RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni)

11.5.2007 - (COM(2006)0396 – C6‑0248/2006 – 2006/0130(COD)) - ***I

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Arūnas Degutis

Proċedura : 2006/0130(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0178/2007

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni)

(COM(2006)0396 – C6‑0248/2006 – 2006/0130(COD))

(Proċedura ta’ kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2006)0396)[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6‑0248/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0178/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkonsultah jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-KummissjoniEmendi tal-Parlament

Emenda 1

Premessa 6

Sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-konformità mar-rekwiżiti tal-liċenzji tat-tħaddimta’ kull trasportatur bl-ajru Komunitarju, l-awtoritajiet tal-liċenzjar għandhom iwettqu verifiki regolari tal-qagħda finanzjarja tat-trasportaturi ta’ l-ajru. Għalhekk, ta’ l-aħħar għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom, l-aktar fl-ewwel sentejn ta’ l-eżistenza tagħhom minħabba li dawn huma partikolarment kritiċi għas-soppravivenza fis-suq ta' trasportatur bl-ajru.

Sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-konformità mar-rekwiżiti tal-liċenzji tat-tħaddim ta’ kull trasportatur bl-ajru Komunitarju, l-awtoritajiet tal-liċenzjar għandhom iwettqu verifiki regolari tal-qagħda finanzjarja tat-trasportaturi ta’ l-ajru. Għalhekk, ta’ l-aħħar għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom, l-aktar fl-ewwel sentejn ta’ l-eżistenza tagħhom minħabba li dawn huma partikolarment kritiċi għas-soppravivenza fis-suq ta' trasportatur bl-ajru. Biex ikun evitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regoli differenti fil-livell nazzjonali, huwa neċessarju li tkun żgurata t-trasparenza u li tkun ppreżentata s-sitwazzjoni finanzjarja tat-trasportaturi kollha ta’ l-UE lill-kontroll konġunt tal-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Emenda 2

Artikolu 1, paragrafu 1

1. Dan ir-Regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità, id-dritt tat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità li joperaw servizzi ta’ l-ajru fi ħdan il-Komunità, u l-ipprezzar tas-servizzi ta’ l-ajru fi ħdan il-Komunità.

1. Dan ir-Regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità, id-dritt tat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità li joperaw servizzi ta’ l-ajru fi ħdan il-Komunità, u l-ipprezzar tas-servizzi ta’ l-ajru mħaddma fi ħdan il-Komunità. Id-dispożizzjonijiet dwar informazzjoni u nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-ipprezzar għandhom japplikaw għal titjiriet li jitilqu minn ajruport li qiegħed fit-territorju ta' Stat Membru u għal titjiriet li huma kuntrattati minn trasportaturi Komunitarji li jitilqu minn ajruport li qiegħed f'pajjiż terz lejn ajruport li qiegħed fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm it-trasportaturi bl-ajru ma jkunux suġġetti għall-istess obbligi f'dak il-pajjiż terz.

Ġustifikazzjoni

Kjarifika.

L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet dwar informazzjoni u nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-ipprezzar huwa l-ħarsien tal-passiġġieri. L-estensjoni tal-qasam ta' applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet tiżgura applikazzjoni aktar effettiva.

Emenda 3

Artikolu 2, punt (15)

(15) 'ajruport reġjonali' tfisser kull ajruport li jwettaq mill-inqas wieħed mill-kriterji stipulati fl-Anness II;

imħassar

Ġustifikazzjoni

Kwalunkwe definizzjoni ta' “ajruport reġjonali” għall-iskop ta' obbligi ta' servizz pubbliku għandha tinkludi xi ajruporti f'reġjuni li huma vijabbli ekonomikament u għandha teskludi xi ajruporti f'reġjuni li għandhom bżonn appoġġ ekonomiku jew soċjali. PSOs huma ġustifikati biss għal ajruporti li jaqdu reġjuni bi bżonnijiet ekonomiċi jew soċjali. Għalhekk din id-definizzjoni għandha titħassar.

Emenda 4

Artikolu 2, punt (19)

(19) 'nollijiet ta' l-ajru' tfisser il-prezzijiet espressi f'ecu jew f'muniti lokali li għandhom jitħallsu minn passiġġieri lil trasportaturi ta' l-ajru jew l-aġenti tagħhhom għat-trasport tagħhom u għat-tagħbija tal-bagali tagħhom fuq servizzi bl-ajru u xi kondizzjonijiet li permezz tagħhom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lil servizzi ta' l-aġenzija u servizzi awżiljarji oħra u inklużi kull taxxa applikabbli, imposti u ħlasijiet;

(19) 'nollijiet ta' l-ajru' tfisser il-prezzijiet espressi f'euros jew f'muniti lokali li għandhom jitħallsu minn passiġġieri lil trasportaturi ta' l-ajru jew l-aġenti tagħhom għat-trasport tagħhom u għat-tagħbija tal-bagalji tagħhom fuq servizzi bl-ajru u xi kondizzjonijiet li permezz tagħhom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lil servizzi ta' l-aġenzija u servizzi awżiljarji oħra;

Ġustifikazzjoni

Huwa propost li tinżamm id-definizzjoni ta' nollijiet ta' l-IATA u tkun mitluba l-inklużjoni ta' taxxi, tariffi u ħlasijiet fl-Artikolu 24.

Emenda 5

Artikolu 2, punt (20)

(20) 'rati ta' l-ajru' tfisser il-prezzijiet espressi f' euro jew f'muniti lokali li għandhom jitħallsu għat-trasport ta' merkanzija u l-kondizzjonijiet li permezz tagħhhom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti għas-servizzi lil aġenzija u servizzi awżiljarji oħra u inkluż kull taxxa applikabbli, imposti u ħlasijiet;

(20) 'rati ta' l-ajru' tfisser il-prezzijiet espressi f' euro jew f'muniti lokali li għandhom jitħallsu għat-trasport ta' merkanzija u l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti għas-servizzi lil aġenzija u servizzi awżiljarji oħra;

Ġustifikazzjoni

Huwa propost li tinżamm id-definizzjoni ta' rati ta' l-IATA u tkun mitluba l-inklużjoni ta' taxxi, tariffi u ħlasijiet fl-Artikolu 24.

Emenda 6

Artikolu 2, punt (24 a) (ġdid)

 

(24a) 'ftehima "dry-lease"' tfisser ftehima bejn trasportaturi bl-ajru fejn l-ajruplan huwa mħaddem skond l-AOC ta' min jikri;

Ġustifikazzjoni

Huwa ssuġġerit li d-definizzjoni tiddaħħal f’konformità ma' l-EU-OPS.

Emenda 7

Artikolu 2, punt (24 b) (ġdid)

 

(24a) 'ftehima "wet-lease"' tfisser ftehima bejn trasportaturi bl-ajru fejn l-ajruplan huwa mħaddem skond l-AOC ta' min jagħti l-kirja;

Ġustifikazzjoni

Huwa ssuġġerit li d-definizzjoni tiddaħħal f’konformità ma' l-EU-OPS.

Emenda 8

Artikolu 2, punt (24 c) (ġdid)

 

(24c) ‘Post prinċipali tax-xogħol’ tfisser il-post ta’ l-uffiċċju ewlieni u, fejn ikun applikabbli, l-uffiċċju reġistrat ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fi Stat Membru li dak it-trasportatur bl-ajru Komunitarju jwettaq parti sinifikanti tas-servizzi operattivi tiegħu fih, lejh jew minnu.

Ġustifikazzjoni

Dan l-Artikolu hemm bżonn li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 4, il-paragrafu (a). It-terminu ‘attivitajiet operattivi’ huwa usa’ minn ‘servizzi ta’ l-ajru’, u jinkludi operazzjonijiet mhux relatati mat-titjir bħar-rostering u l-manutenzjoni. ‘Servizzi ta’ l-ajru’ jkollu l-impatt li jeskludi mill-qasam ta’ applikazzjoni tar-regolament lil trasportaturi bl-ajru Komunitarji leġittimi bħal trasportaturi globali tal-merkanzija li joperaw madwar id-dinja b’numru sostanzjali tat-titjiriet tagħhom barra mill-Komunità. Din il-bidla tapplika wkoll għall-Emenda 10 - l-Artikolu 4.

 

 

Emenda 9

Artikolu 3, paragrafu 1, subparagrafu 1

L-ebda impriża m'għandha titħalla li ġġorr bl-ajru passiġġieri, ittri u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri fi ħdan il-Komunità sakemm hi ma tingħatax l-liċenzja tat-tħaddim xierqa.

L-ebda impriża stabbilita fil-Komunità m'għandha titħalla li ġġorr bl-ajru passiġġieri, ittri u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri fi ħdan il-Komunità sakemm hi ma tingħatax l-liċenzja tat-tħaddim xierqa.

Ġustifikazzjoni

Għandu jkun ċar li trasportaturi minn pajjiżi terzi m’humiex esklużi milli joperaw servizzi ta' l-ajru fil-Komunità.

Emenda 10

Artikolu 3, paragrafu 3, punt (b)

(b) titjiriet lokali li ma jinvolvux ġarr bejn ajruporti differenti.

(b) titjiriet lokali li ma jinvolvux ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bejn ajruporti differenti.

Emenda 11

Artikolu 4, punt (a)

(a) is-sede ewlenija tagħha u, jekk hemm, l-uffiċċju rreġistrat, ikunu jinsabu fil-Komunita u twettaq parti sostanzjali mill-attivitajiet operattivi tagħha fil-Komunita;

(a) il post prinċipali tax-xogħol tagħha jinsab fil-Komunita u topera parti sostanzjali mis-servizzi ta' l-ajru tagħha fi ħdan, jew mill-Komunita;

Ġustifikazzjoni

Sabiex ma jkunx hemm ftehim ħażin, it-test għandu jkun kjarifikat u għandhom jintużaw it-termini definiti fl-Artikolu 2.

Emenda 12

Artikolu 4, punt (c)

(c) meta l-liċenzja ssir l-applikazzjoni għaliha għand l-awtorità ta’ Stat Membru, is-sede ewlenija u, jekk hemm, l-uffiċju rreġistrat ikunu jinsabu f’dak l-Istat Membru, twettaq parti sostanzjali mill-attivitajiet operattivi tagħha f’dak l-Istat Membru u, meta iċ-ĊOA jinħareġ minn awtorità nazzjonali, l-istess Stat Membru jkun responsabbli għas-superviżjoni taċ-ĊOA;

(c) meta ssir l-applikazzjoni għal-liċenzja għand l-awtorità ta’ Stat Membru, il-post prinċipali tax-xogħol tagħha jkun jinsab f'dak l-Istat Membru;

Ġustifikazzjoni

Huwa ssuġġerit li t-test jiġi simplifikat billi jintuża t-terminu definit fl-Artikolu 2 u li l-kriterju li jikkonċerna l-AOC jitneħħa u jiddaħħal fl-Artikolu 6.

Emenda 13

Artikolu 4, punt (c a) (ġdid)

 

(ca) għandha ajruplan jew aktar disponibbli permezz ta' sjieda jew ftehima “dry lease”;

Ġustifikazzjoni

Dan il-kriterju qiegħed fl-Artikolu 13 tal-proposta tal-Kummissjoni, iżda peress li dan huwa kundizzjoni għall-għoti ta' liċenzja ta’ tħaddim, għandu jiddaħħal fl-Artikolu 4.

Emenda 14

Artikolu 4, punt (d)

(d) ix-xogħol prinċipali tagħha jkun trasport bl-ajru iżolat jew konġuntivament ma' kull ħidma kummerċjali oħra ta' ajruplan jew it-tiswija u manutenzjoni ta' ajruplan.

(d) ix-xogħol prinċipali tagħha jkun li tħaddem servizzi ta' l-ajru b'mod iżolat jew konġunt ma' kull ħidma kummerċjali oħra ta' ajruplan jew it-tiswija u l-manutenzjoni ta' ajruplan;

Ġustifikazzjoni

Għandu jintuża t-terminu definit fl-Artikolu 2.

 

 

Emenda 15

Artikolu 4, punt (h a) (ġdid)

 

(ha) tipprovdi evidenza li hija għandha biżżejjed kopertura ta’ assikurazzjoni biex tkun tista’ tħallas lura l-ammonti mħallsa u biex tkopri l-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni tal-passiġġieri fil-każ li hija ma tkunx tista’ topera titjiriet ibbukkjati minabba falliment jew revoka tal-liċenzja tagħha ta’ tħaddim.

Ġustifikazzjoni

Irid ikun żgurat li l-passiġġieri ma jsofrux iktar ħsara finanzjarja fil-każ tal-falliment tal-kumpanija ta’ l-ajru.

Emenda 16

Artikolu 5, paragrafu 1 punt (b a) (ġdid)

 

(ba) il-kapital nett tagħha huwa mill-inqas EUR 100 000.

Ġustifikazzjoni

L-ammont tal-kapital nett huwa indikatur importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji. Għalhekk kull trasportatur bl-ajru għandu jissodisfa kriterju minimu f'dan ir-rigward.

Emenda 17

Artikolu 5, paragrafu 2

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, kull applikant għandu jissottometti pjan ta' dħul u nefqa għal, mill-inqas, l-ewwel tliet snin ta' operazzjoni. Il-pjan ta' dħul u nefqa għandu wkoll jagħti dettalji dwar ir-rabtiet fiananzjarji ta' l-applikant ma' kull attività kummerċjali oħra li l-applikant ikun jagħmel jew direttament jew permezz ta' impriżzi relatati. L-applikant għandu wkoll jipprovdi kull informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari l-fatti magħrufa (data) li għalihom saret referenza fil-parti 1  ta’ l-Anness I.

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, kull applikant għandu jissottometti pjan tan-negozju għal, mill-inqas, l-ewwel tliet snin ta' operazzjoni. Il-pjan tan-negozju għandu wkoll jagħti dettalji dwar ir-rabtiet finanzjarji ta' l-applikant ma' kull attività kummerċjali oħra li l-applikant ikun jagħmel jew direttament jew permezz ta' impriżi relatati. L-applikant għandu wkoll jipprovdi kull informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari l-fatti magħrufa (data) li għalihom saret referenza fil-parti 1 ta’ l-Anness I. Kull applikant għandu jistabbilixxi dispożizzjonijiet biex jevita jew inaqqas il-konsegwenzi soċjali negattivi ta’ falliment.

Ġustifikazzjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni ma tipprovdix dispożizzjonijiet rigward il-konsegwenzi soċjali negattivi ta' falliment ta' kumpaniji ta' l-ajru.

Emenda 18

Artikolu 5, paragrafu 3, subparagrafu 1

Il-Paragrafi 1 u  2 ma japplikawx għal air carriers li jeżerċitaw esklussivament ħidmiet b'ajruplani ta' anqas minn 10 tunellati MTOW (il-piż massimu mat-tlugħ) u/jew anqas minn 20 siġġu. Dawn l-air carriers għandhom f'kull ħin ikunu kapaċi li juru li l-kapital nett tagħhom ikun mill-inqas EUR 100,000  jew li jagħtu, meta mitluba mil-awtorità tal-liċenzi, l-informazzjoni rilevanti għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 9(2).

Il-Paragrafi 1 u  2 ma japplikawx għal trasportaturi bl-ajru li jeżerċitaw esklussivament ħidmiet b'ajruplani ta' anqas minn 10 tunellati MTOW (il-piż massimu mat-tlugħ) u/jew anqas minn 20 post. Dawn it-trasportaturi bl-ajru għandhom f'kull ħin ikunu kapaċi li juru li l-kapital nett tagħhom ikun mill-inqas EUR 100,000  jew li jagħtu, meta mitluba mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, l-informazzjoni rilevanti għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 9(2).

Ġustifikazzjoni

Il-kliem użat għandu jsir konformi mad-definizzjonijiet.

Emenda 19

Artikolu 6, paragrafu 2

2. Kull modifika lil ĊOA ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għandha tkun riflessa fil-liċenzja tat-tħaddim tagħha.

2. Kull modifika fl-AOC ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għandha tkun riflessa, fejn xieraq, fil-liċenzja tat-tħaddim tiegħu.

Ġustifikazzjoni

L-AOC huwa dokument li huwa adattat ta' sikwit biex jirrifletti bidliet fil-flotta ta' operatur. M'hemmx bżonn li l-liċenzja ta' tħaddim tiġi adattata wara kwalunkwe modifika ta' l-AOC.

Emenda 20

Artikolu 6, paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a. Fejn l-AOC jingħata minn awtorita nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandhom ikunu responsabbli għall-għoti, għar-rifjut, għar-revoka jew għas-sospensjoni ta' l-AOC u tal-liċenzja ta' tħaddim ta' trasportatur Komunitarju.

Ġustifikazzjoni

Ir-responsabilita għall-għoti jew għall-kontroll ta' l-AOC u l-liċenzji ta' tħaddim għandha tkun kjarifikata.

Emenda 21

Artikolu 8, paragrafu 2, subparagrafu 1

L-awtorità tal-liċenzji kompetenti għandha tissorvelja mill-qrib il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-kapitolu. Għandha f’kull każ tirrevedi l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti sentejn wara li liċenzja tat-tħaddim tkun ingħatat, meta jkun hemm suspett ta’ problema potenzjali, jew fuq talba tal-Kummissjoni.

L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tissorvelja mill-qrib il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. Għandha f’kull każ tirrevedi l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti fil-każijiet li ġejjin:

(a) sentejn wara li liċenzja tat-tħaddim tkun ingħatat, jew

(b) meta jkun hemm suspett ta’ problema potenzjali, jew

(c) fuq talba tal-Kummissjoni.

Ġustifikazzjoni

Għandu jkun ċċarat li l-konformita għandha tiġi riveduta fi kwalunkwe waħda mit-tliet każijiet imsemmija hawn fuq.

Emenda 22

Artikolu 8, paragrafu 3, punt (b)

(b) ma jibqax jopera għal aktar minn tliet  xhur.

(b) ma jibqax jopera għal aktar minn sitt  xhur.

Ġustifikazzjoni

Il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur minn meta tintemm l-attività hija prattika stabbilita u għandha tinżamm.

Emenda 23

Artikolu 8, paragrafu 5, punt (a)

(a) bil-quddiem tal-pjanijiet għal: bidla sostanzjali fl-iskala ta' l-attivitajiet tiegħu.

(a) bil-quddiem tal-pjanijiet għal tħaddim ta' servizzi ġodda skedati jew servizzi mhux skedati lejn kontinent jew reġjun dinji li qabel ma kienx jiġi moqdi, bidliet fit-tip jew fin-numru ta' ajruplani użati jew bidla sostanzjali fl-iskala ta' l-attivitajiet tiegħu;

Ġustifikazzjoni

Il-verżjoni attwali tar-Regolament 2407/92 tispeċifika b'mod aktar ċar il-każijiet meta l-awtorita kompetenti tal-liċenzji għandha tkun notifikata. Għalhekk it-test tagħha għandu jinżamm.

Emenda 24

Artikolu 8, paragrafu 8, subparagrafu 1

Il-Paragrafi 4, 5  u 6 ma japplikawx għal air carriers li jeżerċitaw esklussivament ħidmiet b'ajruplani ta' anqas minn 10 tunellati MTOW (il-piż massimu mat-tlugħ) u/jew anqas minn 20 siġġu. Dawn l-air carriers għandhom f'kull ħin ikunu kapaċi li juru li l-kapital nett tagħhom ikun mill-inqas EUR 100,000  jew li jagħtu, meta mitluba mil-awtorità tal-liċenzi, l-informazzjoni rilevanti għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 9(2).

Il-paragrafi 4, 5  u 6 ma japplikawx għal trasportaturi bl-ajru li jeżerċitaw esklussivament ħidmiet b'ajruplani ta' anqas minn 10 tunellati MTOW (il-piż massimu mat-tlugħ) u/jew b’anqas minn 20 post. Dawn it-trasportaturi bl-ajru għandhom f'kull ħin ikunu kapaċi li juru li l-kapital nett tagħhom ikun mill-inqas EUR 100,000  jew li jagħtu, meta mitluba mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, l-informazzjoni rilevanti għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 9(2).

Ġustifikazzjoni

Il-kliem użat għandu jsir konformi mad-definizzjonijiet.

Emenda 25

Artikolu 9, paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu

L-awtorità tal-liċenzji kompetenti għandha  tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja ta’ l-operat  jekk ma tibqax aktar sodisfatta li l-air carrier tal-Komunità  ikun jista' jonora l-obbligi tiegħu attwali jew mistennija għal perjodu ta' 12-il xahar.

L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha  tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja tat-tħaddim  jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli għal suspett li t-trasportatur bl-ajru tal-Komunità  ma jistax jonora l-obbligi tiegħu attwali jew mistennija għal perjodu ta' 12-il xahar.

Ġustifikazzjoni

Ir-revoka jew is-sospensjoni minħabba raġunijiet li l-awtorità "ma tibqax aktar sodisfatta" li t-trasportatur bl-ajru jista' jonora l-obbligi tiegħu ma tistax tiġi ammessa legalment. Hemm bżonn ta' provi oġġettivi u li jinftiehmu malajr, li jissodisfaw il-kriterji normali għal "suspett raġonevoli".

Emenda 26

Artikolu 9, paragrafu 1, subparagrafu 2

L-awtorità tal-liċenzji kompetenti tista’ tagħti liċenzja temporanja li ma taqbiżx 12-il xahar, sakemm issir organizzazzjoni finanzjarja mill-ġdid ta’ l-air carrier Komunitarju, kemm-il darba din il-liċenzja tempornaja tirriflett kull bidla fiċ-ĊOA u jkun hemm prospett realistiku ta’ bini mill-ġdid finanzjarju f’dak il-perjodu ta’ żmien.

L-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista’ tagħti liċenzja temporanja li ma taqbiżx 12-il xahar, sakemm issir organizzazzjoni finanzjarja mill-ġdid tat-trasportatur bl-ajru Komunitarju, kemm-il darba m'hemmx riskju għas-sikurezza, din il-liċenzja temporanja tirrifletti kull bidla fl-AOC u jkun hemm prospett realistiku ta’ bini finanzjarju mill-ġdid f’dak il-perjodu ta’ żmien.

Ġustifikazzjoni

Il-konformità mar-regolamenti tas-sikurezza għandha tkun waħda mill-kondizzjonijiet espliċiti li għandhom jintalbu sabiex tingħata l-liċenzja temporanja.

Emenda 27

Artikolu 9, paragrafu 2, subparagrafu 1

Kull meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari li jeżistu problemi finanzjarji jew meta proċeduri ta’ falliment jew proċeduri bħal dawn ikunu nbdew kontra trasportatur ta’ l-ajru liċenzjat minnha, l-awtorità tal-liċenzji kompetenti għandha mingħajr dewmien tagħmel valutazzjoni fil-fond tal-qagħda finanzjarja u fuq il-bażi ta’ dawn is-sejbiet tirrevedi l-istatus tal-liċenzja tat-tħaddim f’konformità ma’ l-artikolu f’dan il-perjodu ta’ żmien ta’ tliet xhur.

Kull meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari li jeżistu problemi finanzjarji jew meta proċeduri ta’ falliment jew proċeduri bħal dawn ikunu nbdew kontra trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju liċenzjat minnha, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha mingħajr dewmien tagħmel evalwazzjoni fil-fond tal-qagħda finanzjarja u fuq il-bażi ta’ dawn is-sejbiet tirrevedi l-istejtus tal-liċenzja tat-tħaddim f’konformità ma’ l-artikolu f’perjodu ta’ żmien ta’ tliet xhur.

Ġustifikazzjoni

Kjarifika.

Emenda 28

Artikolu 9, paragrafu 3, subparagrafu 3

L-awtorità tal-liċenzji kompetenti għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar in-nuqqas tat-trasportatur ta’ l-ajru li jikkomunika l-kontijiet ivverifikati tiegħu fi żmien il-limitu ta’ sitt xhur u l-azzjonijiet sussegwenti li jieħu.

L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar in-nuqqas tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju li jikkomunika l-kontijiet ivverifikati tiegħu fi żmien il-limitu ta’ sitt xhur u l-azzjonijiet sussegwenti li tieħu.

Ġustifikazzjoni

Kjarifika.

Emenda 29

Artikolu 12, paragrafu 1

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(2), ajruplan użat minn kull air carrier tal-Komunità għandu jkun irreġistrat fir-reġistru nazzjonali ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tat-tħaddim, jew ġewwa l-Komunita.

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(2), l-ajruplani użati minn kull trasportatur bl-ajru tal-Komunità għandhom ikunu rreġistrati fi ħdan il-Komunita. L-Istat Membru li l-awtorita kompetenti tiegħu tal-liċenzji hija responsabbli għall-għoti tal-liċenzja tat-tħaddim tat-trasportatur bl-ajru Komunitarju jista' jitlob li tali ajruplani jkunu rreġistrati fir-reġistru nazzjonali tiegħu.

Ġustifikazzjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni tista' toħloq problemi ta' sikurezza. Għandha l-potenzjal li tifframmenta s-sorveljanza tas-sikurezza u ċċajpar id-definizzjoni tar-responsabilitajiet. Huwa importanti li l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jirrikjedu lill-operaturi liċenzjati tagħhom li jqiegħdu l-ajruplani tagħhom fir-reġistru nazzjonali.

Emenda 30

Artikolu 13, paragrafu 1, subparagrafu 1

Il-proprjetà ta' ajruplan m'għandhiex tkun kondizzjoni biex tingħata jew tiġi mantnuta liċenzja tat-tħaddim .

imħassar

Ġustifikazzjoni

Peress li din hija kondizzjoni għall-għoti ta' liċenzja tat-tħaddim, għandha titneħħa u tiddaħħal fl-Artikolu 4.

Emenda 31

Artikolu 13, paragrafu 2, subparagrafu 1

2. Fil-każ ta’ ftehim ta’ kiri għal żmien qasir biex jintlaħqu ħtiġiet temporanji ta' air carrier tal-Komunità jew mod ieħor f’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità tal-liċenzji kompetenti tista’ jagħti konċessjonijiet għall-ħtiġiet tar-reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 12(1). F'kull każ l-ebda trasportatur ta’ l-ajru m’għandu jingħata konċessjoni sabiex jagħmel tajjeb għal ħtieġa temporanja jew ċirkostanza eċċezzjonali ta’ aktar minn sitt xhur, minkejja li konċessjoni tista’ tiġġedded darba biss għal perjodu mhux konsekuttiv sa sitt xhur ta’ żmien.

2. Fil-każ ta’ ftehim ta’ kiri ‘wet lease’ għal żmien qasir biex jintlaħqu ħtiġiet temporanji ta' trasportatur bl-ajru tal-Komunità jew inkella f’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista’ tagħti konċessjonijiet għar-rekwiżit tar-reġistrazzjoni stipulat fl-Artikolu 12(1) sakemm:

(a) it-trasportatur bl-ajru Komunitarju jkun jista’ jiġġustifika kirja ta’ dan it-tip fuq il-bażi ta’ bżonn eċċezzjonali, f’liema każ tista’ tingħata konċessjoni għal perjodu ta’ mhux aktar minn seba’ xhur, li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tista’ tiġġedded darba biss għal tieni perjodu ta’ mhux aktar minn seba’ xhur; jew

(b) it-trasportatur bl-ajru Komunitarju juri li hemm bżonn tal-kirja biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet għal kapaċità staġjonali, li ma jistgħux jiġu ssodisfati b'mod raġonevoli permezz tal-kiri ta' ajruplani rreġistrati skond l-Artikolu 12(1), f'liema każ il-konċessjoni tista' tingħata għal perjodu ta’ mhux aktar minn seba’ xhur, li jista’ jiġġedded; jew

(c) it-trasportatur bl-ajru Komunitarju juri li hemm bżonn tal-kirja biex jintgħelbu diffikultajiet operattivi mhux imbassra, bħal problemi tekniċi, u mhux raġonevoli li jinkrew ajruplani rreġistrati skond l-Artikolu 12(1), f’liema każ il-konċessjoni għandu jkollha tul limitat li jkun strettament meħtieġ biex jintgħelbu d-diffikultajiet.

 

 

Emenda 32

Artikolu 13, paragrafu 2, subparagrafu 2

Fil-każ ta’ kiri ta’ ajruplani bl-ekwipaġġ (wet-leasing), konċessjonijiet bħal dawn għandhom ikunu soġġetti għall-eżistenza ta’ ftehim li jipprevedi r-reċiproċità fir-rigward tal-kiri bl-ekwipaġġ bejn l-Istat Membru kkonċernat jew il-Komunità u l-pajjiż terz tar-reġistrazzjoni ta’ l-ajruplan mikri.

Konċessjonijiet bħal dawn għandhom ikunu soġġetti għall-eżistenza ta’ ftehim validu li jipprovdi għar-reċiproċità fir-rigward tal-kiri bl-ekwipaġġ bejn l-Istat Membru kkonċernat jew il-Komunità u l-pajjiż terz tar-reġistrazzjoni ta’ l-ajruplan mikri.

Ġustifikazzjoni

It-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-istandards soċjali u ta’ sikurezza japplikaw biss fil-qasam tal-“wet leasing”.

 

 

Emenda 33

Artikolu 13, paragrafu 4

4. L-awtorità tal-liċenzji kompetenti m’għandhiex tapprova patti ta’ ftehim ta’ kiri ta’ ajruplan bil-crew lil kull air carrier li jkun tah liċenzja tat-tħaddim kemm-il darba l-awtorità tkun iddeterminat u ddikjarat bil-miktub lill-air carrier in kwisjoni li s-standards ta’ sigurtà ekwivalenti għal dawk imposti fil-liġi Komunitarja rilevanti jkunu osservati.

4. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji m’għandhiex tapprova ftehim ta’ kiri ta’ ajruplan bl-ekwipaġġ jew mingħajru lil trasportatur bl-ajru li tkun tatu liċenzja tat-tħaddim kemm-il darba l-awtorità tkun iddeterminat u ddikjarat bil-miktub lit-trasportatur bl-ajru partikolari li l-istandards kollha ta’ sikurezza ekwivalenti għal dawk imposti fil-liġi Komunitarja rilevanti jkunu osservati.

Ġustifikazzjoni

L-istandards tas-sikurezza huma importanti mhux biss fil-każ ta' "wet-leasing", iżda wkoll fil-każ ta' "dry-leasing".

Emenda 34

Artikolu 14 a (ġdid)

 

Artikolu 14a

Drittijiet għad-difiża

 

L-awtorita kompetenti tal-liċenzji u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li, meta jkunu qed jadottaw deċiżjoni biex jissospendu jew jirrevokaw il-liċenzja tat-tħaddim ta' trasportatur bl-ajru Komunitarju, it-trasportatur bl-ajru Komunitarju kkonċernat jingħata l-opportunita li jinstema', filwaqt li jitqies il-bżonn, f'ċerti każi, ta' proċedura ta' urġenza.

Ġustifikazzjoni

Kumpaniji ta' l-ajru li huma meqjusa instabbli finanzjarjament għandhom ikunu intitolati li jinstemgħu qabel ma jsir dannu irreversibbli lin-negozju tagħhom.

Emenda 35

Artikolu 14 b (ġdid)

 

Artikolu 14b

Leġiżlazzjoni soċjali

 

B'rispett għall-impjegati ta' trasportatur bl-ajru Komunitarju li jopera servizzi ta' l-ajru minn bażi operattiva barra mit-territorju ta' l-Istat Membru fejn dak it-trasportatur bl-ajru Komunitarju għandu l-post prinċipali tax-xogħol tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni soċjali Komunitarja u nazzjonali.

Ġustifikazzjoni

It-tħaddim ta' bażijiet li m’humiex il-pajjiż ta' oriġini ħoloq problemi fil-mod kif jiġu determinati l-liġijiet applikabbli għall-ekwipaġġi rigward l-impjiegi. Sabiex tissolva din il-problema hemm bżonn li tiġi introdotta dispożizzjoni ċara f'dan ir-rigward.

Emenda 36

Artikolu 15, paragrafu 5

5.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri, u soġġett għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità applikabbli għall-impriżi, it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għandhom ikunu permess mill-Istati Membri kkonċernati jikkombinaw servizzi ta' l-ajru u jidħlu għal ftehimiet ta' qsim tal-kodiċi fuq servizzi ta' l-ajru lejn, minn jew lejn kull ajruport fuq it-territor’u tagħhom lejn kull punt f’pajjiżi terzi

5. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri, u soġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità applikabbli għall-impriżi u għad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għandhom ikunu permessi mill-Istati Membri kkonċernati jikkombinaw servizzi ta' l-ajru u jidħlu għal ftehimiet ta' qsim tal-kodiċi ma' kwalunkwe trasportatur bl-ajru fuq servizzi ta' l-ajru lejn, minn jew vija kull ajruport fuq it-territorju tagħhom lejn kull punt f’pajjiżi terzi.

Ġustifikazzjoni

L-emenda hija mmirata biex tispeċifika li l-liberalizzazzjoni se tkun applikata esklussivament fl-UE u għat-trasportaturi Komunitarji mingħajr ma jiġi modifikat il-ftehim bilaterali eżistenti ma’ pajjiżi terzi. It-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi se jkunu awtorizzati biss jekk ikollhom id-drittijiet bażiċi fil-ftehimiet dwar is-servizzi ta’ l-ajru sabiex jiġi rispettat il-prinċipju ta’ reċiproċità.

 

 

Emenda 37

Artikolu 16, paragrafu 1, subparagrafu 1

Xi Stat Membru, wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri l-oħra kkonċernati u wara li jkun informa lill-Kummissjoni u t-trasportaturi ta' l-ajru li joperaw fuq ir-rotta, jista' jimponi obbligazzjoni ta' servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi bl-ajru skedati lejn ajruport reġjonali fit-territorju tiegħu, meta dik ir-rotta tkun kunsidrata vitali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun li fih ikun lokaliżżat l-ajruport. Dik l-obligazzjoni tista’ biss tiġi imposta sal-limitu meħtieġ biex ikun assigurat li fuq dik ir-rotta l-għoti minimu tas-servizzi bl-ajru skedati jkunu jissodisfaw in-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, prezz jew volum minimu, liema normi t-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx jista' jassumi kieku jkun qiegħed jikkonsidra biss l-interess kummerċjali tiegħu.

Stat Membru, wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri l-oħra kkonċernati u wara li jkun informa lill-Kummissjoni, lill-ajruporti kkonċernati u lit-trasportaturi ta' l-ajru li joperaw fuq ir-rotta, jista' jimponi obbligu ta' servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi bl-ajru skedati lejn ajruport fit-territorju tiegħu, meta dik ir-rotta tkun kunsidrata vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun li l-ajruport jaqdi. Dik l-obligazzjoni tista’ biss tiġi imposta sal-limitu meħtieġ biex ikun assigurat li fuq dik ir-rotta l-għoti minimu tas-servizzi bl-ajru skedati jkunu jissodisfaw in-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, prezz jew volum minimu, liema normi t-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx jista' jassumi kieku jkun qiegħed jikkonsidra biss l-interess kummerċjali tiegħu.

Ġustifikazzjoni

Peress li l-għan ta' obbligu ta' servizz pubbliku huwa li jkunu provduti servizzi fuq rotta "meqjusa vitali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun", kwalunkwe ajruport li jaqdi reġjun fil-bżonn ta' żvilupp ekonomiku għandu jkun meqjus adegwat għal rotta ta' obbligu ta' servizz pubbliku. Kwalunkwe definizzjoni ta' “ajruport reġjonali” għall-iskop ta' obbligu ta' servizz pubbliku se tinkludi xi ajruporti f'reġjuni li huma vijabbli ekonomikament u se teskludi xi ajruporti f'reġjuni li għandhom bżonn appoġġ ekonomiku jew soċjali. Għalhekk, it-terminu "ajruport reġjonali" għandu jiġi evitat. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta' ajruporti li jaqdu reġjuni bi bżonnijiet soċjali hija importanti ħafna.

L-ajruporti kif ukoll il-kumpaniji ta’ l-ajru huma affettwati bl-introduzzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, u għalhekk għandu jkollhom l-istess dritt li jkunu kkonsultati.

Emenda 38

Artikolu 16, paragrafu 6, subparagrafu 1

6. Meta Stat Membru jkun jixtieq jimponi obbligazzjoni tas-servizz pubbliku, għandu jikkomunika t-test komplut ta’ l-impożizzjoni mbassra ta’ l-obbligu tas-servizz pubbliku lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri kkonċernati u lit-trasportaturi joperaw ir-rotta in kwistjoni.

6. Meta Stat Membru jkun jixtieq jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku, għandu jikkomunika t-test komplut ta’ l-impożizzjoni mbassra ta’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri kkonċernati, lill-ajruporti kkonċernati u lit-trasportaturi li joperaw ir-rotta partikulari.

Ġustifikazzjoni

L-ajruporti kif ukoll il-kumpaniji ta’ l-ajru huma affettwati bl-introduzzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, u għalhekk għandu jkollhom l-istess dritt li jkunu kkonsultati.

Emenda 39

Artikolu 19, paragrafu 2, subparagrafu 1

2. Stat Membru, wara konsultazzjoni mat-trasportaturi ta’ l-ajru kkonċernati, jista’  jirregola mingħajr dikriminazzjoni fost destinazzjonijiet fil-Komunità jew  għal raġunijet ta' nazzjonalità jew ta' l-identità tat-trasportaturi ta' l-ajru, id-distribuzzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru  bejn ajruporti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

2. Stat Membru, wara konsultazzjoni mat-trasportaturi ta’ l-ajru u l-ajruporti kkonċernati, jista’  jirregola mingħajr diskriminazzjoni fost destinazzjonijiet fil-Komunità jew  għal raġunijet ta' nazzjonalità jew ta' l-identità tat-trasportaturi ta' l-ajru, id-distribuzzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru  bejn ajruporti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Ġustifikazzjoni

L-ajruporti kif ukoll il-kumpaniji ta’ l-ajru huma affettwati bl-introduzzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, u għalhekk għandu jkollhom l-istess dritt li jkunu kkonsultati.

Emenda 40

Artikolu 19, paragrafu 2, punt (a)

(a)  l-ajruporti jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni;

(a) l-ajruporti jaqdu l-istess belt jew jaqdu konurbazzjoni li kollha kemm huma jkunu fiha;

Ġustifikazzjoni

Għal kjarifika. Bħala alternattiva jista’ jiġi stipulat ħin ta’ vjaġġ bit-trasport pubbliku.

Emenda 41

Artikolu 19, paragrafu 2, punt (b)

(b)  l-ajruporti jkunu moqdija minn infrastruttura tat-trasport xierqa u

(b)  l-ajruporti jkunu moqdija minn infrastruttura tat-trasport xierqa li tagħmilha possibbli li wieħed jasal l-ajruport, billi juża t-trasport pubbliku, fi żmien siegħa; u

Ġustifikazzjoni

Hemm bżonn li t-test tal-Kummissjoni jsir aktar ċar u aktar speċifiku sabiex jiġi evitat li d-distribuzzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru testendi wisq ’il bogħod.

Emenda 42

Artikolu 19, paragrafu 2, punt (c)

(c) l-ajruporti u l-belt jew konurbazzjoni li jkunu qed jaqdu jkunu maqgħuda ma’ xulxin b’servizzi tat-trasport pubbliku li jkunu frekwenti, affidabbli u effiċjenti

(c) l-ajruporti jkunu maqgħuda ma’ xulxin u mal-belt jew konurbazzjoni li jkunu qed jaqdu b’servizzi tat-trasport pubbliku li jkunu frekwenti, affidabbli u effiċjenti.

Ġustifikazzjoni

Għal kjarifika. Bħala alternattiva jista’ jiġi stipulat ħin ta’ vjaġġ bit-trasport pubbliku.

Emenda 43

Artikolu 21, parti introduttorja

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, dan il-Kapitolu ma japplikax għal:

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 23 u 24, dan il-Kapitolu ma japplikax għal:

Ġustifikazzjoni

Trasportaturi u servizzi PSO ta' pajjiż terz għandhom ikunu suġġetti wkoll għar-regoli dwar trasparenza fil-prezzijiet.

Emenda 44

Artikolu 23

Artikolu 23

 

  Price leadership

 

Bla ħsara għall-ftehimiet konklużi mill-Komunità ma pajjiż terz, għal servizzi ta l-ajru bejn l-ajruporti tal-Komunità ,trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità biss għandhom ikunu intitolati biex jintroduċu prodotti ġodda jew nollijiet ta l-ajru aktar baxxi minn dawk eżistenti għal prodotti identiċi.

imħassar

Ġustifikazzjoni

Ir-rekwiżit ta' prezz dominanti m'għadux attwali. M'hemmx bżonnu iktar.

Emenda 45

Artikolu 24, paragrafu -1 (ġdid)

 

-1. Dan l-Artikolu għandu japplika għal titjiriet li jitilqu minn ajruport li qiegħed fit-territorju ta' Stat Membru u għal titjiriet li huma kuntrattati minn trasportatur Komunitarju li jitlaq minn ajruport li qiegħed f'pajjiż terz lejn ajruport li qiegħed fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm it-trasportaturi bl-ajru ma jkunux suġġetti għall-istess obbligi f'dak il-pajjiż terz.

Ġustifikazzjoni

L-għan tad-dispożizzjonijiet dwar informazzjoni u nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-ipprezzar huwa l-ħarsien tal-passiġġieri. L-estensjoni tal-qasam ta' applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet tiżgura applikazzjoni aktar effettiva.

Emenda 46

Artikolu 24, paragrafu 1

1. Trasportaturi bl-ajru li joperaw ġewwa l-Komunità għandhom jipprovdu  lill-pubbliku inġenerali, b’informazzjoni komprensiva dwar in-nollijiet u r-rati ta’ l-ajru tagħhom u l-kundizzjonijiet mehmuża.

1. Trasportaturi bl-ajru li joperaw ġewwa l-Komunità għandhom jipprovdu lill-pubbliku ġenerali, b’informazzjoni komprensiva dwar in-nollijiet u r-rati ta’ l-ajru tagħhom skond l-Artikolu 2(19) u (20) u l-kundizzjonijiet mehmuża, u dwar it-taxxi, it-tariffi li m’humiex evitabbli, it-tariffi addizzjonali (surcharges) u l-ħlasijiet kollha applikabbli li jimponu għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi.

Nollijiet ta' l-ajru ppubblikati fi kwalunkwe forma, inklużi fl-internet, li huma indirizzati direttament jew indirettament lill-pubbliku li qed jivvjaġġa għandhom jinkludu t-taxxi, it-tariffi, it-tariffi addizzjonali u l-ħlasijiet kollha applikabbli li jkunu magħrufa fil-ħin tal-pubblikazzjoni. In-nollijiet ta’ l-ajru m’għandhomx jinkorporaw spejjeż li fir-realtà t-trasportaturi bl-ajru ma jkunux għamlu.

Supplimenti tal-prezz mhux obbligatorji għandhom ikunu kkomunikati b’mod ċar, trasparenti u mhux ambigwu fil-bidu ta’ kwalunkwe proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-passiġġier għandha tkun fuq bażi “opt-in”. Qbil impliċitu li jiġu aċċettati tali supplimenti ma jkunx validu.

L-ispejjeż kollha li m’humiex parti min-noll ta’ l-ajru li m’humiex imposti mit-trasportaturi bl-ajru li joperaw fil-Komunità jridu jkunu riklamati b’mod komprensiv mill-“bejjiegħ tal-biljett” skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 (d) tar-Regolament 2111/2005.

 

 

Emenda 47

Artikolu 24, paragrafu 2

2. Trasportaturi bl-ajru għandhom jistipulaw nollijiet ta' l-ajru mingħajr ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza tal-passiġġier jew il-post ta’ l-istabbiliment ta’ l-aġent ta' l-ivvjaġġar fi ħdan il-Komunità.

2. Trasportaturi bl-ajru għandhom jippermettu aċċess għal nollijiet ta' l-ajru mingħajr ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza tal-passiġġier jew il-post ta’ l-istabbiliment ta’ l-aġent ta' l-ivvjaġġar fi ħdan il-Komunità.

Trasportatur bl-ajru m’għandux jimponi regoli fuq il-passiġġieri u l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar li, fil-prattika, ikunu jservu biex jillimitaw l-aċċess liberu u ugwali tagħhom għan-nollijiet ta’ l-ajru.

Ġustifikazzjoni

Għandha tkun possibbli s-segmentazzjoni tal-prezzijiet, iżda jrid jiġi żgurat l-aċċess għal nollijiet ta' l-ajru mingħajr diskriminazzjoni.

L-għażla tal-kliem preżenti mhix biżżejjed biex ma tippermettix il-każijiet kollha possibbli ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta’ residenza ta' passiġġier.

Emenda 48

Artikolu 24, paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a. Għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi stipulati fil-paragrafi 1 u 2, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jirriklamaw in-nollijiet u r-rati ta' l-ajru tagħhom u l-kundizzjonijiet mehmuża, u t-taxxi, it-tariffi u l-ħlasijiet kollha applikabbli li jimponu għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi, bl-użu tal-kategoriji li ġejjin:

- taxxi u tariffi u dazji oħra ta’ l-Istat,

- tariffi tal-kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru,

- tariffi, dazji, ħlasijiet u spejjeż oħra għall-benefiċċju tal-kumpaniji ta’ l-ajru,

- ħlasijiet, dazji, tariffi u spejjeż oħra għall-benefiċċju ta’ l-operaturi ta’ l-ajruport,

Ġustifikazzjoni

Il-prezz aħħari li jħallas il-konsumatur jista’ jinkludi fatturi ta’ l-ispiża li ma jistgħux jiġu kkontrollati jew irriklamati mit-trasportatur bl-ajru (pereżempju, tariffi ta’ l-aġenzija minn fejn jinxtraw il-biljetti). L-obbligu tal-kumpaniji ta’ l-ajru li jipprovdu informazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-ispejjeż li jimponu huma stess.

Ir-regolament għandu jiddefinixxi wkoll b’mod ċar il-kategoriji li fihom għandhom jinqasmu l-fatturi diversi ta’ l-ispiża.

Emenda 49

Artikolu 24, paragrafu 2 b (ġdid)

 

2b. Il-konsumaturi għandhom jingħataw analiżi sħiħa ta’ kwalunkwe taxxa, ħlas u tariffa miżjuda mal-prezz tal-biljett.

Ġustifikazzjoni

Il-passiġġieri ta’ l-ajru jridu jkunu ttrattati bħal konsumaturi oħra u għalhekk għandhom dritt għal informazzjoni ċara u sħiħa dwar il-prezz li finalment għandhom iħallsu. B’mod speċjali għandha titqies il-prenotazzjoni bl-internet, peress li ta’ spiss hija l-unika possibilità ta’ prenotazzjoni mat-trasportaturi bi prezz baxx (low cost).

Emenda 50

Artikolu 24 a (ġdid)

 

Artikolu 24a

Trasparenza fit-tariffi

 

Fejn l-ispejjeż tas-sigurtà fl-ajruport jew abbord huma inklużi fil-prezz tal-biljett ta' l-ajru, dawk l-ispejjeż għandhom jintwerew separatament fuq il-biljett jew ikunu indikati b’mod ieħor lill-passiġġier. Taxxi u tariffi tas-sigurtà, kemm jekk imposti minn Stati Membri jew minn trasportaturi bl-ajru jew entitajiet, għandhom ikunu trasparenti u għandhom jintużaw esklussivament biex jitħallsu l-ispejjeż tas-sigurtà fl-ajruport jew abbord l-ajruplan.

Ġustifikazzjoni

It-tariffi tas-sigurtà qed jiżdiedu, u l-konsumatur għandu dritt li jkun jaf kemm huma għoljin, u fejn qed jintużaw.

Emenda 51

Artikolu 24 b (ġdid)

 

Artikolu 24b
Sanzjonijiet

 

L-Istati Membri għandhom jiżguraw konformita mar-regoli stipulati f'dan il-Kapitolu u għandhom jistipulaw sanzjonijiet għall-ksur tagħhom. Dawk is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Ġustifikazzjoni

Id-dokument tal-Kummissjoni ma jipprovdi l-ebda sanzjoni jekk ma jiġux applikati r-regoli dwar l-ipprezzar.

Emenda 52

Artikolu 26, paragrafu 1

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fl-applikazzjoni  ta' dan ir-Regolament, .

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fl-applikazzjoni  u l-monitoraġġ ta' dan ir-Regolament.

Ġustifikazzjoni

Hemm bżonn ta’ monitoraġġ kostanti li tinvolvi b’mod sħiħ lil dawk kollha interessati, inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Emenda 53

Anness II

ANNESS II

Definizzjoni ta’ l-ajruporti reġjonali għall-finijiet ta’ l-Artikolu 16

Jitqiesu ajruporti reġjonali, l-ajruporti kollha li jilħqu mill-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a) Il-volum tat-traffiku annwali ma jaqbiżx id-900000 moviment ta’ passiġġiera fis-sena;

(a) Il-volum tat-traffiku annwali ma jaqbiżx il-50000 tunellata kapaċità ta’ tagħbija tagħbija fis-sena;

(c) L-ajruport ikun jinsab fuq gżira ta’ Stat Membru;

imħassar

Ġustifikazzjoni

Kwalunkwe definizzjoni ta' “ajruport reġjonali” għall-iskop ta' obbligi ta' servizz pubbliku se tinkludi xi ajruporti f'reġjuni li huma vijabbli ekonomikament u se teskludi xi ajruporti f'reġjuni li għandhom bżonn appoġġ ekonomiku jew soċjali. PSOs huma ġustifikati biss għal ajruporti li jaqdu reġjuni bi bżonnijiet ekonomiċi jew soċjali. Għalhekk din id-definizzjoni għandha titħassar.

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Kuntest

It-tielet pakkett ta' l-avjazzjoni interna - li jikkonsisti fir-regolamenti tal-Kunsill Nru 2407/92, 2408/92 u 2409/92 - ikkostitwixxa l-fażi finali fil-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru. Il-miżuri ġew imdaħħla bil-mod minn Jannar 1993, meta r-Regolamenti daħlu fis-seħħ, sa April 1997, meta ġie liberalizzat il-kabotaġġ fil-Komunita.

Ir-regolament (KEE) Nru 2407/92 jistipula r-regoli applikabbli fl-Istati Membri kollha għall-

ħruġ u t-tneħħija ta' liċenzji għal u minn kumpaniji ta' l-ajru, u b'hekk jistabbilixxi l-kunċett ta' trasportatur bl-ajru Komunitarju mingħajr diskriminazzjoni fi ħdan il-Komunita. Jagħti wkoll il-kundizzjonijiet skond liema t-trasportaturi bl-ajru Komunitarji jistgħu jikru ajruplani rreġistrati barra mill-Komunita.

Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 jistabbilixxi l-prinċipju bażiku ta' aċċess ħieles għat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji u jistipula regoli dwar

derogi possibbli minn dan il-prinċipju, b'mod partikulari għal obbligi ta' servizz pubbliku u sitwazzjonijiet li joħolqu problemi serji ta’ konġestjoni jew ambjentali. L-istess Regolament jinkludi wkoll kriterji għad-definizzjoni ta' "sistema ta' ajruport" u għad-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti individwali fl-istess sistema.

Ir-Regolament (KEE) Nru 2409/92 jilliberalizza n-nollijiet ta' l-ajru, u fl-istess ħin jistabbilixxi proċedura li tippermetti lill-Istati Membri kemm li jevitaw nollijiet għoljin wisq li huma ta' detriment għall-utenti kif ukoll li jwaqqfu tendenza 'l isfel eżaġerata li tipperikola l-bilanċ finanzjarju tat-trasportaturi kollha.

Bħala konsegwenza ta' l-introduzzjoni tat-tielet pakkett, ġiet osservata fl-Ewropa espansjoni mingħajr preċedent tat-trasport bl-ajru, monopolji qodma ġew megħluba, kabotaġġ intra-Komunitarju ġie introdott, u daħlet il-kompetizzjoni, b'mod partikulari fuq in-nollijiet, għall-benefiċċju tal-konsumaturi. L-avjazzjoni Ewropea nbidlet minn suq regolat ħafna, ibbażat fuq ftehimiet bilaterali, għal suq wieħed kompetittiv ħafna.

Minkejja dan, wara bosta snin ta' implimentazzjoni tal-miżuri fit-tielet pakkett, issa jidher biċ-ċar li ċerti miżuri m'għadhomx ta' użu, filwaqt li oħrajn huma applikati b'mod batut jew għandhom bżonn jiġu kjarifikati, reveduti jew imħassra.

2. Il-kontenut tal-proposta

Din il-proposta għandha l-għan li tintegra u timmodifika t-tliet Regolamenti eżistenti, hawn fuq imsemmija. Ir-riformulazzjoni tat-tielet pakkett timmira għal simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, it-tneħħija ta' partijiet li m'għadhomx jintużaw, iżda fl-istess ħin tintroduċi, f'ċerti każi, rekwiżiti aktar stretti.

L-Artikolu 4 tar-regolament jintroduċi aspetti ġodda rigward il-kwistjoni ta' liema awtorita tal-liċenzji għandha toħroġ il-liċenzja ta' tħaddim. M'għadux il-post prinċipali tax-xogħol tat-trasportatur bl-ajru l-fattur determinanti, iżda l-uffiċċju ewlieni u l-post fejn il-kumpanija ta' l-ajru twettaq parti sostanzjali mill-attivitajiet operattivi tagħha u fejn iċ-ċertifikat ta' l-operatur ta' l-ajru (AOC) tat-trasportatur qed jiġi sorveljat.

L-Artikolu 5 tar-Regolament jintroduċi kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti għall-għoti ta' liċenzja ta' tħaddim, filwaqt li l-Artikolu 8 jsaħħaħ il-kundizzjonijiet għall-validita ta' din il-liċenzja. Barra minn hekk, ir-regolament jistabbilixxi d-dmir ta' l-awtorita kompetenti tal-liċenzji sabiex tirrevedi l-konformita mar-rekwiżiti f'ċerti każi.

Ir-regolament jgħid ukoll li kwalunkwe modifika fl-AOC għandha tiġi riflessa fil-liċenzja tat-tħaddim. (Artikolu 6)

L-Artikolu 9 tal-proposta jistabbilixxi d-dmir ta' l-awtorita kompetenti tal-liċenzji li tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja tat-tħaddim jekk ma tibqax sodisfatta li t-trasportatur bl-ajru jista' jilħaq l-obbligi attwali u potenzjali tiegħu għal perjodu ta' 12-il xahar.

L-Artikolu 13 tar-regolament ikopri l-kirja. Bħala rekwiżit ġdid ir-regolament jillimita d-dewmien ta' kwalunkwe tip ta' kirja ("wet" u "dry") għal 6 xhur. Trasportaturi bl-ajru jistgħu jkunu permessi li jikru ajruplani rreġistrati f'pajjiżi terzi għal perjodu ieħor mhux konsekuttiv ta' sitt xhur. Fil-każ ta' "wet-leasing" tkun meħtieġa wkoll ftehima li tipprovdi għal reċiproċita.

L-Artikolu 14 tal-proposta jintroduċi l-kompetenza tal-Kummissjoni li teżamina l-konformita mar-rekwiżiti tar-regolament u li tieħu deċiżjoni sabiex tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja jekk ikun hemm bżonn.

L-Artikolu 15 tar-regolament ikopri servizzi ta' l-ajru intra-komunitarji u titjiriet minn fuq it-territorju. Kwalunkwe restrizzjoni għal-liberta tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji li jipprovdu servizzi ta' l-ajru intra-UE li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri hija sostitwita. Trasportaturi bl-ajru Komunitarji għandhom ikunu permessi li jikkombinaw servizzi ta' l-ajru u li jidħlu fi ftehimiet ta' qsim tal-kodiċi dwar servizzi ta' l-ajru lejn, minn jew vija kwalunkwe ajruport fit-territorju tagħhom minn jew lejn kwalunkwe post(ijiet) f'pajjiżi terzi.

Għall-kuntrarju r-regolament jistipula li d-drittijiet tat-traffiku intra-UE ta' trasportaturi ta' pajjiż terz għandhom ikunu suġġetti għal ftehima konkluża mill-Komunita mal-pajjiż terz bla ħsara għall-ftehimiet bilaterali li diga jeżistu. It-trasportaturi bl-ajru ta' pajjiż terz jistgħu jaqsmu t-territorju ta' l-UE biss jekk il-pajjiż terz jagħmel parti mill-Ftehima dwar it-Tranżitu ta' Servizzi ta' l-Ajru Internazzjonali jew jekk dan ikkonkluda ftehima għal dan il-għan mal-Komunita bla ħsara għal ftehimiet bilaterali li diga jeżistu.

L-Artikoli 16, 17 u 18 ikopru l-obbligi ta' servizz pubbliku. Ir-regolament jgħid li PSO jista' jiġi impost fuq rotta għal ajruport reġjonali u jagħti definizzjoni ċara ta’ ajruport reġjonali. Il-perjodu ta' konċessjoni huwa miżjud minn tliet snin għal erba' snin. Ir-regoli li jirregolaw l-obbligi ta' informazzjoni u pubblikazzjoni huma kjarifikati u simplifikati. Ir-regolament jintroduċi wkoll proċedura ta' emerġenza sabiex tittratta interruzzjonijiet f'daqqa ta' servizz fuq rotot li jkollhom PSO. Bħala element ġdid il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu analiżi differenti sabiex jiġġustifikaw il-ħtieġa għal PSO.

Rigward id-distribuzzjoni tat-traffiku l-Artikolu 19 tal-proposta jintroduċi proċedura waħda minflok il-proċedura attwali f'żewġ fażijiet. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw id-distribuzzjoni tat-traffiku ta' l-ajru bejn l-ajruporti biss wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. L-espressjoni "sistema ta' l-ajruport" m'għadhiex tintuża. Ir-regolament jispeċifika d-definizzjoni ta' konurbazzjoni.

L-Artikoli 21-24 tar-regolament ikopru t-trasparenza u d-diskriminazzjoni tal-prezzijiet. Sabiex tiġi evitata l-prattika attwali ta' ċerti trasportaturi bl-ajru, jiġifieri li jippubblikaw in-nollijiet ta' l-ajru mingħajr taxxi u tariffi, ir-regolament jistipula li n-nollijiet ta' l-ajru għandhom jinkludu t-taxxi, it-tariffi u l-ħlasijiet kollha applikabbli. Barra minn hekk, il-pubbliku ġenerali għandu jkun provdut b'informazzjoni komprensiva dwar in-nollijiet ta' l-ajru u r-rati u l-kundizzjonijiet assoċjati. Il-proposta tistabbilixxi l-obbligu tat-trasportaturi bl-ajru li jistipulaw nollijiet ta' l-ajru mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tal-passiġġier jew fuq il-post ta’ fejn l-aġent ta' l-ivvjaġġar ikun stabbilit fi ħdan il-Komunità.

3. Il-kummenti tar-rapporteur

Ir-rapporteur tagħkom iqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija sensibbli, huwa jaqbel mal-ħtieġa u ma' l-għan tar-riformulazzjoni. Madankollu, huwa tal-fehma li għandha tiġi emendata f'xi partijiet importanti.

Kiri

Attwalment, il-prattiki ta' l-Istati Membri rigward il-kiri huma differenti. Dan jista' jwassal għal xkiel fis-suq u jqajjem tħassib mil-lat soċjali u minn dak ta' sikurezza. Għalhekk m'hemm l-ebda dubju li għandhom jiġu introdotti rekwiżiti komuni ġodda. Madankollu, ir-regoli proposti fl-Artikolu 13 imorru wisq 'il bogħod u ma jqisux il-karatteristiċi ta' xi kumpaniji ta' l-ajru, speċjalment il-fattur taż-żmien tas-sena. Huwa mixtieq li jinħoloq bilanċ sensibbli ta' interess bejn tħassib mil-lat soċjali u minn dak ta' sikurezza min-naħa l-waħda u l-ħidma bla problemi tal-kumpaniji ta' l-ajru min-naħa l-oħra. Għalhekk huwa propost li l-perjodu tal-kirja jiżdied għal 7 xhur u li l-frekwenza ma tkunx limitata.

Trasparenza tal-prezzijiet

Ir-rapporteur tagħkom jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li jitwaqqfu darba għal dejjem il-prattiki ta' kumpaniji ta' l-ajru li jippubblikaw nollijiet ta' l-ajru li jeskludu ħlasijiet, taxxi, tariffi u tariffi addizzjonali. Madankollu jikkunsidra li għandu jkun espress b'mod aktar ċar l-obbligu tal-kumpaniji ta' l-ajru li jippubblikaw nollijiet ta' l-ajru inklussivi. Barra minn hekk, hemm proposta li l-qasam ta' applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet jiġi estiż sabiex tkun żgurata applikazzjoni aktar effettiva tat-trasparenza tal-prezzijiet.

Aspetti soċjali

It-tħaddim ta' bażijiet li m'humiex il-pajjiż ta' oriġini ħoloq problemi fil-mod kif jiġu determinati l-liġijiet applikabbli dwar l-impjiegi. Sabiex tissolva din il-problema huwa propost li tiġi introdotta dispożizzjoni ċara f’dan ir-rigward.

Il-ħarsien tal-passiġġieri

Il-proposta tal-Kummissjoni ma tipprovdix skema effettiva sabiex tiżgura li l-passiġġieri ma jbatux konsegwenzi negattivi fil-każ li tfalli kumpanija ta' l-ajru, bħal pereżempju ma jkunux rimborżati għal trasport li ma seħħx jew jitħallew barra l-pajjiż. Ir-rapporteur tagħkom iqis li għandhom jiġu inklużi f'dan ir-regolament dispożizzjonijiet immirati lejn il-ħarsien tal-passiġġieri.

L-obbligu ta’ servizz pubbliku u l-ajruport reġjonali

Ir-rapporteur tagħkom jemmen li kwalunkwe definizzjoni ta' “ajruport reġjonali” għall-iskop ta' obbligi ta' servizz pubbliku għandha tinkludi xi ajruporti f'reġjuni li huma vijabbli ekonomikament u għandha teskludi xi ajruporti f'reġjuni li għandhom bżonn appoġġ ekonomiku jew soċjali. Peress li PSOs huma ġustifikati biss għal ajruporti li jaqdu reġjuni bi bżonnijiet ekonomiċi jew soċjali, id-definizzjoni ta' ajruport reġjonali għandha titħassar.

Barra mill-punti ewlenin imsemmija hawn fuq, diversi definizzjonijiet u kundizzjonijiet għandhom jiġu kjarifikati sabiex ma jkunx hemm ftehim ħażin u applikazzjoni diverġenti.

Servizzi ta' l-ajru intra-Komunitarji

Għall-kuntrarju tas-suġġetti msemmija hawn fuq, fejn kienu ssuġġeriti diversi modifiki, ir-rapporteur tagħkom jemmen bis-sħiħ li fil-każ ta' servizzi ta' l-ajru intra-Komunitarji, għandha tiġi appoġġjata l-estensjoni proposta tal-kompetenza tal-Kummissjoni. Id-drittijiet ta’ l-ewwel u l-ħames libertajiet jistgħu jiġu negozjati b'mod aktar effiċjenti mill-Kummissjoni milli mill-Istati Membri separatament, u dan jidher biċ-ċar mill-ftehima mar-Russja dwar id-drittijiet ta' titjiriet minn fuq is-Serbja. Ir-rapporteur tagħkom m'għandux l-istess dubji li għandhom xi partijiet interessati dwar is-sussidjarjeta. Għalhekk hemm is-suġġeriment li l-Artikolu 15 jiġi aċċettat kif propost mill-Kummissjoni.

PROĊEDURA

Titolu

Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni)

Referenzi

COM(2006)0396 - C6-0248/2006 - 2006/0130(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

18.7.2006

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

5.9.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

5.9.2006

ENVI

5.9.2006

IMCO

5.9.2006

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

Data tad-deċiżjoni

EMPL

12.9.2006

ENVI

14.9.2006

IMCO

4.10.2006

 

Rapporteur(s)

Data tal-ħatra

Arūnas Degutis

13.9.2006

 

 

Eżami fil-kumitat

19.12.2006

28.2.2007

10.4.2007

 

Data ta' l-adozzjoni

8.5.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Etelka Barsi-Pataky, Jean-Louis Bourlanges, Michael Cramer, Arūnas Degutis, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Mathieu Grosch, Georg Jarzembowski, Stanisław Jałowiecki, Dieter-Lebrecht Koch, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Erik Meijer, Willi Piecyk, Reinhard Rack, Luca Romagnoli, Gilles Savary, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Ulrich Stockmann, Silvia-Adriana Ţicău, Georgios Toussas, Yannick Vaugrenard

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Zsolt László Becsey, Pedro Guerreiro, Antonio López-Istúriz White, Salvatore Tatarella, Ari Vatanen, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Árpád Duka-Zólyomi, Den Dover, Béla Glattfelder