RAPPORT dwar il-pjan direzzjonali tal-Proċess Kostituzzjonali ta' l-Unjoni

22.5.2007 - (2007/2087(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteurs: Enrique Barón Crespo, Elmar Brok

Proċedura : 2007/2087(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0197/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pjan direzzjonali tal-Proċess Kostituzzjonali ta' l-Unjoni

(2007/2087(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ffirmat f'Ruma fid-29 ta' Ottubru 2004 (it-Trattat Kostituzzjonali),

–    wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kif emendati permezz ta’ l-Att Uniku Ewropew u t-Trattati ta' Maastricht, Amsterdam u Nizza,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Laeken tal-15 ta' Diċembru 2001 dwar il-Futur ta' l-Unjoni Ewropea[1],

–    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka[2], u t-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea[3],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Jannar 2005 dwar it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa[4],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-perjodu ta' riflessjoni: l-istruttura, is-suġġetti u l-kuntest għal evalwazzjoni tad-dibattitu dwar l-Unjoni Ewropea[5],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar il-passi li jmiss fir-rigward tal-perjodu ta' riflessjoni u analiżi dwar il-Futur ta' l-Ewropa[6],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea li tintegra Stati Membri ġodda[7],

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16-17 ta' Ġunju 2005, tal-15-16 ta' Ġunju 2006, u ta' l-14 -15 ta' Diċembru 2006,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Jannar 2007 tal-President tal-Kunsill Ewropew lill-Parlament,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-14 ta' Marzu 2007 li tikkommemora l-50 anniversarju ta' l-iffirmar tat-Trattati ta' Ruma adottata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-Ewropa adottata mill-Kumitat għar-Reġjuni fis-sessjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2007,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Berlin fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju ta’ l-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2007,

–    wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0197/2007),

Billi:

A.  L-Unjoni Ewropea, bħala l-ewwel esperjenza ta’ suċċess ta’ demokrazija supranazzjonali ta' Stati u ċittadini, qed tiffaċċja sfidi ġodda u bla preċedenti li, flimkien mat-trasformazzjonijiet li għaddiet minnhom tul it-tkabbiriet suċċessivi, l-iżvilupp tas-suq intern u l-globalizzazzjoni, jitolbu għal reviżjoni tas-sisien tagħha.

B.   It-Trattat Kostituzzjonali kien iffirmat mill-Kapijiet ta' l-Istat jew mill-gvernijiet tas-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, li b'hekk ikkommettew ruħhom li jaħdmu għal soluzzjonijiet xierqa biex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tilqa' l-isfidi interni u esterni li għandha quddiemha, kif ukoll l-isfidi tat-tkabbir, bis-saħħa tat-tisħiħ tad-dimensjoni politika ta' l-Unjoni Ewropea.

C.  It-Trattat Kostituzzjonali, speċjalment il-Partijiet I, II, u IV, ġie mfassal skond il-metodu tal-Konvenzjoni, billi tlaqqgħu flimkien rappreżentanti ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi li se jissieħbu, tal-Kummissjoni u tal-Parlamenti Ewropej u nazzjonali, li l-membri tagħhom kienu f'maġġoranza, biex b'hekk tissaħħaħ il-leġittimità tiegħu.

D.  Il-Parti III tat-Trattat Kostituzzjonali hi prinċipalment kodifikazzjoni tat-Trattati attwali, li sarulhom xi adattamenti u titjib mill-Konvenzjoni, u b'mod partikulari l-estensjoni, minn 37 li hemm bħalissa għal 86, tal-bażi legali għall-Kodeċiżjoni fil-proċedura leġiżlattiva li għandha tinżamm biex jissaħħu d-demokrazija, it-trasparenza u l-effiċjenza.

E.   Sa issa, 18-il Stat Membru, li jirrapreżentaw żewġ terzi tan-numru totali ta' l-Istati Membri u l-maġġoranza tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, irratifikaw it-Trattat Kostituzzjonali skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, fosthom permezz ta' referendum fi Spanja, fil-Lussemburgu u fir-Rumanija, filwaqt li erba' Stati Membri oħra ddikjaraw li kienu lesti li jkomplu bil-proċess tar-ratifika.

F.   Franza u l-Olanda, wara r-riżultat negattiv tar-referenda organizzati f’dawn iż-żewġ pajjiżi, għad ma rnexxilhomx jikkonkludu dan il-proċess b’suċċess.

G.  Id-dibattitu pubbliku mniedi permezz tal-proċedura tar-ratifika tat-Trattat Kostituzzjonali wera li d-diffikultajiet ma jinsabux fl-innovazzjonijiet istituzzjonali tagħha daqskemm f’xi aspetti speċifiċi ta’ politiki konkreti, u li l-kritika kienet diretta l-aktar lejn il-Parti III, li tikkonċerna l-politiki u l-mod kif taħdem l-Unjoni Ewropea, għalkemm il-Parti III fil-biċċa l-kbira tinkludi dispożizzjonijiet li diġà jinsabu fis-seħħ.

H.  Ħafna mit-tħassib imsemmi kien relatat mal-kuntest aktar milli mal-kontenut; u minħabba li kwistjonijiet ta’ tħassib pubbliku kbir, bħad-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern[8] u l-qafas finanzjarju, minn dak iż-żmien ġew solvuti.

I.    Il-Kunsill Ewropew tas-16-17 ta’ Ġunju 2005 iddeċieda li jiftaħ perjodu ta’ riflessjoni wara r-referenda fi Franza u fl-Olanda, u f'dan il-perjodu sitt Stati Membri oħra temmew ir-ratifika tagħhom, u l-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta’ Ġunju 2006 talab lill-Presidenza sabiex tfittex modi possibbli għall-ġejjieni biex tingħeleb il-kriżi kostituzzjonali qabel il-laqgħa tiegħu tal-21-22 ta’ Ġunju 2007.

J.    Id-dibattitu pubbliku li nfetaħ waqt il-perjodu ta' riflessjoni wera biċ-ċar li l-problemi u l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, deskritti għall-ewwel darba fid-Dikjarazzjoni ta' Laeken, u li t-Trattat Kostituzzjonali ried jittratta, għadhom preżenti; anzi, saru aktar evidenti u s-sejba ta' soluzzjoni għalihom saret aktar urġenti.

K.  Il-Laqgħat Parlamentari organizzati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-parlamenti nazzjonali wrew rikonoxximent ġenerali li t-Trattat Kostituzzjonali jista' jagħti qafas xieraq lill-Unjoni Ewropea biex tkun tista' tilqa' l-isfidi li se ssib ma' wiċċha, kif ukoll ir-rikonoxximent li se jkun diffiċli, jekk mhux impossibbli, li Konferenza Intergovernattiva (IGC) ġdida taqbel dwar proposti li huma jew radikalment differenti jew aħjar minn dawk miftiehma fl-2004.

L.   Qed tiżdied l-urġenza li Unjoni Ewropea mkabbra tiġi mgħammra bi strumenti u b'mezzi li bihom tkun tista' tiffunzjona b'mod effiċjenti, biex issaħħaħ l-irwol tagħha fid-dinja u biex tissodisfa l-bżonnijiet taċ-ċittadini tagħha li qed jiffaċċjaw l-isfidi li jġibu magħhom, fost l-oħrajn, il-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija u l-popolazzjoni li qiegħda tikber fl-età.

M.  Id-Dikjarazzjoni ta' Berlin tal-25 ta' Marzu, imsemmija fuq, iffirmata mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament u tal-Kummissjoni, stabbiliet l-għan li "l-Unjoni Ewropea għandha titqiegħed fuq bażi komuni ġdida qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2009".

1.   Jafferma mill-ġdid l-approvazzjoni tiegħu għall-kontenut tat-Trattat Kostituzzjonali, li l-għan tiegħu hu li, bħala pass deċiżiv, jagħti formalment lill-Unjoni Ewropea d-dimensjoni politika inerenti tagħha, u jsaħħaħ l-effiċjenza ta' l-azzjoni tagħha, jikkonsolida l-kontroll demokratiku fuq il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, itejjeb it-trasparenza u jsaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea filwaqt li jirrappreżenta l-kompromess, u jaqdi l-ħtiġijiet ta' l-Unjoni Ewropea fl-istat attwali tagħha;

2.   Jenfasizza li żewġ terzi ta' l-Istati Membri diġà rratifikaw it-Trattat Kostituzzjonali u li erbgħa oħra esprimew b'mod ċar l-impenn tagħhom għad-dispożizzjonijiet li fih, kif deher fil-laqgħa reċenti li saret f'Madrid fuq l-inizjattiva tal-gvernijiet ta' Spanja u tal-Lussemburgu;

3.   Jinnota t-tħassib li wrew il-popli ta' Franza u ta' l-Olanda u d-dibattitu li sar f'dawn iż-żewġ pajjiżi;

4.   Jinnota t-tħassib li kien hemm f'xi Stati Membri oħra wkoll, imma li l-gvernijiet konċernati esprimew l-appoġġ tagħhom biex tinstab soluzzjoni sodisfaċenti li żżomm ir-riformi ewlenin li jinsabu fit-Trattat Kostituzzjonali;

5.   Ifakkar fir-responsabilità politika ta' dawk l-Istati Membri li ffirmaw iżda ma rratifikawx it-Trattat Kostituzzjonali;

6.   Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu sabiex tinkiseb soluzzjoni fil-proċess kostituzzjonali li qed iseħħ fl-Unjoni Ewropea li għandha tkun imsejsa fuq il-kontenut tat-Trattat Kostituzzjonali, possibilment bi preżentazzjoni differenti, iżda li tqis id-diffikultajiet li nqalgħu f'xi Stati Membri;

7.   Jagħti l-appoġġ tiegħu, fid-dawl ta' dan, għall-isforzi tal-Presidenza Ġermaniża biex tikseb impenn mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2007 biex isejjaħ Konferenza Intergovernattiva, kif ukoll biex tikseb id-definizzjoni ta' pjan direzzjonali li jkollu proċedura, mandat ċar u l-għan li jintlaħaq ftehim sa tmiem din is-sena;

8.   Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-ħila ta' l-Unjoni Ewropea għat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-effettività tal-politiki tagħha u l-leġittimità demokratika sħiħa tagħhom, li t-Trattat Kostituzzjonali bla dubju jagħmel progress lejhom mil-lat ta' proċeduri ta' skrutinju, leġiżlattivi u baġitarji, kif ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-Politika Komuni Barranija u tas-Sigurtà u l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fid-dinja sabiex din tkun tista' tinfluwenza d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tar-reazzjonijiet għall-isfidi urġenti li qiegħda tiffaċċja l-umanità;

9.   Jinsisti fuq iż-żamma tal-prinċipji bażiċi kollha li jinsabu fil-Parti I tat-Trattat Kostituzzjonali, fosthom in-natura doppja ta' l-Unjoni Ewropea bħala għaqda ta' Stati u ta' ċittadini, il-primat tal-liġi Ewropea, it-tipoloġija ġdida ta' l-atti u tal-proċeduri, il-ġerarkija tan-normi, u l-personalità legali ta' l-Unjoni Ewropea u jenfasizza li t-Trattat Kostituzzjonali fih ukoll titjib ieħor importanti f'affarijiet bħall-konsolidazzjoni tat-trattati eżistenti u l-amalgamazzjoni tal-pilastri, ir-rikonoxximent espliċitu tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea u s-saħħa legali li torbot tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja politika ta' l-Unjoni Ewropea, il-kjarifika tal-kompetenzi rispettivi ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri, ir-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-irwol tal-parlamenti nazzjonali;

10. Jenfasizza li kwalunkwe proposta għall-modifika tat-Trattat Kostituzzjonali jeħtieġ li tassikura l-istess livell ta' appoġġ bħal dak miksub f'data preċedenti mid-dispożizzjoni li qiegħda tfittex li tissostitwixxi;

11. Jiddikjara li jirrifjuta kwalunkwe riżultat ta' negozjati li, jekk jitqabbel mat-Trattat Kostituzzjonali, iwassal għal tnaqqis fil-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini (jinsisti, b'mod partikulari, biex tinżamm il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-aktar is-saħħa legali tagħha li torbot) kif ukoll iwassal għal inqas demokrazija, trasparenza u effiċjenza fil-mod kif taħdem l-Unjoni;

12. Jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, il-bżonn li jiġu kkunsidrati kwistjonijiet ewlenin li tqajmu waqt il-perjodu ta' riflessjoni, u li jiġu ċċarati oħrajn li diġà ġew indirizzati fit-Trattat Kostituzzjonali, bħal:

–  l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

–  is-solidarjetà Ewropea fil-qasam ta' l-enerġija,

–  politika ta' l-emigrazzjoni koerenti,

–  il-Mudell Soċjali Ewropew fil-kuntest tal-bidla demografika u l-globalizzazzjoni,

–  it-terroriżmu,

–  id-djalogu bejn iċ-ċivilizzazzjonijiet,

–  il-mekkaniżmi komuni effettivi għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fiz-zona ta' l-ewro, filwaqt li jiġi mħares l-irwol tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-politika monetarja b'konformità mat-Trattati,

–  il-kriterji ta' l-Unjoni u l-proċeduri għat-tkabbir;

13. Jemmen li, minħabba s-suċċess tal-metodu tal-Konvenzjoni fit-tħejjija ta' l-abbozz tat-Trattat, jinħtieġ li jinżammu, fi kwalunkwe soluzzjoni għall-proċess kostituzzjonali, il-prinċipji bażiċi tal-parteċipazzjoni parlamentari, ta' l-assoċjazzjoni tas-soċjetà ċivili u tat-trasparenza sħiħa;

14. Ifakkar li l-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea eletta direttament miċ-ċittadini, għandu jkun involut bis-sħiħ fl-IGC fil-livelli kollha, u aktar milli kien involut waqt l-IGC ta' l-2003-2004;

15. Jitlob, barra minn hekk, biex titwaqqaf konferenza interistituzzjonali, fuq l-istess linji tal-parteċipazzjoni attiva tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fl-IGC, li tkun ispirata mill-mudell li ntuża waqt l-elaborazzjoni tat-Trattat ta' Maastricht, sabiex il-Parlament Ewropew jinżamm infurmat u jingħata kontribut importanti sabiex jintlaħaq konsensus bejn il-gruppi u bejn il-pajjiżi fl-IGC;

16. Itenni l-impenn tiegħu għall-mekkaniżmu tal-Konvenzjoni jekk il-Kapijiet ta' l-Istat jew il-gvernijiet jiddeċiedu li jidħlu għal reviżjoni sostanzjali tat-testi eżistenti;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti s-sehem sħiħ tagħha fin-negozjati li ġejjin u biex tħejji proposti biex it-Trattat Kostituzzjonali jiġġedded fit-temi stabbiliti f'Paragrafu 12;

18. Jenfasizza l-importanza tad-djalogu bejn il-parlamenti nazzjonali u l-gvernijiet rispettivi tagħhom waqt l-IGC u jesprimi l-volontà tiegħu li jżomm kuntatt mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali waqt il-fażi li jmiss tan-negozjati, kif ukoll mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mas-Sieħba Soċjali Ewropej, mal-komunitajiet reliġjużi u mas-soċjetà ċivili;

19. Jitlob għall-konklużjoni tal-proċess ta' ratifika tat-Trattat il-ġdid sa tmiem l-2008, sabiex il-Parlament li jmiss, li se jiġi elett fl-2009, ikun jista' jibda l-mandat tiegħu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat il-ġdid;

20. Jitlob biex l-Istati Membri jikkoordinaw il-proċeduri tar-ratifika, sabiex il-proċess tar-ratifika jkun jista' jintemm fl-istess żmien;

21. Jenfasizza li għandu jsir minn kollox biex ikun evitat li tinħoloq Ewropa b'żewġ livelli;

22. Għandu l-intenzjoni li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar is-sejħa għall-IGC skond l-Artikolu 48 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-kriterji mfassla f'din ir-riżoluzzjoni;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-membri tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

  • [1]  Kunsill Ewropew ta' Laeken, Anness 1, p.19
  • [2]  ĠU L 236, 23.09.2003, p. 17.
  • [3]  ĠU L 157, 21.06.2005, p. 11.
  • [4]  ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 88.
  • [5]  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 306.
  • [6]  Testi adottati, P6_TA(2006)0263.
  • [7]  Testi adottati, P6_TA(2006)0569.
  • [8]  ĠU L 376 , 27.12.2006, p. 36.

PROĊEDURA

Titolu

Il-pjan direzzjonali tal-Proċess Kostituzzjonali ta' l-Unjoni

Numru tal-proċedura

2007/2087(INI)

Kumitat risponsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFCO
26.4.2007

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Enrique Barón Crespo, Elmar Brok
1.3.2007

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

28.2.2007

19.3.2007

10.4.2007

2.5.2007

21.5.2007

Data ta' l-adozzjoni

21.5.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

20

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jim Allister, Enrique Barón Crespo, Jens-Peter Bonde, Richard Corbett, Konstantin Dimitrov, Andrew Duff, Bronisław Geremek, Anneli Jäätteenmäki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Rihards Pīks, József Szájer, Riccardo Ventre, Johannes Voggenhuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Carlos Carnero González, Klaus Hänsch, Alexander Stubb, Mauro Zani

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Emanuel Jardim Fernandes, Corien Wortmann-Kool

Data tat-tressiq

22.5.2007

Kummenti
(disponibbli b'lingwa waħda biss)