RAPPORT dwar id-delinkwenza tal-minorenni, is-sehem tan-nisa, il-familja u s-soċjetà

7.6.2007 - (2007/2011(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Katerina Batzeli

Proċedura : 2007/2011(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0212/2007

MOZZJONI GĦAL RIZOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-delinkwenza tal-minorenni, is-sehem tan-nisa, il-familja u s-soċjetà

(2007/2011(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU fuq id-drittijiet tat-tfal ta' l-20 ta' Novembru 1989 u, b'mod partikulari, l-Artikoli 37 u 40 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Regoli Minimi Standard tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tal-Minorenni jew 'Ir-Regoli ta' Beijing' ta' l-1985, adottati mir-Riżoluzzjoni 40/33 ta' l-Assemblea Ġenerali tad-29 ta' Novembru 1985,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni tad-Delinkwenza fost il-Minorenni jew 'Il-linji gwida ta' Riyadh' ta' l-1990, adottati mir-Riżoluzzjoni 45/112 ta' l-Assemblea Ġenerali ta' l-14 ta' Diċembru 1990,

–   wara li kkunsidra r-Regoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni tal-Minorenni Mċaħħda mil-Libertà, adottati mir-Riżoluzzjoni 45/113 ta' l-Assemblea Ġenerali ta' l-14 ta' Diċembru 1990,

–   wara li kkunsidra t-Trattat Ewropew tal-Kunsill ta' l-Ewropa fuq l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tat-tfal tal-25 ta' Jannar 1996 u, b'mod partikulari, l-Artikoli 1 u l-Artikoli 3 sa 9 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-modi ġodda ta' kif tkun ittratata d-delinkwenza tal-minorenni u l-irwol tal-ġustizzja għall-minorenni, (Rec(2003)20) ta' l-24 ta' Settembru 2003,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar ir-reazzjonijiet soċjali għad-delinkwenza tal-minorenni, (Rec (87) 20) tas-17 ta' Settembru 1987,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar ir-reazzjonijiet soċjali għad-delinkwenza tal-minorenni fost il-familji ta' l-emigranti, (Rec (88) 6) tat-18 ta' April 1988,

–   wara li kkunsidra t-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikulari, l-Artikolu 6 u d-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tiegħu rigward il-koperazzjoni tal-pulizija u l-ġudikatura fi kwistjonijiet kriminali,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b'mod partikulari, it-Titolu XI tiegħu fuq il-politika soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ u, b'mod partikolari, l-Artikolu 137 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Programm Qafas AGIS, li skada fil-31 ta' Diċembru 2006, u r-Regolament tal-Kunsill Nru 168/2007 li jistabbilixxi l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, adottat fil-15 ta' Frar 2007[1],

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament tat-30 ta' Novembru 2006 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea biex twettaq l-attivitajiet tagħha fl-oqsma li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea[2] ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fil-5 ta' Marzu 2007 biex tkun adottata deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm speċifiku għall-perjodu 2007-2013 biex jipprevjeni u jiġġieled kontra l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u biex iħares il-vittmi u l-gruppi li huma f'riskju (il-Programm Daphne III) fi ħdan il-programm ġenerali 'Id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja',

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Direzzjoni għal strateġija Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2006)0367)"

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 1992 fuq il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal[3] u, b'mod partikulari, il-paragrafi 8.22 u 8.23 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill1 2001/427/JAI tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi netwerk Ewropew għall-prevenzjoni tal-kriminalità[4],

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Marzu 2006 bl-isem 'Il-Prevenzjoni tad-Delinkwenza tal-Minorenni: modi kif tittratta d-delinkwenza tal-minorenni u s-sehem tas-sistema tal-ġustizzja tal-minorenni fl-Unjoni Ewropea'[5],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza li saret fi Glasgow bejn il-5 u s-7 ta' Settembru 2005 taħt il-patroċinju tal-Presidenza tar-Renju Unit tal-Kunsill bit-tema 'Iż-Żgħażagħ u l-Kriminalità: il-Perspettiva Ewropea',

–   wara li kkunsidra l-aħħar rapporti taċ-Ċentru Ewropew għad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0212/2007),

A. billi d-delinkwenza tal-minorenni minnha nnifisha hija aktar perikoluża minn dik tal-kbar għaliex taffettwa taqsima tal-popolazzjoni li hija vulnerabbli b'mod partikulari fi stadju meta qed titrawwem il-personalità, hekk li tesponi lill-minorenni sa minn kmieni għar-riskju ta' l-esklużjoni soċjali u l-istigmatizzazzjoni,

B. billi l-istudji nazzjonali, Ewropej u internazzjonali juru li kien hemm żieda allarmanti fid-delinkwenza tal-minorenni f'dawn l-aħħar għoxrin sena,

C. billi hemm tħassib dwar id-delinkwenza tal-minorenni minħabba l-kobor tal-problema llum dovuta għall-età aktar bikrija ta' min qiegħed jinqabad fid-delinkwenza, u minħabba n-numru li qed jiżdied tar-reati magħmula minn tfal ta' taħt it-13-il sena u b'imġiba li qiegħda turi moħqrija dejjem akbar,

D. billi l-mod ta' kif qed tinġabar u tiġi ppreżentata attwalment l-istatistika rigward delinkwenza tal-minorenni ma tossodisfax la l-ħtiġijiet reali u lanqas il-kundizzjonijiet attwali, hekk li qed ssir aktar imperattiva l-ħtieġa li jkun hemm statistiċi nazzjonali affidabbli,

E.  billi huwa diffiċli li tikkategorizza b'mod preċiż ir-raġunijiet li jwasslu għall-imġiba delinkwenti fost il-minorenni minħabba li l-esperjenzi li jwasslu għal tipi ta' imġiba soċjalment devjanti u eventwalment delinkwenti tista' tispjega ruħha minn ċirkostanzi individwali u speċifiċi skond il-ħajja li għadda minnha u elementi essenzjali għat-trawwim ta' kull tifel u adoloxxenti, li huma l-iskola, iċ-ċirku ta' ħbieb, kif ukoll, f'qasam aktar wiesa', l-ambjent soċjoekonomiku li jgħix fih,

C. billi l-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għad-delinkwenza tal-minorenni huma n-nuqqas ta' organizzazzjoni, ta' komunikazzjoni u ta' mudelli xierqa fi ħdan il-familja minħabba l-assenza ta' sikwit tal-ġenituri, il-problemi psikopatoloġiċi assoċjati ma' l-abbuż fiżiku u sesswali minn persuni fi ħdan l-ambjent tal-familja, l-inkapaċità tas-sistemi edukattivi li jitrasmettu l-valuri soċjali u minħabba l-faqar, il-qgħad, l-esklużjoni soċjali u r-razzizmu; u wkoll fatturi sinifikanti oħrajn bħat-tendenza qawwija biex jikkupjaw li ż-żgħazżagħ jizviluppaw biex jippruvaw jorqmu l-personalità tagħhom, il-problemi fil-personalità li jiġu mill-konsum ta' l-alkoħol u d-drogi u l-mod kif il-midja tal-massa tipprojetta mudelli ta' vjolenza żejda, bla sens u bla bżonn,

G. billi l-imġiba devjanti fost iż-żagħżagħ mhux dejjem issib l-oriġini tagħha fil-kuntest tal-familja,

H. billi ż-żieda fl-użu minn adoloxxenti tal-kannabis u ta' droga oħra u/jew ta' l-alkoħol għandha tkun korrelatata maż-żieda fid-delinkwenza tal-minorenni,

I.   billi l-migranti, b'mod partikulari migranti minorenni, huma esposti ħafna aktar għall-kontroll soċjali, hekk li jista' jwassal li jagħti x'jifhem li l-problemi tad-delinkwenza tal-minorenni tolqot l-aktar l-ambjenti tal-migranti u mhux lis-soċjetà kollha kemm hi, approċċ li mhux biss huwa żbaljat imma wkoll soċjalment perikoluż,

J.   billi ż-żewġ forom "attwali" tad-delinkwenza tal-minorenni jinsabu fil-formazzjoni ta' "gangs ta' żagħżagħ", kif ukoll fiż-żieda tal-vjolenza fl-ambjent ta' l-iskola, b'mod partikulari f'ċerti Stati Membri u li l-istudju tagħhom, kif ukoll ir-rimedji eventwali tiegħu, qed jirriżultaw ikkomplikati,

K. billi l-firxa ta' żviluppi bħall-gangs taż-żagħżagħ wasslu biex ċerti Stati Membri jħarrxu aktar il-liġi kriminali tal-minorenni u biex jerġgħu idaħħlu sentenzi tradizzjonali ta' ħabs,

L.  billi f'ċerti Stati Membri l-inħawi kif ukoll l-istess btieħi ta' l-iskejjel, inklużi dawk f'lokali privileġġati, saru zoni fejn il-liġi donnha ma teżistix, (bil-bejgħ ta' drogi, atti ta' vjolenza kultant bi xfafar, diversi rackets oħrajn u l-iżvilupp ta' logħob perikoluż bħal "happy slapping" u l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta' ritratti ta' xeni ta' vjolenza meħudin b'telefowns ċellulari),

M. billi ġiet osservata tul dawn l-aħħar snin riforma gradwali tal-liġi kriminali nazzjonali rigward il-minorenni li suppost għandha tikkonċentra fuq miżuri għar-riedukazzjoni, kif ukoll fuq ir-riabilitazzjoni u t-terapija u mhux biss fuq sentenzi ta' ħabs li, jekk jinstab li dan ikun meħtieġ, għandhom ikunu miżuri li jittieħdu biss meta ma jkunx hemm rikors ieħor; billi madankollu jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri ġodda ħafna drabi hija mxekkla minn nuqqas ta' l-infrastruttura materjali teknika u moderna xierqa, kif ukoll minn nuqqas ta' persunal imħarreġ u speċjalizzat u dan minħabba l-parteċipazzjoni soċjali limitata u minħabba nuqqas ta' finanzjament suffiċjenti,

N. billi l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għandha tendenza li tikkastiga azzjonijiet u attitudnijiet ta' minorenni ukoll meta dawn ma jitqisux bħala delinkwenti meta jitwettqu minn adulti, hekk li dan issaħħaħ il-kontroll kriminali u soċjali fuq il-minorenni, imma jwassal ukoll biex jikkastiga b'mod abbużiv il-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diffikultajiet fl-integrazzjoni fis-soċjetà li jilaqtgħu magħhom kultant iż-żagħżagħ,

O. billi l-ġzuz ta' immaġnijiet ta' xeni ta' vjolenza estrema u ta' materjal pornografiku mxandra mill-mezzi ta' komunikazzjoni u dawk awdjoviżwali, bħalma huma l-logħob, it-televiżjoni u l-internet, kif ukoll l-esplojtazzjoni mill-midja ta' l-immaġnijiet ta' delinkwenti minorenni u tal-vittmi, bosta drabi jistgħu jitqiesu kważi bħala ksur tad-drittijiet fundamentali tat-tfal u jikkontribwixxu biex jippropagaw il-banalizzazzjoni tal-vjolenza,

P.  billi twaqqaf grupp ta' ħidma speċjali dwar id-delinkwenza tal-minorenni fin-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità stabbilit fl-2001, li beda jagħmel studju komparattiv dettaljat fis-27 Stat Membru biex iservi ta' bażi għall-iżviluppi tal-politika tal-futur ta' l-UE f'dan il-qasam,

1.  Jenfasizza li wieħed jista' jiġġieled id-delinkwenza tal-minorenni biss jekk tiġi adottata strateġija integrata fil-livell nazzjonali u Ewropew li tgħaqqad flimkien tliet prinċipji gwida: il-prevenzjoni, l-integrazzjoni soċjali tal-minorenni li jiksru l-liġi, u l-miżuri għat-tmexxija leġiżlattiva;

Il-politiki fil-livell nazzjonali

2.  Jenfasizza li fit-tfassil u l-implimentazzzjoni ta' strateġija nazzjonali integrata għandu jkun hemm l-involviment importanti u deċiżiv u l-parteċipazzjoni soċjali diretta ta' l-atturi soċjali kollha, jiġifieri, ta' l-Istat, meqjus bħala l-amministrazzjoni ċentrali, ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali, ta' dawk responsabbli għall-iskejjel tal-komunità, il-familji u l-NGOs, b'mod partikulari dawk iffukati fuq iż-żagħżagħ, is-soċjetà ċivili u l-individwi kollha; isossni li fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet maħsuba biex jiġġieldu kontra d-delinkwenza tal-minorenni huwn indispensabbli li wieħed jiddisponi minn riżorsi finanzjarji biżżejjed;

3.  Jenfasizza li l-ġlieda effettiva kontra d-delinkwenza tal-minorenni titlob politika integrata u effettiva għall-iskejjel, għas-soċjetà, għall-familja u għall-edukazzjoni u li tikkontribwixxi biex tgħaddi liż-żagħżagħ il-valuri soċjali u ċiviċi u għas-soċjalizzazzjoni tagħhom minn kmieni; iqis, minbarra hekk, li jeħtieġ li tiġi definita politika kkonċentrata fuq koeżjoni ekonomika u soċjali aħjar bl-iskop li tnaqqas l-inugwaljanzi soċjali u biex tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, b'attenzjoni partikulari fuq il-faqar fost it-tfal;

4. Iqis li l-prevenzjoni fil-qasam tad-delinkwenza tal-minorenni għandha tinfirex fuq tliet livelli fundamentali, li huma: il-prevenzjoni primarja indirizzata lejn iċ-ċittadini kollha, il-prevenzjoni sekondarja indirizzata lejn delinkwenti minorenni okkażżjonali jew dawk potenzjali, u fl-aħħarnett, il-prevenzjoni terzjarja indirizzata lejn minorenni b'imġiba delinkwenti persistenti u bl-iskop li din l-imġiba titwaqqaf;

5.  Iqis li jeħtieġ li jiġu stabbiliti serje ta' limiti u gwidi konkreti li l-familji, l-edukaturi u s-soċjetà għandhom jittrażmettu liż-żagħżagħ minn età kemm jista' jkun kmieni;

6.  Huwa tal-fehma li l-prevenzjoni tad-delinkwenza fost il-minorenni teħtieġ ukoll politiki pubbliċi f'oqsma oħra, inklużi l-oqsma ta' l-akkomodazzjoni, tax-xogħol, tat-taħriġ professjonali, tad-divertiment u ta' l-iskambji fost iż-żagħżagħ;

7.  Ifakkar li l-familji kif ukoll l-iskejjel u s-soċjetà ġenerali għandhom jikkollaboraw fil-ġlieda kontra l-fenomenu dejjem jikber tal-vjolenza taż-żagħżagħ;

8.  Jiġbed l-attenzjoni ta' l-Istati Membri lejn l-irwol speċifiku mogħti lill-familja f'kull stadju tal-ġlieda kontra d-delinkwenza fost il-minorenni u jitlob lil dawn biex jipprovdu appoġġ xieraq lill-ġenituri;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaraw li l-politiki nazzjonali tagħhom jinkludu miżura li tipprovdi btala ta' sena għall-familji li jkunu jixtiequha biex jiffavorixxu l-ewwel edukazzjoni ta' l-ulied, li hija ta' l-akbar importanza għall-iżvilupp affettiv tagħhom;

10. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ partikulari lill-familji li jsibu ruħhom jiffaċċjaw problemi soċjali u ekonomiċi; jenfasizza li l-adozzjoni ta' miżuri maħsuba biex ikopru bżonnijiet essenzjali rigward akkomodazzjoni u alimentazzjoni, garanzija ta' aċċess lill-membri kollha tal-familja, ibda mit-tfal, għal edukazzjoni bażika u għall-kura tas-saħħa, kif ukoll azzjonijiet maħsuba biex jiggarantixxi aċċess ugwali tal-membri ta' dawn il-familji għas-suq tax-xogħol u għall-ħajja soċjali, ekonomika u politika, ilkoll jikkontribwixxu biex jiggarantixxu ambjent tal-familja b'saħħtu u xieraq għall-iżvilupp u l-ewwel soċjalizzazzjoni tat-tfal;

11. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu r-riżorsi neċessarji biex joffru servizz ta' għajnuna effikaċi għal pariri psikoloġiċi u soċjali u li jinkludi punti ta' riferiment għall-familji bi problemi rigward delinkwenza tal-minorenni;

12. Jenfasizza l-irwol partikulari fdat lill-iskola u lill-komunità skolastika fit-trawwim tal-personlità tat-tfal u ta' l-adolexxenti; jenfasizza li żewġ karatteristiċi essenzjali ta' l-iskola ta' llum, jiġifieri d-diversità kulturali u l-aċċent fuq d-differenzi bejn il-klassijiet soċjali jistgħu jwasslu - jekk f'dik li hi intervenzjoni ma jkunx hemm appoġġ u kuntatt ma' l-istudenti mill-istrutturi meħtieġa ta' l-iskejjel - għal vjolenza fil-qasam skolastiku u li jiġi stabbilit ambjent ostili bejn, min naħa l-istudenti aggressivi li jagħmulha ta' bullies u min-naħa l-oħra, il-vittmi tagħhom;

13. Rigward dan, jistieden lill-Istati Membri biex jifformulaw għall-awtoritajiet edukattivi l-linji gwida meħtieġa għal sistema moderna għall-immaniġġjar tal-konflitti fl-ambjent ta' l-iskejjel permezz ta' sessjonijiet ta' medjazzjoni li fihom jieħdu sehem flimkien l-istudenti, il-ġenituri, l-għalliema u s-servizzi kompetenti ta' l-awtoritajiet lokali;

14. Jikkunsidra li huwa assolutament indispensabbli li jingħata taħriġ xieraq lill-għalliema sabiex dawn ikunu kapaċi jimmaniġġjaw klassijiet eteroġenji u biex jimplimentaw sistema edukattiva li ma tkunx moralista imma preventiva u bbażata fuq is-solidarjetà, u biex jevitaw l-istigmatizzazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, kemm ta' delinkwenti minorenni, kif ukoll ta' sħabhom li jisfaw vittmi tagħhom;

15. Jitlob minbarra dan lill-Istati Membri biex jintegraw fil-politika edukattiva tagħhom l-għajnuna ta' appoġġ psikoloġiku u ta' pariri intiżi b'mod partikulari għat-tfal li jiffaċċjaw problemi ta' soċjalizzazzjoni, il-possibilità li tingħata kura medika f'kull istituzzjoni edukattiva, il-ħatra ta' assistenti soċjali inkarigat partikularment minn numru ristrett ta' istituzzjonijiet edukattivi, ta' soċjologu kriminoloġista, ta' psikoloġu pedjatriku u ta' esperti fil-qasam tad-delinkwenza ta' minorenni, kontroll strett tal-konsum ta' l-alkoħol u ta' l-użu drogi fost l-istudenti, il-ġlieda kontra kull xorta ta' diskriminazzjoni fost il-membri tal-komunità skolastika, il-ħatra ta' medjatur komunitarju li jservi ta' ħolqa bejn l-iskola u l-komunità, kif ukoll il-koperazzjoni bejn l-komunitajiet skolastiċi differenti f'dak li għandu x'jaqsam mat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' programmi kontra l-vjolenza;

16. Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għar-regolamentazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali biex jimmoniterjaw bl-aktar mod strett ir-rispett tal-leġiżlazzjoni komunitarja u nazzjonali dwar avviżi dwar il-kontenut ta' xandir televiżiv u ta' programmi oħra li jistgħu jinkludu xeni partikolarment vjolenti jew li ma jkunux xierqa għall-minorenni; jitlob minbarra dan li l-Istati Membri jistabbilixxu flimkien ma' dawk risponsabbli għall-midja, "pjan ta' azzjoni" maħsub biex iħares id-drittijiet tat-tfal kif ukoll, b'mod partikulari, dawk ta' delinkwenti minorenni, billi jipprojbixxi x-xandir ta' xeni ta' vjolenza estrema f'ċerti ħinijiet tal-ġurnata u l-projbizzjoni tax-xandir ta' l-identità ta' minorenni implikati f'każijiet ta' delinkwenza;

17. Jitrrakkomanda lill-Istati Membri biex isaħħu l-irwol u jtejbu l-kwalità ta' ċentri taż-żagħżagħ li huma meqjusa bħala lokal adattat għall-iskambji bejn iż-żagħżagħ u jenfasizza li d-dħul ta' żagħżagħ delinkwenti f'dawn il-postijiet jikkontribwixxi għas-soċjalizzazzjoni tagħhom u jsaħħaħ is-sens ta' sħubija tagħhom f'kategorija normali tas-soċjetà;

18. Jisħaq fuq il-fatt li l-midja jista' jkollha rwol konsiderevoli fil-prevenzjoni tad-delinkwenza fost iż-żagħżagħ u dan billi tieħu inizjattivi f'dik li hi informazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u billi xxandar programmi ta' kwalità għolja li jenfasizzaw il-kontribut pożittiv taż-żagħżagħ għas-soċjetà, filwaqt li, bil-kontra, tikkontrolla x-xandir ta' xeni ta' vjolenza, pornografija u użu ta' drogi, fuq il-bażi ftehimiet li jkunu integrati fil-"pjan ta' rotta" maħsub biex jipproteġi d-drittijiet tat-tfal;

19. Jitlob lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw il-miżuri legali u leġiżlattivi tagħhom sabiex jikkontrollaw il-kriminilatità fost il-minorenni fis-sens li jkun hemm tnaqqis fil-kriminilizzazzjoni, fl-issentenzjar, fil-prosekuzzjoni u fl-istitutilizzazzjoni; għal dan il-għan jirrakkomanda li jiġu minimalizzati l-miżuri li jġibu t-tneħħija tal-libertà u sentenzi stretti ta' ħabs jew ta' ħabs kundizzjonali għall-minorenni kkonċernat, billi flokhom ikun hemm għażliet ta' natura edukattiva li għalihom jistgħu jirrikkorru liberament il-qrati nazzjonali; bħalma huma xogħol ta' servizz komunitarju, riabilizzazzjoni, medjazzjoni mal-vittmi, korsijiet ta' taħriġ professjonali u korsijiet ta' sewqan, korsijiet ta' taħriġ speċjalizzat għal min ikun dipendenti fuq id-droga jew l-alkoħol;

20. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri ġodda innovattivi bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet ġudizzjarji bħalma hija l-parteċipazzjoni diretta ta' ġenituri u gwardjani ta' minorenni fil-proċeduri legali mill-bidu tal-prosekuzzjoni sa l-għoti tas-sentenzi, flimkien ma' riedukazzjoni u appoġġ psikoloġiku intensiv, l-għażla ta' familja ospitanti inkarigata, jekk ikun meħtieġ, biex teduka lill-minorenni, kif ukoll l-appoġġ f'dak li huma pariri u informazzjoni għall-ġenituri u għalliema f'każijiet ta' imġiba vjolenti mill-minorenni fl-ambjent ta' l-iskola;

21. Ifakkar li rigward id-delinkwenza tal-minorenni l-prosegwiment tal-proċeduri legali u t-tul tagħhom, l-għażla tal-miżura li għandha tiġi adottata kif ukoll l-implimentazzjoni ta' wara tagħha, għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipju ta' l-interess aħħari tat-tfal u tar-rispett tal-liġi proċedurali; rigward dan jenfasizza li kull miżura ta' ħabs m'għandhiex tittieħħed jekk mhux bħalha rikors aħħari u trid titwettaq f'infrastrutturi xierqa għal delinkwenti żagħżagħ;

22. Jitlob lill-Istati Membri biex fi ħdan approċċ integrat għad-delinkwenza tal-minorenni jiġu previsti approprijazzjonijiet fiskali speċifiċi u awtonomi sabiex jiġu adottati miżuri ta' prevenzjoni kontra d-delinkwenza taż-żagħżagħ, tisħiħ fl-approprijazzjonijiet allokati għal programmi għall-integrazzjoni soċjali u professjonali taż-żagħżagħ, u tkabbir fir-riżorsi bbażati fuq ir-rivalorizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ta' istituzzjonijiet ospitanti għall-minorenni delinkwenti fil-livell ċentrali u reġjunali, kif ukoll fuq taħriġ speċjalizzat u t-tkomplija tat-taħriġ tal-professjonijisti kollha u ta' organizzazzjonijiet responsabbli li huma konċernati;

Lejn Strateġija Ewropea

23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex b'koperazzjoni mal-Kummissjoni jiġbru u jadottaw mill-aktar fis numru ta' standards minimi u prinċipji gwida komuni għall-Istati Membri kollha relatati mad-delinkwenza tal-minorenni u sabiex jiffukaw fuq l-erba' pilastri bażiċi tal-prevenzjoni, ir-rijabiliatzzjoni u r-riintegrazzjoni soċjali u l-miżuri ġudizzjarji jew ekstraġudizzjarji, fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti b'mod internazzjonali skond il-linji gwida tar-regoli ta' Beijing u ta' Riyadh, il-konvenzjoni tan-nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, kif ukoll skond il-konvenzjonijiet internazzjonali l-oħra adottati f'dan il-qasam;

24. Hu tal-fehma li l-għan ta' approċċ Ewropew komuni għandu jkun li ssir definizzjoni ta' mudelli għal interventi ekstraġudizzjarji li jittrattaw u jimmaniġġjaw id-delinkwenza tal-minorenni, waqt li r-rikors għall-miżuri ta' kustodja u kastigi għandhom ikunu l-aħħar miżura u jingħataw biss meta jitqiesu li jkunu assolutament meħtieġa;

25. Iqis li l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żagħżagħ fil-kwistjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha li jolqtu lilhom huma indispensabbli jekk irridu li jinstabu soluzzjonijiet komuni li jirnexxu; għalhekk iqis li fl-istadju ta' l-intervenżjoni ta' assessuri tal-qorti għat-tfal (youth court jurors) wieħed irid joqgħod attent li dawn ma jkollhomx biss esperjenza fil-qasam ta' l-edukazzjoni taż-żagħżagħ, imma li jkunu wkoll kisbu taħriġ dwar problemi tal-vjolenza fost iż-żagħżagħ;

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji speċifiċi għall-Istati Membri kollha għall-ġabra ta' statistika nazzjonali sabiex ikun żgurat li din tkun tista' titqabbel u għalhekk tkun tista' tintuża fl-ippjanar tal-miżuri fuq skala Ewropea; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu sehem attiv fil-ħidma tal-Kummissjoni billi jimmotivaw u jiksbu l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, regjonali u lokali kompetenti, l-assoċjazzjonijiet, l-NGOs u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'dan il-qasam;

27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali ta' l-Istati Membri biex jispiraw ruħhom mill-aħjar prattiki mwettqa fil-pajjiżi ta' l-Unjoni li kapaċi jimmobilizzaw is-soċjetà kollha kemm hi u li jinkludu azzjonijiet u intervenzjonijiet pożittivi minn għaqdiet ta' ġenituri ta' studenti u ta' NGOs fl-iskejjel u tar-residenti tal-lokali, u sabiex jinħarġu konklużjonijiet mill-esperjenza ta' Stati Membri rigward ftehimiet ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet taż-żagħżagħ u s-servizzi soċjali fil-livell lokali, filwaqt li tiġi rrispettata s-segretezza ta' bejniethom, kif ukoll strateġiji nazzjonali u programmi ta' appoġġ għaż-żagħżagħ fil-livell nazzjonali, jistieden lill-Istati Membri biex jispiraw ruħhom mill-aħjar prattiki attwali tagħhom rigward il-ġlieda kontra l-iżvilupp li jħasseb ta' użu ta' droga fost il-minorenni u d-delinkwenza li jġib miegħu, kif ukoll mill-aħjar soluzzjonijiet għall-użu serju, speċjalment rigward kura medika;

28. Jifraħ bl-inizjattivi nazzjonali li jinkludu passi pożittivi għall-integrazzjoni, bħalma huma "l-animaturi barra mill-iskola" (out of school youth worker scheme) li bdiet titħaddem f'reġjuni bħal La Rioja;

29. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibdew billi jattivaw il-mezzi u l-programmi Ewropej diġà eżistenti u biex jintegraw magħhom azzjonijiet għall-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni u biex jipprevjenu dan il-fenomenu, kif ukoll biex jiżguraw li jkun hemm riintegrazzjoni normali fis-soċjetà tad-delinkwenti u tal-vittmi; rigward dan, jiġbed l-attenzjoni lejn:

-    il-programm speċifiku "Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità" (2007-2013), li huwa essenjalment bbażata fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-protezzjoni tal-vittmi,

-    il-programm speċifiku "Il-ġustizzja kriminali " (2007-2013), li għandu l-iskop li jippromwovi l-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u li huwa bbażat fuq għarfien u fiduċja reċiproka, tisħiħ ta' kuntatti u skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti;

-    il-programm Daphne III dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal u ż-żagħżagħ,

-    il-programm "Iż-żagħżagħ u l-ażżjoni" (2007-2013) li wieħed mill-prijoritajiet prinċipali tiegħu hu l-appoġġ għaż-żagħżagħ neqsin mill-opportunitajiet jew li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati,

-    l-ażżjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-programm Equal favur it-tisħiħ u l-integrazzjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal persuni żvantaġġati,

-    l-inizjattiva tal-programm Urbact li hija appoġġjata mill-Unjoni u li hija bbażata fuq l-iskambju ta' l-aħjar prattiki bejn l-ibliet Ewropej favur ambjent aktar vijabbli għar-residenti u li jinkludi azzjonijiet biex jinħoloq ambjent urban aktar sigur għaż-żagħżagħ, kif ukoll azzjonijiet favur l-integrazzjoni soċjali ta' żagħżagħ l-aktar żvantaġġati u li hu bbażat fuq is-soċjalizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom;

-    inizjattivi bħal programmi transkonfinali "'Safety Net for Children and Youth at Risk', li jikkonċentraw fuq l-adozzjoni ta' miżuri favur tfal u żagħżagħ fil-periklu jew li jinsabu f'kundizzjonijiet li jeskludhom soċjalment, u li fihom jistgħu u għandhom jipparteċipaw imsieħba mill-akbar numru possibbli ta' Stati Membri,

-    il-linja Ewropea għal tfal li sparixxew, li fost dawn hemm inklużi vittmi tad-delinkwenza tal-minorenni;

30. Jenfasizza li wieħed mill-elementi ta' prevenzjoni u tal-ġlieda kontra d-delinkwenza fost il-minorenni huwa l-iżvilupp ta' politika ta' komunikazzjoni li tgħarraf lill-pubbliku dwar il-problemi tal-vjolenza fil-midja biex din titwaqqaf u biex jinkiseb l-appoġġ mill-midja awdjoviżwali favur programmi li ma jkunux ikkonċentrati biss fuq vjolenza; għalhekk jitlob li jiġu ffissati standards Ewropej sabiex jiġi limitat ix-xandir tal-vjolenza kemm fil-midja awdjoviżwali kif ukoll fl-istampa bil-kitba;

31. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li d-Direttiva 89/552/KEE, "It-televiżjoni mingħajr fruntieri"[6] tistabbilixxi limiti konkreti għat-trażmissjoni ta' immaġnijiet vjolenti u, b'mod aktar ġenerali, ta' immaġnijiet li mhumiex rakkomandati għall-edukazzjoni tat-tfal, li tikkostitwixxi miżura għall-prevenzjoni tal-vjolenza minn minorenni jew kontra minorenni; jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu passi kumplimentari f'dan is-sens billi testendi dawn l-obbligi għas-settur tat-telefonerija mobbli u għall-internet, liema passi għandhom ikunu ta' prijorità politika fundamentali fi ħdan il-komunikazzjoni diġà msemmija tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal;

32. Jifraħ bid-dħul fis-seħħ ta' qafas Ewropew għall-awtoregolamentazzjoni ta' intrapriżi Ewropej għal użu aktar sigur tat-telefonerija mobbli minn adoloxxenti u t-tfal u jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tagħmel proposti speċifiċi li jorbtu fil-livell Ewropew li jiżguraw għarfien u viġilanza rigward in-navigazzjoni fuq l-internet u l-użu tat-telefonerija mobbli;

33. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mill-aktar fis Osservatorju Ewropew għad-Delinkwenza tal-Minorenni, bil-għan li jiġbor u jagħmel evalwazzjoni komparattiva ta' l-istatistika ta' l-Istati Membri kollha, jippermetti l-iskambju ta' l-esperjenza u l-prattiki tajbin, jippjana u jippromwovi inizjattivi innovattivi u programmi fil-livell internazzjonali, interreġjonali u Komunitarju, jagħti appoġġ u pariri, jorganizza seminars li fihom jipparteċipaw l-awtoritajiet nazzjonali u, fl-aħħarnett, jorganizza l-koperazzjoni teknika u xjentifika fuq affarijiet relatati mat-taħriġ ta' persunal u l-iskambju ta' professjonisti; jenfasizza li l-azzjoni effettiva ta' dan l-Osservatorju Ewropew tiddependi mill-attivazzjoni u l-operat effettivi ta' l-osservatorji nazzjonali bl-istess responsabilitajiet;

34. Jitlob li l-Kummissjoni toħloq numru tat-telefon bla ħlas Ewropew għat-tfal u l-adoloxxenti bi problemi, hekk li dan in-numru jkun jista' jagħti kontribut siewi biex jipprevjeni d-delinkwenza tal-minorenni;

35. Jistieden lill-Kummissjoni biex wara li jintemmu l-istudji meħtieġa fil-livell Ewropew, tipproponi programm ta' qafas Komunitarju integrat li jkun fih miżuri preventivi Komunitarji, appoġġ għall-inizjattivi ta' l-NGOs u koperazzjoni transnazzjonali, u l-iffinanzjar ta' programmi pilota fil-livell reġjonali u lokali, li jkunu bbażati fuq l-aqwa prattiki nazzjonali, li jippruvaw ixerrdu dawn il-prattiki fl-Ewropa kollha u li jkopru wkoll il-ħtiġijiet soċjali u edukattivi ta' l-infrastruttura;

36. Jenfasizza li għandhom jitfasslu mill-aktar fis żewġ linji ta' azzjoni bażiċi mill-Komunità:

–   l-iffinanzjar ta' miżuri preventivi fil-programmi tal-Komunità u l-ħolqien ta' intestatura baġitarja ġdida għal netwerks u azzjonijiet integrati kontra d-delinkwenza tal-minorenni,

–   il-pubblikazzjoni ta' studju u, wara, ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kobor tal-problema fl-Ewropa u t-tħejjijiet xierqa permezz ta' netwerk ta' esperti nazzjonali biex jagħmlu abbozz ta' programm ta' qafas integrat għall-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni;

37. Jistieden lill-Kummissjoni f'dan il-kuntest, biex tfassal programm ta' miżuri kofinanzjati, li jkun jinkludi:

–   il-konsiderazzjoni ta' l-aqwa prattiki tal-prevenzjoni u, b'mod partikulari, il-forom ta' koperazzjoni bejn il-korpi privati u pubbliċi,

–   il-kejl u l-analiżi ta' kemm jistgħu jkunu effettivi fit-tul ċerti sistemi li kienu żviluppati dan l-aħħar għat-trattament ta' kriminali minorenni, bħall-ġustizzja restorattiva,

–   l-iskambju ta' l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali, nazzjonali u lokali, inklużi l-esperjenzi pożittivi ħafna miksuba mill-programm kontra l-vjolenza Daphne li l-bosta proġetti tiegħu kontra l-vjolenza jistgħu jitqiesu bħala eżempji ta' l-aħjar prattiki;

–   l-aċċertament li dawn is-servizzi u l-prattiki jiffukaw bi prijorità fuq il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u l-adolexxenti, kif ukoll fuq appoġġ xieraq għall-ġenituri,

–   l-implimentazzjoni ta' mudell Ewropew għall-ħarsien taż-żagħżagħ li ma jkollux bħala l-iskop ewlieni tiegħu l-għoti ta' kastigi imma li jkun essenzjalment ibbażat fuq il-ġid soċjali u l-edukazzjoni taż-żagħżagħ, kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-valuri tar-rispett u l-ugwaljanza u l-valuri tad-drittijiet u d-dmirijiet għal kulħadd,

–   it-tfassil ta' programmi ta' taħriġ edukattiv u vokazzjonali għall-minorenni sabiex titħaffef l-integrazzjoni soċjali tagħhom u sabiex ikun hemm tabilħaqq ugwaljanza ta' opportunitajiet permezz ta' tagħlim għal tul il-ħajja għal kulħadd; Edukazzjoni effiċjenti għal kulħadd u t-twettiq ta' l-għanijiet ta' Barċellona huma l-kundizzjonijiet li minnhom tiddependi l-prevenzjoni effettiva tal-vjolenza, l-appoġġ għall-inizjattivi eżistenti rigward dan imwettqa minn organizzazzjonijiet ta' żagħżagħ,

–   l-organizzazzjoni ta' programm koordinat ta' taħriġ kontinwu għall-ombudsmen nazzjonali, għall-forzi tal-pulizija u l-membri tal-ġudikatura, għall-korpi nazzjonali kompetenti u għall-awtoritajiet ta' sorveljanza,

–   in-netwerks tas-servizzi responsabbli ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet taż-żagħżagħ kif ukoll dawk tal-komunità edukattiva;

38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex waqt li tħejji t-triq għall-Osservatorju Ewropew għad-delinkwenza fost il-minorenni u l-programm ta' qafas relatat miegħu, tipproponi mill-aktar fis il-miżuri li ġejjin għall-promozzjoni u t-tixrid ta' l-esperjenza u l-kapaċitajiet:

–   stħarriġ konġunt u x-xandir tar-riżultati tal-politiki nazzjonali,

–   l-organizzazzjoni ta' konferenzi u ta' fora bil-parteċipazzjoni ta' l-esperti nazzjonali,

–   il-promozzjoni tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi Komunitarji permezz ta' l-Internet u l-ħolqien ta' paġna web li tispeċjalizza f'dawn l-affarijiet,

–   it-twaqqif ta' ċentru internazzjonali ta' l-eċċellenza;

0

0                              0

39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

  • [1]  ĠU C 53, 22.02.2007, p. 1.
  • [2]  Testi adottati ta' din id-data, P6_TA(2006)0510.
  • [3]  ĠU C 241, 21.09.1992, p. 67.
  • [4]  ĠU C 153, 08.06.2001, p. 1.
  • [5]  ĠU C 110, 09.05.2006, p. 75.
  • [6]  ĠU C 298, 17.10.1989, p 23.

NOTA SPJEGATTIVA

F'bosta soċjetajiet Ewropej bħalissa qiegħda tinxtered l-idea li d-delinkwenza fost il-minorenni qiegħda kull ma tmur tiżdied u magħha qegħdin jiżdiedu l-perikli li din iġġib magħha. Din l-impressjoni hija kkonfermata wkoll mill-istatistika nazzjonali u mir-riċerka u l-istudji internazzjonali.

L-istrateġija etijoloġika għad-delinkwenza kontemporanja fost il-minorenni

Hu diffiċli ħafna li tidentifika r-raġunijiet eżatti għall-imġiba delinkwenti tal-minorenni. Dan għaliex l-att speċifiku li jsir mill-minorenni jrid jinftiehem fil-kuntest ta' proċess ikkumplikat ta' soċjalizzazzjoni u ta' kontroll soċjali. Madankollu, wieħed jista' jkun ċert minn żewġ affarijiet ta' min joqgħod fuqhom. L-ewwel, żgur m'huwiex il-każ li d-delinkwenza tal-minorenni hi xi "marda soċjali" u li l-imġiba tad-delinkwent minorenni tkun ġejja minn xi anormalità fiżika, intellettwali jew mentali. It-tieni, sabiex wieħed janalizza l-imġiba tal-minorenni, delinkwenti u m'humiex, jeħtieġ li jsir eżami ta' l-ambjent li jkunu qegħdin jiżviluppaw fih: il-familja, l-iskola, il-ħbieb u l-isfond soċjali.

Kull kawża u fattur, għalhekk, li għandhom x'jaqsmu ma' l-imġiba delinkwenti tal-minorenni jistgħu jmorru lura sa dawn il-punti ta' referenza. Madankollu, tinħtieġ attenzjoni biex ikunu identifikati l-kawżi attwali. Pereżempju, m'humiex daqstant l-assenza fiżika spissa tal-ġenituri jew il-fatt tat-trobbija f'familji b'ġenitur wieħed li bilfors iwasslu għad-delinkwenza daqskemm in-nuqqas ta' kapaċità tal-ġenituri li jaqdu dmirhom billi jieħdu hsieb uliedhom jew daqskemm in-nuqqas ta' relazzjoni tajba u ta' kwalità - minhabba problemi finanzjarji, soċjali u/jew interpersonali - bejn il-ġenituri u l-ulied jew bejn il-ġenituri nfushom. M'huwiex il-falliment ta' l-istudenti individwali daqskemm in-nuqqas ta' kapaċità tas-sistema edukattiva li tegħleb l-istigmatizzazzjoni u l-marġinalizzazzjoni. Fl-aħħarnett, m'hijiex l-identità ta' immigrant li twassal għall-espressjoni tad-delinkwenza daqskemm il-marġinalizzazzjoni soċjali tiegħu.

Fiż-żminijiet ta' llum b'mod partikulari, madankollu, il-minorenni li jsibu ruħhom mitfugħin fid-dinja tal-kbar permezz ta' fatturi esterni bħall-midja, it-teknoloġija u l-aktar l-internet sikwit jirreaġixxu b'mod aggressiv għal din l-invażjoni fil-ħajja tagħhom.

Il-mudelli għall-ġestjoni tad-delinkwenza tal-minorenni

F'termini ġenerali, il-ġestjoni tad-delinkwenza u l-kontroll soċjali tagħha żviluppa ġmielu. Bdejna bil-mudell protett, li bih l-adulti kienu jiddeċiedu huma f'kull każ id-drittijiet tal-minorenni li jikser il-liġi u l-metodi biex "titjieb" l-imġiba tiegħu. F'dan il-każ, il-miżuri adottati biex tiġi ffaċċjata l-imġiba delinkwenti tiegħu kienu bbażati fuq "l-edukazzjoni permezz tar-responsabilità". It-tendenza ta' llum tipprova tinkorpora l-ġustizzja riparatorja fil-mudell tar-responsabilità, billi tinvolvi lill-vittmi nfushom fil-proċess bil-għan li jkun hemm rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet involuti biex tissewwa l-ħsara.

Madankollu, hemm konsiderazzjoni kruċjali oħra li għandha x'taqsam mal-ġestjoni tad-delinkwenza tal-minorenni u l-mudelli ta' llum. B'mod ġenerali, il-minorenni jkun partikolarment ostili għas-sistema uffiċjali ta' kontroll soċjali għaliex ikun aktar suxxettibbli għaliha kemm minħabba li l-personalità tiegħu ma tkunx żviluppata sew, u kemm minħabba l-età u r-riżorsi finanzjarji limitati tiegħu.

Minkejja dan, is-sistema penali hija ħarxa maż-żgħażagħ b'mod partikulari, u tqis bħala delinkwenza kull ribelljoni tal-minorenni kontra s-soċjetà li tkun ġejja mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali, ukoll jekk ma tkunx ta' natura kriminali, ħaġa li ma tiġrix fil-każ ta' l-adulti. Aktar minn hekk, anki dawk l-azzjonijiet ta' mġiba li tista' twassal għad-delinkwenza jew is-sitwazzjonijiet fejn ikun hemm biss riskju inerenti ta' delinkwenza (bħal li titlaq mid-dar jew li tfittex li tkun indipendenti) jitqiesu inġustament bħala mġiba delinkwenti.

Il-leġiżlazzjoni u l-miżuri għall-ġestjoni tal-minorenni għandhom ikunu liberali u juru kemm jista' jkun mogħdrija u tolleranza lejn il-minorenni u l-problemi li jkollhom bla ma tingħatalhom it-tikketta li jkunu qegħdin ibatu minn xi forma ta' patoġenija soċjali jew li kull tentattiv għall-indipendenza personali jitqies bħala delinkwenza.

L-istrateġija moderna tal-ġestjoni għandha tmur aktar lil hinn u, wara li l-miżuri ta' kustodja jinbidlu bil-mod b'alternattivi oħra (id-deistituzzjonalizzazzjoni u d-deġudizzjalizzazzjoni), naqilbu għad-dekriminalizzazzjoni u d-depenalizzazzjoni ta' l-atti tal-minorenni. Dan iġib miegħu l-abolizzjoni tal-pieni fil-biċċa l-kbira tal-każijiet u, fl-istess ħin, it-tisħiħ ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjalizzazzjoni u t-teħid ta' miżuri preventivi ġenwini.

Mhumiex il-liġijiet u lanqas ċerti dispożizzjonijiet kriminali li huma risponsabbli għal kif jiżviluppaw il-kondotta u l-imġiba; imma bl-edukazzjoni taż-żgħażagħ "fil-libertà" u bl-usa' involviment soċjali possibbli biex tissaħħaħ il-fiduċja bejn il-ġenerazzjonijiet, il-familja, il-komunità skolastika, l-istat, il-viċinanzi, il-ħbiberiji u s-soċjetà kollha kemm hi.

It-tliet pilastri: il-prevenzjoni, l-integrazzjoni soċjali u l-miżuri għall-ġestjoni leġiżlattiva

A. Il-mekkaniżmi preventivi

Il-prevenzjoni għandha tkun il-parti primarja u ewlenija ta' l-istrateġija għall-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni. Storikament "ir-ripressjoni" dejjem kellha preċedenza, u sa llum l-enfasi ewlenija għadha fuq il-penalizzazzjoni, minħabba li l-politika tal-prevenzjoni tieħu fit-tul (ir-riżultati tagħha ma jidhrux mill-ewwel u l-gvernijiet u l-politiċi ma jkollhomx gwadann politiku immedjat), u tiswa ħafna flus. Huwa ovvju li tiswa aktar flus l-intervenzjoni f'waqtha mill-apparat soċjali ta' l-Istat qabel ma tiżviluppa mġiba delinkwenti sabiex jingħata appoġġ lill-familja u lill-minorenni, milli li tagħti kastigi kriminali jew edukazzjoni ċivika. Imma jkun jiswa anki aktar flus meta l-istrateġija ta' prevenzjoni titlob azzjoni minn bosta setturi differenti u li teżiġi risponsabbilità kollettiva u parteċipazzjoni soċjali, direttamment jew indirettament, ta' l-organizzazzjonijiet involuti.

F'dan ir-rispett, tkun kisba kbira għas-soċjetà u għall-Istat li jiġi adottat fil-livell nazzjonali u l-livell Komunitarju kodiċi għall-prevenzjoni soċjali u s-solidarjetà għall-minorenni (dawk li jiksru l-liġi u l-vittmi tagħhom), li ma jkollux x'jaqsam mas-sistemi tal-ġustizzja kriminali.

B. Il-mekkaniżmi ta' l-integrazzjoni soċjali

Minkejja li bħalissa l-attenzjoni ta' l-istudji qiegħda fuq kif torigina l-imġiba delinkwenti u r-raġunijiet għaliha, huwa daqstant importanti li jkun hemm mod kif toħrog minnha.

Kif diġà ġie indikat, il-proċeduri legali (ukoll dawk b'għanijiet edukattivi) m'humiex biżżejjed. L-agħar suppożizzjoni hi li dawn mhumiex meqjusa adattati għar-reintegrazzjoni u r-reinkorporazzjoni bla xkiel tad-delinkwenti minorenni fl-isfond soċjali tal-familja, ta' l-iskola jew ta' l-ambjent li kienu qegħdin jippruvaw jinnegaw bl-imġiba tagħhom.

L-aħjar mod biex il-minorenni joħorġu mit-triq tad-delinkwenza hu li jerġgħu jiksbu lura l-fiduċja fl-ambjent soċjali immedjat u usa' tagħhom u li jħossuhom parti minn dak l-ambjent. Madankollu, dan ma jseħħx permezz tal-pieni u s-sanzjonijiet imma billi l-minorenni jiġu integrati fl-aspetti kollha ta' l-ambjent soċjali u fl-attivitajiet ta' dan biex jiżgura l-edukazzjoni tagħhom, bl-integrazzjoni bla xkiel fis-suq tax-xogħol, bil-ħarsien tad-dritt tagħhom li jesprimu ruħhom u bis-sehem attiv fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell lokali u nazzjonali, waqt li jkollhom il-possibilità li jirrikrejaw ruħhom u jagħmlu attivitajiet kreattivi fil-ħin ħieles tagħhom.

C. Il-miżuri tal-ġestjoni legiżlattiva

Kif diġà ġie nnutat, l-aktar miżuri legiżlattivi xierqa biex isolvu l-problema jaqgħu taħt 4 kunċetti;

- dekriminalizzazzjoni: i.e. id-deklassifikazzjoni ta' atti ta' mġiba delinkwenti fejn ir-reati żgħar ma jitqisux aktar bħala reati kriminali;

- depenalizzazzjoni: l-abolizzjoni tal-pieni għall-maġġoranza tar-reati u s-sostituzzjoni tagħhom b'miżuri edukattivi u integrattivi,

- deġudizzjalizzazzjoni: it-trasferiment ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja mill-qrati għal medjaturi soċjali li jistgħu jkunu, skond it-tip ta' mġiba delinkwenti, kumitati ta' l-iskejjel (għalliema, studenti u ġenituri), assoċjazzjonijiet fil-livell ta' viċinanzi jew lokali (p.e. ombudsman soċjali), assistenti soċjali, eċċ.,

- deistituzzjonalizzazzjoni: li tevita sentenzi ta' kustodja f'istituzzjonijiet korrettivi jew penitenzjarji.

Is-sehem tal-familja

- Il-familja bħala fattur u kawża: l-impatt tal-kundizzjonijiet esterni (relatati ma' l-istruttura tal-familja) u interni (relatati ma' kif topera) huwa kruċjali. In-nuqqas ta' sorveljanza u kontroll mill-ġenituri u l-imġiba delinkwenti tal-ġenituri nfushom huma kkunsidrati bħala fatturi partikolarment aggravanti.

- Il-familja fil-kuntest tal-politiki ta' prevenzjoni: il-familja bħala istituzzjoni soċjalizzanti tgħin biex trawwem l-osservanza u r-rispett lejn il-liġi.

- Il-familja waqt il-proċess tar-reintegrazzjoni soċjali: il-proċess ta' reintegrazzjoni jibda qabel xejn billi l-minorenni jkun inkorporat għal kollox fi ħdan il-familja billi jerggħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet mal-ġenituri u ma' membri oħra tal-familja. Hu kruċjali wkoll f'dan il-punt li l-minorenni jingħatalu appoġġ finanzjarju, soċjali u psikoloġiku biex ir-riżultati jkunu pożittivi.

- Il-familja waqt il-proċess penali: meta l-minorenni jeħel sentenza ta' ħabs f'xi istituzzjoni, ikun partikolarment importanti li jibqa' jkollu kuntatt mal-membri tal-familja tiegħu, waqt li fil-każ tal-miżuri alternattivi, ikun essenzjali li jkun hemm min jissorvelja u jieħu ħsieb il-ġenituri tal-minorenni. Hu essenzjali wkoll li l-ġenituri jinvolvu ruħhom b'mod attiv kemm fil-proċeduri legali u kemm waqt li l-minorenni jkun qiegħed iservi s-sentenza tiegħu, kif ukoll li jieħdu taħriġ kontinwu u tagħrif biex ikunu jistgħu jagħtu appoġġ xieraq lill-wild tagħhom.

Is-sehem ta' l-iskola

- L-iskola bħala lok ta' espressjoni għall-imġiba delinkwenti: il-vjolenza fl-iskejjel hija forma partikolari ta' delinkwenza tal-minorenni li ssir biex tesprimi l-antagoniżmu li jinħoloq sa mill-bidu fl-ambjent ta' l-iskejjel jew biex tittrasferixxi għal dak l-ambjent il-problemi tal-familja jew dawk marbuta mal-viċinanza usa'.

- L-iskola bħala l-kawża bażi: l-iskola ta' llum hi marbuta għall-aħħar mal-klassi u mal-kulturi differenti. - Meta l-għalliema u l-ġenituri jkunu naqsu li jiċċaraw id-differenzi bejn l-istudenti u li jikkultivaw it-tolleranza u r-rispett lejn l-oħrajn u lejn id-differenzi tagħhom, l-istudenti li ma jkunux jistgħu jassimilaw dawn il-kunċetti jirreagixxu u jġibu ruħhom b'mod vjolenti, u, skond iċ-ċirkostanzi, isibu ruħhom vittmi jew persekuturi.

- L-iskola bħala istituzzjoni li tiġġieled id-delinkwenza: l-iskola u l-għalliema għandhom jintervjenu b'mod korrettiv li jispira fiduċja u mhux jittimbraw lil minorenni individwali bħala inkorreġġibbli, u b'hekk jemarġinawhom. L-għalliema għandhom jissoċjalizzaw l-aggressività ta' l-istudenti tagħhom, filwaqt li jisħqu fuq l-aspetti pożittivi ta' l-istudenti aggressivi tagħhom. L-iskola hija wkoll l-isfond ewlieni għall-implimentazzjoni ta' proġetti innovattivi fil-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni, fosthom is-sistema skolastika biex jitwittew il-konflitti, billi l-istudenti nfushom jaġixxu ta' medjaturi, il-ġustizzja riparatorja, billi l-istudent iwiegħed li jpatti għall-ħsara li jkun għamel, kif ukoll bil-koperazzjoni bejn l-iskejjel fil-programmi għal kontra l-vjolenza.

- L-iskola bħala istituzzjoni preventiva: l-iskola toħloq strutturi ta' appoġġ li jevitaw l-istigmatizzazzjoni u jippermettu lill-istudenti li jħossu ruħhom aċċettati; hija topera wkoll bħala "post ta' djalogu" u trid turi li għandha ideat ċari, li hi disponibbli u li lesta tilqa' d-djalogu.

- Is-sehem tas-soċjetà fil-ġlieda kontra l-vjolenza fl-iskejjel: il-miżuri għall-ġlieda kontra l-vjolenza fl-iskejjel huma eżempju tipiku tas-sehem soċjali wiesa' u r-responsabilità konġunta ta' bosta istituzzjonijiet soċjali; l-għalliema, il-psikologi, l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri, il-medjaturi tal-komunità u l-awtoritajiet lokali lkoll jaqsmu r-responsabilitajiet u jaħdmu flimkien.

Id-dimensjoni Ewropea

L-argument ewlieni li jinġab kontra t-tentattivi biex jiġu stabbiliti mudelli u metodi komuni għall-UE fil-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni hu li progett bħal dan imur kontra d-dispożizzjonijiet varji tal-liġijiet kriminali nazzjonali, b'mod partikulari rigward definizzjoni ta' x'inhi l-età tal-"minorenni" u liema azzjonijiet għandhom jitqiesu bħala mġiba delinkwenti.

Min-naħa l-oħra, l-istħarriġiet nazzjonali dwar il-kawżi ta' l-imġiba delinkwenti, li juru żieda f'xi tip ta' delinkwenza u tnaqqis f'ieħor, kif ukoll ix-xejriet ġodda fis-sistemi penali li qegħdin ifittxu alternattivi għas-sentenzi ta' ħabs lill-minorenni, huma xi whud mill-punti li għandhom xebh kbir bejniethom.

Dan ix-xebh iwassalna għal żewġ konklużjonijiet. L-ewwel, li l-mudelli konvenzjonali u tradizzjonali tal-ġestjoni penali issa waslu sal-limiti tagħhom u, f'bosta Stati Membri, ma jistgħux ikomplu jilqgħu għall-isfidi ta' żminijietna. It-tieni, li hemm xebh kbir bejn dawn l-isfidi ta' żminijietna u l-metodi li bihom l-Istati Membri qegħdin jirreaġixxu għalihom.

Hu preċiżament minħabba dan ix-xebh li llum huwa possibbli u ġustifikat li jitħejjew u jitwettqu miżuri fil-livell Ewropew. B'mod partikulari, jekk naraw ukoll il-kapaċità li għandhom iż-żgħażagħ li jiċċaqalqu bil-libertà fl-UE, l-użu mifrux ta' l-internet, u l-forom ġodda ta' teknoloġiji u komunikazzjonijiet li jwessgħu ġmielu l-kunċett ta' post tad-delitt, l-istrateġija Ewropea għalhekk ma tkunx biss possibbli u ġustifikata imma ssir ukoll essenzjali.

Għal dawk li huma l-aħjar prattiki nazzjonali, diġà hemm ġabra sinifikanti ta' tradizzjonijiet u esperjenzi nazzjonali, pereżempju:

- ir-reġjonijiet Spanjoli ta' l-Asturjas u Rioja u, b'mod partikulari, il-programm 'Mediador Escolar' imfassal għall-komunità skolastika, il-programmi tas-servizzi soċjali 'Servizio de Atencion a la Familia' (SAF) iffinanzjati bi sħab bil-għan li jedukaw u jħarrġu l-esperti professjonali, u l-programm ta' gwida, taħriġ u impjiegi tar-riformatorju Sograndio;

- il-metodi ta' l-analiżi ta' persuni u nħawi perikolużi ħafna b'sistema ta' reġistrazzjoni elettronika fir-reġjun tal-Bavarja (il-lista PROPER) għalkemm b'xi riservi dwar l-irwol tal-pulizija u dwar il-possibilità ta' vjolazzjoni tad-drittijiet tal-minorenni;

- l-organizzazzjoni ta' "jum ta' sikurezza fl-iskola" fil-Latvja, biż-żjarat ta' uffiċjali tal-pulizija fl-iskejjel u l-għoti ta' tagħrif lill-istudenti;

- l-organizzazzjoni ta' ħarġiet flimkien għal studenti u delinkwenti minorenni biex dawn ikollhom kuntatt eqreb ma' ambjent soċjali organizzat u ta' ħbiberija;

- l-iżvilupp ta' programmi ta' divertiment minn kumitati speċjali fil-muniċipalitajiet u l-komunitajiet fl-Irlanda (Garda Youth Diversion Projects) biex jaljenaw liż-żgħażagħ mill-imġiba antisoċjali jew delinkwenti;

- i1-Children's Reporter u l-ftehimiet mal-volontarjat bejn il-familji, il-minorenni u l-awtoritajiet lokali, magħrufa bħala Acceptable Behaviour Contracts (ABCs) fl-Iskozja; u

- il-memorandum ta' ftehim bejn il-Ministeru tas-Saħħa tal-Greċja u l-NGOs dwar l-irwol u l-qsim tas-setgħat bejn l-awtoritajiet uffiċjali u l-NGOs.

L-UE għandha tikkoordina u ġġib 'il quddiem il-politiki riformatorji, fosthom mhux biss il-miżuri għall-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni imma, fuq kollox, miżuri u iniżjattivi oħra mfassla biex tinkiseb politika bbilanċjata tal-familja, is-soċjalizzazzjoni tal-politika edukattiva, l-azzjoni effettiva kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-integrazzjoni soċjali sħiħa u bla xkiel u t-twaqqif ta' prinċipji kulturali komuni.

Tfal "ħżiena" aktarx li huma wkoll tfal "imdejqa". Aħna rridu nkunu biex nerġgħu nġibulhom t-tbissima fuq fommhom.

PROĊEDURA

Titolu

Id-delinkwenza tal-minorenni: is-sehem tan-nisa, il-familja u s-soċjetà

Numru tal-proċedura

2007/2011(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

FEMM
18.1.2007

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja



 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni


 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja


 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Katerina Batzeli
20.12.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

2.5.2007

5.6.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

5.6.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

3

Membri prezenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Edite Estrela, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Zita Gurmai, Esther Herranz García, Lívia Járóka, Astrid Lulling, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Christa Prets, Karin Resetarits, Teresa Riera Madurell, Eva-Britt Svensson, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Maria Petre

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) prezenti għall-votazzjoni finali

Evangelia Tzampazi

Data tat-tressiq

7.6.2007

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...