Proċedura : 2005/2242(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0158/2007

Testi mressqa :

A6-0158/2007

Dibattiti :

PV 24/05/2007 - 4
CRE 24/05/2007 - 4

Votazzjonijiet :

PV 24/05/2007 - 9.3
CRE 24/05/2007 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0214

RAPPORT     
PDF 226kWORD 204k
25.4.2007
PE 376.409v01-00 A6-0158/2007

dwar il-Kashmir: sitwazzjoni kurrenti u prospetti għall-futur

(2005/2242(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Barunessa Nicholson ta' Winterbourne

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Kashmir: sitwazzjoni kurrenti u prospetti għall-futur

(2005/2242(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet riċenti tiegħu dwar il-Jammu u l-Kashmir, partikularment ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja: Sħubija Strateġika(1), tas-17 ta' Novembru 2005 dwar il-Kashmir(2), tat-18 ta' Mejju 2006 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2005 u l-politika ta' l-UE dwar din il-kwistjoni(3) , tat-28 ta' Settembru 2006 dwar r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ta' l-UE ma' l-Indja(4), tat-22 ta' April 2004 dwar il-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn il-KE u l-Pakistan(5) u r-riżoluzzjoni tat-22 ta' April 2004 dwar is-sitwazzjoni fil-Pakistan(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta’ bejn l-1948 u l-1971 tal-Kunsill tas-Siġurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar din il-kwistjoni(7),

–   wara li kkunsidra t-tħassib li esprimew diversi gruppi ta’ ħidma u rapporteurs tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ta’ qabel il-Kunsill attwali) tan-Nazzjonijiet Uniti, u minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kashmir;

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Ilmijiet ta’ l-Indus ta’ l-1960,

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar iż-żjarat tad-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament fil-Jammu u fil-Kashmir, adottat mill-Kumitat għall-Affarjiet Barranin f'Novembru 2004,

–   wara li kkunsidra t-terremot devastanti li laqat lill-Jammu u lill-Kashmir fit-8 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru A/RES/60/13 ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-14 ta’ Novembru 2005, li faħħret lill-gvernijiet u lill-popli involuti fil-ħidma ta’ assistenza ta’ wara t-terremot u l-isforzi tal-bini mill-ġdid,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tal-President Musharraf tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan lill-Kumitat għall-Affarjiet Barranin fit-12 ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra s-Seba' Samit ta' l-UE u l-Indja li sar f'Helsinki fit-13 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra l-isforzi mġedda għall-paċi fil-Kashmir sa minn meta daħal fis-seħħ il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fl-2003, segwiti mill-wegħda tal-President Musharraf f’Jannar 2004 li t-territorju Pakistani ma kienx ser jintuża għat-terroriżmu transkonfinali, il-viżjoni lejn il-futur tal-Prim Ministru Indjan Manmohan Singh li ‘l-fruntieri ma jistgħux jiġu irtirati iżda għandhom isiru bla valur’ u rawnd ieħor ta’ taħdidiet ta’ paċi li bdew fis-17 ta’ Jannar 2007,

–    wara li kkunsidra l-pjan riċenti b’erba’ punti tal-President Musharraf sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt tal-Kashmir (ebda bidla fil-fruntieri tal-Jammu u l-Kashmir, moviment ħieles tal-persuni tul il-Linja ta’ Kontroll (LoC), dimilitarizzazzjoni progressiva, u awtogovernanza flimkien ma’ mekkaniżmu superviżorju konġunt li jkun jirrappreżenta lill-Indja, il-Pakistan u l-Kashmir), u anke s-suġġeriment tal-Prim Ministru Singh li jkun hemm trattat komprensiv ta’ paċi, sigurtà u ħbiberija,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Indjan Pranab Mukherjee fil-Pakistan, liema żjara bdiet fit-13 ta’ Jannar 2007, u li tulha ġew iffirmati erba’ ftehimiet bil-għan li titrawwem il-kunfidenza,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Asja Nru 125 ta’ l-International Crisis Group fil-11 ta’ Diċembru 2006, u r-rapporti ta’ Freedom House, Human Rights Watch u d-Dipartiment ta’ l-Istat ta’ l-Istati Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra ż-żjarat magħmula mir-rapporteur tal-Parlament fiż-żewġ naħat tal-Linja ta' Kontroll (LoC) f'Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6 0158/2007),

A. billi t-territorju li hemm tilwim dwaru, li qabel kien jikkostitwixxi l-Istat Prinċipat ta' Jammu u Kashmir, fil-preżent huwa amministrat f'partijiet separati mir-Repubblika ta' l-Indja, mir-Repubblika Islamika tal-Pakistan u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u għandu popolazzjoni totali ta' 13.4 miljuni,

B. billi ħafna mill-Jammu u l-Kashmir, partikularment Gilgit u Baltistan, isofri minn faqar estrem u abbandun, b'nuqqasijiet kbar fil-livell ta' litteriżmu u matematika bażiċi u fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, nuqqas ta' strutturi demokratiċi u nuqqasijiet kbar fl-istat tad-dritt u fil-ġustizzja; u billi l-Jammu u l-Kashmir kollu jbatu minn tnaqqis ekonomiku eċċezzjonali;

C. billi l-kwistjoni tar-riżorsi ta' l-ilma hija fattur li jħarrax it-tilwima bejn il-Pakistan u l-Indja fuq il-Jammu u l-Kashmir, u element importanti għal kull riżoluzzjoni definittiva,

D. billi l-Jammu u l-Kashmir kienu għajn ta’ kunflitt għal kważi 60 sena, perjodu kkaratterizzat minn kunflitti armati bejn l-Indja, il-Pakistan u ċ-Ċina; billi din it-tilwima allegatament swiet il-ħajja ta’ aktar minn 80,000 ruħ; billi l-kunflitti bejn l-Indja u l-pakistan issa jinvolvu t-terroriżmu internazzjonali; u billi ċ-Ċina, l-Indja u l-Pakistan huma potenzi nukleari, għalkemm l-Indja u l-Pakistan ma ffirmawx it-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari,

E.  billi hemm evidenza konsiderevoli li għal ħafna snin il-Pakistan kien ipprovda taħriġ, armi, fondi u kenn lill-militanti Kashmiri, u li naqas milli jżomm lill-militanti responsabbli ta’ atroċitajiet li għamlu fin-naħa amministrata mill-Indja; billi, madankollu, skond rapporti tal-gvern Indjan, sa mill-11 ta’ Settembru 2001, l-infiltrazzjoni minn militanti fil-Jammu u l-Kashmir amministrati mill-Indja naqset b’mod notevoli,

F.  billi sa minn Novembru 2003 daħal fis-seħħ waqfien mill-ġlied fil-LoC u, għalkemm xi drabi seħħ xi ksur, dan għadu fis-seħħ,

G. billi l-waqfien mill-ġlied ippermetta lill-Indja u lill-Pakistan li jidħlu fi djalogu dwar il-Jammu u l-Kashmir, li issa beda jikseb xi suċċess, u billi numru ta' Miżuri għall-Bini ta' Kunfidenza (CBMs) qed jiġu implimentati bħala parti mill-proċess ta' paċi; u billi l-popolazzjoni tal-Kashmir qed taħdem sabiex taħsad il-benefiċċji ta’ dawn ic-CBMs, u qegħda timplimentahom fil-livell lokali; billi l-Kashmiri tan-naħa Ċiniża għadhom barra mill-proċess,

H.  billi l-communiqué konġunt bejn l-Indja u l-Pakistan dwar il-Kashmir li ħareġ fit-tmien taż-żjara tal-President Musharraf fl-Indja f’April 2005 għan sabiex jissaħaħ il-proċess tat-tqarrib bejn iż-żewġ pajjiżi, b’mod partikulari għax reġa’ afferma li l-proċess tal-paċi ma jistax jitreġġa’ lura, u għax jiffoka fuq soluzzjoni non-militari għall-kunflitt tal-Kashmir,

I.  billi l-iżvilupp ekonomiku huwa vitali għall-bini ta’ l-infrastruttura fiżika u soċjali u għat-titjib tal-potenzjal produttiv tal-Jammu u l-Kashmir; billi d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Pakistan tat-8 ta’ Frar 2007 hija pass ġdid u pożittiv fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħhom, u billi ż-żewġ naħat qed jistennew bil-ħerqa li titkompla l-implimentazzjoni Ftehima ta’ Koperazzjoni tat-Tielet Ġenerazzjoni, għax jemmnu li tista’ tgħin sabiex tippromwovi l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u l-prosperità fil-Pakistan; billi l-UE u l-Pakistan reġgħu affermaw l-impenn tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet permezz ta’ mezzi paċifiċi, skond il-liġi internazzjonali, ftehimiet bilaterali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU,

J.  billi l-Ftehima attwali u b’firxa wiesgħa ta’ Koperazzjoni tat-tielet Ġenerazzjoni bejn il-KE u l-Indja li ilha teżisti sa mill-1994, għandha stqarrija politika konġunta bħala l-bażi istituzzjonali tagħha, liema stqarrija iffissat laqgħat ministerjali attwali, u fetħet il-bibien għal djalogu politiku wiesa’,

K. billi fl-għodwa tat-8 ta' Ottubru 2005 terrimot ta' 7.6 fuq l-Iskala Richter, l-aktar terrimot internazzjonali devastanti fl-istorja, laqat il-biċċa l-kbira tat-territorju ta' l-Afganistan u l-Pakistan u l-Indja, imma bla dubju l-akbar impatt inħass f'Jammu u fil-Kashmir, b'telf eċċezzjonali f'Azad Jammu u l-Kashmir (AJK) u fil-Provinċja tal-Fruntiera tal-Majjistral tal-Pakistan(NWFP),

L.  billi fi ftit minuti t-terremot ħasad il-ħajja ta’ 75,000 ruħ fl-AJK, figura li wara telgħet għal 88,000, u 6,000 ruħ f'Jammu u fil-Kashmir li huma amministrati mill-Indja, u ħalla għexieren ta' eluf midruba u miljuni ta' nies spustjati, bi provvista minima ta' bżonnijiet bażiċi u mingħajr ebda rifuġju permanenti, impjieg, kura tas-saħħa u edukazzjoni, fuq in-naħa tal-Pakistan; billi tuzzani ta' bliet u villaġġi ġġarfu parzjalment jew totalment, l-agrikoltura nqerdet u l-ambjent tniġġes, u billi l-livelli ta' l-iżvilupp marru lura ħafna;

M. billi kemm il-forzi armati ta’ l-istat kif ukoll il-gruppi armati ta’ l-oppożizzjoni fit-tilwima tal-Kashmir għandhom jimxu mal-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra ta’ l-1949 u l-użanzi legali umanitarja internazzjonali umanitarja, li tipprojbixxi attakki kontra n-nies ċivili, u li l-ksur serju tagħha jikkostitwixxu reati tal-gwerra, li l-istati għandhom dmir li jgħaddu ġudizzju lil dawk responsabbli tagħhom,

N. billi aktar minn 2,000 suldat mietu fil-Glaċier tas-Siachen f’dawn l-aħħar għaxar snin, u billi l-waqfien mill-ġlied fir-reġjun tas-Siachen sa minn Novembru 2005 huwa milqugħ bi pjaċir,

Daħla

1.   Jenfasizza li l-Indja, il-Pakistan u ċ-Ċina (li lilha il-Pakistan ta it-Trans-Karakoram Tract fl-1963) huma msieħba importanti ta' l-UE, filwaqt li l-Indja tgawdi status ta’ sħubija strateġika; jemmen li s-soluzzjoni għall-kunflitt kontinwu tul l-LoC tista’ tinkiseb l-aħjar b’mod konġunt permezz ta’ involviment kostanti bejn il-gvernijiet ta’ l-Indja u l-Pakistan, filwaqt li jinvolvi l-popli tal-partijiet kollha ta’ dan l-istat li qabel kien prinċipat; madankollu jaħseb li l-UE jista’ jkollha xi ħaġa x'toffri fuq il-bażi ta' esperjenza tal-passat ta’ riżoluzzjoni ta' kunflitti f'kuntest multi-etniku, multi-nazzjonali u multi-reliġjuż; għalhekk joffri r-riżoluzzjoni preżenti u kwalunkwe laqgħat li jistgħu jirriżultaw minnha bħala parti minn esperjenza komuni li minnha l-UE tista' titgħallem ukoll; jisħaq dwar l-importanza ta’ appoġġ kontinwu ta’ l-UE, kemm lill-indja kif ukoll lill-Pakistan, waqt it-twettiq tal-proċess tal-paċi ta’ l-2004;

2.   Draws attention to the fact that India is the world's largest secular democracy and has devolved democratic structures at all levels, whereas Pakistan still lacks full implementation of democracy in AJK and has yet to take steps towards democracy in Gilgit and Baltistan; jinnota li ż-żewġ pajjiżi huma potenzi nukleari barra mit-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari; jenfasizza li, filwaqt li d-duttrina nukleari ta’ l-Indja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “ma tkunx hi li tuża l-ewwel”, il-Pakistan għadu ma ħax dan il-pass; jinnota wkoll li l-President Musharraf ma rnexxilux iwettaq il-wegħda tiegħu magħmula fl-1999 li "l-forzi armati m’għandhom l-ebda intenzjoni li jibqgħu fil-kmand għal aktar żmien milli huwa assolutament meħtieġ sabiex titwitta t-triq biex id-demokrazija veru twarrad fil-Pakistan";

3.   Jistieden lir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Indja u l-Pakistan sabiex jieħdu l-opportunità mogħtija lilhom permezz ta’ l-istqarrijiet tal-Prim Ministru ta’ l-Indja u tal-President tal-Pakistan, li jagħtu spinta ġdida lill-esplorazzjoni tal-għażliet għal aktar awtogovernanza, moviment ħieles, dimilitarizazzjoni, u koperazzjoni intergovernattiva dwar kwistjonijiet bħall-ilma, it-turiżmu, il-kummerċ u l-ambjent, u biex jippromvowu avvanz ġenwin fit-tfittxija għal riżoluzzjoni tat-tilwima tal-Kashmir;

4.   Jinnota li l-impatt tat-terremot fuq il-poplu ta’ l-AJK kompla jnaqqas b'mod gravi l-provvista ta' bżonnijiet bażiċi li diġà hija eċċezzjonalment skarsa, u xekklet b'mod drammatiku l-potenzjal tal-bini ta' l-istituzzjonijiet u l-kapaċità; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex tgħin u tappoġġja lin-nies tal-Kashmir f’dan ir-rigward;

5.   Iħeġġeġ lill-Gvernijiet tal-Pakistan u ta' l-Indja sabiex isolvu l-kwistjonijiet kruċjali dwar ix-xtut tax-xmajjar li jaffettwaw it-tributarji tax-xmajjar u l-użu tax-xmajjar li jgħaddu minn Jammu u l-Kashmir (ix-xmajjar Indus, Jhelum, Chenab, Ravi, Beas u Sutlej) malajr kemm jista' jkun, b’referenza għall-mekkaniżmu eżistenti li hemm proviżjoni għalih fit-Trattat dwar l-Ilmijiet ta’ l-Indus(1960); madankollu, bħal fil-każ, pereżempju, tat-titjib tad-diga tal-Mangla, jenfasizza li l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ l-ilma għall-biedja, sajd, annimali u bnedmin tan-nies lokali, għandu jibqa’ prijorità ewlenija;

6.   Jinnota li l-importanza ta’ l-ilma, is-sigurtà u provvisti ta’ enerġija sostenibbli u sikuri għall-istabilità u t-tkabbir fir-reġjun, u f’dan is-sens jinnota l-importanza li jiġu żviluppati l-irrigazzjoni u proġetti idroelettriċi; iqis li huwa neċessarju li l-Gvernijiet tal-Pakistan u ta’ l-Indja jkomplu d-djalogu kostruttiv tagħhom, u jikkonsultaw rappreżentanti tan-nies Kashmiri dwar kwistjonijiet relatati max-xmajjar, u jħeġġiġhom jadottaw approċċ olistiku lejn ir-riżorsi ta’ l-ilma, filwaqt li jirrikonoxxu r-rabtiet ewlenin li jeżistu bejn l-ilma, l-art, l-utenti ta’ l-art, l-ambjent u l-infrastruttura;

7.  Jissottolinja l-wirt komuni maqsum bejn l-Indja u l-Pakistan, li eżempju tiegħu hija l-kultura antika tal-Jammu u tal-Kashmir; jirrikonoxxi u japprezza l-pluraliżmu, il-multikulturaliżmu u n-natura plurireliġjuża u t-tradizzjonijiet sekulari tal-popli tal-Jammu u tal-Kashmir, li baqgħu ħajjin fil-parti Indjana ta’ Jammu u l-Kashmir;

Sitwazzjoni Politika: l-aspirazzjonijiet tan-nies

8.   Ifaħħar u jappoġġja lill-Indja u lill-Pakistan dwar il-mossi ta' paċi attwali, u jilqa' l-fatt li diskussjonijiet bilaterali reġgħu bdew, wara li kienu sospisi għal tliet xhur wara l-bumbardamenti ta' Lulju 2006 f'Mumbai; jenfasizza l-bżonn li r-reġjun, l-UE u l-komunità internazzjonali jappoġġaw id-diskussjonijiet bilaterali attwali u li jkomplu jissaħħu l-iskambji dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, bil-għan li jkun hemm futur aktar stabbli u prosperu għan-nies tal-Jammu u tal-Kashmir u l-ġirien tagħhom;

9.   Jilqa' b'ħerqa s-CBMs mibdija mill-Indja u mill-Pakistan, li qed jiksbu ċertu livell ta’ suċċess għat-tnaqqis tat-tensjoni u s-suspetti fuq iż-żewġ naħat u ser jippermettu l-familji fuq iż-żewġ naħat biex jingħaqdu wara snin ta’ separazzjoni; jenfasizza li għandhom isiru sforzi kbar mill-gvernijiet ta’ l-Indja u l-Pakistan sabiex jinvolvu lin-nies tal-Kashmir fis-sejba ta’ soluzzjoni tal-kwistjonijiet ewlenin;

10. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kashmiri ordinarji, minħabba s-sitwazzjoni umanitarja wara t-terremot, qed jibbenefikaw dejjem aktar mill-proċess tal-paċi, permezz ta' l-iskambji li qed isiru u l-impenn politiku tal-Gvernijiet ta’ l-Indja u tal-Pakistan għall-moviment ħieles (għalkemm limitat) tal-persuni, merkanzija u servizzi madwar il-LoC;

11. Jenfasizza li l-kriżijiet u l-kunflitti tas-snin riċenti żiedu, u mhux naqqsu, ir-rilevanza tan-Nazzjonijiet Uniti, u li n-NU għadha forum importanti għad-djalogu u d-diplomazija; ifakkar in-numru l-kbir ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) dwar il-Kashmir bejn l-1948 u l-1971, li ppruvaw iħeġġu lill-gvernijiet ta’ l-Indja u tal-pakistan sabiex jieħdu l-miżuri kollha fis-setgħa tagħhom sabiex itejbu is-sitwazzjoni, u li esprimew it-twemmin li soluzzjoni paċifika tat-tilwima kienet l-aħjar mod ta’ kif jitħarsu l-interessi tal-popli ta’ Jammu u ta’ Kashmir, ta’ l-Indja u tal-Pakistan; jasal għall-konklużjoni, fid-dawl ta’ dan kollu u ta’ ksur sussegwenti tal-punti stipulati fid-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li l-prekundizzjonijiet għall-użu tar-referendum, fil-preżent ma ġew sodisfati;

12. Jerġa’ jafferma li skond l-Artikolu 1.1 tal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-popli kollha għandhom id-dritt inaljenabbli ta’ awto-determinazzjoni, li permezz tiegħu jistgħu jiddeterminaw l-istatus politiku tagħhom b’mod ħieles u jaħdmu b’mod ħieles għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom; jerġa’ jafferma li skond Artikolu 1.3, il-partijiet kollha tal-patt iridu jippromwovu r-realizzazzjoni tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, u jridu jirrispettaw dan id-dritt, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jinnota, madankollu, li r-riżoluzzjonijiet kollha tan-NU dwar il-kunflitt tal-Kashmir espliċitament jirrikonoxxu biss id-dritt ta’ dak li qabel kien l-Istat Prinċipat ta’ Jammu u l-Kashmir biex isir parti mill-Indja jew il-Pakistan; jilqa’ bi pjaċir, fil-kuntest ta’ soluzzjoni permanenti għall-kunflitt tal-Kashmir, li tkun ta’ benefiċċju enormi għar-reġjun kollu, l-ideat ġodda li qed jiġu kkunsidrati bħalissa fi ħdan id-Djalogu Globali u l-Laqgħat ta' Taħdidiet ta' l-Indja (li fil-kuntest tagħhom, il-ftuħ mill-ġdid tad-djalogu mal-Gvern Indjan ma’ l-Konferenza Hurriyat tal-Partijiet Kollha (APHC) hija milqugħa bi pjaċir speċjali), u b’mod partikulari ideat relatati mal-prinċipju li l-fruntieri jsiru permanentament irrelevanti, sistema ta’ awtogovernanza, u arranġamenti istituzzjonali għal immaniġġjar konġunt jew b’koperazzjoni; jinkoraġġixxi bis-sħiħ lill-Indja u lill-Pakistan sabiex ikomplu jesploraw dawn il-kunċetti f’taħdidiet konġunti u ma’ Kashmiri fuq iż-żewġ naħat ta’ l-LoC u f’Gilgit u Baltistan;

13. Jiddeplora s-sitwazzjoni politika u umanitarja kontinwa fl-erbgħa partijiet ta’ Jammu u Kashmir; jilqa’ bi pjaċir, madankollu, l-irwol tal-proċess globali għall-paċi fil-mixja lejn soluzzjoni dejjiema għall-Kashmiri, soluzzjoni msejsa fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jappoġġa l-approċċ tat-"tieni triq" (“second track”) kif ukoll djalogu li jinvolvi persuni eminenti, studjużi u esperti oħra relevanti min-naħat kollha tal-Kashmir u mill-Indja u l-Pakistan, li qed jipproponu suġġerimenti prattiċi għal koperazzjoni aktar mill-qrib; jifraħ lill-Indja u lill-Pakistan talli laqqgħu lil dawn il-gruppi flimkien, u jissuġġerixxi li l-UE toffri appoġġ prattiku kull meta tkun mistiedna li tagħmel dan miż-żewġ naħat u fi ħdan il-proċess globali għall-paċi;

14. Madankollu jiddispjaċih li l-Pakistan naqas b'mod konsistenti milli jonora l-obbligi tiegħu li jintroduċi strutturi demokratiċi kredibbli u rappreżentattivi fl-AJK; jinnota, b'mod partikulari, in-nuqqas kontinwu ta' rappreżentazzjoni tal-Kashmiri fl-Assemblea Nazzjonali tal-Kashmir, il-fatt li l-AJK huwa ggvernat permezz tal-Ministeru ta' l-Affarjiet tal-Kashmir f'Islamabad, li l-uffiċjali Pakistani jiddominaw il-Kunsill tal-Kashmir u li s-Segretarju Prinċipali, l-Ispettur tal-Pulizija, l-Awditur Ġenerali u l-Ministru tal-Finanzi huma kollha Pakistani; ma japprovax id-dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni Interim ta' l-1974 li tipprojbixxi kull attività politika li tmur kontra d-dottrina tal-Jammu u tal-Kashmir bħala parti mill-Pakistan, u tobbliga lil kull kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament fl-AJK li jiffirma dikjarazzjoni ta' lealtà f’dan is-sens; jinsab imħasseb li r-reġjun ta' Gilgit-Baltistan m’għandu ebda forma ta' rappreżentazzjoni demokratika;

15. Jirrikonoxxi li l-Pakistan jinsab f'sitwazzjoni partikularment komplessa, bi pressjoni minn ħafna għejun; madankollu:

-  jiddispjaċih ħafna li n-nuqqas ta' rieda politika biżżejjed sabiex tiġi indirizzata l-provvista ta' bżonnijiet basiċi, il-parteċipazzjoni politika u l-istat ta' dritt fl-AJK ħallew lin-nisa t’hemmhekk f'sitwazzjoni ddisprata wara t-terremot;

-  ifakkar l-iffirmar tal-Ftehima ta' Koperazzjoni tat-Tielet Ġenerazzjoni ffirmata bejn il-KE u l-Pakistan fl-2001, li l-Artikolu 1 tagħha jinkludi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi bħala element essenzjali, u jħeġġeġ lill-UE sabiex tagħmel il-parti tagħha sabiex dawn il-prinċipji jiġu rispettati fl-implimentazzjoni tal-Ftehima; huwa partikularment imħasseb, għaldaqstant, li l-poplu ta’ Gilgit u Baltistan jinsabu taħt ħakma diretta militari, u mhux qegħdin igawdu demokrazija;

-  jinnota l-approvazzjoni ta’ Liġi dwar il-Ħarsien tan-Nisa għar-riforma tad-digrieti Hudood imsejsa fuq ix-Sharia dwar l-adulterju u l-istupru, liema Liġi hija pass pożittiv sabiex jiġi żgurat ħarsien aħjar tad-drittijiet tan-nisa fil-Pakistan, u japprezza l-impenn muri mill-President Musharraf u l-parlamentari reformisti li jaħdmu għal dawn l-emendi minkejja l-isforzi biex ixejjnuhom; jisħaq, madankollu, li huwa ċar ħafna li l-Pakistan hemm bżonn li jżomm kelmtu aktar fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

-  għadu mħasseb dwar is-sitwazzjoni diffiċli li jiffaċċjaw il-minoritajiet kollha fir-reġjun;

16. Iħeġġeġ lill-Pakistan sabiex jirrevedi l-kunċett ta' kontabilità demokratika u tad-drittijiet tal-minoritajiet u tan-nisa fl-AJK, li, bħal f'kull post ieħor, huma kruċjali għat-titjib tal-kundizzjonijiet għan-nies u għall-immaniġġar tat-theddida tat-terroriżmu;

17. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ libertà ta’ espressjoni fl-AJK u dwar rapporti ta’ torturi u trattament ħażin, ta’ diskriminazzjoni kontra refuġjati mill-Jammu u l-Kashmir amministrati mill-Indja, u ta’ korruzzjoni fost l-uffiċjali tal-gvern, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan sabiex jiżgura li l-poplu ta’ l-AJK ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet fundamentali ċivili u politiċi tagħhom f’ambjent ħieles mill-isfurzar u mill-biża’;

18. Jistieden ukoll lill-Pakistan sabiex jiżgura elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-AJK, meta wieħed iqis li l-elezzjonijiet ġeenrali tal-11 ta’ Lulju 2006 kienu karatterizzati minn frodi u manipulazzjoni tal-voti fuq skala kbira, u li kwalunkwe kandidat li rrifjuta li jiddefendi l-pożizzjoni li l-Kashmir jingħaqad mal-Pakistan kien miżmum milli jikkontesta l-elezzjoni; jistieden ukoll lill-Pakistan sabiex jagħmel elezzjonijiet għall-ewwel darba f’Gilgit u Baltistan;

19. Iħeġġeġ ukoll lill-Gvernijiet tal-Pakistan u l-Indja sabiex ibiddlu l-waqfien mill-ġlied li hemm f’Siachen sa mill-2003 fi ftehima ta’ paċi dejjiema, minħabba li hawnhekk, fil-kamp ta’ battalja l-aktar għoli tad-dinja, imutu aktar suldati kull sena għal raġunijiet klimatiċi milli minħabba l-kunflitt armat innifsu;

20. Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġja lill-Indja u lill-Pakistan sabiex jinnegozjaw zona ta’ diżingaġġ komplet fir-reġjun Siachen bla preġudizzju għall-pożizzjoni taż-żewġ naħat, u b’mod partikulari toffri assistenza billi tipprovdi teknoloġiji ta’ monitoraġġ u proċeduri ta’ verifika;

21. Jistieden lill-grupp armati militanti sabiex iħabbru waqfien mill-ġlied li jkun segwit minn proċess ta’ diżarm, dimobilizzazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jistieden lill-Gvernijiet tal-Pakistan u ta’ l-Indja sabiex jiffaċilitaw dan il-waqfien mill-ġlied;

22. Jinkoraġġixxi lill-Gvern Pakistani sabiex jagħlaq il-websajts u r-rivisti militanti; jissuġġerixxi li l-Gvernijiet tal-Pakistan u ta’ l-Indja jikkunsidraw li jintroduċu liġi kontra d-diskors ta’ mibegħda;

23. Jinnota li l-Jammu u l-Kashmir amministrati mill-Indja jgawdu status uniku skond l-Artikolu 370 tal-Kostituzzjoni Indjana, u dan jagħtiha aktar awtonomija minn stati oħra ta' l-Unjoni; huwa kuntent bl-azzjonijiet riċenti f'Jammu u l-Kashmir għat-tisħiħ tad-demokrazija (kif jidher mir-rata ta’ 75% ta’ nies li marru jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali riċenti), u l-azzjonijiet tal-Prim Ministru Singh biex jerġgħu jibdew id-djalogu ma’ l-APHC; madankollu, jinnota li għad baqa’ nuqqasijiet fil-prattika fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija diretta, kif jidher, pereżempju, mill-fatt li l-kandidati kollha li ħarġu għall-elezzjoni fil-Jammu u l-Kashmir (bħal fi stati oħra) iridu jieħdu ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni ta’ l-Istat ta’ Jammu u Kashmir li tiddefendi l-integrità ta’ l-Indja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-Indja (NHRC) sabiex teżerċita l-mandat komplet tagħha fir-rigward ta' kull ksur suspettat jew dokumentat u, sabiex tingħata aktar kredibilità, tħeġġeġ lin-NHRC li tikkompensa n-nuqqas ta' professjonisti dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq il-bord governattiv tagħha; jistenna bil-ħerqa li jsir aktar progress f'dan il-qasam, u li l-liġijiet il-ġodda dwar ix-xogħol tat-tfal u dwar in-nisa u l-vjolenza jagħtu riżultat pożittiv; jinnota bi tħassib li hemm rapporti li numri kbar ta’ Kashmiri qed jiġu miżmuma mingħajr ma jitressqu quddiem qorti kif jixraq; jiddeplora l-ksur dokumentat tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi armati ta’ l-Indja, b’mod speċjali jekk l-inċidenti ta’ qtil u stupru jkomplu f’atmosfera ta’ impunità; jinnota bi tħassib li l-NHRC m'għandha l-ebda setgħa skond l-istatuti tagħha li tinvestiga abbużi tad-drittijiet tal-bniedem magħmula mill-forzi tas-sigurtà Indjani; madankollu, tinkoraġġih ir-rakkomandazzjoni ta’ l-NHRC li l-armata tinnomina uffiċjali militari għolja biex jagħmlu superviżjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u ta’ l-istat tad-dritt fl-unitajiet militari tagħhom, liema rakkomandazzjoni qed tiġi osservata; jinnota l-wegħda tal-gvern ta’ l-Indja f’Settembru 2005 li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mhux se jkun tollerat; u jħeġġeġ lill-Lok Sabha li tiġi kkunsidrata emenda ta’ l-Att dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex l-NHRC tkun tista’ indipendentement tinvestiga allegazzjonijiet ta’ abbużi mill-membri tal-forzi armati;

24. Fdan il-kuntest, jilqa’ bi pjaċir id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Singh fejn talab għal "ebda tolleranza tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem" fil-Kashmir, u jistieden lill-Gvern Indjan sabiex itemm il-prattiki kollha ta' qtil extra-ġudizzjarju, "għibien", tortura u detenzjonijiet arbitrarji fil-Jammu u l-Kashmir;

25. Jistieden lill-Indja u lill-Gvern Statali tal-Jammu u l-Kashmir sabiex jirrevokaw id-dispożizzjonijiet legali kollha li jipprovdu immunità effettiva lill-membri tal-forzi armati u sabiex jistabbilixxu kummissjoni ta’ inkjesta indipendenti u imparzjali dwar ksur serju tal-liġijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarji mill-forzi tas-sigurtà Indjani sa mill-bidu tal-kunflitt;

26. Iħeġġeġ lill-gvernijiet ta’ l-Indja u l-Pakistan sabiex joffru aċċess immedjat u mhux ristrett lil organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (bħal Freedom House, Amnesty International u Human Rights Watch) għall-partijiet kollha ta' dak li qabel kien l-istat prinċipat, sabiex dawn jinvestigaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hemmhekk, u jfasslu rapporti regolari indipendenti dwar dan; iħeġġeġ liż-żewġ gvernijiet sabiex jimpenjaw ruħhom pubblikament għal koperazzjoni sħiħa ma’ dan it-tip ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

27. Jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet ta' għixien diffiċli ta' numru ta' gruppi, bħall-Pandits tal-Wied tal-Kashmir li ġew spustjati b’mod sfurzat; iħeġġeġ sabiex tkun indirizzata bis-saħħa d-diskriminazzjoni kontrihom u kontra gruppi oħra, partikularment fl-impjiegi; jissuġġerixxi li gruppi bħal dawn ifittxu li jissaħħu billi jistabbilixxu kumitati magħmula minn rappreżentanti eletti tagħhom, sabiex jiżguraw li n-nisa u l-persuni taħt il-25 sena jkunu rappreżentati b'mod xieraq;

28. Jipproponi li l-Indja tirrevedi l-livell ta’ suċċess tal-ħolqien tal-Kunsill Awtonomu ta’ l-Għoljiet f’Ladakh fl-1993; jittama li r-rotta tal-kummerċ tal-Kargil-Skardu tista' tkun stabbilita mill-ġdid bħala parti mill-proċess tas-CMBs, u li d-diviżjoni fiz-Zoni ta' Ladakh/tat-Tramuntana tista' terġa tkun konnessa permezz ta' punti simili għal dawk stabbiliti f'postijiet oħra fl-LoC;

29. B’mod partikulari, jilqa’ bi pjaċir iż-żieda ġenerali fil-ħruġ ta’ visas għall-ivvjaġġar bejn l-Indja u l-Pakistan, u l-ftuħ mill-ġdid tar-rotta tal-karozzi tal-linja bejn Srinagar u Muzaffarabad; jinnota li l-użu tagħha kien limitat għal inqas minn 400 persuna fuq kull naħa ta’ l-LoC, skond l-aħħar statistiċi; u jistieden lill-awtoritajiet Indjani u Pakistani sabiex inaqqsu r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni tal-ħruġ ta’ permessi ta’ l-ivvjaġġar;

30. Jikkumplimenta lill-Indja għall-isforzi tagħha għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ Jammu u Kashmir permezz ta’ pakketti speċjali għall-istat, u l-enfasi fuq il-ħolqien ta’ l-impjiegi u miżuri għall-promozzjoni tat-turiżmu f’Jammu u Kashmir, u jipproponi eżaminazzjoni ta’ kif is-sħubija ġejjiena bejn l-UE u l-Indja tista’ tgħin għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda bbażata fuq il-ħiliet, speċjalment għan-nisa u ż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-UE sabiex tappoġġja l-inizjattivi ta’ l-NGOs lokali biex joħolqu proġetti għall-bini tal-kapaċitajiet għan-nisa, kemm għall-produzzjoni kif ukoll għall-kummerċjalizzazzjoni; jemmen li l-UE tista’ tindirizza t-tħassib dwar opportunitajiet indaqs billi żżid il-kummerċ ta’ prodotti li tradizzjonalment kienu mezz ta’ għixien għan-nisa, bħat-tessuti u l-artiġjanat, u billi tiffaċilita l-kummerċ tas-servizzi f’setturi li jimpjegaw lin-nisa; jirrakkomanda li r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pakistan jiġu msaħħa b’mod simili;

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

31. Jirrikonoxxi li qabel ma jintemm it-terroriżmu ma jistax ikun hemm progress ġenwin lejn soluzzjoni politika jew titjib tas-sitwazzjoni ekonomika tal-popolazzjoni f’Jammu u Kashmir; jinnota li filwaqt li kien hemm tnaqqis stabbli fin-numru ta’ vittmi ta’ attakki terroristiċi f’dawn l-aħħar ħames snin, l-attivitajiet ta’ gruppi terroristiċi li dejjem jinbidlu u li huma bbażati fl-AJK, bħalma huma Lashkar-e-Taiba u Harakat ul-Mujahedeen, ikkawżaw mijiet ta’ mwiet fil-Jammu u Kashmir amministrati mill-Indja, u lil hinn minnhom;

32. Jiddeplora l-ksur dokumentat tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan, inkluż fil-Gilgit u Baltistan, fejn allegatament seħħew rewwixti vjolenti fl-2004, u fejn sikwit ħafna jseħħu ġrajjiet ta’ terrur u vjolenza magħmula minn gruppi militanti armati; iħeġġeġ lill-Pakistan sabiex jerġa’ jqis il-kunċett tiegħu tad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta’ l-espressjoni, il-libertà ta’ l-assoċjazzjoni u l-libertà tal-prattika reliġjuża fl-AJK u f’Gilgit u Baltistan, u jinnota bi tħassib l-allegazzjonijiet li jsiru minn assoċjazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Amnesty International dwar tortura u detenzjoni mingħajr proċess kif jixraq; iħeġġeġ b'mod sħiħ lill-partijiet kollha involuti sabiex jagħmlu dak kollu possibbli biex jindirizzaw dan il-ksur; jilqa' l-impenji pubbliċi tal-Pakistan sabiex joħnoq l-infiltrazzjoni fil-LoC minn militanti li joperaw barra mit-territorju fil-kontroll tiegħu, imma jemmen li għandu jieħu miżuri aktar b'saħħithom u aktar effettivi; iħeġġeġ impenn kontinwu u determinat tal-President Musharraf fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li kif huwa rikonoxxut, toffri sfidi kbar; japprova u jappoġġa l-għajnuna multilaterali u bilaterali ta' l-Istati Membri ta' l-UE lill-Pakistan fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fl-isforzi determinati sabiex itejbu l-għixien tan-nies ta' l-AJK u Gilgit u l-Baltistan; barra minn hekk, jistieden lill-Government of Pakistan u lill-Istati Membri ta’ l-UE sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jaqbdu rekluti terroristi potenzjali li jkunu sejrin lejn il-Pakistan mill-Istati Membri ta’ l-UE; jilqa’ bi pjaċir, il-fatt li ż-żewġ gvernijiet riċentement ħolqu panel konġunt, il-Mekkaniżmu Konġunt Indja-Pakistan dwar it-Terroriżmu, sabiex jiġġieldu t-terroriżmu u jaqsmu l-informazzjoni, u jinnota li l-ewwel laqgħa tal-panel saret f’Islamabad fis-6 ta’ Marzu 2007;

33. Jappoġġa b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ta’ L-International Crisis Group tal-11 ta’ Diċembru 2006 lill-Pakistan sabiex jiddiżarma lill-militanti, jagħlaq il-kampijiet tat-taħriġ tat-terroristi, itemm ir-reklutaġġ u t-taħriġ tat-terroristi fit-territorju tiegħu u jtemm il-fluss ta' sflus u armi lit-Taliban u lil militanti oħra, barranin jew lokali, f’territorju Pakistani;

34. Jirrikonoxxi u jappoġġa l-aspirazzjoni tan-nies tal-Kashmir sabiex ikunu hemm preżenza militari sinifikatament imnaqqsa maż-żewġ naħat ta’ lLoC;-; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, dwar il-fatt li d-dimilitarizzazzjoni ġenwina tista’ sseħħ biss b’mod parallel ma’ azzjoni ġenwina sabiex tiġi newtralizzata t-theddida ta’ infiltrazzjoni f’Jammu u Kashmir minn gruppi militanti li joperaw minn barra mill-Pakistan u flimkien ma’ CBMs bħat-tmiem tal-kritika reċiproka, implimentazzjoni sħiħa tal-linja tax-xarabank, il-komunikazzjoni u r-rabtiet kummerċjali bejn Srinagar u Muzaffarabad, u miżuri oħra definiti b’konsultazzjoni mill-qrib mal-poplu Kashmiri fuq iż-żewġ naħat, u jinnota li dan ikollu impatt pożittiv fuq is-saħħa mentali tagħhom u fuq is-sens tagħhom ta’ sigurtà, b’mod partikulari t-tfal u ż-żgħażagħ; jisħaq li huma biss inizjattivi ġodda li jaħsbu għall-futur li jistgħu iwasslu għal “ċirku ta’ virtù;

Miżuri li jkattru l-fiduċja

35. Jilqa’ b’ħafna pjaċir is-sinjali l-aktar riċenti ta’ sforzi li reġgħu qed isiru, li jinkludu wkoll ċaqliq kunsiderevoli fil-politika min-naħa tal-gvernijiet ta’ l-Indja u l-Paksitan sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima tal-Kashmir;

36. Jilqa' b'mod partikulari l-passi meħuda sabiex jergħu jingħaqdu il-familji mifruda mill-LoC, permezz tal-ftuħ ta' ħames punti ta' passaġġ; huwa konxju li l-ftuħ tal-punti ta' passaġġ fl-LoC kien deskritt bħala wieħed bil-mod u li ma kienx adattat għall-urġenza tas-sitwazzjoni fil-post; madankollu, jinkoraġġixxi u jispera li jkun hemm żieda fil-punti ta' passaġġ; jixtieq jara li dawn jiġu estiżi għaċ-ċittadini kollha fuq iż-żewġ naħat, u jirrakkomanda li l-Indja u l-Pakistan jinstigaw miżuri li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar kollu, kemm f'dak li kien l-istat prinċipat innifsu kif ukoll internazzjonalment, permezz ta’ servizzi amministrattivi u konsulari mħaffa (“fast-track”);

37. Jemmen li huwa vitali li fl-LoC tiżdied il-frekwenza ta' skambji fuq il-livelli kollha tas-soċjetà ċivili u f'kull qasam tal-ħajja; jissuġġerixxi li jinħolqu programmi ta' skambju bejn assoċjazzjonijiet legali, skejjel u universitajiet, inkluża Università komuni b'campus fuq iż-żewġ naħat tal-linja diviżorja; sabiex jitnaqqsu l-livelli ta' suspett reċiproku bejn l-armati fuq kull naħa, jipproponi li l-jinbeda djalogu bejn il-militari;

38. Jirrakkomanda li tingħata kunsiderazzjoni lit-twaqqif ta’ ċellola ta’ monitoraġġ konġunta Indja-Pakistan sabiex isir qsim ta’ dejta dwar ix-xejriet klimatiċi u l-attività sesmika, sabiex tingħata twissija bikrija ta’ diżastri naturali li joriġinaw f’kull naħa ta’ l-LoC;

39. Fil-livell politiku, jirrakkomanda li jkun stabbilit Kumitat Parlamentari Konġunt Indja-Pakistan sabiex irawwem aktar skambji parlamentari u djalogu; bl-istess mod, jipproponi l-ħolqien ta' gruppi ta' ħidma konġunti tal-gvern lokali sabiex ikunu eżaminati kwistjonijiet ta' kummerċ u turiżmu;

40. Jinkoraġġixxi lill-intrapriżi ta’ l-UE sabiex jirrikonoxxu l-potenzjal ta’ investiment u turiżmu tal-Kashmir kollu, u b’mod partikulari l-eżistenza ta’ massa ta’ ħaddiema motivata ħafna; jissuġġerixxi li n-negozji Ewropej jistgħu joħolqu intrapriżi konġunti ma’ kumpaniji lokali u li jinħolqu skemi ta' assikurazzjoni għall-investiment li jkattru l-fiduċja ta' l-investituri; jistieden lill-partijiet kollha sabiex jappoġġjaw u jiffaċilitaw ir-rappreżentazzjoni tal-kmamar rispettivi tal-kummerċ fil-fieri internazzjonali tal-kummerċ fl-UE, sabiex jippermettulhom li jippromwovu l-prodotti tagħhom għall-esportazzjoni;

41. Barra minn hekk, jappoġġja t-talba tal-Pakistan għall-iżvilupp tar-riżorsi umani permezz ta’ investimenti fl-edukazzjoni terzjarja, inklużi skejjel ta’ taħriġ vokazzjonali u kulleġġi tekniċi fl-inħawi amministrati federalment, inklużi l-inħawi Gilgit-Baltistan fil-Kashmir;

42. Jinnota li l-Indja hija l-akbar benefiċjarju tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP); iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex awtomatikament terġa' tagħti ħarsa lejn l-iskema GSP+, u miżuri oħra adegwati, fil-jiem ta’ wara diżastri naturali fuq skala kbira bħat-terremoti; jilqa' bi pjaċir il-wegħdiet ta' l-istati kollha ta' l-Asja t’Isfel fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta' l-Asja t'Isfel għall-Koperazzjoni Reġjonali (SAARC) sabiex jaħdmu b'mod effettiv biex il-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles ta' l-Asja t'Isfel issir realtà politika u ekonomika li ser timmassimizza l-benefiċċji għat-tliet partijiet tal-Jammu u l-Kashmir, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex itemm is-sistema ta' "lista pożittiva"; jinnota pożittivament li minkejja li l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi tela’ u niżel tul dan l-aħħar deċennju, il-livell ġenerali tal-kummerċ uffiċjali bejn l-Indja u l-Pakistan żdied minn USD 180 miljun fl-1996 għal USD 602 miljun sa l-2005 u, minħabba li l-livell għoli ta' kummerċ informali jindika l-potenzjal kummerċjali moħbi ta’ bejniethom, li din ix-xejra għandha l-potenzjal li tkompli, u għandha tiġi mħeġġa;

43. Jenfasizza li t-turiżmu għandu potenzjal konsiderevoli li jsaħħaħ l-ekonomija lokali; għalhekk jinkoraġġixxi lill-Gvernijiet ta' l-UE sabiex jagħmlu monitoraġġ tas-sitwazzjoni tas-siġurtà, bil-għan li tkun żgurata informazzjoni aġġornata u koordinata dwar l-ivvjaġġar għal dawk li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Jammu u Kashmir;

L-Impatt tat-terremot tat-8 ta' Ottubru 2005

44. Jenfasizza bis-saħħa li t-terremot kellu impatt kbir fuq il-ħajja tan-nies fuq iż-żewġ naħat ta’ l-LoC, u li s-sitwazzjoni umanitarja dgħajfet il-kapaċità istituzzjonali fraġili fuq il-post fl-AJK u fl-NWFP; jissottolinea li s-sopravivenza ta' kuljum issa hija l-prijorità assoluta tan-nies;

45. Jiddispjaċih li, barra mit-telf kbir ta' ħajjiet, l-AJK sofra dannu materjali fl-infrastruttura li ma jistax jiġi kwantifikat (l-isptarijiet, l-iskejjel, il-bini tal-gvern, il-linji ta' komunikazzjoni) u f'dak li f'ħafna każijiet kienu istituzzjonijiet u servizzi bażiċi li diġà kienu dgħajfa;

46. Huwa mnikket ħafna li t-terremot kellu impatt sproporzjonat fuq it-tfal, li skond figuri tal-UNICEF mietu 17,000; huwa mħasseb ħafna dwar rapporti ta' traffikar tat-tfal wara d-diżastru, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex speċifikament jindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet u l-ħarsien tat-tfal fl-AJK u f’Gilgit u f’Baltistan, u biex it-traffikar tat-tfal jiġi miġġieled b'mod aktar effettiv;

47. Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni mwegħra tal-persuni spustjati internament (IDPs) u persuni bi ħtieġa qawwija u kontinwa li nħolqot minħabba t-terremot; fin-nuqqas ta' konvenzjoni dwar id-drittijiet ta' l-IDPs, jilqa' l-'Prinċipji ta' Gwida' tan-Nazzjonijiet Uniti li joffru bażi għal tweġiba umana għall-attakk insidjuż ta' l-ispostament sfurzat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li l-awtoritajiet relevanti kollha li għandhom xi interess fil-Kashmir jirrispettaw dawn il-prinċipji; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan sabiex jagħmel dak kollu li jista’ biex mill-aktar fis possibbli jqassam l-art lill-abitanti ta' dawk l-irħula li sparixxew fl-uqigħ ta' l-art (landslide), sabiex dawn jerġgħu jieħdu r-ruħ bħala rħula, u biex jerġgħu jibnu faċilitajiet permanenti ta’ akkomodazzjoni; jirrakkomanda b’qawwa li l-UE tiffoka b’mod konsistenti fuq il-prinċipji msemmija hawn fuq, kif ukoll fuq kwistjonijiet usa’ ta’ demokrazija, ġustizzja u d-drittijiet tal-bniedem fl-erba’ partijiet kollha tal-Kashmir; jinnota li fuq iż-żewġ naħat ta' l-LoC il-kampijiet tar-'refuġjati' fit-tul għandhom jiżzarmaw u għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-protezzjoni, il-ħtiġijiet u l-integrazzjoni ta' dawk li jgħixu fihom, u li dawn għandhom jitħallew immorru lura lejn djarhom malajr, jew li jiġu akkomodati b’mod permanenti f’faċilitajiet oħra; jinnota li l-komunità internazzjonali għandha toffri għajnuna f’dan ir-rigward;

48. Jisħaq li d-diżastru laqat reġjun li diġà kien imdgħajjef mill-kunflitt u t-terroriżmu, u fejn l-istituzzjonijiet fundamentali u l-istabilità reġjonali ġew imdgħajfa kostantement mill-kriminalità organizzata u minn infiltrar fl-LoC minn netwerks Islamisti radikali li jisfruttaw il-fatt li t-territorju huwa mħattab;

49. Huwa xxukkjat li l-kundizzjonijiet bażiċi ta’ għixien esperjenzati fl-AJK qabel it-terremot, li diġà kienu minimi mil-lat ta’ ikel, ilma, kenn, sanità, skejjel u ċentri tas-saħħa li bilkemm kienu adegwati, ġew affettwati serjament b'konsegwenza tat-terremot; iħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati li filwaqt li hemm miljuni ta’ persuni li għandhom nuqqas tal-ħtiġijiet bażiċi, jikkonċentraw l-enerġiji tagħhom fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li b’mod ħażin żvijjat il-fluss tal-fondi 'l bogħod minn dawk li l-fondi kienu maħsuba għalihom, inklużi allegazzjonijiet disturbanti li organizzazzjoniiet terroristiċi pprojbiti min-NU kienu qed joperaw fiz-zona tat-terremot fl-AJK; jistieden lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, lill-gvernijiet ta’ l-Indja u l-Pakistan u lill-aġenziji ta’ għajnuna sabiex ikomplu jikkonċentraw fuq il-ħtiġijiet bażiċi tal-vittmi tat-terremot;

50. Jinnota li d-daqs u l-impatt tat-terremot kellu effett ħafna akbar fin-naħa Pakistana ta’ l-LoC, fejn inqerdu meded sħaħ ta’ l-infrastruttura tal-gvern lokali li ovvjament ikkawża dewmien għas-servizzi meħtieġa għar-rispons għall-emerġenza; jifraħ lill-gvernijiet, l-armati u l-popolazzjonijiet lokali fuq iż-żewġ naħat ta' l-LoC għad-dedikazzjoni, id-determinazzjoni u l-impenn tagħhom li jirrispondu għad-diversi sfidi li kkawża t-terremot;

Ir-reazzjoni għat-terremot tat-8 ta' Ottubru 2005

51. Jirrikonoxxi li r-rispons tal-komunità internazzjonali, l-Indja u l-Pakistan għat-terremot kien ħafif u pożittiv fiċ-ċirkustanzi: saru kuntatti immedjati fl-ogħla livell bejn l-Indja u l-Pakistan; l-NGOs domestiċi u lokali kellhom rispons tajjeb, u ħadmu ma' l-amministrazzjonijiet lokali u ċentrali; jirrakkomanda li l-UE tħares pożittivament lejn talbiet oħra għal aktar għajnuna għar-rikostruzzjoni ta' l-inħawi effettwati mit-terremot, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar talbiet li diġà saru f'dan ir-rigward;

52. Jinnota, bi tħassib, li l-evalwazzjoni preliminari tal-ħsara u l-ħtiġijiet li tħejjiet mill-Bank ta’ l-Iżvilupp ta’ l-Asja u mill-Bank Dinji, u li l-Kummissjoni tat kontribut għaliha, tistma li t-telf totali ta’ impjiegi jew għixien bħala konsegwenza tat-terromot hija ta’ 29%, u kellha impatt fuq madwar 1.64 miljun persuna, li aktar minn nofshom huma stmati li għandhom inqas minn 15-il sena; jilqa’ bi pjaċir il-proġett ta’ EUR 50 miljun tal-Kummissjoni, “Irkupru Bikri u Appoġġ għar-Rikostruzzjoni mit-Terremoti” għall-Pakistan; jenfasizza li dan il-proġett għandu jiffoka fuq il-ħarsien ta’ l-aktar persuni vulnerabbli, fuq medda qasir ta’ żmien, li jirkupra l-attività ekonomika fl-inħawi effettwati, inkluż li terġa’ tingħata l-ħajja lil negozji żgħar u li jissostitwixxu l-beni mitlufa fil-biedja, u joħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi permezz tat-taħriġ u ta’ programmi ta’ titjib tal-ħiliet; jirrakkomanda li fuq medda medja u twila ta' żmien, il-miżuri għar-rikostruzzjoni u l-iżgurar ta' l-għixien għandhom jinkludu l-mikrofinanzjament u t-titjib tal-ħiliet, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja dan it-tip ta' strateġiji fuq medda twila ta' żmien;

53. Jifraħ lil dawk kollha involuti fl-identifikazzjoni u fl-indirizzar tal-bżonnijiet tas-saħħa pubblika tas-superstiti tat-terremot fil-kampijiet, li minkejja l-isfidi marbuta mal-provvista ta' ilma nadif tajjeb għax-xorb u mal-faċilitajiet ta' sanità xierqa f'sitwazzjonijiet ta' wara diżastru, għadu ma tfaċċax b’mod serju mard relatat ma' l-ilma; jifraħ lill-Gvern tal-Pakistan talli provda kenn u provvisti lil aktar minn żewġ miljun persuna spostjata sabiex iwiżinhom tul ix-xitwa, u jifraħ lill-Gvern ta’ l-Indja li ta akkomodazzjoni lil 30 000 persuna li spiċċaw bla dar fuq in-naħa Indjana ta' l-LoC; huwa mħasseb dwar rapporti ta’ eluf ta’ persuni li għadhom qed jgħixu fil-kampijiet, kif xehdet iż-żjara tad-delegazzjoni ta’ l-SAARC tal-Parlament fl-AJF li saret mill-15 sa t-22 ta’ Diċembru 2006;

54. Jinnota li l-Pakistan stabbilixxa Kummissjoni Federali għall-Għajnuna fi żmien ftit jiem wara d-diżastru sabiex jikkoordina t-tfittxija u s-salvataġġ u l-operazzjonijiet ta' għajnuna; madankollu jiddispjaċih li l-Pakistan ma laħaqx ftehim ma’ l-Indjani dwar offerti ta' ħelikopters, fuq il-bażi tan-nazzjonalità tal-piloti tagħhom, kif ukoll operazzjonijiet konġunti ta' għajnuna madwar l-LoC, gruppi ta' għajnuna medika u tiswijiet fl-infrastruttura tat-telefonija, meta dawn kollha setgħu jgħinu biex inaqqsu l-ammont ta’ vittmi; jiddispjaċih, għaldaqstant, li t-terremot ma kienx opportunità sabiex tintwera r-rieda politika li tingħata prijorità lill-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni tal-Kashmir u li jintgħelbu d-differenzi politiċi;

55. Jilqa' l-għajnuna finanzjarja li ngħatat malajr mill-istati ġirien tal-Pakistan (l-Indja, iċ-Ċina, l-Iran, l-Afganistan) u, fuq bażi reġjonali aktar wiesgħa, mit-Turkija u mill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Islamika (OIC), u mill-komunità internazzjonali globali; jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea, u, partikularment lid-DG ECHO, li diġà huwa preżenti fil-Pakistan, għar-reazzjoni immedjata u effettiva tiegħu; jinkoraġġixxi lid-donaturi sabiex iwettqu l-wegħdiet tagħhom malajr kemm jista’ jkun;

56. Jifraħ lill-Kummissjoni b’mod partikulari għall-programm tagħha ta’ finanzjament rikorrenti b’reazzjoni għat-terremot, li permezz tiegħu s’issa ġew pprovduti EUR 48.6 miljun, u li twassal bi sħubija ma' NGOs, is-Salib l-Aħmar u xi Aġenziji tan-NU; jitlob għal impenn kontinwu ta’ l-UE lejn ir-rikostruzzjoni fil-Kashmir;

57. Jiddispjaċih li l-Gvern Pakistani insista li t-tabelli Indjani kollha jitneħħew mill-għajnuna umanitarja mogħtija mill-Indja qabel ma din l-għajnuna tqassmet;

58. Jenfasizza l-fatt li r-reazzjoni tal-militar Pakistani għad-diżastru, li kienet waħda eżitanti fil-bidu, ħoloq nuqqas ta’ provvisti fil-jiem ta’ wara d-diżastru , liema nuqqas ġie sfruttat mill-organizzazzjonijiet militanti fil-post, bħall-Jamaat-i-Islami u l-Jamaat-ud-Dawa, dawk li llum huma magħrufa bħalal Lakshar-e-Tayyaba (iddikjarati bħala organizzazzjoni terroristika u, bħala tali, huma ġew projbiti mill-gvern ta' Musharraf fl-2002), li malajr saru l-fornituri de facto ta' ikel, djar, skejjel għat-tfal u għajnuna għar-romol; jinsab imħasseb li dan saħħaħ il-kredibilità ta' dawn il-gruppi fl-opinjoni tal-popolazzjoni lokali, u xekkel aktar kull potenzjal ta' rappreżentanza demokratika ġenwina;

59. Iħeġġeġ lill-gvernijiet ta’ l-Indja u tal-Pakistan flimkien mal-komunità internazzjonali sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jimplimentaw salvagwardji u jimmonitorjaw mill-qrib, l-użu tal-fondi li jingħataw;

60. Jilqa’ b’ħafna pjaċir il-ftehim storiku tat-2 ta’ Mejju 2006 għat-trawwim tal-kummerċ fl-LoC bejn ir-reġjuni mifruda ta' Jammu u Kashmir, permezz tat-tnedija ta' servizz ta' trakk fir-rotta Srinagar-Muzaffarabad, kif ukoll it-tieni servizz ta’ xarabank tul il-Kashmir kollu li jgħaqqad il-Poonch f'Jammu u Kashmir ma’ Rawalakot fl-AJK; jipproponi li tinħoloq netwerk ta’ toroq bejn Jammu u Sialkot u Gilgit-Baltistan; jipproponi wkoll l-introduzzjoni ta’ linja ferrovjarja bejn Jammu u Srinagar, u titjib fit-triq li tgħaqqad liż-żewġt ibliet; jilqa’ bi pjaċir il-wegħda tal-Prim Ministru Singh fit-23 ta’ Mejju 2006 li jinħoloq ambjent aktar ħieles għall-kummerċ u l-moviment, bi “fruntieri rotob” sabiex tinħoloq klima għal soluzzjoni fil-Kashmir; iħeġġeġ b’qawwa liż-żewġ naħat sabiex ikattru b'ħeffa l-volum ta' kummerċ uffiċjali; iħeġġeġ ftehim b’ħeffa dwar il-modalitajiet tat-trasport tal-merkanzija fuq l-art, b'enfasi fuq l-issimplifikar tagħhom sa fejn possibli; jipproponi l-ħolqien ta’ pjan integrat għall-iżvilupp tas-suq, b’diversi taqsimiet għall-ipproċessar agrikolu, ktajjen tat-tkessiħ, servizzi ta’ kontejners żgħar u servizzi regolari tat-trakkijiet;

Konklużjonijiet

61. Iħeġġeġ lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha sabiex ma jħallux li l-problemi tal-poplu tal-Jammu u tal-Kashmir jisparixxu minn fuq l-iskrin tar-radar, u jiżguraw li l-għajnuna u programmi oħra jkunu mfassla u implimentati għal irkupru fuq medda twila ta’ żmien u għall-bini ta’ istituzzjonijiet;

62. Jenfasizza l-fatt li kif uriet l-esperjenza ta' l-UE stess, waħda mill-miżuri ewlenin sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi hija ż-żieda fl-iskambji kummerċjali bilaterali; jemmen li, fil-każ tal-Jammu u tal-Kashmir, il-kummerċ madwar l-LoC huwa partikularment vitali għall-ġenerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, ta' l-iżvilupp u sabiex joħroġ il-potenzjal ekonomiku tar-reġjun; jirrakkomanda li tingħata prijorità lill-proġetti tat-trasport u ta' l-infrastruttura;

63. Jappoġġja bil-qawwa l-inizjattivi kontinwi ta' intrapriżi politiċi fuq iż-żewġ naħat u fil-livelli kollha, u jħeġġiġhom sabiex jagħtu prijorità lill-bżonnijiet materjali u istituzzjonali tan-nies tal-Kashmir, sabiex l-iżvantaġġi politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom jiġu bilanċjati; jirrakkomanda li l-UE tkun disponibbli sabiex tirrispondi għal talbiet miż-żewġ gvernijiet;

64. Jirrikonoxxi x-xogħol notevoli tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f'Islamabad u fi New Delhi;

65. Jinnota li xi kultant, id-diżastri naturali joħolqu l-kundizzjonijiet politiċi għaż-żamma tal-paċi; li n-natura m’għandhiex fruntieri u li hija biss l-azzjoni sostenibbli bejn il-Pakistan u l-Indja li tista’ toffri t-tama lill-poplu tal-Kashmir li jibni l-ġejjieni mill-ġdid;

66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, lill-Gvernijiet tar-Repubblika ta' l-Indja u tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Jammu u l-Kashmir amministrati mill-Indja u l-Pakistan, u lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

ĠU C 227 E, 21.9.2006, p 589.

(2)

ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 469.

(3)

ĠU C 297 E, 7.12.2006, p 341.

(4)

Testi Adottati, P6_TA(2006)0388.

(5)

ĠU C 104 E, 30.4.2004, p 988.

(6)

ĠU C 104 E, 30.4.2004, p 1040.

(7)

Ara l-Anness għan-Nota Spjegattiva.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

1.  Għal iktar minn ħamsin sena l-komunità internazzjonali ilha titħasseb dwar il-qagħda tal-poplu tal-Kashmir. Konsegwenza mhux prevista mill-qasma tas-subkontinent ta’ l-Indja kienet li l-istat preċedentement prinċipat indipendenti, storiku u sabiħ tal-Jammu u l-Kashmir tqassam bejn il-Repubblika Islamika tal-Pakistan u r-Repubblika ta’ l-Indja. Bħala kawża tal-kunflitt, il-firda wasslet għall-mewt ta' eluf ta' nies u biex mijiet ta' eluf ta' nies kellhom jaħarbu u jfittxu l-kenn, ħafna minnhom fl-Istati Membri ta' l-UE u fl-Amerika ta' Fuq. Il-vuċi tagħhom ma baqgħetx siekta, titlob għar-reunifikazzjoni ta’ l-istat preċedenti tagħhom u tal-familji tagħhom maħbubin minnhom u sabiex il-kunflitt jintemm għal dejjem. Sadanittant, l-Unjoni Ewropea, waqt li ma kinitx mistiedna biex tkun medjatur, saret dejjem iktar interessata fil-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw is-subkontinent, meta wieħed iqis li r-reġjun qed jiżdied fl-importanza.

2. Bil-qasma, ir-Repubblika ta’ l-Indja akkwistat aċċess għall-Wied tal-Kashmir, il-Jammu, il-Ladakh u l-Glaċier ta’ Siachen bħala l-Istat tal-Jammu u l-Kashmir. Ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan ħadet f'idejha l-Azad Jammu u l-Kashmir (AJK) u l-Gilgit u l-Baltistan, dawn ta’ l-aħħar imsemmija bl-isem tar-Reġjuni tat-Tramuntana, li parti żgħira minnhom il-Pakistan ċediet lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fl-1963.

3.  Sussegwentement, l-Indja u l-Pakistan iġġieldu tliet gwerer fuq il-Kashmir li wassal biex ammont kbir ta’ militar ikun stazzjonat b’mod permanenti maż-żewġ naħat tal-fruntiera li ġiet miftiehma b'mod bilaterali fl-1972, magħrufa bħala l-Linja ta’ Kontroll (Line of Control - LoC).

Politika ta’ l-UE u r-rapport attwali

4.  L-UE tappoġġja bil-qawwa l-integrazzjoni reġjonali, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-koperazzjoni ekonomika, iżda ftehimiet ta’ koperazzjoni kemm ma’ l-Indja, li issa hija l-ikbar demokrazija fid-dinja, kif ukoll mal-Pakistan, li saret alleat importanti permezz tat-tilwim dwar il-fruntiera ma' l-Afganistan u l-enfasi fuq il-gwerra kontra t-terroriżmu. Iż-żewġ nazzjonijiet huma poteri nukleari. Il-Parlament Ewropew huwa interessat mill-qrib fl-aspetti kollha, u għalhekk sar dan ir-rapport.

5.  Ir-rapporteur żar iż-żewġ naħat ta' l-LoC u kkonsulta b'mod estensiv ħafna mal-politiċi fuq kull livell (fil-gvern u fl-oppożizzjoni), inkluż l-All Party Hurriyat Conference (APHC), is-soċjetà ċivili, l-akkademiċi, in-negozjanti, il-kummissjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-diplomatiċi internazzjonali, u l-militar; l-abitanti tal-kampijiet tal-‘migranti’ u tar-refuġjati, il-Kunsill, il-Kummissjoni, u rappreżentanti ta’ l-Ambaxxati, u ħafna ċittadini ta’ l-UE li joriġinaw mill-Kashmir. Ir-rapporteur irċieva aġġornamenti komprensivi mill-militar taż-żewġ naħat u għajnuna konsiderevoli mid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f’New Delhi u f’Islamabad.

6.  Fix-xhur riċenti numru ta’ MEPs għamlu żjarat uffiċjali u mhux uffiċjali, li peremzz tagħhom ġabru informazzjoni ulterjuri għal dan ir-rapport.

Il-Proċess ta’ Paċi

7.  Minkejja l-isfond skoraġġanti ta’ kunflitt kontinwu kif inhu perċepit mid-dinja ta’ barra, fix-xhur riċenti ttieħdu passi sinifikattivi lejn riżoluzzjoni permanenti u paċifika tal-kunflitt mill-gvernijiet ta’ l-Indja u tal-Pakistan b’koperazzjoni minn firxa wiesgħa tal-poplu tal-Kashmir fuq iż-żewġ naħat tal-Linja ta’ Kontroll u fil-bliet kapitali.

8.  L-iżviluppi immedjati fi ħdan il-laqgħat ta’ taħdidiet (Round Table) ta’ l-Indja mibdija mill-Prim Ministru Singh jiffokaw fuq kif il-kwistjoni tal-fruntiera ma għandhiex toħloq daqshekk ta’ firda. Il-ħames Gruppi ta’ Ħidma mwaqqfa wara l-ewwel konferenza ta' laqgħat ta’ taħdidiet qed jinvolvu kull min hu kkonċernat (għalkemm xi elementi estremi ta’ l-All Party Hurriyat Conference (APHC) irriffjutaw li jattendu dawn il-laqgħat) sabiex, fost kwistjonijiet oħrajn, jaħdmu fuq il-possibilitajiet għal aktar awtogovernanza fil-futur qrib.

9.  Minkejja l-eżistenza fuq livell għoli ħafna fil-Pakistan ta’ xi vuċijiet li ma jaqblux (kemm fl-armata kif ukoll fl-amministrazzjoni), numru ta’ passi sinifikattivi u sinjali ta’ ftuħ għal opportunitajiet maqsuma ttieħdu mill-President Musharraf, u mill-Prim Ministru u mill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin.

10.  Ir-rapport jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lid-Djalogu Mżewwaq u Permanenti li rriżulta bejn l-Indja u l-Pakistan, u li ħoloq medda ta’ Miżuri għat-Tiswir tal-Kunfidenza (CBMs) li jippermettu, fost affarijiet oħra, li familji mifruda jaqsmu l-LoC u jerġgħu jiltaqgħu ma’ xulxin għall-ewwel darba f’60 sena.

11.  L-UE laqat bi pjaċir il-Komunikat Konġunt ta' l-Indja u l-Pakistan maħruġ f'April 2005 - li għen biex jissaħħaħ il-proċess, u affermat mill-ġdid li l-proċess ta' paċi ma' jistax jerġa' lura u għamlet enfasi fuq soluzzjoni mhux militari għall-kunflitt fil-Kashmir u fuq il-progress sussegwenti tad-djalogu.

12.  Ir-rapport iħeġġeġ lill-UE biex tkompli toffri kull appoġġ possibbli għal dawn l-inizjattivi tassew sinifikattivi li għandhom il-potenzjal li jġibu l-paċi għal reġjun ferm usa' u li jsaħħu organizzazzjonijiet bħall-SAARC u s-SAFTA, li fit-tnejn li huma l-UE tipparteċipa bis-sħiħ.

13. B’mod ugwali, ir-rapport jisħaq fuq il-valur għoli li l-PE jagħti lid-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għan-nies kollha fir-reġjun, b'mod partikulari l-vittmi tat-terremot ta' l-2005 fil-Kashmir, il-migranti u r-refuġjati sfurzati, u dawk li huma neqsin mil-libertajiet fundamentali u mid-demokrazija.

Il-Jammu u l-Kashmir

14.  Minkejja l-proċess ta’ paċi, l-Indja tkompli tiġi kkritikata għall-preżenza militari kbira tagħha fuq il-Linja ta’ Kontroll, bil-ħafna abbużi tad-drittijiet tal-bniedem dokumentati fil-ħafna rapporti uffiċjali (u personali) li rċieva l-PE. L-evidenza ta’ l-eżistenza ta’ mill-inqas kamp wieħed tat-taħriġ għat-terroristi fl-AJK tfisser li huwa diffiċli għal barranin li jevalwaw il-ħtiġijiet għad-difiża, b’mod partikulari bl-involviment ta’ l-Al Qaeda fir-reġjun.

Ir-rapport jirrikonoxxi u jilqa’ l-fatt li l-Istat tal-Jammu u l-Kashmir huwa parti mid-demokrazija sekolari ta' ħafna reliġjonijiet u gruppi etniċi ta’ l-Indja, waqt li jenfasizza l-importanza kbira li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem ta' kulħadd minkejja l-kunflitt.

15.  Ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni għall-kampijiet tar-refuġjati li ilhom jeżistu fil-parti tal-Kashmir immexxija mill-Indja u jitlob sabiex tiġi regolarizzata l-qagħda ta’ l-abitanti tal-kampijiet li effettivament saru bliet żgħar - anke jekk bliet mingħajr stat uffiċjali. Dan għandu jgħin xi ftit biex tingħata l-possibilità ta' futur lill-eluf ta’ żgħażagħ li jistħoqqilhom il-ġejjieni li l-ġenituri tagħhom ma setgħux ikollhom minħabba l-firda storika. L-istess japplika għall-Pakistan.

16.  Minkejja dan, il-kostituzzjonijiet ta’ l-Indja u tal-Pakistan huma differenti ħafna fir-rigward tal-libertajiet fundamentali tagħhom u d-drittijiet mogħtija lin-nisa, lit-tfal u lill-minoritajiet, u r-rapport jieħu kont ta' dan bis-sħiħ.

L-Azad Jammu u Kashmir

17. Waqt li r-rapport jiddispjaċih dwar is-sitwazzjoni politika u umanitarja kontinwa f’kull waħda mill-erba’ partijiet tal-Jammu u l-Kashmir, jiġbed attenzjoni partikulari għad-defiċit demokratiku fl-AJK u fil-Gilgit u fil-Baltistan, fejn, b’dispjaċir, il-Pakistan naqset b’mod konsistenti li tilħaq l-obbligi tagħha u tintroduċi strutturi demokratiċi li jagħmlu sens u li huma rappreżentattivi. Ir-rapporteur mhuwiex konvint mill-argument li toffri ta’ sikwit il-Pakistan li n-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni tal-Kashmir fl-Assemblea Nazzjonali tal-Pakistan jirrifletti l-fatt li l-Pakistan ma tikkunsidrax il-Kashmir bħala parti mill-federazzjoni tagħha, meta wieħed iqis li l-leġiżlazzjoni tal-Pakistan tapplika, b’xi modifikazzjonijiet okkażjonali skond l-Att ta’ Adattazzjoni ta’ l-1 ta’ Jannar 2005, fl-Azad Jammu u fil-Kashmir u fil-Gilgit u fil-Baltistan.

18.  Jgħid ħafna iktar il-fatt li l-AJK huwa ggvernat permezz tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet tal-Kashmir f’Islamabad, li uffiċjali mill-Pakistan jiddominaw il-Kunsill tal-Kashmir, u li figuri ewlenin, bħas-Segretarju Prinċipali ta’ l-AJK, l-Ispettur tal-Pulizija, l-Awditur Ġenerali u s-Segretarju tal-Finanzi huma kollha mill-Pakistan. Lanqas ma nistgħu ninjoraw il-Kostituzzjoni Interim ta’ l-1974, li fiha dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha kwalunkwe attività politika li mhix skond it-twemmin li l-Jammu u l-Kashmir huma parti mill-Pakistan ma tkunx permessa. L-hekk imsejjaħ ‘Att dwar Kostituzzjoni Interim’ ta’ l-1974 jippermetti għal ħafna mill-istrutturi li jfasslu stat awtogovernattiv, inklużi assemblea leġiżlattiva li tiġi eletta permezz ta' elezzjonijiet perjodiċi, prim ministru li jikkmanda l-maġġoranza ta' l-assemblea, president elett b'mod indirett, ġudikatura indipendenti u istituzzjonijiet għal gvernijiet lokali. Iżda dawn id-dispożizzjonijiet ma fihomx sugu. Is-setgħat ta’ l-istat huma f’idejn il-Kunsill ta’ l-Azad Jammu u tal-Kashmir, immexxi mill-Prim Ministru tal-Pakistan u minn maġġoranza mill-Kabinet tiegħu jew permezz ta’ ħatra. Barra minn hekk, skond it-Taqsima 56 ta' l-Att dwar Kostituzzjoni Interm tal-Jammu u l-Kashmir (li l-abbozz tiegħu sar mill-Ministeri Federali tal-Liġi u ta' l-Affarijiet tal-Kashmir f'Islamabad), il-gvern tal-Pakistan jista’ jxolji kwalunkwe gvern elett fl-Azad Kashmir irrispettivament mill-appoġġ li jaf ikollu fl-Assemblea Leġiżlattiva ta' l-AJK u, bħal fil-bqija tal-Pakistan, il-Kunsill Islamiku nazzjonali għandu awtorità fuq kulħadd fir-rigward tal-leġiżlazzjoni kollha.

Gilgit u Baltistan

19.  Ħażina daqs kemm hi s-sitwazzjoni fl-AJK, is-sitwazzjoni hija ħafna agħar f’Gilgit u Baltistan, in-naħa l-aktar ‘il fuq tal-parti tal-Kashmir li hija amministrata mill-Pakistan, li m’għandha ebda status jew tip ta’ rappreżentazzjoni demokratika.

20.  Gilgit u Baltistan (li jissejħu l-Inħawi tat-Tramuntana mill-Pakistan) huma amministrati mill-Pakistan. Minħabba li l-Pakistan iqis il-Jammu u Kashmir kollha territorju li hemm tilwim dwar, għadhom ma ġewx inkorporati ma’ l-Inħawi tat-Tramuntana. Bħala tali, la huma provinċja tal-Pakistan, u lanqas m’huma parti mill-AJK. Il-Kunsill ta’ l-Inħawi ta’ Fuq li nħoloq xi żmien ilu, jiftaħar li qed jaħdem bħal 'Assemblea Provinċjali', iżda qed jaħbi, fir-realtà, nuqqas totali ta’ identità kostituzzjonali jew drittijiet ċivili.

21.  Il-poplu nżamm lura, fil-faqar u l-illiteriżmu. In-nuqqas ta’ provvista ta’ saħansita l-aktar ħtiġijiet bażiċi jidher faċilment - 25 sptar żgħir moqdi minn 140 tabib (jiġifieri tabib wieħed għal kull 6,000 persuna), meta mqabbel ma’ 830 star u 75,000 tabib fil-bqija tal-Pakistan, rata ġenerali ta’ litteriżmu ta’ 33%, b’indikaturi partikulari fqar fir-rigward tal-bniet u n-nisa; 12-il skola sekondarja u 2 kulleġġi reġjonali biss f’Gilgit u f’Baltistan, mingħajr ebda faċilitajiet ta’ wara l-università; apparti l-impjiegi mal-gvern, l-uniċi impjiegi oħra huma fis-settur tat-turiżmu, u dan ovvjament huwa problematiku. Ftit nies lokali jirnexxilhom jiksbu impjieg mal-gvern, u saħansitra, dawn jitħallsu sa 35% inqas minn impjegati li mhumiex minn hemmhekk; m’hemm ebda mezzi tax-xandir lokali.

22.  It-terremot ta’ l-2005, li kien diżastruż minnu nnifsu, kompla jkabbar lil dawn il-problemi. Ikun verament irresponsabbli li wieħed ma jiġbidx l-attenzjoni dwar din-sitwazzjoni u dwar l-inġustizzji li qed ikomplu jsiru, u għaldawstant ir-rapport jenfasizza ħafna li l-Pakistan jeħtieġ li jerġa’ jqis il-kunċett tiegħu tar-responsabbilizzazzjoni demokratika u jindirazza l-kwistjoni tal-provvista tal-ħtiġijiet fl-inħawi li jinsabu taħt il-kontroll (de facto) tiegħu.

Il-kwistjoni tar-referendum

23.  Ir-rapport jagħmel l-appoġġ tiegħu ċar għall-proċess ta’ paċi attwali bejn il-Pakistan u l-Indja bħala t-triq għall-ġejjieni.

24.  Il-Pakistan qed ikompli juża r-riżoluzzjonijiet bikrija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jappoġġja l-asserzjoni tiegħu li għandu jsir referendum sabiex jiġi determinat jekk il-Jammu u Kashmir magħquda mill-ġdid għandhomx "jingħaqdu" ma’ l-Indja jew il-Pakistan. Dan ir-rapport jinnota, madankollu, li l-kundizzjonijiet magħmula min-NU għal dan ir-referendum ma ġew sodisfati, u issa ma jistgħux jiġu sodisfati, mill-Pakistan. Is-sitwazzjoni waslet fi stadju ieħor.

Konklużjoni

25.  B’konklużjoni, ir-rapport jirrikonoxxi l-wirt antik u uniku tal-poplu Kashmiri, u r-rapporteur m’għandha xejn għajr tifħir għat-tenaċità tagħhom. Wara tant għexieren ta’ snin ta’ kunflitti u traġedji f’din il-parti partikularment sabiħa u storika tas-subkontinent, wieħed iqawwi qalbu meta jara li ż-żewġ potenzi, l-Indja u l-Pakistan, jingħaqdu mal-poplu tal-Kashmir u li soluzzjonijiet paċifiċi qegħdin fuq ixx-efaq u qed jiġu wkoll implimentati, proċess familjari li l-Parlament Ewropew jappoġġja b’mod sħiħ.

Anness

List ta’ riżoluzzjonijiet tan-NU dwar il-Kashmir (1948-1971)

Riżoluzzjoni 38 (1948) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-Kunsill tas-Sigurtà ) fil-229 Laqgħa tiegħu li saret fis-17 ta’ Jannar 1948;

           Riżoluzzjoni 39 (1948) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-230 Laqgħa tiegħu li saret fis-20 ta’ Jannar 1948;

           Abbozz ta’ Riżoluzzjoni imressaq mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà u mir-Rapporteur fis-6 ta' Frar 1948;

           Riżoluzzjoni 47 (1948) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-286 Laqgħa tiegħu li saret fil-21 ta’ April 1948;

            Riżoluzzjoni 51 (1948) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fit-312-il Laqgħa tiegħu li saret fit-3 ta’ Ġunju 1948;

           Riżoluzzjoni adottata mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Indja u l-Pakistan fit-13 ta' Awissu 1948;

           Riżoluzzjoni adottata mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Indja u l-Pakistan fit-5 ta' Jannar 1949;

           Proposta fir-rigward ta’ Jammu u Kashmir magħmula mill-Ġeneral A.G.L. McNaughton, President tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti fit-22 ta’ Diċembru 1949;

           Riżoluzzjoni 80 (1950) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-470 Laqgħa tiegħu li saret fl-14 ta’ Marzu 1950;

           Riżoluzzjoni 91 (1951) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-539 Laqgħa tiegħu li saret fit-30 ta’ Marzu 1951;

           Riżoluzzjoni 96 (1951) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-566 Laqgħa tiegħu li saret fl-10 ta’ Novembru 1951;

           Riżoluzzjoni 98 (1948) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-611-il Laqgħa tiegħu li saret fit-23 ta’ Dieċmbru 1952;

           Riżoluzzjoni 122 (1957) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-765 Laqgħa tiegħu li saret fit-24 ta’ Jannar 1957;

           Abbozz ta’ Riżoluzzjoni mressqa mill-Awtralja, Kuba, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti fl-14 ta’ Frar 1957;

           Riżoluzzjoni 123 (1957) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-774 Laqgħa tiegħu li saret fil-21 ta’ Frar 1957;

           Abbozz ta’ Riżoluzzjoni mressqa mill-Awtralja, il-Kolombja u l-Filippini fis-16 ta’ Novembru 1957;

           Riżoluzzjoni 126 (1957) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fit-808 Laqgħa tiegħu li saret fit-2 ta’ Diċembru 1957;

           Abbozz ta’ Riżoluzzjoni mressaq mill-Irlanda lill-Kunsill tas-Sigurtà fit-22 ta’ Ġunju 1962;

           Dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà (Rappreżentant Franċiż) magħmula fit-18 ta’ Mejju 1964 waqt l-1117-il Laqgħa tal-Kunsill (Document No. S/PV. 1117, bid-data tat-18 ta’ Mejju l964) li hija ġabra fil-qosor tal-konklużjoni tad-dibattitu dwar il-Kashmir;

           Riżoluzzjoni 209 (1965) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-1237 Laqgħa tiegħu li saret fl-4 ta’ Settembru 1965;

           Riżoluzzjoni 210 (1965) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-1238 Laqgħa tiegħu li saret fis-6 ta’ Settembru 1965;          

           Riżoluzzjoni 211 (1965) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-1242 Laqgħa tiegħu li saret fl-20 ta’ Settembru 1965;

           Riżoluzzjoni 214 (1965) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-1245 Laqgħa tiegħu li saret fis-27 ta’ Settembru 1965;

           Riżoluzzjoni 215 (1965) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-1251 Laqgħa tiegħu li saret fil-5 ta’ Novembru 1965;

           Riżoluzzjoni 303 (1965) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-1606 Laqgħa tiegħu li saret fis-6 ta’ Diċembru 1971;

           Mistoqsija kkunsidrata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-Laqgħat 1606, 1607 u 1608 li saru fl-4, il-5 u s-6 ta’ Diċembru 1971;

           Riżoluzzjoni 307 (1965) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-1616-il Laqgħa tiegħu li saret fil-21 ta’ Diċembru 1971.


PROĊEDURA

Titolu

Il-Kashmir: sitwazzjoni kurrenti u prospetti għall-futur

Numru tal-proċedura

2005/2242(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta’ l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

AFET
15.12.2005

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

-

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

-

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

-

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Barunessa Nicholson ta' Winterbourne
12.12.2005

 

Rapporteur(s) preċedenti

-

 

Eżami fil-kumitat

28.11.2006

24.1.2007

26.2.2007

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

21.3.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

60

1

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Vittorio Agnoletto, Roberta Alma Anastase, Robert Atkins, Panagiotis Beglitis, Monika Beňová, André Brie, Philip Claeys, Simon Coveney, Véronique De Keyser, Hanna Foltyn-Kubicka, Michael Gahler, Bronisław Geremek, Alfred Gomolka, Richard Howitt, Jana Hybášková, Anna Ibrisagic, Bogdan Klich, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Eugen Mihăescu, Philippe Morillon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Baroness Nicholson of Winterbourne, Raimon Obiols i Germà, Cem Özdemir, Janusz Onyszkiewicz, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Mirosław Mariusz Piotrowski, Hubert Pirker, Michel Rocard, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Marek Siwiec, István Szent-Iványi, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Kristian Vigenin, Jan Marinus Wiersma

Sostitut/i preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, David Casa, Giulietto Chiesa, Alexandra Dobolyi, Andrew Duff, Carlo Fatuzzo, Kinga Gál, David Hammerstein Mintz, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Jo Leinen, Yiannakis Matsis, Doris Pack, Inger Segelström, Adrian Severin, Jean Spautz, Csaba Sándor Tabajdi

Sostitut/i preżenti għall-votazzjoni finali skond ir-Regola 178(2)

Sharon Bowles, Philip Bushill-Matthews, Roger Helmer, Sajjad Karim, Elizabeth Lynne, David Martin, Gérard Onesta, Ria Oomen-Ruijten

Data tat-tressiq

25.4.2007

Kummenti
(disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza