RAPPORT dwar l-impatt u l-konsegwenzi tal-politiki strutturali fuq il-koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea

19.4.2007 - (2006/2181(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Francisca Pleguezuelos Aguilar

Proċedura : 2006/2181(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0150/2007
Testi mressqa :
A6-0150/2007
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatt u l-konsegwenzi tal-politiki strutturali fuq il-koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea

(2006/2181(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozzi ta’ Aġenda Territorjali ta’ l-UE u tal-Karta ta’ Leipzig,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta’ Jannar 2006 tal-Grupp ta’ Esperti Indipendenti dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, li nħoloq bħala segwitu għal-laqgħa ifnormali tal-kapijiet ta' Stat jew ta' gvern ta’ Hampton Court, dwar il-ħolqien ta’ Ewropa Innovattiva (Rapport Aho),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2006, bit-titlu “L-Istrateġija għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u r-riforma tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea – Ir-raba’ rapport intermedjarju dwar il-koeżjoni” (COM(2006)0281)

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Frar 2002, dwar it-tieni rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar l-irwol tal-koeżjoni territorjali fl-iżvilupp reġjonali[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar l-irwol ta' l-għajnuniet statali diretti bħala strument għall-iżvilupp reġjonali[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2005 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li permezz tiegħu nħoloq il-Fond ta' Koeżjoni[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ Marzu 2006 dwar ir-rilokalizzazzjonijiet fil-kuntest ta’ l-iżvilupp reġjonali[6],

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 dwar il-mozzjoni għal Regolament tal-Kunsill li permezz tiegħu inħoloq il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94[7],

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 dwar il-mozzjoni għal Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999[8],

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2006, dwar il-mozzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-Koeżjoni[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2006, dwar il-baġit 2007: Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Politika[10],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġit (A6-0150/2007),

A. billi m’hemmx dubju li l-politika ta’ koeżjoni għandha impatt pożittiv fuq il-koeżjoni fil-qasam soċjali, ekonomiku, territorjali u fuq it-titjib tal-livell tal-governanza f'livell lokali u reġjonali;

B.  billi dan l-impatt pożittiv ivarja minn reġjun għall-ieħor, dan ir-rapport jixtieq joffri rakkomandazzjonijiet għall-ottimizzar ta' l-impatti tul il-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni;

C. billi l-abbozzi ta’ l-Aġenda Territorjali ta’ l-UE u tal-Karta ta’ Leipzig qed jitħejjew sabiex jiġu adottati fil-laqgħa ministerjali informali dwar l-iżvilupp urban u l-koeżjoni territorjali li se ssir f’Leipzig fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007;

D. billi sabiex jittejjeb l-impatt tal-Fondi Strutturali fuq il-koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea huwa meħtieġ li l-SMEs ikollhom irwol akbar fl-attivitajiet ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni u fl-aċċess għas-servizzi ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi ddedikati għar-riċerka;

E.  billi skond ir-raba’ rapport intermedjarju dwar il-koeżjoni msemmi hawn fuq, it-tkabbir fil-PGD bejn l-1995 u l-2005 fit-13-il pajjiż ta’ koeżjoni kien akbar minn dak ta’ l-Ewropa tal-Ħmistax, jiġifieri 3.6% fis-sena meta mqabbel mat-2.2% fis-sena fl-Ewropa tal-Ħmistax;

F.  billi kull euro li jintefaq fl-UE fil-politiki ta’ koeżjoni jiġġenera medja ta 0.9 euro nfiq addizzjonali f’reġjuni anqas żviluppati (Objettiv Nru 1) u ta’ 3 euro f’reġjuni li qed jiżviluppaw (Objettiv Nru 2);

G. billi ċ-ċaqliq ħieles tal-forzi tas-suq mhux biżżejjed sabiex tinħoloq il-koeżjoni li xtaqu l-fundaturi ta’ l-Ewropa, u billi din il-koeżjoni teħtieġ azzjonijiet pubbliċi li jippermettu li jerġa’ jinħoloq bilanċ bejn ir-reġjuni;

H. billi l-politiki strutturali għandhom irwol importanti fit-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali u jeħtieġ li jadottaw ruħhom għall-isfidi ġodda li jiffaċċjaw it-territorji ta' l-UE, bħalma huma l-anzjanità demografika, l-iżvilupp tas-suq agrikolu, il-kwistjonijiet ta' l-immigrazzjoni, l-enerġija u l-bidla fil-klima;

I.   billi l-“poliċentriżmu” huwa l-leitmotiv ta’ l-Istrateġija Territorjali Ewropea, li għandha titqies fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-politika ġdida ta' koeżjoni;

J.   billi huwa meħtieġ li tikber il-viżibilità tal-politika ta’ koeżjoni;

1.  Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni fl-appoġġ tas-suq intern, permezz tal-kummerċ u ta’ l-impjiegi li jiġu ġġenerati permezz tat-tfassil u t-twettiq ta’ proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea;

2.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata politika strutturali integrata u sostenibbli li b'mod koerenti tgħaqqad l-appoġġ mill-Fondi Strutturali u mill-Fondi ta' Koeżjoni mal-bqija tal-politiki Komunitarji l-oħra; jitlob li din l-idea ta' politika integrata jkollha segwitu permezz ta' komunikazzjonijiet u taħriġ sabiex issir magħrufa u użata minn dawn kollha konċernati, partikularment minn dawk involuti direttament fil-prattika.

3.   Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-ilħuq ta' l-objettivi li ġew integrati b'mod transversali fil-politiki u fl-azzjonijiet kollha fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-politika ġdida ta' koeżjoni, sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza liema politiki pubbliċi nazzjonali u reġjonali jiffavorixxu l-konverġenza, u li tħejji komunikazzjoni dwar dan is-suġġett, bil-għan li teżamina l-possibilità li jgħaqqdu l-appoġġ minn riżorsi tal-politika ġejjiena ta’ koeżjoni ma’ politika nazzjonali ta' tkabbir u tajba għat-tkabbir, li għandha tiġi definita permezz ta’ indikaturi kwantifikabbli sabiex b’hekk tiżdied l-effiċjenza tal-politika ta’ koeżjoni;

5.  Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom itejbu l-kontribut mill-Fond Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjieġi, billi jsaħħu l-interrelazzjoni ta’ bejniethom, u li dan it-titjib għandu jintwera immedjatament permezz ta' l-indikaturi relevanti sabiex tkun promossa l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfittex modi ġodda ta’ kif tgħaqqad il-politki u l-istrumenti strutturali ma’ politiki u għodod komunitarji oħra li għandhom l-għan li jkabbru s-sinerġiji għall-promozzjoni tal-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni sostenibbli fuq l-eżempju tax-xogħol tat-taskforce ta' bejn is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea maħsuba għal dawn l-oqsma;

7.  Jirrakkomanda lir-reġjuni u lill-Istati Membri li fil-programmi operattivi jistabbilixxu objettivi kwantifikati fil-qasam tar-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jeżaminaw jekk hux vijabbli rekwiżit bħal dak propost fir-Rapport Aho, jiġifieri li mill-inqas 20% tal-Fondi Strutturali jintużaw fil-qasam tar-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni, sa mill-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, u biex ma jiffukawx biss fuq il-proġetti kbar u fuq iċ-ċentri ta' eċċellenza, imma li jagħtu każ ukoll ta' proġetti iżgħar f'reġjunijiet anqas vantaġġati, b'mod partikulari dawk li jikkontribwixxu għal żvilupp reġjonali sostenibbli;

9.  Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu l-ħolqien ta’ animatur tat-teknoloġija, fuq l-iskala lokali u reġjonali (bl-użu tar-riżorsi eżistenti bħalma huma n-netwerks ta' l-Euro Info Centres u ta' l-Innovation Relay Centres), li jkunu ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u assoċjati mal-proġetti reġjonali, parks teknoloġiċi, clusters u netwerks, u li jiddinamizzaw l-innovazzjoni fl-intrapriżi, b’mod partikulari fl-SMEs, billi jiffaċilitawlhom l-aċċess għal għajnuniet u programmi Ewropej;

10.  Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tfassil ta’ l-abbozzi ta’ l-Aġenda Territorjali ta’ l-UE u tal-Karta ta’ Leipzig, iżda f’dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li t-tnejn jispeċifikaw b’aktar preċiżjoni d-definizzjoni tal-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-objettivi msemmija fiż-żewġ dokumenti ta’ strateġija u x'għandu jkun l-involviment ta' l-Istati Membri; fil-qafas tal-Kunsill Informali ta' Leipzig ta' l-24 u l-25 ta' Mejju 2007, jinsisti bil-qawwa li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom formalment favur żvilupp urban sostenibbli;

11.  Iqis li evalwazzjoni ta' l-impatt fit-tul u f'perjodi oħrajn ta' rikors tal-Fondi Strutturali hija indispensabbli għat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni ġejjiena u għall-immaniġġjar baġitarju tajjeb f’dan il-qasam;

12.  Jipproponi lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex jippromwovu prassi tajba u biex ikejlu l-impatt tal-politiki Komunitarji fuq il-koeżjoni permezz ta' indikaturi relevanti, billi jagħtu lill-Osservatorju fin-netwerk ta' l-ippjanar tat-territorju Ewropew (ORATE) r-riżorsi u l-irwol meħtieġa sabiex jaġixxi ta’ veru osservatur ta’ l-impatt tal-politiki strutturali fuq il-koeżjoni;

13. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa wkoll l-impatt fuq it-territorji ta' l-"earmarking" u b'mod partikulari biex tevalwa jekk dawn l-allokazzjonijiet partikulari ta' approprijazzjonijiet Ewropej għall-oġġettivi ta' Liżbona jgħinux tabilħaqq għal żvilupp reġjonali ekwilibrat u koerenti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni kif ukoll lill-awtoritajiet lokali b’mod partikulari dawk ta’ l-objettiv ta' konverġenza, sabiex jagħtu prijorità lil miżuri li jiffavorixxu l-iżvilupp sħiħ u l-ħolqien ta’ zoni poliċentriċi bil-għan li jiġu evitati żbilanċi territorjali;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali kif ukoll lil dawk lokali sabiex janalizzaw liema huma l-istrumenti l-aktar xierqa għall-kisba ta' bilanċ territorjali bejn zoni urbani u dawk rurali, li jiggarantixxu kumplimetarjetà bejn l-iżvilupp rurali u dak reġjonali, billi jiffavorixxu approċċ strateġiku integrat ta' l-iżvilupp taz-zoni urbani b'rabta maz-zoni periurbani u rurali tal-viċinanza ("it-territorju ħaj"), u filwaqt li jistimulaw l-iskambju ta' prassi tajba, b'mod speċjali fin-netwerks territorjali u settorjali, għal immaniġġjar aħjar tal-fondi, b'mod partikulari fil-qafas tal-"Ġimgħa Ewropea tar-reġjuni u ta' l-ibliet" fi Brussell;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jagħmlu aktar użu mill-Fondi Strutturali sabiex ikunu jistgħu jagħtu spinta lill-iżvilupp indipendenti u sostenibbli ta' reġjuni b'emigrazzjoni netta u sabiex jikkumbattu l-konsegwenzi negattivi tal-bidla demografika;

17. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jinkuraġġixxu l-kontribuzzjoni tal-politika ta' koeżjoni biex titwettaq l-istrateġija ġdida għall-iżvilupp sostenibbli li tikseb l-enerġija tagħha minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded, li għandha sistema ta' trasport li tesplojta b'aktar effiċjenza l-possibilitajiet intermodali, li tagħmel użu mill-ġdid u li tirriċikla;

18. Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni kif ukoll lill-awtoritajiet lokali sabiex jappoġġaw u jistimulaw attivitajiet ekonomiċi marbuta ma’ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda fiz-zoni rurali, speċjalment minħabba li dawn m’għandhomx bżonn li jkunu fiżikament qrib taċ-ċentri urbani l-kbar;

19. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni territorjali għall-politika ta’ koeżjoni u jistieden lill-awtoritajiet maniġerjali sabiex jippromwovu l-koperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali permezz tal-ħolqien ta’ netwerks territorjali u settorjali differenti ta’ koperazzjoni; kif ukoll l-iskamjbu ta' esperjenzi u prattiki tajbin fil-livell reġjonali u lokali permezz ta' l-inizjattiva "Ir-reġjuni favur il-bidla ekonomika";

20. Jitlob li minbarra l-PGD ras għal ras, jintużaw indikaturi territorjali oħrajn sabiex jitkejjel il-livell tal-koeżjoni, (imħassar) bħar-rata u l-kwalità ta’ l-impjiegi, u l-koeżjoni territorjali, bħal-livell ta’ differenza fil-PGD bejn reġjuni ġirien; l-indiċi ta' diċentralizzazzjoni u ta' l-aċċessibilità, l-allokazzjonijiet għall-infrastrutturi u għat-trasport, il-livell ta' attività fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, u d-diversità tal-produzzjoni fiż-żona;

21. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex flimkien mal-Eurostat, tikkunsidra l-użu ta’ indikaturi kwantittativi u kwalitattivi ta’ koeżjoni ġodda fir-rapport ta’ l-evalwazzjoni intermedjarja tal-progress tal-politika ġdida ta’ koeżjoni fl-2009;

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-effett ta’ “lieva” li għandhom il-Fondi Strutturali sabiex jattiraw l-investiment privat fil-qafas tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni, u biex jenfasizza l-ħtieġa ta’ koperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat;

23. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tikseb tagħrif aħjar dwar il-kwalità u s-sostenibiltà ta' l-impjiegi li jonħolqu permezz tal-Fondi Strutturali;

24. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li n-nuqqas ta' ħiliet amministrattivi jista’ jkun ostaklu kbir għall-ottimizzar ta’ l-impatt tal-politiki ta’ koeżjoni, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-istrument li jirrappreżentaw il-kuntratti u l-konvenzjonijiet tripartitarji u biex tkompli l-proċess ta’ tisħiħ tal-ħiliet amministrattivi waqt il-fażi tat-twettiq tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni permezz, fost l-oħrajn, ta' l-implimentazzjoni ta' netwerk ta' persunal ikkwalifikat biex jiggarantixxi l-koerenza ta' l-azzjonijiet ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet amministrativi, b'mod partikulari fil-livelli reġjonali u lokali, ta' Stat Membru nnifsu;

25. Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, prinċipju li jeżiġi li l-imsieħba jinżammu infurmati l-ħin kollu, li l-pożizzjonijiet tagħhom jiġu meqjusa f'dokumenti ta' evalwazzjoni u li jiġu pprovduti bil-miżuri għat-taħriġ meħtieġa biex iwettqu xogħolhom;

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-rigward tar-regolament ta’ l-implimentazzjoni, tistudja miżuri għat-tkabbir tal-viżibilità ta’ l-appoġġ, mhux biss għall-proġetti infrastrutturali l-kbar, iżda wkoll għall-proġetti ż-żgħar, biex teżerċita kontroll b'aktar reqqa fuq l-implimentazzjoni ta' miżuri obbligatorji ta' pubbliċità u biex jieħdu passi kontra l-Istati Membri li jinstabu ħatja ta' ksur serju ta' dawn ir-regolamenti; jistieden lill-awtoritajiet amministrattivi biex jassoċjaw il-parlamentarji Ewropej mal-komunikazzjoni fir-rigward ta' twettiq iffinanzjat permezz tal-fondi strutturali;

27. Jenfasizza, peress li l-proġetti ffinanzjati mill-Ewropa huma xhieda tal-preżenza ta' Ewropa qrib u solidarji, il-ħtieġa li l-awtoritajiet reġjonali u l-Istati Membri jirrispettaw u jikkonformaw mal-miżuri previsti fir-regolament ta’ l-implimentazzjoni sabiex tikber il-viżibilità tal-miżuri ta’ appoġġ, u li jintensifikaw l-isforzi tagħhom ta' komunikazzjoni billi joħorġu fl-evidenza r-riżultati prattiċi għaċ-ċittadin tal-politika ta’ koeżjoni;

28. Jemmen li jeħtieġ li jsiru studji ġodda biex jiġu żviluppati għadd ta' xenarji possibbli fil-futur għall-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE; iqis li għal dan il-għan għandhom jitqabblu l-effetti tal-programmi prinċipali ta' finanzjament (ERDF, EFS, l-ewwel pilastru tal-CAP, EAFRD) fuq l-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea b'27;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

  • [1]  ĠU C 284, 21.11.2002, p.209
  • [2]  ĠU C 227, 21.9.2006, p.88
  • [3]  ĠU C 286 E, 23.11.2006, p.501.
  • [4]  ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 289.
  • [5]  ĠU C 157, 6.7.2006, p.95
  • [6]  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p.123.
  • [7]  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79.
  • [8]  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
  • [9]  ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.
  • [10]  ĠU C 297 E, 7.12.2006, p.357.

NOTA SPJEGATTIVA

F’Lulju 2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw erba’ regolamenti li jiddefinixxu l-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni 2007-2014. Ftit wara ġew finalizzati l-linji gwida ta’ strateġija, filwaqt li tfassal ukoll il-qafas legali.

Issa li l-linji gwida ta’ strateġija tlestew, ser tibda l-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ din il-politika ġdida ta’ koeżjoni. Minkejja li l-punti prinċipali twettqu, xorta għad jistgħu jingħataw rakkomandazzjonijiet ġodda sabiex tiġi aġġustata l-implimentazzjoni tal-politika l-ġdida, bil-għan li jiġi massimizzat l-impatt tagħha fil-lat soċjali, ekonomiku, territorjali u ta’ governanza.

Barra minn hekk, ninsabu fil-fażi ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt tal-politika għall-perjodu ta’ programmazzjoni li għadda. Il-Kummissjoni qed taħdem fuq ir-raba’ rapport dwar il-koeżjoni li probabilment ser jiġi ppreżentat waqt il-laqgħa ministerjali dwar l-iżvilupp urban u l-koeżjoni territorjali li ser issir fl-24 u l-25 ta’ Mejju f’Leipzig, fil-Ġermanja. Fil-ħarifa ta' l-2007, il-Kummissjoni ser tniedi dibattitu msejjes fuq il-konklużjonijiet tar-raba' rapport ta’ koeżjoni, liema dibattitu jitratta l-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni. Bħalissa huwa possibbli li jingħata kontribut fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, li se jkun il-pedament għal dibattitu akbar dwar il-politika ta’ koeżjoni.

Dan id-dibattitu se jwassal għal diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġit ta’ l-UE maħsuba għall-2008/2009, li għaliha l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta rapport fil-bidu ta’ 2009. Minħabba li l-politika ta’ koeżjoni se ssir l-akbar linja baġitarja ta’ l-UE, għandha tiġi studjata bir-reqqa. Ikun utli li jiġi analizzat u mfakkar il-valur miżjud ta’ din il-politika qabel ma jibda d-dibattitu dwar ir-reviżjoni tal-baġit ta’ l-UE.

L-għan ta’ dan ir-rapport hu li jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-politika ġdida ta’ koeżjoni, jagħti kontribut għad-dibattitu dwar ir-raba’ rapport dwar il-koeżjoni u li jenfasizza l-irwol kruċjali tal-politika ta’ koeżjoni fil-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona u tal-koeżjoni. Dan ir-rapport, imsejjes fuq l-esperjenza tal-passat, irid jimmassimizza l-impatt tal-politika ġdida ta’ koeżjoni mil-lat soċjali, ekonomiku, territorjali u fuq il-governanza.

Għal dan il-għan, jagħmel sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet.

I. Titjib fis-sinerġija bejn il-politiki pubbliċi differenti

L-impatt tal-politika ta’ koeżjoni jista’ jittejjeb billi tiżdied is-sinerġija bejn il-politiki pubbliċi differenti fil-livell vertikali – bejn politiki nazzjonali, reġjonali u komunitarji – u fil-livell nazzjonali – bejn il-politiki komunitarji differenti.

Fil-livell vertikali, l-Istati Membri għandhom joqgħodu aktar attenti li jiżguraw li l-politiki nazzjonali tagħhom jiffavorixxu l-miżuri ta’ appoġġ iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, u li jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ l-istrateġiji ewlenin (Liżbona, l-Impjiegi eċċ.). Fil-livell orizzontali, il-politiki għandhom ikun aktar integrati u kombinabbli, b’mod partikulari fil-qasam ta’ l-innovazzjoni. Għandha tiġi faċilitata l-possibilità li jiġi akkumulati xi għajnuniet u xi miżuri sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu isaħħu l-isforzi tagħhom għall-iżvilupp.

II. Promozzjoni ta’ l-innovazzjoni

L-innovazzjoni hija kruċjali għat-titjib ta’ impatt ekonomiku tal-politika ta’ koeżjoni. Għaldaqstant, ir-rapport jagħmel sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni permezz tal-politika l-ġdida ta' koeżjoni, imsejsa fuq ir-rapport Aho.

L-SMEs għandhom irwol kruċjali għall-ilħuq ta’ l-objettiv taż-żieda fl-innovazzjoni. Fl-Unjoni Ewropea, meta mqabbla ma’ l-Istati Uniti, pereżempju, l-SMEs ma jinvestux biżżejjed fir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni. Madankollu l-SMEs huma partikularment adattati għall-promozzjoni tal-konverġenza ta’ reġjuni inqas żviluppati. Għaldaqstant, ikun xieraq li jsiru proposti għal miżuri li jgħinu sabiex jintegħleb dak kollu li jxekkel l-innovazzjoni. Dawn il-proposti jinkludi l-idea ta' “animatur tat-teknoloġija” u l-ħolqien ta' objettivi kwantifikati ambizzjużi iżda realistiċi.

III. Tisħiħ tad-dimensjoni territorjali tal-koeżjoni

Il-konferenza intergovernattiva żiedet l-objettiv tal-koeżjoni territorjali bħala t-tielet dimensjoni tal-koeżjoni fit-trattat kostituzzjonali. Minn dak in-nhar, l-objettiv ġie aċċettat politikament, minkejja l-fatt li t-trattat kostituzzjonali għadu ma ġiex ratifikat. Il-koeżjoni territorjali ssemmiet fit-tielet rapport dwar il-koeżjoni u fil-linji gwida ta’ strateġija, u ser tiġi analizzata wkoll fir-raba’ rapport dwar il-koeżjoni f’Mejju 2007. Madankollu, baqa’ ħafna aktar xi jsir għat-tisħiħ ta’ dan l-objettiv.

L-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig, li ser jiġu adottati fl-aħħar ta’ Mejju fil-laqgħa ministerjali dwar l-iżvilupp urban u l-koeżjoni territorjali, ser jistipulaw l-objettivi tal-koeżjoni territorjali, iżda jinħtieġ li jissawru aktar miżuri sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. Il-kunċett ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt territorjali jista’ jkun għodda tajba għat-tisħiħ tal-kunċett. L-evalwazzjoni ta’ l-impatt territorjali għandha l-għan li tkabbar l-effetti pożittivi ta’ l-investiment fuq l-iżvilupp reġjonali. Fil-livell nazzjonali, xi Stati diġa għandhom tradizzjoni ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt territorjali. Isiru, pereżempju, fil-Ġermanja (Raumordnungsverfahren) u fl-Awstrija (Raumverträglichkeitsprüfung), iżda ma jeżistix qafas komuni għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

Il-“poliċentriżmu” għandu jkun il-leitmotiv tad-dimensjoni territorjali. F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li jintlaħaq bilanċ bejn zoni rurali u dawk urbani, u li jiġu appoġġati attivitajiet ekonomiċi f’inħawi mbiegħda miċ-ċentri urbani l-kbar.

IV. Kejl aktar preċiż tal-konverġenza bejn ir-reġjuni u l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni

Id-diskussjoni tar-raba’ rapport dwar il-koeżjoni għandha tinkludi wkoll dibattitu dwar l-indikaturi tal-koeżjoni u l-metodi li jkejlu l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni u ta’ politiki komunitarji oħra fuq il-koeżjoni.

Il-PGD juri l-konverġenza ekonomika tar-reġjuni, iżda mhux biżżejjed sabiex titkejjel il-konverġenza soċjali jew dik territorjali. Jeżistu reġjuni anqas żviluppati b’rata tajba ta' tkabbir ekonomiku, iżda b’rata ta’ impjiegi li qed tonqos, u dan għandu impatt inkwetanti fuq l-iżvilupp demografiku ta’ dawn ir-reġjuni. Jeħtieġ li jintużaw indikaturi oħra li jiddefinixxu il-ħtiġijiet ta’ dawn ir-reġjuni.

Sabiex jitjiebu s-sinerġiji bejn id-diversi politiki pubbliċi fil-livell orizzontali, huwa meħtieġ għarfien aħjar ta’ l-impatt ta’ dawn il-politiki fuq il-koeżjoni. Neħtieġu xi tip ta’ osservatorju ta’ l-impatt tal-politiki komunitarji sabiex il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jiksbu tagħrif aktar preċiż dwar ir-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni, sabiex din il-politika tintuża b’mod aħjar mill-Istati Membri u mir-reġjuni.

V. Titjib fil-governanza u żieda fil-viżibilità tal-politika ta’ koeżjoni

Ma jistax jiġi miċħud li l-politika ta’ koeżjoni għandha impatt pożittiv fuq il-governanza fl-Ewropa. Il-prinċipju tal-koperazzjoni, li jinkludi lis-soċjetà ċivili u lil-livelli kollha ta’ l-amministrazzjoni, biddel is-sistema amministrattiva f’ħafna pajjiżi benefiċjarji tal-Fondi Strutturali.

Għall-Ewropa tat-12, li huma l-akbar benefiċjarji tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni, l-implimentazzjoni tagħha hija sfida kbira. L-UE tappoġġa lit-12-il pajjiż membru ġdid fl-isforzi tagħhom għat-tisħiħ tal-ħiliet amministrattivi tagħhom. Dan il-proċess għandu jkompli fil-fażi ta’ l-implimentazzjoni tiegħu. L-UE għandha wkoll tiżgura l-Fondi Strutturali jintefqu b’effiċjenza. It-telqa ta’ proġetti li diġa ġew kofinanzjati mill-UE għandha tiġi penalizzata b’mod rigoruż, bil-għan li tiskoraġġixxi lill-awtoritajiet milli jaħlu l-fondi billi ma jtemmux il-proġetti.

Il-politika ta’ koeżjoni mhux biss trasformat is-sistema amministrattiva ta’ l-Istati Membri u tar-reġjuni tagħhom, iżda saħħet ukoll il-viżibilità ta’ l-UE għaċ-ċittadini kif ukoll enfasizzat iż-żieda ta’ appoġġ ta’ l-UE f’reġjuni li gawdew b’mod sostanzjali mill-politika ta’ koeżjoni. Sfortunatament, il-miżuri għat-tkabbir tal-viżibilità tal-miżuri ta’ appoġġ mhux dejjem jiġu rispettati, u ma japplikawx għall-proġetti ż-żgħar. Sabiex jissaħħaħ l-impatt pożittiv tal-politika ta’ koeżjoni fuq l-appoġġ għall-UE, huwa meħtieġ li tikber il-viżibilità tal-miżuri kollha ta’ appoġġ.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġit (25.1.2007)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-impatt u l-konsegwenzi tal-politiki strutturali fuq il-koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea
(2006/2181(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nathalie Griesbeck

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li sejjer jadotta:

1.  Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni għandhom irwol importanti fl-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' Liżbona, b'mod partikolari fis-settur ta' l-innovazzjoni;

2.  Jikkunsidra l-Fondi Strutturali bħala strument essenzjali għas-sostenn tal-kapaċità ta' innovazzjoni, b'mod partikolari biex titwettaq il-koeżjoni u jonqsu d-disparitajiet ekonomiċi bejn ir-reġjuni; jipproponi li jiżdiedu b'mod konsiderevoli l-Fondi Strutturali allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni;

3.  Jinsab imħasseb, dwar il-fatt li filwaqt li l-organi ta' l-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu l-importanza kruċjali li għandha l-promozzjoni ta' l-innovazzjoni, l-approprjazzjonijiet allokati għar-riċerka u l-iżvilupp ma jissodisfawx il-bżonnijiet effettivi ta' l-Unjoni b'mod li tkun żgurata l-kompetittività tagħha;

4.  Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni hija indispensabbli għall-ħolqien ta' l-impjiegi fl-Ewropa;

5.  Jinsisti fuq il-bżonn li tkun disponibbli sistema approfondita ta' partenarjati, pubbliċi u privati flimkien, sabiex jiġu kkompletati l-finanzjamenti pubbliċi li joffru l-Istati Membri u l-Unjoni; jinnota li s-suċċess ta' dawn l-attivitajiet se jiddependi essenzjalment mis-sinerġija tal-parteċipanti potenzjali;

6.  Jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess ta' l-SMEs għall-finanzjamenti mill-Fondi Strutturali sabiex ir-rapport bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji mill-infiq ta' l-Unjoni jikber għall-ġid taċ-ċittadin Ewropew; f'dan ir-rigward, iqis li jkun xieraq li titħeġġeġ diversifikazzjoni akbar tal-finanzjamenti u li jkun hemm interess b'mod partikolari biex jiġi żviluppat aktar il-potenzjal tal-kapitali ta' riskju;

7.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinħolqu poli u zoni ta' innovazzjoni fil-livell reġjonali u biex dawn jingħaqdu permezz ta' netwerks ma' strutturi relattivi f'reġjuni oħra u fi Stati Membri jew terzi pajjiżi.

PROĊEDURA

Titolu

Kontribuzzjonijiet tal-politika reġjonali tal-ġejjieni għall-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-Unjoni

Numru tal-proċedura

2006/2104(INI)

Kumitat responsabbli

REGI

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG
18.5.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Nathalie Griesbeck
20.9.2004

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

25.1.2007

 

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

25.1.2007

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Richard James Ashworth, Reimer Böge, Salvador Garriga Polledo, Monica Maria Iacob-Ridzi, Janusz Lewandowski, Mario Mauro, Nina Škottová, László Surján, Herbert Bösch, Brigitte Douay, Neena Gill, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Vladimír Maňka, Dan Mihalache, Gianni Pittella, Yannick Vaugrenard, Ralf Walter, Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Anne E. Jensen, Jan Mulder, Kyösti Virrankoski, Wiesław Stefan Kuc, Wojciech Roszkowski, Gérard Onesta.

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig, Hans-Peter Martin.

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

PROĊEDURA

Titolu

L-impatt u l-konsegwenzi tal-politiki strutturali fuq il-koeżjoni ta’ l-UE

Numru tal-proċedura

2006/2181(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

REGI
6.7.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG
6.7.2006

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Francisca Pleguezuelos Aguilar
2.5.2006

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

18.12.2006

22.1.2007

27.2.2007

 

Data ta' l-adozzjoni

12.4.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Jana Bobošíková, Antonio De Blasio, Vasile Dîncu, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Ambroise Guellec, Gábor Harangozó, Marian Harkin, Jim Higgins, Alain Hutchinson, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Evgeni Kirilov, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Mario Mantovani, Sérgio Marques, Miguel Angel Martínez Martínez, Yiannakis Matsis, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Bernard Poignant, Wojciech Roszkowski, Stefan Sofianski, Catherine Stihler, Margie Sudre, Andrzej Jan Szejna, Kyriacos Triantaphyllides, Oldřich Vlasák

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Brigitte Douay, Den Dover, Richard Falbr, Emanuel Jardim Fernandes, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Jürgen Schröder, Lydia Shouleva, László Surján

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Cocilovo, Andrea Losco

Data tat-tressiq 

19.4.2007

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...