RAPPORT dwar l-istatus soċjali ta' l-artisti
23.5.2007 - (2006/2249(INI))
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Claire Gibault
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-istatus soċjali ta' l-artisti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' l-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem ta' ''Non-diskriminazzjoni u opportunitajiet ugwali għal kulħadd – Qafas ta’ Strateġija'' (COM(2005)0224),
– wara li kkunsidra l-green paper tal-Kummissjoni li ġġib l-isem ta' ''Li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21'' COM(2006)0708,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2002 dwar l-importanza u d-dinamiżmu tat-teatru u ta' l-artijiet ta' l-ispettaklu fl-Ewropa mkabbra[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Settembru 2003 dwar l-industriji kulturali[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar l-isfidi l-ġodda taċ-ċirku, li huwa parti integrali mill-kultura ta' l-Ewropa[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru1408/71 tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 1971 relatat ma' l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għall-persuni mpjegati li jitħallsu, li ma jitħallsux u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali[5],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 92/100/KEE tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 1992 dwar id-dritt tal-kiri u tas-self u dwar ċertu drittijiet li jiġu mid-dritt ta' l-awturi fil-qasam tal-propjetà intellettwali[6],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 93/98/KEE tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 1993 dwar l-armonizzazzjoni tal-perjodu ta' żmien għall-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur u ta' ċertu drittijiet li jiġu minnu[7],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċertu aspetti tad-dritt ta' l-awtur u tad-drittijiet li jiġu minnu fis-soċjetà ta' l-informatika[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Marzu 1999 dwar is-sitwazzjoni u l-irwol ta' l-artisti fl-Unjoni Ewropea[9],
– wara li kkunsidra t-twaqqif mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta' Marzu 2000 ta' l-Affari C-178/97, Barry Banks u oħrajn/Théâtre royal de la Monnaie[10]
– wara li kkunsidra t-twaqqif mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Ġunju 2006 ta' l-Affari C-255/04, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej/Ir-Repubblika Franċiża[11],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0199/2007),
A. billi l-arti tista' xorta waħda titqies bħala xogħol jew professjoni,
B. billi l-fehmiet imsemmija hawn taħt kif ukoll id-Direttiva 96/71/KE japplikaw b'mod partikolari għall-attivitajiet ta' l-arti ta' l-ispettakli,
C. billi, sabiex wieħed jipprattika l-arti fl-ogħla livelli, wieħed għandu jinteressa ruħu fid-dinja ta' l-ispettaklu sa minn meta jkun żgħir u għandu jkollu aċċess għall-opri maġġuri tal-patrimonju kulturali tagħna,
D. billi f'ħafna Stati Membri, ċertu professjonijiet tal-qasam artistiku ma jgawdux minn status legali,
E. billi l-flessibilità u l-mobilità jmorru id f'id fil-kuntest tat-twettiq tal-professjonijiet artistiċi,
F. billi l-ebda artist, fl-ebda mument tal-karriera professjonali tiegħu, ma jinsab totalment f'sitwazzjoni mingħajr prekarjetà,
G. billi jeħtieġ b'mod obbligatorju li jkun hemm garanzija ta' protezzjoni soċjali sigura sabiex tibbilanċja n-natura riskjuża u kultant inċerta tal-professjoni artistika,
H. billi anke llum il-ġurnata huwa prattikament impossibbli għal artista Ewropew li jirrikostitwixxi l-pjan tal-karriera professjonali tiegħu,
I. billi għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess ta' l-artisti għall-informazzjoni rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-mobilità, ta' qgħad, ta' saħħa u ta' pensjoni tagħhom,
J. billi l-predispożizzjoni artistika, id-doni naturali u t-talent rarament ikunu biżżejjed sabiex jiftħu possibiltà ta' karriera artistika professjonali,
K. billi l-kuntratti ta' taħriġ u/jew ta' kwalifika b'vokazzjoni artistika adattati għal kull dixxiplina għad ma ġewx żviluppati biżżejjed,
L. billi huwa xieraq li jiġu stimulati l-possibilitajiet ta' taħriġ professjonali mill-ġdid għall-artisti,
M. billi ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-ħaddiema in ġenerali, kif ukoll ta' l-artisti, li joriġinaw mill-Istati Membri l-ġodda huma dejjem suġġetti għal ċertu restrizzjonijiet minħabba l-possibilità li tiġi stabbilita skema tranżitorja prevista mill-atti ta' adeżjoni,
N. billi l-produzzjonijiet artistiċi ta' spiss jiġbru fihom artisti Ewropej u minn barra l-Komunità li l-mobilità tagħhom tiġi ta' spiss ostakolata mid-diffikultà illi wieħed jakkwista visas għal medda ta' żmien medja,
O. billi ż-żjariet ta' l-artisti fi Stat Membru huma spiss żjariet qosra (ta' inqas minn tliet xhur),
P. billi t-totalità ta' dawn il-problemi marbuta mal-mobilità transkonfinali, li hija karatteristika prinċipali tal-professjonijiet artistiċi, turi li hemm il-ħtieġa illi jiġu kkunsidrati miżuri konkreti f'dan il-qasam,
Q. billi huwa ta' importanza essenzjali illi wieħed jagħmel differenza bejn prattiki artistiċi amatorjali u prattiki artistiċi professjonali,
R. billi għandha tiġi żgurata l-integrazzjoni tat-tagħlim artistiku fil-programmi ta' l-iskola ta' l-Istati Membri b'mod effikaċi,
S. billi l-imsemmija karta ta' l-UNESCO tikkostitwixxi bażi eċċellenti ta' għarfien ta' l-importanza ta' l-attivitajiet tal-professjonisti tal-kreazzjoni artistika,
T. billi d-Direttiva 2001/29/KE teżiġi, lill-Istati Membri li m'għadhomx japplikawha, li jkun provdut kumpens xieraq favur l-awturi fil-każ ta' eċċezzjonijiet jew ta' limitazzjonijiet fid-dritt ta' riproduzzjoni (reprografija, kopji privati),
U. billi d-Direttiva 92/100/KEE tiddetermina d-drittijiet esklussivi li huma titulari b'mod speċjali għall-artisti li jinterpretaw u d-drittijiet tagħhom għal rimunerazzjoni xierqa li għaliha ma jistax ikun hemm ċessjoni,
V. billi d-drittijiet patrimonjali u morali ta' l-awturi u ta' l-artisti li jinterpretaw huma f'dan ir-rigward ir-rikonoxximent tal-ħidma tal-kreazzjoni tagħhom u tal-kontribut tagħhom għall-kultura in ġenerali,
W. billi l-kreazzjoni artistika tipparteċipa fl-iżvilupp tal-patrimonju kulturali u tieħu mill-koperazzjonijiet passati, li l-istati jassiguraw il-protezzjoni tagħhom, minn fejn jittieħdu l-ispirazzjoni u s-suġġett,
Titjib tas-sitwazzjoni ta' l-artisti fl-Ewropa
- Is-sitwazzjoni kuntrattwali
1. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew jimplimentaw qafas legali u istituzzjonali sabiex jappoġġjaw il-ħolqien artistiku bl-adozzjoni jew l-applikazzjoni ta' ġabra ta' miżuri koerenti u globali li jinkludu s-sitwazzjoni kuntrattwali, is-sigurtà soċjali, l-assikurazzjoni kontra l-mard, it-taxxa diretta u indiretta u l-konformità mar-regoli Ewropej;
2. Jenfasizza illi jaqbel li wieħed jieħu kont tan-natura mhux tipika tal-metodi ta' ħidma ta' l-artist;
3. Apparti dan jenfasizza li jaqbel li titqies in-natura atipika u prekarja tal-professjonijiet kollha marbutin mal-palk;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-ħolqien ta' kuntratti ta' apprendistat jew ta' kwalifiki fis-suġġetti artistiċi;
5. Jissuġġerixxi għalhekk lill-Istati Membri li jiffavorixxu r-rikonoxximent ta' l-esperjenza professjonali ta' l-artisti;
Il-protezzjoni ta' l-artist
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkostitwixxu "reġistru professjonali Ewropew" tat-tip EUROPASS għall-artisti, wara konsultazzjoni mas-settur artistiku, li fih ikunu jistgħu jirrappreżentaw l-istatus tagħhom, in-natura u l-perjodu ta' żmien suċċessiv tal-kuntratti tagħhom flimkien mar-referenzi ta' xogħolhom jew ta' dak li jipprovdi s-servizz biex iħaddimhom;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itejbu l-koordinazzjoni kif ukoll l-iskambju ta' prattika tajba u ta' l-informazzjoni;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mas-settur ikkonċernat, biex tfassal gwida prattika standardizzata u komprensibbli għall-artisti Ewropej kif ukoll għall-awtoritajiet ikkonċernati tagħhom, li jkollha informazzjoni dwar l-assikurazzjoni kontra l-mard, dwar il-qgħad u d-dispożizzjonijiet tal-pensjoni fil-livell nazzjonali u internazzjonali;
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fuq il-bażi tal-ftehimiet bilaterali applikabbli, biex jikkunsidraw miżuri possibbli sabiex jiżguraw it-trasferiment tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali ta' artisti minn pajjiżi terzi li jirritornaw fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u biex jiżguraw li titqies l-esperjenza tax-xogħol tagħhom fi Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tillanċja proġett pilota bħala esperiment tat-twaqqif ta' karta elettronika Ewropea ta' sigurtà soċjali speċifika għall-artisti Ewropej;
11. Huwa fil-fatt tal-fehma illi karta bħal din, li jkollha l-informazzjoni kollha dwar l-artist, tista' tkun is-soluzzjoni għal xi problemi li jagħmlu parti mill-professjoni;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni ċara bejn il-mobilità speċifika ta' l-artisti u dik tal-ħaddiema ta' l-Unjoni Ewropea in ġenerali;
13. Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni sabiex jippreċiża l-progress li sar f'dak li għandu x'jaqsam ma' din il-mobilità speċifika;
14. Jitlob lill-Kummissjoni b'mod formali biex tidentifika l-oqsma ta' l-attività kulturali li jaffaċċjaw l-ikbar riskju ta' nixfa kreattiva u telf ta' talent u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu inċentivi għall-artisti tagħhom biex jibqgħu fl-Unjoni Ewropea jew biex jirritornaw;
Barra minn hekk, jitlob lill-Istati Membri biex joqogħdu attenti b'mod partikolari għar-rikonoxximent fil-livell Komunitarju ta' diplomi u kwalifiki oħra maħruġa mill-konservatorji Ewropej kollha, mill-akkademji ta' l-arti u skejjel uffiċjali oħra għall-arti tal-palk li jippermettu lid-detenturi tagħhom biex jaħdmu u jistudjaw fl-Istati Membri kollha bi qbil mal-Proċess ta' Bologna; Jistieden lill-Istati Membri kollha, f'dan ir-rigward, biex iħeġġu l-istudji ta' l-arti formali li jippermettu taħriġ personali u vokazzjonali ta' kwalità għolja li mhux biss jippermetti lill-istudenti jiżviluppaw it-talenti artistiċi tagħhom imma wkoll biex igawdu minn kapaċitajiet ġenerali f'oqsma professjonali oħra; Jisħaq ukoll l-importanza li jiġu proposti miżuri fil-livell Ewropew biex jeħfief ir-rikonoxximent fl-Unjoni Ewropea ta' diplomi u kwalifiki oħra maħruġa mill-konservatorji nazzjonali u akkademji ta' l-arti f'pajjiżi terzi sabiex iħaffu l-mobilità ta' artisti li jfittxu li jidħlu fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea;
16. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta ''karta Ewropea għall-kreazzjoni artistika u għall-kundizzjonijiet ta' tħaddim tagħha'' fuq il-bażi ta' inizjattiva bħala dik ta' l-Unesco, sabiex tiġi affermata l-importanza ta' l-attivtajiet tal-professjonisti tal-kreazzjoni artistika u sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni Ewropea;
17. Jistieden lill-Istati Membri biex jeliminaw kull tip ta' restrizzjoni għall-aċċess għas-suq ta' l-impjieg fis-settur artistiku fl-Istati Membri l-ġodda;
18. Jitlob lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex biex jorganizzaw b'mod effettiv, bi qbil mad-Direttiva 92/100/KEE u d-Direttiva 2001/29/KE, il-ħlas ta' kull kumpens xieraq fir-rigward tad-drittijiet tar-riproduzzjoni u tar-rimunerazzjoni ekwa li jridu jingħataw lid-detenturi tal-copyrights u drittijiet assoċjati;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproċedi bi studju ħalli tanalizza b'mod effettiv il-miżuri ta' l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tal-copyrights u tad-drittijiet assoċjati jirċievu kumpens xieraq fir-rigward ta' l-eċċezzjonijiet legali applikati mill-Istati membri bi qbil mad-Direttiva 2001/29/KE u għall-isfruttament legali tad-drittijiet tagħhom skond id-Direttiva 92/100/KEE;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproċedi bi studju ħalli tanalizza l-miżuri ta' l-Istati Membri sabiex tassenja parti mid-dħul iġġenerat mill-ħlas ta' kumpens xieraq fir-rigward tad-detenturi tal-copyrights u tad-drittijiet assoċjati għall-għajnuna għall-attività kreattiva u għall-ħarsien soċjali u finanzjarju ta' l-artisti u biex jiġu analizzati l-istrumenti u l-għodda legali li jistgħu jintużaw għall-kontribut tal-fondi għall-ħarsien ta' artisti Ewropej ħajjin;
Il-politika dwar il-visas: mobilità u impjieg taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi
21. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħed kont tad-diffikultajiet li bħalissa huma maħluqa mill-kisba ta' visa min-naħa ta' ċerti artisti Ewropej minn barra l-Komunità sabiex jingħataw permess tax-xogħol, u ta' l-inċertezzi dovuti għal dan;
22. Jenfasizza li artisti b'kuntratti ta' impjieg fuq perjodu ta' żmien qasir qed isibuha diffiċli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet attwali biex jingħataw viżi u permessi tax-xogħol;
23. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar l-arranġamenti attwali għall-permessi tal-viżi u tax-xogħol applikabbli għall-artisti u biex tibda tfassal regoli Komunitarji f'dan il-qasam li jistgħu jwasslu għall-introduzzjoni ta' viża temporanja speċifika għal artisti Ewropej u ta' pajjiżi terzi bħal ma diġà jeżisti f'ċertu Stati Membri;
Taħriġ tul il-ħajja u taħriġ mill-ġdid
24. Jistieden lill-Istati Membri sabiex joħolqu strutturi ta' taħriġ u ta' tagħlim speċjalizzat, maħsub għall-professjonisti tas-settur kulturali, sabiex tiġi żviluppata politika reali dwar l-impjieg f'dan il-qasam;
25. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiġbor ir-riċerka u l-pubblikazzjonijiet kollha li diġà jeżistu, u biex isir studju li jevalwa s-sitwazzjoni attwali dwar id-dispożizzjoni fl-Unjoni Ewropea għal mard relatat max-xogħol li huwa relatat b'mod speċifiku ma' l-attivitajiet artistiċi;
26. Ifakkar illi l-artisti kollha jeżerċitaw l-attività tagħhom b'mod permanenti li mhuwiex limitat għas-sigħat ta' prestazzjoni artistika jew ta' prestazzjoni fuq palk;
27. Ifakkar għalhekk li l-perjodi ta' riħersal jikkostitwixxu ħin ta' xogħol effettiv fis-sħiħ u li huwa urġenti li jittieħed kont tat-totalità ta' dawn il-perjodi ta' attività fil-pjan tal-karriera tagħhom, kemm fil-perjodi ta' qgħad tagħhom kif ukoll matul il-pensjoni;
28. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-livell reali tal-koperazzjoni Ewropea u l-iskambji rigward taħriġ vokazzjonali fl-arti tal-palk u biex tħeġġeġ miżuri bħal dawn fil-programmi għat-Tagħlim u Kultura Matul il-Ħajja 2007 u għas-Sena Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura fl-2009;
Lejn ristrutturazzjoni tal-prattiki amatorjali
29. Jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu apppoġġati l-attivitajiet artistiċi u kulturali kollha speċjalment imwettqa għal pubbliku soċjalment sfavoreġġat sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tiegħu;
30. Jisħaq l-importanza ta' l-attivitajiet artistiċi amatorjali bħala element kruċjali biex jinġabru flimkien il-komunitajiet lokali u biex tinbena soċjetà taċ-ċittadini;
31. Jisħaq li l-artisti mingħajr taħriġ formali speċjali li jixtiequ li jkollhom karriera artistika professjonali għandhom ikunu infurmati sew dwar ċertu aspetti tal-professjoni;
32. Minħabba f'hekk jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu u jippromwovu attivitajiet amatorjali b'referenza permanenti għall-artisti professjonali;
Il-Garanzija ta' taħriġ artistiku u kulturali sa minn età żgħira
33. Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal studju dwar l-edukazzjoni artistika fl-Unjoni Ewropea (il-kontenut, in-natura tat-taħriġ provdut - formali jew tip ieħor - riżultati miksuba u opportunitajiet ta' karrieri) u biex tippreżenta s-sejbiet tagħha fi żmien sentejn;
34. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ u tippromwovi l-mobilità għall-istudenti Ewropej ta' l-arti billi jitjiebu l-programmi għall-iskambju ta' studenti minn konservatorji nazzjonali u akkademji ta' l-arti, kemm fl-Ewropa kif ukoll 'il barra minnha;
35. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi għal iffinanzjar ta' miżuri u ta' proġetti pilota li ser jippermettu b'mod partikolari illi jiġu definiti l-mudelli adegwati fil-qasam ta' l-edukazzjoni artistika fis-settur ta' l-iskejjel permezz ta' l-implimentazzjoni ta' sistema Ewropea ta' skambju ta' informazzjoni u ta' esperjenza għall-għalliema tat-tagħlim artistiku;
36. Jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jintensifikaw it-taħriġ ta' l-għalliema inkarigati mill-edukazzjoni artistika;
37. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistudjaw il-ħolqien ta' fond għall-mobilità Ewropea tat-tip Erasmus għall-iskambju ta' għalliema u artisti żgħar; Ifakkar f'dan ir-rigward fid-dubji tiegħu dwar iż-żieda tal-baġit Ewropew għall-kultura;
38. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex joħorġu b'kampanja ta' informazzjoni bil-għan li tingħata garanzija tal-kwalità ta' l-edukazzjoni artistika;
39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] ĠU C 300, E tal-11.12.2003, p 156.
- [2] ĠU C 76, E tal-25.3.2004, p 459.
- [3] ĠU C 233, E tat-28.9.2006, p 124.
- [4] ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2.
- [5] ĠU L 166, tat-30.4.2004, p. 1.
- [6] ĠU L 346 du 27.11.1992, p. 61.
- [7] ĠU L 290 du 24.11.1993, p. 9.
- [8] ĠU L 167 du 22.6.2001, p. 10.
- [9] ĠU C 175 du 21.6.1999, p. 42.
- [10] ECR 2000, p. I-2005.
- [11] ECR 2006, p. I-5251.
NOTA SPJEGATTIVA
Lejn status ta' l-artist Ewropew
Il-kwistjoni tar-regolamentazzjoni ta' l-aċċess għall-impjiegi fl-ispettaklu ħaj hija waħda kumplessa u kontroversjali, iżda llum huwa impossibbli li wieħed jaħbi l-problemi dovuti għan-nuqqas ta' regolamentazzjoni.
Mhuwiex biżżejjed li wieħed iġib skużi bin-natura pożittiva tan-nuqqas ta' ''filtru'' u bil-possibiltajiet li kulħadd jesprimi ruħu liberament, għaliex dan ikun ifisser li s-suq ikun sempliċement qed jingħata l-inkarigu li jiżgura din il-funzjoni, u dan ikun żvantaġġ għall-kriterji artistiċi u għal dawk tal-ġustizzja soċjali.
Anke għall-iżjed artisti b'talent, il-karrieri fl-ispettaklu ħaj jibqgħu jikkostitwixxu suċċessjoni inċerta u konfuża ta' qsim tad-deżert, ta' salarji dejjem jonqsu, ta' sigħat mhux iddikjarati u ta' kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, u għalhekk ħafna delużjonijiet.
Jaqbel għalhekk li jiġi stabbilit bilanċ bejn il-kapaċità ta' tixrid u n-numru ta' persuni li jixtiequ li jkollhom karriera artistika.
Minbarra dan, huwa ovvju li l-produzzjonijiet artistiċi llum il-ġurnata jiġbru fi ħdanhom artisti Ewropej u minn barra l-Komunità li l-mobilità tagħhom hija spiss ostakolata min-nuqqas ta' traspożizzjoni tal-leġiżlazzjonijiet Ewropej fl-Istati Membri, u minn għarfien ħażin tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.
Regolamenti Ewropej jeżistu u jeħtieġ li jiġu applikati, iżda l-artisti mhumiex konxji tal-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri li jgħixu fihom u ma jafux kif japplikaw it-testi Ewropej.
Il-maġġoranza tad-diffikultajiet li jkollhom l-artisti mhumiex ta' natura kulturali iżda huma marbuta mal-mobilità, mal-politika dwar il-vosas, mas-saħħa, mas-sigurtà soċjali, mal-qgħad, mal-pensjonijiet, u huma partikularment dawn il-problemi ferm konkreti li rridu nippruvaw insolvu.
Bosta Stati Membri kkunsidraw din is-sitwazzjoni, u irritjenu li kien jeħtieġ li jirriflettu dwar xi titjib li jippermetti lill-artisti Ewropej li jilħqu livell adegwat ta' rikonoxximent u ta' integrazzjoni fl-attività professjonali tagħhom.
Huwa għal din ir-raġuni li l-ħolqien ta' ''Karta Ewropea għall-kreazzjoni artistika u għall-kundizzjonijiet ta' tħaddim tagħha'' tidher bħala bażi ta' riflessjoni eċċellenti.
L-ewwel fażi tat-titjib tal-kundizzjoni ta' l-artist hija magħmula preċiżament minn evalwazzjoni tal-bżonnijiet tiegħu, iżda dan ma jistax ikun biżżejjed.
L-isfida għal politika kulturali Ewropea hija li jinħoloq ambjent kulturali dinamiku, ta' kreazzjoni u ta' innovazzjoni fl-oqsma kollha ta' l-arti, u dan ma jistax isir mingħajr ma aħna nagħtu lill-artisti tagħna garanziji soċjali li nagħtu lill-ħaddiema l-oħra kollha Ewropej, bħala kumpens għal garanzija ta' libertà artistika li għalihom hija indispensabbli.
PROĊEDURA
|
Titolu |
L-istatus soċjali ta' l-artisti |
||||||||||
|
Numru tal-proċedura |
|||||||||||
|
Kumitat responsabbli |
CULT 26.10.2006 |
||||||||||
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
|
|
|
|
|
||||||
|
Opinjoni mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
||||||
|
Koperazzjoni aktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
||||||
|
Rapporteur(s) |
Claire Gibault |
|
|||||||||
|
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
|||||||||
|
Eżami fil-kumitat |
29.1.2007 |
10.4.2007 |
|
|
|
||||||
|
Data ta' l-adozzjoni |
7.5.2007 |
||||||||||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 0 0 |
|||||||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Ivo Belet, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Claire Gibault, Vasco Graça Moura, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Karin Resetarits, Pál Schmitt, Nikolaos Sifunakis, Tomáš Zatloukal |
||||||||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Gyula Hegyi, Erna Hennicot-Schoepges, Mary Honeyball, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka |
||||||||||
|
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Morillon, Philippe
|
||||||||||
|
Data tat-tressiq |
23.5.2007 |
||||||||||
|
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
||||||||||