RAPPORT dwar l-ażil: il-koperazzjoni prattika, il-kwalita tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qafas tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil

14.5.2007 - (2006/2184(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Hubert Pirker

Proċedura : 2006/2184(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0182/2007
Testi mressqa :
A6-0182/2007
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-ażil: il-koperazzjoni prattika, il-kwalita tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qafas tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil

(2006/2184(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra L-Artikolu 63(1) u (2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta' l-1 ta' Diċembru 2005 dwar l-istandards minimi fuq proċeduri fi Stati Membri għall-għoti u t-tneħħija ta' l-istejtus ta' refuġjat[1]

–    wara li kkunsidra d-direttiva 2004/83/KE tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 rigward ir-regoli minimi relatati mal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew dawk ta' mingħajr stat għandhom jissodisfaw biex ikunu jistgħu jiksbu stejtus ta' refuġjati, jew il-persuni li, għal raġunijiet oħra, għandhom bżonn ta' protezzjoni internazzjoni; u relatati mal-kontenut ta' dawn l-istejtus[2]

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni ta' ażil ippreżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz[3],

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/9/KE tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 li stabilixxiet l-istandards minimi għal-ilqugħ ta' persuni li jfittxu l-kenn[4],

–    wara li kkunsidra l-Programme ta' the Hague ta' l-4 u l-5 ta' Novembru 2004,

–    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta emendata għad-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Settmebru 2005 dwar l-istandards minimi dwar proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u t-tneħħija ta' l-istejtus ta' refuġjat[5],

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-koperazzjoni prattika: strutturi ġodda, metodi ġodda: intejbu l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet fis-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil (COM(2006)0067),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-adattament tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li jikkonċernaw il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li jkun hemm protezzjoni ġudizzjarja aktar effettiva (COM(2006)0346),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6‑0182/2007),

A.  billi l-ewwel fażi ta' l-introduzzjoni tas-sistema komuni ta' l-ażil tlestiet bl-adozzjoni ta' l-erba' strumenti kif stipulat fl-Artikolu 63(1) tat-Trattat KE; billi jeżistu kemm diffikultajiet politiċi kif ukoll tekniċi li jridu jingħelbu qabel ma tinbeda t-tieni fażi tas-sistema, li l-għan tagħha huwa li tkun introdotta proċedura komuni ta' ażil u stejtus uniformi għal persuni li għandhom dritt għall-ażil jew protezzjoni sussidjarja; u billi huwa ttamat li tinżamm l-iskadenza għat-tlestija ta' din il-fażi, jiġifieri l-2010,

B.   billi diġà kien ta l-appoġġ tiegħu għad-definizzjoni ta' 'refuġjat', meta din dehret fid-Direttiva 2004/83/KE tal-Kunsill u għaldaqstant dik id-definizzjoni hija valida wkoll għal din ir-riżoluzzjoni,

C.  billi, meta wieħed jiġi għall-adozzjoni ta' standards konġunti, l-adozzjoni ta' direttivi hija biss l-ewwel tarġa, u billi din il-fażi trid tiġi segwita bl-implimentazzjoni xierqa fl-Istati Membri kollha tad-dispożizzjonijiet adottati fuq livell Komunitarju; billi l-iskrutinju ta' dak il-proċess ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni tikkostitwixxi inkarigu sinifikanti ħafna li għalih iridu jkunu disponibbli riżorsi adegwati,

D.  billi l-istrumenti adottati s’issa fil-qasam tal-politika dwar l-ażil stabbilixxew biss standards minimi, u meta nżommu f’moħħna li trid tingħeleb it-tendenza li jinkiseb qbil dwar fattur minimu komuni biex nevitaw ġirja 'l-isfel u t-tnaqqis tal-ħarsien u tal-kwalità ta’ kif jintlaqgħu, tal-proċeduri, u tal-protezzjoni,

E.   billi fil-Programm ta’ the Hague ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 l-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex iwaqqfu strutturi adattati li jinvolvu s-servizzi nazzjonali ta' l-ażil ta’ l-Istati Membri, bil-għan li tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni prattika, u billli t-tkabbir ta’ din il-kooperazzjoni prattika, u l-iskambju tat-tagħrif u d-dettalji ta’ proċeduri ppruvati bejn l-Istati Membri, jirrapreżentaw strument importanti biex jinkiseb l-għan ta’ procedura komuni dwar l-ażil u stejtus uniformi’,

F.   billi t-tisħiħ tal-fiduċja miż-żewġ naħat huwa s-sies tal-proċess tat-twaqqif ta’ sistema komuni ta’ ażil, u billi l-kooperazzjoni prattika u regolari bejn il-livelli amministrattivi differenti fl-Istati Membri li għandhom responsabiltajiet simili, imwettqa b’mod trasparenti b’funzjonijiet ta’ rrappurtar adattati, hija l-aħjar mod kif titrawwem din il-fiduċja, billi huwa meħtieġ tisħiħ tal-fiduċja reċiproka biex tkun żgurata l-kwalità kif ukoll sabiex tiżdied il-fiduċja pubblika fl-immaniġġjar ta' l-ażil, u b'hekk ikun iffaċilitat proċess anqas kontradittorju u aktar effiċjenti,

G.  billi l-implimentazzjoni effettiva tal-politika ta' l-ażil tiddependi fuq l-isforzi biex jintlaħqu numru ta' objettivi kumplimentari, bħalma huma t-titjib fil-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-ipproċessar fil-ħin u fiż-żgur ta' l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni u l-organizzazzjoni ta' kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu li jippreżentaw biċ-ċar l-iskop tal-migrazzjoni legali, l-arranġamenti għall-ksib ta' stejtus ta' refuġjat jew protezzjoni umanitarja, il-perikli assoċjati mat-traffikar tal-bnedmin, l-aktar nisa u minorenni mhux akkumpanjati minn adulti, u l-konsegwenzi kemm ta' l-immigrazzjoni illegali u tar-rifjut ta' l-istat ta' refuġjat,

H.  billi, bil-ħsieb li jittejjeb il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-ażil, u b'hekk jitnaqqas in-numru ta' proċeduri fil-qorti u ta' dewmien proċedurali, jista' jagħmel sens li jitfittex l-appoġġ ta' organizzazzjonijiet rilevanti, bħall-UNHCR, li żviluppa metodu maħsub sabiex jassisti lill-awtoritajiet fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kwalità tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom (Quality Initiative)

I.    billi, kif stqarr il-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Intern fis-27 u t-28 ta' April 2006, jeħtieġ li jsiru sforzi biex tiġi introdotta proċedura uniformi bil-ħsieb li jkun evitat dewmien u b'hekk ikun sar kontribut prattiku għat-titjib ta' l-effettività tal-proċeduri,

J.    billi, minkejja l-eżistenza ta' sett komuni ta' miżuri bażiċi relatati ma' l-ażil li ġew adottati mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, fuq livell nazzjonali l-Istati Membri baqgħu jimplimentaw miżuri jew jieħdu deċiżjonijiet li għandhom implikazzjonijiet għall-Istati Membri l-oħra, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-għoti ta' protezzjoni internazzjonali,

K.  billi l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2005/85/KE jipprovdi għat-tfassil ta' lista minima komuni ta' pajjiżi terzi li huma meqjusa bħala pajjiżi ta' oriġini sikuri, u billi hija sfortuna minn banda li din il-lista għadha ma tfasslitx u mill-banda l-oħra li l-Kunsill ma qisx l-opinjoni tal-Parlament meta adotta din id-Direttiva, u li minħabba f'hekk azzjoni għal annullament tad-Direttiva 2005/85/KE bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (il-Qorti tal-Ġustizzja); billi din il-lista, li għandha tiġi adottata skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni, żgur li tkun fattur ewlieni fl-introduzzjoni ta' sistema komuni ta' ażil u fit-teħid malajr ta' deċiżjonijiet dwar stejtus; billi l-inklużjoni ta' pajjiż fuq din il-lista ma tfissirx awtomatikament li persuni minn dawk il-pajjiżi li jfittxu ażil jiġu sempliċement irrifjutati, iżda tfisser li skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-istejtus tar-refuġjati, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967 (Konvenzjoni ta' Ġinevra), hemm evalwazzjoni individwali għal kull aplikazzjoni,

L.   billi huwa ta' diżappunt li l-Kunsill ma qisx xieraq li juża l-proċedura ta' kodeċiżjoni fir-rigward tat-tfassil tal-lista ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri, u billi hemm stennija interessanti għas-sentenza li trid toħroġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward,

M.  billi l-Istati Membri jrid ikollhom disponibbli tagħrif ta’ kwalità għolja dwar perikli li jeżistu bħalissa fil-pajjiżi ta’ l-oriġini jekk iridu jiggarantixxu proċeduri affidabbli u ġusti li jiggarantixxu li d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-kenn ikunu rrispettati,

N.  billi l-vjolenza, u t-theddid bi vjolenza, kontra n-nisa hija ksur tad-dritt tal-ħajja, sikurezza, libertà, dinjità u integrità fiżika u emozzjonali, kif ukoll hija theddida serja għas-saħħa fiżika u mentali tal-vittmi ta' din il-vjolenza,

O.  billi minkejja li hemm problemi tekniċi u politiċi li jostakolaw il-qsim ta' informazzjoni sensittiva dwar pajjiżi ta' oriġini, żgur li fl-aħħar mill-aħħar trid titwaqqaf bażi ta' dejta dwar il-pajjiżi ta' oriġini sabiex il-persuni kollha involuti fil-proċedura jkunu jistgħu joqgħodu fuq l-istess informazzjoni meta jkunu qed jitrattaw ma' applikazzjoni individwali,

P.   billi jekk għandhom jittejbu l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet, għandu wkoll jogħla l-livell ta' taħriġ ta' l-impjegati taċ-ċivil li jieħdu d-deċiżjonijiet,

Q.  billi l-proċedura li l-aktar hija adatta sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi l-għaqda tal-liġi Komunitarja hija l-proċedura ta' deċiżjoni preliminari stipulata fl-Artikolu 234 tat-Trattat KE, u billi element ewlieni ta' dik il-proċedura huwa l-prinċipju li kwalunkwe qorti nazzjonali tista' titlob għal deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja; billi, madankollu, fuq bażi tad-deroga minn dak il-prinċipju stipulata fl-Artikolu 68 tat-Trattat KE, sfortunatament il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tinterpreta dispożizzjonijiet relatati ma' l-ażil meta tkun ikkonsultata mill-qorti nazzjonali ta' l-ewwel istanza biss,

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi magħmula sabiex tittejjeb il-koperazzjoni prattika fis-sistema komuni Ewropea ta' ażil; iqis li titjib fil-kwalità fil-proċeduri u fid-deċiżjonijiet huwa fl-interess ta' kemm l-Istati Membri kif ukoll ta' dawk li jfittxu kenn;

2.   Jerġa' jafferma l-ħtieġa għal politika komuni ta' l-UE dwar l-ażil li tkun proattiva u bbażata fuq l-obbligu li persuni li jfittxu l-kenn jiġu milqugħa u fuq ir-rispett tal-prinċipju tan-'non-refoulement'; ifakkar, f’dan ir-rigward, ir-rwol fundamentali ta’ Politika Barranija u għas-Sigurtà Komuni b’saħħitha, li tippromwovi u tħares id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali;

3.   Jenfasizza għal darb’oħra li l-għan aħħari ta’ l-introduzzjoni ta’ sistema komuni ta' ażil għandu jkun biex tkun żgurata kwalità għolja ta’ ħarsien, l-evalwazzjoni tat-talbiet individwali għall-kenn, u l-proċeduri li bħala riżultat jagħtu deċiżjonijiet issostanzjati kif jixraq u ġusti; jenfasizza li titjib fil-kwalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet irid jassigura li dawk li jkunu fil-bżonn ta’ ħarsien ikunu jistgħu jidħlu fl-UE bla periklu u jkollhom it-talbiet tagħhom ipproċessati sewwa, u jassigura li jkunu osservati b’mod strett l-istandards tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar il-liġi tar-refuġjati, b’mod partikulari l-prinċipju li ma jitkeċċewx u jintbagħtu lura (non-refoulement);

4.   Jikkandanna l-insuffiċjenza ċara tar-riżorsi disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni tad-diversi direttivi li jittrattaw ma' kwistjonijiet relatati ma' l-ażil, u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw il-ħidma tal-Kummissjoni billi b'mod sistematiku jgħaddulha tabella ta' ekwivalenzi li turi bl-eżatt liema miżuri ttieħdu biex jiġi implimentati d-dispożizzjonijiet ta' dawn id-direttivi;

5.   Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jaħdmu biex fl-Istati Membri kollha tiġi introdotta proċedura waħda li tiżgura teħid ta' deċiżjonijiet ġust u effettiv, sabiex ikun żgurat li l-istejtus ta' refuġjat jingħata malajr kemm jista' jkun lil dawk kollha li għandhom dritt għalih;

6.   Jenfasizza, b’referenza għall-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti tal-ħarsien internazzjonali u, b’mod partikulari, il-ħarsien sussidjarju, li sakemm id-dispożizzjonijiet legali li għandhom x’jaqsmu ma' l-ażil ikunu msejsa fuq standards minimi u fuq l-inqas fattur komuni, id-differenzi bejn l-Istati Membri se jibqgħu jeżistu u ‘t-tfittxija għall-postijiet ta' ażil’ se tibqa’ fattur;

7.   Jenfasizza li wieħed mill-objettivi ta' l-istrumenti relatati ma' l-ażil li ġew adottati huwa li jitnaqqsu l-hekk imsejħa movimenti 'sekondarji'; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi prattiċi minn issa sabiex jiksbu l-ogħla grad possibbli ta' konverġenza fost il-politiki ta' ażil rispettivi tagħhom;

8.   Huwa ta' l-opinjoni li, għal skopijiet ta' solidarjetà, fost it-titjib li jrid isir lis-sistema ta' l-ażil ta' l-UE għandu jkun hemm it-tqassim aktar ġust tal-piż li jġorru l-aktar dawk l-Istati Membri li jinsabu fuq il-fruntieri esterni ta' l-UE, u diġà jistenna b'interess l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (regolament Dublin II) u kwalunkwe proposta li tista' tagħmel f'dan ir-rigward;

9.   Iqis li għandu jitqies kif xieraq il-fatt li l-impjegati taċ-ċivil li huma responsabbli mid-deċiżjonijiet li jagħtu stejtus ta' refuġjat iridu jkollhom taħriġ xieraq fuq bażi ta' kurrikulu Ewropew, bil-possibilità li jkunu introdotti kwalifiki obligatorji jew livell obligatorju ta' kwalifiki;

10. Jappella biex jitwettqu kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu bil-għan li jintwera biċ-ċar lil migrant potenzjali kemm ir-riskji marbuta ma' l-immigrazzjoni illegali kif ukoll il-konsegwenzi tar-rifjut ta' stejtus ta' refuġjat, u l-iskop tal-migrazzjoni legali u l-possibilità li wieħed japplika għall-ażil f'każ ġustifikat, kif ukoll il-perikli assoċjati mat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikulari nisa u minorenni mhux akkumpanjati minn adulti;

11. Jappella biex miżuri applikabbli għal dawk in-nies li ma jingħatawx stejtus ta' refuġjat jew li l-istejtus tagħhom ta' refuġjat tneħħielhom, ġaladarba r-rimedji legali jkunu ġew eżawriti, jiġu implimentati malajr u b'mod ġust b'rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u għad-drittijiet fundamentali tal-persuni li ġew mibgħuta lura f'arthom; barra minn hekk jappella f'dan ir-rigward għat-twaqqif fl-iqsar żmien ta' proċedura ta' l-UE għar-ripatriazzjoni;

12. Jappella għal miżuri li japplikaw għal persuni li ngħataw status ta’ refuġjat jew ħarsien umanitarju biex jitwettqu malajr u b’mod ġust, ħalli jkunu jistgħu jissawru kundizzjonijiet ta’ għixien diċenti, integrazzjoni effettiva fil-ħajja soċjali u politika u l-involviment attiv bi sħab fid-deċiżjonijiet meħuda mill-komunità li tilqagħhom;

13. Jappella lill-Kummissjoni biex tegħleb malajr kemm jista’ jkun il-problemi tekniċi u politiċi involuti fl-introduzzjoni ta’ bażi ta' dejta konġunta li jkun fiha tagħrif dwar il-pajjiżi ta’ l-oriġini; iqis li bażi ta' dejta ta' l-UE għandha taħdem bħala sistema miftuħa, sabiex il-persuni kollha involuti fil-proċedura jkunu jistgħu joqgħodu fuq l-istess informazzjoni meta jkunu qed jitrattaw ma' applikazzjoni individwali; jittama li tista’ tinstab soluzzjoni prammatika għall-problema tal-multi-lingwaliżmu;

14. Min-naħa, jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni preċedenti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2005/85/KE, sabiex tfassal lista ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri, iżda mill-banda l-oħra jfakkar fid-deċiżjoni pendenti ta' l-azzjoni għall-annullament li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rigward din id-Direttiva, li minħabba fiha l-abbozzar ta' din il-lista jinsab fil-mument sospiż, u jistieden lill-Kunsill sabiex iqis dawn l-elementi kuntrastanti u biex jieħu d-deċiżjonijiet b'konsegwenza; jenfasizza, barra minn hekk, li l-kunċett ta’ pajjiż terz mingħajr periklu ma jeħlisx lill-Istati Membri mill-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali, b’mod partikulari id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra rigward il-prinċipju li ma jitkeċċewx u jintbagħtu lura u l-evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni għall-kenn;

15. Huwa tal-fehma li l-koordinament ta’ ħidmiet marbuta mal-kooperazzjoni prattika dwar kwistjonijiet marbuta ma' l-ażil irid jibqa’ r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li trid tingħata r-riżorsi adattati għal dik il-ħidma; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi din l-għażla fir-rapport li hija se tippreżenta kmieni fl-2008 li jikkonċerna progress ma' l-ewwel fażi tal-ħidmiet u, jekk tagħżel għażla oħra, tiġġustifika r-raġuni għaliex jitqies meħtieġ l-istabbiliment ta' struttura ġdida fil-forma ta' 'Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ', peress li għandhom jitqiesu l-perċentwali ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji; huwa ta' l-opinjoni li jekk il-Kummissjoni tippjana l-ħolqien ta' Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ, hija għandu tkun taħt l-obbligu strett sabiex tinkludi garanziji tat-trasparenza u tar-responsabilità tagħha;

16. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkoperaw bis-sħiħ mal-UNHCR, jipprovduh bl-appoġġ adegwat u biex iwettqu eżerċizzju ta' 'Inizjattiva ta' Kwalità' u jippubblikaw ir-riżultati ta' din l-inizjattiva, sabiex jiffamiljarizzaw lin-nies ma' l-aħjar prattiki u jinkuraġġixxu l-użu tagħhom, fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali;

17. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu mwaqqfa ċentri ta' lqugħ b'faċilitajiet separati għall-familji, nisa u tfal u faċilitajiet adegwati għal persuni anzjani jew b'diżabilità li jfittxu kenn; jappella sabiex jiġu evalwati l-kundizzjonijiet ta' lqugħ bħala parti mill-miżuri li jimplimentaw id-Direttiva 2003/9/KE; f'dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa biex isir użu sħiħ mill-opportunitajiet mogħtija mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati ġdid;

18. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-miżuri ppjanati mill-Kummissjoni biex tappoġġja dawk l-Istati Membri li huma taħt pressjoni qawwija, biex ilaħħqu mal-problemi li għandhom x’jaqsmu ma' l-ilqugħ ta’ dawk li jfittxu kenn u l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-kenn; jilqa’ b'sodisfazzjon, b’mod partikulari u fuq kollox, il-proposta li jintbagħtu timijiet ta’ esperti li jinkludu esperti minn Stati Membri differenti;

19. Jenfasizza li huwa xogħol il-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tad-direttivi relatati ma' l-ażil u li r-riżorsi li huma disponibbli lilha għal dan il-għan attwalment huma ferm anqas minn dak li hu meħtieġ sabiex din il-ħidma komprensiva ssir b'suċċess; huwa ta' l-opinjoni li l-kredibilità ta' l-Unjoni f'dan il-qasam u l-ġejjieni tal-politika komuni ta' ażil qegħdin f'riskju;

20. Jinkoraġġixxi l-Kummissjoni biex tagħmilha aktar faċli li wieħed jikseb aċċess għall-istrumenti finanzjarji bħal ma hu l-Fond Ewropew għar-Refuġjati u l-Programm ARGO biex tagħti l-poter lill-Istati Membri li jiksbu fondi b’mod mgħaġġel f’każ ta’ emerġenza;

21. Jirrimarka li l-korp tal-liġi tal-Komunità mwaqqaf fil-qasam tal-politika dwar l-ażil irid ikun interpretat u applikat b’mod uniformi madwar l-Unjoni; huwa tal-fehma li l-armonizzazzjoni fil-qasam tal-politika dwar l-ażil tkun iffaċilitata u mħaffa jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tista’ fil-ġejjieni tkun ikkonsultata minn qrati li mhumiex il-qrati nazzjonali ta’ l-ewwel istanza, kif inhu l-każ bħalissa; jappella lill-Kunsill, għaldaqstant, biex jagħti lura lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħat sħaħ tagħha fil-qasam tad-deċiżjonijiet preliminari mogħtija lilha skond Titolu IV tat-Trattat KE; jilqa’ bil-ferħ il-Karta ta’ Diskussjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq it-trattament ta’ mistoqsijiet li jkunu rreferuti għal deċiżjoni preliminari rigward il-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja[6] u jinkoraġixxi d-diskussjoni fuq il-ħtieġa ta’ proċedura li tkun adattata għax-xejra speċifika tal-każijiet fil-qasam ta' l-ażil u l-immigrazzjoni;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 326, 13.12.2005, p. 13.
  • [2]  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.
  • [3]  ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.
  • [4]  ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18.
  • [5]  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 46.
  • [6]  Dokument tal-Kunsill 13272/06.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

L-ewwel fażi ta' l-introduzzjoni tas-sistema komuni ta' l-ażil tlestiet bl-adozzjoni, fl-1 ta' Diċembru 2005, ta' l-erba' strumenti kif stipulat fl-Artikolu 63(1) tat-Trattat KE. Għaldaqstant l-għan issa jrid ikun li jkunu kkonsolidati l-arranġamenti li ġew introdotti sabiex tista' ssir it-tranżazzjoni għat-tieni fażi tas-sistema, li tinvolvi l-introduzzjoni ta' sistema komuni ta' l-ażil u stejtus uniformi għall-persuni li huma rikonoxxuti bħala refuġjati u li jingħataw protezzjoni sussidjarja.

Fil-Programm ta' the Hague ta' l-4 u l-5 ta' Novembru 2005 il-Kunsill Ewropew irrimarka li l-politika ta' l-ażil għandu jkollha tliet komponenti ewlenin: l-introduzzjoni ta' proċedura uniformi, l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini u koperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri, b'mod partikulari sabiex tgħin lil dawk l-Istati Membri li huma taħt pressjoni partikulari minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom, sabiex ilaħħqu b'mod aktar effettiv ma' din il-pressjoni.

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi għandha ssir it-tranżizzjoni għat-tieni fażi tas-sistema ta' ażil, fuq kollox hemm il-ħtieġa li titrawwem koperazzjoni prattika fost l-Istati Membri, bl-għan aħħari li titjieb il-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li, fl-opinjoni tar-rapporteur, għandhom jittieħdu f'anqas żmien, ikunu aktar ġusti u aktar affidabbli. It-tisħiħ ta' din il-koperazzjoni prattika huwa s-suġġett tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li hija ttrattat f'dan ir-rapport. F'dan ir-rigward, ir-rapporteur identifika numru ta' aspetti li jkunu ta' kontribut deċiżiv biex tittejjeb il-koperazzjoni u, għaldaqstant, it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika ta' ażil. Dawn l-aspetti huma ppreżentati fil-paragrafi li ġejjin.

Proċedura uniformi

Proċedura uniformi tħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet u għaldaqstant l-introduzzjoni tagħha għandha titħeġġeġ. Fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri diġà ġiet introdotta proċedura uniformi li tgħaqqad f'operazzjoni waħda l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterji għall-għoti ta' l-istejtus ta' refuġjat u dawk għall-għoti ta' aċċess għall-protezzjoni sussidjarja. Din hija ta' min ifaħħarha peress li normalment persuna li tkun għamlet applikazzjoni sabiex tingħata protezzjoni internazzjonali ma tantx se tkun f'pożizzjoni li tiddetermina jekk l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha hiex konsistenti mal-kriterji stipulati fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra jew dawk li jirregolaw forom oħra ta' protezzjoni internazzjonali. Dan l-approċċ huwa wkoll aktar razzjonali minħabba l-fatt li entità waħda tieħu deċiżjoni u, b'hekk, tevalwa l-konformità mal-kriterji kollha li jirregolaw l-għoti ta' protezzjoni internazzjonali, u b'hekk jiffrankaw lill-applikant il-ħtieġa li jagħmel applikazzjonijiet lil diversi entitajiet li mbagħad kollha jeżeminaw l-istess sett bażiku ta' fatti.

Bażi ta' Dejta konġunta

Il-kwalità tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-ewwel istanza tiddependi fuq il-kwalità ta' l-informazzjoni li fuqha huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet. Għaldaqstant il-mod ta' kif tinġabar l-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini jrid jitjieb u, bil-ħsieb li jkunu armonizzati kemm jista' jkun il-kriterji ta' teħid ta' deċiżjonijiet użati mill-Istati Membri, għandha tingħata attenzjoni biex ikun żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom l-istess informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom. L-iskambju ta' informazzjoni disponibbli dwar il-pajjiżi ta' oriġini huwa aktar meħtieġ minħabba l-fatt li l-mezzi użati biex tinġabar din l-informazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Uħud ħolqu bażijiet ta' dejta sofistikati sabiex jiġu użati minn dawk fil-pajjiż li jieħdu d-deċiżjonijiet, oħrajn m'għandhomx is-sorsi tagħhom ta' informazzjoni u għaldaqstant jiddependu fuq fornituri barranin, pereżempju organizzazzjonijiet non-governattivi u l-UNHCR. Madankollu, sabiex ikun iggarantit teħid ta' deċiżjoni aktar konsistenti, ikun ideali li d-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq informazzjoni identika. Għaldaqstant jagħmel sens li ssir ħidma favur l-istabbiliment ta' bażi ta' dejta konġunta li jkun fiha informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini, li huwa pass li r-rapporteur jippromwovi bis-sħiħ. Il-'portal komuni' msemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni jista' biss ikun miżura temporanja li trid tiġi ssostitwita mill-aktar fis possibbli. Kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, l-għan hu li jitfasslu linji gwida konġunti għall-ġbir u l-analiżi ta' informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti sabiex tkun tista' titwaqqaf bażi ta' dejta Ewropea b'informazzjoni dwar pajjiżi ta' oriġini fuq il-bażi ta' standards Komunitarji konġunti.

Taħriġ għall-impjegati taċ-ċivil

Naturalment, jekk l-għan huwa li jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet, għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li l-persuni li fil-fatt huma responsabbli għal dan it-teħid tad-deċiżjonijiet ikollhom il-kapaċitajiet meħtieġa u jkunu pprovduti b'taħriġ ta' kwalità għolja. F'dan ir-rigward, jintlaqa' b'sodisfazzjon il-fatt li f'xi pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Awstrija ħadu l-inizjattiva u rrikorrew għal entità b'għarfien speċjalizzat fl-isfera ta' l-ażil, il-UNHCR, u talbuh jgħinhom billi jevalwa l-prattiki li huma jużaw fl-ipproċessar ta' kuljum ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil u jagħmel proposti prattiċi għal titjib. Dan huwa eżempju li jista' jiġi segwit u li jista' jwassal għat-tfassil ta' manwal ta' 'metodi ppruvati'. Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon id-diversi miżuri meħuda taħt l-awspiċji ta' l-Eurasil[1] biex il-kwalifiki li jrid ikollhom l-impjegati taċ-ċivil li jaħdmu fil-qasam ta' l-ażil jiġu armonizzati u jappella sabiex dawn il-miżuri jiġu implimentati aktar fil-wisa'. Huwa jixtieq ukoll jara lill-Istati Membri jagħmlu sforzi sabiex jintroduċu sensiela ta' miżuri maħsuba mhux biss biex itejbu l-kapaċitajiet ta' l-impjegati taċ-ċivil tagħhom, iżda wkoll sabiex ikabbru l-motivazzjoni tagħhom, fattur li l-esperti tal-UNHCR jqisu bħala sinifikanti ħafna. F'dan ir-rigward, irid jitqies l-iżvilupp ta' programm ta' taħriġ fuq livell ta' l-UE li jippermetti lill-impjegati taċ-ċivil ta' l-Istati Membri jiltaqgħu ma u jaqsmu esperjenzi. Dawn jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom mal-qafas legali attwali u ma' diversi aspetti prattiċi ta' ħidmiethom, bħalma huma t-tekniki ta' intervisti, il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kredibilità tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuni li jfittxu l-kenn, u l-ħtieġa li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni li huma suppost jgħinu, li jistgħu tabilħaqq ikunu trawmatizzati u vulnerabbli.

L-Irwol tal-Qorti tal-Ġustizzja

Ir-rapporteur huwa ta' l-opinjoni li l-armonizzazzjoni tal-politiki dwar l-ażil jiġu ffaċilitati u jitħaffu jekk fil-ġejjieni l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tkun tista' tiġi kkonsultata minn qrati li mhumiex l-ogħla qorti nazzjonali ta' kull Stat Membru, kif inhu l-każ bħalissa. Barra minn hekk, huwa ta' l-opinjoni li l-implimentazzjoni konsistenti ta' l-'acquis' b'mod partikulari tgħin sabiex tnaqqas il-movimenti sekondarji bejn l-Istati Membri, fenomenu li jqajjem kostantament it-tħassib. Għaldaqstant huwa jilqa b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat KE, bil-ħsieb li tkun iggarantita protezzjoni ġudizzjarja aktar effettiva, l-aktar peress li d-derogi attwali tapplika għall-oqsma ta' politika li huma partikularment sensittivi f'termini ta' drittijiet fundamentali, peress li jikkonċernaw il-protezzjoni ta' persuni vulnerabbli.

L-Irwol tal-Kummissjoni

Jekk il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja fil-qasam ta' l-ażil hija għandha tkun f'pożizzjoni xierqa sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni tad-direttivi rilevanti. Huwa ċar li r-riżorsi disponibbli mhumiex adegwati, madankollu, u fl-opinjoni tar-rapporteur, il-ħtieġa li tinħoloq li x-xogħol jiġi esternalizzat (outsourced) tista' tipperikola l-irwol tal-Kummissjoni li tħares it-Trattati. Għaldaqstant ir-rapporteur iħoss li l-Kummissjoni għandha tuża tims ta' avukati mill-Istati Membri individwali u tims ta' tradutturi sabiex tkun tista' twettaq l-irwol ta' monitoraġġ tagħha b'mod kemm jista' jkun effettiv. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri għandhom b'mod sistematiku jgħaddu lill-Kummissjoni tabelli ta' ekwivalenzi li juru biċ-ċar liema dispożizzjonijiet tad-direttivi nnotifikati huma maħsuba li l-mizuri nazzjonali jimplimentaw. Din hija proċedura amministrattiva ppruvata li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tal-koperazzjoni ġusta. Għaldaqstant huwa diffiċli biex tinfiehem ir-raġuni li għalija l-Istati Membri qed isibuha bi tqila biex jużawha .

F'kull każ, ir-rapporteur huwa konxju li, kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-koordinament tal-koperazzjoni prattika fl-aħħar mill-aħħar jista' jeċċedi l-kapaċità ta' netwerk ta' koperazzjoni fil-qasam ta' l-ażil. Minkejja dan, ir-rapporteur huwa ta' l-opinjoni li huwa dmir tal-Kummissjoni li tassumi r-responsabilità għall-koordinament tal-ħidmiet fost l-Istati Membri fir-rigward tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil u jwissi kontra t-tentazzjoni li dan l-inkarigu jiġi mgħoddi lil xi aġenzija ġdida. Huwa jopponi b'mod kategoriku kwalunkwe proposta bħal din.

Fl-aħħar mill-aħħar ir-rapporteur jilqa' l-proposti prattiċi stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam ta' l-ażil u jittama li din l-istrateġija prammatika twassal għall-istabbiliment ta' sistema komuni ta' ażil sa l-2010.

  • [1]  In-netwerk ta' l-UE għal dawk li jaħdmu fil-qasam ta' l-ażil twaqqaf fl-2002.

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (25.1.2007)

f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

l-ażil: il-koperazzjoni prattika, il-kwalita tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qafas tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil
(2006/2184(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bernadette Vergnaud

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-kumitat responsabbli, biex jinkludi fil-proposta għal riżoluzzjoni tiegħu s-suġġerimenti li ġejjin:

–   wara li kkunsidra d-direttiva 2004/83/KE tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 rigward ir-regoli minimi relatati mal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew dawk ta' mingħajr stat għandhom jissodisfaw biex ikunu jistgħu jiksbu status ta' refuġjati, jew il-persuni li, għal raġunijiet oħra, għandhom bżonn ta' protezzjoni internazzjoni; u relatati mal-kontenut ta' dawn l-istatus[1],

–   wara li kkunsidra d-dokument 11103 ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-23 ta' Novembru 2006, bit-titlu "Intejbu l-kwalita u l-koerenza tad-deċiżjonijiet fil-qasam ta' l-ażil fl-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa",

A. billi l-vjolenza u t-theddid tal-vjolenzi kontra n-nisa jirrappreżentaw vjolazzjoni tad-dritt għall-ħajja, għas-sigurta, għal-liberta, għad-dinjita u għall-integrita fiżika u psikika, kif ukoll theddida serja għas-saħħa fiżika u mentali tal-vittmi ta' dawn il-vjolenzi,

B.  billi, dawn l-aħħar snin, in-numru ta' talbiet għall-ażil imressqa fil-pajjiżi industrijali baqa' dejjem jonqos, u laħaq l-aktar livell baxx mill-1987, fejn l-Ewropa hija d-destinatarja ta' madwar 80% tan-numru totali tat-talbiet,

C. billi t-tendenza għat-tnaqqis tan-numru ta' nies li qed jagħmlu talba għall-ażil tista' tkun ġejja, fost oħrajn, mit-titjib tal-kundizzjonijiet f'ċerti pajjiżi prinċipali ta' oriġini ta' dawn in-nies, kif ukoll mill-introduzzjoni ta' politiki l-aktar restrittivi fil-qasam ta' l-ażil u ta' l-immigrazzjoni,

1.  Jilqa' l-isforzi miksuba sabiex titjieb il-koperazzjoni prattika fil-qafas tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil; jikkunsidra li titjieb tal-kwalita fil-proċeduri u fid-deċiżjonijiet huwa fl-interess kemm ta' l-Istati Membri kif ukoll ta' min qed jitlob ażil;

2.  Jinnota, bi tħassib, li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinjora kompletament l-aspetti marbuta mad-drittijiet tan-nisa u ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, ta' l-omosesswalita, tal-bisesswalita u t-transesswalita, kif ukoll tal-protezzjoni tal-minorenni;

3.  Jinnota wkoll bi tħassib li l-istess qed jiġri fil-każi ta' vjolenza sesswali, domestika u relata mad-differenza ta' sess kontra n-nisa, is-subien u l-bniet, il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, it-traffiku tal-persuni bil-ħsieb ta' esplojtazzjoni sesswali, il-vjolenzi subiti minħabba l-applikazzjoni krudili u diżumana tal-liġi Sharia osservata f'ċerti pajjiżi, il-krimini ta' l-unur u l-abbużi sesswali, l-istrupru bħala arma ta' gwerra, li jikkostitwixxu l-persekuzzjonijiet marbuta mas-sessi imsemmija fid-Direttiva 2004/83/KE; ifakkar li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kriterji konkreti għall-għoti ta' ażil jew ta' stat umanitarju speċifiku għan-nisa li jsofru minn dan it-tip ta' vjolenzi; jenfasizza n-neċessita li fl-evalwazzjoni tat-talbiet għal ażil tiġi integrata d-dimensjoni tas-sessi, u b'mod partikulari li jiġu meqjusa l-vjolenzi fuq in-nisa;

4. Jitlob għall-adozzjoni ta' linji gwida fil-qasam ta' persekuzzjoni marbuta mas-sessi, li jkunu utli biex jikkontribwixxu għall-interpretazzjoni ġuridika tat-talbiet għall-ażil minn nisa, u destinati lill-gvernijiet, lill-ġuristi u lil dawk kollha li jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjoni tat-talbiet għall-ażil;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-fażi ta' preparazzjoni tal-proċedura unika u konformi mas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil, li twaqqaf grupp ta' esperti ad hoc sabiex jiġu elaborati linji gwida Ewropej fil-qasam tal-persekuzzjonijiet marbuta mas-sessi;

6.  Ifakkar li l-interess primarju tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni essenzjali ta' l-Istat Membri meta ssir l-evalwazzjoni tat-talbiet għall-ażil ippreżentati minn minorenni; jenfasizza li f'dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu r-riskji u l-persekuzzjonijiet li jikkonċernaw speċifikament lit-tfal;

7.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiksbu l-mezzi meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni sħiħa għan-nisa vittmi tan-netwerks ta' prostituzzjoni jew ta' vjolenzi domestiċi li jkollhom il-ħila jiddenunċjaw is-sitwazzjoni tagħhom u jitolbu ażil minħabba persekuzzjonijiet li huma fundamentalment marbuta mas-sess;

8.  Ifakkar li r-riunifikazzjoni tal-familja huwa mezz meħtieġ sabiex tkun inkoraġġjuta l-ħajja fil-familja, u li dan jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Istati Membri, u li dan jippermetti wkoll li tkun promossa l-koeżjoni ekonomika u soċjali; jilqa' wkoll id-dispożizzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2003/9/KE rigward ir-regoli minimi dwar kif jiġu milqugħa dawk li jagħmlu talba għall-ażil fl-Istati Membri[2], li l-Artikolu 8 tagħha jipprevedi li l-Istati Membru jieħdu l-miżuri xierqa sabiex kemm jista' jkun tinżamm l-unita tal-familja li tkun preżenti fit-territorju tagħhom, meta l-Istat Membru partikulari jiipprovdi alloġġ lil min jitlob ażil;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-ġbir u l-ipproċessar ta' l-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini - inklużi d-dejta u l-istatistika kategorizzati skond is-sessi - tant li dawn jikkostitwixxu elementi essenzjali tad-deċiżjonijiet ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-ażil;

10. Ifakkar li l-formazzjoni ta' l-istaff tas-servizzi ta' ażil tassumi importanza kbira għall-implimentazzjoni tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil u jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri li jiffurmaw staff responsabbli għall-evalwazzjoni tat-talbiet għall-ażil dwar il-kwistjonijiet ta' approċċ integrali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-kwistjonijiet tas-sessi u l-kwistjonijiet speċifiċi għall-persekuzzjoni tan-nisa u tat-tfal; ifakkar fl-importanza li l-irġiel u n-nisa li jitolbu ażil jiġu pprovduti b'għajnuna ġuridika u assistenza b'lingwa li jkunu kapaċi jifhmu sabiex ikun żgurat il-proċediment tal-proċeduri ta' ażil u l-kwalita ta' l-informazzjoni mogħtija;

11. Jenfasizza li l-esperjenzi ta' persekuzzjoni tan-nisa, kif ukoll l-attivitajiet politiċi tagħhom stess, huma distinti minn dawk ta' l-irġiel, u għalhekk ikun hemm bżonn li n-nisa jiġu mistoqsija affarijiet differenti; jenfasizza li interpreti, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u konsulenti ġuridiċi għandhom ikunu disponibbli u li dawn ikunu nisa li għandhom dawn il-kompetenzi;

12. Jenfasizza li l-ħtieġa li titjieb il-koperazzjoni relatata ma' l-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini m'għandhiex tiġi mfixxkla mat-tfassil tal-lista tal-pajjiżi ta' oriġini sikuri: għaliex l-ebda Stat ma jista' jiġi dikjarat Stat terz sikur għal kull min jagħmel talba għall-ażil; jikkunsidra wkoll li l-kunċett tal-pajjiżi terzi sikuri mhux konformi ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri rigward id-dritt internazzjonali, għaliex ir-responsabilta prinċipali tal-protezzjoni internazzjonali qiegħda f'idejn l-Istat li rċieva t-talba għall-ażil u ma tistax tiġi trasferita għal Stat terz; jipproponi li jiġu stabbiliti, aktar milli lista, kriterji li jqisu d-difiża tad-drittijiet fundamentali; li jinkludu l-protezzjoni tan-nisa u tat-tfal li huma vittmi ta' vjolenzi sesswali, domestiċi u dawk marbuta mas-sessi;

13. Jitlob li lista ġenerali ta' Stati terzi sikuri tiġi abolita; jirrakkomanda evalwazzjoni individwali bbażata fuq id-drittijiet tal-persuna umana, u b'mod aktar partikulari, li d-drittijiet tan-nisa jiġi meqjusa speċifikament;

14. Jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqfu ċentri ta' akkoljenza li jkollhom strutturi separati għall-familji, għan-nisa u t-tfal kif ukoll strutturi adegwati għall-persuni anzjani u b'diżabilita li jitolbu ażil; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, fil-qafas ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/9/KE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-possibiltajiet offruti mill-Fondi Ewropej ġodda għar-refuġjati għandhom jiġi esplojtjati bis-sħiħ;

15. Jipproponi li l-Istati Membri jiżviluppaw politiki u programmi speċifiċi bil-għan li jiggarantixxu assistenza medika, soċjali, ġuridika u psikoloġika adegwata għall-kuntest li fih jgħixu n-nisa, is-subien u l-bniet li qed jagħmlu talba għall-ażil;

16. Ifakkar fl-importanza tal-prevenzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini fuq il-pjan soċjali u fuq il-livell tal-kriminalita organizzata, jenfasizza, pero, li fil-qasam tat-traffikar tal-persuni, l-attenzjoni għandha tkun fuq il-fażi kollha, mill-pajjiżi ta' oriġini sal-pajjiż ta' akkoljenza u l-pajjiżi kollha li jgħaddu minnhom;

17. Huwa tal-fehma li s-sess, l-espressjoni sesswali u l-orjentazzjoni sesswali jkunu kkunsidrati bħala raġunijiet sabiex jingħata l-ażil fl-Istati Membri kollha, fejn jittieħed bħala prinċipju d-dritt ta' kull individwu li jgħix apertament u liberament, filwaqt li dan id-dritt qed jiġi miċħud lill-omosesswali, lill-bisesswali u lit-transesswali fil-pajjiżi fejn kwalunkwe orjentazzjoni oħra barra dik eterosesswali hija sanzjonata jew mhux aċċettata mis-soċjeta; huwa tal-fehma wkoll li fenomeni kriminali bħalma huma ż-żwieġ sfurzat u l-mutilazzjoni ġenitali għandhom jitqiesu ġuridikament bħala raġunijiet sabiex jingħata ażil.

PROCEDURA

Titolu

L-ażil: koperazzjoni prattika, kwalita tad-deċiżjonijiet meħuda fil-qafas tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil

Numru tal-proċedura

2006/2184(INI)

Kumitat responsabbli

LIBE

Rapporteur għal opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

FEMM
6.7.2006

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni:
  Data tal-ħatra

Bernadette Vergnaud
6.9.2006

Rapporteur għal opinjoni mibdul:

 

Eżami fil-kumitat

23.11.2006

20.12.2006

24.1.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

24.1.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

10

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Maria Carlshamre, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Claire Gibault, Lissy Gröner, Zita Gurmai, Esther Herranz García, Anneli Jäätteenmäki, Lívia Járóka, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Urszula Krupa, Pia Elda Locatelli, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Christa Prets, Marie-Line Reynaud, Teresa Riera Madurell, Eva-Britt Svensson, Britta Thomsen, Corien Wortmann-Kool, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Christa Klaß, Zita Pleštinská, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Lambert, Elisabeth Schroedter

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

  • [1]  ĠU L 304 tat-30.9.2004, p. 12.
  • [2]  ĠU L 31 tas-6.2.2003, p. 18.

PROĊEDURA

Titolu

L-ażil: koperazzjoni prattika, kwalita tad-deċiżjonijiet meħuda fil-qafas tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil

Numru ta' Proċedura

2006/2184(INI)

Kumitat responsabbli
  Date authorisation announced in plenary

LIBE
6.7.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET
6.7.2006

DEVE
6.7.2006

FEMM
6.7.2006

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

AFET
28.11.2006

DEVE
11.7.2006

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Hubert Pirker
13.3.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

5.10.2006

28.2.2007

8.5.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

8.5.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

38

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Mario Borghezio, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Roland Gewalt, Elly de Groen-Kouwenhoven, Lilli Gruber, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Kartika Tamara Liotard, Sarah Ludford, Dan Mihalache, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Inger Segelström, Károly Ferenc Szabó, Adina-Ioana Vălean, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Simon Busuttil, Ignasi Guardans Cambó, Jean Lambert, Katalin Lévai, Antonio Masip Hidalgo, Marianne Mikko, Hubert Pirker, Eva-Britt Svensson

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Tobias Pflüger

Data tat-tressiq

14.5.2007

Kummenti
(disponibbli b'lingwa waħda biss)