RAPPORT dwar il-konklużjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni

16.4.2007 - (2005/2125(ACI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Jo Leinen

Proċedura : 2005/2125(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0142/2007
Testi mressqa :
A6-0142/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-konklużjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni

(2005/2125(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 1999 dwar id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni ġdida[1],

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-8 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tad-Dikjarazzjoni Konġunta riveduta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni (minn issa 'l quddiem imsejħa 'id-Dikjarazzjoni riveduta'),

–   wara li kkunsidra r-Regola 120(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-punt XVIII(4) ta' l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0412/2007),

A. billi l-estensjoni kontinwa ta' l-ambitu ta' l-applikazzjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni żżid l-importanza tagħha fil-proċess tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE u twassal għal bidla fin-natura tar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

B. billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppruvaw jagħmlu l-proċess tat-tfassil tal- leġiżlazzjoni ta' l-UE aktar trasparenti, koordinat, effiċjenti u demokratiku,

C. billi, filwaqt li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni ta' l-1999 uriet kemm tiswa', xi żviluppi prattiċi fl-applikazzjoni tagħha matul iż-żmien urew il-ħtieġa li tiġi emendata,

D. billi t-tkabbir suċċessiv ta' l-UE ħoloq sfidi li jaffetwaw kemm is-simplifikar tal-proċeduri kif ukoll it-titjib tar-riżorsi,

E. billi d-Dikjarazzjoni riveduta tilħaq dawk l-aspettattivi u tħalli l-koperazzjoni interistituzzjonali futura tiżviluppa b'mod kostruttiv u flessibli,

F. billi l-ftehimiet interistituzzjonali u l-ftehimiet ta' qafas għandhom konsegwenzi sinifikanti, u billi għalhekk huwa essenzjali, sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għalihom, u sabiex tkun żgurata t-trasparenza, li jinġabru flimkien il-ftehimiet kollha eżistenti u li jiġu ppubblikati bħala anness tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

1.  Jerġa' jikkonferma l-impenn tiegħu għall-prinċipji ta' trasparenza, responsabilità u effiċjenza, u l-ħtieġa li jkun hemm fokus fuq is-simplifikazzjoni tal-proċess tat-tfassil tal-liġijiet ta' l-UE filwaqt li jiġi rispettat l-ordni legali ta' l-Unjoni;

2.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni riveduta, li ttejjeb kemm l-istruttura kif ukoll il-kontenut tad-Dikjarazzjoni ta' l-1999 billi żżid numru ta' dispożizzjonijiet importanti li jġibu d-dokument konformi ma' l-aħjar prattiċi eżistenti u li timmira li ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet bil-ħsieb li jitjiebu l-effiċjenza u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE;

3.  jixtieq li l-Parlament juża metodu li jarmonizza l-prattiki tal-kumitati parlamentari waqt it-trilogi, billi jiddefenixxi ċertu numru ta' regoli li jikkonċernaw il-komposizzjoni tad-delegazzjonijiet parlamentari kif ukoll l-obbligi ta' kunfidenzjalità marbuta max-xogħol tagħhom;

4.  Jilqa' b'mod partikolari t-titjib li ġej kontenut fid-Dikjarazzjoni riveduta:

(a)   id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-attendenza fil-laqgħat tal-kumitat parlamentari minn rappreżentanti tal-Presidenza tal-Kunsill u dwar it-talbiet għal informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill, li, flimkien, jikkostitwixxu pass lejn l-objettiv għat-titjib tad-djalogu bejn iż-żewġ fergħat leġiżlattivi;

(b)   ir-rikonoxximent tal-prattika li jiġu ffinalizzati l-ftehimiet li jkunu ntlaħqu waqt negozjati informali bejn l-istituzzjonijiet permezz ta' skambju ta' ittri;

(c)   il-konferma tal-prinċipju li, fir-rigward tar-reviżjoni legali-lingwistika, is-servizzi tal-Parlament u tal-Kunsill għandhom jikkoperaw daqs xulxin;

(d)   il-ftehim biex jiġi organizzat, sa fejn possibli, l-iffirmar ta' testi importanti adottati waqt ċerimonja konġunta fil-preżenza tal-midja, kif ukoll komunikati għall-istampa u konferenzi konġunti biex jitħabbar ir-riżultat pożittiv tax-xogħol involut;

5.  Konvint li d-Dikjarazzjoni riveduta se żżid aktar it-trasparenza u r-responsabilità pubblika tax-xogħol leġiżlattiv magġmul skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

6.  Japprova d-Dikjarazzjoni riveduta annessa ma' din id-deċiżjoni u jiddeċiedi li jannetti d-Dikjarazzjoni riveduta mar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jitlob li d-Dikjarazzjoni riveduta tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni u l-anness tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

L-abbozz tad-Dikjarazzjoni Konġunta riveduta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni huwa t-tielet ftehima interistituzzjonali dwar dan is-suġġett bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

Mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1987 ta' l-Att Uniku Ewropew, li introduċa l-proċedura ta' kodeċiżjoni, l-irwol leġiżlattiv tal-Parlament espanda b'mod konsistenti u r-relazzjonijiet tiegħu ma' l-istituzzjonijiet l-oħra saru dejjem aktar qrib.

Wara l-introduzzjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni fit-Trattat ta' Maastricht fl-1993, ġiet negozjata ftehima interistituzzjonali, li stabbiliet f'aktar dettal it-tħaddim tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, iżda ma koprietx aspetti oħra tal-kodeċiżjoni.

It-Trattat ta' Amsterdam, li daħal fis-seħħ fl-1999, kompla biddel is-sitwazzjoni, b'aktar tkabbir tas-setturi li fihom tapplika l-proċedura ta' kodeċiżjoni u rriforma wkoll il-proċedura ta' kodeċiżjoni oriġinali, b'mod partikolari billi pprovda għall-possibilità ta' ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill fl-ewwel qari, u anke bl-issimplifikar tal-fażijiet ta' wara tal-proċedura.

Bħala segwitu għat-Trattat ta' Amsterdam, ftehima interistituzzjonali ġdida, id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġament prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni ġdida, kienet konkluża fl-1999. Id-Dikjarazzjoni Konġunta ppruvat il-valur tagħha, imma xi żviluppi prattiċi fl-applikazzjoni tagħha matul iż-żmien urew il-ħtieġa għal xi emenda.

Fit-30 ta' Ġunju 2005, il-Konferenza tal-Presidenti appuntat ħames Deputati tal-Parlament Ewropew - is-Sur Vidal-Quadras, is-Sur Trakatellis, is-Sinjura Roth-Behrendt, is-Sur Daul u s-Sur Leinen - biex jirrapreżentaw lill-Parlament fin-negozjati dwar l-emenda tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni.

Eżerċizzju ta' reviżjoni, fil-forma ta' serje ta' laqgħat f'livell politiku u amministrattiv bejn it-tliet istituzzjonijiet, beda f'Diċembru 2005. Il-pożizzjonijiet kemm tal-Kunsill kif ukoll tal-Kummissjoni evolvew konsiderevolment u ppermettew li jintlaħaq kompromess mal-Parlament. Ftehim finali ntlaħaq fit-13 ta' Diċembru 2006 u ġie approvat mill-Konferenza tal-Presidenti fil-laqgħa tagħha fit-8 ta' Marzu 2007.

Id-Dikjarazzjoni riveduta proposta se ttejjeb it-tħaddim tal-kodeċiżjoni u tgħin biex tiffaċilità koperazzjoni interistituzzjonali futura b'mod kostruttiv u flessibli. It-test tad-Dikjarazzjoni ġie adottat biex jikkunsidra l-evoluzzjoni prattika tal-proċedura ta' kodeċiżjoni u huwa konformi mat-tentattivi tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex jagħmlu t-tfassil tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE aktar trasparenti, koordinat, effiċjenti u demokratiku.

Evalwazzjoni tat-test

L-istruttura tat-test ġiet imtejba u issa tipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali utli li jibnu fuq id-dispożizzjonijiet bażiċi tal-predeċessur tiegħu ta' l-1999, u b'hekk timmarka pass 'il quddiem fil-koperazzjoni interistituzzjonali.

TAQSIMA DWAR PRINĊIPJI ĠENERALI:

It-taqsima l-ġdida dwar il-Prinċipji Ġenerali tispeċifika l-ambitu, l-objettivi u l-prinċipji bażiċi tad-Dikjarazzjoni u tieħu post il-"preambolu" qadim, it-titolu l-ġdid għalhekk jirrifletti aħjar il-kontenut estiż ta' din it-taqsima. It-test rivedut tad-Dikjarazzjoni ta' l-1999 jirrifletti l-evoluzzjoni prattika tal-koperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura ta' kodeċiżjoni, li hi riflessa fil-kliem tat-taqsima introduttorja.

Ir-referenza għall-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) ta' l-2003 dwar "Leġiżlazzjoni Aħjar", li d-Dikjarazzjoni dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni tikkumplimenta, timmarka aktar titjib għat-test il-qadim, peress li tirrikonferma l-impenn ta' l-istituzzjonijiet Ewropej lejn il-prinċipji tat-trasparenza, tar-responsabbilità u ta' l-effiċjenza, u l-ħtieġa li jkun hemm fokus fuq is-simplifikazzjoni tal-proposti filwaqt li jiġi rispettat l-ordni legali ta' l-Unjoni (Punt 3).

B'mod sinifikanti, l-importanza li jiġu rikonċiljati l-pożizzjonijiet tat-tliet istituzzjonijiet fi stadju bikri tal-proċedura ġiet miżjuda mat-test tad-Dikjarazzjoni bil-ħsieb li titjieb l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (Punt 4).

Il-punti dwar il-kuntatti interistituzzjonali u l-koordinazzjoni tal-kalendarji ta' ħidma tmexxew mit-taqsima dwar l-Ewwel Qari għat-taqsima dwar il-Prinċipji Ġenerali, b'hekk jikkunsidraw il-fatt li għandhom japplikaw għall-istadji kollha tal-proċedura ta' kodeċiżjoni (Punt 5).

It-twaqqif ta' skeda indikattiva għad-diversi stadji tal-proċedura, issuġġeriet b'punt ġdid tad-Dikjarazzjoni, huwa konformi ma' l-objettiv globali għat-titjib ta' l-effiċjenza u t-tul ta' żmien tat-teħid tad-deċiżjoni u diġa' jinsab imħaddan fl-IIA dwar "Leġiżlazzjoni Aħjar" (Punt 6).

Triloġiji (laqgħat bejn tliet partijiet) jissemmew espressament fit-test rivedut sabiex jiġi kkonfermat il-valur prattiku tagħhom fil-kors għat-tiftix ta' ftehim matul l-ewwel stadji tal-kodeċiżjoni u biex jiġi nkorraġġit l-użu akbar tagħhom. Id-dikjarazzjoni l-ġdida tistabilixxi prinċipji ta' gwida għall-organizzazzjoni tagħhom u tissuġġerixxi t-tħabbir tagħhom bil-quddiem (Punti 7, 8 u 9).

Punt ġdid dwar l-attendenza tal-laqgħat tal-kumitat parlamentari mill-Presidenza tal-Kunsill u talbiet għal informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill huwa l-ewwel pass lejn l-objettiv tal-Parlament għat-titjib tad-djalogu bejn iż-żewġ fergħat leġiżlattivi (Punt 10). Għalkemm ma tmurx lil hinn daqs il-proposta oriġinali tal-Parlament, hija aċċettabli bħala parti ta' kompromess globali, peres li hemm xi titjib meta mqabbel ma' l-IIA dwar "Leġiżlazzjoni Aħjar".

L-EWWEL QARI:

Dwar l-istruttura, l-element innovativ tat-test rivedut huwa t-tqassim tat-taqsima I antika (L-EWWEL QARI) f'żewġ sotto-taqsimiet: -"Ftehim fl-istadju ta’ l-ewwel qari fil-Parlament Ewropew"; -Ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill". Dan jikkorrispondi maż-żewġ għażliet possibli fl-Artikolu 251 TEC għal konklużjoni bikrija tal-proċedura ta' kodeċiżjoni fl-ewwel qari.

Id-Dikjarazzjoni riveduta tirrikonoxxi l-prattika ta' negozjati informali bejn l-istituzzjonijiet u l-finalizzazzjoni, permezz ta' skambju ta' ittri, ta' ftehimiet milħuqa matul tali negozjati.

IT-TIENI QARI:

Kuntrarjament għat-taqsima preċedenti (L-EWWEL QARI), din it-taqsima (IT-TIENI QARI) għandha biss sotto-taqsima waħda wara r-rimarki ġenerali tal-bidu: "Ftehim fl-istadju tat-tieni qari fil-Parlament Ewropew".

Il-Punt 20 jintroduċi l-prinċipju tal-konsultazzjoni bil-għan li titwaqqaf data tajba għal kulħadd għat-trasmissjoni tal-pożizzjonijiet komuni. Minkejja li l-kliem tat-test jorbot inqas minn dak maħsub mill-Parlament, kien ikkunsidrat aċċettabli bħala parti minn kompromess globali. Anke fil-forma preżenti tagħha, id-dispożizzjoni l-ġdida turi l-prontezza tal-Kunsill biex jikkunsidra l-kalendarju parlamentari meta jiddetermina d-data għat-trasmissjoni ta' pożizzjoni komuni.

Il-punt 21 fis-sotto-taqsima "Ftehim fl-istadju tat-tieni qari fil-Parlament Ewropew" issa jirrifletti l-irwol diġà stabbilit u iktar ċentrali tal-kuntatti interistituzzjonali u jfassal qafas ta' żmien bażiku għal kontinwazzjoni tagħhom (jiġifieri, malli l-pożizzjoni komuni tgħaddi lill-Parlament) sabiex jitħaffef il-proċess.

Bħal ma hu l-każ fit-taqsima preċedenti, taħt is-sotto-taqsima "Ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill" (Punt 18), ġie introdott punt biex jirrikonoxxi formalment l-aħjar prattika għall-iskambju ta' ittri biex jiġu ffinalizzati ftehimiet milħuqa permezz ta' negozjati informali (Punt 23).

KONĊILJAZZJONI:

Żewġ punti ġodda huma miżjuda fil-bidu ta' din it-taqsima (KONĊILJAZZJONI) tad-Dikjarazzjoni.

Skond l-aħjar prattiki li evolvew matul iż-żmien, hu ssuġġeriet li jsiru laqgħat trilogi malli jidher ċar li ma jistax jintlaħaq ftehim fit-tieni qari.

Tali laqgħat għandhom ikomplu matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni sabiex isiru t-tħejjijiet meħtieġa sabiex jintlaħaq ftehim (Punti 24 u 25).

Sentenza ta' kjarifika hi miżjuda mal-punt 29 li jistabilixxi l-kriterji għat-twaqqif konġunt tad-dati u ta' l-aġendi tal-laqgħat tal-Kumitat Konċiljatorju mill-co-chairpersons tiegħu (il-President tal-Parlament u l-President tal-Kunsill).

Il-punt 30 jikkonferma l-prattika tal-co-chairpersons tal-Kumitat Konċiljatorju li jittrattaw diversi suġġetti mhux kontroversjali (punti-A) fuq l-aġenda mingħajr dibattitu, li jagħmel il-proċess aktar flessibli.

Il-punt 32 issa japprova l-prinċipju ta' qsim ugwali tal-faċilitajiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

Taħt il-punt 33 l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament ġiet miżjuda mal-lista tad-dokumenti li għandhom ikunu disponibbli lill-Kumitat. Il-punt 33 jispjega wkoll li d-dokument ta' ħidma konġunt bejn id-delegazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill hu meħtieġ sabiex jiġu identifikati faċilment il-kwistjonijiet prinċipali u jiġu trattati b'iktar effiċjenza. Barra minn hekk, l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni hija estiża minn ġimgħatejn għal tliet ġimgħat wara l-wasla uffiċjali tar-riżultat tal-vot tal-Parlament biex jingħata perijodu ta' żmien aktar xieraq.

Il-punt 36 jikkonferma l-prinċipju li l-finalizzazzjoni legali-lingwistika għandha ssir qabel l-approvazzjoni formali tat-testi proposti miż-żewġ co-chairpersons, iżda jippermetti li abbozz ta' test konġunt jiġi ppreżentat liż-żewġ co-chairpersons tal-Kumitat Konċiljatorju qabel il-finalizzazzjoni legali-lingwistika f'każijiet eċċezzjonali, jekk meħtieġ, sabiex jintlaħqu l-iskadenzi stretti stipulati fl-Artikolu 251 tat-TEC.

Il-punt 37 iżid id-dispożizzjoni ġdida li dokumenti ta' ħidma użati matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni se jkunu disponibbli fir-Reġistru ta' kull istituzzjoni involuta meta titlesta l-proċedura. Dan jikkontribwixxi għat-titjib fit-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI:

Il-punt 40 ta' din it-taqsima (DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI) jikkonferma l-prinċipju li fir-rigward tal-finalizzazzjoni legali-lingwistika, is-servizzi tal-Parlament u tal-Kunsill jikkoperaw indaqs. Il-punt 41 espliċitament jipprojbixxi kwalunkwe bdil f'test diġa' miftiehem mingħajr il-qbil kemm tar-rappreżentanti tal-Parlament kif ukoll tal-Kunsill, fil-livell xieraq.

Titjib ieħor fid-Dikjarazzjoni hija l-ispeċifikazzjoni stipulata fil-punt 42 li l-finalizzazzjoni tat-testi miftehma għandha ssir b'kunsiderazzjoni xierqa lejn il-proċeduri differenti taż-żewġ istituzzjonijiet leġiżlattivi. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin ta' din il-proċedura, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jużaw l-iskadenzi għall-finalizzazzjoni legali-lingwistika tad-dokumenti biex jerġgħu jiftħu d-diskussjoni dwar kwistjonijiet sostantivi.

Sabiex titjib il-konsistenza tad-dokumenti, il-punt 43 jistipula li l-istituzzjonijiet għandhom jiftehmu dwar preżentazzjoni komuni tat-testi u l-punt 44 iżid li sa fejn hu possibbli għandhom jippruvaw jużaw klawsoli standard aċċettabbli reċiprokament (b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda dispożizzjonijiet dwar l-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni tal-poteri, id-dħul fis-seħħ, it-transpożizzjoni u l-applikazzjoni ta' l-atti u r-rispett għad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni).

Bil-għan li tiġi promossa t-trasparenza u jiġu evitati d-dikjarazzjonijiet żbilanċjati unilaterali, l-istituzzjonijiet qablu li jorganizzaw, sa fejn hu possibbli, komunikati għall-istampa u konferenzi stampa konġunti sabiex iħabbru r-riżultat pożittiv tax-xogħol tagħhom (Punt 45). F'dan ir-rigward ukoll, il-punt 47 issa jipprovdi għall-iffirmar ta' testi importanti miftehma waqt ċerimonja konġunta fil-presenza tal-midja. Barra minn hekk, il-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jirċievu t-testi għall-iffirmar fil-lingwi proprji tagħhom.

Il-punt 48 ġie rivedut biex jagħti aktar kjarezza dwar meta t-testi leġiżlattivi miftehma jkunu mistennija li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u jistipula li l-perijodu ta' żmien normali huwa ta' xahrejn wara l-adozzjoni ta' l-att leġiżlattiv mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Il-punt 49 jikkjarifika l-proċedura biex jiġu ttrattati żbalji identifikati fit-testi kemm qabel kif ukoll wara l-adozzjoni ta' test.

Kollox ma' kollox, id-Dikjarazzjoni riveduta ppreżentata lill-Parlament għall-approvazzjoni ttejjeb kemm l-istruttura kif ukoll il-kontenut tal-verżjoni ta' l-1999 billi żżid numru ta' dispożizzjonijiet importanti, li jadattaw id-dokument ma' l-aħjar prattiċi eżistenti u li jimmiraw li jsaħħu l-koperazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet bil-ħsieb li jitjiebu l-effiċjenza u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE.

REVIŻJONI TAD-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ARRANĠAMENTI PRATTIĊI GĦALL-PROĊEDURA TA’ KODEĊIŻJONI

(ARTIKOLU 251 TAT-TRATTAT KE)

RIŻULTAT TA’ LAQGĦA F’LIVELL POLITIKU TAT-13 TA’ DIĊEMBRU 2006

0. PRINĊIPJI ĠENERALI

1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, imsemmija hawn taħt bħala l-‘istituzzjonijiet’, jinnotaw li l-prattika kurrenti li tinvolvi taħdidiet bejn il-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni u ċ-'Chairmen' tal-kumitati relevanti u/jew rapporteurs tal-Parlament u bejn il-'co-chairmen' tal-Kumitat tal-Konċiljazzjoni pprovat is-siwi tagħha.

2. L-istituzzjonijiet jikkonfermaw li din il-prattika, li żviluppat fl-istadji kollha tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, għandha tkompli tiġi inkoraġġuta. L-istituzzjonijiet jintrabtu li jeżaminaw il-metodi ta’ ħidma tagħhom bil-fehma li jagħmlu użu aktar effettiv tal-qasam ta' applikazzjoni sħiħ tal-proċedura ta' kodeċiżjoni kif stabbilit mit-Trattat KE.

3. Din id-Dikjarazzjoni Konġunta tikkjarifika dawn il-metodi ta’ ħidma, u l-arranġamenti prattiċi biex jiġu segwiti. Din tikkomplementa l-Ftehim Interistituzzjonali dwar “Kif il-Liġijiet Jistgħu Jsiru Aħjar”[2] u notevolment id-dispożizzjonijiet tagħha relatati mal-proċedura ta' kodeċiżjoni. L-istituzzjonijiet jintrabtu b’mod sħiħ biex jirrispettaw impenji bħal dawn skond il-prinċipji ta’ trasparenza, responsabiltà u effiċjenza. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet għandhom joqogħdu attenti b’mod partikulari biex jagħmlu progress fuq proposti ta' simplifikazzjoni filwaqt li jirrispettaw l-acquis communautaire.

4. L-istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw in bona fede matul il-proċedura bil-għan li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun u b’hekk iwittu t-triq, fejn xieraq, għall-adozzjoni ta’ l-att fi stadju bikri tal-proċedura.

5. B’dan il-għan f’moħħhom, huma għandhom jikkoperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa biex josservaw il-progress tax-xogħol u janalizzaw il-livell ta’ konverġenza waqt l-istadji kollha tal-proċedura ta' kodeċiżjoni.

6. L-istituzzjonijiet, skond ir-regolamenti interni tal-proċedura tagħhom, jintrabtu li jpartu informazzjoni b’mod regolari dwar il-progress tal-fajls differenti ta' kodeċiżjoni. Huma għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom huma koordinati kemm jista’ jkun biex jiffaċilitaw it-tmexxija tal-proċedimenti b’mod koerenti u konverġenti. Għalhekk huma se jfittxu li jistabbilixxu kalendarju indikattiv għall-istadji varji li jwasslu għall-adozzjoni finali ta’ proposti leġiżlattivi differenti, filwaqt li jirrispettaw b’mod sħiħ in-natura politika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

7.

Koperazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ kodeċiżjoni ta’ sikwit tieħu l-forma ta’ laqgħat tripartitiċi (“trilogi”).

Din is-sistema triloga wriet il-vitalità u l-flessibilità tagħha fiż-żieda sinifikanti tal-possibiltajiet għal ftehim fl-ewwel jew fit-tieni stadju tal-qari, kif ukoll tikkontribwixxi għall-preparazzjoni tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

8. Laqgħat bħal dawn normalment jitmexxew f'qafas informali. Huma jistgħu jsiru fl-istadji kollha tal-proċedura u f’livelli differenti ta’ rappreżentazzjoni, skond in-natura tad-diskussjoni mistennija. Kull istituzzjoni, skond ir-regolamenti ta' proċedura tagħha stess, għandha taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati, u tgħarraf lill-istituzzjonijiet l-oħrajn b’arranġamenti għal-laqgħat kmieni.

9. Kemm jista’ jkun, kwalunkwe abbozz ta’ testi ta’ kompromess ippreżentat għal diskussjoni f’laqgħa li se ssir għandu jiġi ċċirkolat minn qabel lill-parteċipanti kollha. Biex tiġi mtejba t-trasparenza, trilogi li jsiru fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill għandhom jitħabbru, fejn hu prattikabbli.

10. Il-Presidenza se tagħmel ħilitha biex tattendi l-laqgħat tal-kumitati parlamentari. Se tikkunsidra b’attenzjoni t-talbiet li tista’ tirċievi biex tipprovdi informazzjoni relatata mal-pożizzjoni tal-Kunsill, kif xieraq.

I. L-EWWEL QARI

1. L-istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw in bona fede bil-għan li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun biex fejn huwa possibbli l-atti jkunu jistgħu jiġu adottati fl-ewwel qari.

Ftehim fl-istadju ta’ l-ewwel qari fil-Parlament Ewropew

2. Kuntatti xierqa għandhom jiġu stabbiliti biex jiffaċilitaw it-tmexxija ta’ proċedimenti fl-ewwel qari.

3. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita kuntatti bħal dawn u għandha tħaddem id-dritt tagħha ta’ inizjattiva b’mod kostruttiv bil-għan li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u l-irwol mogħti lilha mit-Trattat.

4.

Fil-każ ta’ ftehim li jkun intlaħaq permezz ta’ negozjati informali fi trilogi, iċ-'chairman' tal-Coreper għandu jibgħat, f’ittra liċ-'chairman' tal-kumitat parlamentari, dettalji tas-sustanza tal-ftehim, fil-forma ta’ emendi għall-proposta tal-Kummissjoni.

Din l-ittra għandha tindika r-rieda tal-Kunsill biex jaċċetta dak ir-riżultat, suġġett għal verifika lingwistika legali, jekk din tiġi kkonfermata bil-votazzjoni fil-plenarja. Kopja ta’ dik l-ittra għandha tintbagħat lill-Kummisjoni.

5. F’dan il-kuntest, fejn konklużjoni ta’ dossier fl-ewwel qari hija imminenti, informazzjoni dwar l-intenzjoni biex jiġi konkluż ftehim għandha tkun disponibbli kmieni kemm jista’ jkun.

Ftehim fl-istadju ta’ pożizzjoni komuni

6. F’każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim qabel l-ewwel qari tal-Parlament, kuntatti jistgħu jitkomplew bil-għan li jintlaħaq ftehim fl-istadju ta’ pożizzjoni komuni.

7. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita dawn il-kuntatti u għandha teżerċita d-dritt tagħha ta’ inizjattiva b’mod kostruttiv bil-għan li jiġu rikonċiljati l-pożizzjonijiet tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u l-irwol mogħti lilha mit-Trattat.

8. Jekk jintlaħaq ftehim, iċ-'chairman' tal-kumitat parlamentari għandu jindika, f’ittra liċ-'chairman' tal-Coreper, ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-plenarja biex tiġi aċċettata l-pożizzjoni komuni mingħajr emendi, suġġetta għal konferma tal-pożizzjoni komuni mill-Kunsill u għal verifika lingwistika legali. Kopja ta’ l-ittra għandha tintbagħat lill-Kummissjoni.

II. IT-TIENI QARI

1. Fid-dikjarazzjoni tiegħu ta’ raġunijiet, il-Kunsill għandu jispjega b’mod ċar kemm jista’ jkun ir-raġunijiet li wassluh biex jadotta l-pożizzjoni komuni tiegħu. Waqt it-tieni qari tiegħu, il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-akbar kunsiderazzjoni possibbli ta’ dawn ir-raġunijiet u tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

2. Qabel ma jittrasmetti pożizzjonijiet komuni, il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex jevalwa b’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni d-data tat-trasmissjoni tagħhom biex jiżgura l-effiċjenza massima tal-proċedura leġiżlattiva fit-tieni qari.

Ftehim fl-istadju ta’ l-ewwel qari fil-Parlament Ewropew

3. Għandhom ikomplu kuntatti xierqa hekk kif tintbagħat il-pożizzjoni komuni lill-Parlament, bil-għan li jinkiseb għarfien aħjar tal-pożizzjonijiet rispettivi u hekk dan iwassal lill-proċedura leġiżlattiva għal konklużjoni malajr kemm jista’ jkun.

4. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita kuntatti bħal dawn u tagħti l-opinjoni tagħha bil-għan li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, b’kusiderazzjoni xierqa għall-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u l-irwol mogħti lilha mit-Trattat.

5.

Fil-każ li jintlaħaq ftehim permezz ta’ negozjati informali trilogi, iċ-'chairman' tal-Coreper għandu jibgħat, f’ittra liċ-'chairman' tal-kumitat parlamentari, dettalji tas-sustanza tal-ftehim, fil-forma ta’ emendi għall-pożizzjoni komuni.

Din l-ittra għandha tindika r-rieda tal-Kunsill li jaċċetta dak ir-riżultat, suġġett għal verifika lingwistika legali, jekk din tiġi kkonfermata b’votazzjoni fil-plenarja. Kopja ta’ dik l-ittra għandha tintbagħat lill-Kummisjoni.

III.      KONĊILJAZZJONI

1. Jekk isir evidenti li l-Kunsill ma jkunx f’pożizzjoni li jaċċetta l-emendi kollha tal-Parlament Ewropew fit-tieni qari u meta l-Kunsill ikun lest biex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu, jiġi organizzat l-ewwel trilogu. Kull istituzzjoni, skond ir-regoli ta’ proċedura tagħha, għandha taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Kummissjoni għandha tindika, fl-iktar stadju bikri possibbli, liż-żewġ delegazzjonijiet l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-opinjoni tagħha dwar l-emendi tat-tieni qari tal-Parlament Ewropew. 

2. Laqgħat ta’ triloġija għandhom isiru matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni bil-għan li jirranġaw kwistjonijiet pendenti u li jippreparaw il-bażi biex jintlaħaq ftehim fil-Kumitat tal-Konċiljazzjoni. Ir-riżultati tat-trilogi għandhom jiġu diskussi u possibbilment approvati fil-laqgħat ta’ l-istituzzjonijiet rispettivi.

3. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jissejjaħ mill-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament Ewropew u b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

4. Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċedimenti tal-konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-għan li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jinkludu, inter alia, abbozzi ta’ testi ta’ kompromess li jqisu l-pożizzjonijiet tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew u b’kunsiderazzjoni xierqa ta' l-irwol mogħti lill-Kummissjoni mit-Trattat.

5. Il-Kumitat għandu jkun ippresjedut konġuntivament mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom ikunu preseduti b’mod alternat minn kull 'co-chairman' .

6. Id-dati u l-aġendi għal laqgħat tal-Kumitat għandhom jiġu stabbiliti b'mod konġunt mill-'co-chairmen' bil-għan ta’ ħidma effettiva tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni matul il-proċedura tal-konċiljazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonsultata dwar id-dati previsti. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirriservaw, għal raġunijiet ta’ gwida, dati xierqa għal proċedimenti ta’ konċiljazzjoni u għandhom javżaw lill-Kummissjoni dwarhom.

7. Fi kwalunkwe laqgħa waħda tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, il-'co-chairman' jista’ jdaħħal diversi dossiers fuq l-aġenda. Ħdejn is-suġġett prinċipali (“punt-B”), fejn ikun għadu ma ntlaħaqx ftehim, proċeduri ta’ konċiljazzjoni dwar suġġetti oħrajn jistgħu jinfetħu u/jew jingħalqu mingħajr diskussjoni fuq dawn il-punti (“punt-A”).

8. Filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar skadenzi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, kemm jista’ jkun, jikkunsidraw ir-rekwiżiti ta’ l-iskedar, b’mod partikulari dawk li jirriżultaw minn waqfiet fl-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet u mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. F’kull każ, il-waqfa fl-attivitajiet għandha tkun qasira kemm jista’ jkun.

9. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ b’mod alternat fil-bini tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bil-għan li l-faċilitajiet jinqasmu b’mod indaqs, inklużi l-faċilitajiet ta’ interpretazzjoni.

10. Il-Kumitat għandu jkollu disponibbli għalih il-proposta tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill u l-opinjoni tal-Kummissjoni dwarha, l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, l-opinjoni tal-Kummisjoni dwarhom u dokument ta’ ħidma konġunt mill-Parlament Ewropew u mid-delegazzjonijiet tal-Kunsill. Dan id-dokument ta’ ħidma għandu jgħin lill-utenti biex jidentifikaw l-argumenti konċernati faċilment u biex jirreferu għalihom b’mod effiċjenti. Il-Kummissjoni għandha, bħala regola ġenerali, tippreżenta l-opinjoni tagħha dwarhom fi żmien tliet ġimgħat minn meta tkun irċeviet uffiċjalment ir-riżultat tal-votazzjoni tal-Parlament u mhux aktar tard mill-bidu tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni.

11. Il-'co-chairman' jista’ jippreżenta testi għall-approvazzjoni tal-Kumitat.

12. Ftehim dwar test komuni għandu jiġi stabbilit f’laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jew, sussegwentement, bi skambju ta’ ittri bejn il-'co-chairmen'. Kopji ta’ ittri bħal dawn għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni.

13. Jekk il-Kumitat jilħaq ftehim dwar test konġunt, dan għandu, wara l-finalizzazzjoni lingwistika legali, jiġi ppreżentat lill-'co-chairmen' għall-approvazzjoni formali. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali biex jiġu rispettati l-iskadenzi, abbozz ta’ test konġunt jista’ jiġi ppreżentat lill-'co-chairmen' għall-approvazzjoni.

14. Il-'co-chairmen' għandhom jibagħtu t-test konġunt approvat lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta’ ittra ffirmata b'mod konġunt. Fejn il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma jkunx jista’ jaqbel dwar test komuni, il-'co-chairmen' għandhom javżaw b’dan lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f'ittra ffirmata b'mod konġunt. Ittri bħal dawn għandhom iservu bħala rekord uffiċjali. Kopji ta’ ittri bħal dawn għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni bħala tagħrif. Id-dokumenti ta’ ħidma użati waqt il-proċedura ta’ konċiljazzjoni se jkunu aċċessibbli fir-Reġistru ta’ kull istituzzjoni ladarba l-proċedura tkun konkluża.

15. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u s-Segretarjat tal-Parlament Ewropew għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala s-Segretarjat tal-Kumitat, f’assoċjazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.

IV. DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

1. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill iqis li hu essenzjali li jestendi l-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat KE, għandu javża dwarhom lill-President ta’ l-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni.

2. Fejn l-istituzzjonijiet jilħqu ftehim, fl-ewwel jew fit-tieni qari, jew waqt konċiljazzjoni, it-test miftiehem għandu jiġi finalizzat bis-servizzi legali/lingwistiċi tal-Parlament u tal-Kunsill li jaġixxu f’koperazzjoni mill-qrib u bi ftehim reċiproku.

3. M'għandomx isiru bidliet lil kwalunkwe test ta' kompromess miftiehem mingħajr ftehim espliċitu, fil-livell xieraq, tar-rappreżentanti kemm tal-Parlament u tal-Kunsill.

4. Il-finalizzazzjoni għandha ssir b’kunsiderazzjoni xierqa għall-proċeduri differenti taż-żewġ istituzzjonijiet, b’mod partikulari fir-rigward ta' l-iskadenzi għall-konklużjonijiet tal-proċeduri interni. L-istituzzjonijiet jintrabtu li ma jużawx l-iskadenzi stipulati għall-finalizzazzjoni lingwistika legali ta’ l-atti biex jinfetħu mill-ġdid diskussjonijiet dwar kwistjonijiet sostantivi.

5. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jaqblu dwar preżentazzjoni komuni tat-testi ppreparati b'mod konġunt miż-żewġ istituzzjonijiet.

6. Kemm jista’ jkun, l-istituzzjonijiet għandhom ifittxu li jużaw klawsoli standard aċċettabbli reċiprokament biex jiġu inkorporati fl-atti adottati taħt kodeċiżjoni b’mod partikulari dwar dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ twettieq (f’konformità mad-deċiżjoni ta' “komitoloġija”), id-dħul fis-seħħ, it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ atti u r-rispett għad-dritt ta’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

7. L-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex issir konferenza stampa konġunta biex iħabbru r-riżultat ta’ suċċess tal-proċess leġiżlattiv fl-ewwel, fit-tieni qari jew fil-konċiljazzjoni. Għandhom jagħmlu ħilthom ukoll biex jibagħtu stqarrijiet għall-istampa konġunti.

8. Wara l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv taħt il-proċedura ta’ kodeċiżjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, it-test għandu jiġi preżentat, għall-firma, lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill u lis-Segretarji Ġenerali taż-żewġ istituzzjonijiet.

9. Il-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jirċievu t-test għall-firma fil-lingwi rispettivi tagħhom u għandhom, kemm jista’ jkun, jiffirmaw it-test flimkien f’ċerimonja waħda li tiġi organizzata kull xahar bil-għan li jiġu ffirmati fajls importanti fil-preżenza tal-midja.

10. It-test iffirmat b'mod konġunt għandu jintbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali. Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali għandha normalment issir fi żmien xahrejn mill-adozzjoni ta’ l-att leġiżlattiv mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

11. Jekk waħda mill-istituzzjonijiet tidentifika żball sostantiv jew evidenti f’test (jew f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu), din għandha tavża minnufih lill-istituzzjonijiet l-oħrajn. Jekk l-iżball ikun f’att li jkun għadu ma ġiex adottat mill-ebda istituzzjoni, is-servizzi lingwistiċi legali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jippreparaw il-corrigendum meħtieġ b’koperazzjoni mill-qrib. Fejn dan l-iżball ikun sar f’att li jkun diġà ġie adottat minn waħda jew miż-żewġ istituzzjonijiet, sew jekk ikun ippubblikat sew jekk ma jkunx, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw, bi ftehim reċiproku, corrigendum miktub skond il-proċeduri rispettivi tagħhom.

PROĊEDURA

Title

Il-konklużjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni

Numru tal-proċedura

2005/2125(ACI)

Kumitat risponsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFCO23.4.2007

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Jo Leinen6.6.2005

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

19.3.2007

10.4.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

10.4.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Barón Crespo, Richard Corbett, Jean-Luc Dehaene, Andrew Duff, Maria da Assunção Esteves, Ingo Friedrich, Bronisław Geremek, Anneli Jäätteenmäki, Timothy Kirkhope, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Rihards Pīks, Marie-Line Reynaud, Adrian Severin, Riccardo Ventre

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Carlos Carnero González, Klaus Hänsch, Jacek Protasiewicz, Mauro Zani

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

                                                              

Data tat-tressiq

16.4.2007

 

Kummenti
(disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

  • [1]  ĠU C 279, 1.10.1999, p. 229.
  • [2]  ĠU 321/1, 31.12.2003