RAPPORT dwar zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja: Strateġija għad-dimensjoni esterna, Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ l-Aja
11.6.2007 - (2006/2111(INI))
Kumitat ghal-Libertajiet Civili, il-Gustizzja u l-Intern
Rapporteur: Bogdan Klich
Rapporteur ghal opinjoni (*): Aloyzas Sakalas, Committee on Foreign Affairs
(*) Koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kumitati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Procedura
MOZZJONI GHAL RIZOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja: Strateġija għad-dimensjoni esterna, Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ l-Aja
(2006/2111(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u t-Titolu VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea (TEU) u t-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TEC) dwar it-tisħiħ ta' l-Unjoni Ewropea bħala zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza u l-objettivi definiti minn Kunsilli Ewropej successivi sa mill-1999 dwar id-dimensjoni esterna tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, inkluż dak ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni dwar deċiżjoni ta’ qafas tal-Kunsill dwar koperazzjoni ġudizjarja fil-kwistjonijiet kriminali: drittijiet proċedurali fi proċeduri fi kwistjonijiet kriminali madwar l-Unjoni Ewropea (COM(2004)0328),
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni dwar deċiżjoni ta’ qafas tal-Kunsill dwar il-ħarsien tad-dejta personali pproċessata fil-qafas ta’ koperazzjoni tal-pulizija u ġudizjarja fil-kwistjonijiet kriminali (COM(2005)0475),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummisjoni fuq l-Istrateġija dwar id-Dimensjoni Esterna tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-gustizzja (COM(2005)0491) u r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dik l-Istrateġija (SEC(2006)1498),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kunsill dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni: Il-Libertà Globali, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, adottata fl-1 ta' Dicembru 2005, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istrategija" u r-rapport tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dik l-Istrateġija ghas-sena 2006, approvat fl-2,768 Kunsill JAI ta' l-4 u l-5 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma Multi-Presidenzjali (5003/1/7) tar-relazzjonijiet esterni tal-JHA adottat fit-23 ta' Jannar 2007, id-Dokument tal-Kunsill bi Skop ta' Azzjoni dwar it-titjib tal-koperazzjoni kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, l-immigrazzjoni illegali u l-kontro-terroriżmu bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent (9360/06), id-Dokument bi Skop ta' Azzjoni dwar l-appoġġ akbar ta' l-UE fil-ġlieda kontra l-produzzjoni tad-drogi u t-traffikar tagħhom mill-Afganistan, inklużi r-rotot ta' mogħdija (9305/06), it-tnejn adottati mill-Kunsill JAI ta' l-1 u t-2 ta' Ġunju 2006 u d-Dokument bi Skop ta' Azzjoni dwar l-Implimentazzjoni mar-Russja ta' l-Ispazju Komuni tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (15534/06) adottat fil-11 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra d-dibattiti annwali preċedenti dwar l-AFSJ u r-rizoluzzjonijiet li jiffokaw fuq id-dimensjoni esterna tiegħu (it-terroriżmu, is-CIA, il-protezzjoni tad-dejta, il-migrazzjoni, it-traffikar, il-ġlieda kontra d-drogi, il-ħasil tal-flus),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu lill-Kunsill Ewropew dwar it-tisħiħ ta' l-AFSJ (Rapport Bourlanges ta' l-2004)[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ghal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0023/2007),
A. billi d-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ qiegħda tikber waqt li l-qasam intern tal-libertà, tas-sigurtà u l-ġustizzja qiegħed jifforma ruħu progressivament taħt il-pressjoni ta' dinja li kull ma tmur qiegħda tingħaqad u tax-xejra internazzjonali inerenti ta' theddidiet bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-isfidi bħall-flussi tal-migrazzjoni; u billi l-projezzjoni esterna tal-valuri li jsostnu l-AFSJ hija essenzjali sabiex tissalvagwardja r-rispett lejn id-dritt ta' l-istat, id-drittijiet fundamentali, is-sigurtà u l-istabilità fi hdan l-UE,
B. billi bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija koerenti ghad-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ l-UE tkun qiegħda żżid il-kredibilità u l-influwenza tagħha fid-dinja u billi l-Istrateġija tista' sseħħ biss bil-koperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi organizzazzjonijiet internazzjonali,
C. billi din l-istrateġija hija pass importanti lejn it-twaqqif ta' zona interna ta' libertà, sigurtà u ġustizzja billi toħloq ambjent estern sikur kif ukoll billi ttejjeb ir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE billi tippromwovi l-istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u l-istituzzjonijiet sodi,
D. billi t-tisħiħ ta' bilanċ ġenwin bejn is-sigurtà u l-ġustizzja għandu jiġi rifless waqt il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki diversi kollha mwettqa għall-iskop li tinkiseb zona reali u sostenibbli ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,
E. billi l-koerenza u l-effiċjenza politika ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE attwalment hija mxekkla:
- mill-kumplessità tal-qafas istituzzjonali intern li fih il-ftehimiet esterni u l-programmi jiġu deċiżi skond il-proċeduri ta' l-ewwel, it-tieni u t-tielet pilastru,
- mis-sehem insuffiċjenti tal-Parlament, minkejja l-obbligi eżistenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jikkonsultaw u jinfurmaw lill-Parlament,
- mit-tqassim tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet ta' l-UE u s-27 Stat Membru;
F. billi l-UE għandha numru ta' strumenti politiċi għad-dispożizzjoni tagħha biex jgħinu fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija dwar id-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ, bħall-ftehimiet bilaterali (ftehimiet ta' assoċjazzjoni, ftehimiet ta' sħubija u ta' koperazzjoni, ftehimiet ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni), il-proċess ta' l-UE ta' qabel is-sħubija u t-tkabbir, il-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Politika Ewropea ghall-Vicinanza (ENP), il-koperazzjoni reġjonali, il-ftehimiet individwali (ma' l-Istati Uniti, mal-Ġappun, maċ-Ċina, eċċ), il-koperazzjoni dwar l-operat, il-politika dwar l-izvilupp u l-għajnuna esterna,
Jippreżenta l-lista li ġejja ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni ghall-konsiderazzjoni tagħhom
Għat-titjib tal-kontabilità demokratika fid-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ
1. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet preżenti u futuri tal-Parlament dwar l-istrateġija esterna ta' l-UE fi ħdan l-AFSJ; ifakkar li l-Parlament għandu rwol essenzjali x'jaqdi fit-tisħiħ tar-responsabilità ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE;
2. Iħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni:
- biex jikkonsultaw mal-Parlament dwar kull ftehima internazzjonali li għandha ssir skond l-Artikoli 24 u 38 TEU meta l-ftehimiet ikunu se jaffettwaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej u l-aspetti ewlenin tal-koperazzjoni mal-ġudikatura u l-pulizija ma' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali,
- biex iżommu lill-Parlament infurmat regolarment dwar in-negozjati ta' ftehimiet relatati ma' l-AFSJ u biex jiżguraw li l-fehmiet tal-Parlament ikunu kkunsidrati kif jixraq, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 39 u 21 TEU u l-Artikolu 300 TEC;
3. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jattiva l-klawsola passerelle fl-Artikolu 42 tat-TEU, fl-istess waqt li l-proċess kostituzzjonali jkun miexi 'l quddiem, biex iġib id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni mal-pulizija u l-ġudikatura fuq kwistjonijiet kriminali fi ħdan il-qafas Komunitarju, u b'hekk iwassal ghal aktar effiċjenza, trasparenza, responsabilità kif ukoll għal kontroll demokratiku u ġudizzjarju aħjar; għalhekk iħeġġeg lill-Kummissjoni biex qabel Ottubru 2007 tissottometti lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni formali li tattiva l-Artikolu 42 TEU; iqis li l-koerenza interna tkun tista' titjieb billi jidħol fis-seħħ it-Trattat Kostituzzjonali, u b'mod partikulari billi jkunu stabbiliti l-uffiċċju tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u s-servizz diplomatiku estern;
4. Jistieden lill-Kunsill biex, b'mod partikulari, iħaffef l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta' qafas fir-rigward tal-ħażna, l-użu u l-iskambju ta' l-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali u tal-kodifikazzjoni tad-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali fl-UE, bħal proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq (COM(2004)328);
Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-objettivi ewlenin ta' l-Istrateġija
5. Jilqa' l-prinċipji mniżżla fl-Istrateġija, l-aktar il-ħtieġa għal sħubija ma' pajjiżi terzi biex ikunu trattati problemi komuni u biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika komuni; il-ħtieġa li tkun ikkoordinata l-iskala wiesgħa ta' strumenti li jinsabu għad-dispożizzjoni ta' l-UE biex ikun hemm rispons imfassal tajjeb u koerenti; u l-ħtieġa li tkun ikkoordinata l-azzjoni ta’ l-Istati Membru u tal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-kumplimentarjetà u tkun evitata d-dupplikazzjoni; iqis, meta wieħed jikkundsidra l-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jorbtu ma' l-implimentazzjoni ta' l-AFSJ, li koperazzjoni fuq livell għoli mill-pajjizi terzi f'dawn l-oqsma ghandha jkollha impatt pozittiv fuq ir-relazzjonijiet taghhom ma' l-UE, fatt li se jqanqal din il-kollaborazzjoni mehtiega;
6. Jenfasizza l-ħtieġa għall-UE sabiex tuża r-relazzjonijiet u l-istrumenti konvenzjonali tagħha ma’ pajjiżi terzi bħala inċentiv għalihom biex jadottaw u jimplimentaw standards u obbligi internazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet JHA;
7. Ifakkar fil-ħtieġa li x-xogħol ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-użu ta' l-istrumenti eżistenti għandhom ikunu razzjonalizzati, u biex ikunu kkoordinati l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri u dawk fil-livell ta' l-UE sabiex ikun żgurat rispons koerenti u effettiv fir-relazzjonijiet ta' l-UE ma' pajjiżi terzi u biex tkun evitata d-dupplikazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' l-iżvilupp ibbilanċjat tad-dimensjonijiet interni u esterni ta' l-AFSJ;
8. Jenfasizza l-ħtieġa għall-Parliament biex itejjeb il-koerenza ta' l-attivitajiet tar-relazzjonijiet esterni tiegħu, li jinvolvu għadd ġmielu ta' parteċipanti; għalhekk, jitlob li jkunu organizzati aħjar l-attivitajiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ma' l-iggvernar demokratiku u ma' l-istat tad-dritt f'pajjiżi terzi kif ukoll mad-dimensjoni esterna tas-sigurtà;
9. Jistieden lill-Kunsill biex jiċċara aħjar il-politika tiegħu fir-rigward tad-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ u biex jiżgura l-koordinazzjoni bejn il-gruppi ta' ħidma ġeografiċi tal-Kunsill u l-gruppi li jkollhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' ġustizzja, libertà u sigurtà;
10. Jinnota li huwa essenzjali li titjieb il-koordinazzjoni bejn pilastru u ieħor bejn l-istrumenti varji li jappartjenu għall-AFSJ, il-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP), il-Politika Komuni Barranija u tas-Sigurtà (CFSP) u l-Komunità, u li tkun evitata d-dupplikazzjoni tagħhom; jenfasizza li l-effettività ta' koordinazzjoni bħal din għandha tkun suġġetta għal reviżjoni kostanti mill-Parlament Ewropew; jilqa' l-passi li ttieħdu biex titjieb il-koerenza fil-koperazzjoni integrata ċivili u militari ta' l-ESDP, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-immaniġġjar ta' kriżi;
11. Jenfasizza li l-proċess ta’ ppjanar ta’ l-operazzjonijiet ESDP għandhom iqisu l-miżuri varji ta’ akkumpanjament jew ta’ segwitu provduti minn strumenti Komunitarji fl-oqsma ta’ l-istat tad-dritt, tat-traffikar ta’ l-armi u d-drogi, tat-traffikar tan-nisa u t-tfal, tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u tal-ġlieda kontriehom, u ta’ l-istabilizzazzjoni ta’ wara l-konflitt, partikolarment fir-rigward ta’ l-Istrument ta’ Stabilità u ta’ l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI);
6.
12. Jemmen li wasal iż-żmien li jingħelbu l-impedimenti politiċi għal koperazzjoni Transatlantika iktar profonda fid-dimensjoni usa' tal-libertà u s-sigurtà, fuq il-bażi tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, pereżempju fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, b'mod partikulari minħabba l-operazzjonijiet ċivili ġejjiena ta' l-ESDP fil-Kosovo u fl-Afganistan, u fl-oqsma tad-drittijiet tan-nisa u l-iskambju u l-ħarsein tad-dejta personali; ifakkar f'dan is-sens fl-appelli tal-Parlament għall-għeluq tal-ħabs ta' Guantanamo u jenfasizza li l-ezistenza ta' dan il-ħabs qed jibgħat sinjal negattiv dwar il-mod kif għandu jiġi miġġieled it-terroriżmu;
13. Iheġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu indvidwalment, kollettivament u fil-fora bilaterali u internazzjonali xierqa kollha, ir-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti madwar id-dinja, waqt li jiġi evitat li jiġu applikati jew li tingħata l-impressjoni li qed jiġu applikati standards differenti fil-kuntest tal-politika barranija ta' l-Ewropa, tal-politika tagħha għas-sigurtà u tal-politika tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem;
14. Jitlob għal koperazzjoni aħjar bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikulari mal-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u jisħaq fuq il-ħtieġa tat-tisħiħ tad-djalogu reġjonali u l-koperazzjoni fuq kwistjonijiet ta' ġustizzja, libertà u sigurtà;
15. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tappoġġja l-koperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet ta’ ġustizzja, libertà u sigurtà permezz ta’ entitajiet eżistenti, bħall-Unjoni Afrikana, billi tinkoraġġixxi inizjattivi ġodda f’oqsma fejn il-koperazzjoni reġjonali hija dgħajfa, bħal-Lvant Nofsani u l-Ewropa tal-Lvant;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja kontinwament l-implimentazzjoni ma' l-objettivi u l-prijoritajiet imfassla fl-Istrateġija u biex tagħmel rapport dwarha kull 18-il xahar; jistieden lill-Kummssjoni biex tevalwa regolarment kemm hu effettiv l-użu tal-fondi fl-oqsma koperti mill-Istrategija; jistieden lill-Kunsill biex jeżamina l-progress u l-prijoritajiet fuq bażi regolari, billi d-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ qiegħda tikber bil-ħeffa;
Tisħiħ tas-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem
17. Iheggeg lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri:
- biex il-promozzjoni ta' l-istandards demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet politiċi u ta' l-istituzzjonijiet b'saħħithom issir dimensjoni indispensabbli tar-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi; jenfasizza li dan huwa krucjali għall-għanijiet globali tad-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ,
- biex il-Konvenzjoni Ewropea ghall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tinżamm bħala l-bażi għan-negozjati u l-ftehimiet kollha ta' l-UE u ta' l-Istati Membri ma' pajjiżi terzi,
- biex fid-djalogi ma' pajjiżi terzi dwar l-AFSJ tidħol evidenza miġbura mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u s-sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem,
- biex jinsistu li dawn id-drittijiet fundamentali għandhom ikunu parti integrali minn kwalunkwe strument, programm jew mizura operazzjonali marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni, il-kenn u l-kontroll tal-fruntieri,
-
- biex idaħħlu "klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem" fil-ftehimiet kollha ma' pajjiżi terzi u biex jevalwaw kemm ikunu effettivi dawn il-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u klawsoli ohra dwar l-AFSJ,
- biex jinkludu rapport dwar il-konformità tad-drittijiet tal-bniedem fl-inizjattivi jew fid-dokumenti dwar il-politika esterna fl-AFSJ, li għandu jkun aġġornat u mressaq quddiem il-Parlament u jkollu s-sostenn ta' fondi specifiċi għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda, b'mod partikulari, lill-Kunsill biex f'kull Dokument bi Skop ta' Azzjoni jinkludi taqsima dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiz terz; jaħseb li l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tghin lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex jevalwaw il-konformità tal-ftehimiet ta' l-UE mad-drittijiet tal-bniedem;
18. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kunsill li huma għandhom iqisu l-possibilità li jissupplimentaw attivitajiet iffinanzjati fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja ma’ pajjiżi u reġjuni terzi billi jipprovdu finanzjament speċifiku għal proġetti marbuta mal-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
19. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ impenn għad-drittijiet fundamentali f’ċerti pajjiżi terzi li magħhom l-UE għandha rabtiet mill-qrib, speċjalment dawk il-pajjiżi li jibbenefikaw mill-politika tal-viċinat u l-Federazzjoni Russa, fejn isir ksur tal-libertà ta’ l-istampa u ta’ l-espressjoni, b’mod partikulari, u jitlob għal djalogu iktar intensiv ma' dawn il-pajjiż rigward din il-kwistjoni;
20. Huwa mħasseb ukoll dwar il-konformità ma’ l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem ta’ l-UE nfusha, u jinnota l-eżempju riċenti ta’ programmi ta’ rendizzjonijiet immexxija mis-CIA u prattiki relatati ta’ integrità dubjuża ta’ bosta Stati Membri;
21. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju li ma ssir estradizzjoni lejn pajjiżi fejn il-persuni estraditi se jkunu torturati u/jew jiffaċċjaw il-piena tal-mewt; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu lill-pajjiżi ma' liema għanda relazzjonijiet fil-qrib biex jabolixxu dawn il-prattiki u jiżguraw li kulħadd ikollu d-dritt għal proċess ġust;
22. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar is-salvagwardji legali mhux xierqa għal ċittadini ta’ l-UE f’każijiet fejn id-dejta personali ssir disponibbli għal pajjiżi terzi, notevolment f’każi bħall-PNR, is-SWIFT u l-ġbir tar-rikordji tat-telekommunikazzjoni mill-FBI; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq inkjesta dwar liema kategoriji ta' dejta personali taċ-ċittadini Ewropej qed jiġu aċċessati u użati minn pajjiżi terzi fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom stess; jenfasizza li l-iskambju tad-dejta għandu jsir fuq bażi legali xierqa, b’regoli u kriterji ċari, f’konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-ħarsien xieraq tal-privatezza u tal-libertajiet ċivili; jemmen li l-iskambju tad-dejta ma’ l-Istati Uniti għandu jsir fil-kuntest legali xieraq għal koperazzjoni transatlantika, u fuq il-bażi ta’ ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti, waqt li ftehimiet bilaterali mhumiex aċċettabbli;
23. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ sorveljanza demokratika fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti maħluqa mill-Grupp ta’ Kuntatt ta’ Livell Għoli li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentanti governattivi ta l-Istati Uniti tad-Dipartimenti tal-Ġustizzja tas-Sigurtà Interna u jeskludi l-Parlament Ewropew, u l-parlament nazzjonali kif ukoll il-Kungress ta’ l-Istati Uniti minn dan id-djalogu;
24. Jirrakkomanda politika waħda dwar il-protezzjoni tad-dejta li tkopri kemm l-ewwel kif ukoll it-tielet pilastru; ifakkar li d-diskrepanzi bejniethom ma jaffettwawx biss id-dritt taċ-ċittadini għall-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom, imma wkoll l-effiċjenza ta' l-infurzar tal-liġijiet u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill biex, fl-iqsar żmien possibbli, jadotta l-proposta għal deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali (COM(2005)0475);
Għal livell għoli ta' sigurtà għaċ-ċittadini ta' l-UE kontra t-terrorizmu u l-kriminalità organizzata
25. Iqis li l-politika ta' l-UE kontra t-terroriżmu għandha tkun konformi għal kollox mal-prinċipji tal-leġittimità demokratika, tal-proporzjonalità, ta' l-effiċjenza u tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, bi qbil mal-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri[2];
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, japplikaw il-konklużjonijiet tal-Kumitat Temporanju dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, li l-Parlament adotta nhar l-14 ta' Frar 2007; jirrakkomanda, b'mod partikulari, lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha biex jgħassu sabiex l-eżiġenza ta' sigurtà ta' l-Istati Membri fl-ebda każ ma tippreġudika r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem ta' l-individwi kollha, inklużi dawk suspettati b'terroriżmu;
27. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jillimitaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi li jipproteġu u/jew jagħtu fondi lil organizzazzjonijiet terroristiċi; u jenfasizza li Stat għandu jirrinunzja bil-qawwa għat-terroriżmu qabel ma jkun jista' jibbenifika minn relazzjonijiet aħjar ma' l-UE; iħeġġeġ lil dawk l-Istati li għadhom m'għamlux hekk biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw il-konvenzjonijiet kollha tan-NU dwar it-terroriżmu;
28. Jenfasizza n-natura varja tar-risponsi għad-dispożizzjoni ta' l-UE, fil-qasam ta' l-azzjoni esterna, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jisħaq fuq il-ħtieġa għall-użu koerenti tal-mezzi kollha disponibbli; jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu aktar biex in-NU tasal għal definizzjoni komuni tat-terroriżmu;
29. Ifakkar li hemm bżonn li tiġi evalwata l-effiċjenza ta' l-inizjattivi internazzjonali fil-qasam tal-miżuri kontra t-terroriżmu (eż. ir-reviżjoni attwali tal-Patriot Act ta' l-Istati Uniti); jenfasizza l-importanza li jkun hemm politika Komunitarja kif suppost dwar it-terroriżmu, peress li l-effettività tal-miżuri kontra t-terroriżmu titjieb b'mod sinifikattiv jekk l-UE titkellem b'leħen wieħed meta tinnegozja miżuri ta' dan it-tip ma' pajjiżi terzi;
30. Ifakkar fil-ħtieġa tat-tisħiħ tal-koperazzjoni ma' l-Istati reġjonali ewlenin kollha, fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-iffinanzjar u r-reklutaġġ tat-terroristi u l-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika, waqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-valuri ta' l-Unjoni Ewropea;
31. Jistieden lill-Kunsill biex isaħħaħ id-djalogu ma' pajjiżi terzi oħra, biex jappoġġja l-iżvilupp tat-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet u tal-kapaċitajiet, biex jiżviluppa aktar u jimplimenta l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex tingħeleb il-korruzzjoni b'mod effettiv u biex jidħlu "klawsoli kontra t-terroriżmu" fil-ftehimiet kollha li jkunu ffirmati ma' pajjiżi terzi; iqis li f'dan il-qasam hemm il-ħtieġa għal aktar fondi kif ukoll li l-istrumenti ta' l-UE imwaqqfa dan l-aħħar jintużaw;
32. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati li s'issa naqsu li jagħmlu hekk biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw l-istrumenti bħall-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni, il-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata b'mod Transnazzjonali u t-tliet Protokolli tagħha kontra l-Kuntrabandu ta' l-Immigranti, it-Traffikar tal-Persuni u l-Manifattura Illeċita u t-Traffikar ta' l-Armi tan-Nar u biex jaderixxu mal-projbizzjoni tan-NU fuq ir-restituzzjonijiet u detenzjonijiet sigrieti;
33. Jistieden lill-Kunsill biex jesiġi mill-pajjiżi terzi sħab ta' l-UE biex jikkonkludu, jekk ma jkunux diġà għamlu hekk, ftehimiet unifikati ta' estradizzjoni fuq il-mudell ta' dawk negozjati ma' l-Istati Uniti dwar l-estradizzjoni u l-assistenza legali reċiproka fuq kwistjonijiet penali għall-estradizzjoni ta' persuni suspettati li huma terroristi u kriminali biex jgħaddu ġuri;
34. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun irratifikata l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar is-Cybercrime biex twaqqaf l-użu ħażin ta' netwerks tad-dejta u tat-telekomunikazzjonijiet għal skopijiet terroristiċi u kriminali minn sistemi ta' kompjuters fi ħdan pajjiżi terzi;
35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex joħolqu proċeduri standardizzati għall-monitoraġġ tal-produzzjoni, tal-ħażna, tal-kummerċ, tal-ġarr, ta' l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' l-armi u l-isplużivi sabiex jitwaqqaf l-użu ħażin tagħhom kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi;
Għat-tisħiħ tal-koperazzjoni mal-pulizija u l-ġudikatura, u l-kontroll tal-fruntieri
36. Jitlob għal koperazzjoni aktar effettiva mal-pulizija u l-ġudikatura, inkluż l-użu aħjar ta' riżorsi nazzjonali bħall-uffiċjali ta' kollaborazzjoni; jenfasizza li, waqt li l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali u l-koperazzjoni fl-operat huma importanti f'dawk l-oqsma, l-attivitajiet ta' l-UE għandhom isiru b'appoġġ għall-istandards universali relatati mad-drittijiet tal-bniedem;
37. Jirrakkomanda li l-Europol għandu fis ikollha l-poter li torganizza u tikkoordina l-azzjonijiet ta' l-operat u l-investigazzjonijiet, li tieħu sehem fi gruppi konġunti ta' investigazzjoni u li tuża l-uffiċjali ta' kollaborazzjoni tagħha f'reġjuni ta' prijorità bħall-Balkani tal-Punent;
38. Jirrakkomanda li l-UE għandha tinnegozja, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 30 TEU, ftehimiet standard ta' koperazzjoni mal-pulizija ma' l-Istati Uniti, mal-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinanza (ENP) u ma' sħab oħrajn; jitlob li l-Parlament, bħala r-rappreżentant demokratiku leġittimu taċ-ċittadini għal ftehimiet bħal dawn, għandu jidħol b'mod attiv fid-djalogu mal-Kungress ta' l-Istati Uniti dwar in-negozjati għall-ftehim li se jsir;
39. Jappoġġja l-progress dwar l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-UE u r-Russja imma jfakkar li madankollu għad hemm lok għal titjib, l-aktar fil-qasam tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;
40. Josserva li se jkun hemm bżonn ta' titjib sinifikati fil-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja biex jitnaqqsu s-sorsi ta' instabilità fl-Unjoni Ewropea u fiz-zona ta' l-ENP bħall-kunflitti sospiżi tal-Moldova u tal-Ġeorġja u bħat-tendenzi radikali vjolenti fost il-minoranzi Russi fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea;
41. Jilqa' l-ftehimiet fuq l-estradizzjoni u fuq il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali bejn l-UE u l-Istati Uniti, li għandhom jitqiesu bħala suċċess tassew; jinnota li l-Kungress nieda proċedura biex dawn il-ftehimiet jiġu ratifikati u jistieden l-Istati Membri ta' l-UE kollha biex jagħmlu l-istess ħaġa; u jilqa' l-ftehim ta' koperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Istati Uniti;
42. Jistieden lill-Istati Uniti u lill-pajjiżi l-oħra kollha li jitolbu l-viża tad-dħul għal ċerti Stati Membri ta' l-UE biex mill-aktar fis ineħħu l-kundizzjoni tal-viża u biex jittrattaw liċ-ċittadini kollha ta' l-Istati Membri ta' l-UE bl-istess mod; jiddispjaċih li ġiet inkluża "klawsola dwar il-qsim ta' l-informazzjoni" addizzjonali (klawsola PNR) fost it-tibdil propost fil-Visa Waiver Program ta' l-Istati Uniti;
43. Iqis li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huma alleati essenzjali u leali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li jrid jintlaħaq ftehim internazzjonali sabiex Swift tirrispetta d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995, b'rabta mal-ħarsien ta' persuni naturali rigward it-trattament ta' dejta ta' natura personali u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' din id-dejta[3] - jitlob li f'dan il-ftehim internazzjonali jkunu previsti l-garanziji meħtieġa kontra kull użu abbużiv tad-dejta personali għall-għanijiet ekonomiċi u kummerċjali - jindika li SWIFT trid ittemm il-prassi attwali tagħha li tirriproduċi d-dejta kollha fuq is-sit "mirror" Amerikan tagħha;
44. Jinsisti fuq il-fatt li l-kontroll tal-fruntieri b'mod effettiv huwa importanti għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u jista' jirriżulta utli f'ċerti każi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;
45. Jirrakkomanda li l-Frontex għandu jkollha rwol operazzjonali fil-kontroll tal-fruntieri esterni permezz ta' żieda fil-kapaċitajiet tagħha ta' l-operat u d-dispożizzjoni ta' riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi suffiċjenti, fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà u ta' għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri li lkoll għandhom jaqsmu l-piż li jirriżulta mill-kontroll tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni;
46. Jitlob li jissaħħaħ l-appoġġ għall-Istati Membri l-ġodda fl-isforzi kontinwi tagħhom biex jipproteġu l-fruntieri esterni ġodda fil-Lvant ta' l-UE;
47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu l-isforzi kollha possibbli biex il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu jikkoperaw b'mod effettiv ma' l-UE u l-Istati Membri tagħha biex iwaqqfu l-immigrazzjoni illegali u jiġġieldu kontra l-organizzazzjonijiet li jipprattikaw it-traffikar ta' bnedmin; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jevalwaw regolarment sa liema punt dawn il-pajjiżi terzi qed jikkoperaw f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-immigrazzjoni illegali; f'dan ir-rigward, jinsisti fuq l-importanza tal-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, li nħoloq mill-Kunsill fl-2003, fuq talba tal-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki;
48. Jappoġġja l-irwol aktar importanti tal-Eurojust u l-armonizzazzjoni tal-poteri tal-membri nazzjonali tagħha, li għandhom isaħħulha l-kapaċità li tikkoordina b'mod effiċjenti u li tibda l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet;
Għat-tisħiħ tas-solidarjetà internazzjonali fi ħdan il-politiki dwar il-migrazzjoni, l-ammissjoni mill-ġdid u l-ażil politiku
49. Jirrakkomanda li l-Kunsill jadotta politika komprensiva ta' migrazzjoni ta' l-UE li tinkludi miżuri relevanti li jilqgħu b'mod effettiv għall-isfidi ta' l-immigrazzjoni legali u illegali; f'dan il-kuntest jitlob għall-implimentazzjoni tal-konklużjoniijiet adottati tmien snin ilu fis-Summit ta' Tampere u kkonfermati mill-Kunsill Ewropew informali ta' Lahti, tal-Programm ta' l-Aja u tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, rigward il-bżonn li tiġi applikata l-istrateġija globali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-immigrazzjoni adottata fl-2005;
50. Ifakkar li l-immigrazzjoni tista' ġġib benefiċċji konsiderevoli jekk tkun ikkontrollata sew, b'solidarjetà u bi sħab ma' pajjiżi terzi, u li l-integrazzjoni ta' l-immigranti għandha tkun komponent ewlieni tal-politika Ewropea tal-migrazzjoni tal-ġejjieni; jenfasizza li l-attivitajiet ta' l-UE, li għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità ta' pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-flussi tal-migrazzjoni u l-fruntieri tagħhom, għandhom isiru fi ħdan politika effettiva ta' l-iżvilupp, li tikkunsidra s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċifika u li tittratta s-sorsi reali tal-migrazzjoni kemm legali u kemm illegali, pereżempju l-faqar u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, fil-pajjiżi kkonċernati u li għandha tinkludi kemm għajnuna biex tgħin il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw il-flussi migratorji u kemm għajnuna għall-iżvilupp effettiv u l-kożvilupp;
51. Jistieden lill-Kunsill biex idaħħal il-ko-deċiżjoni u l-vot b'maġġoranza kwalifikata fl-oqsma tal-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni sabiex jitjieb it-teħid tad-deċiżjonijiet u biex jintemm il-proċess mibdi fl-2005 meta l-metodu Komunitarju kien estiż għall-migrazzjoni illegali u l-kontroll tal-fruntieri;
52. Jitlob li titwaqqaf mingħajr dewmien żejjed sistema Ewropea komuni ta' kenn politiku u jħeġġeġ lill-Kunsill biex ineħħi kwalunkwe xkiel li jimpedixxi l-ħolqien tagħha;
53. Iqis il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid bħala prijorità li tagħmel sehem minn strateġija usa' li tiġġieled kontra l-immigrazzjoni illegali; ifakkar fil-ħtieġa ta' regoli komuni ċari, trasparenti u ġusti dwar ir-ritorn; huwa mħasseb li l-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid, iffirmati f'isem l-UE, ma jeskludux mill-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom, b'mod espliċitu, persuni li jfittxu l-kenn u, għalhekk, jistgħu jinvolvu l-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni li jfittxu l-kenn li t-talbiet tagħhom ikunu għadhom ma ġewx iddeterminati fuq il-merti tagħhom, jew li t-talbiet tagħhom ikunu ġew miċħuda jew meqjusa inammissibbli skond l-applikazzjoni tal-kunċett ta' "pajjiż terz sikur"; jitlob għal salvagwardji biex ikun żgurat il-prinċipju tan-non-refoulement;
54. Jirrakkomanda li għandhom ikunu nnegozjati direttivi għall-ħruġ ta' viża ma' pajjiżi terzi fil-kuntest tal-politika Komunitarja ta' l-ammissjoni mill-ġdid, fejn ikun possibbli u fuq il-bażi ta' reċiproċità, bil-għan li tkun żviluppata sħubija reali fuq il-kwistjonijiet tal-kontroll tal-migrazzjoni; jistieden lill-Kunsill biex inaqqas l-ispejjeż tal-viżi sabiex jinkoraġġixxi l-iżviluppi demokratiċi fil-pajjiżi ta' l-ENP u biex ikun evitat li, f'isem is-sigurtà, jinħoloq aktar xkiel għall-vjaġġatur ordinarju leġittimu;
55. Jappoġġa l-Programmi tal-Ħarsien Reġjonali żviluppati mill-Kummissjoni bil-koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi terzi involuti, u jfakkar li hu importanti li jkun żgurat li dawk li jkunu jeħtieġu l-protezzjoni jkunu jistgħu jeħduha malajr kemm jista' jkun, hu x'inhu l-pajjiż jew ir-reġjun li jkunu jinsabu fih;
o
o o
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] ĠU C 166, 7.7.2005, p. 24.
- [2] P6_TA(2007)0032
- [3] ĠU L 281 du 23.11.1995, p. 31.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (*) (26.4.2007)
ghall-Kumitat ghal-Libertajiet Civili, il-Gustizzja u l-Intern
dwar Zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja: strateġija għad-dimensjoni esterna, Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ l-Aja
(2006/2111(INI))
Rapporteur għal opinjoni(*) : Aloyzas Sakalas
(*) Koperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-kumitati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
1. Jappoġġja bil-qawwa l-għan li titfassal strateġija koerenti dwar id-dimensjoni esterna taz-zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja bħala parti integrali mill-politika tar-relazzjonijiet esterni ta' l-UE, kif mitlub mill-komunikazzjoni tal-Kunsill u mid-dokument tal-Kunsill sussegwenti "Strateġija għad-dimensjoni esterna tal-JHA: Libertà, Sigurtà u Ġustizzja Globali"; huwa tal-fehma li l-koperazzjoni ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea, hija essenzjali għall-proċess biex tinbena z-zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – partikolarment fir-rigward ta’ miżuri sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u t-traffikar ta’ immigranti illegali; iqis, għalhekk, li l-assigurazzjoni tal-koperazzjoni tagħhom f’dawn l-oqsma trid tkun objettiv ta’ prijorità ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li jrid ikun hemm bilanċ veru bejn “il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja” u li kwalunkwe miżura ta’ implimentazzjoni skond din l-istrateġija hemm bżonn tqis is-sitwazzjoni speċifika fil-pajjiżi jew fir-reġjuni terzi kkonċernati, filwaqt li żżomm sħiħ mal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea;
2. Iqis li din l-istrateġija hija pass importanti lejn it-twaqqif ta' zona interna ta' libertà, sigurtà u ġustizzja billi toħloq ambjent estern sikur kif ukoll billi ttejjeb ir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE billi tippromwovi l-istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u l-istituzzjonijiet sodi;
3. Jenfasizza, madankollu, li sabiex il-miri ta’ l-istrateġija jintlaħqu, irid ikun hemm koordinazzjoni aħjar bejn l-oqsma ta’ politika rilevanti u l-atturi politiċi, kif ukoll parteċipazzjoni iktar attiva mis-soċjetà ċivili u mill-NGOs, fil-livell kemm Ewropew u kemm nazzjonali;
4. Huwa konvint li l-Parlament Ewropew irid itejjeb il-koerenza ta’ l-attivitajiet tiegħu rigward relazzjonijiet esterni, li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ atturi li joperaw f’oqsma ta’ politika li jikkoinċidu f’xi partijiet; jirrikonoxxi r-riskju għoli ta’ frammentazzjoni permezz tal-ħolqien ta’ entitajiet indipendenti ġodda u huwa tal-fehma li din tista’ ddgħajjef il-kredibilità ta’ l-istituzzjoni kollha; għalhekk jitlob li jkun hemm razzjonalizzazzjoni ta’ l-attivitajiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, mal-governanza demokratika u ma’ l-istat tad-dritt, min-naħa l-waħda, u kunċett iktar wiesa’ ta’ sigurtà, min-naħa l-oħra, billi jinżamm l-irwol ta’ responsabilità tal-kumitat ewlieni li jkollu r-responsabilità fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni; jinnota, bl-istess mod, li hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar ta’ l-attivitajiet ta’ l-atturi kollha li jittrattaw kwistjonijiet ta’ politika dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;
5. Jenfasizza li l-kredibiltà tal-politika esterna ta' l-UE fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt fil-pajjiżi terzi tiddependi ħafna mill-iżvilupp bilanċjat tad-dimensjonijiet interni u esterni tal-politika Ewropea tal-ġustizzja u l-intern; jitlob li jkun hemm kjarifika tal-qasam ta’ applikazzjoni u ta’ l-objettivi tad-dimensjoni esterna tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;
6. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi li ttieħdu biex titjieb il-koerenza fil-koperazzjoni integrata ċivili u militari ta' l-ESDP, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-immaniġġjar ta' kriżi; jitlob, iżda, li jkun hemm iktar koordinazzjoni bejn il-pilastri u li tkun evitata d-duplikazzjoni bejn l-istrumenti varji (CFSP/ESDP, JHA, Komunità) fl-oqsma ta’ politika li jikkoinċidu f’xi partijiet; jenfasizza li l-effettività ta' koordinazzjoni bħal din għandha tkun suġġetta għal reviżjoni kostanti mill-Parlament Ewropew;
7. Jenfasizza li l-proċess ta’ ppjanar ta’ l-operazzjonijiet ESDP għandhom iqisu l-miżuri varji ta’ akkumpanjament jew ta’ segwitu provduti minn strumenti Komunitarji fl-oqsma ta’ l-istat tad-dritt, tat-traffikar ta’ l-armi u d-drogi, tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u tal-ġlieda kontriehom, u ta’ l-istabilizzazzjoni ta’ wara l-konflitt, partikolarment fir-rigward ta’ l-Istrument ta’ Stabilità u ta’ l-ENPI;
8. Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet komuni ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, it-traffikar illegali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem billi jiġi adottat approċċ iktar effettiv u magħqud għall-problemi transkonfinali, filwaqt li tingħata prijorità lil oqsma li huma partikolarment vulnerabbli, bħar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fejn l-eżistenza ta’ “konflitti ffriżati” taffettwa serjament l-infurzar ta’ l-istat tad-dritt, il-koperazzjoni neċessarja bejn l-awtoritajiet u l-iżvilupp demokratiku u ekonomiku;
9. Iqis li l-koerenza bejn il-pilastri tista’ tittejjeb permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat Kostituzzjonali, b’mod partikolari bil-ħolqien tal-kariga tal-Ministru Ewropew għall-Affarijiet Barranin u l-ħolqien ta’ servizz diplomatiku estern;
10. Jemmen li koperazzjoni transatlantika iktar fil-fond fid-dimensjoni iktar wiesgħa tal-libertà u s-sigurtà għandha tissaħħaħ, pereżempju fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, partikolarment bil-ħsieb ta’ l-operazzjonijiet ċivili ta’ l-ESDP fil-futur fil-Kosovo u fl-Afganistan;
11. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet legali jkun fil-qalba tal-politika esterna ta' l-UE fiz-zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; jinsisti li dawn id-drittijiet għandhom ikunu parti integrali minn kwalunkwe strument, programm jew miżura operazzjonali marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni, il-kenn u l-immaniġġjar tal-fruntieri;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fid-djalogi tagħha ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, tintegra evidenza meħuda minn deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u għalhekk biex tippromwovi aktar l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-koperazzjoni li qed isseħħ ma' pajjiżi u reġjuni terzi; jenfasizza l-ħtieġa għall-UE sabiex tuża r-relazzjonijiet u l-istrumenti konvenzjonali tagħha ma’ pajjiżi terzi bħala inċentiv għalihom biex jadottaw u jimplimentaw standards u obbligi internazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet JHA;
13. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tappoġġja l-koperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet ta’ ġustizzja, libertà u sigurtà permezz ta’ entitajiet eżistenti, bħall-Unjoni Afrikana, billi tinkoraġġixxi inizjattivi ġodda f’oqsma fejn il-koperazzjoni reġjonali hija dgħajfa, bħal-Lvant Nofsani u l-Ewropa tal-Lvant;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw rekwiżit li bih l-inizjattivi jew id-dokumenti kollha ta' politika esterna fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għandhom jinkludu rapport ta' konformità mad-drittijiet tal-bniedem, li jkun aġġornat regolarment u ppreżentat lill-Parlament Ewropew; b’mod partikolari, jirrakkomanda lill-Kunsill l-inklużjoni f’kull Dokument bi Skop ta’ Azzjoni (Action Oriented Paper) ta’ taqsima dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż terz ikkonċernat;
15. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kunsill li huma għandhom iqisu l-possibilità li jissupplimentaw attivitajiet iffinanzjati fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja ma’ pajjiżi u reġjuni terzi billi jipprovdu finanzjament speċifiku għal proġetti marbuta mal-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
16. Jinnota li l-kwistjoni ta' l-immigrazzjoni illegali hija parti mid-dibattitu globali dwar l-implikazzjonijiet tal-migrazzjoni fuq il-politika demografika u ta' l-impjiegi; jenfasizza, minbarra dan, li l-attivitajiet ta’ l-UE bil-għan li jindirizzaw il-kawżi bażiċi ta’ l-immigrazzjoni illegali u jtejbu l-kapaċità ta’ pajjiżi terzi li jimmaniġġjaw il-flussi ta’ migrazzjoni u l-fruntieri tagħhom iridu jitwettqu fil-parametri ta’ aġenda umanitarja li ssib bilanċ bejn politika ta’ żvilupp effettiva u t-tnaqqis tal-fatturi li jġiegħlu lill-persuni jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini;
17. Huwa mħasseb li l-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid iffirmati f'isem l-UE ma jeskludux mill-qasam ta' applikazzjoni tagħha, b'mod espliċitu, persuni li jfittxu l-kenn u għalhekk, jistgħu jinvolvu l-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni li jfittxu l-kenn u li t-talbiet tagħhom ikunu għadhom ma ġewx iddeterminati fuq il-merti tagħhom infushom, jew li t-talbiet tagħhom ikunu ġew miċħuda jew meqjusa inammissibbli skond l-applikazzjoni tal-kunċett ta' "pajjiż terz sikur"; jitlob salvagwardji biex jiżguraw li persuni li jfittxu l-kenn ikollhom aċċess għal proċedura ta' kenn ġusta u effettiva, inter alia biex ikun żgurat ir-rispett għall-prinċipju ta' non-refoulement;
18 Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tkun lesta tidħol f’negozjati dwar ammissjoni mill-ġdid u faċilitazzjoni tal-viża mal-pajjiżi ġirien tagħha ladarba jkunu ġew issodisfati l-prerekwiżiti xierqa; jemmen li koperazzjoni effettiva ma’ pajjiżi kandidati, assoċjati u ġirien dwar l-immigrazzjoni illegali, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-immaniġġjar effiċjenti tal-konfini tista’ tgħin fid-diskussjonijiet dwar il-prospett fit-tul ta’ vjaġġi mingħajr viża;
19. Jenfasizza n-natura b’ħafna lati tar-reazzjonijiet disponibbli għall-UE fl-azzjoni esterna sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu u l-kawżi bażiċi tiegħu u jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw b’mod koerenti l-mezzi kollha disponibbli, skond il-Karta tan-NU; jitlob li jerġa’ jinfetaħ id-dibattitu fin-NU dwar id-definizzjoni komuni tat-terroriżmu u ta’ l-għeruq tiegħu;
20. Itenni l-proposta tiegħu li l-politika ta’ l-UE kontra t-terroriżmu ssir iktar koerenti u effettiva fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari: billi jiżdied id-djalogu ma' msieħba ewlenin, filwaqt li jkunu rispettati l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem; billi tissaħħaħ il-koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali li għandhom irwol ewlieni fiż-żamma tal-paċi u fis-sigurtà globali; billi jiġu mfittxija soluzzjonijiet b’mod attiv għall-konflitti vjolenti interni u reġjonali; u bl-implimentazzjoni stretta tal-klawsola kontra t-terroriżmu fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, mingħajr ma taffettwa t-tifsira tal-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem;
21. Jinnota medda wiesgħa ta' kwistjonijiet differenti ħafna koperti mill-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ma' pajjiżi terzi; jenfasizza fir-rigward tal-prijoritajiet iddikjarati li, filwaqt li l-iżvilupp ta’ kapaċità istituzzjonali u koperazzjoni operattiva huma importanti, l-attivitajiet ta’ l-UE f’dawk l-oqsma għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ standards universali tad-drittijiet tal-bniedem.
PROĊEDURA
Titolu |
Zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja: strateġija għad-dimensjoni esterna, Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ l-Aja |
|||||||||
Numru tal-Proċedura |
||||||||||
Kumitat responsabbli |
LIBE |
|||||||||
Opinjoni mogħtija minn |
AFET |
|||||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
18.5.2006 |
|||||||||
Rapporteur għal opinjoni |
Aloyzas Sakalas |
|||||||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
- |
|||||||||
Eżami fil-kumitat |
28.8.2006 22.3.2007 |
21.11.2006 12.4.2007 |
28.11.2006 |
23.1.2007 |
|
|||||
Data ta' l-adozzjoni |
12.4.2007 |
|||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 1 0 |
||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Christopher Beazley, Panagiotis Beglitis, Michael Gahler, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Richard Howitt, Bogdan Klich, Eugen Mihăescu, Francisco José Millán Mon, Cem Özdemir, Ioan Mircea Paşcu, Tobias Pflüger, Bernd Posselt, Jacek Saryusz-Wolski, Gitte Seeberg, Marek Siwiec, Konrad Szymański, Antonio Tajani, Jan Marinus Wiersma |
|||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Alexandra Dobolyi, Árpád Duka-Zólyomi, Glyn Ford, Tunne Kelam, Aloyzas Sakalas |
|||||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Wiesław Stefan Kuc, Marcin Libicki |
|||||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
|||||||||
PROĊEDURA
Titolu |
Strateġija dwar id-dimensjoni esterna tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja |
||||||||||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||||||||||
Kumitat responsabbli |
LIBE |
||||||||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
AFET |
|
|
|
|
||||||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
||||||||||
Koperazzjoni iktar mill-qrib |
AFET |
|
|
|
|
||||||||||
Rapporteur(s) |
Bogdan Klich |
|
|||||||||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
|||||||||||||
Eżami fil-kumitat |
12.7.06 |
24.1.07 |
21.3.07 |
11.4.07 |
21.3.07 |
5.6.07 |
|||||||||
Data ta’ l-adozzjoni |
5.6.2007 |
||||||||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ - 0 |
38 1 0 |
|||||||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Giovanni Claudio Fava, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Elly de Groen-Kouwenhoven, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Dan Mihalache, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Inger Segelström, Károly Ferenc Szabó, Adina-Ioana Vălean, Manfred Weber |
||||||||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Simon Busuttil, Gérard Deprez, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in 't Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Bogdan Klich, Jean Lambert, Marianne Mikko, Hubert Pirker, Rainer Wieland |
||||||||||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Aloyzas Sakalas |
||||||||||||||
Data tat-tressiq |
11.6.2007 |
||||||||||||||
Kummenti |
|
||||||||||||||