RAPPORT dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali

16.5.2007 - (2006/2048(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Zuzana Roithová

Proċedura : 2006/2048(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0191/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali

(2006/2048(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis dwar il-Konsumatur (COM(2006)0744) u l-Kompendju tal-Liġi tal-Konsumatur tal-KE - Analiżi Komparattiva[1],

–   wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku (u l-istudji ta' l-esperti ppreżentati waqt is-smigħ) dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, li sar fil-Parlament Ewropew fl-24 ta' Jannar 2007,

–   wara kkunsidra t-Trattat KE, u b’mod partikulari l-Artikoli 95 u 153 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-liġi Ewropea tal-kuntratti u r-reviżjoni ta' l-acquis: prospettivi għall-futur[2] u tas-7 ta' Settembru 2006 dwar il-liġi Ewropea tal-kuntratti[3],

–   wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni preżenti tal-Komunità fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur, tal-kummerċ elettroniku u ta' l-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informatika,

-    wara li kkunsidra l-Karta tal-Presidenza Ġermaniża dwar is-sovranità tal-konsumatur fl-ambjent diġitali,

-    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar komunikazzjonijiet elettroniċi: il-ġlieda kontra l-ispam, l-ispyware u s-software malizzjuż (COM(2006)0688),

-    wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Qafas Regolatorju ta’ l-UE għan-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (COM(2006)0334);

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6‑0191/2007),

A. Billi t-teknoloġija diġitali hija parti mill-ħajja ta' kuljum, l-industrija ta' l-ICT għandha l-irwol prinċipali li tipprovdi pjattaformi, apparat, software, servizzi ta' l-informazzjoni, komunikazzjoni, divertiment, u prodotti kulturali, u l-fruntiera bejn prodotti u servizzi qed issir inqas ċara, b'forom differenti ta' ICT li qed jidħlu f'xulxin, metodi ta' xiri li qed jiddiversifikaw u l-klijenti li dejjem aktar qed jiġġeneraw kontenut u jżidu l-valur għal prodotti; josserva li, f'din l-istruttura ġdida kumplessa, huwa aktar diffiċli biex ikun identifikat min qed jipprovdi parti partikulari ta' servizz u biex jinftiehem l-impatt ta' teknoloġija speċifika u ta' mudelli ta' kummerċ ġodda;

B. billi l-kunfidenza tal-konsumaturi u tan-negozji Ewropej fl-ambjent diġitali hija baxxa u billi f'ċertu aspetti tal-kummerċ elettroniku l-Ewropa baqgħet lura wara l-Istati Uniti u l-Asja,

C. billi, minkejja l-potenzjal tal-komunikazzjoni diġitali, 6% biss tal-konsumaturi jagħmlu użu minn kummerċ elettroniku transkonfinali f'affarijiet ta' prodotti, servizzi u kontenut, għalkemm din iċ-ċifra qed tiżdied,

D. billi, minkejja l-potenzjal tar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, dawn is-sistemi huma użati b'mod regolari minn 3% biss tal-bejjiegħa bl-imnut, u 41% tal-bejjiegħa bl-imnut ma jafux dwar il-possibilitajiet ta' l-użu ta' dawn l-għodda,

E.  billi l-iżvilupp tas-suq diġitali ta' l-UE għandu jżid b'mod konsiderevoli l-kompetittività ta' l-UE fil-kummerċ globali,

F.  billi n-newtralità ta' l-Internet jistħoqqilha investigazzjoni fil-fond u monitoraġġ mill-qrib fil-livell Ewropew sabiex jinħeles u jkun sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħha li żżid l-għażla għall-konsumatur u tagħmilha possibbli wkoll għal negozji ġodda li jkollhom aċċess indaqs għas-suq intern,

G. billi l-frammentazzjoni ta' parti mis-suq elettroniku fl-UE tqiegħed fil-periklu d-drittijiet stipulati fl-acquis communautaire,

Ħ. billi l-firda diġitali hija kemm soċjali kif ukoll ġeografika, u billi dawk li baqgħu lura minħabba l-iżviluppi diġitali huma spiss f'zoni żvantaġġati u rurali,

I.   billi l-konsumaturi u n-negozji Ewropej għandhom ċertezza legali żgħira għal kummerċ elettroniku bejn il-fruntieri fl-UE meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet nazzjonali u t-tranżazzjonijiet barra mill-UE,

J.  billi tranżazzjoni elettronika waħda hija suġġetta għal ħafna dispożizzjonijiet legali, li joħolqu rekwiżiti diverġenti, li ma jipprovdux regoli ċari u faċilment infurzati lil operaturi tan-negozju jew konsumaturi,

K.  billi l-futur tas-Soċjetà ta’ l-Informatika jiddependi ħafna fuq l-isfida sabiex tkun żgurata protezzjoni xierqa tad-dejta personali kif ukoll ta’ livell għoli ta’ sigurtà fl-ambjent elettroniku,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja qafas xieraq għall-iżvilup tal-kummerċ elettroniku li għandu jtejjeb il-livell, li fil-preżent huwa baxx, ta' kunfidenza tal-konsumatur, joħloq ambjent ta' negozju iżjed attraenti, itejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, isaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur u tal-pożizzjoni ta' l-operaturi tan-negozji ż-żgħar fis-swieq, u jwaqqaf il-frammentazzjoni tas-suq intern fl-ambjent diġitali; f’dak ir-rigward, jilqa’ b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni milll-Kummissjoni dwar l-istrateġija Ewropea tal-Politika tal-Konsumatur 2007-2013 - Responsabbiltajiet akbar għall-konsumaturi, titjib tal-benessri tagħhom, u l-ħarsien effettiv tagħhom (COM(2007)0099);

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex minbarra li tfittex li ttejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur, tiffoka fuq li tiżviluppa regoli xierqa għall-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-għamla ta' standards li d-detenuri tal-marka ta’ fiduċja Ewropea għall-kummerċ elettroniku transkonfinali jikkonformaw għalihom b’mod volontarju;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija biex tiżdied il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali kollu, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miġbura fl-inizzjattiva 'kummerċ elettroniku'[4];

4.   Huwa konvint mill-bżonn li tkun implimentata fil-prattika u bla dewmien l-inizzjattiva ta’ l-inklużjoni elettronika; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri li huma firmatarji għal din l-inizzjattiva pan-Ewropea biex jieħdu azzjoni għal dan l-għan;

5.  Huwa konvint li għandu jkun hemm definizzjoni iżjed wiesgħa tal-'konsumatur' adattata aħjar għas-soċjetà ta' l-informatika;

6.  Huwa konvint li l-operaturi tan-negozji żgħar jista’ jistħoqqilhom protezzjoni speċifika sabiex titjieb il-pożizzjoni tagħhom fis-swieq tas-Soċjetà ta’ l-Informatika;

7.  Jenfasizza li jeżistu fatturi li joħolqu nuqqas ta’ kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, u għalhekk iqis li huwa neċessarju li tkun segwita politika attiva u li jkunu appoġġjati mekkaniżmi speċifiċi li jgħinu sabiex titjieb il-kunfidenza tal-konsumatur billi jkun żgurat li t-tranżazzjonijiet fl-ambjent diġitali jistgħu jitwettqu b'mod sigur u xieraq;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi, biex tikkonkludi l-ftehimiet tal-koperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur ma' pajjiżi terzi (b’mod partikulari dawk fi ħdan l-OECD), li għandha ttejjeb il-possibilità ta' infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur fl-ambjent diġitali;

9.  Jilqa’ l-inizzjattiva tal-Kummissjoni sabiex tirrevedi u taġġorna l-acquis tal-konsumatur, u b’mod partikulari l-attenzjoni qawwija fuq il-kummerċ elettroniku;

Iż-żieda tal-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali

10. Jikkunsidra li strateġija ġdida tal-kummerċ elettroniku għandha tkabbar il-kunfidenza tal-konsumatur, b’mod partikulari permezz tal-progress fl-oqsma li ġejjin:

–   il-ħolqien ta' programm ta' għotjiet u l-utilizzazzjoni ta’ programmi finanzjarji eżistenti għal proġetti mmirati lejn iż-żieda tal-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, inklużi kampanji edukattivi u ta' informazzjoni u proġetti li jivverifikaw is-servizzi online (bħal ma hu l-‘mystery shopping’),

–   il-ħolqien ta’ skeda għat-tgħalim elettronika li tirrelata direttament għall-ħarsien tal-konsumatur u d-drittijiet ta’ l-utenti fl-ambjent diġitali b’konnessjoni mal-proġett Dolceta (‘Development of On-Line Consumer Education Tool for Adults’), li fl-istess ħin għandu jikkunsidra l-interessi speċifiċi ta’ konsumaturi żgħażagħ fl-ambjent diġitali,

–   l-appoġġ għal proġetti edukattivi u li jagħtu informazzjoni mfassla biex jgħollu l-għarfien tan-negozji ta’ daqs żgħir u medju dwar l-obbligazzjonijiet tagħhom meta jipprovdu jew jagħtu prodotti, servizzi jew kontenut minn naħa għal oħra ta' fruntiera fl-ambjent diġitali,

–   it-tisħiħ ta’ strumenti tradizzjonali ta' protezzjoni għall-konsumatur biex jiġi żgurat li qed jintużaw b'mod effettiv ukoll fl-ambjent diġitali, b'mod partikulari billi jitwessgħu l-għanijiet taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur,

–   it-tneħħija ta’ tfixkil li jiffaċċjaw intraprendituri li jaħdmu bejn il-fruntieri fl-ambjent diġitali, per eżempju billi jiġu standardizzati regoli ta’ l-UE li jirregolaw il-fatturazzjoni elettronika transkonfinali ('e-invoicing'),

–   il-ħolqien ta' forum pan-Ewropew ta' esperti biex jagħmlu skambju ta' l-aħjar prattika nazzjonali, li għandu wkoll jippreżenta strateġija leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva fuq tul ta' żmien twil biex tiżdied il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali,

–   - it-twettieq ta’ studji ta’ l-impatt dwar il-proposti leġiżlattivi kollha li għandhom x’jaqsmu mas-suq intern sabiex jiġu evalwati l-effetti li se jkollhom dawk il-proposti fuq il-konsumaturi fl-ambjent diġitali,

–   il-kordinazzjoni ta' kodiċi awtoregolatorji Ewropej u l-appoġġ għalihom, li jkunu f’konformità ma’ l-aħjar prattika u ma’ l-aspetti l-aktar importanti ta’ awtoregolazzjoni effettiva (inkluża l-evalwazzjoni ta' l-influwenza li fil-fatt ikollhom fit-titjib tal-pożizzjoni tal-konsumaturi fis-suq fl-ambjent diġitali),

–   l-introduzzjoni tar-rekwiżit li titwettaq verifika esterna fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ servizzi elettroniċi fejn hemm bżonn akbar li jkun assigurat li huma kompletament sikuri, li jkunu mħarsa d-dejta u l-informazzjoni personali (per eżempju fil-każ ta’ użu ta' servizzi bankarji bl-Internet), u l-bqija,

–   l-appoġġ għall-użu obbligatorju ta' l-iktar tipi ta' teknoloġija sikuri għall-ħlasijiet online,

–   il-ħolqien ta' sistema Ewropea li tagħti allarm minn kmieni, inkluża database, sabiex tiġġieled l-attivitajiet qarrieqa fl-ambjent diġitali; din id-database għandha tinkludi ċ-ċans li konsumaturi jirrappurtaw imġiba qarrieqa billi jimlew formola sempliċi li tinstab online,

–  jitlob għat-tnedija ta’ kampanja Ewropea ta’ informazzjoni dwar il-falsifikazzjoni ta' mediċini li jinbigħu fuq l-internet, filwaqt li jisħaq dwar il-perikli serji għas-saħħa pubblika li din tirrappreżenta,

11.      Jenfasizza l-importanza ta’ traspożizzjoni f’waqtha u effettiva mill-Istati Membri kollha tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Inġusti bħala strument ewlieni li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumatur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali;

12.                 Jikkunsidra wkoll li inizjattiva tal-kummerċ elettroniku mnedija mill-ġdid m'għandhiex tittratta biss il-protezzjoni tal-konsumatur imma wkoll tistipula approċċ ikkordinat għall-kwistjoni ta' l-ambjent diġitali fit-totalità tiegħu, inklużi l-analiżi ta' fatturi mhux tas-suq bħal ma huma l-ħarsien tal-privatezza, l-aċċess mill-pubbliku ġenerali għat-teknoloġiji ta’ l-informatika (‘e-inclusion’), is-sigurtà ta’ l-Internet, u l-bqija;

13.                 Jinsisti li d-dritt tal-popolazzjoni Ewropea għall-aċċess għall-ambjent diġitali huwa ta' l-akbar importanza u f’dan ir-rigward ifakkar l-importanza ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-għodda finanzjarji u legali xierqa sabiex tiġi promossa l-inklużjoni elettronika, b’mod partikolari bl-infurzar u jekk ikun hemm bżonn billi jiġu estiżi l-obbligi ta’ servizz universali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji għal investimenti fl-iżvilupp ta’ l-infrastruttura tal-komunikazzjoni diġitali;

14.                 Huwa konvint li partijiet interessati (rappreżentanti ta' l-industrija u ta' l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur) iridu jiġu kkonsultati dwar passi futuri;

Il-kultura tal-kummerċ elettroniku

15.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tibda tifformula standards volontarji Ewropej mfassla sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali elettroniku, jiġifieri standards Ewropej li jservu ta' pont għad-differenzi bejn il-lingwi u għall-varjazzjonijiet bejn il-liġijiet fis-seħħ fost l-Istati Membri varji - fattur li huwa ta' xkiel serju li jżomm kemm lill-konsumaturi kif ukoll negozji ta' daqs żgħir u medju milli jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern fl-ambjent diġitali;

16.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-ħolqien ta' kuntratti standardizzati fakultattivi u termini u kundizzjonijiet ġenerali standardizzati volontarji għall-kummerċ elettroniku biex jiggarantixxu relazzjoni bilanċjata, fid-dawl tal-fatt li la l-konsumaturi u l-anqas l-intrapriżi m'huma normalment esperti tekniċi u legali, iżda madankollu għandha titħalla l-lill-partijiet il-possibilità ta' kuntrattazzjoni ħielsa bbażata fuq il-prinċipju fundamentali tal-liġi ċivili tal-libertà li wieħed jikkonkludi kuntratt;

17.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi r-rekwiżit għall-intraprendituri li volontarjament jużaw kuntratti standardizzati u termini u kundizzjonijiet ġenerali standardizzati sabiex jenfasizzaw id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li huma differenti minnhom;

18.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi li r-regoli li jirregolaw il-komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu emendati sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni għall-utenti aħħarin;

Marki ta' fiduċja Ewropej għal kummerċ elettroniku bejn il-fruntieri

19.                 Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizzjattiva għad-definizzjoni ta' kundizzjonijiet u ta' logo għal marka ta' fiduċja Ewropea biex tiggarantixxi ċertezza akbar fil-qasam ta' kummerċ elettroniku bejn il-fruntieri u b’konnessjoni ma’ dan sabiex tiżgura qafas legali ġenerali għall-marki ta’ fiduċja volontarji, bħal ma kienet mitluba tagħmel fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku; jirrakkomanda li din għandha tinvolvi:

–   sistema li ma tkunx għalja,

–   non-kompetizzjoni ma' marki eżistenti ta' fiduċja jew ta' kwalità,

–   spejjeż li jitħallsu biss fil-każ ta' kwistjoni,

–   il-prinċipju awtoregolatorju (il-marka mhijiex mogħtija istituzzjonalment, imma l-kummerċjanti jużawha biss jekk juru b'mod pubbliku li huma provdew informazzjoni obbligatorja f'limitu ta' żmien definit, użaw kuntratti rakkomandati, trattaw ilmenti mingħajr dewmien, użaw sistemi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim (ADR) jew ikkonformaw ma' standards Ewropej oħra),

–   penali għal użu mhux xieraq;

20.                 Jinnota, madankollu, l-problemi msemmija hawn taħt bl-implimentazzjoni ta’ skemi effettivi ta’ marki ta’ fiduċja:

–   in-nuqqas ta’ rieda tal-partijiet interessati li jinvestu fil-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ dan it-tip ta' skemi;

–  il-ftuħ ta' possibilitajiet għall-użu qarrieqi sakemm ma ssirx sorveljanza xierqa;

21.                 Huwa konvint li l-modi l-aktar effettivi biex jinkoraġġixxi l-kunfidenza tal-konsumatur huma:

–   skemi speċifiċi għas-settur, appoġġjati bis-saħħa u kkontrollati minn korp kummerċjali bl-appoġġ pan-industrijali ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u kbir mis-settur kollu;

–   kodiċi ta’ kondotta speċifiċi għall-qasam, kif inkoraġġit mid-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern[5] ("id-Direttiva dwar is-Servizzi");

–   riferenzi indipendenti għall-konsumatur fuq il-websajts sabiex jgħinu lill-konsumaturi ġodda fl-għażliet tagħhom;

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ l-aħjar prattika għal dawn l-iskemi;

22.      Jinnota li d-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Universali tkopri l-użu qarrieqi ta' marki ta' fiduċja jew marki oħra, kif ukoll riferenzi għall-konsumatur foloz; jitlob lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li ċ-ċentri nazzjonali tagħhom għall-ħarsien tal-konsumatur ikunu mgħarrfa dwar tali abbużi;

23.      Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-esperjenza diġà miksuba permezz ta' marki ta’ fiduċja eżistenti u ta' suċċess, b’mod partikulari dawk li qed jaħdmu f'aktar minn Stat Membru wieħed (eż. Euro-Label), u sabiex tutilizza dik l-esperjenza meta tkun qed tfassal il-marka ta' fiduċja ta' l-UE għall-kummerċ elettroniku transkonfinali (inkluża l-verifika dwar jekk it-tifrix ta' marki ta' fiduċja fl-Istati Membri l-ġodda hix imxekkla minn nuqqas ta' riżorsi xierqa sabiex tkun iffinanzjata l-introduzzjoni ta' dawn il-marki);

24.      Jemmen bis-sħiħ li marki ta' fiduċja joffru b'mod partikulari lin-negozji ta' daqs żgħir u medju opportunità sinifikanti għat-tkabbir tal-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent diġitali;

Karta Ewropea tad-drittijiet ta' l-utenti fis-soċjetà ta' l-informatika

25.      Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi karta Ewropea tad-drittijiet ta' l-utenti li għandha tiċċara d-drittijiet u l-obbligi ta' l-atturi tas-soċjetà ta' l-informatika, inklużi l-konsumaturi, b'mod partikulari d-drittijiet ta' l-utenti rigward kontenut diġitali (jiġifieri l-kjarifika tad-drittijiet u l-obbligi ta' l-utenti meta tiġi użata l-propjetà intellettwali), id-drittijiet ta' l-utenti li jiggarantixxu standards bażiċi ta' l-interoperabilità u d-drittijiet ta' utenti li huma partikolarment vulnerabbli (jiġifieri t-titjib ta' l-aċċessibilità ta' paġni ta' l-Internet għal persuni bi bżonnijiet speċjali);

26.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-libertajiet u d-drittijiet bażiċi ta’ l-utenti fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (f’dan ir-rigward, xi libertajiet u drittijiet ta’ l-utenti għandhom ikunu diġà stabbiliti fi ħdan il-qafas tal-Komunikazzjoni futura dwar il-Kontenut Online fis-Suq Wieħed);

27.      Huwa tal-fehma li l-ambjent online u t-teknoloġija diġitali jippermettu lill-konsumaturi l-offerta ta' firxa kbira ta' prodotti u servizzi ġodda, u li l-propjetà intelletwali tista' ssir kompatibbli ma' l-aspettattivi tal-konsumaturi, iżda jqis ukoll li l-interessi tal-klijenti fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma dejjem aktar importanti, filwaqt li d-drittijiet tagħhom li jużaw ħidmiet diġitali jibqgħu mhux ċari u tendenzi kurrenti tal-proprjetà intellettwali, fl-immaniġġjar tad-drittijiet diġitali u miżuri ta' protezzjoni teknoloġika għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet tal-klijent;

28.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex ixxerred din il-karta, u sabiex tinkoraġixxi lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati sabiex ixerduha ħafna ma' l-utenti ta’ l-internet kollha, sabiex dawn ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u jkollhom il-mezzi biex jagħmlu użu minnhom;

Il-frammentazzjoni tas-suq intern fl-ambjent diġitali

29.      Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex twaqqaf il-frammentazzjoni tas-suq intern fl-ambjent diġitali (jiġifieri r-rifjut ta' l-aċċess għal prodotti, servizzi u kontenut offrut f'kuntest ta' bejn il-fruntieri), li taffettwa l-konsumaturi b'mod sinifikanti speċjalment fi Stati Membri ġodda u żgħar fuq il-bażi waħdanija tan-nazzjonalità tagħhom, post ta' residenza jew jekk għandhomx karta ta' pagament (payment card) maħruġa fi Stat Membru partikolari u biex iżżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari dwar il-progress li jkun sar f'dan il-qasam;

30.      Jemmen bis-saħħa li m’hux aċċettabbli li ċerti intraprendituri li jagħtu prodotti jew jipprovdu servizzi u kontenut permezz ta’ l-Internet f’ħafna Stati Membri jiċħdu lill-konsumaturi l-aċċess għall-websajts tagħhom fi Stati Membri oħra u jġegħluhom jużaw il-websajts tagħhom fl-Istat li fih huma residenti jew li għandhom in-nazzjonalità tiegħu;

31.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi dispożizzjoni għall-aċċess għal prodotti li jitwasslu bejn il-fruntieri skond l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi;

32.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja mill-qrib l-effettività ta’ l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, b’mod partikulari fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi;

33.      Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tinvestiga taħt liema kundizzjonijiet il-prattika tal-liċenzjar territorjali jew il-kuntratti territorjali esklussivi huma f’kunflitt mas-Suq Intern u jinkoraġġiha u jistidinha tinforma b'mod komprensiv lill-Parlament dwar is-sejbiet ta' dawn l-investigazzjonijiet;

34.      Jisħaq fuq l-importanza li jkun żgurat li l-intraprendituri Ewropej fl-ambjent diġitali ikollhom raġuni tajba biex joffru prodotti, servizzi u kontenut bejn il-fruntieri fis-suq intern kollu ta’ l-UE;

35.      Jinnota li l-interoperabilità hija fattur ekonomiku kruċjali u jenfasizza l-importanza ta' standards li jkunu motivati mis-settur industrijali, aċċessibbli, interoperabbli f'livell tekniku u legali sabiex jippermettu l-ekonomiji ta' skala, jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għal apparat, servizzi u kontenut għall-konsumaturi, jippromwovu l-użu malajr ta' tekonoloġiji u jikkontribwixxu biex tkun evitata l-frammentazzjoni tas-suq; jenfasizza li għandha tkun promossa l-interoperabilità ta' l-apparat, servizzi u kontenut ta' l-inqas fil-livell tal-konsumatur (utent aħħari);

It-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-konsumatur fl-ambjent diġitali

36.      Huwa konvint li kunfidenza ikbar tal-konsumatur fl-ambjent diġitali ssir possibbli b'acquis communautaire iżjed ċar u mtejjeb tal-konsumatur li jxaqleb lejn strumenti legali orizzontali u l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kuntratti magħmula mal-konsumatur; dan għandu jinkludi direttivi oħra, bħal dawk dwar il-bejgħ mill-bogħod tas-servizzi finanzjarji u l-kummerċ elettroniku;

37.      Jilqa' b'sodisfazzjon is-suġġeriment li għamlet il-Kummissjoni fil-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l- Acquis tal-Konsumatur (COM(2006)0744) biex il-fajls diġitiali jkunu inklużi fl-ambitu tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom[6];

38.      Huwa konvint li l-applikazzjoni tar-reġim dwar it-termini mhux ġusti tal-kuntratt għandha tkunu msaħħa fil-qasam tal-ftehimiet għal-liċenzji ta' utenti aħħarin u għandha tinkludi t-'termini ta' kuntratti tekniċi';

39.      Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi li r-regoli li jirregolaw kuntratti fuq distanza jiġu estiżi biex ikopru kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti professjonali fi rkanti u kuntratti online għal servizzi għat-turisti (biljetti ta' l-ajru, akkomodazzjoni fil-lukandi, kiri tal-karozzi, servizzi għall-ħin liberu eċċ.) li jsiru individwalment permezz ta' l-internet;

40.      Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel sempliċi u b'mod standardizzat ir-rekwiżiti għall-informazzjoni mandatorja provduta mill-bejjiegħ lix-xerrej imdaħħlal fil-kummerċ elettroniku u fil-kuntest ta’ din l-informazzjoni tingħata prijorità lil informazzjoni obbligatorja essenzjali;

41.      Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel il-katina tal-provvista fl-ambjent diġitali iżjed trasparenti b'tali mod li tiżgura li l-konsumatur dejjem ikun jaf l-identità tal-fornitur u jekk dan huwiex fornitur intermedjarju jew fornitur aħħari;

42.      Jemmen bis-saħħa li m’hux aċċettabbli li l-konsumaturi jkunu mibgħuta f’xi websajt oħra mill-websajt tal-bejjiegħ mingħajr ma jkunu mgħarrafa b’mod xieraq, peress li minħabba f’dan li l-identità vera tal-fornitur attwali tal-prodotti, servizzi jew kontenut tkun moħbija mill-konsumaturi;

43.      Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur f'każijiet fejn il-konsumatur jieħu r-responsabilità tar-riskji kuntrattwali kollha, eż. billi jħallas minn qabel, b'mod partikolari għall-kuntratti elettroniċi;

44.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħaffef il-kunsiderazzjoni għall-azzjoni dwar mekkaniżmi għal riparazzjoni kollettiva għat-tilwim transkonfinali bejn intrapriżi u konsumaturi (B2C) fl-ambjent diġitali;

45.      Filwaqt li jfakkar l-esperjenzi pożittivi ta’ SOLVIT u tan-netwerk taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur, jitlob għall-ħolqien ta’ sistema Ewropea ta' informazzjoni e-consumer li toffri lill-konsumaturi online Ewropej kollha gwida u informazzjoni dettaljati dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi u tan-negozji fl-ambjent diġitali, orjentament prattiku dwar l-opportunitajiet ta' riżoluzzjoni alternattiva ta' tilwim (ADR), kemm fuq livell ġenerali, u fejn ikun il-każ, f każijiet individwali wkoll;

46.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-konsumaturi huma protetti b’mod effettiv kontra attakki fuq is-sigurta’ u fuq il-privatezza fl-ambjent diġitali permezz ta’ miżuri kemm regolatorji kif ukoll tekniċi;

47.      Jitlob lill-Kummissjoni biex timmoniterja fid-dettall it-tendenzi fil-ħarsien tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku permezz tal-mowbajls, b’enfasi fost affarijiet oħra fuq il-ħarsien tal-konsumaturi żgħażagħ;

48.      Jitlob lill-Istati Membri sabiex jikkoperaw u jagħmlu minn kollox biex jintlaħaq l-għan ta' livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fl-ambjent diġitali mas-suq intern kollu ta’ l-UE;

49.      Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tgħarraf lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-ħarsien tal-konsumatur fl-ambjent diġitali (inkluż passi prattiċi li jkunu ttieħdu biex titwettaq din ir-riżoluzzjoni) regolarment (idealment darba fis-sena);

o

o o

50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri.

  • [1]  http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/acquis/comp_analysis_en.pdf
  • [2]  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 109.
  • [3]  Testi adottati, P6_TA(2006)0352.
  • [4]  Ara d-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni dwar "il-Kunfidenza tal-Konsumatur fil-Kummerċ Elettroniku: tagħlim meħud mill-inizjattiva għall-kunfidenza elettronika".
  • [5]  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
  • [6]  ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapport dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali jittratta l-istess kwistjoni wiesgħa tal-kunfidenza fl-użu tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-kummerċ elettroniku, għas-servizzi ta' l-informazzjoni, għall-komunikazzjoni diġitali u għad-divertiment; fi kliem ieħor, ir-rapport jittratta dwar il-ħajja ta' kuljum tal-biċċa l-kbira tal-konsumaturi u l-operaturi tan-negozju Ewropej fis-seklu 21. It-teknoloġiji ġodda jipprovdu opportunitajiet kbar lill-konsumaturi u lill-operaturi tan-negozju biex jisfruttaw bis-sħiħ is-suq intern. Madankollu fis-soċjetà ta' l-informatika l-utenti xi drabi jsibu ma' wiċċhom firxa ta' ostakoli li jagħmlu l-użu ta' l-ambjent ta' l-internet iżjed ikkumplikat minn meta jagħmlu l-istess attività (pereżempju, xi tranżazzjoni kummerċjali) fl-ambjent tradizzjonali tas-soltu. L-Unjoni għandha tirsisti b'mod attiv u sistematiku sabiex tneħħi dawn l-ostakoli u biex issib il-bilanċ ġust bejn il-protezzjoni legali tal-konsumaturi u ta' l-operaturi tan-negozju (b'enfażi fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju). Dan ir-rapport, li jqis ir-reviżjoni li ġejja ta' l-acquis dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kummerċ elettroniku, il-liġi dwar il-kuntratti u l-protezzjoni tal-propjetà intellettwali, huwa appell politiku f'waqtu mill-Parlament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Billi jqis is-seduta ta' smigħ pubbliku dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali li saret fl-24 ta' Jannar 2007, il-Parlament huwa tal-fehma li l-Ewropa tinsab fi stadju kruċjali li se jiddetermina jekk l-UE hix se titrasforma s-suq intern fl-ambjent diġitali globalizzat u virtwalment bla fruntieri f'vantaġġ komparattiv fuq kompetituri dinjin oħrajn jew jekk is-suq intern u s-swieq nazzjonali iżolati (li bħalissa huma 27) fl-ambjent diġitali humiex se jkunu ta' xkiel għall-UE biex tiżviluppa b'mod sħiħ is-soċjetà ta' l-informatika u l-istrateġija ta' Liżbona.

Il-ħtieġa ta' rapport dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali tidher ukoll miċ-ċifri provduti minn firxa ta' statistiki.

Skond l-istħarriġ ta' l-Eurobarometer, 33% tal-konsumaturi stqarru li xi negozji rrifjutaw li jbigħulhom jew jipprovdulhom prodotti jew servizzi minħabba li l-konsumatur ma kienx residenti fl-istess pajjiż. Minkejja li 48% tal-bejjiegħa bl-imnut huma lesti li jieħdu sehem fin-negozju transkonfinali, fil-fatt huma 29% tal-kumpaniji biss li jbiegħu barra pajjiżhom lil mill-inqas pajjiż wieħed ta' l-UE. Bl-istess mod, fil-waqt li 18% tal-bejjiegħa bl-imnut Ewropej jistqarru li huma lesti jieħdu sehem fin-negozju transkonfinali ma' 10 Stati Membri jew iżjed, fil-mument huma 5% tal-kumpaniji biss li jagħmlu hekk. Dawk li rrispondew kienu tal-fehma li l-ikbar ostakoli għan-negozju transkonfinali huma l-inċertezza fuq it-tranżazzjonijiet (61%), ir-regoli differenti ta' kontabilità (58%), in-natura kumplikata tal-proċedura ta' l-ilmenti u tar-riżoluzzjoni tat-tilwim (57%), il-leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (55%), id-diffikultà li jiġi provdut is-servizz ta' wara l-bejgħ (55%), l-ispejjeż eċċessivi li jqumu minn kunsinni transkonfinali (51%) u l-ispejjeż ta' traduzzjoni (43%). Nofs il-bejjiegħa bl-imnut jemmnu li jekk ikun hemm leġiżlazzjoni uniformi dwar it-tranżazzjonijiet mal-konsumaturi fl-UE kollha, il-bejgħ transkonfinali tagħhom jiżdied. B'mod sinifikattiv, 62% tal-bejjiegħa bl-imnut fl-UE ma jafux minn fejn jistgħu jiksbu tagħrif fuq il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li hemm fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħrajn.

L-istħarriġ ta' l-Eurobarometer juri wkoll li 6% tal-konsumaturi għamlu xirjiet bl-internet minn fornitur fi Stat Membru ieħor. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija li 45% tal-konsumaturi jħossuhom inqas kunfidenti li jixtru bl-internet minn negozji li jinsabu barra pajjiżhom (fi Stat Membru minnhom din iċ-ċifra kienet 73%). F'termini ġenerali, 56% tal-konsumaturi kienu tal-fehma li meta jixtru prodotti jew servizzi min-negozji fi Stati Membri oħrajn, ikun hemm inqas probabilità li n-negozji jirrispettaw il-liġijiet li jipproteġu lill-konsumatur. 71% tal-konsumaturi kienu tal-fehma li problemi ta' ilmenti, ritorn tal-prodotti, roħs fil-prezzijiet, garanziji eċċ. huma iżjed diffiċli li jissolvew minn meta x-xiri jsir minn negozji fi Stati Membri oħrajn. 65% tal-konsumaturi qiesu li fil-perjodu ta' tregwa r-ritorn lura ta' prodott li jinxtara mill-bogħod huwa iżjed problematiku minn meta l-prodott jinxtara minn fornitur fi Stat Membru differenti. Xi studji wrew li raġuni għaliex ċerti konsumaturi jsibuha bi tqila biex jagħmlu xiri transkonfinali hija li ma jħossuhomx żguri dwar jekk il-livell ta' protezzjoni li jgawdu f'pajjiżhom jibqax japplika meta jixtru minn barra pajjiżhom.

Ġeneralment, wieħed jista' jgħid li l-kunfidenza Ewropea tal-konsumatur u tan-negozju fl-ambjent diġitali hija baxxa, u li f'ċerti aspetti tal-kummerċ elettroniku l-Ewropa baqgħet lura wara l-Istati Uniti u l-Asja. Madankollu dan japplika wkoll għal forom oħrajn ta' kummerċ fuq distanza (eżempju, permezz tat-telefons ċellulari). Il-frammentazzjoni tas-suq elettroniku fl-UE f'ċerti oqsma tal-provvediment ta' prodotti, servizzi jew kontenut ipoġġi f'periklu l-għanijiet komuni tas-suq intern, jagħmel ħsara lill-kunfidenza tal-konsumatur u anke jhedded id-drittijiet u l-libertajiet stipulati fl-acquis communautaire. Fid-dawl tan-nuqqas ta' kunfidenza tal-konsumaturi Ewropej fl-ambjent diġitali u tal-bosta fatturi li jillimitaw il-kummerċ bejn il-fruntieri, hija ħasra li bħalissa l-UE m'għandhiex strateġija tagħha biex issolvi s-sitwazzjoni. Sfortunatament, il-konsumaturi u l-operaturi tan-negozju spiss ma jgawdux minn ċertezzi u protezzjoni adegwati għall-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE, anke jekk inqabblu ma' meta jsiru l-istess tranżazzjonijiet ma' entitajiet barra mill-UE. Fil-waqt li l-kontribut tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE lill-iżvilupp globali tar-regolazzjoni legali tal-kummerċ elettroniku trid tiġi apprezzata, irridu nirrikonoxxu li l-leġiżlazzjoni Ewropea preżenti ma tikkunsidrax biżżejjed l-iżjed xejriet riċenti ta' l-ambjent diġitali, u f'ċerti oqsma saħansitra hija ta' xkiel; pereżempju, tranżazzjoni elettronika partikulari s-soltu tkun soġġetta għal diversi dispożizzjonijiet legali li jirrikjedu rekwiżiti diverġenti, u għaldaqstant la l-operaturi tan-negozju u lanqas il-konsumaturi ma jkollhom regoli ċari li jkunu jistgħu jiġu infurzati.

Ir-rapporteur jemmen li pass importanti lejn it-titjib tal-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali hija l-adozzjoni ta' strateġija li b'mod partikulari jkun fiha l-kundizzjonijiet li ġejjin:

- il-ħolqien ta' ambjent kummerċjali attraenti għall-kummerċ elettroniku bejn il-fruntieri,

- il-ħolqien ta' standards Ewropej li jsaħħu l-kultura tal-kummerċ elettroniku,

- l-iċċarar tad-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi u tan-negozji fl-ambjent diġitali,

- il-waqfien tal-frammentazzjoni tas-suq intern fl-ambjent diġitali,

- it-tisħiħ u t-titjib tal-possibilità ta' l-infurzar tal-protezzjoni legali tal-konsumaturi fl-ambjent diġitali.

F'relazzjoni diretta ma' dan, ir-rapporteur iqis li hu xieraq li jitkomplew l-attivitajiet diġà pjanati, u għalhekk il-Kummissjoni għandha tniedi mill-ġdid, u timmodernizza kif diġà msemmi, l-inizjattiva tal-kunfidenza elettronika mressqa fil-forma ta' dokument ta' l-istaff tal-Kummissjoni.

B'konsistenza mar-riżoluzzjonijiet imsemmijin fuq, il-Parlament Ewropew isostni li meta jitqiesu l-ħtiġijiet dejjem jikbru tas-soċjetà ta' l-informatika, id-definizzjoni preżenti ta' 'konsumatur' hija dejqa wisq, u minkejja li dan ipoġġi lin-negozji ż-żgħar (ta' persuna waħda) fl-istess qagħda tal-konsumaturi fin-negozju transkonfinali, ma jiggarantilhomx protezzjoni komparabbli (perjodi ta' garanzija, id-dritt li wieħed jirrotorna l-prodott eċċ.).

L-ambjent diġitali jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u kontinentali, u għalhekk huwa wkoll kruċjali li jittejjeb il-livell ta' protezzjoni li jingħata lill-konsumaturi Ewropej meta jagħmlu xirjiet elettroniċi f'pajjiżi terzi. Għalhekk ir-rapporteur huwa tal-fehma li hemm il-ħtieġa li jsir qbil fuq il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar l-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur ma' pajjiżi barra mill-UE (partikularment dawk ta' l-OECD u l-pajjiżi li ġeografikament jinsabu qrib l-Ewropa).

Dan l-appell biex naħdmu fuq inizjattiva dwar kunfidenza elettronika ġdida u kunsiderevolment usa' bil-ħsieb li tiżdied il-kunfidenza fl-ambjent diġitali jipprovdi opportunità biex ninkludu firxa ta' miżuri (b'mod partikulari miżuri mhux leġiżlattivi, bħall-finanzjament ta' kampanji edukattivi u informattivi li jinvolvu l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi), kif ukoll koordinazzjoni akbar ta' attivitajiet individwali mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri (eżempju, iż-żieda tas-setgħat taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur biex tiżdied l-effettività fl-ambjent diġitali u jinħolqu fora pan-Ewropej għall-iskambju ta' l-aqwa prattika nazzjonali). Madankollu l-emfażi trid titpoġġa fuq l-iżgurar li l-partijiet interessati (ir-rappreżentanti ta' l-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, u oħrajn ta' dix-xorta) ikunu kkonsultati dwar miżuri futuri f'dan il-qasam dinamiku u li dawn il-miżuri jkunu appoġġjati wkoll minn miżuri ta' 'soft law' (eżempju kodiċi awtoregolatorji u l-proposta ta' standards mill-Kummissjoni għal kultura ikbar ta' kummerċ elettroniku fl-UE). Peress li l-istudji juru li l-attivitajiet qarrieqa fuq l-internet (eżempju s-serq ta' dettalji personali, magħruf bħala 'phishing') fil-mument huma l-ikbar theddida (ikbar mill-messaġġi kummerċjali mhux mitluba, magħrufin bħala 'spam'), għandha titfassal sistema Ewropea li tagħti allarm minn kmieni (inkluża database) biex jiġu missielta l-attivitajiet qarrieqa fl-ambjent diġitali. It-tkabbir tal-kunfidenza tal-konsumatur jista' jintlaħaq ukoll permezz ta' riżoluzzjoni fil-pront u xierqa ta' l-ilmenti u t-tilwim, li tista' ssir l-aħjar permezz ta' sistemi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim alternattivi fuq l-internet. Il-Kummissjoni trid tiżgura wkoll li l-inizjattiva dwar l-kunfidenza elettronika tal-konsumatur ma tkunx limitata biss għall-protezzjoni tal-konsumatur, u li tkun tiffissa wkoll approċċ ikkoordinat għall-kwistjoni kollha ta' l-ambjent diġitali (inklużi l-analiżijiet ta' fatturi li m'humiex tas-suq). Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi u ta' l-operaturi tan-negozju m'humiex esperti legali u tekniċi, il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-ħolqien ta' kuntratti standardizzati tal-kummerċ elettroniku, li jiggarantixxu approċċ ġust għaż-żewġ partijiet.

Ladarba m'hemmx marka ta' fiduċja speċjalizzata għal tranżazzjonijiet elettroniċi transkonfinali, ir-rapporteur jirrakomanda l-introduzzjoni ta' sistema ta' marka ta' fidċuja Ewropea (li bla dubju għandha tirrikjedi l-issodisfar ta' firxa ta' kundizzjonijiet, inklużi l-ispejjeż li jsiru f'każ ta' tilwima (l-marka ta' fiduċja Ewropea tinkiseb u titħaddem b'xejn)). L-objettiv tal-marka ta' fiduċja Ewropea, fost miżuri oħrajn, huwa li tintlaħaq il-massa kritika ta' konsumaturi sodisfatti li hija meħtieġa biex il-kummerċ elettroniku transkonfinali jaħdem sew.

Fil-fehma tar-rapporteur, għodda importanti oħra li żżid il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali għandha tkun provduta bil-ħolqien ta' karta Ewropea tad-drittijiet ta' l-utenti fis-soċjetà ta' l-informatika li tiċċara mhux biss id-drittijiet u l-obbligi tal-mument tal-parteċipanti tas-soċjetà ta' l-informatika, inklużi l-konsumaturi, iżda wkoll tressaq drittijiet u obbligi Ewropej ġodda (pereżempju, id-drittijiet ta' l-utenti fir-rigward tal-kontenut diġitali: il-kjarifika tad-drittijiet ta' l-utenti meta jużaw proprjetà intellettwali, id-drittijiet ta' l-utenti li jiggarantixxu l-istandards bażiċi ta' l-interoperabilità, u d-drittijiet ta' utenti li huma partikularment vulnerabbli, jiġifieri t-titjib ta' l-aċċessibilità ta' paġni ta' l-internet għal persuni bi bżonnijiet speċjali).

Ir-rapporteur iwissi l-frammentazzjoni tas-suq intern li dejjem qiegħda tiżdied fl-ambjent diġitali (jiġifieri r-rifjut ta' l-aċċess għal prodotti, servizzi u kontenut offrut f'kuntest transkonfinali), li taffettwa lill-konsumaturi b'mod sinifikanti speċjalment fi Stati Membri ġodda u żgħar fuq il-bażi waħdanija tan-nazzjonalità tagħhom, post ta' residenza jew jekk ikollhomx karta ta' pagament (payment card) maħruġa fi Stat Membru. Il-fehma tar-rapporteur hi li mġiba bħal din teħtieġ li tiġi ffaċċjata b'mod effettiv.

Acquis communautaire iżjed ċar u trasparenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, b'mod partikulari jekk ikun imxaqleb lejn miżuri legali orizzontali u lejn reviżjoni tal-liġi dwar il-kuntratti magħmulin mal-konsumatur, jista' jikkontribbwixxi għal kunfidenza ikbar fost il-konsumaturi. Fl-opinjoni tar-rapporteur, in-nuqqasijiet preżenti fl-acquis tal-konsumatur għandhom jiġu solvuti ta' l-inqas fl-oqsma li ġejjin: ir-regoli dwar it-termini mhux ġusti tal-kuntratt għandhom japplikaw għal ftehimiet għal-liċenzji ta' utenti aħħarin u għat-'termini ta' kuntratti tekniċi'; kuntratti konkulżi fuq l-internet bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti professjonali fi rkanti u kuntratti, kif ukoll kuntratti għal servizzi għat-turisti (biljetti ta' l-ajru, akkomodazzjoni tal-lukandi, kiri tal-karozzi, servizzi għall-ħin liberu eċċ.) li jsiru individwalment permezz ta' l-internet, għandhom ikunu soġġetti għar-regoli tal-bejgħ fuq distanza; l-informazzjoni li l-bejjiegħ irid jipprovdi lix-xerrej f'tranżazzjoni elettronika għandu jsir iżjed sempliċi u standardizzat; it-trasparenza tal-katina tal-provvista fl-ambjent diġitali fuq in-naħa tal-bejjiegħ trid tiżdied sabiex tiżgura li l-konsumatur ikun jaf l-identità attwali tal-bejjiegħ (inkluż jekk huwiex fornitur intermedjarju jew fornitur aħħari); għandha tinħoloq għodda effettiva ta' protezzjoni tal-konsumatur f'każi fejn il-konsumatur jieħu r-responsabilità tar-riskji kuntrattwali kollha (inklużi riskji finanzjarji bħal meta jkun hemm it-talba ta' pagamenti bil-quddiem), b'mod partikulari fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku transkonfinali.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (20.3.2007)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar il-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent diġitali
(2006/2048(INI))

Rapporteur għal opinjoni: David Hammerstein Mintz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Iqis li t-teknoloġija diġitali hija parti mill-ħajja ta' kuljum: l-industrija ta' l-ICT għandha l-irwol prinċipali li tipprovdi pjattaformi, apparati, software, servizzi ta' l-informazzjoni, komunikazzjoni, divertiment, u prodotti kulturali, u l-fruntiera bejn prodotti u servizzi qed issir inqas ċara, b'forom differenti ta' ICT li qed jersqu flimkien, metodi ta' xiri li qed jiddiversifikaw u l-klijenti li dejjem aktar qed jiġġeneraw kontenut u jżidu l-valur għal prodotti; josserva li, f'din l-istruttura ġdida kumplessa, huwa aktar diffiċli biex ikun identifikat min qed jipprovdi parti partikulari ta' servizz u biex jinftiehem l-impatt ta' teknoloġija speċifika u ta' mudelli ta' kummerċ ġodda;

2.  Jenfasizza li mhux biss l-individwi li huma l-klijenti iżda l-SMEs ukoll; iżda, jinnota li l-problemi tekniċi ta' kummerċ permezz ta' pjattaformi online, l-oriġini inċerta ta' prodotti, u l-imġieba illegali ta' ċerti parteċipanti jistgħu jkunu xi fatturi li joħolqu n-nuqqas ta' fiduċja; iqis, li għal dan il-għan, il-fiduċja u kunfidenza għandhom ikunu promossi, bl-assigurazzjoni għal klijenti li t-tranżazzjonijiet jistgħu jitwettqu b'mod sikur, b'mod trasparenti u ġust;

3.  Huwa tal-ħsieb li l-interessi tal-klijenti fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma dejjem aktar importanti filwaqt li d-drittijiet tagħhom li jużaw ħidmiet diġitali jibqgħu mhux ċari u tendenzi kurrenti tal-proprjetà intellettwali, immaniġġjar tad-drittijiet diġitali u miżuri ta' protezzjoni teknoloġika ma jagħrfux id-drittijiet tal-klijent;

4.  Jilqa' l-inizjattivi li jippromowtjaw il-fiduċja u l-kunfidenza fl-e-commerce u jiġbed l-attenzjoni għal ditti ta' kwalità attwali (bħall-Euro-Label); iżda, jinnota li jeżisti nuqqas preċiżament fl-Istati Membri l-ġodda għall-iffinanzjar għal introduzzjoni ta' dawn l-iskemi; iqis li, b'mod speċjali għal negozji żgħar, it-tikketti ta' kwalità huma mod importanti li joħolqu fiduċja u biex itaffu l-iżvantaġġ ta' profil ta' kummerċjalizzar aktar baxx meta mqabbel ma' possibilitajiet ta' xiri online u Web-shops;

5.  Jinnota li l-interoperabilità hija fattur ekonomiku kruċjali: l-istandards għandhom jiżguraw l-interoperabilità u jikkontribwixxu biex tkun evitata l-frammentazzjoni tas-suq; jinnota wkoll li sors miftuħ ta' software huwa element ewlieni fl-iffaċilitar ta' l-interoperabilità u jikkontribwixxi għas-sigurtà peress li n-nuqqas ta' kodiċi bil-patenti u kodiċi b'dejta moħbija u algoriżmi jippermettu biex l-effiċjenza tagħhom tkun kontrollata u individwi b'ħiliet tekniċi biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' software u ta' teknoloġija;

6.  Jenfasizza li s-suq għal kontenut diġitali kreattiv għadu fi stadju bikri ta' żvilupp u li kodiċi awtoregolatorji jista' jkollom l-irwol importanti.

PROĊEDURA

Titolu

Il-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent diġitali

Numru tal-proċedura

2006/2048(INI)

Kumitat responsabbli

IMCO

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE
16.3.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

David Hammerstein Mintz

25.4.2006

Rapporteur(s) preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

25.9.2006

30.1.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

20.3.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

19

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Renato Brunetta, Philippe Busquin, Jerzy Buzek, Giles Chichester, Den Dover, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, András Gyürk, David Hammerstein Mintz, Rebecca Harms, Erna Hennicot-Schoepges, Mary Honeyball, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Werner Langen, Eugenijus Maldeikis, Eluned Morgan, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Atanas Paparizov, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Herbert Reul, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Radu Ţîrle, Patrizia Toia, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Alejo Vidal-Quadras, Dominique Vlasto

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Pilar Ayuso, Danutė Budreikaitė, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Edit Herczog, Esko Seppänen, Dirk Sterckx, Hannes Swoboda

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli f'lingwa waħda biss)

...

PROĊEDURA

Titolu

Il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali

Numru tal-proċedura

2006/2048(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

IMCO
16.3.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE
16.3.2006

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Zuzana Roithová
21.2.2006

 

Eżami fil-kumitat

19.4.2006

11.7.2006

10.10.2006

24.1.2007

21.3.2007

 

7.5.2007

 

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

8.5.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

41

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Charlotte Cederschiöld, Corina Creţu, Mia De Vits, Rosa Díez González, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Malcolm Harbour, Pierre Jonckheer, Lasse Lehtinen, Toine Manders, Arlene McCarthy, Bill Newton Dunn, Zita Pleštinská, Guido Podestà, Zuzana Roithová, Luisa Fernanda Rudi Ubeda, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Christel Schaldemose, Alexander Stubb, Eva-Britt Svensson, Marianne Thyssen, Jacques Toubon, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Wolfgang Bulfon, Jean-Claude Fruteau, Joel Hasse Ferreira, Konstantinos Hatzidakis, Filip Kaczmarek, Othmar Karas, Manuel Medina Ortega, Pier Antonio Panzeri, Olle Schmidt, Søren Bo Søndergaard, Marc Tarabella, Anja Weisgerber

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bushill-Matthews, Sophia in 't Veld, Horia-Victor Toma, Anne Van Lancker

Data tat-tressiq

16.5.2007

Kummenti
(informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)