RAPPORT dwar il-proposta mmodifikata għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jistabbilixxi format uniformi għal permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi.

7.6.2007 - (COM(2006)0110 – C6‑0157/2006 – 2003/0218(CNS)) - *

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Carlos Coelho

Proċedura : 2003/0218(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0211/2007
Testi mressqa :
A6-0211/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta mmodifikata għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jistabbilixxi format uniformi għal permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi.

(COM(2006)0110 – C6‑0157/2006 – 2003/0218(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta mmodifikata tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2006)0110)[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 63(3)(a) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tat-Trattat KE, skond liema Artikolu l-Kunsill ikkonsulta l-Parlament (C6‑0157/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0211/2006),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tbiddel il-proposta tagħha f'dan is-sens, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill sabiex javża lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob li jingħata bidu għall-proċedura ta' konċiljazzjoni skond id-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-4 ta' Marzu 1975 jekk il-Kunsill ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jikkonsulta lill-Parlament mill-ġdid jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-KummissjoniEmendi mill-Parlament

Emenda 1

PREMESSA 3

(3) L-integrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi hija pass importanti lejn l-użu ta’ elementi ġodda, li jwaqqfu rabta aktar soda bejn il-permess ta’ residenza u l-persuna li jkollha dan il-permess, u b’dan il-mod jingħata kontribut importanti biex jiġi żgurat li l-permess ikun protett kontra użu falz. L-ispeċifikazzjonijiet imfassla fid-dokument Nru 9303 ta’ l-ICAO fuq viżi li jistgħu jinqraw b’mezzi ottiċi. għandhom jitqiesu.

 

(3) L-integrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi hija pass importanti lejn l-użu ta’ elementi ġodda, li jwaqqfu rabta aktar soda bejn il-permess ta’ residenza u l-persuna li jkollha dan il-permess bħala kontribut importanti biex jiġi żgurat li l-permess ikun protett kontra użu qarrieqi. Standards ta’ sigurtà rigorużi ekwivalenti għal dawk stabbiliti għall-karti ta’ l-identità nazzjonali għandhom jiġu applikati għall-permess ta’ residenza.

 

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti li wieħed jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-permess ta’ m’huwiex dokument ta’ l-ivvjaġġar u, għalhekk, billi l-kriterji stabbiliti fid-Dokument ta' l-ICAO Nru 9303 japplikaw biss għad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar, b'mod loġiku m'għandhomx jiġu applikati f'dan il-każ. Barra minn hekk, id-Dokument Nru 9303 m’għandux jissemma f’regolament ta’ l-UE, peress li dan ġie emendat kontinwament permezz ta’ proċess li hu nieqes mit-trasparenza u l-leġittimità demokratika.

Emenda 2

PREMESSA 3 A (ġdida)

 

(3a) Il-karatteristiċi bijometriċi fil-permess ta’ residenza uniformi għandhom jintużaw biss għall-verifika ta’ l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tal-persuna li jkollha dan il-permess, permezz ta' karatteristiċi paragunabbli disponibbli direttament meta l-permess ta' residenza jintalab li jintwera bil-liġi.

Ġustifikazzjoni

Peress li r-raġuni għall-inkorporazzjoni ta’ karatteristiċi bijometriċi fil-permess ta’ residenza għandha tkun waħda espliċita, xierqa, proporzjonata u ċara, jeħtieġ li tiġi inkorporata fit-test legali. Il-vantaġġ kbir li jiġi mill-introduzzjoni tal-bijometriċi fil-permess ta’ residenza huwa l-ħolqien ta' rabta aktar sikura bejn il-permess ta' residenza u l-persuna li tkun tippossiedi dan il-permess.

Emenda 3

PREMESSA 5

(5) Dan ir-Regolament jistabbilixxi biss speċifikazzjonijiet li mhumiex sigrieti; jeħtieġ li dawn is-speċifikazzjonijiet ikunu supplimentati minn aktar speċifikazzjonijiet li jistgħu jibqgħu sigrieti sabiex jiġu evitati l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni u li ma jistgħux jinkludu data personali jew referenzi għal data personali. Is-setgħa li jkunu adottati speċifikazzjonijiet supplimentari bħal dawn għandha tingħata lill-Kummissjoni, li għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi.

(5) Dan ir-Regolament jistabbilixxi biss dawk is-speċifikazzjonijiet li m’humiex sigrieti; jeħtieġ li dawn is-speċifikazzjonijiet ikunu supplimentati minn aktar speċifikazzjonijiet li jistgħu jibqgħu sigrieti sabiex jiġu evitati l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni u li m’għandhomx jinkludu dejta personali jew referenzi għal dejta personali. Is-setgħat biex ikunu adottati speċifikazzjonijiet supplimentari bħal dawn għandhom jingħataw lill-Kummissjoni, li għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi.

Ġustifikazzjoni

L-identifikaturi bijometriċi huma maħsuba biex jistabbilixxu rabta aktar mill-qrib bejn il-persuna li jkun inħarġilha l-permess u l-permess tar-residenza. L-inklużjoni ta’ dejta personali fost l-ispeċifikazzjonijiet supplimentari ser isservi biss biex iżżid ir-riskju għall-kuntrafazzjoni u l-iffalsifikar mingħajr ma żżid xi valur miżjud.

Emenda 4

ARTIKOLU 1, PUNT 2
Artikolu 2, paragrafu 1, punt (d) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

d) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezz ta' memorizzazzjoni tal-karatteristiċi bijometriċi u għas-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat;

d) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezz ta' ħażna tal-karatteristiċi bijometriċi u għas-sigurtà tagħhom, b’mod partikulari biex jiġu ssalvagwardjati l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità ta’ dik id-dejta kif ukoll l-użu tagħha skond l-l-għanijiet stipulati f’dan ir-Regolament; inkluża l-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat;

Ġustifikazzjoni

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma kruċjali għall-privatezza. Il-kriterji li jridu jiġu rrispettati għandhom, għalhekk, ikunu msemmija b'mod speċifiku.

Emenda 5

ARTIKOLU 1, PUNT 2
Artikolu 2, paragrafu 1, punt (e) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

e) il-ħtiġiet għall-kwalità tax-xbieha tal-wiċċ u l-istandards komuni tagħha u x-xbihat tal-marki tas-swaba.

e) il-ħtiġijiet għall-kwalità tax-xbieha tal-wiċċ u l-istandards komuni tagħha u x-xbiehat tal-marki tas-swaba’, l-obbligi jew ir-rekwiżiti komuni marbuta ma' l-ispeċifiċità ta' dawn ix-xbiehat, metodoloġija komuni u l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni tagħhom, proċeduri ta’ rimedju għal persuni li m'għandhomx marki tas-swaba’ li jistgħu jinqraw jew li jistgħu jiġu identifikati ħażin.

Ġustifikazzjoni

Għandhom jiġu previsti proċeduri ta' rimedju sabiex ikunu ikkunsidrati l-każijiet kollha possibbli fejn persuna jew ma tkunx tista’ tipprovdi marki tas-swaba’ li jistgħu jinqraw jew li jistgħu jiġu identifikati ħażin. Peress li dawn m’humiex sitwazzjonijiet rari, ikun aktar xieraq jekk dan ir-regolament ifassal proċeduri xierqa li jittrattaw każijiet bħal dawn sabiex l-imperfezzjonijiet tas-sistema ma jsirux piż għall-kategoriji tan-nies hawn fuq imsemmija.

Emenda 6

ARTIKOLU 1, PUNT 2
Artikolu 2, paragrafu 1, punt (e a) (ġdid) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

 

(ea) proċeduri xierqa u regoli speċifiċi għall-ħarsien tat-tfal li jinġabrulhom il-karatteristiċi bijometriċi tagħhom, speċjalment fejn jittiħdulhom il-marki tas-swaba’.

Ġustifikazzjoni

Ta’ min jinnota li regoli speċifiċi u proċeduri xierqa għandhom jiġu implimentati sabiex iħarsu d-drittijiet fundamentali tat-tfal.

Emenda 7

ARTIKOLU 1, PUNT 2 A (ġdid)
Artikolu 2, paragrafu 2 a (ġdid) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

 

(2a) Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

"2a. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati għandhom jiġu mgħoddija lill-Parlament Ewropew b’mod regolari."

Emenda 8

ARTIKOLU 1, PUNT 3 A (ġdid)
Artikolu 3, paragrafu 1 a (ġdid) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

 

(3a) Fl-Artikolu 3, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

"1a. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti li huma awtorizzati li jkollhom aċċess għad-dejta tal-karatteristiċi bijometriċi li jinsabu fil-permessi ta' residenza skond dan ir-Regolament u kull modifika li tista’ ssirlu. Il-lista għandha tispeċifika, għal kull awtorità, liema dejta tista’ tfittex u għal liema għanijiet. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-pubblikazzjoni annwali tal-lista fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u żżomm lista aġġornata ta’ l-awtoritajiet kompetenti fuq il-websajt tagħha.

Ġustifikazzjoni

Hi kruċjali għall-ħarsien tal-privatezza li jkunu biss persuni awtorizzati li jkollhom aċċess għal din id-dejta. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taħtaf l-opportunità biex iddaħħal f'din il-proposta l-identifikazzjoni u d-definizzjoni ċara ta' awtoritajiet li huma kompetenti biex iwettqu kontrolli fuq permessi ta' residenza, u din il-lista għandha tkun waħda pubblika. Barra minn hekk,jekk fil-permess tar-residenza tiġi introdotta ċippa addizzjonali għas-servizzi-e, in-numru ta' awtoritajiet li jista' jkollhom aċċess għall-permess ta' residenza se jiżdied. Kull individwu li d-dejta tiegħu tkun miġbura għandu jkun infurmat dwar liema awtoritajiet għandhom aċċess għad-dejta personali tiegħu/tagħha stess.

Emenda 9

ARTIKOLU 1, PUNT 4
Artikolu 4, paragrafu 2 (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

"L-ebda informazzjoni f’forma li tista’ tinqara b’mezzi ottiċi m’għandha tiġi inkluża fil-mezz ta’ memorizzazzjoni tal-permess ta’ residenza li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4a, sakemm dan ma jkunx stipulat f’dan ir-Regolament, jew fl-Anness tiegħu jew sakemm ma jkunx imsemmi fid-dokument ta’ l-ivjaġġar relatat mill-Istat tal-ħruġ skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Fil-permess ta’ residenza l-Istati Membri jistgħu jinkludu ċippa ta’ kuntatt żejda kif stipulat fil-Parti 16 ta’ l-anness ta' dan ir-Regolament għal servizzi telematiċi bħal mhu l-e government u l-e business)"

"L-ebda informazzjoni f’forma li tista’ tinqara b’mezzi ottiċi m’għandha tiġi inkluża fil-mezz ta’ ħażna tal-permess ta’ residenza li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4a, sakemm dan ma jkunx stipulat f’dan ir-Regolament jew fl-Anness tiegħu jew sakemm ma jkunx imsemmi fid-dokument ta’ l-ivjaġġar relatat mill-Istat li jkun ħareġ id-dokument skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

Ġustifikazzjoni

Fil-prinċipju l-Parlament Ewropew jilqa' l-għanijiet u l-applikazzjonijiet il-ġodda li għalihom jista' jintuża l-permess ta' residenza wara li tkun ġiet inserita ċippa addizzjonali għas-servizzi elettroniċi. Madankollu, l-aħħar rapport tekniku tal-Kummissjoni li jsemmi l-għażliet differenti u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom ma kopriex aspetti oħra relatati mal-ħarsien u s-sigurtà ta’ dejta sensittiva. Nistennew, għalhekk, aktar tagħrif dwar dawk l-aspetti.

Emenda 10

ARTIKOLU 1, PUNT 5
Artikolu 4 a (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

Il-format uniformi għal permessi ta’ residenza għandu ikollu jinkludi mezz ta’ memorizzazzjoni li jinkludi xbieha tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll il-marki ta’ swabi f’format interoperabbli. Id-data għandha tkun assigurata u l-mezz ta’ memorizzazzjoni għandu jkun ta’ daqs u kapaċità suffiċjenti biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data.

Il-format uniformi għall-permessi ta’ residenza għandu jinkludi mezz ta’ ħażna li jinkludi ix-xbieha tal-wiċċ kif ukoll żewġ xbiehat tal-marki tas-swaba’ tal-persuna li tippossiedi l-permess, it-tnejn f’formati interoperabbli. Id-dejta għandha tkun assigurata u l-mezz ta’ ħażna tad-dejta li jkun ta’ sigurtà għolja għandu jkun ta’ daqs u kapaċità suffiċjenti biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-dejta.

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti ħafna li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fir-rigward tal-mezz ta’ ħażna tad-dejta.

Emenda 11

ARTIKOLU 1, PUNT 5 A (ġdid)
Artikolu 4b, paragrafu 1 (ġdid) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

 

(5a) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4b li ġej:

 

“Artikolu 4b

 

1. Il-mezz ta’ ħażna tad-dejta għandu jintuża biss mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkat skond l-Artikolu 3(1a), biex jaqraw u jaħżnu id-dejta bijometrika.”

Ġustifikazzjoni

Għandu jiġi stabbilit b’mod ċar fit-test legali liema huma l-awtoritajiet li se jkollhom aċċess għad-dejta. L-aċċess mhux awtorizzat m’huwiex aċċettabbli mill-aspett ta’ privatezza.

Emenda 12

ARTIKOLU 1, PUNT 5 A (ġdid)
Artikolu 4b, paragrafu 2 (ġdid) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

 

2. Id-dejta bijometrika li tiddaħħal fil-mezz ta’ ħażna ma’ tistax tiġi mmodifikata jew imħassra mill-ebda awtorità. Fejn jinħoloq dan il-bżonn, għandu jinħareġ permess ta’ residenza ġdid..

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti li jkun iggarantit li ladarba jkun inħareġ il-permess ta’ residenza, l-ebda informazzjoni oħra ma tiġi miżjuda fil-mezz ta’ ħażna. Jekk jinħoloq il-bżonn li jsiru xi modifikazzjonijiet, irid jinħareġ permess ta’ residenza ġdid sabiex min jinħariġlu l-permess isir konxju ta’ dawk il-modifikazzjonijiet.

Emenda 13

ARTIKOLU 1, PUNT 5 A (ġdid)
Artikolu 4b, paragrafi 3 u 4 (ġodda) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

 

3. Deċiżjonijiet li għandhom implikazzjonijiet sustanzjali ta’ ħarsien ta’ dejta, bħal m’huma deċiżjonijie dwar it-tidħil tad-dejta u l-aċċess għaliha, dwar il-kwalità tad-dejta, il-konformità teknika tal-mezz ta’ ħażna u miżuri ta’ sigurtà għall-ħarsien tal-karatteristiċi bijometriċi, għandhom jittieħdu permezz ta’ regolament bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew.

 

 

4. Is-Superviżur Ewropew għall-Ħarsien tad-Dejta għandu jkollu rwol li jagħti l-pariri f’kull każ li jkollu implikazzjonijiet ta’ ħarsien tad-dejta.

Ġustifikazzjoni

Għandu jingħata rwol adegwat lill-Parlament Ewropew f’kull u fi kwalunkwe deċiżjoni li tirrigwarda s-sigurtà tad-dejta u l-ħarsien tad-dejta, u b'hekk ikun jista’ jkun hemm kontroll demokratiku aħjar u tiġi żgurata l-legalità ta’ l-ipproċessar tad-dejta. Ir-rapporteur jikkunsidra wkoll li l-EDPS għandu jkollha l-possibilità li tagħti parir dwar l-għażliet li jsiru, sabiex jiġi żgurat li dawn jirrispettaw għal kollox il-prinċipji tal-ħarsien tad-dejta.

Emenda 14

ARTIKOLU 1, PUNT 6 A (ġdid)
Artikolu 9, paragrafu 4 a (ġdid) (Regolament (KE) Nru 1030/2002)

 

(6a) Fl-Artikolu 9, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

"4a. L-Istati Membri għandhom b’mod regolari jgħaddu lill-Kummissjoni l-evalwazzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ibbażati fuq standards li sar qbil dwarhom b’mod komuni, b’mod partikulari fir-rigward tar-regoli li jillimitaw l-għanijiet li għalihom tista' tintuża d-dejta u l-korpi li jista' jkollhom aċċess għad-dejta. Huma għandhom ukoll jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-problemi kollha li jiltaqgħu magħhom fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u għandhom jagħmlu skambju ta' prattiki tajba mal-Kummissjoni u bejniethom.

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti ħafna li jkun hemm stabbilit netwerk ta’ kontroll effettiv sabiex tiżdied il-fiduċja fil-kunċett tal-bijometriċi.

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-kuntest

Sabiex jiġi armonizzat il-format tal-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fit-13 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jistabbilixxi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fl-24 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002. Din il-proposta kienet marbuta ma' proposta oħra rigward l-emenda tar-Regolament tal-Kunsill 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi. Madankollu, meta wasal iż-żmien li wieħed jittratta t-teknikalitajiet inqalgħu ċerti problemi rigward il-kolliżjonijiet potenzjali bejn iċ-ċipep ta’ mingħajr kuntatt u liema tip ta’ format kellu jintuża, jiġifieri hux stiker jew karta waħedha. Dak iż-żmien, il-konsultazzjoni kienet il-proċedura li wieħed kellu jsegwi għaż-żewġ tipi ta’ regolamenti u l-Parlament Ewropew ġie kkonsultat skond din il-proċedura.

Ir-rapporteur, li f’dak iż-żmien kien innominat ukoll bħala responsabbli biex jeżamina dawk il-proposti, esprima dubji dwar iż-żewġ proposti. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira waħda minnhom, filwaqt li ħadet l-impenn li tressaq verżjoni mmodifikata dwar format uniformi għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi hekk kif l-inċertezzi tekniċi jkunu ġew solvuti.

Il-format uniformi għall-viżi hu marbut mill-qrib ma’ l-iżvilupp ta’ VIS, jiġifieri sistema għall-iskambju ta’ dejta tal-viżi bejn l-Istati Membri fuq pjattaforma teknika komuni bis-Sistema ta' l-Informazzjoni ta' Schengen II, u ser tiġi ttrattata fil-qafas tas-sistema VIS.

Sa fejn għandu x’jaqsam format uniformi għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fit-13 ta’ Marzu 2006 il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta mmodifikata għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002. Iż-żewġ kwistjonijiet, permess ta’ residenza u viżi ġew separati peress li jservu żewġ għanijiet differenti, l-ewwel wieħed hu li jittieħdu identifikaturi bijometriċi obbligatorji minn dawk li japplikaw għall-viża u jipprovdi qafas legali[1] u ta’ l-aħħar hu li jkun stabbilit format komuni għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE. F'dan il-mument, il-Parlament Ewropew ġie kkunsultat mill-ġdid dwar il-kwistjoni tal-format uniformi għall-permess ta' residenza. Il-bażi legali għal din il-konsultazzjoni hija l-Artikolu 63 (3) (a) TKE.

Il-proposta attwali

Din il-proposta ġdida tirreferi għall-introduzzjoni ta’ dejta bijometrika (xbiha tal-wiċċ u żewġ xbihat tal-marki tas-swaba’ tal-persuna li jkollha l-permess) fil-permess ta’ residenza li ser jinħareġ bħala karta waħedha u trid tkun tinqara minn magni apposta. Il-permess ta’ residenza ser jibqa’ jinħareġ fuq perjodu ta’ sentejn wara l-adozzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi[2], f’forma ta’ sticker.

Barra minn hekk, l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jinserixxu fil-permess ta’ residenza ċippa ta’ kuntatt biex tintuża għas-servizzi-e huma permessi li jagħmlu dan f’żona ddefinita, jiġifieri fiż-Żona 16 kif deskritt fl-anness tal-proposta[3]. L-inserzjoni possibbli ta’ mezz addizzjonali ta’ ħażna għall-użu nazzjonali fil-permess ta’ residenza ser tippermetti li jiġi meqjus kull żvilupp nazzjonali fil-qasam ta' l-awtentikazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, il-firma diġitali u tas-servizzi ta’ l-iggvernar-e għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jgħixu b’mod legali fit-territorju ta’ l-UE. Madanakollu, l-użu ta’ din iċ-ċippa ta’ kuntatt[4] jew kull għażla oħra li hi teknikament possibbli fl-istess permess ta’ residenza fejn il-bijometriċi huma maħżuna huwa aċċettabbli biss jekk ikun akkumpanjat minn regoli stretti għall-ħarsien tad-dejta u jekk ikun hemm is-salvagwardji meħtieġa.

Il-pożizzjoni tar-rapporteur:

L-ewwelnett, ir-rapporteur jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta l-ġdida li tirrappreżenta sforz tajjeb lejn l-armonizzazzjoni tal-format tal-permessi ta' residenza maħruġa mill-Istati Membri lil ċittadini minn pajjiżi terzi. Huwa japprezza wisq il-fatt li l-permessi tal-viża u tar-residenza m’għadhomx marbuta kif kienu fl-ewwel proposta ta’ l-2003 tal-Kummissjoni Ewropea [5] peress li jaqdu żewġ skopijiet differenti, kif inhu ċċarat fl-ewwel parti ta’ dan ir-rapport. It-tieninett, ir-rapporteur jixtieq jenfasizza li l-permess ta’ residenza fih innifsu m’huwiex dokument ta’ l-ivvjaġġar imma ser ikun ikkunsidrat bħala ‘speċi’ ta’ dokument ta’ l-identità biex jintuża fiż-żona ta’ Schengen. Dan ser jimplika li kull ċittadin minn pajjiż terz li joqgħod b’mod legali fl-UE u għalhekk peress li għandu f'idejh permess ta' residenza jista' jkun identifikabbli bl-istess mod ġewwa l-limiti taż-żona ta' Schengen. Din il-konsiderazzjoni tagħmilha possibbli li jkun iċċarat li, bħal sempliċi karta ta’ l-identità, il-permess ta’ residenza għandu jirrispetta l-istess standards għolja ta' sigurtà kif iddefiniti għall-karti ta' l-identità nazzjonali, mingħajr l-ebda bżonn li timxi ma' l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fid-dokument 9303 ta' l-ICAO dwar viżi li jistgħu jinqraw minn magni apposta. Dawk l-istandards għandhom japplikaw biss għad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar proprja, u barra minn hekk dak id-dokument kien l-oġġett ta’ alterazzjonijiet suċċessivi li saru permezz ta’ proċess li hu nieqes mit-trasparenza jew il-leġittimità demokratika. Għalhekk, ir-referenza li saret fit-tielet premessa tal-proposta l-ġdida u fl-Anness tagħha għall-istandards ta’ l-ICAO għandha tinbidel ma’ speċifikazzjonijiet rigorużi ta’ sigurtà ddefiniti skond il-għanijiet speċifiċi li għalihom se jintuża l-permess ta’ residenza.

Is-sustanza tal-proposta tinsab fl-introduzzjoni ta’ l-identifikaturi bijometriċi, jiġifieri Ċippa b’Frekwenza tar-Radju (RFID) li jkun fiha xbieha tal-wiċċ (fi żmien sentejn mill-adozzjoni tal-miżuri tekniċi) u marki tas-swaba’ f'formati interoperabbli (fi żmien tliet snin). Bħala prinċipju, ir-rapporteur jaqbel ma’ l-intenzjoni tal-proposta, jiġifieri li jintużaw il-bijometriċi sabiex tkun imsaħħa s-sigurtà tal-permessi ta’ residenza. L-introduzzjoni tal-bijometriċi fil-fatt se tgħin biex jiġu miġġielda l-frodi u b’hekk issir il-prevenzjoni ta’ l-iffalsifikar u s-serq ta’ l-identità. Aktar minn hekk, il-vantaġġ prinċipali ta’ l-użu tal-bijometriċi hu l-ħolqien ta’ rabta aktar sikura bejn il-permess ta’ residenza u l-persuna li jkun inħareġ il-permess f’isimha. Minkejja dan, l-introduzzjoni u l-ipproċessar ta’ dejta bijometrika għal dokumenti ta’ identità għandhom bżonn li jkollhom salvagwardji partikularment konsistenti u serji, speċjalment fir-rigward ta’ kif jinġabru u jintużaw. Il-karatteristiċi bijometriċi maħżuna fil-permessi ta’ residenza għandhom jintużaw biss għall-ivverifikar ta’ l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tal-persuna li f’isimha jkun inħareġ il-permess permezz ta’ karatteristiċi paragunabbli disponibbli direttament. Kif l-ex-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja u għall-Affarijiet Interni Antonio Vitorino kien enfasizza tant tajjeb, il-bijometrika, “bħal kull teknoloġija oħra, m’hijiex perikolużi fiha nfisha”, imma huwa l-użu li wieħed jagħmel minnha li jista’ jipperikola d-drittijiet fundamentali[6].

Hemm xi kwistjonijiet fil-proposta l-ġdida li jeħtieġu aktar kjarifikazzjoni, fuq kollox sa fejn għandu x’jaqsam il-ġbir tad-dejta bijometrika. Lista ta’ obbligi jew rekwiżiti komuni li għandhom jiġu segwiti għandha titfassal għall-Istati Membri filwaqt li titqies l-ispeċifiċità ta’ dejta bħal din. Aktar minn hekk, sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-permessi ta’ residenza bijometriċi, ikun ta' siwi jekk l-Istati Membri ikunu pprovduti metodoloġija komuni u l-aħjar prattiki.

Ir-rapporteur jinnota b’diżappunt li xejn m’hemm ippjanat fil-proposta preżenti li dwara qed niġu kkonsultati fir-rigward tal-ġbir tal-bijometriċi fejn għandhom x’jaqsmu t-tfal. Aktar kjarifikazzjoni dwar din il-kwistjoni tintlaqa’ b’sodisfazzjoni.

Ir-rapporteur huwa mħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta’ proċeduri ta’ rimedju għal dawk il-persuni li ma jistgħux jipprovdu marki tas-swaba’ jew skening tal-wiċċ li jistgħu jintużaw minħabba raġunijiet fiżiċi bħal m’huma xi diżabilità jew inċident. Obbligu ġenerali li wieħed jipprovdi l-iskening tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ għandu jkun akkumpanjat minn eżenzjoni minn dan l-obbligu għal kull persuna li ma tistax tipprovdi dejta bijometrika minħabba inkapaċitajiet fiżiċi sabiex tiġi rrispettata d-dinjità ta’ dik il-persuna. Din l-eżenzjoni milli wieħed jipprovdi l-marki tas-swaba’ m’għanda la tnaqqas il-livell ta’ sigurtà tal-permess ta’ residenza u l-anqas tistigmatizza lil dawk l-individwi li ma jkunux jistgħu jinqrawlhom il-marki tas-swaba’. Ir-raġuni għall-eżenzjonijiet tista’ tiġi maħżuna fiċ-ċippa tal-permess ta’ residenza.

Kif diġa ġie innotat, il-kwistjoni li jkun permess aċċess għas-servizzi -e (l-iggvernar-e, is-saħħa, l-identifikazzjoni, eċċ.) permezz tal-karti ta’ l-identità u tal-permessi ta’ residenza u l-inserzjoni ta’ ċippa addizzjonali toħloq bosta tħassib. Il-konklużjonijiet ta’ Frar 2007 tal-Kumitat ta’ l-Artikolu 6 jippruvaw jagħtu risposti rigwar id-diversi possibilitajiet tekniċi rigward il-kompatibilità bejn tipi differenti ta’ ċipep [7]li jerfgħu kemm dejta bijometrika u kemm dejta nazzjonali. Ir-rapporteur jagħraf l-importanza tal-kwistjonijiet tekniċi, iżda jixtieq jenfasizza d-diżappunt tiegħu għall-fatt li mkien ma jissemma l-livell ta’ sigurtà ta’ sistema li hija komposta minn partijiet differenti. Hi x’inhi l-għażla li ssir rigward it-tip ta’ ċippa li għandu jintuża u l-implikazzjonijiet tekniċi[8] marbuta miegħu, huwa ta’ l-istess importanza li jkun iggarantit li kull għażla li tista’ ssir tkun tiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà fejn għandha x’taqsam id-dejta sensittiva (pereżempju l-bijometriċi). Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni preżenti, jista’ l-użu tas-servizzi ta’ l-iggvernar-e jiġi implimentat f’ambjent li huwa relattivament “sikur”? Sakemm ikun hemm risposta sodisfaċenti għal din il-mistoqsija, għandna nirriflettu sewwa rigward il-possibilità li tkun introdotta d-dejta tas-servizzi-e f’dan il-punt, peress li ma nistgħux nirriskjaw li nidħlu malajr għal soluzzjonijiet li għada pitgħada jistgħu jġiegħluna nammettu li ma konniex imħejjija tajjeb, jew li soluzzjoni partikulari kienet, fil-fatt, għolja wisq jew kienet teknoloġikament antika jew li setgħet tikkomprometti s-sigurtà ta’ dejta sensittiva. Kull azzjoni bħal din se ddgħajjef il-fiduċja li kulħadd għandu fil-bijometrika.

Fil-fatt, għandna nistabbilixxu lista ta’ kriterji li għandhom jiġu ssodisfati qabel ma tiddaħħal il-possibilità li tiġi maħżuna d-dejta tas-servizzi-e - pereżempju, lista limitata ta’ l-għanijiet u d-dejta li se tiġi maħżuna.

Kif kien imsemmi mill-ġdid fl-ewwel premessa tal-proposta, wieħed mill-għanijiet tat-Trattat ta' Amsterdam hu li jingħata d-dritt ta’ inizjattiva lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi miżuri meħtieġa u relevanti il-politika armonizzata ta’ l-immigrazzjoni. Sabiex isir hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi lill-Istati Membri definizzjoni ċara dwar liema awtoritajiet ser ikunu kompetenti biex iwettqu kontrolli tal-permessi ta’ residenza. Dan se jsir aktar relevanti jekk tiġi implimentata l-għażla tas-servizzi-e, għaliex f’dan il-każ in-numru ta’ awtoritajiet li jista’ jkollhom aċċess għall-permess ta’ residenza ser jikber sew. Imbagħad ser ikun kruċjali, kemm għall-Istati Membri li joħorġu l-permess ta’ residenza kif ukoll għal dawk fejn jeħtieġ li jiġu identifikati ċittadini ta’ pajjiż terzi, li jkollhom lista dettaljata ta’ l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għat-twettiq ta’ l-iċċekkjar tal-permessi ta’ residenza, sabiex ikun evitat l-użu ħażin ta’ din id-dejta sensittiva.

L-irwol ta’ l-Awtorità Ewropea għall-Ħarsien tad-Dejta fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-ħarsien tad-dejta għandu wkoll jiġi rrikonoxxut. L-irwol tiegħu li jagħti pariri jkun ta’ għajnuna kbira għal kull deċiżjoni li jkollha impatt sustanzjali fuq il-ħarsien tad-dejta, bħal m’huma l-aċċess għal u l-introduzzjoni ta’ dejta bijometrika, il-kwalità u l-ġbir ta’ din id-dejta, il-konformità teknika tal-mezz ta’ ħażna, u l-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-sigurtà għall-ħarsien tal-karatteristiċi bijometriċi[9].

Konsiderazzjoni finali, ta’ natura aktar ġenerali, tirrigwarda l-ħtieġa li tiġi ppreżentata bidla kruċjali fil-qasam ta’ l-AFSJ. Ir-rapporteur jemmen li t-Titolu IV TKE kollu kemm hu għandu jiġi rregolat mir-reġim leġiżlattiv ordinarju, jiġifieri l-proċedura ta’ kodeċiżjoni skond l-Artikolu 251 TKE[10]. F’dan il-kuntest, ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal livell ogħla ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam.

  • [1]  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari fir-rigward ta’ l-introduzzjoni tal-biometriċi inklużi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni ta’ l-ilqugħ u l-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet għall-viża, COM(2006) 269.
  • [2]  Punt (1) (a) fl-Anness tal-COM (2006) 110
  • [3]  Ara l-Punt 16 ta’ l-Anness tar-Regolament, COM (2006) 110. Din il-proposta li tiġi installata ċippa ta’ kuntatt biex tippermetti l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħall-iggvernar-e, il-firem diġitali eċċ. iddaħħlet wara r-raġunament tal-gvern Estonjan li jixtieq li ċ-ċittadini tiegħu r-residenti minn pajjiżi terzi jiġu ttrattati fuq bażi ugwali billi jagħtihom aċċess għas-servizzi-e permezz tal-karta ta' l-identità jew tal-permess ta' residenza.
  • [4]  L-użu ta’ ċippa ta’ kuntatt għall-użu nazzjonali m’huwiex obbligatorju - ara l-Punt 16 fl-Anness tar-Regolament, COM (2006) 110.
  • [5]  COM(2003) 558
  • [6]  Opinjoni tal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja u għall-Affarijiet Interni Antonio Vitorino waqt seduta ta’ smigħ pubbliku fil-PE fit-2 ta’ Marzu 2004.
  • [7]  Iridu jitqiesu tliet għażliet: 1) ċippa mingħajr kuntatt għall-bijometriċi u ċippa ta’ kuntatt għall-utenti nazzjonali; 2) ċippa mingħajr kuntatt waħda waħedha li tkun kemm għad-dejta nazzjonali kif ukoll għall-identifikaturi bijometriċi, b’arkitettura u aċċess li jkunu sseparati b’mod ċar; 3) ċippa waħda waħedha b’kuntatt doppju (dual interface), jiġifieri wieħed mingħajr kuntatt għad-dejta bijometrika u l-ieħor ta’ kuntatt għad-dejta nazzjonali.
  • [8]  Bħal m’huma d-data ta’ skadenza għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-volum tal-ħażna, l-ispejjeż tal-produzzjoni u kemm idum iservi l-prodott.
  • [9]  Ara l-Opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea għall-Ħarsien tad-Dejta dwar il-proposta mmodifikata għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jistabbilixxi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, Brussell, 16 ta’ Ottubru 2006.
  • [10]  Kien sar ċertu progress fit-titjib tal-kodeċiżjoni fil-qasam ta’ l-AFSJ, grazzi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2004, li tipprovdi għal ċerti oqsma koperti mit-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li għandhom jiġu rregolati mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 ta' dak it-Trattat, ĠU L 396, tal-31 ta’ Diċembru 2004, p. 45. Sfortunatament il-qasam ta’ interess, jiġifieri l-immigrazzjoni legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terżi lejn u bejn l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 63 (3) (a), ġie mħolli barra u għalhekk għadu suġġett għall-votazzjoni unanima fil-Kunsill u għall-proċedura ta’ konsultazzjoni sa fejn għandu x’jaqsam il-Parlament Ewropew (ara l-premessa 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill hawn fuq imsemmija).

OPINJONI TAL-MINORANZA

minn Giusto Catania

It-tieni proposta mmodifikata li daħħlet id-dejta bijometrika fir-Regolament 1030/2002 li jistabbilixxi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi tqajjem diversi tħassib rigward il-fattibilità teknika tagħha, l-ispejjeż finanzjarji u r-riskji ta' l-abbuż. Għadu mhux ċar jekk l-introduzzjoni ta' l-identifikaturi bijometriċi tassew issidx is-sigurtà jew jekk hijiex aktarx ta’ theddida għas-sikurezza permezz tar-riskji ta’ abbuż, difetti teknoloġiċi u n-nuqqas ta’ trasparenza u ħarsien sikur tad-dejta. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ukoll ħarġet teknikament impossibbli u parti mir-riżorsi finanzjarji ddestinati għall-iżvilupp tagħha ġew moħlija. Minħabba dawn ir-raġunijiet ma nistgħux nappoġġjaw il-proposta mmodifikata tal-Kummissjoni li għal darba oħra tkun qed iżżid l-ispejjeż finanzjarji u d-diffikultajiet tekniċi li bl-ebda mod m’huma se jkunu adegwati għall-valur miżjud fis-sikurezza.

PROĊEDURA

Titolu

Format uniformi għal permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjizi terzi

(li temenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002)

Referenzi

COM(2006)0110 - C6-0157/2006 - 2003/0218(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

17.5.2006

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

1.6.2006

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Carlos Coelho

1.6.2006

 

 

Diskussjoni fil-kumitat

27.11.2006

11.4.2007

8.5.2007

5.6.2007

Data ta’ l-adozzjoni

5.6.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

31

2

0

Membri preżenti għall-vot finali

Alexander Alvaro, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Inger Segelström, Károly Ferenc Szabó, Adina-Ioana Vălean, Manfred Weber

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Simon Busuttil, Gérard Deprez, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Bogdan Klich, Jean Lambert, Marianne Mikko, Hubert Pirker

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Aloyzas Sakalas

Data tat-tressiq

8.6.2007

Data meta ġie kkonsultat il-PE

7.10.2003

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Carlos Coelho

1.6.2006

 

 

Diskussjoni fil-kumitat

27.11.2006

11.4.2007

8.5.2007

5.6.2007

Data ta’ l-adozzjoni

5.6.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

31

2

0

Membri preżenti għall-vot finali

Alexander Alvaro, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Inger Segelström, Károly Ferenc Szabó, Adina-Ioana Vălean, Manfred Weber

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Simon Busuttil, Gérard Deprez, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Bogdan Klich, Jean Lambert, Marianne Mikko, Hubert Pirker

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Aloyzas Sakalas

Data tat-tressiq

8.6.2007