RAPPORT dwar il-verifika tal-kredenzjali tas-Sur Beniamino Donnici
22.5.2007 - (2007/2121(REG)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Giuseppe Gargani
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-verifika tal-kredenzjali tas-Sur Beniamino Donnici
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b’votazzjoni diretta universali[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 4 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-Anness I ta’ dawn,wara li kkunsidra l-komunikazzjoniji uffiċjali ta’ l-awtoritàjiet kompetenti nazzjonali Taljana dwar l-elezzjoni tas-Sur Beniamino Donnici għall-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-objezzjoni tas-Sur Achille Occhetto fil-25 ta’ Marzu 2007 dwar il-validità ta’ l-elezzjoni tas-Sur Beniamino Donnici fil-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0198/2007),
A. billi l-paragrafi 1 u 2 ta’ l-Artikolu 7 ta’ l-Att ta’ l-20 ta’ Settembru 1976 jistipulaw b’mod ċar liem karigi ma jaqblux ma’ l-isħubija mal-Parlament Ewropew,
B. billi, b’konformità ma’ l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura u ma' l-Anness I tiegħu, l-MEPs huma obbligati li jiddikkjaraw b'mod ċar l-attività professjonali li huma jkunu wettqu u kull funzjoni jew attività li huma jkunu rċivew ħlas għaliha,
C. billi l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta' Proċedura jistipula li: 'Meta l-ħatra ta' Membru sseħħ minħabba l-irtirar ta' kandidati mill-istess lista, il-kumitat responsabbli għall-verifika tal-kredenzjali għandu jiżgura li dan l-irtirar ikun sar skond l-ispirtu u l-kelma ta' l-Att tal-20 ta' Settembru 1976 u ta' l-Artikolu 4(3)’,
D. billi l-konformità ta’ l-irtirar tas-Sur Achille Occhetto ma' l-ittra u l-ispirtu ta' l-Att ta' l-1976 għandu jiġi evalwat fid-dawl ta' l-Artikolu 6 ta' dan l-Att, li jistipula li Membri tal-Parlament Ewropew “m’għandhomx ikunu marbuta minn ordnijiet jew minn istruzzjonjiet”, biex b’hekk il-libertà u l-indipendenza tad-deputati jkun prinċipju ewlieni awtentiku,
E. billi l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (li jidħol fis-seħħ mill-2009) jiddikkjara fl-Artikolu 2 (1) tiegħu , li “l-Membri jkunu ħielsa u indipendenti”, filwaqt li t-tieni paragrafu ta’ l-istess artikolu, imnissel b’mod ċar mill-ewwel paragrafu, jżid li: “Ftehimiet li jikkonċernaw ir-riżenja mill-Kariga ta’ Membru fil-bidu jew fit-tmiem ta’ terminu parlamentari jkun null u bla effett”,
F. billi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istatut jiċċaraw biss il-prinċipju ta’ lbertà u indipendenza li diġà tinsab fl-Att ta’ l-1976 u li huma approvati b'mod espliċitu mill-Istatut għall-Protezzjoni tal-Parlament u tal-Membri tiegħu,
G. billi l-Artikolu 6 ta' l-Att ta’ l-1976 għandu jiġi estiż għall-kandidati li, għalkemm għadhom mhumiex Membri formalment, jidhru f’lista wara l-elezzjoni, u dan fl-interess tal-Parlament Ewropew, peress li dawn il-kandidati huma Membri potenziali tal-Parlament Ewropew,
H. billi r-riżenja tas-Sur Achille Occhetto hija r-riżultat ta’ ftehima li saret qabel it-tħabbir ta' dawk li ġew eletti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-12 u tat-13 ta' Ġunju 2004, mal-membru l-ieħor fuq il-lista "Società civile Di Pietro-Ochetto”, u għalhekk din ir-riżenja għandha tiġi kkunsidrata inkompatibbli ma’ l-ittra u l-ispirtu ta’ l-Att ta’ l-1976 u b'daqshekk nulla u bla effett,
I. billi kieku wieħed kellu jikkunsidra li l-irtirar tas-Sur Achille Occhetto huwa nul u bla effett, il-mandat tas-suċċessur tiegħu Beniamino Donnici ma tistax tkun iġġustifikata fil-liġi jew fil-prattika,
J. billi t-Tribunal amministrattiv reġjonali tal-Lazio (il-Qorti tal-Prim Istanza) fid-deċiżjoni tiegħu tal-21 ta’ Lulju 2006, qies li l-irtirar tas-Sur Achille Occhetto, li saret qabel it-tħabbir ta’ l-ismijiet ta’ dawk eletti, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala riżenja mill-pożizzjoni tiegħu fil-lista ta’ wara l-elezzjoni peress li r-rispett għar-rieda tal-poplu jirrikjedi li r-riżultati ta' l-elezzjoni ma jistgħux jinbidlu, u hija bla effett fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' kwalunkwe att ta' sostituzzjoni possibbli fil-każ ta' inkompatibbiltà, revoka, ineliġibbiltà jew riżenja min appuntament jew pożizzjoni min-naħa ta’ dawk li oriġinarjament intitolati għal dan. Minħabba f’hekk, kandidat li ma jkunx jixtieq jieħu l-pożizzjoni li jkun ġie elett għaliha, għandu d-dritt, fejn japplikaw il-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni, li jikkanċella r-riżenja tiegħu stess bil-ħsieb li jokkupa l-kariga li għandha tiġi koperta bis-sostituzzjoni,
K. billi l-Kunsill ta’ l-Istat, f’deċiżjoni ġudizzjarja finali, annulla t-tħabbir ta’ l-elezzjoni tas-Sur Achille Occhetto fil-Parlament Ewropew,
L. billi sentenza tal-qorti nazzjonali ma torbotx lill-Parlament Ewropew u fejn din m'hix kompatibbli mal-prinċipji ta’ l-Att ta’ l-1976, dwar liem il-Parlament biss jista’ jkollu ġurisdizzjoni riżervata (ara l-ewwel parti ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Att: “Il-Parlament Ewropew għandu jeżamina bir-reqqa l-mandati tal-membri tiegħu"),
M. billi l-Parlament jista’ b’mod leġittimu jirrifjuta kemm li jivvalida l-mandat tas-Sur Beniamino Donnici kif ukoll jinjora d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-Istat Taljan fuq il-bażi li tikkontradixxi l-ittra u l-ispirtu ta’ l-Att ta’ l-1976, b’hekk tħares il-mandat tas-Sur Achille Occhetto,
1. Jiddikkjara bħala invalidu l-mandat tas-Sur Beniamino Donnici bħala Membru tal-Parlament Ewropew, li l-elezzjoni tiegħu kienet notifikata mill-awtoritajiet nazzjonali;
2. Jikkonferma l-validità tal-mandat tas-Sur Achille Occhetto;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-awtoritajiet nazzjonali Taljani, lis-Sur Beniamino Donnici u lis-Sur Achille Occhetto.
- [1] Ġu L 278, 8.10.1976, p. 5: att emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283 21.10.2002, p. 1).
NOTA SPJEGATTIVA
Fil-laqgħa tiegħu tat-2-3 ta' Mejju 2007, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali kkunsidra – skond l-Artikolu 3 (4) u (5) tar-Regoli ta’ Proċedura – il-validità tal-mandat miżmum mis-Sur Beniamino Donnici (Membru ġdid innominat mill-awtorità kompetenti f’pajjiżu wara deċiżjoni interna li sfidat il-mandat li kellu s-Sur Achille Occhetto).
I. Rikostruzzjoni tal-fatti
1. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju 2004, is-Sur Beniamino Donnici kien kandidat fuq il-lista tas-Società civile DI PIETRO-OCCHETTO, li kien rebaħ żewġ siġġijiet f'żewġ kostitwenzi. Is-Sur Antonio Di Pietro kien elett fit-tnejn u għażel il-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja.
2. Is-Sur Achille Occhetto, li kien l-ewwel fil-lista tal-kandidati li ma kienux eletti f'ebda kostitwenza, iddikjara li kien se jirtira minn kandidat ta' l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
3. Għalhekk, dawk eletti fl-ewwel kostitwenza kienu is-Sur Giulietto Chiesa (li tela’ fuq il-lista immedjatament wara s-Sur Achille Occhetto) u s-Sur Beniamino Donnici (li kien it-tielet fuq il-lista fil-kostitwenza l-oħra u ġie promoss għall-ewwel fuq il-lista ta’ dawk li ma ġewx eletti).
4. Wara l-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-Italja, is-Sur Antonio Di Pietro niżel minn MEP, peress li kien ġie elett Membru tal-Parlament Taljan.
5. Is-Sur Achille Occhetto saqsa biex jitħalla jissostitwixxi lis-Sur Antonio Di Pietro bħala l-ewwel minn dawk li ma ġewx eletti fil-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja u reġa’ lura fuq id-deċiżjoni tiegħu li jirtira.
6. Għalhekk, l-Uffiċju Nazzjonali Elettorali għall-Parlament Ewropew fil-Qorti ta’ l-Appell iddikkjara li s-Sur Achille Occhetto ġie elett bħala Membru tal-Parlament Ewropew (fil-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja u għal-lista tas-Società civile DI PIETRO-OCCHETTO) fil-kapaċità tiegħu bħala l-ewwel minn dawk li kienux rebħu elezzjoni f'dik il-kostitwenza. Il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, li ma kkunsidratx id-dikjarazzjoni ta’ l-irtirar tas-Sur Achille Ochetto kienet li, “għall-kontra ta’ dak li ġara fl-ewwel kostitwenza (Majistral ta' l-Italja), id-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 tas-Sur Achille Occhetto biex jirtira minn kandidat għall-elezzjoni fil-Parlament Ewropew ma kellha l-ebda effett u għalhekk ghandha titqies bħala rivokabbli, peress li ttieħdet qabel il-bidu tal-proċedura biex is-Sur Antonio Di Pietro jkun sostitwit mill-kandidat li qiegħed immedjatament warajħ fuq l-istess lista u fir-raba’ kostitwenza (Nofsinhar ta' l-Italja).” 7. Permezz ta’ appell ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2006 lit-Tribunal amministrattiv reġjonali tal-Lazio (RG No 5258/2006), is-Sur Beniamino Donnici appella l-azzjoni meħuda mill-Uffiċċju Nazzjonali Elettorali fuq il-bażi li kienet illeġittima, peress li kisret l-Artikoli 20, 21, 22 u 41 tal-Liġi Nru 18 ta’ l-24 ta’ Jannar 1979 kif ukoll il-prinċipji ġenerali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-elezzjonijiet, u peress li s-Sur Achille Occhetto kien ġie ddikkjarat elett, għalkemm kien irtira fis-7 ta’ Lulju 2004, li kien ifisser li ma kienx jidher fuq il-lista tal-kandidati eletti u s-sostituti possibbli li kienet intbagħtet lill-Parlament Ewroper fit-12 ta’ Novembru 2004.
8. Fis-stennija li tittieħed deċiżjoni amministrattiva, il-Parlament Ewropew – filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni li saret mill-Uffiċċju Nazzjonali Elettorali u l-eżami tal-kwistjoni li twettqet mill-Kumitat ta’ l-Affarijiet Legali fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2006 – ivvalida l-mandat parlamentari tas-Sur Achille Occhetto (seduta plenarja tat-3 ta’ Lulju 2006) kif xieraq.
9. B’mod partikulari, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali – wara li kien infurmat dwar l-appell propost mis-Sur Beniamino Donnici - stabilixxa li t-tilwima relatata ma’ ksur possibbli tal-proċedura ta' l-Italja għan-nomina ta' rappreżentanti eletti u li għalhekk ma kienx ammissibbli peress li – skond l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b’votazzjoni diretta universali - il-Parlament Ewropew "għandu jieħu deċiżjoni fuq kull tilwima li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att barra minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferi ghalihom l-Att”.
10. Permezz tal-Proċedura Nru 6232 tal-21 ta’ Lulju 2006 it-Tribunal Amministrattiv Reġjonali ċaħad l-appell tas-Sur Beniamino Donnici fuq il-bażi li rtirar espress bil-ħsieb ta' tħabbir tar-rappreżentanti eletti ma kienx jikkostitwixxi rtirar minn pożizzjoni fil-lista, peress li rispett għar-rieda tal-poplu jirrikjedi li r-riżultati ta l-elezzjoni għandhom jitqiesu li ma jistgħux jinbidlu u ma għandu l-ebda effett meta xi atti ta' sostituzzjoni jkunu adottati fil-każ ta’ inkompatibbiltà, revoka, ineliġibbiltà jew riżenja min appuntament jew pożizzjoni min-naħa ta’ dawk li oriġinarjament intitolati għal dan. Għalhekk kandidat li rtira minn elezzjoni huwa intitolat – meta jkunu qed jiġu verifikati l-prerekwiżiti għas-sostituzzjoni – biex jirtira l-att ta' rtirar tiegħu sabiex ikun jista’ jieħu siġġu li għandu jkun irkuprat permezz tas-sostituzzjoni.
11. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 7185 tas-6 ta’ Diċembru 2006 il-Kunsill ta’ l-Istat aċċetta l-appell li sar mis-Sur Beniamino Donnici kontra s-sentenza maħruġa mit-Tribunal amministrattiv reġjonali tal-Lazio u emenda dik is-sentenza fuq il-bażi ta’ l-argumenti li ġejjin:
· id-distinzjoni bejn l-irtirar minn elezzjoni u l-irtirar minn pożizzjoni f’lista mhix loġika, peress li l-elezzjoni hija effett ta’ pożizzjoni f’lista, b’hekk irtirar minn elezzjoni jinvolvi t-tneħħija ta’ l-individwu kkonċernat mil-lista u kwalunkwe effett li jista’ jsegwi;
· hija kontradittorja li wieħed jafferma li rtirar minn elezzjoni ma għandha l-ebda effett fuq is-sostituzzjoni u li l-kandidat li qed jirtira jkun intitolat li jirtira l-irtirar fil-każi fejn ikun hemm bżonn is-sostituzzjoni;
· l-irtirar minn elezzjoni tikkostitwixxi dikjarazzjoni irrevokabbli (ladarba tkun innotata f’liem korp kompetenti jew uffiċċju tkun intbagħtet in-notifika ta’ l-irtirar) li għandha l-effett li temenda l-lista disponibbli lill-uffiċċju elettorali.
12. Għalhekk, il-Kunsill ta’ l-Istat annulla l-proklama tas-Sur Achille Occhetto bħala Membru tal-Parlament Ewropew.
II. Aspetti legali problematiċi
(a) Ir-regoli applikabbli1. Il-punt tat-tluq għal analiżi ta' l-aspetti legali l-iktar problematiċi huwa l-identifikazzjoni tar-regoli Komunitarji applikabbli u huwa hawnhekk li għandhom it-tendenza li jikkonverġu ż-żewġ każijiet li jinvolvu l-irtirar minn pożizzjoni f’lista u l-irtirat minn mandat parlamentari.
2. Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, “Meta l-ħatra ta' Membru sseħħ minħabba l-irtirar ta' kandidati mill-istess lista, il-kumitat responsabbli għall-verifika tal-kredenzjali għandu jiżgura li dan l-irtirar ikun sar skond l-ispirtu u l-kelma ta' l-Att tal-20 ta' Settembru 1976 u ta' l-Artikolu 4(3)”.
3. Wieħed jista’ jqis b’mod leġittimu li l-każ tas-Sur Achille Occhetto jista’ jiġi trattat permezz ta’ analoġija fuq il-bażi ta’ l-istess regoli bħal dawk li jirregolaw ir-riżenji.
4. Wara li kkunsidra t-tifsira litterali tar-regola li “l-irtirar ta' kandidati mill-istess lista” jinkludi kemm riżenji minn mandat attwali kif ukoll l-irtirar minn mandat futur, għandu jitqies li t-tieni (li jinkludi l-każ tas-Sur Achille Occhetto) jista’ jitqies permezz ta’ analoġija fuq il-bażi ta’ l-istess regoli bħal dawk li jirregolaw riżenji mill-uffiċċju parlamentari li l-individwu elett diġà għandu.
5. Dan ifisser li l-ewwel nett il-Parlament Ewropew huwa meħtieġ jikkontrolla jekk l-irtirar tas-Sur Achille Occhetto huwa f'konformità ma' l-ispirtu u l-ittra ta' l-Att ta' l-1976 jew le, u t-tieni nett, jekk ir-rekwiżiti formali stipulati fl-Artikolu 4(3) tar-Regoli ta’ Proċedura ġew osservati jew le.
(b) L-inkompatibilità ta’ l-irtirar ma’ l-Att ta’ l-1976
1. Il-kwistjoni jekk l-irtirar tas-Sur Achille Occhetto huwa skond l-ispirtu u l-ittra ta’ l-Att ta’ l-1976 għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 6, skond liema “rappreżentanti ... m’għandhomx ikunu marbuta ma’ kwalunkwe istruzzjonijiet u m’għandhomx jirċievu mandat li jorbot”. Il-kunċett tal-libertà u l-indipendenza tal-Membri huwa bla dubju prinċipju ewlieni.
2. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-Artikolu msemmi fuq huwa applikabbli wkoll għal kandidati li għalkemm ma jkunux Membri, jidhru f’lista wara l-elezzjoni. Dan huwa fl-interess tal-Parlament, peress li kandidati bħal dawn huma Membri potenzjali tal-Parlament innifsu, b’hekk il-libertà u l-indipendenza tagħhom trid tiġi protetta mill-bidu nett.
3. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit li r-rieda tal-Membru ma kinitx suġġetta għal pressjonijiet jew influwenzi ta’ l-ebda tip, l-ewwel nett bl-eżistenza ta’ patti jew ftehimiet relatati ma’ l-espressjoni tar-rieda tiegħu.
4. Dan huwa l-każ preċiż tas-Sur Achille Occhetto. L-istqarrija ta’ l-irtirar tiegħu huwa r-riżultat ta’ rieda influwenzata min ftehima preċedenti mal-komponent ieħor tal-lista Società civile DI PIETRO-OCCHETTO u għalhekk għandha titqies inkompatibbli ma’ l-ispirtu u l-ittra ta’ l-Att ta’ l-1976 u b’hekk titqies nulla u bla effett.
5. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) ta’ l-Istatut tal-Membri (mistenni li jidħol fis-seħħ fl-2009) jiddikjara li “Membri għandhom ikunu liberi u indipendenti”. Il-Paragrafu 2 (li huwa ċar li huwa bbażat fuq il-paragrafu 1) jiddikjara li “ftehimiet li jikkonċernaw ir-riżenja mill-uffiċċju ta’ Membru qabel jew fi tmiem terminu parlamentari għandhom ikunu nulli u bla effett.”
6. Din id-dispożizzjoni hija biss kjarifikazzjoni tal-prinċipji tal-libertà u ta’ l-indipendenza li diġà huma stipulati fl-Att ta’ l-1976 u li l-Istatut tal-Membri jappoġġja b’mod espliċitu fl-interessi tal-Parlament Ewropew u l-Membri tiegħu.
c) L-invalidità ta’ l-irtirar minħabba difett proċedurali
1. Sabiex ikun żgurat li r-rieda ta’ Membru tkun kemm jista’ jkun trasparenti, l-Artikolu 4(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jiddikjara li n-notifika tar-riżenja “għandu jkollha forma ta' dokument uffiċjali mħejji fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali jew tar-rappreżentant tiegħu, iffirmat minn dan ta' l-aħħar u mill-Membru konċernat u ppreżentat minnufih lill-kumitat responsabbli”. L-ebda dokument ieħor (anke jekk iffirmat mill-Membru) jitqies validu.
2. Ir-raġuni għal din id-dispożizzjoni hija eżattament l-istess bħal dik għall-Artikolu 6 ta’ l-Att, jiġifieri li r-rieda tal-Membru tkun protetta minn kull forma ta’ influwenza: żball, diverżjoni, theddida eċċetra. Peress li fil-każ tas-Sur Achille Occhetto (li għalih - kif rajna - ir-regoli relatati mar-riżenji japplikaw permezz ta’ analoġija) ir-rekwiżiti formali konċernati ma ġewx osservati (ma tfassalx rapport fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali jew ir-rappreżentant tiegħu), wieħed ghandu jikkonkludi li l-irtirar tas-Sur Achille Occhetto huwa null u bla effett mil-lat formali wkoll.
d) L-opinjoni tas-Servizz Legali
1. Is-Servizz Legali ntalab mill-kumitat biex joħroġ opinjoni dwar il-kwistjoni, fejn stqarr li għandha titqies deċiżjoni maħruġa fi Stat Membru.
2. Din l-opinjoni għandha tiġi rifjutata, peress li jkollha l-effett li tnaqqas l-irwol tal-Parlament Ewropew, li permezz ta’ l-irwol tiegħu bħala rappreżentant taċ-ċittadini ta’ l-Ewropa għandu jiddifendi l-prinċipji sagrosanti tar-rieda tal-poplu u ta’ l-indipendenza tiegħu. Dawn ma jippermettux lill-Istati Membri individwali biex jindaħlu fil-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew.
3. Għalhekk il-Kumitat għall-Affarijiet Legali huwa meħtieġ jeżamina l-kwistjoni fid-dawl ta’ l-ispirtu u l-ittra tar-regoli stipulati fl-Att Ewropew.
III. Konklużjoni
1. L-irtirar tas-Sur Achille Occhetto huwa null u bla effett, peress li huwa essenzjali għall-validità tal-mandat tas-suċċessur tiegħu, u l-Parlament Ewropew ikollu joħroġ opinjoni negattiva meta jivverifika l-kredenzjali tas-Sur Beniamino Donnici.
2. Peress li l-awtoritajiet Taljani ħarġu deċiżjoni dwar il-kwistjoni, ir-riżultat se jkun li s-Sur Beniamino Donnici se jiġi rifjutat mandat validu, iżda fl-istess ħin mhux se jkun possibbli li tiġi kkonfermata l-validità tal-mandat tas-Sur Achille Occhetto.
3. Madankollu, il-kwistjoni mhix li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill ta’ l-Istat m’għadhomx japplikaw, iżda jekk il-Parlament Ewropew huwiex marbut jew le ma’ deċiżjoni maħruġa minn Stat Membru li tmur kontra l-prinċipji stipulati fl-Att ta’ l-1976 - prinċipji li fir-rigward tagħhom il-Parlament jista’ jitqies li għandu ġurisdizzjoni riżervata (ara l-ewwel parti ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Att: “Il-Parlament Ewropew għandu jeżamina bir-reqqa il-mandati tal-Membri tiegħu”).
4. Il-Parlament jista’ jiċħad b’mod leġittimu l-validità tal-mandat tas-Sur Beniamino Donnici, u fl-istess ħin, jinjora d-deċiżjoni tal-qorti Taljana, peress li din id-deċiżjoni tmur kontra l-ispirtu u l-ittra ta' l-Att ta' l-1976. B’hekk il-mandat tas-Sur Achille Occhetto huwa salvagwardjat.
PROĊEDURA
Titolu |
Verifika tal-kredenzjali tas-Sur Beniamino Donnici |
|||||||
Numru tal-Proċedura |
||||||||
Kumitat responsabbli |
JURI
|
|||||||
Rapporteur(s) |
Giuseppe Gargani |
|
||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
||||||
Eżami fil-kumitat |
24.4.2007 |
2.5.2007 |
3.5.2007 |
|
|
|||
Data ta’ l-adozzjoni |
3.5.2007 |
|||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ : – : 0 : |
16 2 5 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlo Casini, Bert Doorn, Cristian Dumitrescu, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Piia-Noora Kauppi, Katalin Lévai, Alain Lipietz, Antonio Masip Hidalgo, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Gary Titley, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Mladen Petrov Chervenyakov, Jean-Paul Gauzès, Kurt Lechner, Gabriele Stauner |
|||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Vincenzo Aita, Alfonso Andria, Beniamino Donnici, Giovanni Claudio Fava, Vincenzo Lavarra, Pasqualina Napoletano, Luciana Sbarbati, Graham Watson |
|||||||
Data tat-tressiq |
22.5.2007 |
|
||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
|||||||