RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 programm speċifiku biex jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u biex jipproteġi vittmi f'riskju (Daphne III) bħala parti mill-programm ġenerali ''Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja''
18.4.2007 - (16367/1/2006 – C6‑0089/2007 – 2005/0037A(COD)) - ***II
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Lissy Gröner
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta' deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 programm speċifiku biex jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u biex jipproteġi vittmi f'riskju (Daphne III) bħala parti mill-programm ġenerali ''Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja''
(16367/1/2006 – C6‑0089/2007 – 2005/0037A(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (16367/1/2006 – C6‑0089/2007),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[1] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0122)[2] u dwar il-proposta emendata (COM(2006)0230)[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6‑0147/2007),
1. Japprova l-pożizzjoni komuni;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni komuni;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skond l-Artikolu 254(1) tat-Trattat KE;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju-Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni ta' l-att fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, 5.9.2006, P6_TA(2006)0333.
- [2] Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.
- [3] Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-programm DAPHNE hu programm speċifiku li jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza kontra it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u jipproteġi l-vittmi u l-gruppi fir-riskju, li opera b'suċċess minn meta twaqqaf fl-24 ta' Jannar 2000[1]. Fil-21 ta' April 2004 dan daħal fit-tieni fażi tiegħu[2], u din id-deċiżjoni hi biex tiġi stabbilita tielet fażi għall-programm.
Fit-13 ta' April 2005, il-Kummissjoni ressqet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u għall-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm speċifiku "Il-ġlieda kontra l-vjolenza (Daphne) u l-prevenzjoni tad-droga u l-informazzjoni dwarha" bħala parti mill-programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja", fuq il-bażi ta' l-Artikolu 152 tat-Trattat KE[3]. Il-fatt li ġew ikkumbinati l-prevenzjoni tad-droga u l-informazzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fi programm wieħed qajjem oġġezzjonijiet, u saru talbiet biex dawn il-kwistjonijiet jiġu trattati b'mod separat permezz ta' ittri lill-Viċi-Chairperson Frattini mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fit-23 ta' Settembru 2005, mir-rapporteur fit-18 ta' Ottubru 2005, kif ukoll fl-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fid-19 ta' Jannar 2006[4].
Il-Kummissjoni ressqet il-proposta emendata tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm speċifiku "Il-ġlieda kontra l-vjolenza (Daphne)" bħala parti mill-programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja" fit-30 ta' Mejju 2006[5].
Il-Parlament ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-5 ta' Settembru 2006, fejn adotta 53 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni[6].
Mill-aħħar ta' Settembru 2006 sa nofs Novembru 2006, saru numru ta' laqgħat informali bejn ir-rapporteur u r-rapporteurs tal-kumitati l-oħra, il-Presidenza fil-kariga u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Intlaħaq qbil dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fuq il-bażi ta' negozjati informali bejn it-tliet partijiet, u l-abbozz ta' test tressaq lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-20 ta' Novembru 2006. Fl-ittra tiegħu tat-23 ta' Novembru 2006, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ddikkjara li jekk it-test, suġġett għal verifika legali lingwistika, jiġi adottat bħala l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Parlament japprova t-test mingħajr emendi.
Fl-1 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill wera l-qbil politiku tiegħu dwar l-abbozz ta' pożizzjoni komuni. Bi qbil ma' l-Artikolu 251 tat-Trattat, il-Kunsill adotta b'mod unanimu l-pożizzjoni komuni tiegħu tal-5 ta' Marzu 2007[7].
Fil-pożizzjoni komuni tiegħu, il-Kunsill aċċetta 32 mill-emendi tal-Parlament: 7 emendi bis-sħiħ, 17 fil-prinċipju jew parzjalment, u ntlaħaq kompromess dwar 8 emendi. Il-Kunsill ma aċċettax 21 mill-emendi tal-Parlament. Waqt in-negozjati informali bejn it-tliet partijiet intlaħaq qbil dwar bidliet oħra li saru mill-Kunsill.
Bħala parti mill-kompromess sar ftehim li ssir dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament u mill-Kunsill li tistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-possibilità ta' inizjattiva għal Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa[8].
Permezz ta' l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni tiegħu, il-Kunsill irrikonoxxa s-suċċess tal-programm DAPHNE, u ta l-appoġġ unanimu tiegħu għall-kontinwazzjoni tal-programm għal tielet fażi, mill-2007 sa l-aħħar ta' l-2013. Il-Kunsill aċċetta l-objettivi prinċipali kemm fl-emendi tal-Parlament Ewropew kif ukoll fil-proposta tal-Kummissjoni. Iż-żieda fil-baġit għal EUR 116 850 000 (meta mqabbla ma' EUR 50 000 000, għal perjodu ta' ħames snin għall-programm DAPHNE II, u EUR 20 000 000, għal perjodu ta' erba' snin għall-programm DAPHNE I) tirrifletti r-rikonoxximent ta' l-importanza u tal-kisbiet tal-programm.
Fil-proċess tan-negozjati mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni komuni, il-Parlament irnexxielu jiddefendi numru ta' emendi tiegħu li kellhom l-għan li jtejbu t-trasparenza tal-programm, li jnaqqsu l-burokrazija, u b'hekk li jħaffu l-aċċess għall-programm għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi, u li jipprovdu servizzi biex jassistuhom fil-preparazzjoni ta' l-abbozzi ta' proposti. Fost affarijiet oħrajn, il-Parlament żgura li s-servizz tal-helpdesk li għandu suċċess kbir jibqa' u li jitwaqqaf grupp ta' esperti li jipprovdu pariri. Dwar il-kwistjoni tas-Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza, intlaħaq kompromess li ssir dikjarazzjoni konġunta separata.
Il-ftehima ta' kompromess negozjata għandha l-appoġġ tar-rapporteur u tar-rapporteurs tal-kumitati l-oħra, u għalhekk ir-rapporteur tipproponi l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill mingħajr emendi.
- [1] ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1.
- [2] ĠU L 143, 30.4.2004, p. 1.
- [3] COM(2005)0122.
- [4] ĠU C 69, 21.3.2006, p. 1.
- [5] COM(2006)0230..
- [6] Testi adottati, 5.9.5006, P6_TA (2006)0333.
- [7] Pożizzjoni komuni 16367/1/2006.
- [8] Addendum 6483/2007
PROĊEDURA
|
Titolu |
Programm speċifiku ‘Il-ġlieda kontra l-vjolenza (Daphne)” (2007/2013) |
|||||||
|
Referenzi |
16367/1/2006 - C6-0089/2007 - 2005/0037A(COD) |
|||||||
|
Data ta’ l-1 qari tal-PE - Numru P |
5.9.2006 T6-0333/2006 |
|||||||
|
Proposta tal-Kummissjoni |
||||||||
|
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja tal-komunikazzjoni tal-pożizzjoni komuni |
15.3.2007 |
|||||||
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
FEMM 15.3.2007 |
|||||||
|
Opinjoni mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
BUDG 6.3.2006 |
|
|
|
||||
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Lissy Gröner 20.3.2007 |
|
|
|||||
|
Data ta’ l-adozzjoni |
12.4.2007 |
|
|
|
||||
|
Riżultat tal-vot finali |
+: –: 0: |
16 0 1 |
||||||
|
Membri preżenti għall-vot finali |
Katerina Batzeli, Hiltrud Breyer, Věra Flasarová, Nicole Fontaine, Lissy Gröner, Esther Herranz García, Lívia Járóka, Piia-Noora Kauppi, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Urszula Krupa, Pia Elda Locatelli, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Christa Prets, Eva-Britt Svensson, Anna Záborská |
|||||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-vot finali |
Gabriela Creţu, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg |
|||||||
|
Data tat-tressiq |
18.4.2007 |
|||||||