RAPPORT dwar ir-riformi fid-dinja Għarbija: x'inhi l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea?

3.4.2007 - (2006/2172(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Michel Rocard

Proċedura : 2006/2172(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0127/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-riformi fid-dinja Għarbija: x'inhi l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea?

(2006/2172(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-orjentazzjonijiet u l-istrateġiji tal-Kummissjoni u tal-Kunsill vis à vis il-pajjiżi differenti tad-dinja Għarbija;

–   wara li kkunsidra r-rapport intemedjarju fuq is-sħubija strateġika mar-reġjun tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani li l-Kunsill Ewropew adotta f'Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropea għad-dinja Għarbija li ġiet ippreżentata fl-2003 mir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "L-Ewropa wara t-tkabbir - Pajjiżi ġirien: qafas ġdid għar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħna ta' l-Lvant u tan-Nofsinhar" (COM(2003)0104), id-dokument gwida dwar il-politika Ewropea għall-viċinanzi (COM(2004)0373), il-proposta tiegħu għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li fih dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ħolqien ta' strument Ewropew għall-viċinanzi u għal sħubija (COM(2004)0628), il-komunikazzjoni tiegħu għall-Kunsill dwar il-proposti tal-Kummissjoni favur pjan ta' azzjoni fi ħdan il-qafas ta' politika Ewropea għall-viċinanzi (PEV) (COM(2004)0795) u l-pjanijiet ta' azzjoni għall-pajjiżi konċernati, kif ukoll il-komunikazzjoni tiegħu rigward it-tisħiħ tal-poliika Ewropea għall-viċinanzi (COM(2006)0726),

–   wara li kkunsidra l-prijoritajiet politiċi tal-presidenza Ewropea ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja mfassla fil-21 ta' April 2005, jiġifieri l-intensifikazzjoni tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-parlamenti ta' pajjiżi sħab,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' l-Assemblea Parlamentari Euro-Mediterranja adottati fil-laqgħat tal-21 ta' Novembru 2005 f'Rabat u tas-27 ta' Marzu 2006 fi Brussel,

–   wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-iżvilupp tal-bniedem fid-dinja Għarbija li ġew ippubblikati fl-2002, fl-2003 u fl-2005 mill-programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp (PNUD) u, b'mod partikulari, ir-rapport tal-2004 bl-isem " Lejn il-ħelsien fid-dinja Għarbija",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet mgħoddija dwar il-politika Mediterranja ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari dik tat-12 ta' Frar 2004 dwar l-inizjattiva maħsuba biex tagħti impetu ġdid għall-azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea b'koperazzjoni ma' l-imsieħba Mediterranji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u f'dak tad-demokratizzazzjoni, il-programm ta' ħidma ta' ħames snin adottat fit-28 ta' Novembru 2005 fis-samit Ewromediterranju ta' Barċellona, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru dwar ħarsa lura lejn il-proċess ta' Barċellona,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dikjarazzjoni universali dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6‑0127/2007),

A.       billi l-kunċett ta' identità Għarbija meta miftiehem bħala fattur ta' għaqda jidher li huwa karatteristika komuni rikonoxxuta ta' popli u stati ta' zona vasta ġeografika li tinfirex mill-Magreb sal-Golf Persjan u li tgħaddi mill-Maxreq u l-Lvant Qarib,

B        billi dan l-identità Għarbija timmanifesta ruħha taħt realtajiet diversi, kemm politiċi (monarkiji, reppubbliki Għarab, l-Istat ta' Iżrael u l-Awtorità Palestinjana), kemm reliġjużi (Musulmani Sunniti, inklużi l-Waħabiti, l-Aluwiti, id-Drużi u x-Xiiti u l-insara ta' twemmin divers) u kemm dawk soċjoloġiċi (ta' bliet kbar, zoni rurali, muntanji, popli nomadi) filwaqt li xorta żżomm, b'mod transnazzjonali, parametri komuni,

C.       billi l-kunċett Ewropew tad-dinja Għarbija huwa ġeneralment limitat għal approċċ ibbażżat fuq relazzjonijiet statali bilaterali jew subreġjunali, u billi jkun tajjeb li tingħata dinamika akbar lill-istrateġija globali ta' l-UE lejn id-dinja Għarbija li tkun ibbażata mhux biss fuq organizzazzjonijiet reġjunali li diġà jeżistu (il-Lega Għarbija, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni tal-Golf, l-Għaqda Għarbija tal-Maghreb) u fuq mezzi u strutturi eżistenti (Euromed, il-Programm Meda, ftehimiet ta' assoċjazzjoni, politika Ewropea għal viċinanzi), imma wkoll fuq it-tisħiħ ta' l-għajnuna għal atturi mhux statali fir-reġjun,

D.       billi l-istrateġija għad-dinja Għarbija ppreżentata fl-2003 mir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE kienet ir-riżultat tal-perikli u t-theddidiet li dehru wara l-attentati tal-11 ta' Settembru 2001,

E.        billi fl-Ewropa għarfien aħjar u aktar profond tas-soċjetà Għarbija, li hija mogħnija b'diversi uċuħ, u tad-diversità kulturali tagħha huwa meħtieġ sabiex jimla l-vojt li jeżisti bejn iż-żewġ xtut tal-Mediterran u sabiex isaħħaħ il-politiki ta' integrazzjoni fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u sabiex jeqred l-isterjotipi u l-preġudizzji,

F         billi l-bidliet radikali li seħħew bit-tmiem tal-gwerra bierda u ta' l-ordni dinjija bipolari inkuraġġew kemm l-aspirazzjonijiet emanċipatriċi tas-soċjetajiet Għarab, kif ukoll l-ambizzjonijiet ta' ċerti gvernijiet Għarab u ta' forzi ekonomiċi u soċjali sabiex jipparteċipaw attivament fil-globalizzazzjoni u l-pluripolarità,

G.       billi s-soċjetà ċivili u forzi oħra involuti li għal żmien twil għexu fid-dinja Għarbija b'sarima f'ħalqhom qed isemmgħu leħinhom aktar u aktar u jitolbu li jingħata kashom, jingħataw aktar risponsabbiltajiet, kif ukoll irwol politiku akbar,

H        billi ċertu numru ta' intellettwali, fosthom Samir Kassir b'"Considérations sur le malheur du monde arab" u Guy Sorman "Les enfants de Rifaa", urew fehmithom fuq dawn il-kwistjonijiet,

I          billi esperjenzi tal-passat ta' "rinaxximent Għarbi", ikkunsidrati bħala tentativi ta' riformi, b'mod ġenerali fallew u billi n-nazzjonaliżżmu statali serva ta' ostaklu kbir f'kull proġett maħsub biex iġib l-għaqda fost l-Għarab,

J.         billi d-dikjarazzjoni finali adottata fis-samit tal-Kunsill tal-Lega Għarbija li sar fit-Tuneżija fit-23 u 24 ta' Mejju 2004 itenni b'mod partikulari l-impenn għar-riforma u l-modernizzazzjoni ta' l-Istati Membri tal-Lega permezz tal-konsolidazzjoni demokratika u l-parteċipazzjoni politika,

K.       billi huwa fl-interess komuni tal-pajjiżi Għarab u ta' l-imsieħba tagħhom Ewropej li jinbdew riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni, l-istabbilità, id-demokrazzija, jitejjeb il-livell ta' għajxien u jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali fir-reġjun kollu kemm hu,

L.        billi biss il-progress fil-liberalizzazzjoni politika u ekonomika, flimkien ma' dak fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet soċjali u l-edukazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal stabbilità akbar f'dawn il-pajjjiżi, u billi bil-kontra, l-immobilità ma' toffri ebda garanzija ta' stabbilità reali,

M.      billi l-kontribuzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti matul dawn l-aħħar snin u dawk f'livell qrib ħafna ta' komponenti differenti tas-soċjetajiet Għarab, b'mod partikulari r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' l-Alleanza taċ-Ċivilizzazzjonijiet u tal-UNPD, jeħtieġ li jiġu tradotti f'politiki konkreti u reali,

N.       billi r-relazzjonijiet li l-Ewropa għandha ma' l-awtoritajiet tal-pajjiżi konċernati għal żmien twil ibbażaw ruħhom biss fuq il-kisba ta' l-istabbilità u ta' sħubijiet stateġiċi mingħajr ma dawn l-awtoritajiet ma taw kas tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, hekk li ħolqu ostaklu għall-isforzi magħmulin mill-atturi tas-soċjetà ċivili sabiex jagħmlu riforma interna tas-soċjetajiet differenti,

O.       billi huwa imporanti li jinħoloq qafas li fi ħdanu jista' jseħħ b'mod l-aktar liberu djalogu miftuħ bejn il-komponenti differenti tas-soċjetajiet Għarab, hekk li jinfirex internament proċess ta' riforma tabilħaqq,

P.        billi l-Karta Għarbija tad-drittijiet tal-bniedem, adottata fl-1994, turi r-rieda li jiġi garantit ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja Għarbija; billi jiddeplora madankollu li l-formulazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tagħha jħallu li tingħata interpretazzjonijiet differenti tagħhom,

Q.       billi l-moviment ta' l-identità Għarbija, kif maħsub mill-fundaturi oriġinali tiegħu, huwa proġett li jinkludi fl-għanijiet tiegħu s-sekolarizzazzjoni tas-soċjetajiet, filwaqt li x-xejriet kontemporanji ta' l-Iżlam politiku ma jidhirx li qegħdin dejjem jagħtu soluzzjonijiet adegwati għall-problemi tar-riforma politika; jinsab imħasseb minħabba li dan l-imblokk tar-riforma politika qed iħeġġeġ l-iżlamiżmu radikali u r-retorika tiegħu ta' mibgħeda tal-Lhud; ifakkar li l-moderazzjoni ta' l-iżlamiżmu tiddependi kemm mis-solidità tal-qafas isitituzzjonali li fih jiżviluppaw dawn il-forzi, kif ukoll mill-opportunitajiet li dan joffri biex jinfluwenzaw it-tfassil tal-politiki,

1.        billi huwa uwa konvint li l-identità Għarbija m'hi bl-ebda mod inkompatibbli, la mal-kunċett ta' modernità u lanqas ma' l-impenn għal riformi serji; iqis li l-impotenza li jinsab fl-istess sisien tal-"malessere Għarbi" tista' tingħeleb permezz ta' sħubija mġedda msejsa fuq il-fehim u l-fiduċja riċeproċi u fuq ir-rispett tat-tradizzjonijiet u l-kredibilità ta' xulxin; ifakkar li l-tqarrib lejn il-Punent tas-soċjetajiet Għarbin mhuwiex l-aktar mezz xieraq biex jintlaħaq dan u li l-kunċetti ta' demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt huma valuri universali li għadd bla qies ta' awtoritajiet u gvernijiet Musulmani ddikjaraw li huma kompatibbli ma' l-Iżlam;

2.        Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni diġa msemmija rigward it-tisħiħ tal-politika Ewropea għall-viċinanzi (PEV); iqis li l-PEV huwa strument kruċjali għall-promozzjoni tar-riformi fil-pajjiżi tan-Nofinhar u ta' l-Lvant ta' l-Unjoni Ewropea; juri d-diżappunt tiegħu għall-ammont propost għal fondi allokati għall-governanza u jqis li dan l-ammont għandu jiżdied sabiex jiġġarantixxi l-effikaċja;

3.        Iqis li minħabba l-limitazzjonijiet ta' l-istrateġiji bilaterali u ad hoc ta' l-UE ma' pajjiżi msieħba matul dawn l-aħħar deċenji jkun tajjeb li fil-qafas tar-razzjonalizzazzjoni ta' l-attività esterna ta' l-UE tingħata spinta ġdida globali għas-sħubija ta' l-UE u ta' l-Istati Membri mad-dinja Għarbija filwaqt li tingħata attenzjoni li jiġu mmirati setturi speċifiċi ta' koperazzjoni u li dan isir flimkien ma' strutturi politiċi eżistenti bħal ma huma l-Lega Għarbija u l-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf, jekk mhux ukoll ma' l-Unjoni tal-Maghreb jekk din terġa' tirpilja; jenfasizza li l-impenji ma' organizzazzjonijiet ċivili u movimenti riformisti għandhom jagħmlu parti minn dawn l-isforzi meħudin f'livell reġjunali, kif ukoll koperazzjoni speċifika b'mod partikulari ma' organizzazzjonijiet politiċi li jippromwovu d-demokrazija b'mezzi mhux vjolenti.

4.         Jinsisti fuq il-fatt li n-nuqqasijiet tal-proċess ta' riforma fid-dinja Għarbija huma dovuti wkoll għal problemi u kontroversji li hemm bejn ċerti pajjiżi Għarab; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha kollha biex tgħin fl-integrazzjoni politika u ekonomika tal-pajjiżi; josserva li biex l-Unjoni Ewropea tkun influwenti tabilħaqq ma tridx tagħti l-impressjoni ta' superjorità u lanqas tidher li qed tipprova tagħti xi lezzjoni, imma għandha pjuttost tagħmel id-djalogu Ewro-Għarbi djaloġu ta' veru li jiżvolġi fuq bażi ta' ugwaljanza reċiproka;

5.        Huwa ta' l-opinjoni li jekk ir-relazzjoni Ewro-Għarbija għandha tinkludi l-ġlieda kontra t-terroriżmu, huma importanti għall-kontenut u biex ir-relazzjoni tkun effettiva, li ġlieda bħal din ma twarrabx fil-ġenb u lanqas żżomm lura serje sħiħa ta' suġġetti ta' interess komuni, bħal pereżempju b'mod partikulari l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-impjiegi, l-iżvilupp sostenibbli, l-amministrazzjoni tajba ta' affarijiet pubbliċi u wisq anqas il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp u t-tisħiħ ta' soċjetà ċivili b'saħħitha u ġenwina, li tippromwovi l-progress tas-sistema demokratika u tat-tolleranza, il-ġlieda għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali dinji, id-djalogu interkulturali, il-governanza tajba, midja b'xejn u ġusta, il-partiċipazzjoni politika u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-libertà tal-kuxjenza, inkluża dik reliġjuża, il-libertà tal-kelma u ta' l-assoċjazzjoni, il-ġlieda kontra t-tortura u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, kif ukoll iċ-ċaħda ta l-intolleranza u tal-fundamentaliżmu, u dan sabiex tinkiseb tabilħaqq żona ta' paċi u ta' prosperità komuni;

6.        Jistieden lill-pajjiżi Għarab biex jiġġieldu kull għamla ta' impunità u sabiex jimplimentaw mekkaniżmi tranżizzjonali ta' ġustizzja sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja għall-vittmi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli għal dawn id-delitti; jistieden bl-istess ħsieb lill-pajjiżi Għarab biex jirrattifikaw l-istatut ta' Ruma għall-ħolqien tal-qorti kriminali internazzjonali u biex jiffirmaw il-konvenzjoni internazzjonali dwar l-isparixxar sfurzat,

7.        Jilqa' l-eżistenza ta' fora ta' djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u d-dinja Għarbija, kif ukoll il-bosta proġetti u inizjattivi ta' koperazzjoni implimentati permezz tal-proċess ta' Barċellona, is-sħubija strateġika għall-Mediterran u l-Lvant Nofsani, kif ukoll il-koperazzjoni mal-Kunsill għall-koperazzjoni ta' l-Istati Għarab tal-Golf (CGEAG);

8.        Jenfasizzza l-irwol ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (APEM) bħala entità demoktratika li tiġbor taħt it-tliet pilastri tal-proċess ta' Barċellona Membri Parlamentari miż-żewġt ixtut tal-Mediterran; jappella biex ikun hemm tisħiħ partikulari tal-koperazzjoni bejn l-APEM, il-Kummissjoni u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea; jafferma mill-ġdid id-disponibilità u l-volontà ta' l-APEM, bħala istituzzjoni parlamentari tal-Proċess ta' Barċellona, biex tagħti l-kontribut tagħha għal soluzzjoni tal-konflitt Għarbi-Iżraeljan;

9.        Iqis li jeħtieġ li jiġi promoss aktar it-tielet pilastru tal-proċess ta' Barċellona, jiġifieri l-koperazzjoni umana u soċjali, sabiex jingħelbu l-isterjotipi u n-nuqqasijiet ta' ftehim li jfixklu rapprochement miftuħ u profond bejn iż-żewġ popli fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran; jitlob lil dawk involuti fis-sħubija Ewro-Mediterranja, b'mod partikulari lill-gvernijiet, biex jappoġġjaw ix-xogħol tal-Fondazzjoni Ewro-Mediterranja Anna Lindh għad-djalogu bejn il-kulturi billi jagħtuha riżorsi sostanzjali sabiex tikkonsolida n-Netwerk ta' Netwerks tagħha li jiġbor fih 1200 organiżżmu u assoċjazzjonijiet li jaħdmu favur id-djalogu tas-soċjetajiet tagħhom;

10.      Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-komunità internazzjonali kollha biex jiżviluppaw relazzjonjiet bilanċjati mal-pajjiżi tar-reġjun; jenfasizza li kull appoġġ u kull kundanna unilaterali ta' ċerti Stati u mhux ta' oħrajn jistgħu iwasslu għall-polarizzazzjoni li tagħmel aktar ikkumplikata s-sitwazzjoni f'dinja Għarbija li hija diġà kumplessa ħafna;

11.      Iqis li fi sforzi biex jinbdew negozazzjonijiet ġodda mad-dinja Għarbija jkun aħjar li ma jitqisux persuni, organizzazzjonijiet jew pajjiżi li japprovaw l-attivitàjiet tat-terroristi u li ma jagħrfux l-eżistenza legali ta' Iżrael;

12.      Jinnota li bosta drabi l-Ewropa hi meqjusa bħala partiġġana fil-kunflitt Għarbi-Iżraeljan u li kull tisħiħ tar-relazzjoni Ewro-Għarbija jiddependi mill-enerġija u t-talent li permezz tagħhom l-Ewropa jirnexxilha tikkonċilja d-dmir u r-responsabbiltà storiċi tagħha lejn l-Iżrael u lejn il-poplu Lhudi mar-responsabbiltà li għandha li tassumi rwol aktar attiv u effettiv biex jiġu garantiti d-dritt internazzjonali u d-dritt uman sabiex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli tal-konflitt, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' Stat Palestinjan li jgħix fil-paċi u s-sigurtà bieb ma' bieb ma' Stat Iżraeljan;

13.      Jifhem li waħda mill-fraġilitajiet inerenti tad-djalogu Ewro-Għarbi ġejja min-nuqqas ta' leġittimità li kultant tikkaratterizza n-negozjaturi politiċi Għarbin fl-istess pajjiżhom, b'mod partikulari minħabba l-imġiba demokratika, ekonomika u soċjali dgħajfa tagħhom;

14.      Jitlob għalhekk li l-Ewropa tagħti wkoll appoġġ politiku viżibbli lill-parteċipanti ċivili, assoċjattivi u reliġjużi, b'mod partikulari lill-organizzazzjonijiet politiċi li jippromwovu d-demokrazija b'mezzi mhux vjolenti, bl-esklużżjoni ta' forzi settorjali, imma li tinkludi wkoll fejn xieraq lil-lajċi u lill-Iżlamisti moderati li l-Ewropa inkoraġġit biex jipparteċipaw fil-proċess demokratiku hekk li jinħoloq bilanċ bejn perċezzjonijiet kulturali u pragramtiżżmu politiku; iqis li s-suċċess ta' appoġġ bħal dan ikun jiddependi essenzjalment milli wieħed jifhem sew l-istrutturi u l-iżviluppi politiċi u soċjali, kif ukoll mill-kapaċità li wieħed jaġixxi skond dinamika politika fil-livell lokali; iqis li t-tnedija mill-ġdid tad-djalogu interkulturali trid tgħaddi minn affirmazzjoni ta' denominatur umanistiku komuni u universali li jittraxxendi d-dogma u l-allejanzi komunitarji u li timxi mal-proposti dwar id-djalogu bejn iċ-ċivilizzazzjonijiet u skond l-inizjattivi kollha tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-kwistjoni;

15.      Jappoġġja għalhekk bla riżerva l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropa timpenja ruħa fi djalogu wiesa' kulturali billi tippromwovi fost n-negozjaturi Għarab il-valuri fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, eċċ.), filwaqt li jitqiesu l-perċezzjonijiet kulturali u politiċi diversi;

16.      Jagħraf il-progress limitat milħuq f'dik li hi liberalizzazzjoni ta' skambji kummerċjali fost l-Għarab kif ukoll fit-tisħiħ tas-settur privat; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirduppjaw l-isforzi sabiex jiġi inkuraġġut l-iżvilupp sostenibbli u ekwu tal-pajjiżi Għarab bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi permezz ta' appoġġ għal politiki inerentament strutturali u soċjali li jillimtaw l-effetti soċjalment negattivi tar-riformi ekonomiċi, b'mod partikulari rigward is-swieq essenzjali bħal dak ta' l-enerġija jew it-telekomunikazzjoni bil-għan li tinħoloq dinamika ta' żvilupp favorevoli f'setturi oħrajn, filwaqt li jiġu implimentati politiki paralleli li jinkuraġġixxu riformi li jkollhom kundizzjonijiet tekniċi u politiċi preċiżi u limitati;

17.      Jinnota li rigward kwistjonijiet ta' riformi politiċi u l-progress tad-demokrazija, ir-reġjuni tad-dinja Għarbija għandhom sitwazzjonijiet diversi ħafna u għalhekk ikun tajjeb li ma jiġix impost mudell wieħed;

18.      Jixtieq li l-pajjiżi Għarab li għadhom m'għamlux hekk jimpenjaw ruħhom favur il-libertà tat-twemmin u d-dritt ta' persuni jew komunitajiet li jkunu ħielsa li jistqarru l-konvinzjonijiet jew il-fidi tagħhom; fuq dan il-punt ix-xhieda ta' miljuni ta' Musulmani li jgħixu fl-Ewropa għandha tgħin lill-pajjiżi Għarab biex jimplimentaw f'pajjiżhom stess dak il-prinċipju kostanti tar-relazzjonijiet internazzjonali li huwa r-reċiproċità;

19.                  Jenfasizza li l-appoġġ għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u għar-rispett tad-drittijiet  fundamentali, b'mod partikulari għal dawk marbuta mal-libertà tal-kelma u mar-  reliġjon, m'għandhomx jitħawdu ma' l-għażla ta' reġimi u lanqas mal-mod kif   jintagħżlu l-mexxejja; jenfasizza li fil-ħtieġa ta' moniteraġġ ta' l-iżviluppi fir-reġjun   tiġi rrispettata r-rieda tal-popli u jiġu meqjusa d-differenzi kulturali, storiċi u politiċi;  jinnota li r-rieda tal-poplu, fil-forom varji tagħa, tista' tkun differenti minn dik li hija aċċettata fl-Ewropa u li kwalunwke tentativ li wieħed jipprova jikkonforma din bil-forza mal-mudelli Ewropej ikun għalhekk kontroproduttiv; jenfasizza li sabiex bidla tkun leġittima din għandha tiġi adottata mill-popli konċernati.

20.      Jappella bil-qawwa b'mod partikulari għal għarfien aħjar ta' l-irwol tal-mara u ta' l-emaniċipazzjoni tagħha fis-soċjetà ċivili u politika;

21.      Jitlob lil-Lega Għarbija sabiex tibdel u tippreċiża ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta Għarbija għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll li tfassal mekkaniżmi li jippermettu li jiġi kkontrollat ir-rispett tad-dispożizzjoni previsti f'din il-Kart fl-Istati firmatarji tagħha;

22.      Ifakkar li t-tisħiħ tad-demokrazija u ta' l-Istat tad-dritt, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa inkluż fost l-istess l-għanijiet tal-politika barranija Ewropea u li huwa f'dan l-isem ġust u koerenti li trid twettaq politika ambizzjuża għad-drittijiet tal-bniedem ibbażata fuq ir-rispett tal-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tal-ftehimiet, u fuq djalogu politiku strutturat u profond f'dan il-qasam; ifakkar fl-istess ħin li l-pajjiżi Għarab irratifikaw il-patt internazzjonali rigward id-drittijiet ċivili u politiċi u li għalhekk intrabtu li jirrispettaw dawn id-drittijiet fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

23.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi aktar fid-dinja Għarbija r-rispett tal-prinċipju ta' l-istat tad-dritt kif ukoll il-moviment għar-riforma tal-liġi li għandha ssir skond l-ispirtu tal-valuri li joħorġu mis-sistema universali tad-drittijiet tal-bniedem, riforma politika li jkollha l-għan li tillegalizza l-attività ta' l-oppożizzjoni permezz ta' istituzzjonijiet eżistenti - mingħajr ma jinħolqu riazzjonijiet brutali - u skond il-ħsieb tal-pjan ta' azzjoni tal-politika għall-viċinanzi Ewropea, kif ukoll tad-deċiżjonijiet meħuda fil-qafas tal-proċess ta' Barċellona; jistieden lill-Kummissjoni biex tapprofitta ruħha kemm tista' mill-possibiltajiet li toffri l-inizjattiva Ewropea favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (EIDHR) sabiex tappoġġja s-soċjetà ċivili u l-movimenti għar-riforma politika fir-reġjun;

24.      Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ xieraq lill-protagonisti kollha tal-moviment tar-riforma fid-dinja Għarbija, u tinkludi kemm lill-protagonisti Statali kif ukoll lil dawk tas-soċjetà ċivili, u sabiex tagħti l-appoġġ tagħha għall-ħolqien ta' istituzzjonijiet komuni Għarab, b'mod partikulari dawk parlamentari; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tfassal mekkaniżmu formali regulari għall-konsultazzjoni u l-moniteraġġ fl-ogħla livell flimkien mal-Lega ta' l-Istati Għarab, u sussidjarjament, fost l-isferi kollha b'interess komuni;

25.      Jinnota l-importanza u jinkuraġġixxi l-irwol tal-midja ġodda fix-xandir għall-valuri demokratiċi fid-dinja Għarbija u għall-ħolqien ta' sfera pubblika pan-Għarbija kkaratterizzata mid-dibattitti u l-konfrontazzjoni ta' l-ideat; rigward dan jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi ta' l-Euronews jibdew jixxandru bl-Għarbi u bil-Farsi;

26.      Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkuraġġixxu l-iskambji bejn l-UE u l-pajjiżi Għarab ta' studenti, għalliema, studjużi universitarji u riċerkaturi u sabiex jiffaċilitaw dawn l-iskambji permezz ta' skema adattata u aktar flessibbli ta' viżas;

27.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi b'kull mezz possibbli r-riċerka universitarja u xjentifika fid-dinja Għarbija u sabiex tiffavorixxi l-implimentazzjoni ta' politika ambizzjuża għall-kotba bil-għan li tiżviluppa, tippubblika u tittraduċi xogħlijiet xjentifiċi u letterarji bi preżżijjiet aċċessibbli għall-pubbliku kollu;

28.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inizjattivi li jkollhom l-għan li jiġġielda kontra l-korruzzjoni fid-dinja Għarbija, b'mod partikulari bl-implimentazzjoni ta' prinċipji trasparenti għan-nominazzjoni ta' uffiċjali nazzjonali;

29.      Iqis li kif kien il-każ reċenti tal-Konferenza ta' Pariġi III għal-Libanu, l-għajnuna finanzjarja ta' l-Unjoni Ewropea tkun tista' tikkostitwixxi l-istrument l-aktar validu biex tiżgura l-preżenza viżibbli ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri l-oħra permezz ta' appoġġ strateġiku u kundizzjonali għar-riformi fid-dinja Għarbija, bir-rispett xieraq għall-ftehimiet eżistenti u tar-realtà politika ta' kull Stat individwali u kull reġjun;

30.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lil-Lega Għarbija, lill-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi Għarab.

NOTA SPJEGATTIVA

Id-dinja Għarbija vis à vis r-riformi, l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea: inkuraġġiment, impenn u għajnuna

L-intellettwali u ġurnalist Lebaniż Damir Kassir ippubblika ftit qabel ma' ġie assassinat f'Ġunju 2005 ippubblika ktejjeb stimulanti, inċiżżiv u bla kompromessi bl-isem "Considérations sur le malheur arabe" ("Riflessjonijiet fuq il-malessere Għarbi"). M'hemmx dubju li l-malessere Għarbi jeżisti. Dan jeffettwa kull stat membru ta' din il-komunità hekk vasta u jeffettwa wkoll l-organizzazzjoni interna u r-relazzjonijiet li din jista' jkollha mad-dinja kollha esterna, b'mod partikulari ma' l-Unjoni Ewropea, l-akbar u l-aktar imsieħeb u ġar importanti tagħha.

Jaqbel li qabel kollox issir analiżi tas-siwazzjoni attwali fid-dinja Għarbija ta' llum vis à vis l-komunità internazzjonali u l-Unjoni Ewropea. Wara tiġi l-mistoqsija jekk filfatt teżistix tassew komunità Għarbija u jekk iva, kif l-aħjar li tiġi definita u kif tiffunzjona. Huwa biss wara dan li jkun opportun li tiġi kkunsidrata strateġija eventwali ta' appoġġ Ewropew għad-dinja Għarbija u s-soċjetajiet tagħha.

1. Id-dinja Għarbija vis à vis l-komunità internazzjonali u l-Unjoni Ewropea

Hemm ċerta ambigwità fil-mod kif l-Għarab jitkellmu dwarhom infushom u dwar il-komunità tagħhom. Ir-referenzi verbali għall-unità Għarbija huma spissi imma sakemm tibqa' s-sitwazzjoni attwali, kull stat Għarbi jibqa' s-sid idividwali tad-diplomazija tiegħu u ta' l-attività barranija tiegħu. Filfatt, għal xi wħud ir-referenza għall-unità Għarbija tibqa' fuq kollox progett kulturali.

Madankollu teżisti preżenza u influwenza internazzjonali mhux negliġibbli tad-dinja Għarbija. Jidher ċar ukoll li issa teżisti opinjoni pubblika Għarbija mseddqa l-aktar minn mezzi tal-midja komuni. U huwa propju minn din ir-realtà li rridu nibdew nikkunsidraw il-problema tal-perċezzjoni tad-dinja Għarbija mill-Unjoni Ewropea.

1.1. Il-preżenza internazzjonali tad-dinja Għarbija        

Din il-preżenza timmanifesta ruħha prinċipalment f'żewġ manjieri: l-eżistenza u l-attività tal-Lega ta' l-Istati Għarab u l-laqgħat episodiċi tagħha limitati għall-Istati Għarab biss.   

Il-Lega Għarbija twaqqfet fl-1945 minn sitt pajjiżi li wara tliet xhur ssieħeb magħhom il-Yemen. Illum il-pajjiżi huma 22, inkluża l-Awtorità Palestinjana. Hija l-aktar organizzazzjoni reġjunali antika wara l-ħolqien tan-NU. Hija tagħmel laqgħa kull sena għall-kapijiet ta' l-Istati Għarab u żewġ laqgħat fis-sena għall-Kunsill tal-Ministri. It-teħid tad-deċiżjonijiet irid ikun unaminu. Flimkien mal-Kunsill tal-Kapijiet ta' Stat kisbu importanza wkoll il-Kunsill għad-Difiża u l-Kunsill Ekonomiku. Is-Seggretarju Ġenerali, li jinħatar għal ħames snin u li l-mandat tiegħu jista' jiġġedded, jamministra l-funzjonament tal-Lega u tal-kummisjonijiet permanenti tagħha u jeżerċita diplomazija bbażata fuq l-influwenza.   

Il-Lega ta' l-Istati Għarab hija rikonoxxuta internazzjonalment. L-Unjoni Ewropea u l-Istati membri tagħha jilqgħu żjarat tas-Segretarju Ġenerali tagħha u jirreċiprokaw żjarat. Ta min wieħed jinnota rigward dan iż-żjara fi Frar 2006 ta' l-E.T Amr Moussa lill-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell u b'mod parikulari lill-Parlament Ewropew. Kultant meqjus bħala fdal li tħalla mill-gwerra bierda, wieħed ma jistax ma jinnutax li l-mexxejja attwali rnexxilhom jibdlu d-dehra tal-Lega li b'hekk irnexxilha tikseb aktar kredibilità, li jfisser ukoll aktar leġittimità, rigward kwistjonijiet kbar li jolqtu u jħassbu d-dinja Għarbija li fost quddiem nett insibu l-konflitti u l-instabbilità fil-Lvant Qarib.  
Barra minn hekk, l-aqwa mumenti tal-ħajja komuni tad-dinja Għarbija huma l-konferenzi tal-kapijiet ta' l-Istat. Il-Lega torganizza dawn il-laqgħat imma ma tispirax dak li jseħħ fihom. Dawn il-konferenzi ta' spiss jikxfu firdiet tassew kbar fi ħdan din il-komunità.   

L-aktar konferenza importanti fost dawn kienet dik ta' l-1964 li ħolqot l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina, dik ta' l-1976 li għamlet lill-PLO msieħeb sħiħ tal-Lega u dik ta' l-1978 li ddeċidiet li tespelli lill-Eġittu wara l-ftehimiet ta' Camp David u li titneħħa s-sede mill-Kajr. Fl-1982 f'Fez fil-Marokk saret l-ewwel samit Għarbija li ttakiljat il-problema Iżraeljana-Palestinjana minn angolu politiku u bil-ħsieb li jinbdew xi darba n-negozjati. Fl-1990 l-Eġittu reġa' ddaħħal u s-sede marret lura l-Kajr.   

F'Sanaa f'Jannar 2004 saret l-ewwel samit Għarbija ddedikata għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Ukoll fl-2004, f'Marzu, is-Segretarju Ġenerali tal-Lega ħareġ bl-inizjattiva li jippubblika dokument bl-isem: "Les causes de la réforme arabe, les visions et l'exécution". (Ir-riforma Għarbija - il-kawżiet, il-viżżjoni u l-implimentazzjoni). Ta' min jinnota l-fatt li l-patt għal difiża kollettiva, li hu inkluż fir-regoli tal-Lega, qatt ma ġie applikat, la fl-affari tas-Suez u lanqas fil-gwerer bejn l-Għarab u l-Iżrael.   

Min naħa l-oħra, l-eżistenza ta' Karta Għarbija għad-drittijiet tal-bniedem adottata fl-1994 u aġġornata matul is-sena 2003, m'għandhiex tiġi injurata għaliex dan kien avveniment importanti u ta' appoġġ reali għall-forzi demokratiċi f'diversi pajjiżi.   

Fl-aħħarnett, jekk il-pajjiżi Għarab jippruvaw jgħaqqdu l-voti tagħhom fin-NU, jinsabu bogħod ħafna milli jirnexxilhom f'dan.   

1.2. L-Unjoni Ewropea u r-riformi fid-dinja Għarbija    

Fid-diskori ta' mexxejja ta' l-Unjoni Ewropea l-frażi "id-dinja Għarbija" tissemma' ta' spiss. Wieħed ma jiskantax però li frażijiet bħal "in-nazzjon Għarbi" jew "l-unità Għarbija" qatt ma jissemmew.

Filfatt, aħna għandna relazzjonijiet purament ta' protokoll u mbiegħda sew mal-Lega tal-Pajjiżi Għarab u mas-Segretarju Ġenerali tagħha u mingħajr qatt ma jirriżulta minnhom ebda effett konkret.  

Jiriżulta għalhekk li l-politika prattika ta' l-Unjoni Ewropea ssir permezz ta' relazzjonijiet diretti ma' kull Stat individwali Għarbi. Id-dinja Għarbija għalina hija kompletament frammentata. Aħna nafu bil-Maghreb imma l"Unjoni tal-Maghreb Għarbi" sparixxiet totalment u ħalliet f'dan il-qasam predominanza totali ta' relazzjoni bilaterali. Hekk ukoll aħna nittrattaw bl-istess mod separat ma' l-Iraq, is-Sirja, il-Libanu u l-peninżula Għarbija.

Wieħed izda jista' jinnota min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea rieda kostanti u li dejjem qed tiżdied - talanqas dak li jixhdu d-dokumenti ta' strateġija suċċessivi ta' dawn l-aħħar snin - biex jiġi mħeġġeġ il-proċess ta' integrazzjoni reġjonali u sub-reġjonali fid-dinja Għarbija. Dan li ġara bil-mekkaniżmi tal-proċess ta' Barċellona li permezz tal-Programm Meda, u minn issa 'l quddiem permeżż ta' l-istrument finanzjarju ġdid għall-politika tal-viċinanzi, l-UE qed tagħmel sforż biex tiffavorixxi, ta' min jgħid b'suċċess limitat għalissa, il-proġetti transversali u transnazzjonali Nofsinhar-Nofinhar. L-istess jista' jingħad f'dak li jirrigwarda t-tisħiħ tar-relazzjonijiet, b'mod partikulari dawk ekonomiċi, bejn l-UE u l-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf.

Il-problema prinċipali tinsab fl-approċċ kulturalistiku u etnoċentriku li tipprova tuża l-UE biex tippromwovi u tħeġġeġ il-bidliet. L-iskopijiet wara approċċ bħal dan huma ta' min ifaħħarhom u ġeneralment ma tistax tlumhom: l-iżvilupp tad-demokrazija u ta' amministrazzjoni tajba ta' l-affarijiet pubbliċi, il-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, l-istabbilità politika nazzjonali u reġjunali mmirata lejn koperazzjoni fejjieda, żvilupp ekonomiku kkontrollat u prosperità komuni. Madankollu rridu noqogħdu attenti li ma nagħmlux mill-kundizzjonijiet tekniċi u politiċi, li fihom infushom huma leġittimi u li jimxu mal-politiki għat-tħeġġiġ tar-riformi, kundizzjonalità għamja fl-interess tal-mekkaniżmi tal-poter u li tinjora kunċetti ta' leġittimità kulturali li huma differenti minn tagħna u li b'hekk jirriżultaw kontraprodduttivi mal-medda taż-żmien.

2. Teżisti tabilħaqq komunità Għarbija?

2.1. L-istorja, it-tentativi ta' riforma u radikalizzazzjoni ta' l-awtonomija nazzjonali

Skond Samir Kassir l-istorja Għarbija tinqara bħala akkumulazzjoni ta' diversitajiet kulturali. Minn hekk jirriżulta li dan il-wirt sa llum għadu kultant jipprovdi punti ta' riferiment u leġittimità għal sistemi ta' idejat l-aktar kontraddittorji. Huwa magħruf tajjeb kemm id-dinja Għarbija hija kkaratterizzata mill-frammentazzjoni li għadha teżisti, minkejja x-xewqat u t-tentattivi utopici jew realisti għal unità totali jew parzjali kif turi l-istorja reċenti: l-għaqda bejn is-Sirja u l-Eġittu, il-kummissjoni dwar l-unjoni ekonomika Għarbija ta' l-1957, l-ambizzjonijiet tal-partit Baath, il-ħolm tal-Libja. Għal żmien twil in-nazzjonaliżmu kellu r-riħ fil-poppa u kien meqjus bħala x-xempju għal kull proġett ta' riforma b'dannu għar-relazzjonijiet bejn l-Għarab jew għall-kunċett ta' identità Għarbija li kien meqjus bħala ostakolu.

Jidher mandankollu li minkejja li timmanifesta ruħha b'mod divers f'realtajiet differenti, ċerta identità Għarbija, meta meqjusa bħala fattur ta' għaqda u meta msejsa fuq parametri proprji, tista' tiġi perċepita bħala karatteristika komuni tal-popli u l-popolazzjonijiet Għarab taz-zona kollha ġeografika li tinfirex mill-Maghreb sa l-Irak. Meqjus ġeneralment bħala fattur kulturali, din l-identità Għarbija qiegħda tingħaraf dejjem aktar bħala strument politiku minn soċjetajiet ċivili emerġenti, kif jixhdu pereżempju l-ħolqien ta' midja tal-massa moderni li jikkontribwixxu attivament għall-ħolqien ta' sfera pubblika pan-Għarbija, kif ukoll ir-rapporti annwali eċċellenti tal-UNPD dwar l-iżvilupp Għarbi, li huma r-riżultat ta' xogħol ta' kritika introspettiva xjentifika u kostruttiva tas-soċjetajiet Għarab fuqhom infushom.

2.2. Skambji, interazzjoni u universalizzazzjoni

Il-prospetti ta' integrazzjoni ekonomika tad-dinja Għarbija, li għal żmien twil kienu limitati, jekk mhux ineżistenti, attwalment qed juru li qed jerġgħu jiksbu ċertu dinamiżmu u l-ewwel żviluppi jidhru li huma inkoraġġanti. Ta' min jinnota li minkejja li l-livell għadu baxx ħafna, il-kummerċ bejn l-Għarab irdoppja f'dawn l-aħħar għoxrin sena; l-esportazzjoni, minkejja l-manna taż-żejt li ċċajpar il-figuri - żdiedet ukoll, minkejja li l-bażi industrijali għadha ftit li xejn diversifikata. Wieħed josserva bidla minn ekonomija kummerċjali vertiklaizzata ħafna (iddominata mill-Ewropa fl-iskambji kummerċjali) għal bidu ta' sub-reġjunalizzazzjoni; pereżempju, 58% ta' l-esportazzjoni tal-pajjiżi tal-Golf tmur lejn pajjiżi oħra tal-Golf u dan jgħodd ukoll għall 57.2% ta' l-iskambji kummerċjali fil-Maghreb.

Fil-livell kulturali l-proġress jidher ċar. Id-dinja Għarbija ma rnexxilhiex taħrab il-globalizzazzjoni u l-multipolarità. Is-soċjetajiet Għarab issa qed juru r-rieda tagħhom għall-emanċipazzjoni u qed jitolbu l-irwol politiku li jixraq lilhom. Mingħajr ma tinċaħad madankollu d-diversità kulturali, issa huwa ċert li d-drittijiet u l-valuri essenzjalment umanisti u universali qed jiġu aċċettati b'mod l-aktar komuni, inkluż fost għadd kbir ta' awtoritajiet Musulmani li ddikjaraw li dawn huma kompattibbli ma' l-Iżlam.

3. Lejn strateġija Ewropea ta' appoġġ għall-evoluzzjoni Għarbija

Jistgħu jiġu adottati xi ftit linji gwida prinċipali li huma spjegati b'aktar dettall fl-abbozz ta' riżoluzzjoni politika fl-anness.

3.1. Minkejja d-disfatti, is-Seklu Għoxrin ta lid-dinja Għarbija għadd ta' benefiċċji li permezz tagħhom is-soċjetajiet Għarab jistgħu jipparteċipaw fis-suq dinji. Ir-rinaxximent Għarbi mhux bilfors ifisser xaqliba lejn il-Punent, imma aktarx l-aċċettazzjoni tal-valuri demokratiċi bħala l-patrimonju komuni ta' l-umanità. Huwa hawnhekk li d-djalogu kulturali jista' jkun utli u fejjiedi.

3.2. Ir-riformi jimmiraw biex jagħtu lis-soċjetajiet Għarab kontroll fuq id-destin tagħhom stess imma huwa permezz ta' tħaddin minnhom stess ta' dawn ir-riformi li dawn jistgħu jinbdew. L-iskop bl-ebda mod ma hu li jintefgħu dubji fundamentali fuq l-ordni eżistenti, imma pjuttost li tinħoloq dinamika awtonoma u indiġena f'setturi differenti tas-soċjetà (il-ġustizzja, l-amministrazzjoni, l-edukazzjoni, it-tagħlim f'livell għoli u r-riċerka,...), fuq is-sisien ta' l-istituzzjonijiet eżistenti, u fil-qafas ta' programmi ta' koperazzjoni bħal pereżempju l-politika Ewropea għall-viċinanzi, flimkien mal-pjanijiet ta' azzjoni tagħha.

3.3. Jenħtieġ sforz urgenti kemm min-naħa u kemm mill-oħra sabiex jintemmu l-ambigwitajiet li jinkuraġġixxu proċess ta' konfrontazzjoni bbażżat fuq differenzi ta' kulturi u sabiex jiġu żviluppati relazzjonijiet normali bejn Stati u soċjetajiet ċivili normali. Jekk ma ssir ebda konċessjoni dwar l-acquis internazzjonali fil-forom differenti tiegħu, bħal pereżempju l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jew ir-regoli tad-WTO, ikun pass kuraġġuż u ta' fejda għall-Ewropa li ssib bilanċ bejn il-perċezzjonijiet kulturali tagħha u l-pragmatiżżmu politiku. Mingħajr ma tiċħad bl-ebda mod id-dmir u r-responsabbiltà storika tagħha lejn l-Iżrael, jidher ċar li r-relazzjoni Ewro-Għarbija tkun daqstant aktar fejjieda, kredibbli u leġittima aktar ma l-Ewropa tiddiversifika l-firxa tan-negozjati ma' l-Għarab, billi b'mod partikulari tagħti attenzjoni u appoġġ politiku viżibbli lill-atturi ċivili, assoċjativi u reliġjużi, inklużi l-Iżlamisti li m'humiex radikali li hija tinkuraġġixxi biex jipparteċipaw fil-proċess demokratiku. Hekk ukoll ikun ta' għajnuna għal titjib fid-djalogu jekk issir distinzjoni aktar ċara bejn minn naħa r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-kelma, li huma prinċipji universali intanġibbli, u minn-naħa l-oħra l-bidla fil-mekkaniżmi ta' divoluzzjoni tal-poter li huma aktar marbutin ma' l-istorja u t-tradizzjonijiet lokali.

PROCEDURA

Titolu

dwar ir-riformi fid-dinja Għarbija: x'inhi l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea?

Numru tal-Proċedura

2006/2172(INI)

Kumitat risponsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET
6.7.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni iktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Michel Rocard
3.5.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

 

30.01.07

22.03.07

 

 

Data ta' l-adozzjoni

27.3.07

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

60

5

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Alma Anastase, Robert Atkins, Christopher Beazley, Panagiotis Beglitis, Bastiaan Belder, Vito Bonsignore, Elmar Brok, Marco Cappato, Simon Coveney, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Hélène Flautre, Hanna Foltyn-Kubicka, Michael Gahler, Jas Gawronski, Bronisław Geremek, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Richard Howitt, Jana Hybášková, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Willy Meyer Pleite, Eugen Mihăescu, Francisco José Millán Mon, Philippe Morillon, Pasqualina Napoletano, Baroness Nicholson of Winterbourne, Vural Öger, Ioan Mircea Paşcu, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Bernd Posselt, Michel Rocard, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Katrin Saks, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Antonio Tajani, Charles Tannock, Inese Vaidere,Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Kristian Vigenin, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Giulietto Chiesa, Konstantin Dimitrov, Alexandra Dobolyi, Árpád Duka-Zólyomi, Kinga Gál, David Hammerstein Mintz, Milan Horáček, Anneli Jäätteenmäki, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Jaromír Kohlíček, Miloš Koterec, Marios Matsakis, Antonyia Parvanova, Rihards Pīks, Aloyzas Sakalas

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq 

3.4.2007

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...