RAPPORT dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju - il-punt f’nofs triq

11.6.2007 - (2007/2103(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Glenys Kinnock


Proċedura : 2007/2103(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0220/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju - il-punt f’nofs triq

(2007/2103(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tat-18 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,

–   wara li kkunsidra r-Rapporti suċċessivi dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem imħejjija mill-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPD),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2005 dwar l-irwol ta’ l-Unjoni Ewropea biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju (MDGs)[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar l-Armonizzazzjoni, adottata fil-25 ta' Frar 2003, wara l-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Armonizzazzjoni, u d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja ta’ l-Għajnuna, adottata fit-2 ta’ Marzu 2005 wara l-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Implimentazzjoni, l-Allinjament u r-Riżultati (minn issa 'l quddiem imsejħa ‘id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi’),

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: 'Il-Konsensus Ewropew' (minn issa 'l quddiem imsejjaħ 'Il-Konsensus Ewropew għall-Iżvilupp') iffirmat fl-20 ta' Diċembru 2005[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'Strateġija ta' l-UE għall-Afrika: Lejn patt Ewro-Afrikan biex ikun aċċellerat l-iżvilupp ta’ l-Afrika' (COM(2005)0489),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar strateġija ta’ żvilupp għall-Afrika[3],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jwaqqaf strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (minn issa 'l quddiem imsejjaħ 'Strument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI))[4],

–   wara li kkunsidra r-rapporti annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-aħħar wieħed minnhom sar f’Lulju ta’ l-2006,

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Forza tax-Xogħol għall-Proġett tal-Millennju tan-NU mmexxija mill-Professur Jeffrey Sachs ‘L-Investiment fl-Iżvilupp: pjan prattiku biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju',

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) - Il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati 2002: Kif jiskappaw min-Nassa tal-Faqar,

–   wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-UNICEF dwar l-Istat tat-Tfal tad-Dinja u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar ‘L-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju 2000-2004’ (SEC(2004)1379),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ Globali tal-Bank Dinji, li l-aktar wieħed riċenti kien ippubblikat f’April ta’ l-2007,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta’ l-OECD ta’ l-2006 dwar il-Koperazzjoni għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, li l-aktar wieħed riċenti kien ippubblikat f’Marzu 2007[5],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet u l-konklużjonijiet finali ta’ konferenzi internazzjonali, b’mod partikulari l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (Monterrey, 2002), is-Samit Dinji ta’ l-2005 (New York, 2005), is-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Johannesburg, 2002), it-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LCDs) (Brussell, 2001), ir-Raba’ Konferenza Ministerjali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (Doha, 2001), il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) (il-Kajr, 1994), is-sessjoni speċjali ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU ta’ l-1999 biex tirrevedi l-progress li kien sar lejn il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ l-ICPD (‘il-Kajr + 5'), u l-Forum Dinji dwar l-Edukazzjoni (Dakar, 2000),

–   wara li kkunsidra r-riservi nazzjonali espressi mill-Istati Membri ta’ l-UE fid-dikjarazzjonijiet u l-konklużjonijiet finali tal-konferenzi msemmija hawn fuq,

–   wara li kkunsidra l-impenji li saru mill-UE fis-Samit ta’ Barċellona f’Marzu ta’ l-2002 qabel ma saret il-Konferenza ta’ Monterrey,

–   wara li kkunsidra l-impenji mogħtija mill-G8 fi Gleneagles fl-2005 dwar il-volum ta' l-għajnuna, dwar l-għajnuna lill-Afrika ‘l isfel mis-Saħara, u dwar il-kwalità ta' l-għajnuna,

–   wara li kkunsidra r-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma II għall-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima bl-isem 'Tibdil fil-Klima 2007: Impatti, Adattament u Vulnerabilita' (minn issa 'l quddiem imsejjaħ ir-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima),

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tar-Reviżjoni Stern dwar l-Ekonomiji tat-Tibdil fil-Klima,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-UNDP, il-Proġett tal-Millennju tan-NU u l-Bank Dinji fir-rapport tagħhom ta' l-2006 dwar l-Enerġija u l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 177-181 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'L-Għajnuna ta' l-UE: ‘Inwettqu l-impenji aktar, aħjar u aktar malajr' (COM(2006)0087),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata ‘Inżidu l-impatt ta’ l-għajnuna ta’ l-UE: qafas komuni biex jitfasslu dokumenti dwar l-istrateġiji tal-pajjiżi u pprogrammar multiannwali konġunt’ (COM(2006)0088),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘L-aċċellerar tal-progress f’li jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju - Il-Finanzjament għall-Iżvilupp u l-Effikaċja ta’ l-Għajnuna’ (COM(2005)0133),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Esterni li saret fl-10 u l-11 ta’ April 2006 dwar il-finanzjament għall-iżvilupp u l-effikaċja ta’ l-għajnuna Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar it-Tqassim tax-Xogħol fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp’ (COM(2007)0072),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-effettività ta' l-għajnuna u l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Frar 2007 dwar l-għajnuna baġitarja għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw[7],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0220/2007),

A. jinnota li s-sena 2007 timmarka l-punt f’nofs it-triq lejn il-kisba ta’ l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju u għalhekk toffri opportunità unika biex wieħed iwieżen x’fadal li jsir,

B.  billi fl-Afrika ‘l isfel mis-Saħara ħafna pajjiżi m’humiex mixjin fi triq li twassalhom biex jilħqu xi wieħed mill-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju u wkoll billi f’ħafna pajjiżi bi dħul medju hemm reġjuni u gruppi etniċi iffurmati minn miljuni ta’ nies li qed jagħmlu progress li m’huwiex sodisfaċenti,

C. billi l-Kunsill ta’ l-UE stabbilixxa l-Aġenda għas-Samit tal-G8 fi Gleneagles f’Lulju ta’ l-2005 peress li f’Mejju ta’ l-2005 kien qabel li 0.7 % tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI) jingħata bħal Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) sa l-2015 u li din iż-żieda fl-għajnuna hija prerekwiżit fundamentali sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju,

D. billi l-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) ta’ l-OECD jippermetti li fejn jittaffa d-dejn dan ikun magħdud mal-kontribuzzjonijiet ta' Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tal-pajjiż donatur avolja dan ma jirrappreżentax it-trasferiment ta’ xi riżorsi ġodda mill-pajjiżi donaturi għall-pajjiżi riċevituri,

E.  billi li jittaffa d-dejn huwa wieħed mill-għanijiet ta' l-MDG 8, li għandu l-għan speċifiku li jittratta b'mod komprensiv il-problemi ta' dejn ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' miżuri nazzjonali u internazzjonali li jagħmlu d-dejn sostenibbli fiż-żmien twil',

F.  jilqa' l-fatt li 24 pajjiż issa bbenefika minn kanċellazzjoni ta' dejn, inklużi 18 fl-Afrika, iżda għad hemm bżonn li jiġi kkanċellat aktar dejn,

G. billi kull sena tinħtieġ is-somma ta’ EUR 6.9 biljuni ta’ Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) jekk għandu jintlaħaq l-Għan ta’ Żvilupp għall-Millennju dwar l-edukazzjoni bażika u billi l-ODA globali kurrenti għall-edukazzjoni bażika hija ta’ madwar EUR 1.6 biljun - li minnhom l-UE tikkontribwixxi EUR 0.8 biljun,

H. billi l-finanzjament stmat li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju għas-saħħa huwa ta’ EUR 21 biljun fis-sena u l-finanzjament preżenti jissodisfa biss 36% ta’ din il-ħtieġa u billi anke b’żieda antiċipata fl-ODA ta’ l-UE sa l-2010 l-fondi disponibbli se jkunu jkopru biss 41% tal-EUR 21 biljun meħtieġa - li jħallu nuqqas ta’ EUR 11.9 biljun fis-sena fil-finanzjament,

I.   billi minkejja l-progress sinifikanti lejn l-edukazzjoni primarja universali f'dawn l-aħħar snin, għad hemm xi 77 miljun tifel u tifla ta' l-eta li suppost imorru skola primarja iżda li mhux qegħdin fi skola, u ma ntlaħaqx l-għan li jiġi kkoreġut l-iżbilanċ bejn is-sessi fi skejjel primarji sa l-2005,

J.   billi it-tliet MDGs dwar is-saħħa, dawk dwar il-mortalita tat-tfal, il-mortalita ta' l-ommijiet u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, TB u l-Malarja huma fost l-anqas li x'aktarx jinkisbu sa l-2015,

K. billi, skond ir-rapport tan-NU ta l-2006 dwar l-Objettivi tal-Millennju, minkejja l-progress li sar f'ċerti pajjiżi, ir-rata ta' infezzjoni HIV/Aids għadha qed tiżdied, u n-numru ta' persuni infettati qed jogħla minn 36.2 miljun fl-2003 għal 38.6 miljun fl-2005 (nofshom kienu nisa), u billi n-numru ta' imwiet attribut għall-Aids żdied ukoll fl-2005, minkejja li l-aċċess għal terapiji antiretrovirali tjieb,

L.  jiddispjaċih li attwalment, aktar minn 90% ta' fondi għar-riċerka dwar is-saħħa jintefqu fuq mard li jaffettwa biss 10% tal-popolazzjoni dinjija, u minkejja li sistemi ta' privattiva x'aktarx kienu qed iservu ta' inċentiv għar-Riċerka u l-Iżvilupp f'pajjiżi żviluppati, dan ma kienx il-każ għall-mard li ma kienx qed jiġi kkunsidrat li jaffettwa lill-fqar,

M. billi, skond ċerti stimi, hemm nuqqas ta' xi żewġ miljun għalliem u aktar minn erba' miljun ħaddiem tas-saħħa f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u li f'ħafna każijiet, m'hemmx imwaqqfa strateġiji għat-taħriġ u r-reklutaġġ,

N. huwa allarmat li l-progress lejn it-trattament ta' malnutrizzjoni sejjer bil-mod ħafna u li 27% tat-tfal huma malnutriti u 53% ta' l-imwiet fost it-tfal taħt il-ħames snin huwa assoċjat ma' malnutrizzjoni,

O. billi skond il-Programm għall-Iżvilupp tan-NU (UNDP), mill-inqas 19-il pajjiż lestew l-evalwazzjonijiet għall-ħtiġijiet ta' l-MDG, u 55 oħra qegħdin fil-proċess li jfassluhom iżda li s'issa l-ebda pajjiż fl-Afrika li għandu dħul baxx m'hu qed jimplimenta dawn l-istrateġiji,

P.  jiddispjaċih li l-istħarriġ bażiku għall-monitoraġġ tad-dikjarazzjoni ta' Pariġi li sar fl-2006 wasal għal riżultati diżappuntanti relatati ma' l-implimentazzjoni ta' wegħdiet dwar armonizzazzjoni, allinjament u sjieda,

Q. jirrikonoxxi li l-KE, ir-Renju Unit, l-Olanda, l-Iżvezja, l-Irlanda, id-Danimarka u l-Ġermanja qed iżidu l-proporzjon ta' għajnuna mħallsa permezz ta' l-Għajnuna Baġitarja Ġenerali,

R.  billi l-kwalita ta' l-għajnuna għall-iżvilupp hija importanti daqs il-kwantita, u tikkunsidra l-kapaċita ta' assorbiment tal-pajjiżi,

S.  billi l-progress lejn il-kisba ta' l-MDGs titlob għal azzjoni radikali biex tindirizza l-kawżi strutturali tal-faqar, inkluża l-ħtieġa għal sistemi ta' kummerċ ibbażati fuq ir-regoli li jkunu ġusti u ekwi mfassla biex jippromwovu l-kummerċ u biex jikkoreġu l-iżbilanċi fil-kummerċ globali, speċjalment fejn tkun konċernata l-Afrika,

T.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Ġust, irrikonoxxa s-sehem tal-Kummerċ Ġust fit-titjib ta' l-għajxien ta' bdiewa u produtturi żgħar fid-dinja li qed tiżviluppa, u dan jipprovdi mudell sostenibbli ta' produzzjoni bi dħulijiet garantiti għall-produttur,

U. billi appoġġ miżjud għas-settur privat, b'mod partikulari għall-impriżi żgħar u medji, huwa forza mexxejja għall-iżvilupp u l-ħolqien ta' swieq ġodda, kif ukoll għall-ħolqien ta' impjiegi,

V. billi l-kisba ta' l-MDGs hija waħda mill-prijoritajiet ta' l-UE u li l-irwol essenzjali ta' l-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni ta' dawn l-objettivi kien rikonoxxut minn Nazzjonijiet Uniti,

W. billi madwar żewġ biljun persuna fid-dinja m'għandhiex aċċess għal twassil modern ta' enerġija u billi l-ebda pajjiż ma rnexxielu jnaqqas il-faqar b'mod sostanzjali mingħajr ma jżid sew l-użu ta' enerġija;

X. billi r-Reviżjoni Stern dwar l-Ekonomiji tat-Tibdil fil-Klima u r-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima juru mingħajr ebda dubju li t-tibdil fil-klima għandu l-akbar impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li għal ħafna mill-komunitajiet l-aktar vulnerabbli fid-dinja, it-tibdil fil-klima diġa hija realta,

Y. billi l-istimi preliminarji tal-Bank Dinji juri li se jkunu meħtieġa 10–40 biljun USD fis-sena sabiex l-iżvilupp fl-ifqar pajjiżi jkun protett mill-klima; u billi l-kontribuzzjonijiet għall-fondi ta' adattament fi ħdan il-konvenzjoni dwar il-klima ma jammontawx għal aktar minn 150-300 miljun USD fis-sena,

Z.  billi l-istati fraġli affettwati minn kunflitt huma 9% tal-popolazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda 27% ta' l-iktar foqra, kważi terz mill-imwiet kollha tat-tfal u 29% ta' tfal ta' 12-il sena li ma lestewx l-iskola primarja fl-2005 jgħixu fi stati fraġli,

AA.     jikkonferma li tmexxija tajba u kapaċita istituzzjonali mtejba huma vitali biex ikun żgurat li jitwasslu servizzi soċjali u infrastruttura u sigurta bażiċi liċ-ċittadini,

BB.     jirrikonoxxi li l-kisba ta' l-MDGs ma jfissirx biss pass ta' ġgant fit-tnaqqis tal-faqar u t-tbatija globali, iżda sservi wkoll biex turi l-abilita tas-sistema internazzjonali biex twaqqaf u twettaq miri prattiċi għal sħubija globali,

ŻIEDA PROGRESSIVA FL-GĦAJNUNA

1.  Jenfasizza li l-għan estensiv ta' koperazzjoni għall-iżvilupp huwa, u għandu jkun, il-ġlieda kontra l-faqar; madankollu jenfasizza li din il-ġlieda mhijiex limitata għal tkabbir materjali u għalhekk it-tkabbir tad-demokrazija u l-promozzjoni ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem, is-supremazija tal-liġi u l-prinċipji tal-ġustizzja, l-ekwita, it-trasparenza u r-responsabilita għandhom dejjem ikunu temi ċentrali ta' koperazzjoni bħal din;

2.  Ifakkar fl-impenn magħmul mill-pajjiżi tal-G8 fi Gleneagles fl-2005 li jirduppjaw l-għajnuna għall-Afrika ‘l isfel mis-Saħara sas-sena 2010 u jesprimi d-diżappunt tiegħu li, skond l-OECD, l-ODA bl-esklużjoni tat-tafja tad-dejn għall-Afrika ‘l isfel mis-Saħara ‘kien statiku fl-2006’;

3.  Jisħaq li sabiex jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom lejn l-Afrika, kull wieħed mid-donaturi tal-G8 se jkollu jipprovdi lill-Afrika EUR 15-il biljun oħra sa l-2010, minbarra l-livelli tagħhom ta’ l-2004, iżda li huma wisq ‘il bogħod milli jirnexxilhom jagħmlu dan;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-azzjoni li ttieħdet minn ħafna pajjiżi ta’ l-UE meta kkanċellaw id-dejn tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, li kanċellamenti ta’ dejn bħal dawn kabbru l-figuri ta’ l-għajnuna ta’ l-UE b’madwar 30% fl-2006, li jfisser li s-sena l-oħra l-Istati Membri nefqu 0.31 % tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI) f’għajnuna proprja, filwaqt li ma laħqux l-objettiv intermedjarju kollettiv ta’ 0 33%;

5.  Jistieden lill-UE u lill-G8 biex jissuddividu l-ħfir u t-tnaqqis ta' dejn mill-figuri ta' għajnuna b'konformita mal-Konsensus Monterrey ta' l-2002 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2006;

6.  Jiddispjaċih li meta ninsabu f’nofs triq tal-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-MDGs, l-ODA mill-UE ta’ 15 qed tonqos bħala sehem mill-GNI minn 0.44% ODA/GNI fl-2005 għal 0.43% ODA/GNI fl-2006;

7.  Jilqa' l-fatt li l-għajnuna pprovduta mill-Kummissjoni żdiedet b'5.7% għal €7.5 biljun fl-2006, u dan jirrifletti kapaċita mtejba ta' għoti ta' għajnuna mil-livell ogħla ta' impenji li saru fis-snin riċenti;

8.  Ifaħħar lil dawk l-Istati Membri li laħqu jew qabżu l-mira taz-0.7% ta' l-ODA/GNI u lil dawk li qegħdin iżidu l-livelli ta’ għajnuna proprja tagħhom, imma jiddispjaċih li xi pajjiżi ta’ l-UE ta’ 15 ma ġabux il-mira temporanja ta’ 0.33% b’marġini wiesgħa fl-2006;

9.  Jinnota li bħala pajjiż kbir tal-G8, l-Italja ma ġabitx il-mira ta’ 0.33% b’marġini wiesgħa, bil-għajnuna tagħha fl-2006 li kienet tilħaq biss l-ammont ta’ 0.2% tad-dħul nazzjonali tagħha, wara tnaqqis f’daqqa ta’ 30% fil-livelli ta’ għajnuna reali;

10. Jinnota li l-Portugall, li mistenni jospita s-Samit li se jsir bejn l-UE u l-Afrika matul il-Presidenza tiegħu, laħaq biss iz-0.21% ta' l-ODA/GNI fl-2006;

11. Jinnota li l-agħar tkabbir artifiċjali ta’ l-għajnuna sar mill-Awstrija (57%), Franza (52%), l-Italja (44%), il-Ġermanja (53%) u r-Renju Unit (28%), u jinnota wkoll li l-Ġermanja, li għandha f’idejha l-Presidenza kemm ta’ l-UE u kemm tal-G8, ma kinetx tilħaq il-mira ta’ 0.33% ta’ ODA/GNI kieku ma kabbritx l-għajnuna tagħha artifiċjalment;

12. Jistieden lill-Istati Membri kollha li mhux qed jikkonformaw biex jonoraw il-wegħdiet li għamlu f'Barċellona, fi Gleneagles u Monterrey u biex urġentament jimpenjaw lilhom infushom ħalli jżidu b'mod progressiv l-għajnuna vera fl-2007, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja dawn l-Istati Membri sabiex jippjanaw bir-reqqa għall-aspetti finanzjarji u organizzattivi minħabba ż-żidiet mistennija fil-livell ta' għajnuna futura biex ikun żgurat li jintlaħaq l-objettiv intermedju ta' l-UE għall-2010 ta' 0.56% tal-GNI;

13. Isostni li r-reviżjoni tal-baġit, li għandha tibda fl-2008, għandha tikkunsidra s-sehem ta' l-UE fid-dinja, li dejjem qed isir aktar importanti, u għandha tippermetti li tiżdied in-nefqa għall-iżvilupp; f'dan il-kuntest, l-UE tkun tista' tiddeċiedi li timplimenta forom ġodda ta' finanzjament ta' l-MDGs pereżempju permezz tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB);

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippjana għall-possibilita li l-għaxar EDF ma jiġix ratifikat mis-27 Stati Membri kollha qabel l-2010, u għalhekk għandha b'mod urġenti tiżgura li l-fondi huma disponibbli matul il-perjodu ta' tranżizzjoni (2008-2010);

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tesplora sorsi innovattivi ta' finanzjament bħala mezzi alternattivi biex ikun żgurat fondi għall-programmi għall-iżvilupp, iżda jenfasizza li dan għandu jseħħ flimkien ma' l-impenn li jinkiseb 0.7 tal-GNI għall-ODA;

16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex jimplimentaw evalwazzjonijiet regolari tal-progress lejn l-objettivi ta' l-ODA, u jilqa' l-proposta tal-Kummissja li l-Istati Membri ta' l-UE iħejju skadenzi nazzjonali biex jiżguraw li dawn ikunu fid-direzzjoni t-tajba biex jiksbu l-objettivi ODA tal-pajjiż kif kien miftiehem sa l-2010/2015, u biex itejbu t-tbassir fit-tul tal-flussi ta' l-għajnuna tagħhom;

17. Iħeġġeġ lill-UE u lill-G8 jagħrfu l-importanza li dejjem tikber ta’ donaturi ġodda, u b’mod partikulari ċ-Ċina, u biex lil dawn id-donaturi ġodda jdaħħluhom fi djalogu fuq l-approċċi u l-istandards għall-assistenza barranija, inkluża l-importanza ta' l-applikazzjoni ta' regoli u standards, li ġew miftiehma internazzjonalment, fl-implimentazzjoni ta' l-għajnuna;

18. Jistieden lill-pajjiżi tal-G8 biex ma jħallu l-ebda għajnuna marbuta ma' l-interessi ekonomiċi nazzjonali tagħhom, peress li bħala grupp, il-G8 bħalissa jimpenjaw 29% ta' l-għajnuna tagħhom għal pajjiżi li qed jiżviluppaw, meta wieħed iqis il-medja totali ta' għotja ta' 24%;

EŻENZJONI MID-DEJN

19. Jenfasizza li possibilment kważi 60 pajjiż għandhom bżonn li d-djun tagħhom jiġu kanċellati jekk dawn iridu li jkollhom il-possibilita li jiksbu l-MDGs, u li hemm aktar pajjiżi li jeħtieġu aktar eżenzjonijiet ta' dejn, inklużi numru ta' pajjiżi bi "djun odjużi", bħalma huma dawk meħuda mir-reġim preċedenti ta' l-apartheid fl-Afrika t'Isfel;

20. Jilqa' s-sejba tal-Bank Dinji li l-pajjiżi li jirċievu eżenzjoni ta' dejn taħt l-Inizjattiva favur il-Pajjiżi Foqra li għandhom Dejn Kbir (HIPC), bejn l-1999 u l-2005 aktar minn irduppjaw in-nefqa tagħhom fi pjanijiet biex jitnaqqas il-faqar;

21. Jistieden lill-pajjiżi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jużaw b'mod trasparenti u responsabbli il-fondi rilaxxati minn tnaqqis jew kanċellazzjoni ta' dejn, u jkompli jsostni li t-tnaqqis ta' dejn għandu jieqaf jekk ikun hemm konsensus wiesa' fil-parlament u fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjeta ċivili li mhux qed jintlaħqu standards ta' trasparenza u responsabilita;

22. Jenfasizza li s-sostenibilita ta' dejn fit-tul se tiddependi wkoll fuq politiki responsabbli ta' self, forniment ta' finanzjament xieraq, il-manutenzjoni ta' politiki ekonomiċi sodi, maniġġjar msaħħaħ tad-dejn u responsabilita soda pubblika u parlamentari ta' kuntrazzjoni ta' self, kif ukoll rendiment ta' l-esportazzjoni u partikolarment divesifikazzjoni ta' l-esportazzjoni;

23. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li qed jorbtu kundizzjonijiet strutturali mat-tnaqqis tad-dejn li huma ta' dannu - bħalma huma l-privatizzazzjonijiet, ir-ristrutturazzjonijiet settorali, il-liberalizzazzjoni kummerċali u finanzjarja, u rabtiet ma' miri makro-ekonomiċi tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) - biex jieqfu jagħmlu dan;

24. Jistieden lid-donaturi u l-kredituri kollha biex l-informazzjoni kollha relatata mal-kanċellazzjonijiet ta' self u dejn jagħmluha disponibbli u aċċessibbli b'mod faċli fil-pajjiżi msieħba kollha u biex jinsistu li jkun hemm l-istess trasparenza għall-kredituri kummerċali;

25. Jistieden lill-Istati Membri biex jaġixxu fuq 'in-naħa tal-forniment' tal-korruzzjoni permezz ta' investigazzjoni, prosekuzzjoni u 'blacklisting' ta' min ixaħħam, u biex jipproteġu l-pajjiżi foqra minn 'Vulture Funds';

26. Jistieden lill-Bank Dinji biex jagħmel finanzjament konċessjonali disponibbli għal pajjiżi li qed jaħdmu biex jiksbu l-MDGs;

IL-FINANZJAMENT TA' L-IŻVILUPP UMAN U SOĊJALI

27. Iħeġġeġ lill-UE biex iżżid l-impenji ODA tagħha lejn l-edukazzjoni biex timla l-vojt finanzjarju ta' €5.3 biljun, u minħabba li l-akbar sfida li qed taffaċċja l-Edukazzjoni għal Kulħadd - Inizzjattiva b'Mekkaniżmu Mgħaġġel (FTI) hija n-nuqqas ta' finanzjamenti esterni, il-Kummissjoni għandha tiġi mfaħħra talli bdiet l-isforzi biex iżżid il-wegħdiet ta' donaturi, iżda jiddispjaċih li għalkemm l-impenji li ttieħdu waqt il-Konferenza tad-Donaturi fi Brussel fit-2 ta' Mejju 2007 għandhom jippermettu lil xi miljun tifel u tifla aktar biex imorru l-iskola, xorta għad fadal 76 miljun oħra mingħajr edukazzjoni;

28. Jistieden lill-UE żżid il-proporzjon tagħha ta’ l-ODA globali għas-saħħa mis-6.6% li hemm bħalissa, sabiex tgħin biex tkopri l-vojt ta’ EUR 11.9 biljun f'finanzjament fis-sena tat-total stmat ta’ EUR 21 biljun fis-sena meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet globali ta’ l-infiq fis-saħħa u jitlob li jingħata appoġġ kontinwu u akbar u prevedibbli għall-Fond Globali kontra l-AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja;

29. Jistieden lill-Unjoni Afrikana (AU) tkompli bl-appoġġ tagħha għad-Dikjarazzjoni ta’ Abuja ta’ l-2001 li tikkonferma li l-pajjiżi għandhom jallokaw għall-inqas 15% tal-baġits nazzjonali tagħhom għall-kura tas-saħħa imma jiddispjaċih li żewġ Stati Afrikani biss żammew din il-wegħda;

30. Jenfasizza li l-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għamlu progress sew fl-aħħar għaxar snin fiż-żieda ta' investiment fis-saħħa u l-edukazzjoni, iżda f'ċerti każi ma ġewx sodisfati l-wegħdiet li kienu saru u għalhekk jistieden lil dawn il-gvernijiet biex ifasslu skeda sabiex jintlaħqu l-miri li jiġi investit mill-inqas 20% tal-baġit tal-gvern għall-edukazzjoni u 15% għas-saħħa;

31. Jistieden lill-Qorti ta' l-Awdituri biex fl-2008 timplimenta verifika ta' l-impenn fid-DCI li sa l-2009, 20% ta' l-ODA kollha tal-KE jiġi allokat għas-saħħa bażika u għall-edukazzjoni sekondarja bażika;

PRIJORITAJIET GĦALL-IŻVILUPP UMAN U SOĊJALI

32. Jenfasizza li hija prijorita li jkun żgurat li tfal li huma ‘diffiċli biex tilħaqhom’ - dawn jinkludu tfal ġejjin minn stati fraġli affettwati minn kunflitt, dawk b’diżabilitajiet, jew minn reġjuni remoti, minn familji li huma foqra b’mod kroniku jew dawk li huma esklużi għal raġunijiet ta’ etniċità - ikunu jistgħu jieħdu d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni bażika;

33. Jistieden lill-UE biex b'mod urġenti tagħti attenzjoni lill-edukazzjoni fl-istati fraġli affettwati minn kunflitt, li attwalment jirċievu inqas minn 20% ta' l-għajnuna globali għall-edukazzjoni minkejja li hemm jinsabu aktar minn nofs it-tfal tad-dinja li qed jitilfu l-edukazzjoni, u b'mod partikulari jistieden lid-Dipartiment Għall-Għajnuna Umanitarja tal-Kummissjoni (ECHO) biex jimxu fuq linji gwida ċari għall-appoġġ ta' l-ECHO għall-edukazzjoni f'każijiet ta' rispons ta' emerġenza;

34. Jistieden lill-UE biex tassisti lill-pajjiżi sabiex jibnu kapaċita nazzjonali biex jittraċċaw ir-riżultati tat-tagħlim sabiex ikun żgurat li aċċess usa' għall-edukazzjoni jwassal ukoll għal edukazzjoni ta' kwalita;

35. Jiddeplora l-fatt li kważi l-ebda pajjiż fl-Afrika mhu qiegħed fil-kundizzjoni li jikseb l-MDGs għas-saħħa ta' l-ommijiet u t-tfal;

36. Jinnota li l-progress fil-każ ta' mwiet tat-tfal qiegħed aktar lura minn MDGs oħra minkejja li hemm disponibbli interventi sempliċi u rħas li jistgħu jipprevjenu miljuni ta' mwiet kull sena, u jenfasizza li terapiji orali ta' re-idrazzjoni, xbieki tas-sodda miksija bl-insettiċida, treddigħ, u antibjotiċi komuni għal kontra mard respiratorji jistgħu jipprevjenu madwar 63% ta' mwiet tat-tfal;

37. Jemmen li l-infrastruttura għall-kura tas-saħħa jistħoqqilha appoġġ finanzjarju stabbli u fit-tul minn baġits nazzjonali u għajnuna internazzjonali sabiex tilħaq riżultati fil-każ ta' MDGs relatati mas-saħħa, bħalma huma t-tnaqqis fl-imwiet tat-tfal permezz ta' żieda fil-kopertura ta' l-immunizzazzjoni, it-tnaqqis fl-imwiet ta' l-ommijiet permezz ta' aċċess miżjud għal professjonisti tas-sengħa, u appoġġ għal riċerka u żvilupp ta', u aċċess għal, djanjostiċi u terapiji ġodda, il-forniment ta' ilma tajjeb għax-xorb u sanita, u tlaħħiq 'il fuq sinifikanti lejn l-objettiv ta' l-aċċess universali għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS, Malarja, TB u mard ieħor sa l-2010, inklużi dawk għall-popolazzjonijiet marġinalizzati u dawk li huma l-aktar vulnerabbli għall-mard infettiv;

38. Jistieden lill-komunita internazzjonali ta' donaturi biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' azzjoni komprensivi dwar is-saħħa, fejn jittrattaw kwistjonijiet bħalma huma l-ħtieġa li jiġu żgurati finanzjament sostenibbli għall-infrastrutturi u salarji tas-saħħa, investiment miżjud fit-taħriġ u l-prevenzjoni ta' "brain drain" minħabba l-migrazzjoni ta' ħaddiema tas-saħħa li huma ta' sengħa għolja;

39. Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg tat-tielet Sessjoni Ordinarja tal-Konferenza ta' l-AU tal-Ministri tas-Saħħa 9-13 ta' April 2007 dwar it-Tisħiħ tas-Sistemi tas-Saħħa għall-Ekwita u l-Iżvilupp, bħala inizjattiva importanti lejn il-kisba ta' l-MDGs' dwar is-Saħħa'; jistieden lill-UE biex tappoġġja lill-istati membri ta' l-AU fl-implimentazzjoni tal-programmi bbażati fuq din id-dikjarazzjoni;

40. Iħeġġeġ lill-UE sabiex tibqa' fuq quddiem fl-isforzi biex jiġu appoġġjati d-drittijiet tas-saħħa dwar is-sess u r-riproduzzjoni billi żżomm il-livelli ta' fondi għall-implimentazzjoni tal-Programma ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD), u jiddispjaċih li għalkemm l-Afrika 'l isfel mis-Sahara għandha l-ogħla rati ta' mwiet ta' l-ommijiet, għandha wkoll l-aktar rata baxxa ta' użu ta' kontraċettivi fid-dinja (19%) u 30% ta' l-imwiet ta' l-ommijiet fuq il-kontinent huwa kkawżat minn abborti mhux siguri;

41. Juri li n-NU qed tippjana biex tadotta mira ġdida fl-MDG 5 dwar l-Aċċess Universali għas-Saħħa Sesswali u Riproduttiva, u għalhekk iqis il-Pjan ta' Azzjoni Maputo għall-Operattivita tal-Qafas tal-Politika Kontinentali għas-Saħħa u Drittijiet Sesswali u Riproduttivi 2007-2010 adottat mis-Sessjoni Speċjali tal-Konferenza ta' l-AU tal-Ministri tas-Saħħa 18-22 ta' Settembru 2006 (il-Pjan ta' Azzjoni Maputo);

42. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex tiġi ttrattata l-vjolenza, bbażata fuq is-sessi, fil-forom kollha għaliex il-vjolenza għandha impatt fuq l-aċċess tal-bniet għall-edukazzjoni u s-saħħa, u hija waħda mill-ħafna fatturi determinanti ewlenin tal-pandemija ta' l-HIV, u għalhekk hija ostaklu ewlieni għall-kisba ta' ugwaljanza akbar bejn is-sessi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

43. Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex tiżgura li dawk li huma milquta l-agħar ikollhom aċċess aħjar - bi prezzijiet raġonevoli - għal riżorsi u politiki ta' prevenzjoni, trattament anti-retrovirali u servizzi tal-kura tas-saħħa (infrastruttura, persunal u mediċini) li huma kapaċi jissodisfaw it-talba li dejjem qed tikber;

44. Jinnota li l-MDGs kollha huma dipendenti b'mod kritiku fuq il-waqfien ta' l-epidemija ta' l-AIDS, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti l-ogħla prijorita biex tiġi indirizzata din il-pandemija globali billi tappoġġja rispons intensiv u komprensiv; juri li r-rispons għandu jiżgura aċċess universali għal-prevenzjoni u għat-trattament eżistenti kif ukoll għall-investimenti adegwati fl-iżvilupp u fl-aċċess universali għal medda wiesgħa ta' teknoloġiji ta' prevenzjoni inklużi l-mikro-bijoċidi u t-tilqim; u jistieden lill-UE biex tippromwovi parteċipazzjoni industrijali aktar wiesgħa, sforz xjentifiku aktar koordinat, u politiki u programmi li jaċċelleraw l-eżaminazzjoni ta' tilqim u mikro-bijoċidi ġodda;

45. Jistieden lill-UE biex iżżid il-fondi sabiex tiżgura li l-progress fix-xjenza bażika u l-bijo-mediċina jirriżulta f'mediċina, tilqim u djanjostiċi ġodda u mhux għaljin għal kontra mard li mhux qed jingħata biżżejjed attenzjoni; biex tappoġġja l-fażijiet ta' żvilupp ta' l-R&D; u biex tiżgura l-użu ta' prodotti ġodda minn popolazzjonijiet minsija;

46. Jistieden lill-UE biex tappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tad-Dikjarazzjoni tad-Doha dwar il-Ftehima TRIPS u s-Saħħa Pubblika tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO 9-14 ta' Novembru 2001, u biex tiżgura li l-mediċini ma jkunux għaljin għal dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li qed jieħdu miżuri b'konformita mad-Dikjarazzjoni, barra minn hekk jistieden lill-UE biex tipprovdi għajnuna teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-implimentazzjoni ta' miżuri favur is-saħħa pubblika fil-liġi tal-privattiva;

47. Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni komprensiva ta' dawk is-sistemi li qegħdin fis-seħħ li mhux qed jirnexxilhom isolvu l-problema ta' l-aċċess għall-mediċini; din tinkludi li jintbagħtu rakkomandazzjonijiet lid-WTO biex jiġu emendati r-regoli tagħha li jirregolaw l-esportazzjoni ta' mediċini skond liċenzja obbligatorja, magħrufa bħala d-deċiżjoni tat-30 ta' Awissu;

48. Jinnota li skond xi stimi, hemm bżonn li jitħaddmu żewġ miljun għalliem u aktar minn 4 milljun ħaddiem tas-saħħa sabiex is-saħħa u l-edukazzjoni għal kullħadd jkunu realtà u jridu jkunu investiti €10 biljun kull sena f’taħriġ u salarji għal għalliema ta' kwalità u ħaddiema tas-saħħa;

49. Jistieden lill-gvernijiet ta’ pajjiżi foqra sabiex, bi qbil mat-trejdunjons tagħhom, jistabilixxu f’livelli dinjitużi s-salarji tal-ħaddiema tas-saħħa u ta' l-għalliema li hemm diġa;

50. Jistieden lill-gvernijiet ta’ pajjiżi foqra sabiex jassiguraw rappreżentazzjoni u superviżjoni parlamentari u taċ-ċittadini fil-monitoraġġ ta’ servizzi pubbliċi u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta’ l-awtoritajiet lokali fil-proċessi ta' ppjanar lokali u nazzjonali u f’dawk baġitarji, inkluż ftehimiet u kuntratti ffirmati mad-donaturi;

51. Jenfasizza li f’xi pajjiżi r-rati ta’ malnutrizzjoni qed jiżdiedu u li fl-Afrika kollha huwa stmat li fl-2015 3.7 miljun aktar tfal se jkunu malnutriti milli llum u jistieden lill-UE sabiex tirrevedi u tevalwa jekk l-investimenti indiretti tagħhom jittrattaw b’mod effettiv il-malnutrizzjoni;

52. Jistieden lid-donaturi ta’ l-UE biex jibdew jirrappurtaw immedjatament billi jużaw indikaturi dwar in-nutrizzjoni miftehma internazzjonalment, sabiex jirrappurtaw dwar il-progress fuq is-sigurtà ta’ l-ikel, miżuri ta' sikurezza u protezzjoni soċjali, tmexxija, ilma, sanità u saħħa;

KOPERAZZJONI TA’ ŻVILUPP IKKONĊENTRATA FUQ IL-KWALITÀ TA’ L-GĦAJNUNA U L-FAQAR

53. Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Koordinazzjoni tad-Donaturi biex ikun żgurat li l-infiq u l-programmi relatati mas-saħħa u l-edukazzjoni huma kkoordinati aħjar u biex ikun żgurat konċentrazzjoni aħjar fuq il-pajjiżi li ma jirċievu għajnuna ta’ xejn (‘aid-orphan countries’) li ġew ittraskurati, inkluż pajjiżi fi kriżi u stati fraġli;

54. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex jimplimentaw b’mod sħiħ id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi li sar qbil dwarha sabiex titjieb l-effettività ta' l-għajnuna u jisħaq li hemm bżonn isiru aktar sforzi mill-UE f’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabilità reċiproka, is-sjieda ta’ pajjiżi msieħba u riforma ta’ assistenza teknika minħabba li Stati Membri li qegħdin fil-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) marru ħażin f'dawn it-tliet oqsma fl-istħarriġ bażiku riċenti ta’ l-OECD dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi;

55. Jistieden lill-UE sabiex tappoġġja lill-imsieħba sabiex jibnu l-kapaċità biex isir proċess koerenti ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iżvilupp fi ħdan il-pajjiż innifsu, peress li dan jibqa ċentrali biex ikunu żgurati s-sjieda u t-tmexxija ġusti tal-proċess ta’ l-iżvilupp tagħhom stess;

56. Jemmen li l-micro ffinanzjar huwa wieħed mill-istrumenti l-aktar essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar peress li tagħti s-setgħa lil foqra nfushom sabiex jipparteċipaw b’mod attiv f’din il-ġlieda;

57. Jemmen li jeħtieġ li fil-politika Komunitarja ta’ l-iżvilupp l-prijoritajiet speċifiċi skond is-sess u d-drittijiet tat-tfal jiġu ffukati mill-ġdid bħala drittijiet bażiċi u bħala parti mill-kriterji ta’ governanza applikati skond il-Ftehima ta’ Kotonù[8] u bnadi oħra;

58. Jilqa l-Ftehima tal-KE dwar il-Ġeneru għall-Iżvilupp u l-Paċi li tnediet riċentament, bl-għan li jkun assigurat li l-ġeneru ma jkunx mogħti l-ġenb fl-implimentazzjoni u r-reviżjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi;

59. Jemmen li d-Dokumenti dwar l-Istrateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar (PSRPs) u d-Dokumenti dwar l-Istrateġiji tal-Pajjiżi huma għodda potenzjalment importanti biex jintlaħqu l-MDGs, imma li għandhom ikunu abbozzati, implimentati, kkontrollati u evalwati f’konsultazzjoni mal-Parlamenti fil-pajjiżi ACP u ma’ l-Istati Membri, mal-Parlament, mas-soċjetà ċivili u ma’ l-awtoritajiet lokali u għandhom jiffokaw fuq li jintlaħqu l-objettivi ta’ l-MDG;

60. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ flessibiltà fl-ipprogrammar tal-KE li jiddefinixxi prijoritajiet limitati fil-bidu ta’ ċiklu ta’ programmar u mbagħad ma jippermettix li kwistjonijiet ġodda jkunu appoġġjati, anke jekk dan ikun mitlub direttament mill-gvernijiet imsieħba;

61. Jenfasizza li l-għan fuq tul ta’ żmien tal-koperazzjoni fl-iżvilupp għandu jkun li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ekonmiku, soċjali u ambjentali sostenibbli; f’dan il-kuntest jenfasizza l-bżonn li jkunu promossi inizzjattivi għat-tkabbir fis-sħubiji pubbliċi-privati inkluż miżuri ta’ appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, sabiex jitkabbru l-produttività u l-impjieg;

62. Jenfasizza l-potenzjal għoli li l-investiment dirett barrani għandu fuq l-iżvilupp, fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, fuq it-trasferiment ta’ l-għarfien, fuq l-intraprenditorija u t-teknoloġija u fuq il-ħolqien ta’ l-impjiegi; jenfasizza f’dan il-kuntest, l-importanza ta’klima trasparenti, prevedibbli u favorevoli għall-investiment, it-tnaqqis tal-burokrazija għan-negozji, li jkunu rispettati d-drittijiet tal-propjetà, li tkun promossa l-kompetizzjoni u l-impenn għal politiki makroekonomiċi sodi;

63. Jistieden lid-donaturi u lir-riċevituri jappoġġjaw id-dejta mtejba għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ l-MDGs;

64. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li meta jintefqu fondi fuq infrastruttura, it-tnaqqis tal-faqar jibqa l-attenzjoni ewlienija tal-proġetti kollha;

65. Jirrikonoxxi li l-Fondi u Faċilitajiet kurrenti ta’ l-UE bħal ma huma l-Faċilità ta’ l-Infrastruttura, il-Faċilità ta’ l-Ilma u l-Faċilità għall-Enerġija, jindirizzaw kwistjonijiet importanti, iżda jsaqsi jekk jistgħux, kemm b'mod individwali jew inkella b’mod kollettiv, jgħoddu bħala appoġġ sinifikanti kkonċentrat fuq l-MDG;

66. Jistieden lill-UE ssaħħaħ is-sħubijiet tagħha ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod li jinkuraġġixxi r-responsabilità lejn xulxin u l-obbligi reċiproki billi jkunu stabbiliti punti ta’ referenza prevedibbli u dati ta’ skadenza għaż-żidiet fl-ODA, sabiex ikun iffaċilitat l-ippjanar tal-pajjiżi riċevituri għal żidiet fl-investimenti pubbliċi;

67. Jenfasizza li għandu jintuża kull mezz sabiex jintlaħqu l-MDGs u li dan jeħtieġ l-isħubiji l-aktar wiesgħa possibbli tal-partijiet interessati, b’mod partikulari bil-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll msieħba privati;

68. Huwa fiduċjuż li jintlaħaq ftehim waqt l-abbozzar ta' l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika dwar l-importanza fundamentali li jintlaħqu l-għanijiet MDG sa l-2015;

GĦAJNUNA BAĠITARJA ĠENERALI

69. Jinsisti li l-UE u l-gvernijiet sħab jassiguraw li l-għajnuna baġitarja dejjem issir fuq bażi ta’ għajnuna baġitarja mogħtija għal setturi partikolari li tassenja flus għal settur speċifiku li l-fondi għandhom jintefqu fih, jintużaw għanijiet relatati mal-faqar li jqisu b’mod dirett il-konklużjonijiet tal-politki minflok dħul u ħruġ baġitarju, jistabbilixxu mekkaniżmi u għodod ta’ monitoraġġ biex ikun żgurat li proporzjon adegwat mill-Għajnuna ta’ Appoġġ tal-Baġit Ġenerali jkun jappoġġja l-ħtiġijiet bażiċi, b’mod partikulari s-saħħa u l-edukazzjoni, u jisħaq li dan għandu jkun akkumpanjat mill-appoġġ għall-bini tal-kapaċità, u jisħaq li persentaġġ ta’ 0.5% ta’ l-għajnuna baġitarja mogħtija għandha tkun merfugħa b’mod esklussiv għall-għassiesa tas-soċjetà ċivili;

70. Jistieden lill-UE sabiex jappoġġja l-immaniġġjar koerenti ta’ l-MDG ta’ l-Għajnuna Baġitarja Ġenerali matul partijiet differenti ta’ l-eżekuttiv u tal-leġiżlaturi u biex jipprovdi appoġġ għal-iskrutinju ta’ l-għajnuna baġitarja tas-soċjetà ċivili parlamentari u ta’ l-awtoritajiet lokali sabiex tkun żgurata rabta soda u ċara bejn għajnuna mogħtija għall-għajnuna baġitarja u t-twettieq ta’ l-MDGs;

71. Jitlob għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali u tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ effikaċi tal-baġits permezz ta' 'Surveys' ta' Monitoraġġ ta' l-Infiq Pubbliku (PETS - Public Expenditure Tracking Surveys) li jagħmlu paragun dettaljat bejn “dħul” u “ħruġ” skond il-kriterji tal-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC - Development Assistance Committee) ta' l-OECD;

72. Jistieden lill-UE żżid il-proporzjon ta’ għajnuna minfuqa permezz ta’ l-għajnuna baġitarja diretta lil dawk il-pajjiżi li taw prova ta' tmexxija governattiva tajba, ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija;

73. Jisħaq li l-għajnuna baġitarja fil-forma l-aktar komuni tagħha hija essenzjalment ftehima oħra fuq żmien qasir bejn donaturi u gvernijiet, bi ftit ftehimiet li jaqbżu t-tliet snin u jistieden lid-donatur biex iżidu ż-żmien ta’ l-impenji li jidħlu għalihom, jekk jista’ jkun skond il-proposti tal-KE għal "kuntratti MDG" li jinvolvu impenji ta' sitt snin u ftehim ċar u ċarezza dwar fejn u kif din l-għajnuna tiġi sospiża;

74. Jistieden lill-pajjiżi sabiex jikkonċentraw fuq l-implikazzjonijiet ta’ l-Għajnuna Baġitarja Ġenerali għall-ugwaljanza tan-nisa u r-relazzjonijiet bejn il-ġeneri peress li żidiet ġenerali fl-iffinanzjar mhux neċessarjament jegħlbu l-aċċess inugwali u l-istatus ta’ gruppi marġinalizzati li jinkludu n-nisa u nies b’diżabilità;

IL-GOVERNANZA

75. Ifakkar li l-Ftehima ta’ Kotonù għandha qafas ta’ djalogu bejn l-istati ta’ l-UE u dawk ta’ l-ACP dwar kwistjonijiet ta’ governanza u jistieden lill-UE ssaħħaħ dan il-qafas minflok ma żżid inizzjattivi, strateġiji u politiki ġodda;

76. Jiddispjaċih li l-istrument ta’ governanza tal-KE li huwa ppreżentat bħala porzjon ta’ inċentiv għall-għajnuna baġitarja jnaqqas l-MDGs għal wieħed biss minn tlieta u għoxrin indikatur, b’indikaturi oħra bħal ma huma l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, il-kontroterroriżmu u l-migrazzjoni li huma irrilevanti għall-implimentazzjoni ta’ l-MDGs u jemmen li l-istrument tal-governanza għandu jikkonċentra fuq l-impenn tal-pajjiiż imsieħeb biex jimplimenta l-MDGs;

77. Iħeġġeġ lill-KE biex taħtaf l-opportunità li qed tingħata mir-Reviżjoni tal-Profil ta’ Governanza ta’ l-2008 biex tisma l-opinjonijiet tal-parlamenti u ta’ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ l-Ewropa u ta’ l-Afrika, kif ukoll ta’ l-Istati Membri u tal-gvernijiet Afrikani, u jadatta l-approċċ tiegħu ta' governanza kif xieraq;

IL-PAĊI U S-SIGURTÀ

78. Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma vitali biex jintlaħqu l-MDGs, u għalhekk iħeġġeġ lill-UE sabiex jassigura li l-politiki ta’ l-iżvilupp tiegħu jkollhom impatt pożittiv fuq il-bini tal-paċi.

79. Ifakkar fl-impenn biex ikun integrat is-sensitività għall-kunflitt fil-politiki u l-istrumenti kollha ta’ l-UE kif irrakkomandat fil-Programm ta’ Goteborg ta’ l-2001 għall-Prevenzjoni ta’ Kunflitti Vjolenti, u jistieden lill-UE sabiex timplimenta l-aħħar għodda adottati biex ikun evitat il-kunflitt bħal ma huma l-Istrateġija ta’ l-UE għall-armi zgħar u ħfief, il-Qafas ta' Politika ta' l-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u l-Kunċett Konġunt ta’ l-UE dwar id-Diżarm, id-Dimobilizzazzjoni u r-Reintegrazzjoni (DDR);

80. Jilqa’ l-fatt li Trattat dwar il-Kummerċ ta’ l-Armi issa għandu l-appoġġ ta’ 80% tal-gvernijiet tad-dinja, u jħeġġeġ lill-UE twettaq il-parti tagħha billi tassigura li jista’ jkun hemm trattat internazzjonali li jorbot legalment;

IL-KUMMERĊ

81. Jistieden lill-UE tadotta politika koerenti bejn il-politiki tagħha tal-kummerċ, tas-sajd, tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u dawk agrikoli komuni biex ikunu evitati l-impatti diretti jew indiretti fuq l-ekonomija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

82. Jisħaq li l-ftuħ tal-kummerċ jista’ jkun wieħed mill-iżjed muturi effettivi tat-tkabbir ekonomiku, iżda li hemm bżonn ikun akkumpanjat minn politiki ta’ redistribuzzjoni u soċjali domestiċi biex ikun jista’ jitnaqqas il-faqar;

83. Jenfasizza l-wegħda tar-Rawnd dwar l-Iżvilupp li sar f'Doha u fuq il-ħtieġa li jkun hawn sistemi ta’ kummerċ ibbażati fuq regoli internazzjonali ġusti u ekwi, liema sistemi jkunu ddisinjati biex jikkoreġu l-iżbilanċi kummerċjali fil-kummerċ globali, speċjalment f’dak li jikkonċerna lill-Afrika, jistieden lill-UE sabiex tagħmel li tista’ biex jispiċċa l-waqfien min-negozzjati tad-WTO;

84. Jinnota li skond il-President tar-Rawnd ta’ Doha li hija wieqfa, sabiex ikun faċilitat ftehim li huwa favur l-iżvilupp, l-UE għandha taħseb biex taqta’ b’figura stimata ta’ 70% mis-sussidji fuq l-esportazzjoni agrikola li jgħawġu l-kummerċ, u li għandu jintlaħaq ftehim fuq tnaqqis fis-sussidji u fit-tariffi sabiex in-negozjati jkunu konklużi sa l-aħħar ta’ l-2007;

85. Jemmen li l-Kummerċ Ġust huwa għodda importanti fil-bini ta’ kummerċ sostenibbli bi dħul xieraq għall-produtturi fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tirrispondi għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Ġust b’Rakkomandazzjoni li l-Kummerċ Ġust ikun appoġġjat kif indikat fil-paragrafi 1 u 2 tar-riżoluzzjoni;

86. Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-ftehimiet kummerċjali tagħha jagħtu kontribut, minflok ma jfixklu, it-twettieq ta’ l-MDGs; b’mod partikulari, għandha tiżgura li l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs) jikkostitwixxu strumenti għall-iżvilupp u għall-eradikazzjoni tal-faqar ta’ l-ACP;

87. Jemmen li dispożizzjonijiet dwar il-propjetà intelletwali għandhom ikunu esklużi min-negozjati ta’ l-EPAs u mill-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs) speċjalment għad-dispożizzjonijiet TRIPs-plus li jmorru lilhinn mill-Ftehima tat-TRIPs, bħal ma huma l-esklussività tad-dejta u l-limitazzjonijiet tar-raġunijiet tal-Liċenzji Obligatorji;

88. Jemmen li l-pajjiżi ACP kollha għandhom ikollhom dritt ċar li jgħażlu jekk jestendux jew le n-negozzjati lilhinn mill-kummerċ fil-prodotti, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tassigura li d-drittijiet ta’ proprejtà intellettwali u l-kwistjonijiet ta’ Singapore (il-politika ta’ kompetizzjoni, l-appalt pubbliku u l-investiment) jitneħħew minn fuq il-mejda tan-negozzjati jekk il-pajjiżi ACP ma jixtiequx jinnegozzjaw dawn il-kwistjonijiet;

89. Jieħu nota ta’ studji riċenti mill-UNCTAD u oħrajn li juru li liberalizzazzjoni estensiva tal-kummerċ f’LDCs ma tantx kellha effett fuq l-objettivi kontinwi u sostanzjali għat-tnaqqis tal-faqar u tat kontribut għal tnaqqis negattiv fit-termini tal-kummerċ ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikulari tal-pajjiżi Afrikani, u jistieden lill-UE sabiex tibda kampanja sinċiera u fit-tul sabiex iżżid ġenwinament il-kapaċità għall-esportazzjoni ta’ dawn l-LDCs billi tippromwovi l-assistenza teknika biex tavvanza l-istandards fiżjosanitarji, il-liġi tal-propjetà, ħiliet tan-negozju u programmi ta' valur miżjud;

90. Jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-politiki ta’ koperazzjoni u ta’ kummerċ kemm jista’ jkun sabiex tgħin lil-gvernijiet ta' pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw iżommu u jiżviluppaw servizzi pubbliċi, b'mod partikulari dawk li jigarantixxu l-aċċess tal-popolazzjoni sħiħa għall-ilma tax-xorb, għas-servizzi tas-saħħa, għall-edukazzjoni u għat-trasport;

91. Iħeġġeġ li jkun ikkunsidrat bi sħiħ il-fatt li l-pajjiżi ta’ l-ACP spiss huma dipendenti ħafna fuq komoditajiet primarji, li huma partikularment vulnerabbli għall-oxxillazzjonijiet tal-prezzijiet u ż-żidiet fit-tariffi, u jisħaq l-importanza tad-diversifikazzjoni, ta’ l-iżvilupp ta’ industriji ta’ l-ipproċessar u ta’ l-SMEs f’dawk il-pajjiżi;

92. Jisħaq l-importanza tal-bini ta’ kapaċitajiet għall-kummerċ u tal-ħtieġa ta' riżorsi addizzjonali mill-UE sabiex tiżdied l-abilità tal-pajjiżi ACP li jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-istrateġiji, li jinnegozzjaw u li jappoġġjaw l-integrazzjoni reġjonali, għad-diversifikazzjoni u l-preparazzjoni għal-liberalizzazzjoni billi jtejbu l-produzzjoni, il-kapaċità ta’ provvista u kummerċjalizzazzjoni u billi jkun hemm kumpens għall-ispejjeż ta’ aġġustamenti kif ukoll billi tiżdied l-kapaċità ta' dawn il-pajjiżi li jattiraw l-investiment;

93. Jistieden lill-Kummissjoni biex żżid l-assistenza tagħha relatata mal-kummerċ biex tappoġġja l-bini tal-kapaċità li huwa essenzjali jekk l-ifqar pajjiżi għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw il-kompetizzjoni miżjuda li tirriżulta mil-liberalizzazzjoni tas-suq;

94. Jinsisti li r-riżorsi biex ikopru l-għajnuna għall-kummerċ għandhom ikunu adizzjonali għal dawk maħsuba fl-għaxar EDF f'konformità mat-talbiet ta' l-ACP li l-aġġustament ta' l-EPA ikun iffinanzjat separatament minn u b'żieda ma' l-għaxar EDF;

IL-BIDLA FIL-KLIMA

95. Iħeġġeġ lill-UE biex tkompli jkollha rwol prinċipali fil-promozzjoni ta’ metodi aktar nodfa u aktar effiċjenti għall-iżvilupp sostenibbli u b’livell baxx ta’ karbonju;

96. Jinnota li komunitajiet foqra f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw kkontribwew l-inqas għall-bidla fil-klima, iżda huma l-aktar probabbli li huma li se jbagħtu l-iktar severament mill-effetti; jistieden lill-UE biex tara li jkun disponibbli finanzjament sinifikattiv sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għaż-żidiet fil-livell tal-baħar, u għaż-żieda u l-frekwenza ta’ avvenimenti ta’ temp estrem bħal nixfa, maltempati kbar, għargħar, eċċ., kif ukoll għall-kriżijiet ta’ saħħa, produzzjoni ta’ l-ikel u ta’ l-ilma, li jipperikolaw l-iżvilupp u jwasslu għal migrazzjoni u għal tħeddid lis-sigurtà fuq skala kbira;

97. Jistieden lill-UE biex tara li jkun disponibbli finanzjament sinifikattiv sabiex il-pajjiżi foqra jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-bidla fil-klima u jisħaq li dawn il-flus ma jistgħax ikunu sempliċiment mgħoddija minn bagits eżistenti għall-għajnuna u li pagamenti għandhom ikunu adizzjonali u kumpensatorji u barra minn hekk jemmen li proporzjon sinifikanti tad-dħul mill-irkant ta’ l-allokazzjonijiet permezz ta’ l-Iskema Ewropea għall-Kummerċ u t-tqegħid ta’ taxxi fuq il-karbonju għandu jkun użat biex jiffinanzja l-iżvilupp nadif fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;

98. Jisħaq li l-adattament m'għandux jiġi trattat biss bħala kwistjoni umanitarja jew bħala prijorità biss fi ħdan il-kuntest tal-konvenzjoni dwar il-klima; jenfasizza li t-tnaqqis tar-riskju u l-miżuri ta’ “protezzjoni mill-klima” (climate proofing) għandhom ikunu integrati fl-aġenda ġenerali għall-iżvilupp, inkluż fil-PRSPs u fis-CSPs;

99. Jistieden lill-UE biex tintroduċi miżuri ta’ emerġenza biex pajjiżi foqra jkunu jistgħu jimmanifatturaw teknoloġija bbrevettata ta’ żvilupp teknoloġiku ekoloġiku sabiex ikun indirizzat l-faqar ta’ l-enerġija u biex tkun evitata l-problema ta’ emissjonijiet li qed jiżdiedu fil-pajjiżi foqra huma u jikbru;

100.    Jisħaq li għalkemm l-enerġija m’hix indirizzata speċifikament fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju, il-forniment tas-servizzi moderni ta’ l-enerġija lill-foqra hija prerekwiżit kruċjali biex jintlaħqu l-MDGs; jinnota li l-prekundizzjonijiet għat-teknoloġiji ta’ enerġija li tiġġedded huma eċċellenti f’bosta pajjiżi li jiżviluppaw, u jipprovdu mod effettiv biex jintlaħqu l-ispejjeż li qed jiżdiedu taż-żejt u jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' l-enerġija filwaqt li jiġi evitat impatt ta' ħsara ulterjuri fuq il-klima; jiddispjaċih li ma ġewx allokati biżżejjed riżorsi finanzjarji mill-UE biex tkun indirizzata l-isfida tal-faqar fl-enerġija; jenfasizza għal dan l-għan dwar il-bżonn ta’ flussi akbar ta’ għajnuna, kif ukoll ta’ appoġġ imsaħħaħ għal investimenti privati f’teknoloġiji ta’ enerġija li tiġġedded;

L-AĠENDA TA’ WARA L-MGD

101.    Jisħaq li jekk jintlaħqu l-MDGs, il-proporzjon ta’ nies li qed jgħixu fil-faqar se jonqos bin-nofs fi żmien għaxar snin, kisba enormi imma wkoll waħda li madanakollu se tħalli mijiet ta’ miljuni ta’ nies l-aktar foqra u vulnerabbli maqbuda f’faqar kroniku;

102.    Jitlob lill-UE tistabilixxi data għal ftehim għal Strateġija għall-Eliminazzjoni tal-Faqar wara l-2015;

103.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gvernijiet u l-parlamenti ta’ l-Istati Membri u l-pajjiżi aderenti, l-Unjoni Inter-Parlamentari, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp ta' l-OECD;

  • [1]  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 311.
  • [2]  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [3]  Testi Adottati f'dik id-data, P6_TA(2005)0217.
  • [4]  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
  • [5]  ippubblikat f’Marzu 2007, ISBN Numru 9789264031050.
  • [6]  Testi Adottati f'dik id-data, P6_TA(2006)0141.
  • [7]  Testi Adottati f'dik id-data, P6_TA(2007)0043.
  • [8]  Ftehima ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), fuq in-naħa l-waħda, u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3), kif emendat bil-Ftehima li temenda l-Ftehima ta' Partenarjat, iffirmata fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27)

NOTA SPJEGATTIVA

DAĦLA

L-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju (MDGs) huma miri għas-sħubija globali li huma marbuta biż-żmien u li jistgħu jitkejlu. Madanakollu, filwaqt li ħafna partijiet tad-dinja għamlu progress sinifikanti lejn t-twettieq ta’ l-MDGs, l-Afrika ‘l isfel mis-Saħara għadha serjament ‘il bogħod u hija l-aktar reġjun fqir fid-dinja.

L-GĦAJNUNA

Fl-2005 l-UE ta’ 15 ntrabtet li tilħaq iz-0.7% tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI) bħala Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) sa l-2015, b’mira temporanja ta’ 0.56% sa l-2010. Mill-inqas nofs iż-żieda ppjanata minn €26.5 biljuni għal €50 biljun għandha tmur għall-Afrika. Il-Kummissjoni Ewropea (KE), fl-evalwazzjoni tagħha ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE għall-Afrika, kienet diġà stqarret li dawn il-miri se jiġu milħuqa.

Irridu ninnutaw, madanakollu, li l-ODA kienet għolja b’mod eċċezzjonali fl-2005 minħabba operazzjonijiet kbar fejn ġie mnaqqas d-dejn mill-Klabb ta’ Pariġi. L-għajnuna bilaterali għall-Afrika ‘l isfel mis-Saħara żdiedet bi 23% f’termini reali għal €21 biljun fl-2006, madankollu, jekk neskludu t-tnaqqis tad-dejn għan-Niġerja, l-għajnuna bilaterali għar-reġjun żdiedet biss bi 2%. Il-konvenzjonijiet ta’ l-għadd użati mill-OECD fil-fatt tassew jippermettu lid-donaturi jdaħħlu l-valur nominali tal-kanċellazzjoni tad-dejn bħala għajnuna iżda r-realtà hi li t-tnaqqis tad-dejn ma jirrappreżentax trasferiment ta’ xi riżorsi ġodda għall-iżvilupp. F’konformità mal-Kunsens ta’ Monterrej, itit-tnaqqis tad-dejn għandu jitneħħa mill-figuri kollha li jkunu maħsuba biex jagħtu stampa ċara ta’ livelli ta’ għajnuna reali għall-Afrika.

Jidher ċar li l-MDGs m’humiex se jintlaħqu jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma l-aktar foqra ma jirċevux għajnuna akbar u aħjar biex tkun ikkomplementata l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi tagħhom stess. In-NU, l-Unjoni Afrikana, il-G8 u l-UE għandhom jiġu stimulati biex jittrattaw l-estimi kurrenti li juru li d-donaturi għandhom ikunu qed jibbaġitjaw għall-provvediment ta’ żidiet ta’ bejn wieħed u ieħor €3.7 biljun fis-sena sabiex l-objettiv li jintlaħaq il-livell ta’ €18.7-il biljun f’riżorsi reali għall-Afrika jkun jista’ jintlaħaq sa l-2010.

Jeħtieġ li naraw ukoll impenn akbar lejn it-twettieq tal-Ftehima dwar l-Effikaċja ta’ l-Għajnuna tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, li jkun jiggarantixxi finanzjament essenzjali, fuq medda twila ta’ żmien, u li jkun jista’ jiġi mbassar.

Fattur ieħor li jeħtieġ li jinftiehem huwa li hemm numru dejjem akbar ta' donaturi li m'humiex fil-Kumitat għall-Assistenza għall-Iżvilupp (DAC), inklużi r-Russja, iċ-Ċina u l-Istati Membri ta' l-UE li m'humiex fid-DAC. L-involviment tagħhom għandu jitqies, b'mod partikulari l-influwenza li għandhom xi wħud fuq il-governanza, il-politika ekonomika u fuq it-trasparenza.

AKTAR RIŻORSI GĦALL-IŻVILUPP

L-infiq fl-iżvilupp għandu jiġi meqjus b'mod suffiċjenti meta ssir ir-reviżjoni fundamentali ta' l-infiq tal-KE, li se tibda fl-2008.

Għandhom jiġu esplorati wkoll sorsi ta’ finanzjament innovattivi bħala sorsi alternattivi ta’ finanzjament minn barra l-ODA. Il-bonds tal-Faċilità ta’ Finanzjament Internazzjonali għat-Tilqim ġabru €0.75 biljun għat-tilqim permezz ta’ l-Alleanza Globali għall-Vaċċini u t-Tilqim. Il-ġbir tat-taxxa Franċiża fuq il-biljetti ta’ l-ajru mistenni jiġbor l-ammont ta’ €187 miljun fis-sena. Tmien pajjiżi Afrikani u erba’ pajjiżi żviluppati ħadu l-ewwel passi biex idaħħlu l-ġbir ta’ taxxa fuq l-avjazzjoni.

B’kemm il-Baġit ta’ l-UE kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) issa t-tnejn stabbiliti sa l-2013 u juru biss żidiet marġinali, probabbilment se jkollha tiġi mgħoddija żieda fil-finanzjament mill-pakketti bilaterali ta’ għajnuna ta’ l-Istati Membri, li jimplika tnaqqis proporzjonali fl-ammont ta’ għajnuna mill-UE relattiv għall-għajnuna pprovduta lill-Istati Membri ta’ l-UE individwali. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji li jagħmluhielhom possibbli li jgħaddu aktar flus permezz tal-Kummissjoni. Suġġeriment wieħed kien li jinħoloq fond speċjali ta' l-MDG li jkun iffukat fuq attivitajiet li jnaqqsu l-faqar fil-pajjiżi foqra kollha u li jkun irregolat b'mod trasparenti u responsabbli.

EŻENZJONI MID-DEJN

Il-wegħda li saret lill-pajjiżi ta’ l-HIPC fi Gleneagles li d-dejn jiġi mnaqqas mija fil-mija (100 %) twettqet. Is-Sierra Leone kien is-sbatax-il pajjiż li laħaq il-punt tat-twettieq ta’ l-HIPC fl-aħħar ta’ l-2006. Bħalissa tmien pajjiżi jinsabu fil-punt tat-teħid ta’ deċiżjoni u tmienja oħra jinsabu fil-punt ta’ qabel ma tittieħed deċiżjoni. It-tnaqqis tad-dejn għamilha possibbli li €420 miljun jkunu diretti mill-ġdid lejn l-infiq soċjali fl-Afrika, bħal ma hi t-tneħħija għal kollox tal-miżati ta’ l-iskejjel f’numru ta’ pajjiżi.

IL-KUMMERĊ

L-UA stiednet lill-komunità internazzjonali biex tistabbilixxi “sistemi ta’ kummerċ li huma ġusti u retti u biex jaġevolaw l-aċċess għas-swieq tagħhom”. Bl-UE tinnegozja r-Rawnd ta’ Doha bħala blokk ta’ kummerċ wieħed, jidher ċar li huwa qasam fejn l-Ewropa għandha l-akbar kapaċità li ġġib bidla.

Fil-livell internazzjonali u fil-livell tan-negozjati ta’ l-EPA, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u r-Regoli ta’ l-Oriġini restrittivi jeħtieġ li jkunu indirizzati, kif għandhom ikunu wkoll il-limitazzjonijiet serji tal-kapaċità.

IL-BIDLA FIL-KLIMA

Il-Panel Intergovernattiv tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima saħaq li filwaqt li l-pajjiżi l-aktar foqra tad-dinja l-inqas li taw kontribut għall-problema tal-bidla fil-klima, huwa huma li ntlaqtu l-agħar minn dan il-fenomenu.

L-UE diġà ntrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20% sas-sena 2020 u bi 30% jekk ikun hemm appoġġ simili minn nazzjonijiet industrijalizzati oħra. Id-donaturi wkoll żiedu l-finanzjament tagħhom għall-programmi ambjentali bejn is-sena 2000 u l-2005 imma dan jeħtieġ li jiżdied sabiex il-pajjiżi l-foqra u vulnerabbli jkunu jistgħu jadattaw għal-livelli tal-baħar li qed jogħlew, id-deprivazzjoni, iż-żieda fin-nixfa u temp aktar estrem. L-UE għandha taħdem ukoll mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex ikunu żviluppati sforzi ta’ mitigazzjoni, billi jkunu appoġġjati t-trasferiment ta’ teknoloġiji nodfa, effiċjenti, u li jiffrankaw l-enerġija u investimenti li jilqgħu kontra l-karbonju.

L-AĊĊESS GĦALL-EDUKAZZJONI

Il-progress lejn it-twettiq ta’ l-MDG għall-edukazzjoni universali huwa wieħed inkoraġġanti skond il-Bank Dinji, iżda xorta għad jeħtieġ li 50 miljun tifel u tifla Afrikan jiġu miktuba l-iskola jekk għandna nilħqu l-mira sa l-2010. L-ewwel mira ta’ l-MDG dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi - li jitneħħa d-diżlivell edukattiv li hemm bejn is-sessi - kienet stabbilita għall-2006 u diġà ma ntlaħqitx.

Kemm il-UNESCO u kemm l-Inizjattiva b'Mekkaniżmu Mgħaġġel (“Fast Track Initiative”) (FTI) tal-Bank Dinji jinnotaw li l-istrateġiji jridu jiżguraw li t-tfal li huma ‘diffiċli biex tilħaqhom’ ikunu jistgħu jieħdu d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni bażika - dawn jinkludu tfal b’diżabilitajiet, jew minn reġjuni remoti, familji li huma foqra b’mod kroniku jew dawk li huma esklużi għal raġunijiet ta’ etniċità.

Jeħtieġ li jsir titjib fil-kwalità ta’ l-edukazzjoni u l-UNESCO wissiet li n-numru ta’ għalliema tal-primarja fl-Afrika 'l isfel mis-Saħara se jkollu jikber minn 2.4 miljuni għal 4 miljuni sas-sena 2015 biex tiġi żgurata edukazzjoni primarja universali ta’ kwalità. Huma meħtieġa wkoll sforzi appoġġjati internazzjonalment biex il-pajjiżi jkunu megħjuna jibnu l-kapaċità nazzjonali biex ikunu jistgħu jsegwu u jimmonitorjaw dak li joħroġ mit-tagħlim.

Is-sħab internazzjonali issa jridu jaħdmu bil-għan li jneħħu d-diżlivell fl-iffinanzjar globali li hemm fil-preżent li huwa ta’ madwar €5.3 biljuni fis-sena. Għandna nifirħu lill-KE talli qed tiġbor flimkien id-donaturi ta’ l-UE f’Mejju ta’ l-2007 sabiex ikunu jistgħu jsiru l-pleġġijiet għall-edukazzjoni bażika.

L-AĊĊESS GĦALL-KURA TAS-SAĦĦA BAŻIKA U T-TAQBIDA KONTRA L-MARD

Il-provvediment ta’ trattament għal mard speċifiku qed jiżdied iżda s-sistemi tas-saħħa tant huma dgħajfa li l-progress fuq l-isforzi biex jitnaqqsu l-mard fit-tfulija u l-imwiet tat-trabi u ta' l-ommijiet miexi bil-mod wisq li jqabbad disprament. Miljuni ta’ tfal qegħdin imutu minkejja d-disponibbiltà ta’ interventi preventattivi sempliċi u rħas. Bl-istess mod, miljuni ta’ nisa qegħdin imutu waqt li jkunu qed iwelldu jew minn kawżi relatati mat-tqala. Fl-Afrika, ir-riskju tal-mewt materna għandu r-rata skandaluża ta’ 1 (omm) minn kull 6 (sitta).

Il-migrazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa Afrikani tkompli żżid ma’ dawn il-problemi. L-Oxfam tikkalkula li fi tnax-il pajjiż fl-Afrika ‘l isfel mis-Saħara, huwa biss 10 fil-mija tal-popolazzjoni qed ikun kopert mill-ħaddiema tas-saħħa.

In-nefqa totali fis-saħħa żdiedet minn 4.1% għal 5.6% tal-prodott gross domestiku (GDP) bejn l-1990 u l-2002, imma f’xi pajjiżi l-infiq domestiku staġna jew anke reġa’ lura. Għad fadal nuqqas kbir fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ finanzjamemt biex jintlaħqu l-MDGs għas-saħħa, stmat b’mod konservattiv mill-Bank Dinji li jammonta għal bejn € 18.7 biljuni u € 37.5 biljuni fis-sena. Għal darb’oħra il-Fond Globali jeħtieġ il-wegħda ta’ finanzjament sostanzjali u prevedibbli fuq medda twila ta’żmien.

Fil-preżent, 'il fuq minn 90% tar-riżorsi għar-riċerka tas-saħħa jintefqu fuq mard li jaffettwa biss għaxra fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja. Is-sistemi tal-brevetti setgħu kienu qed jaħdmu bħala inċentiv għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) fil-pajjiżi żviluppati imma dan ma kienx il-każ għall-mard li qed jaffettwa lill-foqra li ġie ttraskurat.

F’Abuġa fl-2000 sa l-2001, il-gvernijiet Afrikani wegħdu li jonfqu mill-inqas 15% mill-baġit tagħhom għall-miri tal-kura tas-saħħa. Minn dak iż-żmien huma biss ftit il-pajjiżi Afrikani li indirizzaw is-sistemi tas-saħħa fil-qofsa ċentrali ta’ żvilupp tagħhom u huma tnejn biss, il-Botswana u l-Gambja li ssodisfaw l-Impenji ta’ Abuġa.

APPROĊĊ LEJN IT-TWETTIQ TA’ L-MDGs IBBAŻAT FUQ ID-DRITTIJIET

Ir-Rapport dwar l-Iżvilupp Dinji ta’ l-2006 fuq l-ekwità u l-iżvilupp jirreferi għall-inugwaljanza bejn is-sessi bħala n-“nassa arketipika ta’ l-inugwaljanza”. Din l-inugwaljanza hija riflessa fil-prestazzjoni aktar fqira min-naħa tan-nisa u l-bniet fil-medda ta' ħafna mill-MDGs. Id-diskriminazzjoni stabbilita sew li teżisti kontra n-nisa tkompli tipprovdi impediment mill-akbar għat-tip ta' progress li se jagħmel possibbli it-twettiq ta' l-MDGs.

L-Unjoni Afrikana ffirmat Karta dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika. L-UE impenjat ruħha li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħhom, inkluż fil-koperazzjoni tagħhom għall-iżvilupp. L-UE ffirmat ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Beijing u l-Istati Membri kollha għandhom sehem fil-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW).

Li jiġu salvati ħajjiet in-nisa jfisser li jiġi żgurat li jkollhom aċċess universali għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u għall-ippjanar tal-familja kif ukoll għall-kura qabel u wara t-twelid. L-UE għandha tonora l-impenji li saru waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp fil-Kajr u għandha tkompli turi t-triq rigward id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva billi jinżammu livelli ta' finanzjament għall-għażla kollha kemm hi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva (SRHR).

L-istess kif id-drittijiet tas-sessi huma kwistjoni li tmiss kull aspett, hekk ukoll huma d-drittijiet tat-tfal u tan-nies b’diżabilità u għandhom jiġu meqjusa fil-politiki u l-programmi kollha.

IL-PAĊI U S-SIGURTÀ

Ħafna pajjiżi m’humiex qed jagħmlu progress fit-twettiq ta' l-MDGs u huma ġeneralment dawk li jinsabu fi kriżi jew fi żmien wara xi kunflitt. It-titjib tal-koordinazzjoni tas-sigurtà, l-isforzi ta’ stabbilizzazzjoni, il-politiki umanitarji u operazzjonijiet bi sforzi ta’ żvilupp fuq medda twila ta’ żmien huma essenzjali bħal ma hi essenzjali wkoll il-ħtieġa ta’ mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-kunflitti.

Jeħtieġ li l-UE tappoġġja l-bini tal-paċi imma wkoll li tieħu azzjoni urġenti fir-rigward ta' l-armamenti ż-żgħar, inkluż appoġġ għat-Trattat Internazzjonali tal-Kummerċ ta' l-Armi.

IL-GOVERNANZA

L-UA adottat Karta tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza fis-Samit tagħha f’Jannar ta’ l-2007 u stabbiliet Mekkaniżmu Afrikan ta’ Reviżjoni bejn il-Pari. Għad hemm aktar li jrid isir iżda l-Gana u l-Irwanda pereżempju, irreaġixxew għar-reviżjoni tagħhom u qed jieħdu azzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm appoġġ għall-parteċipazzjoni ċivili u parlamentari kif ukoll għall-involviment politiku tan-nisa. Il-korruzzjoni u t-tixħim jibqgħu kawża ta’ tħassib u għandna ninnotaw li l-Inizjattiva għat-Trasparenza ta’ l-Industriji Estrattivi tirrappreżenta pass kbir 'il quddiem.

L-UE se tappoġġja numru ta’ programmi ta’ governanza taħt l-Istrateġija Ewro-Afrikana u l-Ftehima ta' Sħubija ta' Kotonù tagħmel il-governanza responsabilità maqsuma.

APPOĠĠ MILL-BAĠIT

Filwaqt li l-għajnuna baġitarja lill-pajjiżi ta’ l-ACP kienet tgħodd kważi kwart ta’ l-għajnuna tal-KE f’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li żżid dan is-sehem għal aktar minn 50% taħt l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF). Għalhekk huwa importanti li jkunu stabbiliti mekkaniżmi u għodod ta’ monitoraġġ biex ikun żgurat li l-fondi li jkunu sejrin fil-baġit ġenerali jkunu jappoġġjaw direttament l-isforzi ta’ appoġġ biex jintlaħqu l-MDGs.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu l-appoġġ biex jibnu l-kapaċità tagħhom stess sabiex jipproduċu proċess koerenti ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iżvilupp. Kwistjoni ewlenija, b’mod partikulari fl-Afrika, hi relatata mal-kapaċità ta’ assorbiment - huwa importanti li tkun rikonoxxuta ċ-ċentralità tal-kapaċità biex jintlaħqu l-MDGs.

Id-donaturi għandhom jiffinanzjaw ukoll il-bini tal-kapaċità parlamentari biex ikunu miflija bir-reqqa l-baġits u l-politiki tal-gvernijiet tagħhom. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm superviżjoni akbar mill-Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA), peress li x-xogħol tagħha jkopri r-relazzjoni li torbot legalment u li hi waħda kuntrattwali bejn il-Parlamentari mill-Parlament Ewropew u mill-ACP.

STRATEĠIJI NAZZJONALI MAĦSUBA BIEX JINTLAĦQU L-MDGs

Skond il-UNDP, mill-inqas dsatax-il pajjiż lestew l-evalwazzjonijiet tal-ħtiġijiet ta’ l-MDG, u 55 oħra jinsabu fil-proċess li jfassluhom. Iżda, s’issa, l-anqas pajjiż wieħed fl-Afrika bi dħul baxx ma għadu rċieva l-appoġġ imwiegħed mill-komunità internazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji.

L-UE, in-NU u Istituzzjonijiet Finanzjarji għandhom jappoġġjaw lill-gvernijiet biex l-istrateġiji eżistenti tagħhom għall-iżvilupp, bħal m’huma l-PRSPs, iġibuhom konformi ma’ l-MDGs permezz ta’ proċessi ta' parteċipazzjoni li jkollhom bażi wiesgħa u għandhom jissodisfaw l-impenji biex tiġi appoġġjata ż-żieda progressiva bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali ta’ żvilupp.

IL-FAQAR FIL-MIRA TAL-KOPERAZZJONI TAL-KE GĦALL-IŻVILUPP

Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, l-Artikolu 19 tal-Ftehima ta’ Kotonù u l-Istrument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) kollha kemm huma jqiegħdu t-tnaqqis u l-eradikazzjoni tal-faqar bħala l-objettiv ewlieni tal-koperazzjoni tal-KE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huwa xi ftit ta’ tħassib għall-Parlament Ewropew li fl-2005, l-għajnuna ta’ l-UE għat-trasport u proġetti ta’ infrastruttura oħra ammontaw għal madwar €817-il miljun, filwaqt li l-infiq fl-edukazzjoni u s-saħħa ammonta għal €185 miljun u €239 miljun rispettivament - għalkemm l-analiżi ta’ l-infiq li fil-fatt sar f’dawn is-setturi fil-kuntest ta’ l-għajnuna baġitarja hija waħda diffiċli. Huwa importanti li l-appoġġ tal-KE għas-settur tat-trasport għandu jkollu rabta ċara u espliċita mat-tnaqqis tal-faqar.

Hemm tħassib li, filwaqt li l-kriterju għall-appoġġ tal-KE jinkludi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, hemm ukoll elementi li jdaħħlu l-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi Ewropej fil-proċess ta’ l-ipprogrammar. Il-politiki ta’ l-iżvilupp nazzjonali u reġjonali għandhom ikunu stabbiliti b’mod demokratiku mill-popolazzjonijiet infushom u l-gvernijiet rispettivi tagħhom għandhom jagħtu rendikont lilhom permezz ta’ istituzzjonijiet demokratiċi u mhux permezz ta’ kundizzjonalità li tkun imfassla għall-interessi strateġiċi tad-donaturi stess.

Il-Parlament Ewropew irid jara EDF li jkun aktar flessibbli u adattabbli, b’mod speċjali fid-dawl tal-fatt li l-MDGs infushom m’humiex immutabbli.

IL-KOORDINAMENT TAD-DONATURI

Il-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-UE dwar It-Tqassim tax-Xogħol fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp hija f’waqtha u għandha l-potenzjal li ttejjeb il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Madanakollu, jibqa inċert kemm fil-fatt jista’ jkollu suċċess kodiċi volontarju.

L-AĠENDA TA’ WARA L-MGD

Anke jekk l-obbligi ta’ l-MGD jkunu ssodisfati xorta se jkun għad hemm miljuni ta’ nies li huma foqra b’mod kroniku li ma jkunux ġew milħuqa. Strateġija globali għall-eradikazzjoni tal-faqar tieħu ż-żmien biex tevolvi, għalhekk, sa l-2010, l-UE għandha jkollha stabbilita strateġija mfassla biex tegħleb dik il-problema.

KONKLUŻJONI

Rajna l-kanċellament ta’ mija fil-mija tad-djun multilaterali, ħaġa li qatt ma kienet saret qabel, imma dwar l-għajnuna jeħtieġ li naraw bidla fir-ritmu għaliex meta nneħħu d-dejn għal kollox, l-għajnuna Ewropea m’hijiex qed tikber biżżejjed biex tissodisfa l-wegħdiet li saru fi Gleneagles. Rigward il-kummerċ, il-progress huwa wieħed ta’ diżappunt, speċjalment peress li bidliet fir-regoli tal-kummerċ ikunu aktar ta’ benefiċċju għall-foqra milli kieku nimmultiplikaw l-għajnuna għal ħames darbiet.

Fis-sena 2005 eluf miċ-ċittadini tagħna mmarċjaw taħt l-islogan 'Lill-Faqar Ejjew Nagħmluh Storja ta' l-Imgħoddi’ (Make Poverty History) u l-Oxfam iddikjarat li diġà qiegħdin naraw “titjib veru fil-ħajja ta’ xi wħud mill-aktar nies foqra tad-dinja”. Wasal iż-żmien li nagħrfu li kien hemm bidla soċjali u politika u ftehim dejjem akbar li m’għandniex inkunu qed nitolbu l-karità imma għandna nkunu qed nitolbu għall-ġustizzja.

PROĊEDURA

Titolu

L-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju - il-punt f’nofs triq

Numru tal-proċedura

2007/2103(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta’ l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

DEVE
6.6.2007

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

FEMM

6.6.2007

INTA

6.6.2007

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

FEMM
8.5.2007

INTA
7.5.2007

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Glenys Kinnock
28.2.2007

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

11.4.2007

2.5.2007

4.6.2007

5.6.2007

 

Data ta’ l-adozzjoni

5.6.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

18

10

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Margrietus van den Berg, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Corina Creţu, Nirj Deva, Alexandra Dobolyi, Fernando Fernández Martín, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, Miguel Portas, Horst Posdorf, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke, Luis Yañez-Barnuevo García, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Pasqualina Napoletano, Anne Van Lancker, Ralf Walter

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq

11.6.2007

Kummenti
(disponibbli b’lingwa waħda biss)