-trasferiment ta' l-innovazzjoni permezz ta' l-użu ta' l-aqwa teknoloġiji ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, li jiffaċilitaw b'mod sinifikanti t-trasferiment u l-iskambju ta' informazzjoni, b'mod partikulari minħabba l-ħtieġa li jkunu involuti l-komunitajiet f'zoni mbegħdin; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-fatt li permezz ta' l-inizjattiva Reġjuni għall-Bidla Ekonomika, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ir-reġjuni u l-bliet biex jikkoperaw, iżda jistenna proposti konkreti għall-implimentazzjoni ta' dik l-inizjattiva;
49. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, flimkien ma' l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, reviżjoni fuq żmien medju ta' l-effetti tal-politika ta' koeżjoni mwettqa s'issa u tal-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji sabiex tevalwa l-progress li jkun sar bil-politika ta' innovazzjoni ta' l-UE fir-reġjuni;
50. Ifakkar lill-Kummissjoni li r-raba' rapport ta' koeżjoni għandu jservi wkoll biex itejjeb il-politika ta' koeżjoni fil-futur; jirriferi wkoll għall-'Aġenda Territorjali ta' l-UE' mistennija li tiġi mfassla fl-2007; jenfasizza li dan id-dokument ta' politika ifittex biex joħloq kunċetti ġodda li jħarsu 'l quddiem dwar l-iżvilupp territorjali (b'mod speċjali fl-oqsma ta' l-iżvilupp reġjonali u urban, l-użu tal-'massa kritika' għal raggruppamenti reġjonali u approċċ differenzjat għar-reġjuni) u anke juża l-kultura bħala għajnuna fl-iżvilupp reġjonali;
51. Jispera li r-riżoluzzjonijiet attwali juru l-interess li bliet u reġjuni għandhom fl-iżvilupp u t-tkabbir reġjonali u li dan ser jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar l-irrappurtar annwali tat-talbiet ta' l-Istati Membri fl-Istrateġija ta' Liżbona;
52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
- [1] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
- [2] ĠU L 239, 1.9.2006, p. 248.
- [3] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79.
- [4] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.
- [5] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12.
- [6] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.
- [7] ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.
- [8] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
- [9] ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.
- [10] ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 259.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-politika reġjonali ta' l-Unjoni Ewropea għandha tindirizza żewġ kwistjonijiet fundamentali, jiġifieri l-koeżjoni tal-Komunità u l-bżonn għal azzjoni sabiex titrawwem l-innovazzjoni. Matul il-perjodu 2007-2013 tal-perspettivi finanzjarji, ir-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew ser jintużaw sabiex jinkisbu tliet għanijiet fundamentali, jiġifieri, il-konverġenza, il-kompetittività u l-koperazzjoni territorjali Ewropea. Permezz ta' dawn il-fondi, il-politika reġjonali Komunitarja għandha tiġi indirizzata mhux biss lejn li t-twittija tad-differenzi ta' bejn ir-reġjuni individwali ta' l-UE iżda wkoll lejn it-tisħiħ tal-kapaċità Ewropea li tieħu azzjoni innovattiva fl-oqsma kollha.
Għalhekk m'għandniex naħlu l-ħin, il-flus jew il-kapaċitajiet kreattivi taċ-ċittadini tagħna. Dak li għandna bżonn huwa ambjernt xieraq u fehim li l-innovazzjoni mhix biss għax-xjentisti, l-inventuri, l-industrijalisti, il-kummerċjanti u l-politiċi. Huwa essenzjali għall-individwi f'komunitajiet lokali u reġjonali li jħossu li l-innovazzjoni hija għal kulħadd u tista' ttejjeb il-kundizzjonijiet li jgħixu fihom u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dan ser ikun diffiċli li jinkiseb, iżda min qatt qal li ser ikollna biss kwistjonijiet faċli ma' xiex inħabbtu wiċċna?
Għalhekk għandu jiġi enfasizzat b'mod sod li l-azzjoni favur l-innovazzjoni hija obbligu għall-UE kollha kemm hi, għall-Istati Membri individwali u għar-reġjuni kollha. Madanakollu ta' min jirrimarka li l-ammont globali annwali li bħalissa huwa disponibbli fuq livell ta' l-UE m'huwhiex aktar minn 1% tal-GDP tal-Komunità. Sakemm ma jkunx hemm impenn xieraq (li ovvjament għandu jinkludi l-finanzi) mill-Istati Membri, l-innovazzjoni mhux ser tkun aktar minn slogan sabiħ (li inċidentalment jinstema' l-istess fil-linġwi kollha tagħna billi ġej, mil-latin innovatio). Wasal iż-żmien li ngħaddu mid-dikjarazzjonijiet u l-impenji għall-azzjoni prattika, għaliex l-innovazzjoni mhix għan fiha nnifisha.
L-innovazzjoni għandha, fil-prinċipju, tinforma l-attivitajiet kollha li ġenwinament jikkontribwixxu għall-koeżjoni Komunitarja fl-oqsma tax-xjenza, l-edukazzjoni u r-riċerka, il-kostruzzjoni u t-teknoloġija, il-maniġment u l-amministrazzjoni, l-ekonomija u l-kummerċ, l-enerġija u l-ambjent. Jenħtieġu wkoll soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi soċjali u tas-saħħa kif ukoll għal kwistjonijiet dwar l-aċċess għall-kultura. U kull aspett minn dawk imsemmijin hawn fuq għandu dimensjoni reġjonali.
Il-bażi għal kull azzjoni meħuda fuq livell ta' Komunità, ta' Stat Membru u Reġjonali għandha tkun il-benesseri ġenerali tal-popolazzjoni. L-investiment fil-persuni, il-ħolqien ta' ambjent xieraq għall-iżvilupp tagħhom, inkluż billi jiġi żgurat aċċess għall-edukazzjoni, sabiex ikunu kapaċi jużaw tajjeb il-potenzjal intellettwali tagħhom għal azzjoni kreattiva, għandu għalhekk ikun il-prinċipju ċentrali ta' l-azzjoni Komunitarja. Barra minn dan, għandna nużaw il-ħażna ta' esperjenza pożittiva li ilha teżisti għal ġenerazzjonijiet fil-pajjiżi Ewropej. Dan huwa s-sors fundamentali tas-suċċess tal-kompetittività ta' l-Ewropa - u tagħna - fuq livell dinji. Jenħtieġ ukoll li numru kbir ta' Ewropej jadottaw approċċ li jara fil-bogħod u li jkun innovattiv u li jieħdu azzjoni innovattiva prattika. Dan huwa importanti ħafna fid-dawl tas-sitwazzjoni demografika fl-Ewropa li qed issir allarmanti.
Wara li identifikat l-isfidi li għandha quddiemha, l-unjoni Ewropea iffissat għaliha l-objettiv li, skond l-Aġenda ta' Liżbona, ssir l-aktar ekonomija kompetittiva fid-dinja. Dan għandu jinkiseb, fost affarijiet oħra, billi n-nefqa fir-riċerka u l-iżvuilupp (R&D) tiżdied għal 3% tal-GDP. Madankollu, żewġ Stati Membri biss - l-Iżvezja u l-Finlandja - laħqu dak il-livell. Barra minn dan, hemm differenzi ewlenin bejn ir-reġjuni fir-rigward ta' livelli ta' infiq għal R&D. Skond l-istatistiki disponibbli, 21 mill-254 reġjun ta' l-UE-25 laħqu l-mira. Għalhekk, sabiex l-objettivi l-ġodda tal-politika ta' koeżjoni jintlaħqu, hemm bżonn li l-livelli reġjonali u lokali jiġu involuti b'mod aktar attiv fl-isforzi sabiex jinkisbu l-miri ta' l-Istrateġija ta' Liżbona.
Il-politika favur l-innovazzjoni, kemm jekk fuq livell ta' l-UE, dak ta' Stat Membru jew dak reġjonali, għandha tiġi meqjusa fid-dawl ta' dak li huwa ambjent li qed jinbidel. i.e. irid jitqies sew il-fatt li oħrajn qed jiżviluppaw fl-istess waqt magħna. Għalhekk, jekk irridu nkunu aħjar irridu nkunu aktar kompetittivi fir-rigward ta' teknoloġiji u metodi ġodda, materjali ġodda ta' kostruzzjoni, prodotti u servizzi ġodda, sorsi ġodda ta' enerġija u arranġamenti ġodda ta' organizzazzjoni, legali finanzjarji u oħrajn. Fil-qosor, fir-rigward ta' assi ġodda attraenti.
L-Unjoni Ewropea hija waħda miż-żewġ ekonomiji ewlenin fid-dinja. Il-GDP ta' l-UE kollha kemm hi huwa viċin ħafna ta' dak ta' l-Istati Uniti (USD 12.5 triljun, skond il-figuri tal-Bank Dinji). Madanakollu, attwalment l-UE qed titlef it-tellieqa mal-kompetituri ewlenin tagħha fir-rigward ta' investiment f'ekonomija bbażata fuq l-għerf. Hemm bżonn li nagħtu ħarsa tajba lejn l-approċċ li ċ-Ċina u l-Indja qed jieħdu lejn din il-kwistjoni. Skond il-figuri disponibbli, in-nefqa ta' l-UE għar-riċerka hija ta' 1.96% tal-GDP, meta mqabbla mat-2.59% ta' l-Istati Uniti u t-12% tal-Ġappun. Jekk verament irridu niksbu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona (kif aġġornati f' Lulju 2005), hemm bżonn li nadottaw approċċ komprensiv għal din il-kwistjoni, inkluża politika reġjonali ġdida.
Din l-opinjoni tidher ukoll fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2005 li jisimha 'Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE'. Il-komunikazzjoni tistipola 10 azzjonijiet ta' prijorità partikolarment għolja għall-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u x-Xogħol. Ta' min jikkwota s-silta li ġejja: 'Il-kompetenza ewlenija biex titrawwem l-innovazzjoni ġeneralment tinstab fuq livell reġjonali. Għalhekk ir-reġjuni għandhom ikunu involuti fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali għar-Riforma, ukoll billi jiżviluppaw l-istrateġiji reġjonali tagħhom għall-innovazzjoni. Għandhom isiru sforzi ulterjuri biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim politiku u t-tixrid tal-prattika t-tajba bejn il-fruntieri'.
Il-pjan direzzjonali (road map) għal Ewropa aktar innovattiva għandu, għalhekk, ikopri wkoll ir-reġjuni. U, fejn ikun possibbli, l-attivitajiet tal-'business angels' għandhom jgħinu fit-tisħiħ ta' l-impatt favur l-innovazzjoni li politika mwettqa fuq livelli lokali u reġjonali jkollha.
F'dan ir-rapport, sar kull attentat possibbli sabiex titqies l-akbar firxa wiesgħa possibbli ta' rabtiet reċiproki bejn il-politika reġjonali tal-Komunità u l-potenzjal Komunitarju għall-Innovazzjoni. Għalhekk tqies numru kbir ta' materjal ta' sors u opinjonijiet ta' rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Kumitat tar-Reġjuni. Ta' min jirrimarka li kien hemm firxa pjuttost wiesgħa ta' opinjonijiet espressi dwar il-kwistjoni. Eżempju wieħed huwa l-'Manifest ta' Innovazzjoni' ta' disgħa punti li jiffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn l-industrija u l-qasam akkademiku li ġie ppubblikat fis-servizz indipendenti ta' aħbarjiet Science Business f'Novembru 2006.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠIT (Fl-aħħarnett, ir-rapporteur jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li offrew appoġġ u għajnuna fl-abbozzar ta' dan ir-rapport.25.1.2007)
dwar il-kontribuzzjonijiet tal-politika reġjonali tal-ġejjieni għall-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-Unjoni
(2006/2104 (INI))
Rapporteur għal opinjoni: Nathalie Griesbeck
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li sejjer jadotta:
1. Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni għandhom irwol importanti fl-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' Liżbona, b'mod partikolari fis-settur ta' l-innovazzjoni;
2. Jikkunsidra l-Fondi Strutturali bħala strument essenzjali biex tiġi sostnuta l-kapaċità ta' innovazzjoni, b'mod partikolari biex tikber il-koeżjoni u jonqsu d-disparitajiet ekonomiċi bejn ir-reġjuni; jipproponi li jiżdiedu b'mod konsiderevoli l-Fondi Strutturali allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni;
3. Jinsab imħasseb, dwar il-fatt li filwaqt li l-organi ta' l-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu l-importanza kruċjali li għandha l-promozzjoni ta' l-innovazzjoni, l-approprjazzjonijiet allokati għar-riċerka u l-iżvilupp ma jissodisfawx il-bżonnijiet effettivi ta' l-Unjoni b'mod li tkun żgurata l-kompetittività tagħha;
4. Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni hija indispensabbli għal ħolqien ta' l-impjiegi fl-Ewropa;
5. Jinsisti fuq il-bżonn li tkun disponibbli sistema approfondita ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat sabiex ikunu kompluti finanzjamenti pubbliċi li joffru l-Istati Membri u l-Unjoni; jinnota li s-suċċess ta' dawn l-attivitajiet se jiddependi essenzjalment mis-sinerġija tal-parteċipanti prinċipali;
6. Jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess ta' l-SMEs għall-finanzjament mill-Fondi Strutturali sabiex ir-rapport bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' l-Unjoni jikber għall-benefiċċju taċ-ċittadin Ewropew; f'dan ir-rigward, iqis li jkun xieraq li tkun imħeġġa diversifikazzjoni ikbar tal-finanzjamenti u li jkun hemm involviment b'mod partikolari għall-iżvilupp minn qabel tal-kapitali tar-riskju;
7. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinħolqu poli u zoni ta' innovazzjoni fil-livell reġjonali u biex dawn jingħaqdu permezz ta' netwerks ma' strutturi relattivi f'reġjuni oħra u Stati Membri jew terzi pajjiżi.
PROĊEDURA
Titolu |
Il-kontribuzzjonijiet tal-politika reġjonali tal-ġejjieni għall-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-Unjoni |
||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||
Kumitat responsabbli mill-fond |
REGI |
||||||
Opinjoni mogħtija minn |
BUDG |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib - Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
|
||||||
Rapporteur għal opinjoni |
Nathalie Griesbeck |
||||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
|
||||||
Eżami fil-kumitat |
25.1.2007 |
|
|
|
|
||
Data ta' l-adozzjoni |
25.1.2007 |
||||||
Riżultat tal-vot finali |
+: –: 0: |
29 0 0 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Richard James Ashworth, Reimer Böge, Salvador Garriga Polledo, Monica Maria Iacob-Ridzi, Janusz Lewandowski, Mario Mauro, Nina Škottová, László Surján, Herbert Bösch, Brigitte Douay, Neena Gill, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Vladimír Maňka, Dan Mihalache, Gianni Pittella, Yannick Vaugrenard, Ralf Walter, Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Anne E. Jensen, Jan Mulder, Kyösti Virrankoski, Wiesław Stefan Kuc, Wojciech Roszkowski, Gérard Onesta. |
||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Paul Rübig, Hans-Peter Martin. |
||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
||||||
PROĊEDURA
Titolu |
Il-kontribut tal-politika reġjonali tal-ġejjieni għall-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea |
|||||||||||
Numru tal-proċedura |
||||||||||||
Kumitat responsabbli |
REGI |
|||||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
BUDG |
|
|
|
|
|||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
|||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
|||||||
Rapporteur(s) |
Mieczysław Edmund Janowski |
|||||||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
||||||||||
Eżami fil-kumitat |
21.6.2006 |
4.10.2006 |
23.1.2007 |
|
|
|||||||
Data ta' l-adozzjoni |
20.3.2007 |
|||||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ - 0 |
43 0 4 |
||||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alfonso Andria, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Tiberiu Bărbuleţiu, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Jana Bobošíková, Vasile Dîncu, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Pedro Guerreiro, Gábor Harangozó, Marian Harkin, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Sérgio Marques, Miguel Angel Martínez Martínez, Yiannakis Matsis, Miroslav Mikolášik, Jan Olbrycht, Maria Petre, Markus Pieper, Wojciech Roszkowski, Elisabeth Schroedter, Stefan Sofianski, Grażyna Staniszewska, Catherine Stihler, Kyriacos Triantaphyllides, Oldřich Vlasák, Vladimír Železný |
|||||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Březina, Brigitte Douay, Den Dover, Emanuel Jardim Fernandes, Dariusz Maciej Grabowski, Ljudmila Novak, Mirosław Mariusz Piotrowski, Zita Pleštinská, Christa Prets, Toomas Savi, László Surján, Károly Ferenc Szabó, Nikolaos Vakalis |
|||||||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Věra Flasarová |
|||||||||||
Data tat-tressiq |
30.03.2007 |
|||||||||||
Kummenti |
|
|||||||||||