RAPPORT dwar il-konsegwenzi fuq is-saħħa pubblika tat-tiġrifa ta’ Thule fl-1968 (Petizzjoni 720/2002)
20.4.2007 - (2006/2012(INI))
Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Diana Wallis
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-konsegwenzi fuq is-saħħa pubblika tat-tiġrifa ta’ Thule fl-1968 (Petizzjoni 720/2002)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-petizzjoni 720/2002,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat KE, li jagħti lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt li jagħmel petizzjoni lill-Parlament Ewropew skond l-Artikolu 194 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 107c tat-Trattat EAEC u l-Artikolu 194 tat-Trattat KE, li jagħtu lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u lil kull persuna fiżika jew legali li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni tagħha fi Stat Membru, id-dritt li jindirizzaw, b’mod individwali jew flimkien ma’ ċittadini jew persuni oħra, petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar kwistjoni li taqa’ taħt wieħed mill-oqsma ta’ attivitajiet tal-Komunità u li taffettwa lilu jew lilha direttament,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw minn radjazzjoni jonizzanti[1],
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ April 2005 u tad-9 ta’ Marzu 2006 fil-Każijiet C-61/03 l-Kummissjoni kontra r-Renju Unit u C-65/04 l-Kummissjoni kontra r-Renju Unit,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 192(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6 0156/2007),
A. meta jqis il-kwistjonijiet sostanzjali u l-problemi serji li qajjem il-petizzjonant u l-importanza vitali ta’ l-objettiv li tkun protetta s-saħħa tal-pubbliku u l-ambjent kontra l-perikli relatati ma’ l-użu ta’ l-enerġija nukleari, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet,
B. billi l-petizzjoni żvelat li ħaddiema u membri tal-pubbliku ġew affettwati minn radjazzjoni minn plutonju perikoluż ħafna użat għall-armi wara t-tiġrifa tal-B-52 ta’ l-Istati Uniti li kien qed iġorr armi nukleari f’Thule fi Greenland fl-1968,
C. billi ħafna minn dawk li baqgħu ħajjin wara t-tiġrifa ta’ Thule mietu minn mard relatat mar-radjazzjoni minħabba nuqqas ta’ monitoraġġ mediku, u dawk li baqgħu ħajjin sa llum huma f’riskju li jimirdu b’mard fatali bħal dan,
D. billi l-monitoraġġ tas-saħħa ta’ dawk li baqgħu ħajjin wara t-tiġrifa ta’ Thule jiffaċilita l-iskoperta kmieni ta’ mard mir-radjazzjoni u t-trattament tiegħu,
E. billi l-Gvern Daniż wera l-intenzjoni tiegħu li jippromwovi trasparenza massima dwar l-operazzjoni ta’ “tindif” wara t-tiġrifa ta’ Thule,
F. billi l-Artikolu 2(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (EAEC) jistqarr li l-Komunità għandha “tistabbilixxi standards ta’ sikurezza uniformi sabiex tkun protetta s-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali u sabiex ikun żgurat li huma jkunu applikati”,
G. billi l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta’ l-opinjoni li l-Kapitolu tat-Trattat EAEC dwar is-Saħħa u s-Sikurezza huwa “kumpless koerenti li jagħti poteri lill-Kummissjoni b’kamp ta’ applikazzjoni konsiderevoli sabiex il-popolazzjoni u l-ambjent ikunu protetti kontra r-riskji ta’ kontaminazzjoni nukleari”[2] u billi l-Qorti kienet ukoll favur interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjonijiet ta' dak il-Kapitolu sabiex “tkun żgurata l-protezzjoni konsistenti u effettiva tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjonijiet jonizzanti, ikun xi jkun is-sors tagħhom”[3],
H. billi l-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka rrifjutaw b’mod konsistenti li jirrikonoxxu l-applikabilità tat-Trattat EAEC u l-leġiżlazzjoni sekondarja adottati taħtu għall-effetti ta’ wara tat-tiġrifa ta’ Thule,
1. Jinnota li, skond il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli ġodda tal-liġi Komunitarja japplikaw, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li ġraw qabel ma r-regola l-ġdida daħlet fis-seħħ;
2. Jikkonkludi li t-Trattat EAEC kien applikabbli u jorbot immedjatament fuq ir-Renju tad-Danimarka mid-data tad-dħul tiegħu, bir-riżultat li huwa applika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul tar-Renju tad-Danimarka fil-Komunitajiet;
3. Josserva li t-Trattat EAEC applika għal Greenland għal tnax-il sena mid-dħul tad-Danimarka fl-1973 sad-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1985, tat-Trattat li jemenda, fir-rigward ta’ Greenland, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej; Madankollu, iqis li minħabba li dan it-Trattat m’għandu l-ebda effett retroattiv, ir-Renju tad-Danimarka jibqa’ marbut bi kwalunkwe obbligu legali eżistenti relatat ma’ ġrajjiet li seħħew fit-territorju ta’ Greenland qabel l-1 ta’ Jannar 1985 u, barra minn hekk, iqis li l-effetti ta’ wara fuq is-saħħa tal-bniedem tat-tiġrifa ta’ l-1968 m’humiex limitati għal Greenland, minħabba li jidher li ħafna mill-ħaddiema, inklużi ċittadini Ewropej, marru joqogħdu fl-art prinċipali tad-Danimarka minn dak iż-żmien;
4. Jinnota l-każistika reċenti skond liema t-Trattat EAEC "mhux applikabbli għall-użu ta’ l-enerġija nukleari għal skopijiet militari”[4]; madankollu, iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja rabtet b’mod ċar l-interpretazzjoni restrittiva tagħha għall-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat EAEC mal-ħtieġa li jkunu protetti l-interessi ta’ difiża nazzjonali essenzjali ta’ l-Istati Membri;
5. Jinsisti li l-limitazzjonijiet imsemmija hawn fuq dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat EAEC m’għandhomx ikunu invokati sabiex ma tkunx applikata l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza f’sitwazzjonijiet fejn l-iskop militari allegat jikkonċerna Stat terz, fejn l-użu ta’ l-enerġija nukleari jikser ftehima internazzjonali, u fejn l-unika konnessjoni preżenti fattibbli ma’ interess ta’ difiża ta’ Stat Membru hija li r-rilaxx ta’ materjal nukleari seħħ fuq it-territorju tiegħu;
6. Jinnota li l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 96/29/Euratom japplika għal każijiet ta’ esponiment fit-tul li jirriżultaw mill-effetti ta’ wara ta’ emerġenza radjoloġika;
7. Jistieden lir-Renju tad-Danimarka, f’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet ta’ Greenland, u f’konformità ma’ l-Artikolu 38 tad-Direttiva, sabiex “iniedi miżuri ta’ sorveljanza u ta’ intervent” fir-rigward ta’ l-effetti ta’ wara tat-tiġrifa ta’ Thule li qed jippersistu, u, f’konformità ma’ l-Artikolu 53 ta’ dik id-Direttiva, sabiex jagħmel “arranġamenti għall-monitoraġġ ta’ l-esponiment” u sabiex jimplimenta “kwalunkwe intervent xieraq (...) filwaqt li jqis il-karatteristiċi reali tas-sitwazzjoni”;
8. Billi jqis li d-drittijiet fundamentali jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, u filwaqt li jqis l-obbligi pożittivi mitluba mill-Artikoli 2 u 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jistieden lil dawk l-Istati Membri involuti f’attivitajiet perikolużi li jista’ jkollhom konsegwenzi ħżiena moħbija fuq is-saħħa ta’ dawk involuti f’tali attivitajiet, sabiex jiżguraw li tiġi stabbilita proċedura effettiva u aċċessibbli li tippermetti lil tali persuni jfittxu t-tagħrif kollu rilevanti u xieraq;
9. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw u japplikaw id-Direttiva 96/29/Euratom mingħajr dewmien, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni serja kontra kwalunkwe nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi tagħhom f'dak ir-rigward;
10. Jiddubita jekk ir-Renju tad-Danimarka wettaqx l-obbligi tiegħu kompletament skond id-Direttiva 96/29/Euratom fir-rigward tat-tiġrifa ta’ Thule u l-effetti ta’ wara tagħha;
11. Jesprimi tħassib kbir bl-eżistenza attwali ta’ lakuna fil-ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-enerġija nukleari għal skopijiet militari;
12. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta li tindirizza l-implikazzjonijiet vitali fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent ta’ l-użu ta’ l-enerġija nukleari għal skopijiet militari, sabiex timtela din il-lakuna;
13. Iqis li d-dispożizzjonijiet ewlenin tat-Trattat EAEC ma ġewx emendati b’mod sostanzjali minn meta daħal fis-seħħ u jeħtieġ li jiġu aġġornati;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tad-Danimarka.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Informazzjoni ta’ sfond għall-petizzjoni ppreżentata mis-Sur J. Carswell (Petizzjoni 720/2002)
Fil-21 ta’ Jannar 1968, B-52 bomber ta’ l-Istati Uniti b’diversi armi nukleari fuqu ġġarraf ħdejn il-Bażi ta’ l-Ajru ta’ Thule fi Greenland tal-Majjistral, u rrilaxxa diversi kilojiet ta’ plutonju użat għall-armi. Sitta mis-seba’ membri ta’ l-ekwipaġġ irnexxielhom jaqbżu ’l barra bla periklu. Iżda, il-plutonju kkontamina l-borra u s-silġ fil-viċin fis-sit tat-tiġrifa u nġarr minn irjiħat qawwija u ilma fuq medda estensiva. Iktar minn elf ħaddiem ċivili Daniż kienu impjegati sabiex jipprovdu manutenzjoni u servizzi oħra mhux militari fil-bażi ta’ l-ajru.
Ħaddiema ċivili Daniżi, nies lokali ta’ Greenland u ħaddiema ta’ l-Istati Uniti ġrew lejn is-sit tat-tiġrifa sabiex jippruvaw iwettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ. Sussegwentement, l-Istati Uniti wettqu operazzjonijiet ta’ “tindif” ta’ radjazzjoni fiz-zona li matulhom il-ħaddiema Daniżi vvoluntarjaw sabiex jieħdu sehem fit-tneħħija tal-materjal ikkontaminat flimkien ma’ ħaddiema ta’ l-Istati Uniti. L-ebda voluntier ma kellu esperjenza jew taħriġ ta’ kif iġorr materjal ikkontaminat bir-radjazzjoni. Wara l-operazzjonijiet ta’ “tindif”, il-militar ta’ l-Istati Uniti wettaq monitoraġġ mediku regolari fuq il-membri ta’ l-istaff tal-Forzi ta’ l-Ajru ta’ l-Istati Uniti li kienu stazzjonati f’Thule fil-ħin tat-tiġrifa u minn dak iż-żmien ’il quddiem. Ma twettaq l-ebda monitoraġġ mediku simili mill-Gvern Daniż fuq il-ħaddiema ċivili Daniżi jew fuq iċ-ċittadini ta’ Greenland, li ħafna minnhom baqgħu jaħdmu fil-bażi ta’ Thule u baqgħu jgħixu fl-inħawi għal diversi snin minn dak iż-żmien ’il quddiem.
Fiż-żmien tat-tiġrifa, il-petizzjonant kien impjegat bħala ħaddiem ċivili (skrivan tal-ġarr ta’ merkanzija) fil-bażi ta’ l-ajru ta’ Thule, u baqa’ jgħix u jaħdem hemm sa l-1971. Matul dan il-perjodu, il-petizzjonant żar is-sit tat-tiġrifa minn ħin għal ieħor u kien involut fl-arranġamenti sabiex jitneħħa t-tifrik ikkontaminat fl-operazzjonijiet ta’ “tindif”. Barra minn hekk, bħal ħafna mill-ħaddiema ta’ Thule, huwa uża silġ minn fjord fil-viċin f’xarbiet. Matul is-snin tmenin, is-saħħa tal-petizzjonant marret lura b’mod gravi u wara saritlu dijanjosi u nstab li kellu kondizzjoni ta’ kanser fl-esofagu u fl-istonku tiegħu. Huwa kellu tmien operazzjonijiet kbar u daħal ħafna drabi l-isptar għal ġurnata waħda. Iktar reċenti, mid-dijanjosi li saritlu nstab li kellu kondizzjoni fit-tajrojd.
Il-petizzjonant jilmenta li l-awtoritajiet Daniżi naqsu milli jevakwaw lill-ħaddiema mis-sit dak iż-żmien, milli jwissuhom jew jinfurmawhom dwar ir-radjazzjoni estensiva, jew milli jwettqu t-testijiet u l-eżamijiet mediċi ta’ segwitu neċessarji. Huwa jallega li l-kondizzjoni tiegħu kienet marbuta ma’ l-esponiment għal plutonju mill-armi nukleari li kienu qed jinġarru mill-ajruplan li ġġarraf fl-1968. Għalhekk, il-petizzjonant qed jitlob aċċess għal dejta eżistenti dwar l-inċident u l-implikazzjonijiet tiegħu, kif ukoll qed jitlob li jsiru testijiet mediċi regolari.
L-allegazzjoni ewlenija fil-petizzjoni hija li l-Gvern Daniż ma rrispettax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/EURATOM tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw minn radjazzjoni jonizzanti (ĠU 1996 L 159, p. 1; minn hawn ’il quddiem id-Direttiva).
Rapporti mediċi privati u rapport preliminari ta’ l-2005 tad-Dipartiment għar-Riċerka dwar ir-Radjazzjoni tal-Laboratorju Nazzjonali Daniż RISO dwar kontaminazzjoni fiz-zona ta’ Thule tefgħu dubji fuq rapporti xjentifiċi li saru kmieni ppubblikati mill-Gvern Daniż li indikaw li ma kien hemm l-ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.
Minħabba n-numru jikber ta’ mwiet u mard fost il-ħaddiema ta’ qabel ta’ Thule, minn kansers assoċjati ma’ esponiment għar-radjazzjoni, il-ħaddiema ta’ qabel ħolqu Assoċjazzjoni fl-1986, (Foreningen For Straaleramte Thulearbejdere) sabiex tinvestiga l-effetti possibbli tat-tiġrifa ta’ l-ajruplan fl-1968 fuq is-saħħa tagħhom.
Minħabba li ma sarx monitoraġġ individwali fuq il-ħaddiema f’Thule għall-esponiment għar-radjazzjoni, l-Assoċjazzjoni talbet lill-Gvern Daniż sabiex jagħtihom aċċess għar-rekords rilevanti tar-radjazzjoni ambjentali. Minn dawn, huma kellhom l-intenzjoni li jagħmlu stima ta’ l-ammonti probabbli ta’ radjazzjoni li affettwathom u l-konsegwenzi possibbli fuq is-saħħa tagħhom. Iżda, huma qatt ma rċevew tali rekords, minkejja ħafna talbiet.
Il-petizzjonant jistqarr li l-Gvern Daniż għamel deċiżjoni politika minn qabel li ma jinvestigax b’mod xjentifiku l-ilmenti mediċi tas-superstiti ta’ Thule, u li minflok joffrilhom ħlas ta’ flus ex gratia għall-ħsara psikoloġika li sofrew.
Tali ħlas sar lill-persuni kollha li kienu fil-viċinanza tas-sit tat-tiġrifa kkontaminat bir-radjazzjoni, jew li vvjaġġaw fil-viċinanza tiegħu matul il-perjodu mill-21 ta’ Jannar 1968 sas-17 ta’ Settembru 1968, minbarra xjentisti tal-Gvern Daniż u l-ħaddiema ta’ l-Istati Uniti.
2. Applikazzjoni temporanja tal-liġi Komunitarja għall-fatti inklużi fil-petizzjoni
Tista’ d-Direttiva tapplika għat-tiġrifa ta’ l-1968, li seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, u qabel l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (min hawn ’il quddiem it-Trattat EAEC)?
Il-Kummissjoni sostniet li d-Direttiva 96/29/EURATOM ma tistax tiġi applikata għall-konsegwenzi ta’ inċident li seħħ fl-1968, fi żmien meta r-Renju tad-Danimarka lanqas kien Stat Membru. Iżda, skond il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli ġodda tal-liġi Komunitarja japplikaw, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel ma r-regola l-ġdida daħlet fis-seħħ. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan il-prinċipju għall-applikazzjoni ta’ regola proċedurali diskriminatorja għal fatti li seħħew qabel id-dħul ta’ l-Awstrija fl-UE.[1]
Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-fatt li Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (minn hawn ’il quddiem l-ECtHR) iddefendiet b’mod koerenti l-ġuriżdizzjoni tagħha u l-applikabilità ta’ l-Artikoli 2 u 8 ECHR għall-effetti ta’ wara ta’ esponiment għal radjazzjoni li seħħew qabel l-aċċettazzjoni ta’ Stat tal-ġuriżdizzjoni ta’ l-ECtHR. B’hekk, talba tat-tifla ta’ impjegat fl-RAF esposta għal radjazzjoni fl-1958 fi Christmas Island ma kinitx inammissibbli minħabba l-fatt li r-Renju Unit aċċetta biss il-ġuriżdizzjoni ta’ l-ECtHR fl-1966.[2]
It-Trattat EAEC kien applikabbli u jorbot immedjatament fuq ir-Renju tad-Danimarka mid-data ta’ l-adeżjoni tiegħu, bir-riżultat li huwa applika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul tar-Renju tad-Danimarka fil-Komunitajiet. Bħala konsegwenza, mhux importanti li t-tiġrifa seħħet qabel l-adeżjoni tad-Danimarka għat-Trattat EAEC, sakemm l-effetti tat-tiġrifa jippersistu. Minħabba l-effetti fit-tul fuq is-saħħa tal-bniedem b’riżultat ta’ esponiment għal radjazzjoni (il-perjodu li fih jistgħu jiżviluppaw kansers u mard li jirriżultaw minn radjazzjoni jestendi minn 20 sa 60 sena), dawk li baqgħu ħajjin illum għadhom f’riskju u jeħtieġu monitoraġġ mediku xieraq urġenti. Għalhekk m’hemmx dubju li l-effetti ta’ wara tat-tiġrifa ta’ l-1968 ippersistew sad-data rilevanti, li hija t-13 ta’ Mejju 2000[3].
3. Applikazzjoni territorjali tat-Trattat EAEC għal Greenland
Il-kwistjoni hawnhekk hija jekk id-Direttiva tistax tapplika għall-effetti ta’ wara ta’ tiġrifa fi Greenland, li t-Trattat EAEC ma kienx japplika għalihom mill-1 ta’ Jannar 1985.
Fil-ħin tat-tiġrifa, Greenland kienet parti mit-territorju tar-Renju tad-Danimarka. Iżda, rigward l-applikazzjoni territorjali tat-Trattat EAEC, huwa rilevanti li jkun ikkunsidrat it-Trattat li jemenda, fir-rigward ta’ Greenland, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 29, 01/02/1985, p 1, minn hawn ’il quddiem it-Trattat ta’ Greenland). L-Artikolu 5 ta’ dan it-Trattat introduċa l-emenda li ġejja fl-Artikolu 198 tat-Trattat EAEC. “Dan it-Trattat m’għandux japplika għal Greenland”. Minħabba li t-Trattat ta’ Greenland daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1985 (ara l-Artikolu 6), dan ifisser li t-Trattat EAEC ma japplikax għal Greenland wara din id-data.
B’hekk it-Trattat EAEC kien japplika għal Greenland għal tnax-il sena mid-dħul tad-Danimarka fl-1973 sad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Greenland. Iżda, minħabba li dan it-Trattat m’għandu l-ebda effett retroattiv, ir-Renju tad-Danimarka jibqa’ marbut bi kwalunkwe obbligu legali eżistenti relatat ma’ ġrajjiet li seħħew fit-territorju ta’ Greenland qabel l-1 ta’ Jannar 1985. Barra minn hekk, l-effetti ta’ wara fuq is-saħħa tal-bniedem tat-tiġrifa ta’ l-1968 m’humiex limitati għal Greenland, minħabba li jidher li ħafna mill-ħaddiema, inklużi ċittadini Ewropej, marru joqogħdu fl-art prinċipali tad-Danimarka minn dak iż-żmien. B’hekk, ir-Renju tad-Danimarka huwa marbut li jipprovdi sorveljanza medika u informazzjoni rilevanti lil dawk il-persuni li għadhom qed ibatu f’saħħithom mill-effetti fit-tul ta’ l-inċident ta’ Thule, minkejja l-esklużjoni ta’ Greenland mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattat EAEC. F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li wieħed jinnota li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mhux neċessarjament jobbligaw Stat Membru sabiex jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni fi proprju l-istess sit fejn tkun seħħet emerġenza radjoloġika. Fil-fatt, it-twettiq ta’ dawn l-obbligi jista’ jkun żgurat f’post ieħor fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru.
Bħala konsegwenza jrid ikun aċċertat jekk kwalunkwe dispożizzjoni tad-Direttiva tobbligax lir-Renju tad-Danimarka sabiex jieħu l-azzjoni mitluba mill-petizzjonant.
4. L-applikabilità tat-Trattat EAEC għal "attivitajiet militari"
Il-Kummissjoni argumentat, fil-preżentazzjonijiet orali tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li t-Trattat EAEC u l-liġi sekondarja adottata taħtu m'humiex applikabbli għall-fatti tal-petizzjoni minħabba li "t-Trattat EAEC mhux applikabbli għal użi ta’ l-enerġija nukleari għal skopijiet militari".[4]
Fil-każ C-61/03 “Jason Reactor”, kemm l-Avukat Ġenerali u kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja qablu li fin-negozjati li wasslu għall-iffirmar tat-Trattat EAEC, l-applikazzjoni tiegħu għall-enerġija nukleari użata għal skopijiet militari kienet prevista, iżda baqgħet mhux solvuta. Il-Qorti aċċettat l-argumenti tar-Renju Unit u ta' Franza li qalu illi l-fatt li fit-Trattat KE kien hemm eċċezzjonijiet ta' sigurtà pubblika, u dawn l-eċċezzjonijiet ma kienux jeżistu fit-Trattat EAEC kien ifisser li kien impliċitu li t-Trattat EAEC ma kienx japplika għal kollox għall-eneriġija nukleari użata għal skopijiet militari.
"Madankollu, huwa ċar li l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet bħal dawn għal installazzjonijiet militari, programmi ta' riċerka u attivitajiet oħra tista' tkun tali li tikkomprometti l-interessi ta’ difiża nazzjonali essenzjali ta’ l-Istati Membri. B'konsegwenza ta' dan, hekk kif ir-Renju Unit u Franza argumentaw ġustament, in-nuqqas ta' kwalunkwe deroga fit-Trattat li tistipula regoli dettaljati li skond dawn ir-regoli l-Istati Membri jkunu awtorizzati biex joqogħdu fuq u jħarsu dawk l-interessi essenzjali jwassal għall-konklużjoni li l-attivitajiet li jaqgħu fi ħdan l-isfera militari huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak it-Trattat".[5]
Din l-interpretazzjoni restrittiva tal-kamp ta' l-ambitu tat-Tratta EAEC ġiet ikkonfermata fil-każ C-65/04 "HMS Tireless".[6]
Madankollu, is-sett partikulari ta' fatti relatati mal-petizzjoni għandhom jiġu distinti miż-żewġ sentenzi msemmija qabel minħabba ħafna raġunijiet.
Huwa ċar mill-paragrafu 36 tal-każ "Jason Reactor" li l-bażi loġika għall-esklużjoni ta' l-isfera militari mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Tratt EAEC hija "l-interessi ta’ difiża nazzjonali essenzjali ta’ l-Istati Membri". Dan huwa msaħħaħ bit-tieni sentenza ta' dak il-paragrafu li tgħid li n-nuqqas ta' esklużjoni espliċita tat-Trattat EAEC iwaqqaf lill-Istati Membri milli jħarsu b'mod adegwat "dawk l-interessi [ta’ difiża nazzjonali essenzjali ta’ l-Istati Membri]". Għalhekk jidher li l-Qorti rabtet b'mod ċar l-interpretazzjoni restrittiva tagħha mal-ħtieġa li jkunu protetti l-interessi ta’ difiża nazzjonali essenzjali ta’ l-Istati Membri.
Il-każ "Jason Reactor" kien jikkonċerna l-applikazzjoni ta' ċerti rekwiżiti ta' rappurtar ta' informazzjoni għar-rimi mir-Renju Unit ta' skart radjuattiv minn reattur nukleari militari magħluq. Bl-istess mod, il-każ "HMS Tireless" kien jikkonċerna l-applikazzjoni ta' rekwiżiti ta' rappurtar ta' informazzjoni għall-pjan ta' emerġenza tar-Renju Unit għall-evakwazzjoni ta' Ġibiltà fil-każ ta' emerġenza radjoloġika waqt xogħol ta' manutenzjoni u tiswija fuq sottomarin militari b'reattur nukleari. Iż-żewġ sitwazzjonijiet kienu jikkonċernaw l-obbligi imposti fuq Stat Membru dwar l-użu ta' enerġija nukleari għal skopijiet militari minn, f'din l-okkażjoni, l-istess, Stat Membru.
Ma tidhirx ħaġa raġjonevoli li wieħed jikkonkludi li l-bażi loġika għall-esklużjoni ta' l-enerġija nukleari użata għal skopijiet militari kienet li l-interessi ta' difiża nazzjonali ta' kwalunkwe Stat setgħu jiġu kompromessi mingħajr element addizzjonali ta' konnessjoni ma' Stat Membru. Għalhekk ma jistax ikun li din l-esklużjoni tkopri l-użu ta' enerġija nukleari minn pajjiz terz fejn Stat Membru ma jkunx awtorizza dan (jiġifieri jkun ikkonsenta jew identifika ruħu ma' dak l-użu u b'hekk ikun ħa pussess tiegħu), iżda fejn ir-riskju għas-saħħa jkun jinsab sempliċiment f'dak l-Istat Membru. F'xenarju bħal dan, l-interessi ta’ difiża nazzjonali essenzjali ta’ l-Istat Membru m'huma bl-ebda mod kompromessi.
Għalhekk id-dispożizzjonijiet ta' saħħa u sikurezza tat-Trattat EAEC jestendu għal sitwazzjonijiet fejn l-interess ta' difiża m'għandu xjaqsam xejn ma' l-Istat Membru (jew kwalunkwe Stat Membru ieħor), u barra minn hekk, meta l-użu ta' enerġija nukleari jikser ftehima internazzjonali, u fejn l-unika fattur preżenti fattibbli huwa li r-rilaxx ta’ materjal nukleari jseħħ fuq it-territorju ta' Stat Membru. Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din ma tippruvax timponi obbligu li jiġi evalwat jekk hemmx interess ta' difiża nazzjonali bażiku involut fuq il-bażi ta' kull każ għalih. Approċċ bħal dan, li kien sostnut mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġie rifjutat b'mod ċar.
Jekk wieħed japplika dawn l-analiżi għall-fatti tal-petizzjoni, ir-Renju tad-Danimarka qatt ma kellu programm ta' l-enerġija domestiku la għall-użu ċiviku u lanqas għall-użu militari ta' enerġija nukleari. B'dan il-mod, (għall-kuntrarju tar-Renju Unit u ta' Franza), id-Danimarka ma għandha l-ebda attività li tikkonċerna l-użu militari ta' enerġija nukleari u dan jeżentaha mir-rekwiżiti ta' rappurtar, jew kwalunkwe obbligu ieħor, tal-EURATOM jew ta' leġiżlazzjoni sekondarja. Ma hemmx evidenza li torbot monitoraġġ bħal dan ma' attivitajiet ta' difiża attwali tad-Danimarka li jirrokorri għall-użu militari ta' l-enerġija nukleari.
L-inċident ikkonċernat li pproduċa r-radjazzjoni kien ikkawżat mill-Istati Uniti, pajjiż terz, u mhux mid-Danimarka. Għalkemm id-Danimarka kellha ftehima ta' difiża ma' l-Istati Uniti fi żmien tat-tiġrifa tal-B-52, il-ftehima kienet tipprojbixxi lill-Istati Uniti milli jaħżnu jew jużaw armi nukleari fi Greenland jew milli jtiru fuq l-ispazju ta' l-ajru Daniż b'armi bħal dawn. Il-gvern Daniż ikkonferma pubblikament lill-poplu Daniż li l-ebda permess għall-ħażna, għall-użu jew għal titjiriet minn fuq it-territorju b'armi nukleari ma kien ingħata, jew kien se jingħata lill-Istati Uniti, u ma li kienet saret l-ebda emenda b'dak l-effett għall-ftehima ta' difiża mill-Parlament Daniż. Għalhekk, ir-referenza għall-ftehima bilaterali m'hija bl-ebda mod determinanti għall-każ. Is-sempliċi fatt li ma kien hemm l-ebda ftehima li tkopri ċerti attivitajiet militari ma jfissirx li minħabba dan, kwalunkwe attività militari minn pajjiż terz fuq territorju ta' Stat Membru hija eskluża de facto mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat EAEC. Konklużjoni bħal din tkun arbitrarja u tmur kontra s-sens komun.
5. Liġi primarja relevanti u l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja
L-Artikolu 2(b) EA jiddikkjara li l-Komunità għandha, kif stipulat fit-Trattat EAEC, "tistabbilixxi standards ta’ sikurezza uniformi sabiex tkun protetta s-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali u sabiex ikun żgurat li huma jkunu applikati".
It-Titolu II tat-Trattat EAEC, bl-isem "Dispożizzjonijiet għall-inkuraġġiment tal-progress fil-qasam ta' l-enerġija nukleari", jinkludi l-Kapitolu 3 intitulat "Saħħa u sikurezza", li jikkonsisti fl-Artikoli 30- 39.
F'dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 30 EA jirrikjedi b'mod partikulari l-istabbiliment fil-Komunità ta' "standards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli tar-radjazzjoni jonizzanti". Kif stipulat fit-tieni paragrafu ta' dak l-Artikolu, l-espressjoni "standards bażiċi" tfisser:
"(a) dożi massimi permissibbli kompatibbli ma' sikurezza adegwata;
(b) livelli massimi permissibbli ta' esponiment u kontaminazzjoni;
(c) il-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-sorveljanza medika tal-ħaddiema".
L-Artikolu 31 EA jistipula l-proċedura biex jinħadmu u jiġu adottati dawn l-istandards bażiċi, filwaqt li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 32 EA jippermettilhom li jiġu riveduti jew aġġornati, fuq it-talba tal-Kummissjoni jew ta' Stat Membru, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 31 EA.
Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta’ l-opinjoni li l-Kapitolu EAEC dwar is-Saħħa u s-Sikurezza huwa “kumpless koerenti li jagħti poteri lill-Kummissjoni b’kamp ta’ applikazzjoni konsiderevoli sabiex il-popolazzjoni u l-ambjent ikunu protetti kontra r-riskji ta’ kontaminazzjoni nukleari”.[7] Il-Qorti kienet ukoll favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawk id-dispożizzjonijiet sabiex “tkun żgurata l-protezzjoni konsistenti u effettiva tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjonijiet jonizzanti, ikun xi jkun is-sors tagħhom”,[8] Barra minn hekk, il-Qorti ddikjarat espliċitament li din l-interpretazzjoni wiesgħa tapplika għad-Direttiva partikulari kkonċernata fil-petizzjoni preżenti.[9]
6. Il-qasam ta' l-applikazzjoni materjali tad-Direttiva
Id-Direttiva, li kienet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 31 u 32 tat-Trattat EAEC, għandha l-objettiv li tirrevedi l-istandards bażiċi eżistentifn billi tqis l-iżvilupp ta' l-għarfien xjentifiku dwar il-ħarsien mir-radjazzjoni.
Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva huwa stipulat fl-Artikolu 2 tagħha taħt it-Titolu II "Kamp ta' Applikazzjoni" u wieħed jista' jargumenta li huwa iktar estensiv mid-Direttivi ta' qabel li ħaditilhom posthom, u b'mod partikulari d-Direttiva 80/836 EURATOM tal-15 ta' Lulju 1980.[10]
Kif stipulat fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2:
"Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prattiki kollha li jinvolvu radjazzjoni jonizzanti li tiġi minn sors artifiċjali jew sors naturali f'każijiet fejn radjunuklidi naturali huma jew ġew ipproċessati minnħabba l-karatteristiċi radjuattivi, fissili jew fertili tagħhom, b'mod partikulari :
(a) il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-ġarr, l-użu, iż-żamma, il-ħażna, it-trasport, l-importazzjoni lejn u l-esportazzjoni mill-Komunità u r-rimi ta' sustanzi radjuattivi;
(b) it-tħaddim ta' kwalunkwe tagħmir elettroniku li jipproduċi radjazzjoni jonizzanti u li jkun fih komponenti li joperaw b'differenza potenzjali ta' iktar minn 5kV;
(c) kwalunkwe prattika oħra speċifikata mill-Istat Membru."
Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 2 jipprovdi dan li ġej:
"B'mod konformi mat-Titolu IX [id-Direttiva] għandha tapplika wkoll għal kwalunkwe intervent f'każijiet ta' emerġenzi radjoloġiċi jew f'każijiet ta' esponiment li jdum sejjer li jirriżulta mill-effetti ta’ wara ta’ emerġenza radjoloġika jew minn prattika tal-passat jew qadima jew attività ta' xogħol." (enfasi miżjuda)
F'dan ir-rigward, ir-referenza għal "każijiet ta' esponiment li jdum sejjer li jirriżulta mill-effetti ta’ wara ta’ emerġenza radjoloġika jew minn prattika tal-passat jew qadima jew attività ta' xogħol" fit-tielet subparagrafu taħt it-Titolu II "Il-qasam ta' applikazzjoni" tikkostitwixxi tkabbir espliċitu tal-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni preċedenti.
Il-kapitolu III "Sorveljanza medika ta' ħaddiema esposti" tistipula regoli dettaljati dwar is-sorveljanza medika, li jinkludu dispożizzjonijiet li jipprevedu l-possibilità ta' sorveljanza medika kontinwa wara l-waqfien mix-xogħol, jekk ikun neċessarju għas-salvagwardja tas-saħħa tal-persuna konċernata (Artikolu 31(3)) u rekwiżit li jinżammu r-rekords mediċi sakemm l-individwu jkun laħaq jew kieku kien jilħaq l-età ta' 75 sena, imma f'kwalunkwe każ mhux inqas minn 30 sena minn mindu jkun spiċċa mix-xogħol li jinvolvi esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti (Artikolu 34).
Barra minn hekk, l-Artikolu 38, taħt il-Kapitolu IV "Doveri ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' ħarsien tal-ħaddiema esposti", jipprovdi għal dan li ġej:
"1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema jew sistemi ta' spezzjoni sabiex jinforza d-dispożizzjonijiet imdaħla b'mod konformi ma' din id-Direttiva u sabiex idaħħal miżuri ta' sorveljanza u ndħil fejn meħtieġ.
2. Kull Stat Membru għandu jesiġi li l-ħaddiema jkollhom aċċess fuq talba tagħhom għar-riżultati tal-monitoraġġ individwali tagħhom, inklużi r-riżultati ta' kejl li setgħu ġew użati biex jistmawhom, jew l-evalwazzjonijiet tad-dożi tagħhom magħmula bħala riżultat tal-kejl minn fuq il-lant tax-xogħol.
(...)
5. Kull Stat Membru jista' jiffaċilita l-iskambju bejn awtoritajiet kompetenti, jew prattikanti mediċi approvati, jew servizzi approvati tas-saħħa fuq il-lant tax-xogħol, jew esperti kkwalifikati jew servizzi dożimetriċi approvati fi ħdan il-Komunità Ewropea fuq kull informazzjoni relevanti dwar id-dożi meħuda qabel minn ħaddiem sabiex iwettaq l-eżaminazzjoni medika qabel l-impjieg jew klassifikazzjoni bħala ħaddiem f'kategorija A skond l-Artikolu 31 u sabiex isir kontroll fuq l-esponiment sussegwenti tal-ħaddiema."
Fir-rigward tal-kwistjoni ta' intervent, l-Artikolu 53, li jidher taħt l-intestatura Sezzjoni II "Intervent f'każijiet ta' esponimet li jdum" tat-Titolu IX tad-Direttiva, jipprovdi dan li ġej:
"Meta l-Istati Membri jkunu identifikaw xi sitwazzjoni li twassal għal esponiment li jdum li jirriżulta mill-effetti ta' wara ta' emerġenza radjoloġika jew prattika tal-passat, huma għandhom, jekk ikun meħtieġ, u sa fejn jippermetti r-riskju ta' esponiment involut, jiżguraw li:
(a) iż-żona konċernata hija ddemarkata;
(b) jsiru l-arranġementi għal monitoraġġ ta' esponiment;
(c) kwalunkwe intervent xieraq jiġi implimentat, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi reali tas-sitwazzjoni
(d) l-aċċess għal jew l-użu ta' xi art jew bini li jinsab fiż-żona demarkata jkun regolat."
7. L-applikabilità tad-Direttiva għall-fatti tal-petizzjoni
Fir-rigward tat-terminu "ħaddiema" taħt il-Kapitolu III tad-Direttiva, tsita' ssir analoġija ma' l-interpretazzjoni wiesgħa ta' dak it-terminu taħt it-Trattat KE. Il-Qorti dejjem sostnit li huwa kunċett awtonomu b'tifsira tal-Komunità, irrispettivament mit-tikketta marbuta ma' l-attività taħt il-liġi nazzjonali.[11] B'konsegwenza ta' dan, sakemm il-kriterji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja jkunu rispettati, ikun arbitrarju li tiġi eskluża kategorija waħda ta' persuni (pereżempju, il-persuni li pparteċipaw fl-operazzjoni ta' "tindif") sempliċiment minħabba li ma kienux imjegati b'mod permanenti fil-bażi.
Huwa wkoll relevanti li d-Direttiva fiha numru ta' dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-bżonn li tittieħed azzjoni ħafna snin wara li jkun seħħ avveniment fil-passat. Pereżempju, l-Artikolu 31(3) jipprevedi l-possibilità li titkompla s-sorveljanza medika wara l-waqfien mix-xogħol, jekk dan ikun neċessarju għas-salvagwardja tal-persuna kkonċernata. L-Artikolu 34 jimponi rekwiżit li jinżammu r-rekords mediċi sakemm l-individwu jkun laħaq jew kieku kien jilħaq l-età ta' 75 sena, imma f'kwalunkwe każ mhux inqas minn 30 sena minn mindu jkun spiċċa mix-xogħol li jinvolvi esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti.
Skond l-Artikolu 38 tad-Direttiva, ir-Renju tad-Danimarka huwa għalhekk meħtieġ, fejn huwa neċessarju, li "jniedi miżuri ta’ sorveljanza u ta’ intervent" fir-rigward ta' l-effetti attwali tat-tiġrifa ta’ Thule.
Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka huwa obbligat ukoll skond l-Artikolu 53 biex "jagħmel arranġamenti għall-monitoraġġ ta’ l-esponiment" u sabiex jimplimenta "kwalunkwe intervent xieraq (...) filwaqt li jqis il-karatteristiċi reali tas-sitwazzjoni". Minkejja li l-inċiżi (a) u (b) jirreferu rispettivament għal "żona" u "żona demarkata", ma tpoġġiet l-ebda restrizzjoni ġeografika fuq l-inċiżi (b) u (c).
Fil-fatt, l-Istati Membri kollha huma taħt l-obbligu li jimplimentaw u japplikaw b'mod effettiv id-Direttiva mingħajr dawmien, u l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati għandha d-dover li tieħu azzjoni serja kontra kwalunkwe nuqqas ta’ twettiq ta’ tali obbligi.
8. Obbligi possibbli skond il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem
Kif stqarret b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, “id-drittijiet fundamentali jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi, li tiggarantixxi l-osservanza tagħhom. Għal dak il-għan il-Qorti tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri u mil-linji gwida li joffru t-trattati internazzjonali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kkollaboraw fuqhom jew li huma firmatarji tagħhom (ara, b’mod partikulari, is-sentenza fil-Każ C-4/73 Nold v Il-Kummissjoni 1974] ECR 491, paragrafu 13). Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandha tifsira speċjali f’dak ir-rigward (ara b’mod partikulari l-Każ C-222/84 Johnston v Kap tal-Pulizija tar-Royal Ulster Constabulary [1986] ECR 1651, paragrafu 18)."[12]
F’dak ir-rigward, hemm każistika ċara mill-ECtHR li tindika li l-Artikolu 2(1) ECHR jordna lill-Istat mhux biss biex ma jiħux il-ħajja bi ħsieb jew b’mod illegali, iżda wkoll biex jieħu l-passi xierqa sabiex jissalvagwardja l-ħajjiet ta’ dawk li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.[13] Żgur li m’hux ċar li r-Renju tad-Danimarka għamel dak kollu li seta’ kien mitlub minnu biex ma jħallix li ħajjet il-petizzjonant titpoġġa f'riskju inevitabilment.
Barra minn hekk, jista’ joħroġ ukoll obbligu pożittiv taħt l-Artikolu 8 ECHR. Kif stqarret il-ECtHR: “fejn Gvern jinvolvi ruħu f’azzjonijiet perikolużi [bħal testijiet nukleari] li jista’ jkollhom konsegwenzi ħżiena moħbija fuq saħħet dawk li jkunu mdaħħla f’tali attivitajiet, ir-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja skond l-Artikolu 8 jitlob li tiġi stabbilita proċedura effettiva u aċċessibbli li tippermetti lil tali persuni jfittxu t-tagħrif kollu rilevanti u xieraq” (enfasi miżjud).[14] Barra minn hekk, irrispettivament minn tali proċedura, huwa essenzjali li jinżamm id-dritt ta’ min iressaq petizzjoni li jkun jaf x’jista’ jiġrilu mingħajr ma jkollu jistaqsi. Min iressaq petizzjoni għandu dritt li jkun mgħarraf dwar il-konsegwenzi kollha li l-preżenza tiegħu fiz-zona tat-tiġrif tista' ġġib fuqu.[15] Kwalunkwe kumpens li jista' jkun ingħata lil min iressaq petizzjoni ma jistax jiġġustifika interferenzi sproporzjonati fid-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikulari għad-dritt tiegħu għall-ħajja u d-dritt tiegħu għar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja.
9. Il-ħarsien ta' saħħet il-pubbliku u ta' l-ambjent mill-perikli marbuta ma' l-użu ta' l-enerġija nukleari għal skopijiet militari
Fit-taqsimiet ta’ qabel, jinġieb l-argument li d-Direttiva tapplika għall-effetti ta’ wara li seħħet it-tiġrifa ta’ Thule. Bħala t-tieni pass, huwa daqstant ieħor essenzjali li tingħata attenzjoni lil lakuna li ġibdu l-attenzjoni dwarha l-każi “Jason Reactor” u “HMS Tireless”.
L-esklużjoni ġenerali ta’ l-użu ta’ l-enerġija nukleari għal skopijiet militari mill-ambitu tat-Trattat EAEC tista’ f’ċerti ċirkustanzi tikkostitiwixxi eżenzjoni sprorporzjonata favur l-interessi nazzjonali tad-difiża li bl-ebda mod ma tfittex li tibbilanċja tali interessi ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa u ambjentali. Ngħidu aħna, f’sitwazzjoni fejn l-interess tad-difiża jkun dgħajjef bil-kbir filwaqt li l-interess tas-saħħa jkun partikularment b’saħħtu, bla dubju l-interess tas-sigurtà awtomatikament se jegħleb lill-bqija. Interess negliġibbli ta’ Stat Membru jegħleb, mingħajr l-ebda possibilità ta’ kunsiderazzjoni ulterjuri, ħtiġijiet vitali tas-saħħa u ambjentali. Fiż-żewġ każi ta’ dan l-aħħar, l-Avukat Ġenerali Geelhoes ma rnexxilux jikkonvinċi lill-Qorti biex tadotta metodu aktar sfumat. Fl-Opinjoni tiegħu fil-każ "HMS Tireless", għaraf li "teżisti lakuna fil-ħarsien ta' saħħet il-pubbliku ġenerali. Jirriżulta ċar mit-termini tas-sentenza li l-Qorti aċċettat din il-konsegwenza.” (enfasi miżjuda)
Id-dikjarazzjoni obiter tal-Qorti fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ saħħa u sikurezza li jkopru attivitajiet militari taħt it-Trattat KE, filwaqt li tagħraf l-importanza tal-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa u ambientali, titfa’ l-ballun b’mod deċiż f’saqajn il-leġiżlaturi Komunitarji.
Il-limitazzjoni min-naħa tal-Qorti ta’ l-ambitu tat-Trattat EAEC "bl-ebda mod ma tnaqqas l-importanza vitali ta' l-għan li jitħarsu saħħet il-pubbliku u l-ambjent mill-perikli marbuta ma' l-użu ta' l-enerġija nukleari, inkluż għal skopijiet militari. Sakemm dak it-Trattat ma jipprovdix lill-Komunità bi strument speċifiku biex tasal għal dak l-għan, huwa possibbli li jistgħu jittieħdu miżuri xierqa fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE[16].” (enfasi miżjuda)
Il-forma u l-kontenut preċiżi ta’ tali att jitħallew għad-diskrezzjoni tal-leġiżlaturi komunitarji. Wieħed jesprimi tħassib dwar il-fatt li, kważi sentejn wara l-ewwel deċiżjoni tal-Qorti, li rrikonoxxiet ċerti limiti għall-ambitu materjali tat-Trattat EAEC, il-Kummissjoni għadha ma ressqitx inizjattiva konkreta. Huwa vitali li l-lakuna identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja tingħalaq kemm jista’ jkun malajr. Ikun xieraq, għaldaqstant, li l-Parlament juża s-setgħat skond l-Artikolu 192(2) KE biex jistieden lill-Kummissjoni sabiex tersaq bi proposta dwar il-kwistjoni.
Ir-Rapporteur toqgħod lura milli tipproponi bażi legali speċifika għal kwalunkwe azzjoni f’dan il-qasam. Madankollu, ta’ min josserva li l-kwistjoni tista’ tkun problematika b’diversi modi. L-ewwel nett, il-Kapitlu III EAEC jista’ jitqies bħala lex specialis għall-ħarsien tan-nies u ta’ l-ambjent mill-perikli tar-radjazzjoni jonizzanti. Dan, madankollu, jidher kontradittorju għas-suppożizzjoni li għamlet il-Qorti, jiġifieri li t-Trattat KE jipprovdi għal bażi legali suffiċjenti. It-tieni nett, l-Artikolu 305(2) KE jipprovdi li “d-dispożizzjonijiet tat-Trattat [KE] m’għandhomx inaqqsu mill-merti ta' dawk tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika". It-tielet nett, l-EAEC għandha personalità ġuridika distinta minn dik tal-KE, u t-Trattat Kostituzzjonali fil-forma ta’ bħalissa tiegħu ma jkunx jaffettwa din is-sitwazzjoni. Il-konservazzjoni ta’ l-istatus quo huwa xi ftit sorprendenti, meta wieħed iqis li l-każ li fuqu ssejjes iż-żwieġ tat-Trattat EURATOM huwa l-istess wieħed li wassal għaż-żwieġ tat-TEC. Tabilħaqq, ħames Stati Membri ħadu l-opportuntà biex innotaw li “d-dispożizzjonijiet bażiċi tat-Trattat EAEC ma ġewx emendati sustanzjalment minn mindu daħal fis-seħħ u jeħtieġ li jiġu aġġornati” u biex għamlu stedina biex titlaqqa’ malajr Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri dwar il-kwistjoni.[17] Ir-Rapporteur hija favur dan il-mod ta’ kif isiru l-affarijiet, li jkollu l-vantaġġ li jiggarantixxi l-konsistenza ta’ l-ordinament ġuridiku Komunitarju, u jippermetti li tittieħed azzjoni ta' rimedju rigward kwalunkwe lakuni eżistenti fil-ħarsien tas-saħħa pubblika u ta' l-ambjent.
- [1] Każ 122/96 Saldanha [1997] ECR I-5325, paragrafu 14.
- [2] Każ 14/1997/798/1001 L.C.B. kontra r-Renju Unit, Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, paragrafi 30 sa 41.
- [3] L-Artikolu 55 jistipula li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi mad-Direttiva qabel it-13 ta’ Mejju 2000.
- [4] Każ 61/03 il-Kummissjoni kontra r-Renju Unit “Jason Reactor”, 12 ta’ April 2005, paragrafu 44.
- [5] Para 36 ta' C-61/03
- [6] Il-każ 65/04 Il-Kummissjoni kontra r-Renju Unit, 9 ta' Marzu 2006, n.y.r.
- [7] Każ 187/87 Saarland [1988] ECR 5013, paragrafu 11.
- [8] Każ 70/88 il-Parlament kontra l-Kunsill [1991] ECR I-4529, paragrafu 14.
- [9] Każ 29/99 il-Kummissjoni kontra l-Kunsill [2002] ECR I-11221, paragrafu 81.
- [10] (ĠU. L246, 17/09/1980, p 1-72). L-Artikolu 2 tad-Direttiva 80/836 jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha sempliċiment kif ġej: "Din id-Direttiva għandha tapplika għall-produzzjoni, l-ipproċessar, il-ġarr, l-użu, iż-żamma, il-ħażna, it-trasport u r-rimi ta' sustanzi radjuattivi naturali u artifiċjali u għal kwalunkwe attività oħra li tinvolvi periklu tar-radjazzjoni jonizzanti."
- [11] Każ 53/81 Levin [1982] ECR 1035, paragrafu 11; Każ 75/63 Hoekstra [1982] ECR 177
- [12] Każ C-260/89, ERT [1991] ECR I-2925, paragrafu 41.
- [13] Ara, ngħidu aħna, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 1998, Guerra v Italja, Rapporti 1998-I, p.277, paragrafu 58.
- [14] Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, McGinley u Egan v Renju Unit, 10/1997/794/995-996.
- [15] Ibid, Opinjoni Konġunta Li Ma Taqbilx ta’ l-Imħallfin De Meyer, Valticos u Morenilla.
- [16] C-61/03, paragrafu 44; C-65/04, paragrafu 28.
- [17] Konvenzjoni Ewropea, Rapport finali tal-Grupp ta’ Ħidma III dwar il-Personalità Ġuridika, CONV 305/02, paragrafu 15.
PROĊEDURA
Titolu |
Il-konsegwenzi fuq is-saħħa pubblika tat-tiġrifa ta’ Thule fl-1968 (Petizzjoni 720/2002) |
||||||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||||||
Petizzjoni(jiet) kkunsidrata/i |
0720/2002 |
|
|
|
|||||||
Data tad-deċiżjoni li jitħejja rapport |
27.11.2006 |
||||||||||
Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja |
19.1.2006 |
||||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
|
|
|
|
|
||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
||||||
Koperazzjoni iktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
||||||
Rapporteur(s) |
Diana Wallis |
|
|||||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
|||||||||
Eżami fil-kumitat |
27.2.2007 |
27.3.2007 |
|
|
|
||||||
Data ta' l-adozzjoni |
27.3.2007 |
||||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ - 0 |
16 1 0 |
|||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Robert Atkins, Margrete Auken, Simon Busuttil, Michael Cashman, Proinsias De Rossa, Janelly Fourtou, David Hammerstein Mintz, Carlos José Iturgaiz Angulo, Marcin Libicki, Maria Matsouka, Manolis Mavrommatis, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Luciana Sbarbati, Kathy Sinnott, Diana Wallis |
||||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman |
||||||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jens-Peter Bonde |
||||||||||
Data tat-tressiq |
20.4.2007 |
|
|||||||||
Kummenti |
... |
||||||||||