RAPPORT dwar problemi speċifiċi fit-Traspożizzjoni u fl-Implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi u r-relazzjoni tagħha ma’ l-aġenda ta’ Liżbona

    11.6.2007 - (2006/2084(INI))

    Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
    Rapporteur: Arlene McCarthy

    Proċedura : 2006/2084(INI)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A6-0226/2007
    Testi mressqa :
    A6-0226/2007
    Testi adottati :

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar problemi speċifiċi fit-Traspożizzjoni u fl-Implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi u r-relazzjoni tagħha ma’ l-aġenda ta’ Liżbona

    (2006/2084(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    –    wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    –    wara li kkunsidra d-Direttiva 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għotja ta' kuntratti ta' appalt pubbliku[1],

    –    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta' appalt ta' entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet[2],

    –    wara li kkunsidra d-Direttiva 93/37/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għotja ta' kuntratti ta' appalt pubbliku għal xogħolijiet[3],

    –    wara li kkunsidra d-Direttiva 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għotja ta' kuntratti ta' appalt pubbliku għal forniment[4],

    –    wara li kkunsidra d-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1997 li temenda d-Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE u 93/37/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għotja ta' kuntratti ta' appalt pubbliku għal servizzi, kuntratti ta' appalt pubbliku għal fornimenti u kuntratti ta' appalt pubbliku għal xogħolijiet rispettivament[5],

    –    wara li kkunsidra d-Direttiva 98/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 li temenda d-Direttiva 93/38/KE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta' appalt għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet[6],

    –    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta' appalt ta' entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija u tat-trasport (COM(2000)0276),

    –    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-koordinament tal-proċeduri għall-għotja ta' kuntratti ta' appalt pubbliku għal forniment, kuntratti ta' appalt pubbliku għal servizzi u kuntratti ta' appalt pubbliku għal xogħolijiet (COM(2000)0275),

    –    wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali dwar il-leġiżlar aħjar[7],

    –    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għotja ta' kuntratti ta' appalt pubbliku għal xogħolijiet, kuntratti ta' appalt pubbliku għal forniment u kuntratti ta' appalt pubbliku għal servizzi[8],

    –    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta' appalt għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali[9],

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0226/2007),

    A.  billi l-liġi Komunitarja dwar l-appalt pubbliku għandha l-għan li tiftaħ is-swieq pubbliċi fl-Istati Membri għall-kompetizzjoni transkonfinali, b'hekk toħloq kundizzjonijiet ugwali għall-fornituri u tappoġġja l-iżvilupp tas-suq intern;

    B. billi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta u fil-ħin tal-leġiżlazzjoni dwar l-appalt pubbliku tikkontribwixxi b'mod sinifikanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-programm ta' l-UE dwar regolamentazzjoni aħjar;

    C.  billi d-Direttiva l-ġdida dwar is-settur pubbliku (2004/18/KE) tgħaqqad tliet Direttivi preċedenti għal xogħolijiet, servizzi u fornimenti, b'hekk tiċċara u timmodernizza r-regoli preċedenti;

    D.  billi d-Direttivi l-ġodda jintroduċu dispożizzjonijiet u regoli mhux obbligatorji ġodda li jipprovdu għal aktar flessibilità għall-awtoritajiet li jaġġudikaw u filwaqt li tista' tintlaħaq żieda fl-effiċjenza ġenerali ta' l-appalt pubbliku billi jiġu introdotti l-elementi mhux obbligatorji tad-Direttiva (2004/18/KE) l-ġdida dwar is-settur pubbliku peress li dawn inaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet;

    E.   billi d-Direttiva l-ġdida li tikkoordina l-proċeduri ta' appalt ta' entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali (2004/17/KE) tintroduċi mekkaniżmu ta' eżenzjoni għal attivitajiet li huma miftuħa kompletament għall-kompetizzjoni madwar l-UE;

    F.   billi l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttivi l-ġodda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet iffissata għall-31 ta' Jannar 2006 u filwaqt li s'issa 20 biss minn 27 Stat Membru daħħluhom; billi d-dewmien fit-traspożizzjoni joħloq kondizzjonijiet mhux ugwali madwar l-UE;

    G.  billi jistgħu jqumu ċertu barrieri għall-kummerċ jekk l-elementi mhux obbligatorji fid-Direttiva l-ġdida dwar is-settur pubbliku ma jiġux implimentati b'mod konsistenti mill-Istati Membri kollha;

    H.  billi l-Kummissjoni hija limitata li toffri assistenza lill-Istati Membri fuq bażi volontarja fil-proċess ta' traspożizzjoni, li konsegwentament mhux dejjem tkun assigurata b'mod effettiv;

    I.    billi l-aktar barrieri msemmija spiss għal traspożizzjoni sodisfaċenti huma n-nuqqas ta' kapaċità legali nazzjonali jew ta' riżorsi umani u n-nuqqas ta' rieda politika fl-Istati Membri;

    J.    billi l-iskorbord tas-suq intern ta' Diċembru 2006 jinnota titjib sinifikattiv fir-rati ta' traspożizzjoni;

    K.  billi l-maġġoranza ta' l-appalt pubbliku suġġett għad-Direttivi jikkonforma mar-regoli, u għalhekk allegazzjonijiet li s-suq intern fil-qasam ta' l-appalt pubbliku qed ifalli u jhedded il-kisba tal-miri ta' l-Aġenda ta' Liżbona huma infondati;

    L.   billi madankollu, hemm problemi fil-ġbir ta' dejta dwar l-appalt pubbliku marbuta partikularment ma' numru kbir ta' awtoritajiet kontraenti u ma' reġistri inkompluti jew applikazzjoni ħażina tar-regoli;

    M.  billi l-Kummissjoni tinsab mħassba bin-numru ta' għotjiet diretti illegali;

    N.  billi l-għotjiet diretti illegali jseħħu b'riżultat ta' numru ta' fatturi li jinkludi li jinftehmu ħażin ir-regoli ta' l-appalt pubbliku kif stipulati fid-Direttivi, fil-prinċipji tat-Trattat u fid-deċiżjonijiet relevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; żbalji magħmula f'appalti kumplessi; estenzjonijiet ta' l-oqfsa lil hinn mill-iskop jew tul ta' żmien oriġinali tagħhom; allegati prattiċi ta' korruzjoni; l-evitar ta' tulijiet ta' żmien twal assoċjati mal-pubbliċità ta' l-UE; u rekwiżiti ta' appalt nazzjonali elaborati bla bżonn, bħal arranġamenti elettroniċi kumplessi dwar xiri;

    O.  billi hemm tħassib li l-kriterji ambjentali jew soċjali stipulati fid-Direttiva l-ġdida dwar is-settur pubbliku għandhom potenzjal li jiġu applikati ħażin;

    P.   billi l-kapaċità tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni legali mill-ewwel u b'mod sistematiku fil-każijiet ta' applikazzjoni ħażina tar-regoli hija limitata min-nuqqas ta' riżorsi umani xierqa;

    Q.  billi r-reġistri dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni jistgħu jittejbu bil-promozzjoni tal-professjonaliżmu u l-aħjar prassi fil-politiki ta' appalt pubbliku fuq il-livell ta' l-Istat Membru;

    R.  billi f'numru ta' Stati Membri, l-aħjar prassi ġew kodifikati f'sistemi ta' reviżjoni effettiva ta' l-appalt;

    S.  billi l-appalt pre-kummerċjali ġie identifikat bħala opportunità li għadha ma ġietx sfruttata fl-Ewropa sabiex il-ħtiġijiet pubbliċi bħala mutur għall-innovazzjoni; billi l-appalti pre-kummerċjali jistgħu jiġu organizzati fi ħdan l-oqfsa legali eżistenti stipulati fil-Ftehima ta' l-Appalti al-Gvern tad-WTO, id-Direttivi tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku, it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, il-liġi tal-kompetizzjoni inkluża l-liġi dwar l-għajnuna ta' l-istat u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

    Introduzzjoni

    1.   Jilqa' l-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni riċenti tar-regoli dwar l-appalti pubbliċi ta' l-UE li taw spinta sinifikanti lill-effiċjenza tal-proċess ta' l-appalt pubbliku ta' l-UE;

    It-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-appalt pubbliku

    2.   Jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ ta' l-assistenza tal-Kummissjoni fil-proċess ta' traspożizzjoni;

    3.   Jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tingħata r-riżorsi umani biex tikkontrolla, b'aktar effikaċja, it-traspożizzjoni li ssir tard jew b'mod mhux tajjeb;

    4.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju effettiv ta' l-għarfien u ta' l-aħjar prassi bejniethom dwar it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-appalt pubbliku u jtejbu l-koperazzjoni mal-Kummissjoni f'dan il-qasam;

    5.   Jikkunsidra li t-traspożizzjoni inkonsistenti ma' l-elementi mhux obbligatorji tad-Direttiva l-ġdida dwar is-settur pubbliku jista' jkollha effett ħażin fuq is-suq intern u b'hekk jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-adozzjoni ta' l-għażliet flessibbli kollha; jenfasizza b'mod partikulari li dawn l-għażliet jistgħu jnaqqsu r-riskju ta' prattiċi illegali;

    6.   Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel studju biex tevalwa l-impatt ta' traspożizzjoni mhux armonizzata ta' l-elementi mhux obbligatorji tad-Direttiva l-ġdida tas-settur pubbliku fuq l-appalt transkonfinali fl-UE;

    L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-appalt pubbliku

    7.   Jemmen bis-sħiħ li jistgħu jitnaqqsu l-ksur tar-regoli jekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni jintroduċu aktar prattiċi kollaborattivi; għalhekk jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jippromwovu b'mod attiv skambji informali fi stadju bikri;

    8.  Jikkunsidra li, minħabba n-numru ta' ksur, il-Kummissjoni għandha tingħata aktar riżorsi umani biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-appalt pubbliku b'mod aktar effettiv;

    9.   Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-Kummissjoni b'dejta suffiċjenti dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar l-appalt pubbliku; barra minn hekk iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jaħdmu flimkien biex iżidu l-kapaċità għal ġbir aħjar ta' dejta u għal kontroll aħjar ta' problemi ta' traspożizzjoni u ta' implimentazzjoni;

    10. Jistieden sabiex ikunu introdotti aġenziji konsultattivi nazzjonali dwar l-appalt pubbliku biex jgħinu lill-awtoritajiet kontraenti fl-implimentazzjoni korretta tar-regoli ta' l-appalt pubbliku, u biex jassistu lill-offerenti, partikularment lill-intrapriżi żgħar u medji, fl-offerti għal appalti pubbliċi;

    11. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiffukaw fuq l-isforzi nazzjonali biex jidentifikaw u jikkastigaw il-prattiċi illegali u jiżguraw li d-deċiżjonijiet rilevanti kollha tal-Qrati nazzjonali u s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jkunu rrispettati;

    12. Jenfasizza li l-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim jistgħu jkunu kumplimentarji għar-rimedji formali fl-appalt pubbliku u għandhom jibbenefikaw minn visibilità akbar;

    13. Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri sabiex jikkordinaw u jissimplifikaw it-tekniki ta' aġġudikazzjoni biex jiffaċċilitaw l-aċċess għal tali appalti;

    14. Jilqa' l-manwal tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterji ambjentali;

    15. Jilqa' l-istudju kontinwu tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' kriterji soċjali sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tajba u effettiva ta' dawk il-kriterji; jistieden sabiex ikun hemm linjigwida ppubblikati dwar l-applikazzjoni tal-kriterji soċjali dwar it-tlestija ta' l-istudju;

    It-titjib ta' l-aħjar prattiċi fl-appalt pubbliku

    16. Jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jiddedikaw aktar kapaċità fiż-żieda tal-livell ta' professjonaliżmu fl-appalt u l-kondiviżjoni ta' l-aħjar prattiċi fuq il-livell nazzjonali sabiex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti u ugwali tar-regoli ta' appalt pubbliku mill-awtoritajiet kontraenti kollha u fl-oqsma tar-regoli fejn huma anqas ċari, partikularment dawk barra l-ambitu sħiħ tad-Direttivi;

    17. Juri li t-taħriġ sistematiku madwar l-UE ta' professjonisti fl-appalt għandu jtejjeb it-trasparenza tal-miżuri u l-proċeduri nazzjonali ta' implimentazzjoni fl-appalt pubbliku madwar l-UE;

    18. Jenfasizza li fl-appalt pubbliku hemm bżonn ta' bidla biex ikun hemm tbegħid minn approċċ ibbażat fuq il-baġit lejn approċċ ibbażat fuq ir-riżultati, b'ħarsa lejn l-ispejjeż kollha taċ-ċiklu tal-proġett u hu meħtieġ li l-professjonisti aġġudikanti jiżviluppaw kapaċitajiet tajba ekonomiċi u ta' mmaniġjar ;

    19. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, bi sħubija ma' l-Istati Membri, sabiex ittejjeb it-tixrid ta' l-għarfien fil-qasam ta' l-appalt pubbliku fuq il-livell ta' l-UE;

    20. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' 'konferenzi ta' wiri' nazzjonali dwar l-appalt, fejn jintwerew l-aħjar proġetti ta' appalt pubbliku u l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-ħidma ta' netwerks Ewropej għall-iskambju ta' l-aħjar prattiċi fl-appalt pubbliku;

    21. Jinkoraġġixxi l-użu ta' l-appalt pre-kummerċjali mill-Istati Membri, ibbażat fuq il-kondiviżjoni tal-benefiċċju tar-riskju bejn min jakkwista u l-fornituri bil-ħsieb li jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovativi biex jindirizzaw problemi speċifiċi ta' interess pubbliku, bħala għodda effettiva ta' mutur għall-innovazzjoni fl-UE;

    Konklużjoni

    22. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipproponi pjan ta' azzjoni biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iwettqu l-obbligi tagħhom li jittrattaw il-problemi ta' traspożizzjoni u ta' implimentazzjoni persistenti u li qed iqumu fl-appalt pubbliku, b'iffukar fuq l-għotjiet diretti illegali u traspożizzjoni tard jew mhux korretta;

    *

    * *

    23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, lill-Ombudsman Ewropew, u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

    • [1]  ĠU L 209, 24.7.1992, p.1-24..
    • [2]  ĠU L 199, 9.8.1993, p. 84–138.
    • [3]  ĠU L 199, 9.8.1993, p. 54-83.
    • [4]  ĠU L 199, 9.8.1993, p. 1-53.
    • [5]  ĠU L 328, 28.11.1997, p. 1-59.
    • [6]  ĠU L 101, 1.4.1998, p. 1-16.
    • [7]  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
    • [8]  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114-240.
    • [9]  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1–113

    NOTA SPJEGATTIVA

    Id-Direttivi l-ġodda ta’ l-2004 dwar l-appalt pubbliku jistabbilixxu qafas ta’ standards minimi applikabbli għall-Istati Membri u jiġbru fihom ukoll żviluppi rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Sabiex iżommu l-pass ma' l-ispinta għal regolamentazzjoni aħjar fl-UE, id-Direttivi għandhom il-għan li jissimplifikaw u jimmodernizzaw id-Direttivi individwali preċedenti dwar l-appalt pubbliku.

    Peress li l-appalt pubbliku jammonta għal aktar minn 16% tal-Prodott Gross Domestiku ta' l-UE, u fil-kuntest ta' l-isfidi li joffri t-tkabbir ta' l-UE, il-preferenzi ma' kuntratturi nazzjonali favoriti u nuqqasijiet oħra fl-għotja ta' kuntratti fuq bażi kompetittiva huma theddida kontinwa għas-saħħa ta' Suq Intern li issa kiber.

    Biex jinżamm il-pass mal-programm ta' regolamentazzjoni aħjar ta' reviżjoni ta' l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, il-Kumitat għas-Suq Intern u għall-Ħarsien tal-Konsumatur għażel li jħares lejn il-problemi li jqumu wara l-introduzzjoni tad-Direttivi l-ġodda dwar l-Appalt Pubbliku, b'iffukar fuq problemi pendenti jew ġodda u fuq l-identifikazzjoni ta' l-aktar soluzzjonijiet prattiċi u effettivi biex jissolvew.

    Ir-rimedju tal-Komunità biex titratta t-traspożizzjoni tardiva huwa l-ftuħ ta’ kawża kontra l-Istati Membri fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (skond il-proċeduri fl-Artikolu 226 jew 228). Inkella, il-Kummissjoni tista' biss tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jikkoperaw flimkien u mal-Kummissjoni b'mod aktar attiv meta ssir it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-appalt pubbliku.

    Barra minn hekk, id-dejta dwar il-kuntratti pubbliċi ta’ l-UE għadha inkompleta. Il-ġbir tad-dejta huwa mfixkel l-aktar mill-għadd kbir ta’ awtoritajiet kontraenti u l-proporzjon għoli ta’ kuntratti eżenti mir-riklamar fil-ĠUUE. Barra dan, huwa diffiċli ferm li tissorvelja l-livelli ta’ prattika ta’ kuntratti diskriminatorji billi l-kumpaniji spiss jagħżlu li ma jilmentawx għax jibżgħu li jiġu ttimbrati ħażin. L-ispiża biex isiru studji utli hija għolja ħafna u r-riżultati huma ħafna drabi inkonklużivi.

    Għalkemm ħafna mill-akkużi huma frivoli, il-preferenzi fl-għotja tal-kuntratti għandhom it-tendenza li jsiru każijiet politikament sensittivi, u għax il-livelli ta' professjonaliżmu fl-appalt pubbliku mhumiex konsistenti fis-settur pubbliku kollu. In-nuqqas ta' konsistenza fil-professjonaliżmu fl-appalt għadha problema sinifikanti bħalma ġeneralment huma l-perizji għal appalti jew akkwisti kumplessi li mhumiex koperti jew mhumiex koperti kompletament mid-Direttivi. Apparti t-titjib elenkat fid-Direttiva tar-rimedji ġodda, għandhom ikunu rrakkomandati t-tixrid ta’ l-aħjar prattika u l-kondiviżjoni ta’ esperjenzi pożittivi madwar l-UE.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra l-għotjiet diretti illegali bħala l-aktar ksur serju tar-regolamenti dwar l-appalt pubbliku, u esprimiet tħassib serju dwar il-persistenza tagħhom. Partikularment, il-limitazzjonijiet ta' riżorsi umani jillimitaw l-abilità tal-Kummissjoni li sistematikament tieħu azzjoni legali effettiva f'kull każ. Barra dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm nuqqas fir-rimedji effettivi għall-għotjiet diretti illegali. Xi awtoritajiet anke ma jagħtux każ is-sentenzi tal-qorti nazzjonali. Is-sanzjonijiet għandhom jagħtu prijorità lill-każijiet ta’ disprezz lejn il-qorti. Ukoll, rapport riċenti tal-Bank Dinji wera problemi persistenti, jekk mhux b'żieda, ta’ korruzzjoni. Soluzzjoni waħda tista' tkun dik ta' kapaċità akbar fil-Kummissjoni, imma f'dan ir-rapport huma proposti numru ta' approċċi oħra.

    L-elementi mhux obbligatorji tad-Direttiva l-ġdida dwar is-settur pubbliku jippermettu aktar flessibilità lill-awtoritajiet aġġudikanti fl-Istati Membri. Dawn l-għażliet huma l-aktar: l-użu ta’ korpi tax-xiri ċentrali; djalogu kompetittiv; ftehimiet qafas; sistemi dinamiċi ta' akkwisti, u irkanti elettroniċi. In-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ ċerti għażliet jeffettwa primarjament l-Istati Membri kkonċernati li mhux se jibbenefikaw mill-effiċjenza u mit-tnaqqis fl-ispejjeż li jirriżultaw xorta waħda kemm għax-xerrejja kif ukoll għall-appaltaturi. Dawn l-għażliet jistgħu jnaqqsu l-prattiċi mhux korretti fl-appalt, imma bħala eżempju, sakemm dawn l-għażliet iwasslu għall-aggregazzjoni fid-domanda jew għar-razzjonalizzazzjoni, trid tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li l-SMEs xorta jkunu jistgħu jagħmlu l-offerta b’kundizzjonijiet ugwali bħal fornituri akbar. Tekniċi ta' akkwisti elettroniċi u l-użu ta' Oqfsa għandhom jiġġeneraw tifdil fl-ispejjeż u fl-effiċjenza imma hemm ukoll tħassib dwar l-użu improprju, eżempju l-oqfsa ta' suċċess jistgħu jkunu l-vittmi tas-suċċess tagħhom stess u l-oqfsa jistgħu jikbru b'mod illegali lil hinn mill-ambitu ppubbliċizzat u l-valur tagħhom.

    Hemm numru ta' prattiċi tajba eżistenti u kkodifikati fl-appalt pubbliku f'ċerti Stati Membri li jistgħu jservu ta' eżempji utli għal oħrajn, eżempju s-sistema kontinwa ta' reviżjoni inter pares li qegħda fis-seħħ fi proġetti ta' appalt pubbliku jew fi programmi kbar fir-Renju Unit, magħrufa bħala l-proċess ta' reviżjoni ta' l-OGC Gateway. Ukoll, hemm l-irwol għall-iżvilupp ta' aġenziji konsultattivi fl-Istati Membri biex jassistu lill-Awtoritajiet Kontraenti fl-implimentazzjoni ta' regoli ta' appalt pubbliku u biex jassistu lill-offerenti, partikularment lill-SMEs, fl-offerti tagħhom fil-kuntratti pubbliċi.

    Fl-aħħarnett, id-Direttiva l-ġdida għandha l-għan li tiċċara kif għandhom jintlaħqu r-rekwiżiti ambjentali u soċjali filwaqt li jiġu osservati r-regoli ta’ l-UE. Il-kriterji ambjentali u soċjali huma kompletament kompatibbli ma' l-appalti transkonfinali effiċjenti. Madankollu, huwa neċessarju li jkun żgurat li l-awtoritajiet aġġudikattivi ma japplikawx dawn il-kriterji b'mod li jiddiskrimina kontra kumpaniji fi Stati Membri oħra.

    Fi ftit kliem, filwaqt li l-problemi wara n-nuqqas ta' traspożizzjoni u ta' implimentazzjoni jibqgħu kumplessi, dan ir-rapport jiffoka fuq medda ta' metodi formali u informali biex tittejjeb il-prestazzjoni madwar l-UE f'dan il-qasam importanti.

    OPINJONI TAL- KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI (11.6.2007)

    għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

    dwar il-problemi speċifiċi fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-legiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi u r-relazzjonijiet tagħhom ma' l-Aġenda ta’ Liżbona
    (2006/2084(INI))

    Rapporteur għal opinjoni: Alain Lipietz

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

    A.      billi l-Istrateġija ta' Liżbona tipproponi l-implimentazzjoni ta' "Stat soċjali attiv u dinamiku"[1] waqt li "jiġu segwiti objettivi bħall-impjiegi, l-iżvilupp reġjonali, l-ambjent..."[2], u li hemm bżonn li dawn l-objettivi jsiru koerenti mar-regoli dwar il-kompetittività u tingħatalhom ċertezza legali,

    B   billi l-kuntratti pubbliċi qed jiżdiedu fl-importanza tagħhom għat-tkabbir ekonomiku ta' l-UE u għas-suq intern tagħha,

    C. billi d-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE kienu adottati bil-għan li jkun issimplifikat il-qafas legali, sabiex tinħoloq ċertezza legali u sabiex dan il-qafas ikun adattat għat-tibdil teknoloġiku u għaċ-ċirkustanzi ekonomiċi,

    D. billi xi wħud mill-elementi l-ġodda introdotti minn dawk id-Direttivi mhumiex obbligatorji u billi, għalhekk, it-traspożizzjoni tagħhom tista' twassal għal riżultati leġiżlattivi differenti fl-Istati Membri,

    E.  billi d-Direttivi 2004/18 u 2004/17 ma jagħtux definizzjoni ċara ta' kuntratti interni ('in house' contracts) jew ta' forom differenti oħra ta' sħubija pubblika-privata,

    F.       billi l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizza f'dak li għandu x'jaqsam ma' kuntratti interni hija limitata li tindika fis-sentenzi[3] tagħha każi li jiġġustifikaw eċċezzjoni għar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi,

    G       billi diversi Stati Membri jħeġġu lill-awtoritajiet lokali biex jistabilixxu sħubijiet istituzzjonalizzati pubbliku-pubbliku li dwarhom m'hemmx każistika stabbilita,

    H       billi l-Qorti pproponiet kriterji li jippermettu li ċertu sħubijiet istituzzjonalizzati pubbliku-privat jintrabtu ma' kuntratti interni[4],

    I.        billi l-Qorti, b'konformità ma' l-Istrateġija ta' Liżbona, iddeterminat li l-ewwel kriterju fl-għoti ta' kuntratti pubbliċi għandu jkun il-massimizzazzjoni tal-benifiċċju għall-popolazzjoni lokali[5],

    J.   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar sħubijiet pubbliċi-privati u l-liġi tal-Komunità dwar il-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet[6],

    1.  Jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-inċertezza legali kbira dwar l-applikazzjoni tal-kriterji interni, sabiex tiżviluppa l-kriterji bbażati fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li jwaqqfu qafas ta' riferenza stabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri kollha;

    2.       Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti dettalji supplimentari dwar il-kunċett ta' "awtorità pubblika" biex jiġu stabbiliti liema forom ta' sħubija pubbliku-pubbliku jaqgħu fi ħdan is-sussidjarjetà u li mhumiex suġġetti għar-regoli tas-swieq pubbliċi;

    3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali tagħhom sabiex isegwu l-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja meta jwaqqfu s-sħubijiet istituzzjonalizzati pubbliku-pubbliku ;

    4.       Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta l-kriterji tal-Qorti u l-objettivi stabbiliti mis-Samit ta' Liżbona[7] fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-attività ta' għoti ta' l-Istat soċjali attiv u dinamiku;

    5.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex isaħħaħ l-irwol tagħha fl-għajnuna lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttivi ta' Kuntratti Pubbliċi, b'mod partikolari rigward l-elementi innovattivi mhux obbligatorji b'konformità mal-kriterji tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżidu l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jevitaw prassi illegali ta' għoti ta' kuntratti billi jgħollu l-livell ta' professjonalità fl-għoti u billi jxerrdu l-aħjar prassi, b'mod partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Problemi speċifiċi fit-Traspożizzjoni u fl-Implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi u r-relazzjoni tagħha ma’ l-aġenda ta’ Liżbona

    Numru tal-proċedura

    2006/2084(INI)

    Kumitat responsabbli

    IMCO

    Opinjoni mogħtija minn
      Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    JURI
    6.4.2006

    Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

     

    Rapporteur għal opinjoni
      Data tal-hatra

    Alain Lipietz
    30.5.2006

    Rapporteur(s) preċedenti

     

    Eżami fil-kumitat

    21.12.2006

    11.4.2007

    11.6.2007

     

     

    Data ta' l-adozzjoni

    11.6.2007

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    18

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Carlo Casini, Cristian Dumitrescu, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Alain Lipietz, Antonio Masip Hidalgo, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Janelly Fourtou, Luis de Grandes Pascual, Kurt Lechner, Michel Rocard, Gabriele Stauner, József Szájer

    Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

     

    Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss)

    ...

    PROĊEDURA

    Titolu

    dwar problemi speċifiċi fit-Traspożizzjoni u fl-Implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi u r-relazzjoni tagħha ma’ l-aġenda ta’ Liżbona

    Numru tal-proċedura

    2006/2084(INI)

    Kumitat risponsabbli

    IMCO

    Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja (Artikolu 45)

    6.4.2006

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
      Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    JURI
    6.4.2007

     

     

     

     

    Rapporteur(s)
      Data tal-ħatra

    Arlene McCarthy

    21.2.2006

     

    Eżami fil-kumitat

    10.7.2006

    12.4.2007

    8.5.2007

    4.6.2007

     

    Data ta' l-adozzjoni

    5.6.2007

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    33

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Daniela Buruiană-Aprodu, Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Mia De Vits, Rosa Díez González, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Edit Herczog, Pierre Jonckheer, Alexander Lambsdorff, Kurt Lechner, Lasse Lehtinen, Toine Manders, Arlene McCarthy, Béatrice Patrie, Zita Pleštinská, Giovanni Rivera, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Alexander Stubb, Eva-Britt Svensson, Marianne Thyssen, Horia-Victor Toma, Jacques Toubon, Barbara Weiler

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Wolfgang Bulfon, André Brie, Manuel Medina Ortega, Diana Wallis

    Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2))
    preżenti għall-votazzjoni finali

    Cristobal Montoro Romero, Paul Rübig

    Data tat-tressiq

    11.6.2007

    Kummenti
    (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

     

    • [1]  Ara l-paragrafu 24
    • [2]  Ara l-paragrafu 17
    • [3]  Każ C-107/98 Teckal [1999] ECR I-08121, para. 50; Każ C-26/03 Stadt Halle [2005] ECR I-1, para. 49; Każ C-458/03 Parking Brixen [2005] ECR I-8612, para. 49.
    • [4]  Maġġoranza tal-kapital, subordinazzjoni għall-awtorità territorjali, attività essenzjalment imwettqa fit-territorju tagħhom
    • [5]  U mhux il-minimizzazzjoni ta' l-ispejjeż għall-awtoritajiet lokali. Dan huwa implikat fis-sentenza tas-17 ta' Settembru 2002 fil-Każ C-513/99 Concordia [2002] ECR I-7213.
    • [6]  Testi adottati, P6_TA(2006)0462.
    • [7]  B'mod partikolari dawk relatati ma' l-impjiegi lokali u l-ambjent.